Language of document : ECLI:EU:C:2007:789

Kawża C‑408/06

Landesanstalt für Landwirtschaft

vs

Franz Götz.

(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja))

“Sitt Direttiva tal-VAT — Attività ekonomika — Persuni taxxabbli — Korpi rregolati mid-dritt pubbliku — Uffiċċju ta’ bejgħ tal-kwoti tal-ħalib — Tranżazzjonijiet ta’ l-aġenziji ta’ intervent agrikolu u tal-ħwienet għall-impjegati — Distorsjonijiet sinjifikanti tal-kompetizzjoni — Suq ġeografiku”

Sommarju tas-sentenza

1.        Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Attivitajiet ekonomiċi fis-sens ta’ l-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 4)

2.        Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Persuni taxxabbli

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 4(5))

3.        Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Persuni taxxabbli

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 4(5))

1.        L-attività ta’ trasferiment bi ħlas ta’ kwantitajiet ta’ referenza eżerċitata minn uffiċċju ta’ bejgħ ta’ kwoti tal-ħalib, tikkostitwixxi attività ekonomika skond l-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, meta tkun ta’ natura permanenti u ssir kontra ħlas li jinġabar mill-awtur tat-tranżazzjoni. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk l-attività in kwistjoni tissodisfax dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, kif ukoll li tistabbilixxi, jekk ikun il-każ, jekk huwiex sabiex jirċievu dan il-ħlas li l-uffiċċji ta’ bejgħ ta’ kwoti tal-ħalib jeżerċitaw din l-attività, filwaqt li jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-ġbir ta’ ħlas ma jfissirx, fih inniffsu, li jattribwixxi natura ekonomika lil attività partikolari.

(ara l-punti 18, 20, 21)

2.        Uffiċċju ta’ bejgħ ta’ kwoti tal-ħalib mhuwiex aġenzija ta’ intervent agrikolu skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, kif emendata mid-Direttiva 2001/4, moqri flimkien mal-punt 7 ta’ l-Anness D ta’ l-istess direttiva, u lanqas ma huwa ħanut għall-impjegati fis-sens ta’ l-imsemmi tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 4(5) moqri flimkien mal-punt 12 ta’ l-Anness D ta’ l-imsemmija direttiva.

Fil-fatt, ix-xogħol ta’ uffiċċju ta’ bejgħ ta’ kwoti tal-ħalib hu kunsiderevolment differenti minn dak ta’ aġenzija ta’ intervent agrikolu, li huwa kkaratterizzat mix-xiri u l-bejgħ sussegwenti tal-prodotti agrikoli nfushom, kif jista’ jagħmel kull operatur ekonomiku, billi dan l-eżerċizzju jitwettaq b’mod partikolari bil-kostituzzjoni ta’ ħażniet, bħal ma hu l-każ, b’mod partikolari, fil-qasam taċ-ċereali. Il-loġika ta’ l-issuġġettar għat-taxxa ipso jure inerenti fl-Anness D tas-Sitt Direttiva teskludi għaldaqstant mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha attività ta’ tqassim ta’ kwoti tal-ħalib bejn il-produtturi, billi ċ-ċentralizzazzjoni tad-diversi pretensjonijiet ta’ dawn il-produtturi ma kinitx ir-riżultat ta’ l-attività ta’ operatur li jixtri u sussegwentement ibigħ prodotti agrikoli fis-suq.

Barra minn hekk, tqabbil tal-verżjonijiet tal-lingwa Ġermaniża, Franċiża, Ingliża, Spanjola u Taljana fil-punt 12 ta’ l-Anness D tas-Sitt Direttiva, jippermetti li jiġi ddeterminat li l-ħanut għall-impjegati, skond dan il-punt, jirreferi għall-korpi inkarigati mill-bejgħ ta’ diversi prodotti u merkanzija lill-persunal ta’ l-impriża jew ta’ l-amministrazzjoni li jaħdmu għaliha. Dan mhuwiex ix-xogħol ta’ uffiċċju ta’ bejgħ, peress li dan huwa inkarigat milli jikkontribwixxi għall-ibbilanċjar tal-kwantitajiet ta’ referenza ta’ kunsinna, skond il-limitazzjoni tagħhom, fl-aħjar interessi ta’ kull produttur.

(ara l-punti 26, 31, 33 u d-dispożittiv 1)

3.        Il-fatt li uffiċċju ta’ bejgħ ta’ kwoti tal-ħalib ma jkunx taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew it-tranżazzjonijiet li dan l-uffiċċju jwettaq bħala awtorità pubblika, skond l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 2001/4, ma jistax jikkostitwixxi distorsjonijiet sinjifikanti tal-kompetizzjoni, safejn mhuwiex ikkonfrontat b’operaturi privati li jipprovdu servizzi li jikkompetu mas-servizzi pubbliċi. Peress li din il-kunsiderazzjoni tgħodd għal kull uffiċċju ta’ bejgħ ta’ kwoti tal-ħalib li jopera f’żona ta’ trasferiment tal-kwantitajiet ta’ referenza, iddefinita mill-Istat Membru kkonċernat, l-imsemmija żona tikkostitwixxi s-suq ġeografiku rilevanti biex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinjifikanti tal-kompetizzjoni.

(ara l-punt 45 u d-dispożittiv 2)