Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' Frar 2010 - British Sugar vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-86/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: British Sugar plc (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: K. Lasok, QC, G. Facenna, Barrister, W. Robinson, P. Doris u D. Das, Solicitors)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-miżura kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti u għall-ispejjeż l-oħra relatati ma' dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1193/2009, tat-3 ta' Novembru 2009, li jirrettifika r-Regolamenti (KE) Nru 1762/2003, (KE) Nru 1775/2004, (KE) Nru 1686/2005, (KE) Nru 164/2007 u li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-snin tas-suq 2002/2003, 2003/2004, 2004/2005, 2005/2006 1.

Ir-rikorrenti tressaq it-tliet motivi li ġejjin insostenn tat-talbiet tagħha.

L-ewwel nett, hija ssostni li l-Kummissjoni ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Jülich 2 u SAFBA 3 li jiddikjaraw invalidi r-Regolamenti (KE) Nri 1762/2003 4, 1775/2004 5 u 1686/2005 6 tal-Kummissjoni. Hija ddikjarat li, wara sentenzi mogħtija f'dawn il-kawżi, il-Kummissjoni kellha l-obbligu, u għaldaqstant kellha l-kompetenza, li tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tirrimedja għal-illegalità kkonstatata f'dawn is-sentenzi. Dan l-obbligu u din il-kompetenza kienu llimitati għall-adozzjoni ta' miżuri neċessarji sabiex jiggarantixxu lill-persuni kkonċernati (b'mod partikolari r-rikorrenti) ir-rimbors tal-ammonti li huma kienu ġew obbligati li jħallsu illegalment matul is-snin tas-suq inkwistjoni. Skont ir-rikorrenti, dawn l-ammonti kienu u għadhom jistgħu jiġu stabbiliti skont il-formula użata fir-regolamenti meqjusa mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala invalidi, suġġetti għall-korrezzjoni tal-iżball ikkonstatat. Konsegwentement, ir-rikorenti ssostni li l-Kummissjoni adottat, bi ksur ta' dan l-obbligu u billi eċċediet din il-kompetenza, il-miżura kkontestata li hija vvizzjata mill-istess difett fundamentali li wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinvalida r-Regolamenti (KE) Nri 1762/2003, 1775/2004, u 1686/2005.

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-metodu ta' kalkolu tal-imposti fis-settur taż-żokkor adottat fil-miżura kkontestata huwa kontrarju għall-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Jülich.

It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti sabiex tadotta l-miżura kkontestata skont ir-Regolament Nru 1260/2001 għaliex, fl-opinjoni tagħha,

- dan ir-regolemant kien ġie mħassar u ma kienx fis-seħħ meta l-miżura kkontestata ġiet adottata; u

- mis-sentenza Jülich jirriżulta li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti sabiex tiffissa l-imposti tal-produzzjoni b'mod inkompatibbli mal-Artikolu 15 ta' dan ir-regolament. Fin-nuqqas ta' kompetenza mogħtija mis-sentenzi Jülich u SAFBA jew mir-Regolament Nru 1260/2001, huwa l-Kunsill li għandu l-kompetenza li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni skont dak li issa huwa l-Artikolu 42 TFUE. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni assolutament ma kinitx kompetenti sabiex tadotta l-miżura kkontestata.

____________

1 - ĠU L 321, p. 1.

2 - Sentenza tat-8 ta' Mejju 2008, Zuckerfabrik Jülich (C-5/06 u C-23/06 sa C-36/06, Ġabra p. I-3231).

3 - Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Ottubru 2008, SAFBA (C-175/07 sa C-184/07, Ġabra p. I-142*).

4 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1762/2003, tas-7 ta' Ottubru 2003, li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-snin tas-suq 2002/2003, ĠU L 254, p. 4.

5 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1775/2004, tal-14 ta' Ottubru 2004, li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-snin tas-suq 2003/2004, ĠU L 316, p. 64.

6 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1686/2005, tal-14 ta' Ottubru 2005, li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-snin tas-suq 2004/2005, ĠU L 271, p. 12.