Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-13 ta' Diċembru 2007 (talba għal deċiżjoni preliminari mill-Bundesfinanzhof - Il-Ġermanja) - Landesanstalt für Landwirtschaft vs Franz Götz

(Kawża C-408/06)1

(Sitt Direttiva tal-VAT - Attività ekonomika - Persuni taxxabbli - Korpi rregolati mid-dritt pubbliku - Uffiċċju ta' bejgħ tal-kwoti tal-ħalib - Tranżazzjonijiet ta' l-aġenziji ta' intervent agrikolu u tal-ħwienet għall-impjegati - Distorsjonijiet sinjifikanti tal-kompetizzjoni - Suq ġeografiku)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesfinanzhof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Landesanstalt für Landwirtschaft

Konvenut: Franz Götz

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Bundesfinanzhof - Interpretazzjoni tat-tieni u t-tielet subparagrafi ta' l-Artikolu 4(5) u tal-punti 7 u 12 ta' l-Anness D tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KE tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (ĠU L 145, p.1) - Fatturazzjoni mingħajr indikazzjoni separata tal-VAT ta' allokazzjoni ta' kwantitajiet ta' referenza ta' ħalib - Evalwazzjoni tal-kwalità ta' persuna taxxabbli għal korp stabbilit minn Land u inkarigat mit-trasferiment ta' kwantitajiet ta' referenza ta' ħalib lill-produtturi tal-ħalib taħt ħlas minn qabel

Dispożittiv

Uffiċċju ta' bejgħ ta' kwoti tal-ħalib ma hu la aġenzija ta' intervent agrikolu fis-sens tat-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 2001/41/KE tad-19 ta' Jannar 2001, moqri flimkien mal-punt 7 ta' l-Anness D ta' l-istess direttiva, u lanqas ħanut għall-impjegati fis-sens ta' l-imsemmi tielet paragrafu ta' l-Artikolu 4(5) moqri flimkien mal-punt 12 ta' l-Anness D ta' l-imsemmija direttiva.

Il-fatt li uffiċċju ta' bejgħ ta' kwoti tal-ħalib ma jkunx taxxabbli fir-rigward ta' l-attivitajiet jew it-tranżazzjonijiet li dan l-uffiċċju jwettaq bħala awtorità pubblika, skond l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva 77/388 kif emendata mid-Direttiva 2001/41, ma jistax jikkostitwixxi distorsjonijiet sinjifikanti tal-kompetizzjoni, minħabba l-fatt li mhuwiex ikkonfrontat, f'sitwazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, b'operaturi privati li jipprovdu servizzi li jikkompetu mas-servizzi pubbliċi. Peress li din il-kunsiderazzjoni tgħodd għal kull uffiċċju ta' bejgħ ta' kwoti tal-ħalib li jopera f'żona partikolari ta' trasferiment tal-kwantitajiet ta' referenza, iddefinita mill-Istat Membru kkonċernat, għandu jiġi indikat li l-imsemmija żona tikkostitwixxi s-suq ġeografiku rilevanti biex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta' distorsjonijiet sinjifikanti tal-kompetizzjoni.

____________

1 - ĠU C 310, 16.12.2006