Language of document : ECLI:EU:C:2012:805

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fit-13 ta’ Diċembru 2012(1)

Kawża C‑619/11

Patricia Dumont de Chassart

vs

Office national d’allocations familiales pour travailleurs salariés (ONAFTS)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Tribunal du travail de Bruxelles, il-Belġju)

“Sigurtà soċjali – Regolament (KEE) Nru 1408/71 –Artikolu 79 – Benefiċċji favur orfni ta’ ħaddiema soġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ diversi Stati Membri maħruġa mill-Istat Membru ta’ residenza tal-iltiem – Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa mill-konjuġi tad-decuius fi Stat Membru ieħor – Differenza fit-trattament”





1.        Id-domanda preliminari magħmula fil-kawża preżenti mill-qorti tar-rinviju, it-Tribunal du travail de Bruxelles, tikkonċerna l-Artikolu 79(1) tar-Regolament Nru 1408/71 (2) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71) u b’mod partikolari r-riferiment, fis-subparagrafu (a) ta’ din id-dispożizzjoni, għall-Artikolu 72 tal-istess regolament. Dawn id-dispożizzjonijiet inbidlu kompletament bir-Regolament (KEE) Nru 883/2004 (3) li ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 1408/71 b’effett mill-1 ta’ Mejju 2010. Id-dispożizzjonijiet il-ġodda huma madankollu irrilevanti għal din il-kawża.

2.        Fil-kawża prinċipali l-qorti tar-rinviju għandha quddiemha r-rikors tal-appell tar-rikorrenti, Du Mont de Chassart, kontra deċiżjoni tal-uffiċċju Belġjan għall-benefiċċji tal-familja għal ħaddiema impjegati (l-Office national d’allocations familiales pour travailleurs salariés, (iktar ’il quddiem: l-“ONAFTS”), li biha ġiet miċħuda t-talba tar-rikorrenti għal benefiċċji tal-familja għall-orfni. F’dan il-kuntest il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab, fis-sustanza, tikkjarifika jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71, li jistabbilixxu l-liġi nazzjonali applikabbli għall-għoti ta’ benefiċċji tal-familja lill-“orfni ta’ ħaddiem impjegat jew persuna li taħdem għal rasha defunt”, jeskludux il-possibbiltà li jiġi applikat il-prinċipju ta’ aggreggazzjoni billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ assigurazzjoni li jakkumulaw fi Stat Membru ieħor tal-ġenitur ħaddiem li jkun għadu ħaj, jekk, bħal fil-każ preżenti, id-dritt nazzjonali jippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ assigurazzjoni akkumulati minn dan tal-aħħar abbażi ta’ talba għal benefiċċji tal-familja għall-orfni.

3.        L-interess fil-kawża preżenti jikkonsisti fil-fatt li, kuntrarjament għall-parti l-kbira tal-kawżi li tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-materja, din ma tikkonċernax xi kwistjoni dwar l-aggregazzjoni ta’ benefiċċji dovuti fl-istess ħin fi Stati Membri differenti (4), imma tikkonċerna pjuttost l-interazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 u d-dritt nazzjonali applikabbli.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

4.        L-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71 huwa inkluż fil-Kapitolu 7 tat-Titolu III, li jirrigwarda “il-benefiċċji tal-familja”. Dan l-artikolu huwa intitolat “Aggregazzjoni ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni, impjieg jew impjieg għar-ras [attività bħala persuna li taħdem għal rasha]” u jipprovdi:

“Fejn il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed tagħmel l-akkwist tad-dritt għall-benefiċċji bil-kondizzjoni fuq it-twettiq ta’ perijodi ta’ impjieg, l-istituzzjoni kompetenti ta’ dan l-Istat għandha tqis, safejn u sakemm meħtieġ, l-perijodi ta’ impjieg imwettqa fit-territorju ta’ kull Stat Membru ieħor, daqs li kieku kienu ġew imwettqa taħt il-leġislazzjoni tagħha”.

5.        L-Artikoli 78 u 79 tal-istess regolament huma inklużi fil-Kapitolu 8 tat-Titolu III, li jirrigwarda “ Dispożizzjonijiet komuni għall-benefiċċji lit-tfal dipendenti tal-pensjonanti u lill-orfni”.

6.        L-Artikolu 78 tar-Regolament, intitolat “L-Orfni” jipprovdi:

“1. Għall-għanijiet ta’ dan l-Artikolu, it-terminu “benefiċċji” jfisser is-sussidji tal-familja u, fejn jixraq, is-supplimenti jew is-sussidji speċjali għall-orfni.

2. Il-benefiċċji għall-orfni għandhom jiġu konċessi bi qbil mar-regoli li ġejjin, irrispettivament mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkunu jirrisjedi jew jinsabu l-orfni jew il-persuna naturali jew legali li jkunu attwalment imantnuhom:

[…]

(b)      għall-orfni ta’ ħaddiem deċedut li kien soġġett għal-leġislazzjoni ta’ numru ta’ Stati Membri:

(i)      bi qbil mal-leġislazzjoni ta’ liema jkunu minn dawn l-Istati li jirrisjedi fih iżda, filwaqt li, fejn xieraq, jitqies l-Artikolu 79(1)(a), id-dritt għal wieħed mill-benefiċċji msemmija fil-paragrafu[…].

7.        L-Artikolu 79 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Dispożizzjonijiet komuni għall-benefiċċji lit-tfal dipendenti tal-pensjonanti u lill-orfni”, jipprovdi:

“1. Il-benefiċċji, fit-tifsira ta’ l-Artikoli […] u 78, għandhom jiġu provduti bi qbil mal-leġislazzjoni stabbilita bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijit ta’ dawn l-Artikoli mill-istitizzjoni responsabili mill-amministrazzjoni ta’ din il-leġislazzjoni bi spejjeż tagħha daqs li kieku l-pensjonant jew il-ħaddiem deċedut kienu soġġetti biss għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti.

Iżda:

(a)      jekk din il-leġislazzjoni tipprovdi illi l-kisba, iż-żamma jew l-irkupru tad-drittijiet għal benefiċċji għandhom ikunu dipendenti fuq it-tul tal-perijodi taż-żmien ta’ l-assigurazzjoni jew l-impjieg, dawn it-tulijiet għandhom jiġu stabbiliti billi jitqiesu fejn meħtieġ l-Artikoli […] jew 72 skond kif jixraq[…]”.

B –    Id-dritt nazzjonali

8.        L-Artikolu 56a(1) tal-liġijiet, li ġew stabbiliti fid-19 ta’ Diċembru 1939 li jikkonċernaw l-allowances tal-familja għal impjegati (iktar ’il quddiem “il-liġijiet stabbiliti”) jipprovdi, fis-sustanza, li l-benefiċjarju ta’ benefiċċji tal-familja għall-orfni, huwa l-orfni li l-ġenitur mejjet jew il-ġenitur ħaj tiegħu jkun issodisfa matul it-tnax-il xahar ta’ qabel il-mewt tiegħu, il-kundizzjonijiet biex jitlob tal-inqas sitt allowances standard (bażiċi) ta’ kull xahar skont l-istess liġijiet stabbiliti.

II – Il-fatti, il-proċediment nazzjonali u d-domanda preliminari

9.        Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Du Mont de Chassart, hija ċittadina Belġjana, l-armla tas-Sur Descampe, ċittadin Belġjan huwa wkoll. Il-koppja kellha tifel, Diego Descampe, ċittadin Belġjan huwa wkoll, li twieled fi Franza fis-sena 2000.

10.      Għal ħafna snin din il-familja għexet fi Franza, fejn iż-żewġ ġenituri kienu jaħdmu. B’mod partikolari, jirriżulta mill-proċess li Du Mont de Chassart fi Franza kienet impjegata bħala psikologa ma’ assoċjazzjoni għat-tfal mit-28 ta’ Settembru 1993 sal-31 ta’ Awwissu 2008. Min-naħa tiegħu is-Sur Descampe kien impjegat kemm fil-Belġju (fil-perijodi bejn l-1968 u l-1976 u l-1987 u l-1998) kif ukoll sal-2002 fi Franza. Mill-2002 ’il quddiem, madankollu, sad-data tal-mewt tiegħu fil-25 ta’ April 2008, huwa ma ħadimx iktar u kien jgħix fi Franza f’sitwazzjoni ta’ “pre-pensjonament” mingħajr ma kien qiegħed jirċievi xi dħul jew kumpens.

11.      Fil-31 ta’ Awwissu 2008, jiġifieri ftit xhur wara l-mewt tas-Sur Descampe, Du Mont de Chassart u t-tifel tagħha ttrasferew irwieħhom fil-Belġju, fejn hi wara li ħadmet għal madwar xahar, spiċċat bla xogħol.

12.      Fit-13 ta’ Ottubru 2008 Du Mont de Chassart għamlet talba lill-ONAFTS għall-għoti ta’ benefiċċji tal-familja għall-orfni.

13.      Minkejja li fid-9 ta’ Marzu 2009 u fis-6 ta’ April 2009 rispettivament, l-ONAFTS qablet li tagħtiha, b’effett retroattiv, l-allowances tal-familja kif ukoll l-għajnuna supplimentari għal nukleji familjari b’ġenitur wieħed, b’deċiżjoni li ħadet fl-20 ta’ Ottubru 2009, hija rrifjutat li tagħti lil Du Mont de Chassart il-benefiċċji tal-familja għall-orfni. L-ONAFTS motivat id-deċiżjoni tagħha billi għamlet riferiment għall-fatt li l-missier mejjet, matul it-tnax-il xahar qabel il-mewt tiegħu, ma ssodisfax il-kundizzjonijiet biex jitlob almenu sitt allowances standard ta’ kull xahar kif mitlub mill-Artikolu 56a tal-liġijiet stabbiliti.

14.      Fl-4 ta’ Frar 2010 Du Mont de Chassart ippreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju li fih ikkontestat ir-rifjut u sostniet li l-ONAFTS kellha tagħtiha l-benefiċċji għall-orfni wara li tieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ assigurazzjoni li hija akkumulat fi Franza qabel il-mewt ta’ żewġha.

15.      Il-qorti tar-rinviju osservat li skont l-Artikolu 78(2)(b)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 huwa applikabbli d-dritt tal-Istat Membru tar-residenza tat-tifel orfni u li, għalhekk mill-1 ta’ Settembru 2008, għas-sitwazzjoni ta’ Du Mont de Chassart huwa applikabbli d-dritt Belġjan. Il-qorti tar-rinviju rrilevat li skont l-Artikolu 56a tal-liġijiet stabbiliti, kemm is-sitwazzjoni tal-ġenitur mejjet u kemm is-sitwazzjoni tal-ġenitur ħaj jistgħu jiġu dedotti bħala bażi għat-talba għal benefiċċji tal-familja għall-orfni. Madankollu, fil-kawża preżenti, din it-talba ma tistax tkun ibbażata fuq is-sitwazzjoni tal-ġenitur mejjet peress li, matul it-tnax-il xahar immedjatament qabel il-mewt tiegħu, huwa ma ssodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 56a tal-liġijiet stabbiliti. Mill-banda l-oħra s-sitwazzjoni ta’ Du Mont de Chassart, tista’ tiġi invokata bħala bażi għat-talba tagħha fil-każ biss li l-perijodi ta’ xogħol imwettqa fi Franza jistgħu jkunu aggregati ma’ perijodi ta’ xogħol li twettqu fil-Belġju. Dan ikun possibbli jekk jiġi applikat għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti l-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71 li jipprovdi għall-aggregazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni u ta’ impjieg.

16.      Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, fil-kawża preżenti l-applikazzjoni tal-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71 għas-sitwazzjoni ta’ Du Mont de Chassart hija eskluża peress li, kif muri fid-deċiżjoni tal-ONAFTS, l-Artikolu 79(1) tal-istess regolament jagħmel riferiment għal dan l-artikolu billi jirreferi però esklużivament għall-ġenitur impjegat mejjet. Ir-raġunament għalfejn isir riferiment biss għall-ġenitur mejjet wieħed jista’ jsibu fiċ-ċirkustanza li l-fatt li joħloq id-dritt għall-benefiċċji tal-familja għat-tifel orfni jifforma ruħu bil-mewt tal-ġenitur. Għalhekk l-ambitu ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 79(1) tar-Regolament Nru 1408/71 u konsegwentement, tar-riferiment li jagħmel għall-Artikolu 72 tal-istess regolament, huwa iktar limitat minn dak tal-Artikolu 56a tal-liġijiet stabbiliti li minflok jagħmel riferiment għas-sitwazzjoni taż-żewġ ġenituri. Dan jimpedixxi f’din il-kawża t-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni tal-ġenitur impjegat li għadu ħaj.

17.      Għalhekk il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk is-sitwazzjoni li tirriżulta mill-interazzjoni bejn l-Artikolu 79(1) tar-Regolament Nru 1408/71 u tal-Artikolu 56a tal-liġijiet stabbiliti tiksirx il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni. Il-qorti tar-rinviju għandha dubju b’mod partikolari fir-rigward tad-distinzjoni bejn tfal orfni ta’ ġenituri li qatt ma ħallew it-territorju Belġjan biex iwettqu attività professjonali fl-Unjoni u t-tfal orfni li l-ġenituri tagħhom, ċittadini tal-Unjoni Ewropea, ikunu rrisjedew fi Stat Membru li fih, matul il-perijodu rilevanti għall-iskop tal-liġi Belġjana, il-ġenitur li jkun għadu ħaj ikun ħadem, filwaqt li l-ġenitur li jkun miet ma jkunx ħadem. Fil-fatt, għal tal-ewwel, il-ġenitur li jkun baqa’ ħaj li jkun ħadem fil-Belġju matul il-perijodu ta’ riferiment jista’ jinvoka, minbarra l-perijodi ta’ assigurazzjoni tal-ġenitur mejjet, anki l-perijodu ta’ assigurazzjoni tiegħu li jkun akkumula fil-Belġju, filwaqt li, għal tat-tieni, il-metodu ta’ aggregazzjoni tal-perijodu tal-assigurazzjoni interpretat b’dan il-mod ma jippermettix lil dan il-ġenitur li baqa’ ħaj li “jimporta” fil-Belġju l-perijodi ta’ assigurazzjoni tiegħu li jkun akkumula fi Stat Membru ieħor.

18.      F’dan il-kuntest, il-Qorti tar-rinviju ssospendiet il-proċedura u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 79(1) tar-Regolament [...] Nru 1408/71 [...] jikser il-prinċipji ġenerali ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni sanċiti, inter alia, fl-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, moqri flimkien, fejn jixraq, mal-Artikoli [20, 45 u/jew 49 TFUE], meta dan jiġi interpretat fis-sens li jippermetti biss lill-ġenitur li jkun miet li jibbenefika mir-regoli ta’ assimilazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni, impjieg jew xogħol self-employed previsti fl-Artikolu 72 tar-Regolament [...] Nru 1408/71 [...], b’tali mod li, bħala konsegwenza, l-Artikolu 56a(1) tal-liġijiet [...] stabbiliti [...] jeskludi, fil-konfront tal-ġenitur li jkun għadu ħaj, irrispettivament min-nazzjonalità tiegħu ladarba huwa jkun ċittadin ta’ Stat Membru jew ladarba jkun jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament [...] Nru 1408/71 [...], il-possibbilità li jipproduċi l-prova li huwa jissodisfa l-kundizzjoni li fil-kwalità tiegħu ta’ benefiċċjarju fis-sens tal-Artikolu 51(3)(1) tal-liġijiet [...] stabbiliti [...], huwa kien eliġibbli għal sitt allowances mensili fil-forma ta’ somma f’daqqa matul it-tnax-il xahar ta’ qabel il-mewt, filwaqt li l-ġenitur li jkun għadu ħaj, kemm jekk ikun ta’ nazzjonalità Belġjana jew ikun ċittadin ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, li jkun ħadem esklużivament fil-Belġju matul il-perijodi ta’ tnax-il xahar previst fl-Artikolu 56a(1) tal-liġijiet [...] stabbiliti [...], fejn ikun applikabbli, peress li dan qatt ma jkun telaq mit-territorju Belġjan, huwa permess li jipproduċi tali prova?”.

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19.      It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Novembru 2011. Du Mont de Chassart, il-Gvern Belġjan, il-Kunsill u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

20.      Waqt is-seduta tas-7 ta’ Novembru 2012 Du Mont de Chassart, il-Gvern tal-Belġju, il-Kunsill u l-Kummissjoni għamlu s-sottomissjonijiet tagħhom.

IV – Analiżi legali

21.      Bid-domanda preliminari tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi, fis-sustanza, jekk l-Artikolu 79(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jiksirx il- prinċipji tat-trattament ugwali u tan-nondiskriminazzjoni sa fejn, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, bl-awtorizzazzjoni tal-applikazzjoni tar-regoli dwar l-aggreggazzjoni tal-perijodi taż-żmien ta’ assigurazzjoni, impjieg jew attivita’ bħala persuna li taħdem għal rasha skont l-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71 b’riferiment biss għall-ġenitur impjegat li miet, iżommx milli jiġu kkunsidrati dawn il-perijodi għall-ġenitur li għadu ħaj li kien impjegat fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni għall-iskopijiet tal-għoti tal-benefiċċji għall-orfni, minkejja li d-dritt nazzjonali jippermetti li tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar bħala bażi għat-talba għall-għoti ta’ dawn il-benefiċċji.

22.      Qabel ma tiġi analizzata d-domanda mressqa mill-qorti tar-rinviju jeħtieġ li tingħata risposta għal argument ta’ natura preliminari mqajjem mill-Gvern Belġjan rigward l-applikabbiltà fil-kawża preżenti tar-Regolament Nru 1408/71.

A –    Dwar l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1408/71

23.      Fil-fatt, il-Gvern Belġjan jikkontendi b’mod preliminari li, peress li s-Sur Descampe kien waqaf minn kull attività ta’ xogħol f’April 2002 u peress li għalhekk, fil-mument meta miet, jiġifieri f’April 2008, ma kienx għadu affiljat ma’ xi skema ta’ sigurtà soċjali, huwa ma setax ikun iktar ikkwalifikat fil-mument li miet, bħala impjegat jew bħala persuna li taħdem għal rasha skont l-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 1408/71. B’riżultat ta’ dan, l-aventi causa tiegħu ma jistgħux jinvokaw l-imsemmi regolament.

24.      Madankollu, f’dan ir-rigward ma nistax ma nirrilevax kif l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1408/71, li jirregola l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għall-persuni, jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu li “r-Regolament għandu japplika għall-persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom u għall-istudenti li huma jew kienu soġġetti għal-liġijiet ta’ Stat Membru jew aktar u li huma persuni ta’ nazzjonalità ta’ wieħed mill-Istati Membri [...], kif ukoll il-membri tal-familji tagħhom jew is-sopravissuti tagħhom” (5).

25.      Fil-kawża preżenti, ma huwiex ikkontestat li s-Sur Descampe huwa ċittadin ta’ wieħed mill-Istati Membri, il-Belġju, u li, peress li kien jaħdem fi Franza u fil-Belġu, huwa kien suġġett għal-leġiżlazzjoni ta’ diversi Stati Membri. Lanqas ma huwa kkontestat li kemm it-tifel orfni kif ukoll il-konjuġi huma familjari u għadhom ħajjin skont ir-Regolament Nru 1408/71.

26.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-fehma tiegħi, ma hemmx dubju li r-Regolament Nru 1408/71 huwa applikabbli għall-fatti msemmija fil-kawża prinċipali.

27.      Fir-rigward tal-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1408/71, wieħed jista’ josserva wkoll, għall-kompletezza, li huwa applikabbli wkoll ratione temporis peress li t-talba ta’ Du Mont de Chassart saret f’Ottubru 2008, jiġifieri qabel ma daħal fis-seħħ ir-Regolament Nru 883/2004, li, kif diġà ġie osservat, ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 1408/71 b’effett mill-1 ta’ Mejju 2010 (6).

B –    Dwar id-domanda preliminari

28.      Jekk wieħed jgħaddi għall-analiżi fil-mertu tad-domanda preliminari li saret mill-qorti tar-rinviju, qabel xejn wieħed irid jirrileva li fis-sustanza hija tammonta għal kwistjoni ta’ validità tal-Artikolu 79(1) tar-Regolament Nru 1408/71 fil-kuntest tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni. Madankollu, wieħed ma jistax ma jikkonstatax anki kif il-kwistjoni tal-validità li tqajmet mill-qorti tar-rinviju hija bbażata fuq interpretazzjoni speċifika tal-Artikolu 79(1) tar-Regolament Nru 1408/71, jiġifieri l-interpretazzjoni restrittiva msemmija fil-punt 16 iktar ’il fuq li ġiet applikata mill-ONAFT, u li jidher li kienet approvata mill-qorti tar-rinviju. Skont din l-interpretazzjoni, peress li r-riferiment għall-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1408/71, li huwa inkluż fl-Artikolu 79(1) tal-istess regolament, huwa limitat għas-sitwazzjoni tal-ġenitur impjegat li miet, l-aggregazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni li ġew akkumulati mill-ġenitur impjegat li għadu ħaj fis-sustanza tiġi eskluża, anki jekk il-leġiżlazzjoni tippermetti li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tiegħu bħala bażi għat-talba għall-benefiċċji tal-familja għall-orfni.

29.      F’dan il-kuntest, bħala tweġiba utli għad-domanda li saret mill-qorti tar-rinviju, jeħtieġ li wieħed jagħmel riferiment għall-ġurisprudenza stabbilita rigward l-iskopijiet tar-Regolament Nru 1408/71. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat ripetutament li r-Regolament Nru 1408/71 ma joħloqx sistema komuni ta’ għajnuna soċjali, imma jħalli jeżistu sistemi nazzjonali differenti u għandu biss bħala skop dak li tiġi żgurata koordinazzjoni bejn dawn tal-aħħar (7). Is-sistema stabbilita permezz tar-Regolament Nru 1408/71 hija biss sistema ta’ koordinazzjoni, li tirrigwarda, b’mod partikolari, fit-Titolu II tal-imsemmi Regolament, l-għażla tal-leġiżlazzjoni jew tal-leġiżlazzjonijiet applikabbli għall-ħaddiema impjegati u li jaħdmu għal rashom li jeżerċitaw, f’ċirkustanzi differenti, id-dritt tagħhom għall-moviment liberu.(8)

30.      B’mod konformi mal-ġurisprudenza stabbilita, tibqa’ mill-banda l-oħra fil-kompetenza tal-Istati Membri l-verifika tal-kundizzjonijiet mitluba għall-għoti tal-benefiċċji soċjali, kundizzjonijiet li l-imsemmija Stati jistgħu jagħmluhom iktar iebsin, sakemm ir-rekwiżiti li jkunu adottati ma jkunu jinvolvu ebda diskriminazzjoni (9). Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, meta jistabbilixxu l-imsemmija kundizzjonijiet, l-Istati Membri huma marbutin li josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-għan tar-Regolament Nru 1408/71 kif ukoll il-prinċipji li fuqhom huwa bbażat (10).

31.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għan tar-Regolament Nru 1408/71 huwa dak li jiżgura, kif it-tieni u r-raba’ premessi tiegħu jipprovdu, il-moviment liberu ta’ ħaddiema impjegati u ħaddiema li jaħdmu għal rashom fl-Unjoni, filwaqt li jirrispetta l-karatteristiċi tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tas-sigurtà soċjali. F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-ħames, mis-sitt u mill-għaxar premessi tiegħu, dan ir-regolament iħaddan il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema skont il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali varji u għandu l-għan li jiggarantixxi bl-aħjar mod l-ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema kollha li jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru kif ukoll li ma jiġux ippenalizzati dawk fosthom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-moviment liberu. (11)

32.      Il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni msemmija mill-qorti tar-rinviju fid-domanda preliminari jifformaw għalhekk prinċipji kardinali tar-Regolament Nru 1408/71.

33.      Għal dak li jirrigwarda speċifikament il-benefiċċji għall-orfni, li jifformaw is-suġġett tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-Regolament Nru 1408/71 jirregolahom permezz tal-Artikoli 78 u 79, inklużi fil-Kapitlu 8 tat-Titolu III.

34.      Fir-rigward tal-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 1408/71, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità f’diversi okkażjonijiet li tafferma li dan għandu l-għan li jistabbilixxi l-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu tirregola l-għoti tal-benefiċċju għall-orfni, benefiċċji li f’dak il-każ jingħataw, fil-prinċipju, konformement mal-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru wieħed biss skont il-prinċipju ta’ uniċità tal-liġi applikabbli previst fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71. Jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 78(2)(b)(i) li, fejn l-impjegat li miet kien suġġett għal-leġiżlazzjoni ta’ diversi Stati Membri, il-benefiċċji inkwistjoni jingħataw konformement mal-leġiżlazzjoni tal-Istat fejn l-orfni tal-impjegat li miet kien jirrisjedi (12).

35.      Ladarba jiġi stabbilit l-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu tirregola l-għoti tal-benefiċċji għall-orfni, l-Artikolu 79(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi li dawn il-benefiċċji jiġu pprovduti mill-istituzzjoni responsabbli mill-amministrazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni bi spejjeż tagħha daqslikieku l-ħaddiem li miet kien suġġett biss għal-leġiżlazzjoni tal-Istat kompetenti. Għalhekk, din ir-regola, minn banda waħda tistabbilixxi liema istituzzjoni għandha tagħmel tajjeb għall-benefiċċji għall-orfni u, mill-banda l-oħra, tikkonċerna l-arranġamenti dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat kompetenti, li skont l-imsemmi prinċipju ta’ uniċità tal-liġi applikabbli, għandha tiġi applikata “daqslikieku” l-mejjet kien suġġett għaliha biss. Din l-aħħar suppożizzjoni tifforma, fil-fehma tiegħi, forma ta’ garanzija għall-individwu li, peress li jkun eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu, jibbenefika mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71. Din il-garanzija hija intiża li tipprevjeni d-diskriminazzjoni fir-rigward tiegħu għal dak li huwa l-mod ta’ applikazzjoni konkreta tal-liġi stabbilita abbażi tal-kriterju ta’ rabta skont l-Artikolu 78 tar-Regolament.

36.      Madankollu, l-Artikolu 79(1)(a) jikkwalifika l-prinċipju ta’ applikazzjoni tal-liġi stabbilita “daqslikieku” l-mejjet kien suġġett għaliha biss, billi jipprovdi li, jekk din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tissuġġetta l-kisba, iż-żamma jew l-irkupru tad-dritt għal benefiċċji li għandhom ikunu dipendenti fuq it-tul tal-perijodi taż-żmien tal-assigurazzjoni, allura għandu jiġi applikat, jekk ikun il-każ, il-prinċipju ta’ aggregazzjoni tal-perijodi mwettqa fid-diversi Stati Membri skont l-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71. Anki din ir-regola, fil-fehma tiegħi, hija forma ta’ garanzija għall-individwu li, peress li jkun eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu, jibbenefika mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71. Fil-fatt din hija maħsuba biex tiżgura li l-applikazzjoni tar-regola nazzjonali “daqslikieku” l-mejjet kien suġġett għaliha biss ma teskludix l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ aggregazzjoni ddikjarat fl-Artikolu 48(a) TFUE u implementat, għal dak li huwa rilevanti hawnhekk, fl-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71.

37.      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju ssostni, bi qbil apparentement mal-pożizzjoni meħuda mill-ONAFTS, li b’riżultat tal-fatt li l-Artikolu 79(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jagħmel riferiment esklużivament għall-ħaddiem ġenitur li miet, hija eskluża l-possibbiltà li r-riferiment imsemmi fl-Artikolu 72(a) tal-istess regolament jiġi użat biex tkun tista’ ssir l-aggregazzjoni tal-perijodi taż-żmien tal-assigurazzjoni li twettqu mill-ħaddiem ġenitur li jkun għadu ħaj, fil-każ fejn, bħal fil-kawża prinċipali, ir-regolamenti nazzjonali jippermettu li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar bħala bażi għat-talba għall-għoti ta’ benefiċċji għall-orfni.

38.      Ma naqbilx ma’ interpretazzjoni ta’ din ix-xorta tal-Artikolu 79(1) tar-Regolament Nru 1408/71.

39.      Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi osservat li jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 b’mod ġenerali, u tal-Artikolu 79(1) tiegħu b’mod partikolari, li bl-ebda mod ma jikkonċernaw il-kundizzjonijiet li jeħtieġ li jiġu osservati għall-għoti tal-benefiċċji tal-orfni. Dawn id-dispożizzjonijiet, konformement mal-funzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 kif ikkonfermat mill-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja li hi msemmija fil-punti preċedenti 29 u 31, jistabbilixxu biss regoli dwar kunflitt ta’ liġijiet bl-iskop li jiġi stabbilit l-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu hija applikabbli u li l-istituzzjoni tiegħu hija responsabbli għall-ispejjeż tal-benefiċċji, kif ukoll biex jiġu speċifikati ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni.

40.      Il-verifika tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji tal-orfni minflok tibqa’, kif speċifikat fil-ġurisprudenza msemmija fil-punt 30 iktar ’il fuq, kompetenza tal-Istati Membri.

41.      Fil-fehma tiegħi għalhekk, min-natura nfisha tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 isegwi li dawn ma jistgħux iwaqqfu lill-awtoritajiet nazzjonali milli jieħdu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-għoti ta’ benefiċċji tal-orfni (13).

42.      Fit-tieni lok, jeħtieġ li wieħed ifakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-Artikolu 48 TFUE, li jikkontribwixxi għall-kisba tad-dritt għall-moviment liberu l-iktar sħiħa possibbli għall-ħaddiema migranti (14).

43.      F’dan ir-rigward, l-ewwel premessa tar-Regolament Nru 1408/71 tistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet għall-koordinament tal-leġiżlazzjonijiet tas-sigurtà soċjali nazzjonali li jinvolvi dan ir-regolament, jaqgħu fl-ambitu tad-dritt għall-moviment liberu għall-persuni u għandhom jikkontribwixxu għat-titjib fil-livell tal-għixien u tal-kundizzjonijiet tal-impjieg tagħhom (15).

44.      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament fis-sens li jipprojbixxi Stat Membru milli jipprovdi lill-ħaddiema u lill-familjari tagħhom protezzjoni soċjali iktar wiesgħa minn dik li tirriżulta mill-applikazzjoni tar-regolament nnifsu (16) tmur kontra l-iskop tar-Regolament Nru 1408/71 u barra mill-għanijiet u l-iskop tal-Artikolu 48 TFUE.

45.      Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-koordinazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali, fid-dawl b’mod partikolari tal-għanijiet li tipprovdi għalihom, ma tistax tiġi applikata, ħlief għal xi eċċezzjoni espliċita konformi ma’ dawn l-għanijiet, b’mod li l-ħaddiem migrant jew l-aventi kawża tiegħu jiċċaħħad milli jibbenefika mill-benefiċċju mogħti biss taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru (17). Skont id-dikjarazzjoni ta’ dan il-prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja minn dejjem kienet kontra interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 li setgħet tirriżulta f’telf ta’ vantaġġi tas-sigurtà soċjali li huma ggarantiti mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru (18).

46.      Fil-każ preżenti, jirriżulta b’mod ċar, fil-fehma tiegħi, li interpretazzjoni tal-Artikolu 79(1) tar-Regolament Nru 1408/71 bħal dik proposta mill-ONAFTS u apparentement approvata mill-qorti tar-rinviju twassal għar-riżultat li ħaddiem migrant li jkun eżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu, bħalma għamlet Du Mont de Chassart, jitlef id-dritt tiegħu għal benefiċċji tal-għajnuna soċjali mogħtija lilu mil-liġi nazzjonali applikabbli. B’analoġija ma’ dak li diġà ddikjarajt f’okkażjoni oħra (19) u ma’ dak li ġie ddikjarat fil-ġurisprudenza msemmija fil-punt 44 iktar ’il fuq, riżultat ta’ din ix-xorta ma jkunx konformi mal-ispirtu tar-regolament u mal-għanijiet imfittxija permezz tal-koordinazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tal-għajnuna soċjali previst fl-Artikolu 48 TFUE.

47.      Barra minn hekk, interpretazzjoni ta’ dan it-tip, għalkemm ma timplikax, kif sostna l-Gvern Belġjan fis-seduta, diskriminazzjoni abbażi ta’ nazzjonalità, peress li l-leġiżlazzjoni tiġi applikata indipendentement miċ-ċittadinanza, twassal għalhekk għal diskriminazzjoni bejn ħaddiema li eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu u dawk li ma eżerċitawiehx.

48.      Fit-tielet lok, interpretazzjoni tal-Artikolu 79(1) tar-Regolament Nru 1408/71, li ma żżomx lill-ġenitur ħaddiem li għadu ħaj, li jkun eżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu, milli jibbenefika mir-regoli li jipprovdu għall-aggregazzjoni tal-perijodi ta’ xogħol, mhux biss hija l-unika waħda konsistenti mal-għanijiet tar-Regolament, imma hija wkoll konformi mat-test tal-leġiżlazzjoni.

49.      Fil-fatt, jekk huwa veru li l-Artikolu 79(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jagħmel riferiment għas-sitwazzjoni tal-mejjet biex jindika kif għandha tiġi applikata l-liġi stabbilita skont l-Artikolu 78 tal-istess Regolament, għandu jiġi madankollu kkonstatat li s-subparagrafu (a) tal-istess paragrafu, fejn hemm inkluż ir-riferiment għall-prinċipju ta’ aggregazzjoni skont l-Artikolu 72, ma jinkludi l-ebda riferiment għas-sitwazzjoni tal-mejjet. Din id-dispożizzjoni ma tinkludi ebda element li jwassal lil dak li jkun isostni li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-ħsieb li jillimita l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ aggregazzjoni esklużivament għall-ġenitur mejjet u jeskludi għalhekk lill-ġenitur ħaddiem li għadu ħaj fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi għall-possibbiltà li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni abbażi tat-talba għall-benefiċċji għall-orfni.

50.      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li l-prinċipju ta’ aggregazzjoni tal-perijodi ta’ żmien tal-assigurazzjoni, tar-residenza jew tax-xogħol, huwa ddikjarat direttament fit-TFUE, speċifikament fl-Artikolu 48(a) tiegħu, u ġie implementat bir-Regolament Nru 1408/71 permezz ta’ diversi regoli, fosthom l-Artikolu 72 (20). Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà għamlitha ċara li dan huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-koordinazzjoni, fil-livell tal-Unjoni, tas-sistemi tal-għajnuna soċjali tal-Istati Membri, maħsub proprju biex jiggarantixxi, skont l-għanijiet ġenerali tar-Regolament Nru 1408/71, li l-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu mogħti mit-TFUE ma jkollux l-effett li jċaħħad lill-ħaddiem minn benefiċċji tas-sigurtà soċjali li kien ikollu dritt għalihom li kieku wettaq il-karriera kollha tiegħu fi Stat Membru wieħed biss, u dan jista’ jiskoraġġixxi lill-ħaddiem tal-Unjoni milli jeżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu u b’hekk joħloq ostakolu għal dan id-dritt (21).

51.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, insostni għalhekk li l-Artikolu 79(1) tar-Regolament Nru 1408/71 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza b’riferiment biss għall-ġenitur mejjet l-applikazzjoni tar-regoli għall-aggregazzjoni tal-perijodi taż-żmien tal-assigurazzjoni, impjieg u attività bħala persuna li taħdem għal rasha skont l-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71. Għalhekk dan l-artikolu ma jistax jiġi invokat mill-awtoritajiet nazzjonali biex jeskludu milli jieħdu inkunsiderazzjoni, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, is-sitwazzjoni tal-ġenitur li għadu ħaj li jkun ħadem f’pajjiż ieħor tal-Unjoni li jista’, jekk jiġu osservati l-kundizzjonijiet, jibbenefika mir-regoli dwar l-aggregazzjoni tal-perijodi ta’ żmien tal-assigurazzjoni, tal-impjieg jew tal-attività bħala persuna li taħdem għal rasha previsti fl-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71. Fid-dawl ta’ dan, għalhekk, l-Artikolu 79(1) tar-Regolament Nru 1408/71 ma huwiex probabbli li jikser il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.

52.      Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ aggregazzjoni, fl-aħħar nett jeħtieġ ukoll jiġi analizzat l-argument imqajjem mill-Gvern tal-Belġju u li ġie ddibattut waqt is-seduta, li jgħid li l-attività mwettqa fi Stat Membru ieħor mill-ġenitur impjegat li għadu ħaj tista’ tiġi kkunsidrata biss biex jiġi kompletat perijodu ta’ żmien ta’ assigurazzjoni, ta’ impjieg jew ta’ attività bħala persuna li taħdem għal rasha li diġà jitwettaq fil-Belġju, b’tali mod li s-sitwazzjoni ta’ Du Mont de Chassart, li fis-sena ta’ qabel il-mewt tar-raġel tagħha ħadmet esklużivament fi Franza, ma tistax fi kwalunkwe każ tkun ikkunsidrata għall-iskopijiet tal-aggregazzjoni skont l-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71 (22).

53.      F’dan ir-rigward, ma nistax nonqos milli nirrileva li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement kellha l-okkażjoni li tikkjarifika, ma tistax tintlaqa’ interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “aggregazzjoni” msemmi fir-Regolament Nru 1408/71 li jassumi l-eżistenza ta’ almenu żewġ perijodi ta’ attività mwettqa f’iktar minn Stat Membru wieħed. Għalhekk, l-Istat Membru tal-istituzzjoni kompetenti għall-għoti ta’ benefiċċju għandu l-possibbiltà li jipprovdi, għal dan il-għan, li perijodu ta’ attività għandu jitwettaq fit-territorju tiegħu, liema ħaġa teskludi l-użu ta’ perijodu wieħed imwettaq fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għall-ksib ta’ dritt għal benefiċċju tas-sigurtà soċjali (23).

54.      Fil-fatt il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-kliem tal-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71 jisħaq li għandu jingħata qies, fl-ambitu tal-aggregazzjoni, “tal-perijodi ta’ żmien tal-assigurazzjoni, ta’ impjieg jew ta’ xogħol għal ras [attività bħala persuna li taħdem għal rasha] imwettqa fit-territorju ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor”, daqslikieku dawk il-perijodi twettqu taħt il-leġiżlazzjoni implementata mill-istituzzjoni kompetenti.

55.      Fil-fatt, skont l-għanijiet imsemmija fil-punti preċedenti 29 u 31, ir-Regolament Nru 1408/71 jimplementa sistema li tippermetti li jiġi żgurat għall-ħaddiema migranti u għall-aventi causa tagħhom id-dritt li jakkumulaw il-“perijodi kollha” kkunsidrati mid-diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali, kemm għall-kisba u għaż-żamma tad-dritt għall-benefiċċji, kif ukoll fil-kalkolu tagħhom.

56.      B’hekk, l-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru, sabiex tagħti benefiċċju għall-familja ma tistax teżiġi li, minbarra perijodu ta’ impjieg jew ta’ attività mwettqa fi Stat Membru ieħor, f’dan il-każ Franza, jitwettaq perijodu ieħor ta’ assigurazzjoni fit-territorju tagħha.

57.      Kuntrarjament għal dak li ġie sostnut mill-Gvern Belġjan waqt is-seduta, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ aggreggazzjoni li saret mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bergström (24), ma tistax tiġi kkontestata, lanqas abbażi tal-punt 43 tas-sentenza sentenza Perez Garcia (25), li minnha ma jirriżulta bl-ebda mod li l-applikazzjoni tal-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71 tippreżumi li jitwettaq perijodu ta’ impjieg jew ta’ attività fit-territorju tal-Istat li huwa responsabbli għall-ħlas tal-benefiċċju għall-familja, u lanqas abbażi tas-sentenzi Coonan u Vigier (26) li ma jikkonċernawx bl-ebda mod l-għoti ta’ benefiċċji tal-familja.

58.      Min-naħa l-oħra, fl-aħħar nett jeħtieġ li jiġi rrilevat li soluzzjoni li tippermetti li jiġi implementat il-prinċipju ta’ aggregazzjoni skont l-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1409/71 anki għall-ġenitur li għadu ħaj hija konsistenti mal-għażla li saret mill-Belġju li jimplementa dan il-prinċipju proprju fil-każijiet tal-benefiċċji tal-familja. Din l-għażla hija ddikjarata espressament fil-punt 7, tal-ittra A tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Proċeduri speċjali għall-applikazzjoni tal-leġislazzjoni ta’ ċerti Stati Membri” (27).

V –    Konklużjonijiet

59.      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li d-domanda preliminari magħmulha mit-Tribunal du travail de Bruxelles titwieġeb kif ġej:

“L-Artikolu 79(1) tar-Regolament Nru 1408/71 ma jiksirx il-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni sa fejn huwa, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li r-regoli għall-aggregazzjoni ta’ perijodi ta’ żmien ta’ assigurazzjoni, ta’ impjieg u ta’ attività bħala persuna li taħdem għal rasha msemmija fl-Artikolu 72 tar-Regolament 1408/71 jiġu applikati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-perijodi li jitwettqu mill-ġenitur impjegat li miet, u b’hekk jiġi eskluż li jittieħdu inkunsiderazzjoni dawk il-perijodi ta’ żmien li twettqu mill-ġenitur li jkun għadu ħaj li jkun ħadem f’pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti tippermetti l-possibbiltà li tittieħed inkunsiderazzjoni anki s-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar abbażi tat-talba għall-benefiċċji tal-orfni”.


1 – Lingwa oriġinali: it-Taljan.


2–      Regolament (KEE) Nru 1408/71 tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35). It-titolu tar-Regolament li qiegħed jiġi rriprodott huwa dak tal-verżjoni kkonsolidata.


3 – Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 5, p. 72), ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 1408/71, b’effett mill-1 ta’ Mejju 2010, meta daħal fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li stabbilixxa l-proċedura għall-implementazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (ĠU 2009 L 284, p. 1).


4 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 1980, Laterza (Kawża 733/79, Ġabra p. 1915), tal-24 ta’ Novembru 1983, D’Amario, (Kawża 320/82, Ġabra p. 3811), tas-27 ta’ Frar 1997, Bastos Moriana et (Kawża C-59/95, Ġabra I‑1071), tal-24 ta’ Settembru 2002, Martínez Domínguez et (Kawża C-471/99, Ġabra I‑7835), tal-20 ta’ Ottubru 2011, Perez Garcia et (Kawża C-225/10, Ġabra p. I‑10111).


5–      Korsiv miżjud minni. It-test ta’ din id-dispożizzjoni kien estiż permezz tar-Regolament (KE) Nru 307/99 tal-Kunsill tat-8 ta’ Frar 1999, meta żdiedu l-kliem “lill-istudenti” fl-ewwel parti tal-frażi tad-dispożizzjoni (ĠU L 38, p. 1).


6–      Ara l-punt 1 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 3.


7 – Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi tal-5 ta’ Lulju 1988, Borowitz (Kawża 21/87, Ġabra 3715, punt 23), tat-3 ta’ April 2008, Chuck (Kawża C-331/06, Ġabra I‑1957, punt 27), kif ukoll is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011 (Kawża C‑503/09, Ġabra p. I‑6497, punti 75 sa 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).


8 – Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2006, Piatkowski (Kawża C-493/04, Ġabra I‑2369, punt 20), tat-18 ta’ Lulju 2006, Nikula (Kawża C-50/05, Ġabra I‑7029, punt 20), tat-3 ta’ April 2008, Derouin (Kawża C-103/06, Ġabra I‑1853, punt 20), kif ukoll tat-3 ta’ Marzu 2011, Tomaszewska (Kawża C‑440/09, Ġabra p. I‑1033, punt 25).


9 – Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 1994, Drake (Kawża C-12/93, Ġabra I‑4337, punt 27), tal-20 ta’ Frar 1997, Martínez Losada et (Kawża C-88/95, C-102/95 u C-103/95, Ġabra I‑869, punt 43), tal-20 ta’ Jannar 2005, Salgado Alonso (Kawża C-306/03, Ġabra I‑705, punt 27), kif ukoll is-sentenza Tomaszewska, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti, punt 24.


10 – Is-sentenza Tomaszewska, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 27.


11 – Ara il-punt 28 tas-sentenza Tomaszewska, il-punt 19 tas-sentenza Piatkowski, kif ukoll il-punt 20 tas-sentenza Derouin, ilkoll kemm huma ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 iktar ’il fuq.


12 – Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi Bastos Moriana (punt 15) kif ukoll Martínez Domínguez (punt 23), it-tnejn li huma ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 iktar ’il fuq.


13 – Ara b’analoġija, dak li jien affermajt fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C-208/07, von Chamier-Glisczinski (sentenza tal-16 ta’ Lulju 2009, Ġabra I‑6095).


14 – Ara, iktar reċentement, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2012, Hudzinski (C‑611/11 u C-612/10, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan is-sens, ara wkoll is-sentenzi tad-9 Novembru 2006, Nemec (Kawża C-205/05, Ġabra I‑10745, punti 37 u 38) u tal-20 ta’ Mejju 2008, Bosmann (C‑352/06, Ġabra I‑3827, punt 29).


15 – Ara s-sentenzi Bosmann (punt 30), kif ukoll is-sentenza Hudinzki (punt 54) it-tnejn li huma ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti.


16 – Ara s-sentenza von Chamier‑Glisczinski, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 56, u Hudzinki, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 55.


17 – Ara s-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 1979, Rossi (Kawża 100/78, Ġabra 831, punt 14), tat-30 ta’ Ġunju 2011, da Silva Martins (Kawża C-388/09, Ġabra p. I‑5737, punt 75), kif ukoll is-sentenza Hudzinski, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 56.


18 – Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 1993, Lepore u Scamuffa (Kawżi Magħqudin C-45/92 u C-46/92, Ġabra I‑6497, punt 21); tal-4 ta’ Ottubru 1991, Paraschi (Kawża C-349/87, Ġabra I‑4501, punt 22); tat-30 ta’ Marzu 1993, de Wit (Kawża C-282/91, Ġabra I‑1221, punti 16 u 17), u tal-5 ta’ Ottubru 1994, van Munster (Kawża C-165/91, Ġabra I‑4661, punt 27). Ara wkoll is-sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 1997, Naranjo Arjona et (Kawżi Magħqudin C-31/96 sa C-33/96, Ġabra I‑5501, punt 20); tas-17 ta’ Diċembru 1998, Grajera Rodríguez (Kawża C-153/97, Ġabra I‑8645, punt 17), Nemec, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punti 37 u 38.


19 – Ara l-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża von Chamier‑Glisczinski, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13.


20 – Il-prinċipju ta’ aggregazzjoni huwa implementat fir-Regolament Nru 1408/71, pereżempju, fl-Artikoli 18, 38, 45, 64 u 67. Fir-Regolament ġdid Nru 883/2004 (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 iktar ’il fuq), dan issa huwa rrikonoxxut bħala dispożizzjoni ta’ natura ġenerali (Artikolu 6).


21 – Ara bħala analoġija, is-sentenza Tomaszewska, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 iktar ’il fuq, punt 30, kif ukoll is-sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 1995, Moscato (Kawża C-481/93, Ġabra I‑3525, punt 28), u Salgado Alonso, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 iktar ’il fuq, punt 29.


22 – Bħala bażi għall-argument tiegħu, il-Gvern Belġjan jagħmel riferiment għall-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 574/72 tal-Kunsill, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 (ĠU L323, p38). Dan l-artikolu, li huwa inkluż fil-Kapitolu I tar-Regolament Nru 574/72, intitolat “Regoli ġenerali għall-aggregazzjoni tal-perijodi ta’ żmien”, skont il-Gvern Belġjan, jafferma l-pożizzjoni sostnuta minnu peress li jagħmel riferiment għaż-“żieda” ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni jew ta’ residenza mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru ieħor, biex jiġu “kompluti” l-perijodi ta’ żmien ta’ assigurazzjoni. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat illi dan l-artikolu ma jistax jiġi invokat bħala bażi għall-argument tal-Gvern Belġjan. Fil-fatt jirriżulta espliċitament mill-paragrafu (1) ta’ dan l-artikolu li dan jiġi applikat għal ċerti regoli tar-Regolament Nru 1408/71, speċifikament għal dawk li jikkonċernaw il-benefiċċji tal-mard u tal-maternità, tal-invalidità u tax-xjuħija u tal-mewt (pensjonijiet), kif ukoll il-benefiċċji fil-każ ta’ mewt jew qgħad, imma mhux dawk li jikkonċernaw il-benefiċċji tal-familja. Fil-fatt, fost ir-regoli msemmija espliċitament f’dak l-artikolu ma humiex inklużi r-regoli li jikkonċernaw il-benefiċċji tal-familja u, b’mod partikolari, ma hemm l-ebda riferiment għall-Artikolu 72, u lanqas għall-Artikolu 79 tar-Regolament Nru 1408/71.


23 – Ara s-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2011, Bergström (Kawża C-257/10, Ġabra p. I‑13227, punti 39-44, b’mod partikolari l-punti 39 u 40).


24–      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23.


25–      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.


26 – Sentenzi tal-24 ta’ April 1980, Coonan (Kawża 110/79, Ġabra 1445) u tas-27 ta’ Jannar 1981, Vigier (Kawża 70/80, Ġabra 229).


27–      Fil-fatt jirriżulta espliċitament minn dan il-punt li “[g]ħall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 72 u 79(1)(a) tar-Regolament, jittieħed kont tal-per[i]jodi ta’ disimpjieg u/jew tal-perjodi tal-assigurazzjoni mwettqa taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor fejn l-intitolament għall-benefiċċju taħt il-leġislazzjoni Belġjana huwa suġġett għall-kondizzjoni li, għall-perjodu speċifiku qabel, il-kondizzjonijiet kwalifikanti għall-benefiċċji tal-familja fl-ambitu ta' l-iskema għall-persuni impjegati kienu mwettqa”.