Language of document : ECLI:EU:F:2013:154

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

23 ta’ Ottubru 2013

Kawża F‑148/12

Ulrik Solberg

vs

Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA)

“Servizz pubbliku — Ex membru tal-persunal temporanju — Rapport ta’ evalwazzjoni — Interess ġuridiku — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata tas-setgħa diskrezzjonali”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħu U. Solberg jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-5 ta’ Marzu 2012 tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ (iktar ’il quddiem l-“ASTK”) taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA jew iktar ’il quddiem iċ-“Ċentru”) li tistabbilixxi r-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu għas-sena 2011.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. U. Solberg għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti miċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Interess ġuridiku — Rikors għall-annullament ta’ rapport ta’ evalwazzjoni ppreżentat minn membru tal-persunal temporanju wara t-tmiem tal-funzjonijiet tiegħu — Żamma tal-interess ġuridiku

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

3.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-evalwaturi — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Oneru tal-prova

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

4.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Koerenza neċessarja bejn kummenti deskrittivi u evalwazzjonijiet ċifrati — Annullament biss fil-każ ta’ inkoerenza manifesta

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

1.      Kull rikorrent, sabiex ikun jista’ jippreżenta rikors abbażi tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jkollu interess personali, reali u attwali, għall-annullament tal-att ikkontestat, fejn tali interess għandu jiġi evalwat fil-mument tal-preżentata tar-rikors u għandu jkompli jeżisti sal-għoti tad-deċiżjoni ġudizzjarja, taħt piena li jiġi deċiż li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni.

Issa, ir-rapport ta’ evalwazzjoni huwa dokument essenzjali fl-evalwazzjoni tal-persunal impjegat mill-istituzzjonijiet, għaliex dan jippermetti li tiġi stabbilita evalwazzjoni tal-kompetenza, tal-effiċjenza u tal-kondotta ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal u jikkostitwixxi ġudizzju ta’ valur mis-superjuri ġerarkiċi fuq il-mod li bih l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal evalwat wettaq id-dmirijiet li ngħatawlu u fuq il-kondotta tiegħu fis-servizz matul il-perijodu kkonċernat. Għaldaqstant, kull uffiċjal għandu dritt li x-xogħol tiegħu jkun approvat minn evalwazzjoni magħmula b’mod ġust u ekwu u, skont id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandu jkollu d-dritt li jikkontesta rapport ta’ evalwazzjoni li jikkonċernah minħabba l-kontenut tiegħu jew għar-raġuni li ma jkunx sar skont ir-regoli stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal. Dan għandu jgħodd ukoll għall-membri tal-persunal li huma rregolati mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra li kienu s-suġġett ta’ evalwazzjoni.

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-interess personali u attwali li ex membru tal-persunal temporanju għandu li jressaq proċeduri għal annullament kontra r-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rieda tiegħu, fid-dawl tal-esperjenza li huwa kiseb fi ħdan l-aġenzija tiegħu, li jerġa jifforma parti mill-persunal tal-Unjoni, u l-interess li huwa jista’ jkollu li jinvoka, għal dan il-għan, rapport ta’ evalwazzjoni li jkopri l-aħħar sena tiegħu ta’ attivitá, bħala membru tal-persunal temporanju, u li ma jkunx ivvizzjat b’irregolaritajiet. Barra minn hekk, il-fatt li l-karriera tal-imsemmija persuna tkompli, fil-każ li terġa tifforma parti mill-persunal tal-Unjoni, huwa ta’ natura li juri li hija għandha interess ġuridiku li tressaq proċeduri kontra r-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż.

(ara l-punti 16, 17 u 21)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 29 ta’ Ottubru 1975, Marenco et vs Il‑Kummissjoni, 81/74 sa 88/74, punt 6; 22 ta’ Diċembru 2008, Gordon vs Il‑Kummissjoni, C‑198/07 P, punti 42, 43 u 45

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 18 ta’ Ġunju 1992, Turner vs Il-Kummissjoni, T‑49/91, punt 24; 28 ta’ Ġunju 2005, Ross vs Il-Kummissjoni, T‑147/04, punti 24 u 25 u l-ġurisprudenza ċċitata

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 12 ta’ Lulju 2011, Il‑Kummissjoni vs Q, T‑80/09 P, punt 162; 4 ta’ Ġunju 2012, Attey et vs Il‑Kunsill, T‑118/11, T‑123/11 u T‑124/11, punt 28

2.      Fost il-garanziji mogħtija mid-dritt tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi hemm il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, waħda mill-espressjonijiet tiegħu, stipulata fl-Artikolu 41(2)(ċ) tal-istess Karta, jiġifieri “l-obbligu għall-aministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha”.

L-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju jikkostitwixxi prinċipju essenzjali tad-dritt tal-Unjoni li jista’ jkun hemm derogi minnu biss fil-każ ta’ kunsiderazzjonijiet imperattivi.

Sabiex jiġi evalwat jekk rapport ta’ evalwazzjoni huwiex immotivat b’mod suffiċjenti, għandha tiġi kkunsidrata l-informazzjoni kollha li tkun inġabet għall-attenzjoni tal-uffiċjal ikkonċernat u mhux biss l-informazzjoni li tinsab fl-imsemmi rapport.

(ara l-punti 28 sa 31)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 29 ta’ Settembru 2005, Napoli Buzzanca vs Il-Kummissjoni, T‑218/02, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata; 8 ta’ Settembru 2009, ETF vs Landgren, T‑404/06 P, punt 148 u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Settembru 2011, Nastvogel vs Il‑Kunsill, F‑4/10, punt 61; 11 ta’ Lulju 2013, Tzirani vs Il‑Kummissjoni, F‑46/11, punt 136

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 27 ta’ Settembru 2012, Applied Microengineering vs Il-Kummissjoni, T‑387/09, punt 76

3.      L-evalwaturi għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tad-deċiżjonijiet li jirrigwardaw ix-xogħol tal-persuni li huma għandhom l-inkarigu li jevalwaw. Għaldaqstant, l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni dwar il-kontenut tar-rapporti ta’ evalwazzjoni huwa limitat għall-istħarriġ tar-regolarità proċedurali, tal-eżattezza materjali tal-fatti u tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni jew ta’ użu ħażin ta’ poter. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma huwiex kompetenti li jistħarreġ il-fondatezza tal-evalwazzjoni magħmula mill-evalwatur fuq il-kompetenzi professjonali ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal, meta din tinvolvi ġudizzji kumplessi ta’ valur li, min-natura tagħhom stess, ma jistgħux ikunu vverifikati oġġettivament.

Barra minn hekk, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni dwar l-eżistenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-uffiċjali għandu jkun limitat għall-kwistjoni ta’ jekk, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet li setgħu wasslu lill-amministrazzjoni għall-evalwazzjoni tagħha, din tal-aħħar baqgħetx fil-limiti mhux kritikabbli u ma użatx il-poter tagħha b’mod manifestament żbaljat.

Il-provi li għandhom jiġu prodotti mir-rikorrent, sabiex jistabbilixxi li l-amministrazzjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti li huwa tali li jista’ jiġġustifika l-annullament ta’ rapport ta’ evalwazzjoni, għandhom ikunu suffiċjenti sabiex l-evalwazzjonijiet magħmula mill-amministrazzjoni ma jibqgħux iktar plawżibbli. Fi kliem ieħor, il-motiv ibbażat fuq l-iżball manifest għandu jiġi miċħud jekk, minkejja l-elementi mressqa mir-rikorrenti, l-evalwazzjoni kkontestata tista’ titqies veraċi jew valida.

(ara l-punti 39 u 40)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 3 ta’ Diċembru 1981 Bakke-d’Aloya vs Il‑Kunsill, 280/80, punt 10; 3 ta’ April 2003, Il-Parlament vs Samper, C‑277/01 P, punt 35

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 29 ta’ Frar 1996, Lopes vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑547/93, punt 133; 12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il‑Kummissjoni, T‑380/94, punt 59; 12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/03, punt 221

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 29 ta’ Settembru 2009, Wenning vs Europol, F‑114/07, punt 111; 23 ta’ Frar 2010, Faria vs UASI, F‑7/09, punt 44; 15 ta’ Frar 2012, AT vs EACEA, F‑113/10, punt 74; 12 ta’ Diċembru 2012, Lebedef vs Il-Kummissjoni, F‑109/11, punt 61, li hija s-suġġett ta’ appell attwalment pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑117/13 P

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 16 ta’ Diċembru 2010, Il-Kunsill vs Stols, T‑175/09 P, punt 23, u l-ġurisprudenza ċċitata; 16 ta’ Mejju 2013, Canga Fano vs Il‑Kunsill, T‑281/11 P, punt 41

4.      L-għan tal-kummenti deskrittivi f’rapport ta’ evalwazzjoni huwa li jiġu ġġustifikati l-evalwazzjonijiet analitiċi magħmula fir-rapport u jservu bħala bażi għall-istabbiliment tal-evalwazzjoni, billi jippermettu lill-uffiċjal jew lill-membru tal-persunal ikkonċernat jifhem il-marki miksuba. Konsegwentement, fid-dawl tar-rwol predominanti tagħhom fir-redazzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni, il-kummenti għandhom ikunu koerenti mal-marki mogħtija, tant li l-marka għandha titqies li hija traskrizzjoni biċ-ċifri jew analitika tal-kummenti. Madankollu, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-evalwaturi għandhom, inkoerenza eventwali f’rapport ta’ evalwazzjoni tista’ tiġġustifika l-annullament ta’ tali rapport biss jekk din l-inkoerenza tkun waħda manifesta.

(ara l-punt 41)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Diċembru 2007, Sequeira Wandschneider vs Il-Kummissjoni, F‑28/06, punti 109 u 110; 13 ta’ Settembru 2011, Bejnke vs Il-Kummissjoni, F‑68/10, punt 78