Language of document : ECLI:EU:T:2019:537

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

12 ta’ Lulju 2019 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna implimentata minn Franza bejn l-1994 u l-2008 – Sussidji għall-investiment mogħtija mir-Reġjun ta’ Île-de-France – Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq intern – Kunċetti ta’ ‘għajnuna eżistenti’ u ta’ ‘għajnuna ġdida’ – Artikolu 107 TFUE – Artikolu 108 TFUE – Artikolu (1)(b)(i) u (v) tar-Regolament (UE) 2015/1589 – Terminu ta’ preskrizzjoni – Artikolu 17 tar-Regolament 2015/1589”

Fil-Kawża T‑289/17,

Keolis CIF, stabbilta fil-Mesnil-Amelot (Franza), u r-rikorrenti l-oħra li l-ismijiet tagħhom jinsabu fl-Anness (1), irrappreżentati minn R. Sermier u D. Epaud, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Armati, C. Georgieva-Kecsmar u M. T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1470 tat‑2 ta’ Frar 2017 dwar l-iskemi ta’ għajnuna SA.26763 2014/C (eks 2012/NN) implimentata minn Franza favur tal-impriżi ta’ trasport bix-xarabank fir-Reġjun ta’ Île-de-France (ĠU 2017, L 209, p. 24),

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, V. Valančius u U. Öberg (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti, Keolis CIF u r-rikorrenti l-oħra li l-ismijiet tagħhom jinsabu fl-Anness, jitolbu l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1470 tat‑2 ta’ Frar 2017 dwar l-iskemi ta’ għajnuna SA.26763 2014/C  (eks 2012/NN) implimentata minn Franza favur tal-impriżi ta’ trasport bix-xarabank fir-Reġjun ta’ Île-de-France (ĠU 2017, L 209, p. 24, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

2        Ir-rikorrenti huma impriżi tad-dritt Franċiż li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fit-territorju tar-Reġjun Île-de-France (Franza, iktar ’il quddiem ir-“Reġjun”), fejn huma joperaw netwerks tat-trasport bit-triq tal-passiġġieri.

3        Fl‑20 ta’ Ottubru 1994, il-Kunsill Reġjonali ta’ Île-de-France adotta d-deliberazzjoni CR 34‑94, dwar l-għajnuna għat-titjib tas-servizzi tat-trasport pubbliku bit-triq operati minn impriżi privati jew impriżi pubbliċi, għall-finijiet ta’ tiġdid ta’ sett ta’ miżuri ta’ għajnuna implimentati preċedentement favur l-imsemmija impriżi. Żewġ deliberazzjonijiet, jiġifieri d-deliberazzjonijiet CR 44‑98 u CR 47‑01 (iktar ’il quddiem, meqjusa mad-deliberazzjoni CR 34‑94, id-“deliberazzjonijiet kontenzjużi”), ħarġu warajha, rispettivament fl‑1998 u fl‑2001, qabel ma d-dispożittiv ta’ għajnuna implimentat tħassar fl‑2008.

4        Bl-applikazzjoni tad-deliberazzjonijiet kontenzjużi, ir-Reġjun ta għajnuniet finanzjarji lill-awtoritajiet pubbliċi tat-territorju tiegħu billi kkonkluda kuntratti tal-operat ta’ linji regolari tax-xarabank ma’ impriżi privati tat-trasport pubbliku regolari bit-triq jew billi opera tali linji direttament permezz ta’ impriża pubblika. L-awtoritajiet pubbliċi sussegwentement ħallsu l-għajnuniet lill-imsemmija impriżi tat-trasport (iktar ’il quddiem il-“benefiċjarji finali”).

5        L-għajnuniet ingħataw fil-forma ta’ sussidji għall-investiment u kienu intiżi sabiex jiffavorixxu l-akkwist ta’ vetturi ġodda u l-installazzjoni ta’ tagħmir ġdid mill-benefiċjarji finali, bl-għan li jtejbu l-offerta ta’ trasport pubbliku u jirrimedjaw għall-esternalitajiet negattivi marbuta mat-traffiku fit-triq partikolarment dens tan-netwerk tar-Reġjun.

6        Skont l-awtoritajiet Franċiżi, 135 impriża, fosthom ir-rikorrenti kollha, ibbenefikaw mill-għajnuniet tar-Reġjun bejn l-1994 u l-2008. L-użu tal-għajnuniet kien irregolat mill-klawżoli għall-ftehimiet tal-operat konklużi bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-benefiċjarji finali. Il-klawżoli kienu kontraffirmati mill-President tal-Kunsill Reġjonali ta’ Île-de-France u kienu jagħtu fid-dettall l-obbligi imposti fuq il-benefiċjarji finali b’korrispettiv tal-ħlas tal-għajnuniet.

7        Fis‑17 ta’ Ottubru 2008, tressaq ilment quddiem il-Kummissjoni Ewropea dwar l-iskemi ta’ għajnuna mill-Istat allegatament illegali kkostitwiti mill-miżuri ta’ appoġġ implimentati favur ċerti impriżi tat-trasport bix-xarabank, bejn l-1994 u l-2008, mir-Reġjun fit-territorju tiegħu, u sussegwentement, mill‑2008, mis-syndicat des transports d’Île-de-France (is-Sindakat tat-Trasport ta’ Île-de-France (STIF, Franza)).

8        Permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Franċiża bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE. Permezz tal-pubblikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, C 141, p. 38), il-Kummissjoni stiednet lill-persuni kkonċernati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-miżuri inkwistjoni.

9        Fit‑30 ta’ April 2014, ir-Repubblika Franċiża ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni. L-osservazzjonijiet kollha ppreżentati mill-partijiet ikkonċernati, fosthom il-grupp tal-kumpanniji Keolis, li jagħmlu parti minnu r-rikorrenti, intbagħtu lir-Repubblika Franċiża, li ma għamlet l-ebda kumment.

10      Fil‑21 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni rċeviet nota konġunta min-naħa ta’ erbgħa mis-seba’ partijiet ikkonċernati, intiża sabiex tippreċiża l-pożizzjoni tagħhom wara d-deċiżjoni tas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kummissjoni vs Andersen (C‑303/13 P, EU:C:2015:647). Fid‑9 ta’ Novembru 2016, ir-Reġjun, fil-kwalità tiegħu ta’ parti kkonċernata, ikkompleta l-osservazzjonijiet tiegħu.

11      Fit‑2 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata u għalqet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE.

12      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset b’mod partikolari li s-sussidji għall-investiment mogħtija skont l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni mir-Reġjun, bejn l-1994 u l-2008, kienu jikkostitwixxu għajnuniet mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li ma affettwawx il-kummerċ bejn l-Istati Membri b’mod kuntrarju għall-interess komuni u, konsegwentement, kienu kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3) TFUE. Hija min-naħa l-oħra kkonkludiet li, sa fejn dawn l-għajnuniet ma ġewx innotifikati u kellhom jiġu kklassifikati bħala “għajnuniet ġodda”, dawn ġew implimentati illegalment, bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE.

13      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata għandu jinqara kif ġej:

“Artikolu 1

L-iskema ta’ għajnuna implimentata illegalment [mir-Repubblika Franċiża] bejn is-sena 1994 u s-sena 2008, f’għamla ta’ sussidji għall-investiment mogħtija mir-Reġjun tal-Île-de-France fil-qafas tad-deliberazzjonijiet CR 34‑94, CR 44‑98 u CR 47‑01, hija kompatibbli mas-suq intern.

[…]

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.”

II.    Il-proċedura quddiem il-qrati nazzjonali

14      F’Mejju 2004, is-syndicat autonome des transporteurs de voyageurs (is-Sindakat Awtonomu tat-Trasportaturi ta’ Passiġġieri, iktar ’il quddiem is-“SATV”) talab lill-President tal-Kunsill Reġjonali ta’ Île-de-France jħassar id-deliberazzjonijiet kontenzjużi. Wara ċ-ċaħda ta’ din it-talba, is-SATV adixxa lit-tribunal administratif de Paris (il-Qorti Amministrattiva ta’ Pariġi, Franza) b’rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-President tal-Kunsill Reġjonali ta’ Île-de-France, fis‑17 ta’ Ġunju 2004.

15      Permezz tas-sentenza Nru 0417015, tal‑10 ta’ Lulju 2008, it-tribunal administratif de Paris (il-Qorti Amministrattiva ta’ Pariġi) laqgħet ir-rikors tas-SATV u ordnat lir-Reġjun jissottometti lill-Kunsill Reġjonali ta’ Île-de-France deliberazzjoni ġdida minħabba li d-dispożittiv tal-għajnuna implimentat bl-applikazzjoni tad-deliberazzjonijiet kontenzjużi ma kienx innotifikat lill-Kummissjoni. It-tribunal administratif de Paris (il-Qorti Amministrattiva ta’ Pariġi), barra minn hekk, ordnat lir-Reġjun sabiex jipproċedi għat-tħassir tad-deliberazzjonijiet kontenzjużi.

16      Ir-Reġjun, filwaqt li appella minn din id-deċiżjoni, adotta d-deliberazzjoni CR 80‑08, tas‑16 ta’ Ottubru 2008, intiża għat-tħassir tad-deliberazzjonijiet kontenzjużi.

17      Permezz tas-sentenza Nru 08PA04753, tat‑12 ta’ Lulju 2010, il-cour administrative d’appel de Paris (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) ikkonfermat is-sentenza tat-tribunal administratif de Paris (il-Qorti Amministrattiva ta’ Pariġi) Nru 0417015, tal‑10 ta’ Lulju 2008. Ir-Reġjun ippreżenta appell ta’ kassazzjoni minn din id-deċiżjoni quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza). Permezz tas-sentenza Nru 343440, tat‑23 ta’ Lulju 2012, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) ċaħad dan l-appell.

18      Fis‑27 ta’ Jannar 2015, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors għal oppożizzjoni minn terzi kontra s-sentenza tal-cour administrative d’appel de Paris (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Pariġi) tat‑12 ta’ Lulju 2010.

19      Wara ċ-ċaħda tar-rikors għal oppożizzjoni minn terzi mill-cour administrative d’appel de Paris (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Pariġi), fis‑27 ta’ Novembru 2015 (sentenza Nru 15PA00385), ir-rikorrenti ppreżentaw appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), li kien għadu pendenti fid-data tal-preżentata tar-rikors.

20      Wara rikors ġdid ippreżentat mis-SATV fis‑27 ta’ Ottubru 2008, it-tribunal administratif de Paris (il-Qorti Amministrattiva ta’ Pariġi) ordna lir-Reġjun, permezz tas-sentenza Nru 0817138, tal‑4 ta’ Ġunju 2013, joħroġ it-titoli eżekuttivi li jippermettu l-irkupru tal-għajnuna mħallsa fuq il-bażi tad-deliberazzjonijiet kontenzjużi. Fis‑27 ta’ Novembru 2015, il-cour administrative d’appel de Paris (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Pariġi) ċaħdet l-appell tar-Reġjun minn din id-deċiżjoni (sentenza Nru 13PA03172). Ir-Reġjun ippreżenta appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), li kien għadu pendenti fid-data tal-preżentata tar-rikors.

III. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrenti, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 263 TFUE, ippreżentaw dan ir-rikors, intiż għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata.

22      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn fiha ġie kkonstatat, prinċipalment, li l-iskema ta’ għajnuna implimentata fil-kuntest tad-deliberazzjonijiet CR 34‑94, CR 44‑98 u CR 47‑01 tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna ġdida li ġiet “implimentata illegalment” u, sussidjarjament, li l-preskrizzjoni tintrabat biss mas-sussidji mħallsa qabel Mejju 1994;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

23      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tiddikjara r-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

IV.    Id-dritt

A.      Fuq l-ammissibbiltà

24      Il-Kummissjoni, mingħajr ma qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà permezz ta’ att separat fuq il-bażi tal-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, talbet l-inammissibbiltà tar-rikors minħabba l-assenza ta’ locus standi u ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti.

25      Ir-rikorrenti jsostnu li r-rikors huwa ammissibbli sa fejn huma għandhom kemm locus standi kif ukoll interess ġuridiku kontra d-deċiżjoni kkontestata.

26      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni Ewropea għandha dritt li tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ ineżami, jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax li r-rikors jiġi miċħud fil-mertu, mingħajr deċiżjoni minn qabel dwar l-ammissibbiltà tiegħu (sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2002, Il‑Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punti 51 u 52, u tal‑14 ta’ Settembru 2015, Brouillard vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑420/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:633, punt 18).

27      Fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, il-Qorti Ġenerali tqis li, għall-finijiet tal-ekonomija tal-ġudizzju, hemm lok li tiġi eżaminata qabel kollox il-fondatezza tar-rikors, mingħajr deċiżjoni minn qabel dwar l-ammissibbiltà tiegħu.

B.      Fuq il-mertu

28      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jqajmu, essenzjalment, żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur, minn naħa, tal-Artikolu 108(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 1(b)(i) u (v) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE (ĠU 2015, L 249, p. 9), sa fejn il-Kummissjoni kienet qieset, bi żball, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-għajnuna mogħtija taħt l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, bejn l-1994 u l-2008, kienet għajnuna ġdida li, fl-assenza ta’ komunikazzjoni, ġiet implimentata illegalment u, min-naħa l-oħra, tal-obbligu ta’ motivazzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 1(b)(v) tal-imsemmi regolament, sa fejn il-Kummissjoni ma tatx f’dettall suffiċjenti r-raġunijiet għaliex hija kienet tqis li l-imsemmija għajnuna kienet tikkostitwixxi diġà għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, meta ġiet introdotta. It-tieni motiv, invokat sussidjarjament, huwa meħud minn ksur tal-Artikolu 17(2) ta’ dan l-istess regolament, sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet, bi żball, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-għajnuna mħallsa taħt l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni qabel Mejju 1994 biss kienet preskritta.

1.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 108(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 1(b)(i) u (v) tar-Regolament 2015/1589, u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

a)      Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel motiv

29      Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel motiv huwa, parzjalment, inammissibbli, sa fejn l-argumenti tar-rikorrenti relatati mal-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament 2015/1589 ma tqajmux fil-kuntest tal-proċeduri nazzjonali relatati mal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni u, parzjalment, ineffettiv, sa fejn dawn l-istess argumenti ma jistgħux iqajmu dubju dwar il-konklużjonijiet tal-qrati nazzjonali dwar il-karattru ġdid tal-imsemmija skema.

30      Ir-rikorrenti jikkontestaw l-argumenti tal-Kummissjoni.

31      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għall-kuntrarju ta’ dak li allegat il-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tevalwa jekk il-motivi jew l-argumenti mqajma quddiemha humiex is-suġġett ta’ appell ta’ kassazzjoni jew ta’ kontenzjuż jew le quddiem il-qrati nazzjonali. Fil-fatt, ikun biżżejjed li, bl-eżitu tiegħu, ir-rikors għal annullament ippreżentat quddiem il-qorti tal-Unjoni jkun jista’ jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu u li l-annullament tal-att ikun jista’, fih innifsu, ikollu konsegwenzi legali fil-konfront tagħha (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Skont l-Artikolu 108(3) TFUE, meta għajnuna tingħata illegalment, il-qrati nazzjonali jkunu marbuta jiddeterminaw il-konsegwenzi legali ta’ din l-illegalità, konformement mad-dritt nazzjonali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2005, Xunta de Galicia, C‑71/04, EU:C:2005:493, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Minn dan isegwi li, minkejja li l-kwistjoni tal-karattru ġdid jew eżistenti tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ma kinitx tqajmet fil-kuntest ta’ proċeduri pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi ta’ dan il-motiv ikun jista’ jkollu konsegwenzi legali fil-konfront tar-rikorrenti u jagħtihom benefiċċju, sa fejn dan ikollu bħala effett il-ħelsien tal-qrati nazzjonali mill-obbligu impost fuqhom skont l-Artikolu 108(3) TFUE.

34      Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi ddikjarat ammissibbli. Sa fejn, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 iktar ’il fuq, l-obbligu għall-qrati nazzjonali li jisiltu l-konsegwenzi kollha tal-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata jista’ b’mod partikolari jġegħelhom iqajmu dubju dwar il-konklużjonijiet li waslu għalihom preċedentement, dwar l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, fid-deċiżjonijiet ta’ qabel id-deċiżjoni kkontestata, l-argument tal-Kummissjoni intiż sabiex jikkonstata li dan il-motiv huwa ineffettiv għandu jiġi miċħud.

b)      Fuq il-fondatezza tal-ewwel motiv

35      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kklassifikat, bi żball, fid-deċiżjoni kkontestata, is-sussidji għall-investiment mogħtija mir-Reġjun bejn l-1994 u l-2008 bħala skema ta’ għajnuna ġdida u li hija ma mmotivatx biżżejjed l-evalwazzjoni tagħha f’dan ir-rigward.

36      Insostenn tal-allegazzjonijiet tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet ilmenti prinċipali. L-ewwel nett, huma jaffermaw li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni għandha tiġi kklassifikata bħala skema ta’ għajnuna eżistenti, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament 2015/1589, minħabba li l-possibbiltà għall-awtoritajiet territorjali li jagħtu sussidji lill-impriżi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bit-triq kienet introdotta mill-Artikolu 19 tad-décret no 49‑1473, du 14 novembre 1949, relatif à la coordination et à l’harmonisation des transports ferroviaires et routiers (id-Digriet Nru 49‑1473, tal‑14 ta’ Novembru 1949, dwar il-koordinazzjoni u l-armonizzazzjoni tat-trasport bil-ferrovija u bit-triq, JORF tal‑15 ta’ Novembru 1949, p. 11104, iktar ’il quddiem id-“Digriet tal‑1949”), qabel id-dħul fis-seħħ fi Franza tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea (li sar it-Trattat FUE), fl‑1 ta’ Jannar 1958. It-tieni nett, huma jqisu li, sa fejn is-swieq tat-trasport pubbliku tal-Istati Membri tal-Unjoni kienu magħluqa għall-kompetizzjoni qabel l-1995, data miżmuma fis-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415), dwar il-ftuħ tal-imsemmija swieq, il-Kummissjoni ma setgħetx tqis li l-għajnuna mogħtija taħt l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet tikkostitwixxi diġà għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, meta ġiet introdotta u ma setgħetx, għalhekk, tikkostitwixxi għajnuna eżistenti skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament 2015/1589. It-tielet nett, huma jsostnu li l-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni fir-rigward tal-karattru ġdid jew eżistenti tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fir-rigward tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament 2015/1589 ma tippermettilhomx li jkunu jafu r-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni qieset li s-sussidji għall-investiment mogħtija mir-Reġjun kienu jikkostitwixxu, sa mill-ewwel implimentazzjoni tagħhom, skema ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

37      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li n-nuqqas jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni għandhom l-għan li jiġi stabbilit il-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali u jeħtieġu, għalhekk, eżami distint, bħala tali, tal-evalwazzjoni tal-ineżattezza tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, fejn l-istħarriġ jaqa’ taħt l-eżami tal-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 67, u tal‑15 ta’ Diċembru 2005, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑66/02, EU:C:2005:768, punt 26).

38      Għalhekk għandu jiġi eżaminat l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament 2015/1589, qabel l-ilmenti l-oħra mqajma fil-kuntest ta’ dan il-motiv, li jirrigwardaw il-legalità fil-mertu tad-deċiżjoni kkontestata.

1)      Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

39      Ir-rikorrenti, essenzjalment, jikkritikaw lill-Kummissjoni li ma tatx f’dettall suffiċjenti, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet għaliex hija kienet tqis li s-sussidji għall-investiment mogħtija mir-Reġjun taħt l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienu jikkostitwixxu skema ta’ għajnuna mill-Istat sa mill-introduzzjoni tagħhom u, konsegwentement, kellhom jiġu kklassifikati bħala għajnuna ġdida, bl-applikazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament 2015/1589.

40      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

41      Għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, l-atti legali għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha.

42      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u mill-kuntest li fih jiġi adottat. Il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, b’tali mod, minn naħa waħda, li l-qorti tal-Unjoni tkun tista’ twettaq l-istħarriġ tagħha tal-legalità u, min-naħa l-oħra, sabiex il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet għall-miżura meħuda, biex b’hekk ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u jivverifikaw jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein‑Westfalen vs Il‑Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, EU:T:2003:57, punt 278 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ liġi, inkwantu l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-kwistjoni (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein‑Westfalen vs Il‑Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, EU:T:2003:57, punt 279).

44      Madankollu, għalkemm il-Kummissjoni ma hijiex meħtieġa li tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-partijiet ikkonċernati, hija għandha ssemmi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li huma ta’ importanza essenzjali fil-kuntest tad-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein‑Westfalen vs Il‑Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, EU:T:2003:57, punt 280).

45      F’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna, l-obbligu ta’ motivazzjoni jeħtieġ li jiġu indikati r-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżura inkwistjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2000, EPAC vs Il‑Kummissjoni, T‑204/97 u T‑270/97, EU:T:2000:148, punt 36).

46      Barra minn hekk, anki fil-każijiet fejn jirriżulta miċ-ċirkustanzi li fihom tkun ingħatat l-għajnuna li din hija ta’ tali natura li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni għandha, mill-inqas, issemmi dawk iċ-ċirkustanzi fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha (sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 1988, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, 57/86, EU:C:1988:284, punt 15; tal‑24 ta’ Ottubru 1996, Il‑Ġermanja et vs Il‑Kummissjoni, C‑329/93, C‑62/95 u C‑63/95, EU:C:1996:394, punt 52, u tat‑30 ta’ April 1998, Vlaamse Gewest vs Il‑Kummissjoni, T‑214/95, EU:T:1998:77, punt 64).

47      Fil-fatt, ħlief sabiex iċaħħad lill-Artikolu 107(1) TFUE mis-sustanza tiegħu, l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri ma jistax ikun purament ipotetiku jew preżunt. B’hekk, għandha tiġi ddeterminata r-raġuni għaliex il-miżura inkwistjoni twassal għal distorsjoni jew għal theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u għaliex hija ta’ natura tali li tista’, permezz tal-effetti prevedibbli tagħha, tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri (sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2017, Fondul Proprietatea, C‑150/16, EU:C:2017:388, punt 30).

48      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament 2015/1589, titqies bħala eżistenti kull għajnuna li jista’ jiġi stabbilit li meta daħlet fis-seħħ ma kinitx għajnuna, u sussegwentement saret għajnuna, minħabba l-evoluzzjoni tas-suq intern u mingħajr ma l-Istat Membru jkun għamel tibdil fiha. Min-naħa l-oħra, fejn ċerti miżuri jsiru għajnuna wara l-liberalizzazzjoni ta’ attività mid-dritt tal-Unjoni, dawk il-miżuri ma għandhomx jitqiesu li jkunu għajnuna eżistenti wara d-data stabbilita għal-liberalizzazzjoni.

49      Il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessi 226 u 237 tad-deċiżjoni kkontestata, li, sa fejn il-benefiċjarji finali setgħu jużaw il-materjal issussidjat fil-kuntest ta’ attività tat-trasport okkażjonali jew fi swieq oħra tat-trasport regolari miftuħa għall-kompetizzjoni fi Franza jew fit-territorju tal-Unjoni, l-għajnuna mogħtija taħt l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni setgħet toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u, konsegwentement, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa mill-ewwel implimentazzjoni tagħha.

50      Insostenn ta’ din il-konklużjoni, il-Kummissjoni ċċitat is-sentenza Nru 0417015, tal‑10 ta’ Lulju 2008, tat-tribunal administratif de Paris (il-Qorti Amministrattiva ta’ Pariġi) u s-sentenza Nru 08PA 04753, tat‑12 ta’ Lulju 2010, tal-cour administrative d’appel de Paris (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Pariġi), li jikkonkludu dwar l-implimentazzjoni illegali tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni.

51      Barra minn hekk, wara li indikat li l-għoti tal-għajnuna reġjonali kienet irregolata mid-deliberazzjonijiet kontenzjużi li kienu jmorru lura, għall-ewwel waħda, għall‑1994 u kienu jikkostitwixxu l-bażi legali tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, il-Kummissjoni ħadet inkusiderazzjoni kif xieraq l-argumenti tal-partijiet għall-proċedura amministrattiva intiżi sabiex jistabbilixxu li l-imsemmija skema kienet introdotta kemm f’data qabel id-dħul fis-seħħ fi Franza tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, kif ukoll f’data qabel l-1994, li fiha s-suq tat-trasport pubbliku regolari bit-triq ma kienx għadu miftuħ għall-kompetizzjoni, jiġifieri fl‑1984 jew, l-iktar kmieni, fl‑1979.

52      F’dan ir-rigward, mill-premessi 234 u 237 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat il-kwistjoni jekk l-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, setgħetx tiġi kkonstatata diġà fir-rigward tal-għajnuna possibbli mogħtija qabel l-1994 għall-finijiet biss sabiex twieġeb għall-argumenti tar-Reġjun u ta’ ċerti partijiet ikkonċernati mressqa matul il-proċedura amministrattiva.

53      Konsegwentement, mill-premessi 234 sa 237 tad-deċiżjoni kkontestata ma jistax jiġi dedott li l-Kummissjoni qieset hija stess li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni setgħet bdiet fi kwalunkwe mument bejn l-1979 u l-2008. Għall-kuntrarju, hija qieset li l-perijodu 1979-1994 kien preċedenti għall-introduzzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma tistax tiġi kkritikata li ma spjegatx kif is-sussidji mogħtija matul dan il-perijodu setgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

54      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma tatx f’dettall suffiċjenti r-raġunijiet għaliex hija kienet tqis li kellhom jiġu miċħuda l-argumenti tal-partijiet ikkonċernati intiżi biex jaffermaw li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet ġiet introdotta f’data qabel l-1994 u kellha tiġi kklassifikata bħala skema ta’ għajnuna eżistenti, sa fejn is-suq tat-trasport regolari tal-passiġġieri ma kienx għadu miftuħ għall-kompetizzjoni f’dik id-data.

55      Fil-fatt il-Kummissjoni spjegat, fil-premessi 226 u 237 tad-deċiżjoni kkontestata, li, minkejja li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet bdiet f’data qabel l-1994, setgħet toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u, konsegwentement, tissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 107(1) TFUE sa mill-introduzzjoni tagħha, b’kunsiderazzjoni tal-preżenza tal-benefiċjarji finali fis-suq tat-trasport okkażjonali tal-passiġġieri.

56      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni pprovdiet motivazzjoni ċertament sommarja iżda, fil-każ ineżami, suffiċjenti, biex tippermetti lir-rikorrenti jifhmu r-raġunijiet għaliex hija kienet tqis li, sa mill-ħolqien tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, l-għajnuna mogħtija taħt l-imsemmija skema setgħet toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u għalhekk tikkostitwixxi għajnuna ġdida fis-sens tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament 2015/1589.

57      Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

2)      Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament 2015/1589

58      Ir-rikorrenti jsostnu li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni hija skema ta’ għajnuna eżistenti, li d-Digriet tal‑1949 jikkostitwixxi l-bażi legali tagħha, u li ġiet introdotta f’data qabel dik tad-dħul fis-seħħ fi Franza tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, fl‑1 ta’ Jannar 1958. Huma jfakkru li, konformement mal-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament 2015/1589, l-għajnuna introdotta qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat FUE fl-Istat Membru kkonċernat titqies bħala eżistenti.

59      Ir-rikorrenti jaffermaw ukoll li, sa mill-Ewwel Gwerra Dinjija, l-operaturi privati tat-trasport bix-xarabank fit-territorju tar-Reġjun kellhom it-tendenza li jikkonkludu ftehimiet mal-awtoritajiet territorjali Franċiżi sabiex dawn tal-aħħar jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-funzjonament tagħhom jew għall-investimenti tagħhom. Din il-prattika ta’ ssussidjar kienet ġiet ifformalizzata mill-Artikolu 19 tad-Digriet tal‑1949, li tħassar biss fl‑2012, mingħajr ma qatt ġie emendat qabel din id-data, u li kien intiż għall-implimentazzjoni tal-prinċipji ffissati fl-Artikolu 7 tal-loi no49‑874, du 5 juillet 1949, relative à diverses dispositions d’ordre économique et financier (il-Liġi Nru 49‑874 tal‑5 ta’ Lulju 1949 dwar id-Diversi Dispożizzjonijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, JORF tas‑6 ta’ Lulju 1949, p. 6637). Il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni dawn l-elementi u kkuntentat ruħha li tindika li d-Digriet tal‑1949 ma setax jitqies bħala bażi legali tad-dispożittiv ta’ għajnuna tar-Reġjun.

60      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. Hija tfakkar li kkonkludiet, fil-premessa 236 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-Digriet tal‑1949 ma ddefinixxa l-ebda wieħed mill-parametri ewlenin tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, jiġifieri, id-durata tagħha, il-baġit tagħha, il-benefiċjarji tagħha, in-natura tal-oġġetti eliġibbli għas-sussidju u r-rata tas-sussidju, u li dan ma kien joħloq l-ebda dritt għall-issussidjar.

61      Id-Digriet tal‑1949 kien jipprevedi dan li ġej:

“Artikolu 2

Is-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri li huma suġġetti għal miżuri ta’ koordinazzjoni u ta’ armonizzazzjoni bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tal-liġi tal‑5 ta’ Lulju 1949 huma:

[…]

2. Is-servizzi bit-triq tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri elenkati iktar ’il quddiem […]:

Is-servizzi regolari, inklużi s-servizzi staġjonali u perijodiċi […];

Is-servizzi okkażjonali, jiġifieri dawk li, minkejja li jsiru fuq talba, jissodisfaw bżonnijiet ġenerali tal-pubbliku, billi jerġgħu jiġu offruti f’ċerti żminijiet ta’ kull sena […]

Artikolu 19

Awtorità territorjali tista’ tissussidja servizz bit-triq billi tikkonkludi kuntratt ma’ impriża li jiffissa l-obbligi imposti fuqha apparti dawk li jirriżultaw mir-regoli tal-operat tagħha.

It-tariffa stabbilita konformement ma’ dan il-kuntratt għandha tosserva r-regoli kollha li jinsabu fl-artikoli preċedenti.”

62      Fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-għajnuna mogħtija taħt l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni toriġinax fid-Digriet tal‑1949, l-ewwel nett, għandu jiġi ppreċiżat li l-modalitajiet tal-għoti ta’ sussidji previsti mid-Digriet tal‑1949 kienu differenti minn dawk tal-għajnuna mogħtija skont id-deliberazzjoni CR 34‑94. Bħalma tafferma, ġustament, il-Kummissjoni, fil-kuntest tad-deliberazzjoni CR 34‑94, is-sussidji għall-investiment ingħataw mir-Reġjun lill-awtoritajiet pubbliċi qabel ma tħallsu lill-benefiċjarji finali. Tali mekkaniżmu ta’ ħlas ma kienx jeżisti fil-kuntest tad-Digriet tal‑1949.

63      It-tieni nett, jirriżulta mis-sentenza Nru 343440, tat‑23 ta’ Lulju 2012, tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) li s-sussidji mogħtija skont id-deliberazzjoni CR 34‑94 kienu intiżi biss sabiex jiffaċilitaw l-akkwist ta’ materjal mill-impriżi tat-trasport pubbliku ta’ Île-de-France, mingħajr ma l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni jkollha l-għan jew l-effett li timponi, bħala korrispettiv, obbligi tariffarji fuq il-benefiċjarji finali. Dan ma kienx il-każ tal-Artikolu 19 tad-Digriet tal‑1949 li, filwaqt li kien jipprevedi, b’mod ġenerali, il-possibbiltà għall-awtoritajiet territorjali Franċiżi li jikkonkludu kuntratti ta’ sussidji ma’ dawn l-istess impriżi, kellu l-għan li jikkontrolla t-tariffi applikati. L-Artikolu 11 ta’ dan id-digriet kien jipprovdi għalhekk li, “għas-servizzi li għandhom kuntratt ma’ awtorità territorjali, it-tariffi huma ffissati […] konformement mal-kuntratt konkluż bejn l-impriża u l-awtorità li tħallas is-sussidju”.

64      It-tielet nett, id-deliberazzjonijiet kontenzjużi ma kienu jinkludu l-ebda riferiment għad-Digriet tal‑1949. Dawn id-deliberazzjonijiet kienu jsemmu biss il-kodiċi ġenerali tal-awtoritajiet territorjali, il-loi no 82‑1153, du 30 décembre 1982, d’orientation des transports intérieurs (il-Liġi Nru 82‑1153 tat‑30 ta’ Diċembru 1982 ta’ Gwida tat-Trasport Intern, JORF tal‑31 ta’ Diċembru 1982, p. 4004) u diversi deliberazzjonijiet preċedenti u digrieti adottati konformement mad-dritt nazzjonali, li fosthom ma kienx hemm id-Digriet tal‑1949.

65      Ir-raba’ nett, id-deliberazzjonijiet kontenzjużi kienu jidħlu f’kuntest leġiżlattiv speċifiku, relatat mal-organizzazzjoni tat-trasport fl-Île-de-France, li kien ippreċiżat, għall-ewwel darba, fl-ordonnance no 59‑151, du 7 janvier 1959, relative à l’organisation des transports de voyageurs dans la région parisienne (id-Digriet Nru 59‑151 tas‑7 ta’ Jannar 1959 dwar l-organizzazzjoni tat-trasport tal-passiġġieri fir-reġjun ta’ Pariġi, JORF tal‑10 ta’ Jannar 1959, p. 696), kważi għaxar snin wara l-adozzjoni tad-Digriet tal‑1949.

66      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li d-Digriet tal‑1949 ma kienx jikkostitwixxi bażi legali tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni.

67      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma pproduċewx quddiem il-Qorti Ġenerali l-provi suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni għandha tiġi kklassifikata bħala skema ta’ għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament 2015/1589.

68      Il-fatt li r-rikorrenti jinvokaw l-eżistenza ta’ sempliċi prattika ta’ ssussidjar li tmur lura għaż-żmien tal-Ewwel Gwerra Dinjija ma jistax ikun biżżejjed sabiex juri, għall-perijodu ta’ qabel id-dħul fis-seħħ fi Franza tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, l-eżistenza ta’ miżura statali li tista’ tikkostitwixxi għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

69      Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament 2015/1589 għandu jiġi miċħud.

3)      Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament 2015/1589

70      Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet ksur tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament 2015/1589 sa fejn hija ma qisitx, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-għajnuna mogħtija mir-Reġjun kienet tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna eżistenti skont din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, huma jqisu, b’mod partikolari, li, sa fejn is-swieq tat-trasport pubbliku tal-Istati Membri tal-Unjoni kienu miftuħa għall-kompetizzjoni biss mill‑1995, data miżmuma fis-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415), dwar il-ftuħ tal-imsemmija swieq, is-sussidji mogħtija skont id-deliberazzjonijiet kontenzjużi ma setgħux jikkostitwixxu skema ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, meta dawn ingħataw għall-ewwel darba.

71      Il-Kummissjoni tafferma li, bħalma stabbilixxiet t-tribunal administratif de Paris (il-Qorti Amministrattiva ta’ Pariġi) fis-sentenza Nru 0417015, tal‑10 ta’ Lulju 2008, il-benefiċjarji finali kienu joperaw kemm fis-suq tat-trasport regolari tal-passiġġieri kif ukoll fis-suq tat-trasport okkażjonali tal-passiġġieri. Madankollu, is-suq tat-trasport okkażjonali tal-passiġġieri kien diġà ġie lliberalizzat fl‑1979. Minn dan isegwi li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni setgħet taffettwa l-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri f’dan is-suq, irrispettivament mid-data tal-introduzzjoni tagħha, sa fejn din kienet tinsab bejn l-1979 u l-2008.

72      Il-Kummissjoni żżid li d-data li għandha titqies għall-ftuħ tas-suq tat-trasport regolari tal-passiġġieri hija dik tad-dħul fis-seħħ tal-loi no 93‑122, du 29 janvier 1993, relative à la prévention de la corruption et à la transparence de la vie économique et des procédures publiques (il-Liġi Nru 93‑122, tad‑29 ta’ Jannar 1993, dwar il-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni u dwar it-Trasparenza tal-Ħajja Ekonomika u tal-Proċeduri Pubbliċi, JORF tat‑30 ta’ Jannar 1993, p. 1588, iktar ’il quddiem il-“Liġi Sapin”), li ppermettiet id-dħul tal-investituri u l-operaturi fis-suq Franċiż u ttrasponiet fid-dritt Franċiż id-Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE tal‑14 ta’ Ġunju 1993 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku għal entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, ta’ l-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 194).

73      Skont il-Kummissjoni, il-fatt li mis-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415), jirriżulta li ċerti Stati Membri fetħu s-suq tagħhom għall-kompetizzjoni fl‑1995 ma jeskludix il-fatt li Franza setgħet fetħet tagħha mill‑1993.

74      Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ “evoluzzjoni tas-suq intern” li jinsab fl-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament 2015/1589 jista’ jinftiehem bħala li jirreferi għal bidla fil-kuntest ekonomiku u ġuridiku fis-settur ikkonċernat mill-miżura inkwistjoni. Tali bidla tista’, b’mod partikolari, tirriżulta mil-liberalizzazzjoni ta’ suq inizjalment magħluq għall-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen‑Anhalt vs Il‑Kummissjoni, T‑443/08 u T‑455/08, EU:T:2011:117, punt 188).

75      Konformement mal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament 2015/1589, id-data tal-liberalizzazzjoni ta’ attività mid-dritt tal-Unjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-iskopijiet biss biex jiġi eskluż li, wara dik id-data, miżura li ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna qabel il-liberalizzazzjoni tkun ikklassifikata bħala għajnuna eżistenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2018, EDF vs Il‑Kummissjoni, T‑747/15, EU:T:2018:6, punt 369).

76      Fil-każ ineżami, mid-deċiżjoni kkontestata, u b’mod iktar partikolari mill-premessa 18(a) u mill-premessi 19, 183 u 186 ta’ din id-deċiżjoni, jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet bdiet fl‑1994 u tħassret fl‑2008, bil-konsegwenza li d-dispożittiv tal-għajnuna inizjali tal‑1979 għandu jitqies bħala skema ta’ għajnuna distinta minn dik implimentata mid-deliberazzjonijiet CR 34‑94 et seq.

77      Fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni għandhiex tiġi kklassifikata bħala skema ta’ għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament 2015/1589 jew konformement mal-ġurisprudenza li skontha skema ta’ għajnuna mibdija f’suq li inizjalment kien magħluq għall-kompetizzjoni għandha titqies, wara l-liberalizzazzjoni ta’ dan is-suq, bħala skema ta’ għajnuna eżistenti (sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2000, Alzetta et vs Il‑Kummissjoni, T‑298/97, T‑312/97, T‑313/97, T‑315/97, T‑600/97 sa T‑607/97, T‑1/98, T‑3/98 sa T‑6/98 u T‑23/98, EU:T:2000:151, punt 143), għandu jitfakkar li l-Liġi Sapin, li lliberalizzat is-suq tat-trasport regolari tal-passiġġieri fit-territorju Franċiż kollu, bl-eċċezzjoni tal-Île-de-France, ġiet adottata fl‑1993, jiġifieri qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-deliberazzjoni CR 34‑94, u li din id-data tal-aħħar tikkoinċidi, skont l-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, kif imfakkar fil-punt 76 iktar ’il fuq, mad-data tal-introduzzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni.

78      B’kunsiderazzjoni ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni qieset ġustament, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-benefiċjarji finali setgħu, mill‑1994, jużaw it-tagħmir iffinanzjat mill-għajnuna mogħtija taħt l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fi swieq oħra tat-trasport regolari tal-passiġġieri miftuħa għall-kompetizzjoni u, konsegwentement, li l-imsemmija għajnuna setgħet taffettwa l-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri u tikkostitwixxi għajnuna ġdida minn din id-data.

79      Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed f’dubju mill-affermazzjoni tar-rikorrenti li skontha l-Liġi Sapin ġiet qabel kwalunkwe liberalizzazzjoni formali tas-suq tat-trasport regolari mid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament 2015/1589 għandu jinqara fis-sens li s-sempliċi preżenza ta’ data tal-liberalizzazzjoni, li tirriżulta mid-dħul fis-seħħ ta’ leġiżlazzjoni Ewropea, ma hijiex biżżejjed sabiex teskludi l-fatt li miżura tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna ġdida jekk, abbażi tal-kriterju tal-evoluzzjoni tas-suq, tista’ tingħata prova li l-miżura kienet ġiet adottata f’suq li diġà kien, kollu jew parti minnu, miftuħ għall-kompetizzjoni qabel id-data tal-liberalizzazzjoni tal-attività kkonċernata mid-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2018, EDF vs Il‑Kummissjoni, T‑747/15, EU:T:2018:6, punt 369).

80      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma kkontestawx il-klassifikazzjoni tas-sussidji mogħtija skont id-deliberazzjonijiet kontenzjużi bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE għall-perijodu 1994‑2008. Barra minn hekk, il-konklużjoni tal-Kummissjoni li skontha l-kriterji kollha previsti fl-Artikolu 107(1) TFUE kienu ssodisfatti għal dan il-perijodu hija konformi mal-analiżi li tinsab fid-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali, jiġifieri, b’mod partikolari, is-sentenza Nru 0417015, tal‑10 ta’ Lulju 2008, tat-tribunal administratif de Paris (il-Qorti Amministrattiva ta’ Pariġi) u s-sentenza Nru 08PA04753, tat‑12 ta’ Lulju 2010, tal-cour administrative d’appel de Paris (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Pariġi), iċċitati notevolment fil-premessa 226 tad-deċiżjoni kkontestata.

81      Iktar minn hekk, minkejja li l-Kummissjoni setgħet wettqet, bħalma jallegaw ir-rikorrenti, żball meta qieset li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ġiet introdotta biss fl‑1994, dan l-uniku żball ma jkunx suffiċjenti biex tiġi invalidata l-konklużjoni li skontha din għandha titqies bħala skema ta’ għajnuna ġdida. Fil-fatt, bħalma ġie rrilevat diġà fil-punt 49 iktar ’il fuq, mill-premessi 226 u 237 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, anki jekk tiġi aċċettata l-ipoteżi li skontha l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kellha titqies bħala li nbdiet mill‑1979 jew l-iktar tard fl‑1994, f’data li fiha s-suq tat-trasport regolari tal-passiġġieri kien għadu magħluq għall-kompetizzjoni, il-benefiċjarji finali setgħu jużaw il-materjal iffinanzjat parzjalment mir-Reġjun fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ trasport okkażjonali miftuħa għall-kompetizzjoni.

82      Fil-każ ineżami, ir-rikorrenti ma pproduċew l-ebda prova konkreta sabiex jiġi stabbilit li s-suq tat-trasport okkażjonali ma kienx is-suġġett ta’ kummerċ bejn l-Istati Membri matul il-perijodu li ppreċeda l-introduzzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni jew mal-introduzzjoni tagħha.

83      Barra minn hekk, il-cour administrative d’appel de Paris (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Pariġi) kienet diġà enfasizzat ir-rilevanza tas-suq tat-trasport okkażjonali tal-passiġġieri fis-sentenza tagħha Nru 15PA00385, tas‑27 ta’ Novembru 2015. Għalhekk, huwa billi bbażat fuq id-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali li l-Kummissjoni kkonstatat li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kellha titqies bħala li affettwat, sa mill-introduzzjoni tagħha, il-kummerċ bejn l-Istati Membri u l-kompetizzjoni, inkluż fl-ipoteżi fejn din kienet bdiet fl‑1979.

84      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament 2015/1589 għandu jiġi miċħud, l-istess bħall-ewwel motiv kollu kemm hu.

2.      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament 2015/1589

85      Ir-rikorrenti jikkontestaw, essenzjalment, il-konklużjoni, fil-premessa 239 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontha, peress li l-ewwel rikors kien ippreżentat quddiem qrati nazzjonali f’Mejju 2004, l-għajnuna mogħtija taħt l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni qabel Mejju 1994 biss hija preskritta.

86      B’mod iktar partikolari, ir-rikorrenti jsostnu li, għall-kuntrarju ta’ dak li tqis il-Kummissjoni fil-premessa 239 tad-deċiżjoni kkontestata, f’Mejju 2004 ma ġie ppreżentat l-ebda rikors li jista’ jinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament 2015/1589 quddiem il-qrati nazzjonali. L-4 ta’ Mejju 2004 jikkorrispondi għad-data li fiha s-SATV talab lir-Reġjun jipproċedi bit-tħassir tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, talba li t-tribunal administratif de Paris (il-Qorti Amministrattiva ta’ Pariġi) ġiet adita biha biss fit‑23 ta’ Lulju 2004.

87      Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma spjegatx kif il-kawża mressqa quddiem qorti nazzjonali setgħet tiġi assimilata ma’ “azzjoni meħuda mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru, li jaġixxi fuq talba tal-Kummissjoni” fis-sens tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament 2015/1589. Bil-konklużjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, li t-terminu ta’ preskrizzjoni seta’ jiġi interrott mill-ewwel rikors ippreżentat quddiem il-qrati nazzjonali minn kompetitur tar-rikorrenti, il-Kummissjoni wessgħet il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u, għalhekk, kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

88      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni ddevjat mit-test tal-ittra tal‑11 ta’ Marzu 2014 li hija indirizzat lilhom fi tmiem il-fażi preliminari tal-eżami, li kienet tipprevedi li l-għajnuna mogħtija wara l-1998 biss ma kinitx preskritta.

89      Il-Kummissjoni tafferma li t-tieni motiv huwa ineffettiv. Hija tqis li l-analiżi tagħha tal-preskrizzjoni tal-għajnuna mogħtija taħt l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fir-rigward tal-kontenzjuż nazzjonali ma taqax taħt l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament 2015/1589, iżda taħt dik tal-Artikolu 108(3) TFUE.

90      Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 108(3) TFUE huwa intiż sabiex il-qrati nazzjonali jżommu l-ġurisdizzjoni esklużiva tagħhom għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna u s-setgħa tagħhom ta’ rkupru. It-terminu ta’ preskrizzjoni għandu jkun iddeterminat mid-dritt nazzjonali u jkun jista’ jiġi interrott mill-ewwel kawża mressqa quddiem il-qrati nazzjonali minn kompetitur tal-benefiċjarji finali.

91      Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 17(2) tar-Regolament 2015/1589 jiffissa l-modalitajiet ta’ kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin li huma suġġetti għalih is-setgħat tal-Kummissjoni fil-qasam tal-irkupru tal-għajnuna, filwaqt li l-Artikolu 17(3) tal-imsemmi regolament jipprevedi li “[k]ull għajnuna li fir-rigward tagħha jkun skada l-perjodu ta’ preskrizzjoni, għandha titqies li hi għajnuna eżistenti”. L-Artikolu 1(b)(iv) ta’ dan l-istess regolament jippreċiża li l-għajnuna eżistenti tinkludi “għajnuna meqjusa għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 17”.

92      F’dan ir-rigward, mill-premessi 238 sa 240 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-kwistjoni tal-preskrizzjoni tal-għajnuna kontenzjuża ġiet eżaminata mill-Kummissjoni għall-finijiet biss sabiex jiġi vverifikat jekk il-konklużjoni milħuqa preċedentement, f’din id-deċiżjoni, fir-rigward tal-karattru ġdid tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, setgħetx titqiegħed f’dubju minħabba l-preskrizzjoni ta’ parti minn din l-għajnuna. B’mod partikolari, il-premessa 239 tad-deċiżjoni kkontestata għandha l-għan li tikkonferma li “[l]-għajnuna kollha mogħtija lir-Reġjun [mir-Reġjun] wara Mejju 1994 […] trid għalhekk titqies bħala għajnuna ġdida skont din il-proċedura”.

93      Minn dan isegwi li l-kunsiderazzjonijiet spjegati fil-premessa 239 tad-deċiżjoni kkontestata għandhom rabta espliċita mal-analiżi magħmula f’din id-deċiżjoni dwar il-karattru ġdid jew eżistenti tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, b’tali mod li, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, hija kellha l-għan, f’din il-premessa, li tapplika l-Artikolu 1(b)(iv) tar-Regolament 2015/1589, moqri flimkien mal-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament.

94      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-regoli fil-qasam tal-preskrizzjoni ddefiniti fl-Artikolu 17 tar-Regolament 2015/1589 huma marbuta biss mas-“setgħat tal-Kummissjoni biex tirkupra l-għajnuna”. Din id-dispożizzjoni fil-fatt għandha tinqara wara l-Artikolu 16(1) tal-imsemmi regolament, li jipprevedi, essenzjalment, li huwa biss fil-każ ta’ deċiżjoni negattiva dwar l-għajnuna illegali, jiġifieri wara li tiġi kkonstatata l-inkompatibbiltà tal-għajnuna kontenzjuża mas-suq intern, li l-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni ta’ rkupru.

95      Minn dan jirriżulta li r-regoli fil-qasam tal-preskrizzjoni previsti fl-Artikolu 17 tar-Regolament 2015/1589, l-istess bħall-Artikolu 1(b)(iv) tal-imsemmi regolament, ma għandhomx l-għan li jiġu applikati f’każ fejn, bħal fil-każ ineżami, il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-kompatibbiltà tal-għajnuna illegali mas-suq intern qabel l-għoti tagħhom.

96      Bl-istess mod, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin previst fl-Artikolu 17 tar-Regolament 2015/1589 ma jistax jiġi interpretat bħala li jiġi estiż għas-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali li jirkupraw l-interessi skont il-perijodu li matulu l-għajnuna inkwistjoni tħallset illegalment.

97      F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament 2015/1589 jirriżulta li din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tirregola għalkollox il-kwistjoni tal-preskrizzjoni applikabbli fil-każ ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni dwar l-irkupru tal-għajnuna. Il-preżentata ta’ rikors fil-livell tal-qrati nazzjonali minn kompetitur ma tistax, għaldaqstant, tikkostitwixxi “azzjoni meħuda mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru, li jaġixxi fuq talba tal-Kummissjoni, fir-rigward tal-għajnuna kontra l-liġi”, fis-sens tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament 2015/1589.

98      F’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja li l-qrati nazzjonali kienu ddeċidew, fir-rigward tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, li l-għajnuna mogħtija taħt din l-iskema kienet preskritta sa mill-preżentata tal-ewwel rikors quddiemhom minn kompetitur tal-benefiċjarji finali, din id-deċiżjoni ma setgħetx tiġi imposta fuq il-Kummissjoni.

99      B’mod reċiproku, hemm lok li jitqies li s-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali dwar irkupru possibbli tal-għajnuna inkwistjoni jew tal-interessi skont il-perijodu li matulu l-għajnuna inkwistjoni tħallset illegalment huma suġġetti għar-regoli ta’ preskrizzjoni biss tad-dritt nazzjonali applikabbli quddiem il-qorti nazzjonali.

100    Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-punti 34 u 35 tas-sentenza tagħha tal‑5 ta’ Ottubru 2006, Transalpine Ölleitung in Österreich (C‑368/04, EU:C:2006:644), li, sa fejn ir-Regolament 2015/1589 fih regoli ta’ natura proċedurali li japplikaw għall-proċeduri amministrattivi kollha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat li kienu pendenti quddiem il-Kummissjoni, dan jikkodifika u jsaħħaħ il-prassi tal-Kummissjoni fil-qasam tal-eżami tal-għajnuna mill-Istat u ma fih l-ebda dispożizzjoni dwar is-setgħat u l-obbligi tal-qrati nazzjonali, li jibqgħu rregolati mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

101    Fil-każ ineżami, hemm lok li jitfakkar, minn naħa, li l-Kummissjoni ma setgħetx teżerċita s-setgħat tagħha ta’ rkupru fil-konfront tal-benefiċjarji finali tal-għajnuna mogħtija taħt l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, peress li hija kienet ikkonkludiet, fl-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet kompatibbli mas-suq intern.

102    Għandu jitfakkar, min-naħa l-oħra, li, meta l-Kummissjoni tikkonkludi, bħal fid-deċiżjoni kkontestata, dwar l-illegalità ta’ għajnuna, id-dritt tal-Unjoni jimponi lill-qrati nazzjonali jordnaw lill-benefiċjarju tagħha l-pagament tal-interessi skont il-perijodu li matulu l-għajnuna inkwistjoni tħallset illegalment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Frar 2008, CELF u Ministre de la Culture et de la Communication, C‑199/06, EU:C:2008:79, punti 51, 52 u 55, u tas‑16 ta’ Ottubru 2014, Alpiq RomIndustries u Alpiq RomEnergie vs Il‑Kummissjoni, T‑129/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:895, punt 39). Madankollu, anki fl-assenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, ma jiġix impost fuqhom l-irkupru wkoll tal-għajnuna illegali, meta din tkun kompatibbli mas-suq intern. Jekk ikun il-każ, huwa għalhekk biss bis-saħħa tad-dritt nazzjonali li, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 32 iktar ’il fuq, il-qorti nazzjonali jkollha eventwalment is-setgħa li tordna l-irkupru tal-għajnuna illegali, bla ħsara għad-dritt tal-Istat Membru kkonċernat li jerġa’ jimplimenta din l-għajnuna, sussegwentement, jew li tilqa’ talba għal kumpens għad-dannu kkawżat minħabba n-natura illegali tal-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2008, CELF u Ministre de la Culture et de la Communication, C‑199/06, EU:C:2008:79, punt 55).

103    Konsegwentement, li kieku kellu jitqies li l-Kummissjoni wettqet żball fl-applikazzjoni tal-Artikolu 1(b)(iv) u tal-Artikolu 17 tar-Regolament 2015/1589, fil-premessa 239 tad-deċiżjoni kkontestata, tali ċirkustanza ma tistax tipproduċi effetti legali fil-konfront tar-rikorrenti.

104    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, it-tieni motiv għandu jiġi ddikjarat ineffettiv, minħabba li l-Artikolu 17(2) tar-Regolament 2015/1589 ma kienx japplika fil-każ ineżami, b’kunsiderazzjoni tal-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni mas-suq intern.

105    Peress li l-motivi kollha invokati insostenn ta’ dan ir-rikors ġew miċħuda, hemm lok li jiġi miċħud l-imsemmi rikors.

V.      Fuq l-ispejjeż

106    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

107    Fil-każ ineżami, peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż proprji tagħhom, dawk tal-Kummissjoni, konformement mat-talbiet ta’ din tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Keolis CIFu r-rikorrenti l-oħra li l-ismijiet tagħhom jinsabu fl-Anness għandhom ibatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Pelikánová

Valančius

Öberg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Lulju 2019.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


1      Il-lista tar-rikorrenti l-oħra hija annessa biss mal-verżjoni nnotifikata lill-partijiet.