Language of document : ECLI:EU:C:2024:385

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fis‑7 ta’ Mejju 2024 (1)

Kawża C4/23 [Mirin] (i)

M.A.A.

vs

Direcţia de Evidenţă a Persoanelor Cluj, Serviciul stare civilă

Direcţia pentru Evidenţa Persoanelor şi Administrarea Bazelor de Date din Ministerul Afacerilor Interne,

Municipiul Cluj-Napoca,

fil-preżenza ta’

Asociaţia Accept,

Consiliul Naţional pentru Combaterea Discriminării

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Judecătoria Sectorului 6 Bucureşti (il-Qorti tal-Ewwel Istanza tas-Sitt Distrett ta’ Bukarest, ir-Rumanija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 21(1) TFUE – Dritt ta’ moviment u ta’ residenza libera fl-Istati Membri – Ċittadin residenti fir-Renju Unit li għandu n-nazzjonalità ta’ dak l-Istat u ta’ Stat Membru – Rifjut mill-awtoritajiet tat-tieni Stat li fl-att tat-twelid tiegħu jissemmew bidliet fl-isem u fil-ġeneru miksuba legalment fl-ewwel Stat – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-emenda ta’ att tal-istat ċivili biss fuq il-bażi ta’ deċiżjoni legali finali – Effett tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni”






I.      Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 TUE, tal-Artikoli 18, 20 u 21 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 1, 7, 20, 21 u 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (2).

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn persuna ċittadina tar-Rumanija u l-awtoritajiet nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru li jieħdu ħsieb ir-reġistri tal-istat ċivili u l-ġestjoni tan-numru ta’ identifikazzjoni personali (3), minħabba r-rifjut tagħhom li jirrikonoxxu u jniżżlu fl-att ta’ twelid ta’ din il-persuna l-isem il-ġdid u l-identità tal-ġeneru tagħha (4) miksuba (5) fir-Renju Unit, fejn din il-persuna hija wkoll ċittadina.

3.        Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tippreċiża l-portata tad-deċiżjonijiet tagħha dwar ir-rikonoxximent tal-istatus personali taċ-ċittadini tal-Unjoni, ibbażati fuq l-Artikolu 21 TFUE, fil-limiti tal-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tal-istat ċivili u tal-istat tal-persuni.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      IlFtehim dwar ilħruġ

4.        Ir-raba’ u t-tmien paragrafi tal-preambolu tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (6), adottat fis‑17 ta’ Ottubru 2019 u li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Frar 2020, approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat‑30 ta’ Jannar 2020 (7), jipprovdu:

“Filwaqt li jfakkru li, skont l-Artikolu 50 TUE flimkien mal-Artikolu 106a tat-Trattat Euratom, u soġġett għall-arranġamenti stabbiliti f’dan il-Ftehim, id-dritt tal-Unjoni u tal-Euratom jieqaf japplika fl-intier tiegħu għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim,

[…]

Filwaqt li jikkunsidraw li huwa fl-interess kemm tal-Unjoni kif ukoll tar-Renju Unit li jiġi stabbilit perijodu ta’ tranżizzjoni jew ta’ implimentazzjoni li matulu […] id-dritt tal-Unjoni, inklużi l-ftehimiet internazzjonali, jenħtieġ li jkunu applikabbli għar-Renju Unit u fih, u, bħala regola ġenerali, bl-istess effett fir-rigward tal-Istati Membri, sabiex jiġi evitat tħarbit fil-perjodu li matulu se jiġu nnegozjati l-ftehim(iet) dwar ir-relazzjonijiet futuri”.

5.        Skont l-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-ħruġ, intitolat “Perijodu ta’ tranżizzjoni”, li jinsab fir-raba’ parti tiegħu, dwar it-“[t]ranżizzjoni”:

“Għandu jkun hemm perjodu ta’ tranżizzjoni jew ta’ implimentazzjoni, li għandu jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim u jintemm fil‑31 ta’ Diċembru 2020.”

6.        L-Artikolu 127 ta’ dan il-ftehim, intitolat “Ambitu tat-tranżizzjoni”, jipprovdi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, u fil-paragrafu 6 tiegħu:

“1.      Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f’dan il-Ftehim, id-dritt tal-Unjoni għandu jkun applikabbli għar-Renju Unit u fir-Renju Unit matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

[…]

6.      Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f’dan il-Ftehim, matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, kwalunkwe referenza għall-Istati Membri fid-dritt applikabbli tal-Unjoni skont il-paragrafu 1, inkluż kif implimentat u applikat mill-Istati Membri, għandha tinftiehem li tinkludi lir-Renju Unit.”

B.      Iddritt Rumen

7.        L-Artikolu 9 tal-Legea nr. 119/1996 cu privire la actele de stare civilă (il-Liġi Nru 119/1996 dwar l-Atti tal-Istat Ċivili) (8), tas‑16 ta’ Ottubru 1996 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 119/1996”), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, huwa fformulat kif ġej:

“Meta l-uffiċjal tal-istat ċivili jew il-persuna responsabbli għall-istat ċivili jirrifjuta li jistabbilixxi att jew li jinkludi indikazzjoni li taqa’ taħt id-dmirijiet tiegħu, il-persuna li ma tkunx sodisfatta tista’ tressaq kawża quddiem il-qorti kompetenti, f’konformità mal-liġi.”

8.        L-Artikolu 43 ta’ din il-liġi jipprevedi:

“Fl-atti tat-twelid u, jekk ikun il-każ, fl-atti taż-żwieġ jew tal-mewt, l-indikazzjonijiet dwar it-tibdil tal-istat ċivili tal-persuna għandhom jiġu rreġistrati fil-każijiet li ġejjin:

[…]

f)      bidla fl-isem;

[…]

i)      bidla fis-sess, wara li d-deċiżjoni tal-qorti tkun saret finali.”

9.        Skont l-Artikolu 57(1) tal-imsemmija liġi:

“L-atti tal-istat ċivili u l-indikazzjonijiet irreġistrati fihom jistgħu jiġu annullati, issupplimentati jew emendati biss permezz ta’ deċiżjoni legali finali.”

10.      Skont l-Artikoli 1, 2 u 10 et seq. tal-Liġi Nru 119/1996, l-awtoritajiet responsabbli li jżommu r-reġistri tal-istat ċivili għandhom joħorġu ċertifikati tat-twelid, taż-żwieġ jew tal-mewt abbażi tal-atti tal-istat ċivili li jżommu mingħajr ma jirriproduċuhom kompletament.

11.      L-Artikolu 4(2)(l) tal-Ordonanța Guvernului nr. 41/2003 privind dobândirea și schimbarea pe cale administrativă a numelor persoanelor fizice (id-Digriet tal-Gvern Nru 41/2003 dwar l-Akkwist u l-Bidla b’Mezzi Amministrattivi tal-Ismijiet tal-Persuni Fiżiċi) (9), tat‑30 ta’ Jannar 2003, kien jipprovdi:

“It-talbiet għal bidla fl-isem għandhom jitqiesu fondati fil-każijiet li ġejjin:

[…]

l)      meta l-persuna tkun kisbet l-approvazzjoni tal-bidla fis-sess permezz ta’ deċiżjoni tal-qorti li tkun saret finali u irrevokabbli u titlob li tuża isem korrispondenti, billi tippreżenta dokument mediku legali li jindika s-sess tal-persuna.”

12.      L-Artikolu 131(2) tal-metodoloġija approvata mill-Hotărârea Guvernului nr. 64/2011 pentru aprobarea Metodologiei cu privire la aplicarea unitară a dispozițiilor în materie de stare civilă (id-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 64/2011 li Tapprova l-Metodoloġija għall-Applikazzjoni Uniformi tad-Dispożizzjonijiet tal-Istat Ċivili), tas‑26 ta’ Jannar 2011, jaqra kif ġej:

“In-numru ta’ identifikazzjoni personali għandu jiġi assenjat fuq il-bażi tad-data mdaħħla fl-att tat-twelid dwar is-sess u d-data tat-twelid.”

13.      Dan in-numru ta’ identifikazzjoni personali għandu jitniżżel fl-atti tal-istat ċivili (10).

14.      Skont il-leġiżlazzjoni Rumena dwar il-ħruġ ta’ karti tal-identità u ta’ passaporti (11), f’dawn id-dokumenti jitniżżlu b’mod partikolari l-kunjom, l-isem, is-sess u n-numru ta’ identifikazzjoni personali tad-detenturi tagħhom. Il-bidliet f’din id-data li jsiru barra mill-pajjiż ma jistax ikollhom effett fir-Rumanija mingħajr reġistrazzjoni minn qabel mis-servizzi tal-istat ċivili, mal-ħruġ jew ta’ passaport fil-każ ta’ bidla tal-kunjom u tal-isem, jew ta’ karta tal-identità fil-każ ta’ bidla fid-data dwar l-istat ċivili. Skont l-Artikolu 19(i) tad-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 97/2005, is-servizz pubbliku responsabbli għar-reġistru tal-persuni għandu joħroġ dokument tal-identità ġdid fil-każ ta’ bidla fis-sess.

C.      Iddritt tarRenju Unit

15.      Skont l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3 tal-Gender Recognition Act 2004 (l-Att tal‑2004 dwar ir-Rikonoxximent tal-Ġeneru), fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali (12), persuna ta’ iktar minn 18‑il sena li tixtieq tikseb rikonoxximent legali tal-ġeneru li hija tkun iddikjarat għandha tapplika ma’ kumitat għar-rikonoxximent tal-ġeneru, li jeżamina l-evidenza li hija tipprovdi biex tikseb ċertifikat ta’ rikonoxximent tal-ġeneru (13). Dan jinvolvi, minn naħa, dijanjosi ta’ disforja sesswali minn tabib jew psikologu li jispeċjalizza fis-suġġett u, min-naħa l-oħra, dikjarazzjoni solenni li l-persuna ilha tgħix skont il-ġeneru miksub tagħha għal mill-inqas sentejn u li biħsiebha tgħix skont il-ġeneru miksub tagħha għall-bqija ta’ ħajjitha.

16.      L-Artikolu 9(1) ta’ din il-liġi jipprovdi li l-ħruġ ta’ GRC definittiv jimplika r-rikonoxximent sħiħ, minn kull aspett, tal-ġeneru miksub mill-applikant. Madankollu, ma jistax jintuża bħala mezz ta’ identifikazzjoni (14).

17.      Skont l-Enrolment of Deeds (Change of Name) Regulations 1994 (ir-Regolament tal‑1994 dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Atti (Bdil tal-Isem)) (15), ċittadin tal-Commonwealth jista’ jibdel ismu jew kunjomu permezz ta’ sempliċi dikjarazzjoni, jiġifieri deed poll li tista’ tiġi rreġistrata, għall-persuni li għandhom mill-inqas 18-il sena, fir-Reġistru tal-High Court of Justice (England & Wales), King’s Bench Divisionn (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-King’s Bench, ir-Renju Unit). F’dan il-każ, din tiġi ppubblikat f’The London Gazzette. Din ir-reġistrazzjoni ma hijiex obbligatorja, peress li l-prova tal-bidla tal-isem tista’ ssir bi kwalunkwe mezz legali.

III. Ilfatti talkawża prinċipali u ddomandi preliminari

18.      Ir-rikorrent (16), ta’ nazzjonalità Rumena, ġie rreġistrat mat-twelid tiegħu, fl‑24 ta’ Awwissu 1992 fi Cluj-Napoca (ir-Rumanija), bħala li huwa ta’ sess femminili.

19.      Wara li mar jgħix mal-ġenituri tiegħu fir-Renju Unit fl‑2008, ir-rikorrent kiseb in-nazzjonalità Brittanika permezz ta’ naturalizzazzjoni fil‑21 ta’ April 2016. Minn dak iż-żmien ’l hawn, huwa kellu nazzjonalità doppja, dik Rumena u dik Brittanika.

20.      Fil‑21 ta’ Frar 2017, ir-rikorrent biddel ismu u t-titolu ċivili tiegħu minn femminili għal maskili skont il-proċedura tad-deed poll.

21.      Wara li wettaq din il-formalità, huwa pproċeda bil-bidla ta’ ċerti dokumenti uffiċjali maħruġa mill-awtoritajiet Brittaniċi, jiġifieri l-liċenzja tas-sewqan u l-passaport tiegħu.

22.      Fid‑29 ta’ Ġunju 2020, ir-rikorrent kiseb fir-Renju Unit “Gender Recognition Certificate” (GRC), att li jikkonferma l-identità tal-ġeneru maskili tiegħu.

23.      Fix-xahar ta’ Mejju 2021, abbażi ta’ żewġ dokumenti miksuba fir-Renju Unit, jiġifieri d-deed poll u l-GRC, ir-rikorrent talab lid-Dipartiment tal-Istat Ċivili ta’ Cluj sabiex iniżżel fl-att tat-twelid tiegħu l-indikazzjonijiet dwar il-bidla fl-isem, fis-sess u fin-numru ta’ identifikazzjoni personali tiegħu sabiex jikkorrispondi għas-sess maskili kif ukoll sabiex joħroġlu ċertifikat tat-twelid ġdid li jinkludi dawn id-dettalji l-ġodda.

24.      Minħabba r-rifjut ta’ dan id-dipartiment, ir-rikorrent adixxa, fl‑14 ta’ Settembru 2021, lill-Judecătoria Sectorului 6 Bucureşti (il-Qorti tal-Ewwel Istanza tas-Sitt Distrett ta’ Bukarest, ir-Rumanija) il-qorti tar-rinviju, bl-istess talbiet fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra d-Dipartiment tal-Istat Ċivili ta’ Cluj, id-Direttorat Responsabbli għar-Reġistru tal-Persuni u għall-Ġestjoni tal-Bażi tad-Data tal-Ministeru għall-Intern u l-Muniċipalità ta’ Cluj-Napoca.

25.      Ir-rikorrent isostni li qiegħed jitlob lill-qorti tar-rinviju li tordna t-tqegħid f’konformità tal-att tat-twelid tiegħu mal-identità tal-ġeneru tiegħu rrikonoxxuta definittivament fir-Renju Unit. Huwa jitlob l-applikazzjoni diretta tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dritt ta’ kull ċittadin tal-Unjoni li jiċċaqlaq u li jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Unjoni, sabiex ikun jista’ jeżerċita dan id-dritt mingħajr xkiel billi jkollu dokument tal-ivvjaġġar konformi mal-identità tal-ġeneru maskili tiegħu. Fil-fehma tiegħu, il-fatt li huwa obbligat isegwi proċedura ġudizzjarja ġdida fir-Rumanija, intiża direttament sabiex jikseb l-approvazzjoni tal-bidla fis-sess, jesponih għar-riskju li jikseb soluzzjoni kuntrarja għal dik adottata mill-awtoritajiet Brittaniċi, fid-dawl tal-fatt li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (17) iddeċidiet li l-proċedura Rumena ma hijiex ċara u prevedibbli (18).

26.      L-awtoritajiet Rumeni konvenuti jsostnu li r-rikors huwa intiż sabiex jikseb ir-rikonoxximent tal-istatus soċjali personali l-ġdid tiegħu li jirriżulta min bidliet li seħħew barra mill-pajjiż. Issa, f’konformità mal-Artikolu 43(i) tal-Liġi Nru 119/1996, l-indikazzjonijiet dwar il-bidliet fl-istat ċivili jitniżżlu fl-atti tat-twelid, fil-każ ta’ bidla fis-sess, abbażi ta’ deċiżjoni tal-qorti li tkun saret definittiva.

27.      F’din il-proċedura, il-Consiliul Naţional pentru Combaterea Discriminării (il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġlieda kontra d-Diskriminazzjoni, ir-Rumanija) ġie implikat bħala intervenjent forzat u ntlaqgħet it-talba għal intervent anċillari tal-Asociația Accept (l-Assoċjazzjoni Accept), insostenn tar-rikorrent.

28.      Il-qorti tar-rinviju tirreferi, qabelxejn, għall-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, għas-sentenzi tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello (19); tal‑14 ta’ Ottubru 2008, Grunkin u Paul (20); tat‑8 ta’ Ġunju 2017, Freitag (21), kif ukoll tal‑14 ta’ Diċembru 2021, Stolichna obshtina, rayon « Pancharevo » (22), sabiex, sussegwentement, tesprimi dubji dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni sa fejn din tobbliga lill-persuna kkonċernata ssegwi proċedura ġudizzjarja ġdida f’wieħed mill-Istati Membri li tagħhom għandha n-nazzjonalità, minkejja li tkun diġà lestiet b’suċċess proċedura fi Stat Membru ieħor li tiegħu hija għandha wkoll in-nazzjonalità, indipendentement min-natura tal-proċedura segwita f’dan l-aħħar Stat, b’mod partikolari kemm jekk din tkun ġudizzjarja kif ukoll jekk tkun amministrattiva.

29.      Fl-aħħar nett, din il-qorti tqis li s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali tiddependi wkoll mill-kjarifika tal-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni. B’mod partikolari, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda tagħha, għandu jiġi ppreċiżat jekk Stat Membru huwiex obbligat jirrikonoxxi l-effetti legali ta’ proċedura ta’ bidla fil-ġeneru mibdija fi Stat li kellu l-kwalità ta’ Stat Membru fil-bidu ta’ din il-proċedura, iżda li kien diġà telaq mill-Unjoni fid-data tat-tmiem tal-imsemmija proċedura.

30.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Judecătoria Sectorului 6 Bucureşti (il-Qorti tal-Ewwel Istanza tas-Sitt Distrett ta’ Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-fatt li l-Artikolu 43(i) u l-Artikolu 57 tal-[Liġi Nru 119/1996] ma jirrikonoxxux bidliet fl-indikazzjoni tal-ġeneru u fl-isem tal-istat ċivili miksuba fi Stat Membru ieħor minn raġel transġeneru li għandu ċittadinanza doppja (Rumena u ta’ Stat Membru ieħor), wara li jkun għadda b’suċċess mill-proċedura legali tar-rikonoxximent tal-ġeneru, u jitolbu liċ-ċittadin Rumen jibda proċedura ġudizzjarja distinta fir-Rumanija, kontra d-dipartiment lokali tar-reġistru pubbliku u tal-istat ċivili, proċedura li l-[Qorti EDB] sabet li kienet nieqsa miċ-ċarezza u mill-prevedibbiltà ([is-sentenza X u Y vs Ir‑Rumanija]) u li tista’ twassal għal deċiżjoni kuntrarja għal dik mogħtija fl-Istat Membru l-ieħor, jipprekludi l-eżerċizzju tad-dritt għaċ-ċittadinanza Ewropea (l-Artikolu 20 TFUE) u/jew id-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza taċ-ċittadin tal-Unjoni Ewropea (l-Artikolu 21 TFUE u l-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea) f’kundizzjonijiet ta’ dinjità, ta’ ugwaljanza f’għajnejn il-liġi u ta’ nondiskriminazzjoni (l-Artikolu 2 TUE, l-Artikolu 18 TFUE u l-Artikoli 1, 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali), u fir-rispett tad-dritt għall-ħajja privata u tal-familja (l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali)?

2)      Il-ħruġ tar-[Renju Unit] mill-Unjoni għandu effett fuq ir-risposta għad-domanda preċedenti, b’mod partikolari jekk (i) il-proċedura għall-bidla tal-istat ċivili bdiet qabel il-Brexit u tlestiet matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni, u (ii) l-impatt tal-Brexit ifisser li l-persuna ma tistax tuża d-drittijiet relatati maċ-ċittadinanza Ewropea, inkluż id-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza, ħlief fuq il-bażi ta’ dokumenti ta’ identità jew tal-ivvjaġġar Rumeni li fihom tidher b’ġeneru u isem femminili, bil-kontra tal-identità tal-ġeneru diġà rikonoxxuta legalment?”

31.      Ir-rikorrent u l-Assoċjazzjoni Accept, il-Muniċipalità ta’ Cluj-Napoca, il-Gvern Rumen, Ġermaniż, Grieg, Ungeriż, Olandiż u Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Ir-rikorrent u l-Assoċjazzjoni Accept, il-Gvern Ġermaniż, Ungeriż, Olandiż u Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni wieġbu għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta li saret fit‑23 ta’ Jannar 2024.

IV.    Analiżi

32.      It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda talba intiża għall-inklużjoni f’att tat-twelid ta’ bidla fl-isem u fil-ġeneru, abbażi ta’ atti rreġistrati fir-Renju Unit, wieħed qabel il-ħruġ ta’ dan l-Istat mill-Unjoni u l-ieħor qabel tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni previst mill-Ftehim dwar il-Ħruġ. Ir-rikorrent, ċittadin tar-Renju Unit, fejn jirrisjedi, u tar-Rumanija, fejn twieled, isostni li l-istabbiliment ta’ dokument tal-ivvjaġġar konformi mal-identità tal-ġeneru tiegħu jippermettilu jeżerċita d-dritt tiegħu li jiċċaqlaq u li jirrisjedi liberament fl-Unjoni bħala ċittadin tagħha.

33.      Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, dwar il-fondatezza fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni tar-rifjut li jiġu rrikonoxxuti għal ċittadin tal-Unjoni, għall-finijiet tal-aġġornament tal-att ta’ twelid tiegħu, il-bidliet fl-identità tiegħu miksuba fi Stat li fih id-dritt tal-Unjoni kien applikabbli dak iż-żmien. Min-naħa l-oħra, hija tixtieq li l-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża x’konsegwenzi għandhom jinsiltu mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni.

A.      Fuq irrabta maddritt talUnjoni tassitwazzjoni li fiha ċittadin talUnjoni jitlob linklużjoni talidentità talġeneru tiegħu flatt ta’ twelid tiegħu

34.      Fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, l-ebda leġiżlazzjoni jew ġurisprudenza ma tirregola l-kwistjonijiet relatati mal-aġġornament fl-Istat Membru tat-twelid ta’ ċittadin tal-Unjoni tad-dettalji tal-atti tal-istat ċivili fir-rigward tas-sess jew tal-identità tal-ġeneru abbażi ta’ atti stabbiliti jew ta’ deċiżjonijiet meħuda fi Stat Membru ieħor.

35.      Fil-fatt, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li ebda regolament fil-qasam tal-kooperazzjoni ċivili ma huwa applikabbli. L-istatus tal-persuni huwa espressament eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (23), u dan mill-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (24). Is-suġġett tat-tilwima lanqas ma jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (25).

36.      Barra minn hekk, għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni intervjena sabiex jiffaċilita ċ-ċirkulazzjoni tal-atti tal-istat ċivili, huwa ma indirizzax l-effetti tagħhom, kif jirriżulta mit-titolu tar-Regolament (UE) 2016/1191 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑6 ta’ Lulju 2016 dwar il-promozzjoni tal-moviment liberu taċ-ċittadini permezz tas-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti għall-preżentazzjoni ta’ ċerti dokumenti pubbliċi fl-Unjoni Ewropea u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (26). Dan ir-regolament, li l-bażi ġuridika tiegħu hija b’mod partikolari l-Artikolu 21(2) TFUE, jipprevedi formoli multilingwi u eżenzjoni ġenerali mil-legalizzazzjoni fl-Unjoni. Il-kwistjoni tal-aġġornament tar-reġistri nazzjonali tal-istat ċivili ma hijiex ittrattata, għalkemm kienet fil-punt 4 tal-Green Paper tal-Kummissjoni “Inqas proċeduri amministrattivi għaċ-ċittadini: Il-promozzjoni taċ-ċirkulazzjoni ħielsa tad-dokumenti pubbliċi ur-rikonoxximent tal-effetti ta’ atti ta’ stat ċivili” (27).

37.      It-tieni nett, il-ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-istat ċivili tirrigwarda biss il-kunjom u l-isem indikati fl-atti tal-istat ċivili. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm ir-regoli dwar il-kitba ta’ dawn l-elementi tal-identità ta’ persuna jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri, dawn tal-aħħar xorta waħda għandhom, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri rrikonoxxuta lil kull ċittadin tal-Unjoni (28).

38.      It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li “l-istatus tal-persuni, li jinkludi r-regoli dwar iż-żwieġ u l-filjazzjoni, huwa qasam li jaqa’ taħt il‑kompetenza tal-Istati Membri u d-dritt tal-Unjoni ma jaffettwax din il‑kompetenza. Għaldaqstant, l-Istati Membri huma liberi li jipprevedu jew le, fid‑dritt nazzjonali, iż-żwieġ għal persuni tal-istess sess kif ukoll l-istat ta’ ġenitur ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, kull Stat Membru għandu jirrispetta d-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id‑dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri rrikonoxxuta lil kull ċittadin tal-Unjoni, b’rikonoxximent ta’, għal dawn il-finijiet, l-istatus tal-persuni stabbilit fi Stat Membru ieħor skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru” (29).

39.      Għalhekk, skont din il-ġurisprudenza stabbilita, teżisti rabta mad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-persuni ċittadini ta’ Stat Membru li jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (30). Għaldaqstant, kwalunkwe ċittadin tal-Unjoni f’din is-sitwazzjoni jista’ jgawdi d-drittijiet relatati ma’ dan l-istatus, b’mod partikolari dawk previsti fl-Artikolu 21(1) TFUE, inkluż, fejn xieraq, fir-rigward tal-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu (31).

40.      F’dan il-każ, huwa paċifiku li r-rikorrent, fil-kwalità tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni, eżerċita l-libertà tiegħu ta’ moviment u ta’ residenza fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu f’konformità mal-Artikolu 21 TFUE u li huwa kiseb in-nazzjonalità ta’ dak l-Istat.

41.      Barra minn hekk, dan ir-rikorrent jinvoka fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu drittijiet miksuba wara li eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu fir-Renju Unit, li dak iż-żmien kien Stat Membru tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, peress li dan l-Istat ma għadx għandu dan l-istatus, huwa ċittadin tal-Unjoni unikament minħabba n-nazzjonalità Rumena tiegħu li huwa jixtieq li jkun jista’ jiċċaqlaq liberament fit-territorju tal-Unjoni b’dokumenti tal-identità u tal-ivvjaġġar Rumeni (32).

42.      Is-sitwazzjoni tar-rikorrent taqa’ għalhekk taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, din l-analiżi tista’ tiġi kkontestata mill-fatt li dan invoka d-drittijiet tiegħu fir-Rumanija wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni?

B.      Fuq leffett talFtehim dwar ilĦruġ

43.      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li:

–        fil‑31 ta’ Jannar 2020, ir-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u

–        f’konformità mal-Artikolu 2(e) tal-Ftehim dwar il-ħruġ, moqri flimkien mal-Artikolu 126 tiegħu, dan il-ftehim jipprevedi perijodu ta’ tranżizzjoni, mill‑1 ta’ Frar 2020, id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-ftehim, sal‑31 ta’ Diċembru 2020. Matul dan il-perijodu, id-dritt tal-Unjoni kien applikabbli għar-Renju Unit u fit-territorju tiegħu, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 127(1) tal-imsemmi ftehim, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f’dan il-ftehim.

44.      Fit-tieni lok, nikkonstata li:

–        l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-ħruġ ma tipprevedi deroga mill-prinċipju stabbilit f’dan l-Artikolu 127 dwar id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jkunu applikabbli fil-kawża prinċipali, u

–        f’dan il-każ, huma l-effetti tal-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment fir-Renju Unit, miksuba rispettivament qabel il-ħruġ ta’ dan l-Istat Membru mill-Unjoni u t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, li huma mitluba fi Stat Membru ieħor. Fil-fatt, fil‑21 ta’ Frar 2017, wara proċedura ta’ deed poll, l-isem tar-rikorrent fil-kawża prinċipali u t-titolu tiegħu nbidlu u, fid‑29 ta’ Ġunju 2020, matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni, inħareġ GRC, jiġifieri att li jikkonferma l-identità tal-ġeneru maskili.

45.      Minn dan għandu jiġi dedott, fil-fehma tiegħi, li dan il-GRC, stabbilit matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni, għandu jiġi analizzat fl-Istat Membru kkonċernat bħala dokument uffiċjali ta’ Stat Membru ieħor (33), f’konformità mad-dritt tal-Unjoni applikabbli fil-jum tal-eżami tal-applikazzjoni.

46.      Din il-kwalifika ma tistax tiddependi fuq it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni u, għalhekk, fuq id-data li fiha jiġu mitluba l-effetti tagħha mill-persuna kkonċernata (34). Għalhekk, ir-restrizzjoni fuq il-libertà ta’ moviment allegata mir-rikorrent (35) bħala riżultat tar-rifjut tal-aġġornament tal-att tat-twelid tiegħu tista’, bħala prinċipju, tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21 TFUE.

47.      Għalhekk, permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom, fil-fehma tiegħi, jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 21 TFUE kif ukoll l-Artikoli 7 u 45 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jirrifjutaw li jirrikonoxxu u jniżżlu fl-att tat-twelid ta’ ċittadin ta’ dan l-Istat Membru, li huwa wkoll ċittadin Brittaniku, l-isem u l-identità tal-ġeneru, iddikjarati u miksuba legalment fir-Renju Unit meta dan l-Istat kien għadu Stat Membru tal-Unjoni fiż-żmien tal-ewwel dikjarazzjoni u meta d-dritt tal-Unjoni kien għadu applikabbli fiż-żmien tat-tieni dikjarazzjoni, minħabba li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tissuġġetta l-possibbiltà li tinkiseb tali inklużjoni għar-rikonoxximent tal-bidla fis-sess minn qorti tal-ewwel Stat Membru.

48.      Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat liema konsegwenzi fil-qasam tal-istat ċivili jistgħu jinsiltu mill-atti kontenzjużi, skont id-dritt tal-Unjoni.

C.      Fuq irrikonoxximent fi kwistjonijiet ta’ stat ċivili fi Stat Membru talbidliet flisem u filġeneru miksuba fi Stat Membru ieħor

49.      Fid-dawl tal-kundizzjonijiet tar-rikonoxximent fi Stat Membru tal-effetti ta’ atti pubbliċi stabbiliti fi Stat Membru ieħor, nosserva, fl-ewwel lok, li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra bħala stabbilit li l-atti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li la huma atti tal-istat ċivili u lanqas deċiżjonijiet ta’ qorti, huma validi u jistgħu jipproduċu, inkwantu l-istat ċivili, l-istess effetti dwar l-identità tar-rikorrent (36) bħal dawk irrikonoxxuti mill-awtoritajiet Brittaniċi, li ħarġu passaport u liċenzja tas-sewqan ġodda wara d-dikjarazzjoni ta’ bidla tal-isem u tat-titolu (deed poll), mingħajr l-ebda preċiżazzjoni dwar il-GRC (37).

50.      Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ applikazzjoni għall-aġġornament tal-att ta’ twelid ta’ ċittadin tal-Unjoni, għandu jsir riferiment għad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-istat ċivili esklużivament dwar ir-rifjut tal-awtoritajiet ta’ Stat Membru li jirrikonoxxu l-isem jew il-kunjom miksub, f’ċirkustanzi simili għal dawk tal-kawża prinċipali, minn ċittadin ta’ dan l-Istat Membru li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u li għandu wkoll in-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor, peress li l-isem jew il-kunjom huwa ddeterminat skont ir-regoli fis-seħħ f’dan l-aħħar Stat Membru (38).

51.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, qabelxejn, li “l-isem u l-kunjom ta’ persuna huma element kostituttiv tal-identità tagħha u tal-ħajja privata tagħha, li l-protezzjoni tagħhom hija stabbilita fl-Artikolu 7 tal-[Karta] kif ukoll fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”)”. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, għalkemm l-Artikolu 7 tal-Karta ma jsemmix dan b’mod speċifiku, l-isem u l-kunjom ta’ persuna xorta jirrigwardaw il-ħajja privata u tal-familja tagħha bħala mezz ta’ identifikazzjoni personali u ta’ rabta ma’ familja (39).

52.      Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rifjut li jiġi rrikonoxxut il-kunjom ta’ ċittadin tal-Unjoni miksub legalment fi Stat Membru ieħor jista’ jfixkel l-eżerċizzju tad-dritt, minqux fl-Artikolu 21 TFUE, tal-moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri minħabba l-konfużjoni u l-inkonvenjenzi li jistgħu jirriżultaw minn diverġenza bejn iż-żewġ ismijiet applikati għall-istess persuna għall-prova kemm tal-identità tagħha kif ukoll tan-natura tar-rabtiet familjari tagħha (40).

53.      Fl-aħħar nett, meta d-dritt nazzjonali jinkludi bażijiet ġuridiċi oħra sabiex issir il-bidla tal-isem fuq talba tal-persuna kkonċernata, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn ma għandhomx, sabiex jitqiesu li huma kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, jirrendu l-implimentazzjoni tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 21 TFUE impossibbli jew eċċessivament diffiċli. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-bdil tal-kunjom, il-proċeduri previsti mid-dritt nazzjonali għandhom josservaw il-prinċipju ta’ ekwivalenza (41).

54.      F’dawn id-deċiżjonijiet, fondati fuq id-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri li minnu jibbenefika kull ċittadin tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet favur il-konkordanza fi Stat Membru tal-atti dwar l-istat ċivili ma’ kunjom jew isem miksub fi Stat Membru ieħor, jew skont ir-regoli dwar l-għażla tal-kunjom (42), jew wara bidla volontarja (43).

55.      Il-loġika wara din il-ġurisprudenza hija dik tar-rikonoxximent awtomatiku, f’kuntest ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu tal-persuna kkonċernata f’dawn l-Istati, ta’ kunjom jew ta’ isem miksub fi Stat Membru ieħor, u mhux ta’ att amministrattiv jew ġudizzjarju. Din il-loġika hija għalhekk differenti minn dik tar-rikonoxximent tal-effetti ta’ att jew ta’ sentenza barranija, skont il-metodi tad-dritt internazzjonali privat (44), li jiġġustifikaw it-tfassil ta’ regoli speċjali fuq bażijiet oħra għajr l-Artikolu 21 TFUE (45).

56.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi ddeterminat taħt liema kundizzjonijiet din il-ġurisprudenza tista’ tiġi trasposta, billi ssir distinzjoni bejn l-atti inkwistjoni fil-kawża prinċipali peress li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet dwar ir-rikonoxximent awtomatiku ta’ isem ġdid.

1.      Ilbidla talisem

57.      F’dan il-każ, fir-rigward tal-bidla tal-isem miksuba mir-rikorrent fir-Renju Unit, qabel ir-rikonoxximent tal-identità tal-ġeneru tiegħu, huwa paċifiku li l-isem li jidher fuq il-passaport u fuq il-liċenzja tas-sewqan Brittaniċi tar-rikorrent ma huwiex identiku għal dak li huwa rreġistrat fir-reġistru tal-istat ċivili u fl-atti amministrattivi Rumeni. Bħal fil-kawża li tat lok għas-sentenza Bogendorff (46) u a fortiori f’każ ta’ għażla ta’ isem ġdid marbut ma’ dak tad-dikjarazzjoni sussegwenti dwar l-identità tal-ġeneru, ma hemm l-ebda dubju li d-diversità ta’ ismijiet attribwiti lill-istess persuna tista’ toħloq għaliha inkonvenjenti serji ta’ natura amministrattiva, professjonali u privata.

58.      Konsegwentement, ir-rifjut mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru li jirrikonoxxu l-isem, kif miksub fi Stat ieħor, dak iż-żmien membru tal-Unjoni, jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertajiet irrikonoxxuti mill-Artikolu 21 TFUE lil kull ċittadin tal-Unjoni.

59.      La l-qorti tar-rinviju u lanqas il-Gvern Rumen ma jsemmu raġuni partikolari li tista’ tiġġustifika li jiġi rrifjutat li jiġi rrikonoxxut u mniżżel fl-att ta’ twelid tar-rikorrent l-isem li huwa kiseb fir-Renju Unit minbarra dak tar-rikonoxximent tal-identità tal-ġeneru, oppost mill-awtoritajiet Rumeni kompetenti (47). Barra minn hekk, din il-qorti ma ċċitat l-ebda dispożizzjoni partikolari dwar il-bdil tal-isem, ħlief dik marbuta mal-bidla fis-sess. Minbarra dan, hija ma tat l-ebda informazzjoni dwar xi proċedura ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjoni barranija f’konformità mad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-isem jew tal-kunjom (48).

60.      Barra minn hekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-fatt li r-rikonoxximent tal-isem il-ġdid jintrabat mar-rikonoxximent tal-identità tal-ġeneru ma josservax il-prinċipju tal-effettività u ma jiżgurax il-protezzjoni tad-drittijiet li r-rikorrent jieħu mid-dritt tal-Unjoni u, fost oħrajn, mill-Artikolu 21 TFUE (49). Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju ma tistax taċċetta ġustifikazzjonijiet marbuta mal-ordni pubbliku jew mal-ugwaljanza fit-trattament sabiex tirrifjuta l-bdil tal-isem (50).

61.      Għalhekk, jiena tal-fehma li, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemm l-ebda diffikultà fir-rigward tal-aġġornament tal-att tat-twelid tar-rikorrent, sabiex jiġi sseparat ir-rikonoxximent tal-bidla fl-isem mir-rikonoxximent tal-bidla fil-ġeneru, anki jekk l-isem jidher li huwa marbut ma’ ġeneru differenti minn dak soċjoloġikament assoċjat mas-sess tat-twelid irreġistrat.

62.      Barra minn hekk, jiena tal-fehma li, f’din is-sitwazzjoni, sabiex tiġi evalwata l-portata ta’ deċiżjoni ta’ rikonoxximent awtomatiku ta’ isem ġdid, wieħed għandu jmur lil hinn mill-kuntest fattwali li fih il-Qorti tal-Ġustizzja hija adita u għandu jiġi kkunsidrat li tali rikonoxximent jista’ jkollu konsegwenzi fuq atti oħra tal-istat ċivili, bħal dawk tal-membri tal-familja tal-persuna kkonċernata li fihom jidher l-isem preċedenti għall-bidla, jiġifieri b’mod partikolari att taż-żwieġ jew ta’ sħubija kif ukoll l-att tat-twelid ta’ wild.

63.      Inqis li, meta l-leġiżlazzjoni dwar l-istat ċivili tipprevedi dan, ir-rikonoxximent ta’ isem ġdid għandu jipproduċi l-effetti tiegħu mingħajr riżerva, iktar u iktar peress li dan ma jbiddilx l-identità tal-partijiet terzi kkonċernati, b’differenza mir-rikonoxximent ta’ bidla tal-kunjom li kien intgħażel jew inkiseb mill-konjuġi jew inkella ġie trażmess lit-tfal. Għall-kuntrarju, fin-nuqqas ta’ aġġornament sussegwenti, dan iwassal għal nuqqas ta’ qbil bejn l-atti tal-istat ċivili li jfixkel l-eżerċizzju tad-drittijiet misluta mill-Artikolu 21 TFUE meta l-membri tal-familja jkunu jixtiequ jibbenefikaw minnhom, minħabba r-relazzjonijiet familjali li huma jkollhom jiġġustifikaw.

64.      Huwa għalhekk li, fil-fehma tiegħi, il-portata tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tkun limitata għall-att tat-twelid tal-persuna kkonċernata. Għalhekk, b’mod ġenerali, l-Artikolu 21 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jirrifjutaw li jinkludu f’reġistru tal-istat ċivili l-isem miksub minn ċittadin ta’ dan l-Istat Membru fi Stat Membru ieħor, li tiegħu huwa għandu wkoll in-nazzjonalità, abbażi ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tissuġġetta l-possibbiltà li tinkiseb tali inklużjoni għar-rikonoxximent tal-bidla fis-sess minn qorti tal-ewwel Stat Membru.

2.      Ilbidla filġeneru

65.      F’dan il-każ, id-domanda l-ġdida li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi dwarha hija jekk il-ġurisprudenza tagħha fil-qasam tal-istat ċivili dwar l-effetti transkonfinali tal-kisba ta’ isem fi Stat Membru tistax tiġi trasposta fl-aspetti kollha tagħha.

a)      Lanaloġija malġurisprudenza talQorti talĠustizzja dwar lisem

66.      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li għalkemm, fis-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2018, MB (Bidla fil-ġeneru u pensjoni tal-irtirar) (51), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “[d]-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax il-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tal-istat ċivili ta’ persuni u tar-rikonoxximent legali tal-bidla fil-ġeneru ta’ persuna” (52), il-kawża li tat lok għal din id-deċiżjoni ma kellhiex bħala għan ir-rikonoxximent legali fi Stat Membru tal-identità tal-ġeneru miksuba fi Stat Membru ieħor (53).

67.      Għaldaqstant, għandu jiġi deċiż jekk l-unika ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rikonoxximent ipso iure fi Stat Membru ta’ bidla f’element tal-identità ta’ ċittadin tal-Unjoni, jiġifieri ismu, bl-għan li jiġi inkluż fl-istat ċivili fi Stat Membru ieħor, għandhiex tapplika fl-istess kundizzjonijiet, fil-każ tal-indikazzjoni tas-sess fl-att ta’ twelid.

68.      Fl-ewwel parti tal-analiżi, risposta affermattiva, li tirriproduċi l-istess termini bħal dawk tas-sentenza Freitag (54), tista’ tkun meħtieġa għal tliet raġunijiet.

69.      L-ewwel nett, fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri (55), l-indikazzjoni tas-sess hija element kostitwenti tal-identità ta’ persuna, kif huma l-kunjom u l-isem (56). Din spiss tkun relatata mas-sess irreġistrat fl-att tat-twelid (57), u xi kultant mal-isem (58).

70.      Sussegwentement, il-bażi tar-rikonoxximent ta’ kunjom jew isem ġdid għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħhom fl-istat ċivili, jiġifieri r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 21 TFUE u mid-dritt għar-rispett għall-ħajja privata li l-protezzjoni tiegħu hija minquxa fl-Artikolu 7 tal-Karta kif ukoll fl-Artikolu 8 tal-KEDB (59), jeżiġu li ċittadin tal-Unjoni ma jiġix imċaħħad mis-sustanza tad-drittijiet li jagħtih l-istatus tiegħu, u dan fl-aspetti kollha tal-identità tiegħu.

71.      Barra minn hekk, tali soluzzjoni hija konformi mal-ġurisprudenza li issa hija stabbilita tal-Qorti EDB, ibbażata fuq l-Artikolu 8 tal-KEDB u dwar ir-rispett għall-identità tal-ġeneru (60).

72.      Ċertament, din il-qorti ma ddeċidietx dwar każijiet ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet ta’ bidla tal-isem jew tas-sess (61), iżda affermat diversi drabi li r-rispett għall-ħajja privata jew tal-familja jwassal għall-obbligu pożittiv tal-Istat li jiggarantixxih billi jadotta miżuri sabiex jirrikonoxxi kemm il-bidla tal-kunjom jew tal-isem (62) kif ukoll il-bidla tal-identità tal-ġeneru (63) u li jislet minn dan il-konsegwenzi fil-qasam tal-istat ċivili.

73.      Għandu jiġi kkonstatat ukoll li 25 mis‑27 Stat Membru jipprevedu proċeduri ta’ bidla fl-istat ċivili sabiex l-identità legali tat-twelid tinbidel b’riżultat ta’ għażla individwali dwar il-ġeneru (64), u dan isaħħaħ ir-rilevanza tas-soluzzjoni proposta abbażi tal-prinċipji stabbiliti fil-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet, b’analoġija mal-ġurisprudenza relatata mal-isem.

74.      Inżid li n-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni fi Stat Membru intiża għar-rikonoxximent tad-dikjarazzjoni ta’ bidla fil-ġeneru ma jidhirlix li tikkostitwixxi ostakolu fir-rigward tal-Artikolu 21 TFUE, minħabba l-obbligu pożittiv li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB (65) u mill-analoġija li tista’ ssir mas-sentenza Grunkin u Paul. F’din id-deċiżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar ir-rikonoxximent tal-kunjom ta’ wild, kompost minn dak ta’ missieru u ta’ ommu, filwaqt li d-dritt Ġermaniż ma kienx jipprevedi tali kunjom doppju (66).

75.      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ġustifikazzjonijiet ta’ restrizzjoni għal-libertà ta’ moviment, eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja, din iddeċidiet, b’mod partikolari, dwar l-għan intiż li jipprekludi, fil-każ ta’ bidla volontarja tal-isem, evitar tad-dritt nazzjonali fil-qasam tal-istatus tal-persuni permezz tal-eżerċizzju, għal dan l-għan biss, tal-libertà ta’ moviment u tad-drittijiet li jirriżultaw minnu. F’din l-okkażjoni, hija fakkret li, fil-punt 24 tas-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 1999, Centros (67), hija kienet diġà ddeċidiet li Stat Membru għandu d-dritt li jieħu miżuri intiżi sabiex jipprekludi li, permezz tal-faċilitajiet maħluqa mit-Trattat, uħud miċ-ċittadini tiegħu jippruvaw jevitaw b’mod abbużiv l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu u li l-individwi ma jistgħux, b’mod abbużiv jew frawdolenti, jinvokaw ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni (68).

76.      F’dan ir-rigward, għal dak li jirrigwarda r-rikonoxximent tal-identità tal-ġeneru, huwa meħtieġ li jitqies il-fatt li r-regolamenti tal-Istati Membri bħalissa huma inqas ikkonsolidati minn dawk relatati mal-bdil tal-isem fiż-żmien meta ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja (69). Xi Stati Membri jipprevedu proċedura ta’ awtodeterminazzjoni (70), filwaqt li fi Stati Membri oħra, minħabba l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB (71), ir-rekwiżiti tal-provi ġew modifikati jew saħansitra tneħħew (72).

77.      Madankollu, din id-diversità ta’ drittijiet sostantivi applikabbli fil-każ ta’ bidla fil-ġeneru ma tistax twassal għall-ammissjoni ta’ raġunijiet serji għal nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ din il-bidla (73). Peress li hija kwistjoni li għandha effetti fuq id-drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza, din id-diversità tiġġustifika biss viġilanza msaħħa fuq il-kundizzjonijiet li taħthom dawn id-drittijiet huma eżerċitati għall-ħarsien minn kwalunkwe abbuż.

78.      Konsegwentement, kif ġie previst waqt is-seduta, jidhirli li huwa xieraq, sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ abbuż, li jkunu jistgħu jiġu invokati kundizzjonijiet ta’ residenza jew ta’ nazzjonalità (74) sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ rabtiet mill-qrib mal-Istat Membru li fih seħħet tali bidla (75).

79.      Fir-rigward tal-applikazzjoni fil-kawża prinċipali tal-prinċipji esposti iktar ’il fuq, nosserva li l-unika ġustifikazzjoni għar-rifjut li tiġi rrikonoxxuta u mniżżla fl-att tat-twelid inkwistjoni, mingħajr proċedura, il-bidla fil-ġeneru wara dikjarazzjoni ta’ identità tal-ġeneru, esposta fit-talba għal deċiżjoni preliminari (76), hija dik ibbażata fuq l-eżistenza ta’ bażijiet ġuridiċi oħra li jippermettu li tinkiseb bidla fis-sess fir-Rumanija.

80.      Issa, is-sentenza X u Y vs Ir‑Rumanija (77) wriet, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, li din il-proċedura nazzjonali ma tistax titqies li hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, peress li tirrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-implimentazzjoni tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 21 TFUE (78).

81.      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tqis, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, bħal fis-sentenzi preċedenti dwar il-kunjom ta’ ċittadin tal-Unjoni, li r-rifjut mill-awtoritajiet Rumeni li jirrikonoxxu l-identità tal-ġeneru miksuba fir-Renju Unit, meta d-dritt tal-Unjoni kien għadu applikabbli, jikkostitwixxi restrizzjoni mhux iġġustifikata għal-libertajiet irrikonoxxuti mill-Artikolu 21 TFUE lil kull ċittadin tal-Unjoni.

82.      Madankollu, fit-tieni parti tal-analiżi, l-evalwazzjoni indispensabbli tal-portata ġenerali ta’ tali deċiżjoni, fondata fuq l-istess bażijiet bħal dawk tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-isem, twassal sabiex jiġu mistoqsija l-limiti possibbli li jimponu l-effetti partikolari fir-rigward tal-istatus personali tal-indikazzjoni tas-sess fl-att tar-twelid.

b)      Huma previsti limiti għattraspożizzjoni talġurisprudenza dwar lisem?

83.      L-indikazzjoni tas-sess fl-att tat-twelid għandha effetti partikolari fir-rigward tal-istatus personali. Liema konsegwenzi, jekk hemm, għandhom jinsiltu minn dan fid-dawl tal-aħħar deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kundizzjonijiet li fihom l-atti tal-istat ċivili li joriġinaw minn Stat Membru għandhom jipproduċu effetti fi Stat Membru ieħor, jiġifieri s-sentenzi Coman et u Pancharevo?

1)      Fuq leffetti speċifiċi talindikazzjoni tassess għallistat ċivili fuq listatus personali

84.      Fir-rigward tal-istatus tal-persuni, id-dikjarazzjoni dwar l-identità sesswali għandha effetti li l-isem ma għandux. Il-bidla fl-isem tista’, ċertament, twassal għal bidla katina tal-isem tal-persuni li lilhom ikun ġie trażmess jew magħżul minnhom (79). Madankollu, b’analoġija, id-dikjarazzjoni tal-identità tal-ġeneru ma tistax tiġi analizzata bħala espressjoni ta’ rieda li hija limitata għall-identità tal-persuna kkonċernata.

85.      Fil-fatt, din id-dikjarazzjoni tbiddel kemm l-istatus personali kif ukoll l-istatus tal-familja tal-persuna kkonċernata. B’hekk tista’ tiġi invokata fl-eżerċizzju tad-drittijiet li jibqgħu marbuta mad-differenza fil-ġeneru (iż-żwieġ, il-filjazzjoni, l-irtirar (80), is-saħħa, il-kompetizzjonijiet sportivi, eċċ.).

86.      Konsegwentement, peress li l-aġġornament tal-atti tal-istat ċivili huwa ġġustifikat mill-għan li jiġu ggarantiti d-drittijiet marbuta mal-moviment liberu taċ-ċittadin ikkonċernat u tal-membri tal-familja tiegħu (81), huwa essenzjali li wieħed jistaqsi, bħal fil-każ tal-bidla fl-isem (82), x’inhuma l-effetti katina ta’ tali reġistrazzjoni ta’ dikjarazzjoni tal-identità tal-ġeneru rrikonoxxuta fi Stat Membru fuq atti oħra tal-istat ċivili, bħalma huma l-atti taż-żwieġ jew l-atti tat-twelid tat-tfal, stabbiliti qabel tali dikjarazzjoni (83) fl-istess Stat Membru jew fi Stati Membri oħra, kif juru s-sentenzi Coman et u Pancharevo.

2)      Fuq leffetti speċifiċi għarrikonoxximent u għall-inklużjoni f’reġistru talistat ċivili taddikjarazzjoni talidentità talġeneru miksub fi Stat Membru ieħor

87.      Mis-sentenzi Coman et u Pancharevo niddeduċi li l-Qorti tal-Ġustizzja żgurat l-osservanza tal-prinċipju li jgħid li d-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax il-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tar-reġistrazzjoni, għal dak li jirrigwarda l-istat ċivili, ta’ indikazzjonijiet li jkollhom l-effett li jirrikonoxxu l-istituzzjoni taż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess jew rabta ta’ filjazzjoni stabbilita ma’ żewġ ġenituri tal-istess sess. F’dan l-aħħar każ, l-assenza ta’ obbligu tal-Istati Membri fir-rigward tal-istat ċivili tfakkret b’mod ċar (84).

88.      Għalhekk, jiena tal-fehma li l-kwistjoni tal-effetti tar-rikonoxximent fi Stat Membru ta’ atti jew deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-indikazzjoni tas-sess stabbiliti fi Stat Membru ieħor tippreżenta perspettiva differenti minn dik ittrattata mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-isem (85).

89.      Fil-fatt, fis-sentenza Coman et, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja żammet l-obbligu ta’ Stat Membru li jirrikonoxxi żwieġ bejn persuni tal-istess sess konkluż fi Stat Membru ieħor f’konformità mad-dritt tiegħu, hija ppreċiżat li dan iż-żwieġ għandu jiġi rrikonoxxut biss għas-sempliċi finijiet tal-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat lil ċittadin ta’ pajjiż terz, iżda li dan l-obbligu ta’ rikonoxximent ma jimplikax, għall-imsemmi Stat Membru, l-obbligu li jipprevedi, fid-dritt nazzjonali tiegħu, l-istituzzjoni ta’ żwieġ bejn persuni tal-istess sess (86).

90.      Fis-sentenza Pancharevo, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru għandhom joħorġu karta tal-identità jew passaport lil ċittadin tagħhom abbażi ta’ att ta’ twelid stabbilit fi Stat Membru ieħor, indipendentement mill-istabbiliment ta’ att ta’ twelid ġdid f’reġistru nazzjonali, billi l-ewwel att għandu jiġi rrikonoxxut (87).

91.      F’dawn iż-żewġ sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja inkludiet id-deċiżjoni tagħha fl-estensjoni tal-ġurisprudenza stabbilita tagħha dwar l-effetti transkonfinali ta’ isem attribwit jew magħżul. Hija fakkret fil-kompetenza tal-Istati Membri fir-rigward tal-istatus ta’ persuni (88) u fl-obbligu li jiggarantixxu d-drittijiet li jinsiltu mill-Artikolu 21 TFUE, li għalhekk jimponi r-rikonoxximent ta’ żwieġ bejn persuni tal-istess sess (89) jew ta’ filjazzjoni fir-rigward ta’ ġenituri tal-istess sess, irreġistrata fi Stat Membru ieħor (90). Fil-każ tal-aħħar, l-att tal-istat ċivili mfassal fi Stat Membru stabbilixxa l-eżistenza ta’ rabtiet ta’ filjazzjoni għall-iskop uniku tal-ħruġ ta’ dokument tal-ivvjaġġar minn Stat Membru ieħor liċ-ċittadini tiegħu (91), mingħajr l-ebda effett fuq iż-żamma tar-reġistri tal-istat ċivili ta’ dak l-Istat Membru.

92.      Konsegwentement, fid-dawl tal-imsemmija sentenzi, is-soluzzjoni li għandha tingħata fil-qasam tar-rikonoxximent u tal-inklużjoni f’reġistru tal-istat ċivili ta’ bidla fil-ġeneru wara dikjarazzjoni dwar l-identità tal-ġeneru miksub fi Stat Membru ieħor, ibbażata fuq ir-rekwiżit doppju tal-awtonomija personali (92) u tal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni (93), għandha, fil-fehma tiegħi, tipprevedi ċerti limiti.

93.      Din is-soluzzjoni tikkonsisti fir-restrizzjoni tal-obbligu tal-Istati Membri li jirreġistraw il-bidla tal-elementi tal-identità ta’ individwu skont il-ġeneru magħżul fl-att tat-twelid tiegħu biss meta dan jista’ jkollu effetti fuq atti oħra tal-istat ċivili. F’termini ġenerali, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja lill-qorti tar-rinviju tillimita l-effetti fir-rigward tal-istat ċivili tal-prinċipji bbażati fuq l-Artikolu 21 TFUE għall-elementi ta’ identifikazzjoni tal-persuna kkonċernata (94) li jservu b’mod partikolari għall-moviment tagħha fit-territorju tal-Unjoni, jiġifieri bl-għan tal-ħruġ ta’ karta tal-identità jew ta’ passaport (95).

94.      L-imsemmija soluzzjoni jkollha l-konsegwenza li l-aġġornament tal-atti tal-istat ċivili li jikkonċernaw il-membri tal-familja tal-persuna kkonċernata ma huwiex obbligatorju, skont id-dritt tal-Unjoni, sa fejn dan l-aġġornament jimplika rikonoxximent sussegwenti fir-reġistri tal-istat ċivili ta’ żwieġ ta’ persuni tal-istess sess (96) jew ta’ filjazzjoni stabbilita fir-rigward ta’ ġenituri tal-istess sess (97), li ma jistax jiġi impost fuq l-Istati Membri skont id-dritt tal-Unjoni.

95.      Minn tali perspettiva, ir-rimedju tan-nuqqas ta’ qbil bejn l-atti tal-istat ċivili tal-membri ta’ koppja jew tal-istess familja, ibbażat fuq l-Artikolu 21 TFUE, li diġà ġie stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja, jista’ jiġi adattat fis-sens li d-dikjarazzjoni ta’ identità tal-ġeneru tipproduċi l-effetti tagħha fuq id-dikjarazzjonijiet meħuda mill-atti tal-istat ċivili diġà eżistenti biss meta jinħarġu karta tal-identità, permess ta’ residenza jew passaport, f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Coman et u Pancharevo.

96.      Din is-soluzzjoni ċertament ma hijiex sodisfaċenti fir-rigward tad-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja u tal-aħjar interessi tat-tfal, peress li l-persuna transġeneru għandha tkun tista’ tiġġustifika r-relazzjonijiet familjali tagħha stabbiliti permezz ta’ atti tal-istat ċivili. Fil-fatt, jiena tal-fehma li għalkemm is-separazzjoni tal-ħruġ ta’ dokument amministrattiv miż-żamma tar-reġistri tal-istat ċivili hija possibbli sabiex ċittadin joħroġ mit-territorju li tiegħu huwa ċittadin, din ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ ħajja mingħajr battikati amministrattivi f’każ li dan jirritorna (98).

97.      Madankollu, peress li r-rikonoxximent fi Stat Membru ta’ bidla relatata mal-identità ta’ ċittadin tal-Unjoni li sseħħ fi Stat Membru ieħor huwa bbażat fuq l-Artikolu 21 TFUE, huma biss l-Istati Membri li għandhom kompetenza sabiex jiddefinixxu l-konsegwenzi fir-rigward tal-istatus tal-persuni li jirriżultaw mill-konkordanza tal-atti kollha tal-istat ċivili (99).

98.      Il-Qorti EDB tikkunsidra wkoll li l-interessi pubbliċi inkwistjoni fil-kuntest tal-organizzazzjoni tal-istat ċivili (100) u r-rikonoxximent tal-identità tal-ġeneru tal-persuni għandhom jiġu bbilanċjati (101). F’dan ir-rigward, għandhom jitqiesu r-rekwiżiti differenti fl-Istati Membri (102).

99.      Konsegwentement, jiena tal-fehma li l-Artikolu 21 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jirrifjutaw li jirrikonoxxu u jniżżlu, mingħajr proċedura, fl-att ta’ twelid ta’ ċittadin ta’ dak l-Istat Membru l-identità tal-ġeneru tiegħu miksuba fi Stat Membru ieħor, li tiegħu huwa għandu wkoll in-nazzjonalità. L-eżistenza fid-dritt nazzjonali ta’ proċedura għall-bidla tas-sess jew tal-ġeneru ma tistax tiġġustifika tali rifjut.

100. Fid-dawl tal-elementi kollha esposti dwar il-bidliet fl-isem u fil-ġeneru miksuba fi Stat Membru ieħor u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-istat ċivili limitata għall-att ta’ twelid taċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat, ifformulata f’termini ġenerali u ssupplimentata bi preċiżjoni dwar in-nuqqas ta’ impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni.

V.      Konklużjoni

101. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Judecătoria Sectorului 6 Bucureşti (il-Qorti tal-Ewwel Istanza tas-Sitt Distrett ta’ Bukarest, ir-Rumanija) kif ġej:

1)      L-Artikolu 21 TFUE kif ukoll l-Artikoli 7 u 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu lill-awtoritajiet ta’ Stat Membru milli jirrifjutaw li jirrikonoxxu u jniżżlu fl-att tat-twelid ta’ ċittadin ta’ dak l-Istat Membru l-isem u l-identità tal-ġeneru legalment iddikjarati u miksuba fi Stat Membru ieħor, li tiegħu għandu wkoll in-nazzjonalità.

L-eżistenza ta’ proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi għall-bidla fis-sess jew fil-ġeneru ma tistax tkun ta’ ostakolu għal tali rikonoxximent awtomatiku.

Min-naħa l-oħra, id-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax il-kompetenza tal-Istati Membri sabiex jipprevedu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, l-effetti ta’ dan ir-rikonoxximent u ta’ din l-inklużjoni f’atti oħra tal-istat ċivili kif ukoll fir-rigward tal-istatus tal-persuni li jaqgħu taħt ir-regoli dwar iż-żwieġ u l-filjazzjoni.

2)      Il-fatt li l-applikazzjoni għar-rikonoxximent u għall-inklużjoni f’reġistru tal-istat ċivili ta’ bidla fl-isem u fil-ġeneru miksuba fir-Renju Unit saret fi Stat Membru tal-Unjoni f’data meta d-dritt tal-Unjoni ma kienx għadu applikabbli għar-Renju Unit huwa irrilevanti.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.


2      Iktar ’il quddiem il-“Karta”.


3      Jiġifieri d-Direcția de Evidență a Persoanelor Cluj, Serviciul stare civilă (id-Dipartiment tal-Istat Ċivili tad-Direttorat tar-Reġistru tal-Persuni ta’ Cluj, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem id-“Dipartiment tal-Istat Ċivili ta’ Cluj”); id-Direcția pentru Evidența Persoanelor și Administrarea Bazelor de Date din Ministerul Afacerilor Interne (id-Direttorat Responsabbli għar-Reġistru tal-Persuni u għall-Ġestjoni tal-Bażi tad-Data tal-Ministeru għall-Intern, ir-Rumanija), u tal-Municipiul Cluj-Napoca (il-Muniċipalità ta’ Cluj-Napoca, ir-Rumanija).


4      Nenfasizza li s-suġġett tat-tilwima ma huwiex ir-rettifika tal-indikazzjoni tas-sess fl-att tat-twelid, iżda l-inklużjoni fih tar-rikonoxximent ta’ dikjarazzjoni ta’ identità tal-ġeneru, jiġifieri l-affermazzjoni tal-konvinzjoni li l-persuna tappartjeni għal ġeneru differenti minn dak li jikkorrispondi għas-sess tat-twelid, attestat b’ċertifikat. Għalhekk jeħtieġ li ssir distinzjoni fi kwistjonijiet ta’ stat ċivili bejn “referenza morfoloġika u perċezzjoni psikosoċjali” (ara Gallus, N., “L’enregistrement du nouveau sexe de la personne transgenre – L’évolution en droit belge : entre l’exigence du respect de la vie privée et la sécurité juridique de l’organisation de l’état civil”, Revue trimestrielle des droits de l’homme, Nru 133, Nemesis, Brussell, 2023, p. 247 sa 264, b’mod partikolari p. 252). Ara wkoll, ir-rapport tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi tal-Kummissjoni Ewropea, bit-titolu “Legal gender recognition in the EU: the journeys of trans people towards full equality”, Ġunju 2020, punt 1.6.3, p. 27 u 28. Ara wkoll, Moron-Puech, B., “Regards comparatistes sur la mention du sexe à l’état civil pour les personnes transgenres et intersexuées”, f’Courduriès, J., Dourlens, C., u Hérault, L, État civil et transidentité – Anatomie d’une relation singulière : genre, identité, filiation, Presses universitaires de Provence, Aix-en-Provence, 2021, p. 211 sa 249, b’mod partikolari p. 214 sa 217. Hemm glossarju trilingwi (Ingliż, Franċiż, Ġermaniż) fl-Anness II tar-rapport tal-International Lesbian, Gay, Bisexual, Trans and Intersex Association (ILGA) Europe, intitolat “Report on ‘transsexuality and international private law’”, disponibbli fl-indirizz tal-Internet li ġej: https://transexualia.org/wp-content/uploads/2015/03/Legal_ilgalaw.pdf. Ara, għal glossarju ieħor bil-Franċiż jew bl-Ingliż, il-glossarju tal-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza (ECRI) tal-Kunsill tal-Ewropa.


5      Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tuża dan it-terminu sa fejn dan jirrifletti l-fatt li wieħed isir id-detentur ta’ dritt jew il-benefiċjarju ta’ stat ġdid.


6      ĠU 2020, L 29, p. 7, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”.


7      ĠU 2020, L 29, p. 1.


8      Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 282 tal‑11 ta’ Novembru 1996.


9      Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 68 tat‑2 ta’ Frar 2003. Kif ikkonfermat mill-Artikolu 411 tal-Liġi Nru 119/1996, li tissostitwixxi dan l-artikolu mit‑2 ta’ Mejju 2022, it-terminu “isem” għandu jinqara bħala li jkopri l-isem jew il-kunjom.


10      Ara l-mudelli tal-atti tal-istat ċivili fl-annessi tal-Liġi Nru 119/1996. L-Artikolu 14(3) tan-Normele metodologice de aplicare unitară a dispozițiilor legale privind evidența, domiciliul, reședința și actele de identitate ale cetățenilor români (ir-Regoli Metodoloġiċi għall-Applikazzjoni Uniformi tad-Dispożizzjonijiet Leġiżlattivi dwar ir-Reġistru tal-Popolazzjoni, id-Domiċilju, ir-Residenza u d-Dokumenti tal-Identità taċ-Ċittadini Rumeni), approvati mill-Hotărârea Guvernului nr. 1375/2006 (id-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 1375/2006), tal‑4 ta’ Ottubru 2006 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 851 tas‑17 ta’ Ottubru 2006), jispjega kif jiġi fformat dan in-numru. L-ewwel ċifra tindika s-sess u s-seklu tat-twelid. Iċ-ċifra 1 tingħata lil persuni ta’ sess maskili mwielda bejn l‑1900 u l‑1999, u ċ-ċifra 2 tingħata lil persuni ta’ sess femminili mwielda bejn l‑1900 u l‑1999. Għall-perijodu 2000–2099, iċ-ċifri huma 5 u 6, rispettivament.


11      Ara l-Ordonanța de urgență a Guvernului nr. 97/2005 privind evidența, domiciliul, reședința și actele de identitate ale cetățenilor români (id-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 97/2005 dwar ir-Reġistru tal-Persuni, id-Domiċilju, ir-Residenza u d-Dokumenti ta’ Identità taċ-Ċittadini Rumeni), tal‑14 ta’ Lulju 2005 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 641 tal‑20 ta’ Lulju 2005), u l-Hotărârea Guvernului nr. 557/2006 privind stabilirea datei de la care se pun în circulaţie paşapoartele electronice, precum și a formei și conținutului acestora (id-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 557/2006 li Tistabbilixxi d-Data tal-Bidu taċ-Ċirkulazzjoni tal-Passaporti Elettroniċi u l-Forma u l-Kontenut Tagħhom), tas‑26 ta’ April 2006 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 376 tat‑2 ta’ Mejju 2006).


12      Ara d-dettalji dwar il-leġiżlazzjoni attwali u l-prattika, rispettivament, fl-indirizzi tal-Internet li ġejjin: https://uk.westlaw.com/Document/I5F92B790E42311DAA7CF8F68F6EE57AB/View/FullText.html?originationContext=document&transitionType=DocumentItem&vr=3.0&rs=PLUK1.0&contextData=(sc.Search)&firstPage=true u https://www.gov.uk/apply-gender-recognition-certificate.


13      Iktar ’il quddiem il-“GRC”.


14      Ara l-entrata fil-GRC imdaħħla fil-fajl tal-kawża prinċipali (“Warning: A certificate is not evidence of identity” (Attenzjoni: ċertifikat ma huwiex prova tal-identità) (traduzzjoni libera)), kif ukoll is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tad‑19 ta’ Jannar 2021, X u Y vs Ir‑Rumanija (CE:ECHR:2021:0119JUD000214516, punt 32), iktar ’il quddiem is-“sentenza X u Y vs Ir‑Rumanija”.


15      Ara d-dettalji dwar il-prattika fl-indirizz tal-Internet li ġej: https://www.gov.uk/change-name-deed-poll.


16      Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tuża t-terminu “rikorrent” għar-raġuni li l-bidla fil-ġeneru ġiet legalment rikonoxxuta fi Stat Membru.


17      Iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”.


18      Ir-rikorrent irrefera għas-sentenza X u Y vs Ir‑Rumanija.


19      C‑148/02, iktar ’il quddiem is-“sentenza Garcia Avello”, EU:C:2003:539.


20      C‑353/06, iktar ’il quddiem is-“sentenza Grunkin u Paul”, EU:C:2008:559.


21      C‑541/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza Freitag”, EU:C:2017:432.


22      C‑490/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza Pancharevo”, EU:C:2021:1008.


23      ĠU 2012, L 351, p. 1. Ara l-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament.


24      Konvenzjoni ffirmata fi Brussell fis‑27 ta’ Settembru 1968 (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni (ĠU 1998, C 27, p. 1).


25      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, rettifika fil-ĠU 2013, L 82, p. 63. L-istess japplika għar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1111 tal‑25 ta’ Ġunju 2019 dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u dwar sekwestru internazzjonali ta’ minuri (ĠU 2019, L 178, p. 1), li ħassar ir-Regolament Nru 2201/2003 mill‑1 ta’ Awwissu 2022.


26      ĠU 2016, L 200, p. 1.


27      COM(2010) 747 final. Ara Mirisch-Krueger, M., “Filling the Legal Void in Interstate Legal Gender Recognition in the European Union: A U.S. Style Full Faith and Credit Clause and Coman-Based Approach”, Southwestern Journal of International Law, vol. 28,  Nru 1, 2022, p. 210 sa 229, b’mod partikolari p. 213 dwar il-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ uniformità tar-regoli f’termini tar-rikonoxximent legali tal-ġeneru. Ara wkoll, għal diskussjoni tas-soluzzjonijiet differenti disponibbli għal-leġiżlatur tal-Unjoni, p. 216 et seq. Ara, b’mod partikolari, p. 217 et seq. (Titolu II, B, intitolat “Adozzjoni ta’ klawżola ta’ fiduċja sħiħ u ta’ kreditu fl-Ewropa għall-benefiċċju tar-rikonoxximent interstatali tal-ġeneru” (traduzzjoni libera)), għal analiżi, ispirata mid-dritt Amerikan (Artikolu IV, Taqsima 1 tal-Kostituzzjoni), favur l-istabbiliment ta’ prinċipju fundamentali ta’ fiduċja reċiproka fl-Unjoni għall-finijiet tar-rikonoxximent awtomatiku tal-identità tal-ġeneru bejn l-Istati Membri.


28      Ara s-sentenza Freitag (punt 33, fejn huma ċċitata s-sentenzi Garcia Avello (punt 25); Grunkin u Paul (punt 16); tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Sayn‑Wittgenstein (C‑208/09, EU:C:2010:806, punti 38 u 39); tat‑12 ta’ Mejju 2011, Runevič‑Vardyn u Wardyn (C‑391/09, EU:C:2011:291, punt 63), kif ukoll tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Bogendorff von Wolffersdorff (C‑438/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza Bogendorff”, EU:C:2016:401, punt 32)).


29      Sentenza Pancharevo (punt 52, li jagħmel riferiment għas-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza Coman et”, EU:C:2018:385, punti 36 sa 38 u l-ġurisprudenza ċċitata)).


30      Ara s-sentenzi Garcia Avello (punt 27) u Freitag (punt 34).


31      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Coman et (punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll Pancharevo (punt 42).


32      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers u Institut national de la statistique et des études économiques (C‑673/20, EU:C:2022:449, punti 55 sa 58 u 79).


33      Dwar din il-kwalifika, ara s-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2024, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (Sentenza tal-Qorti Suprema) (C‑516/22, EU:C:2024:231, punt 53).


34      Ara, b’analoġija, fir-rigward tal-effetti ta’ atti stabbiliti qabel l-adeżjoni ta’ Stat mal-Unjoni, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2011, Runevič‑Vardyn u Wardyn (C‑391/09, EU:C:2011:291, punt 55).


35      Ara l-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


36      Nirrileva, f’dan ir-rigward, li l-unika deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li fiha hemm preċiżazzjonijiet dwar it-tip ta’ att ta’ stat ċivili prodott, il-legalizzazzjoni tiegħu u t-traduzzjoni tiegħu hija s-sentenza Pancharevo (punt 20). Fil-kawża li tat lok għas-sentenza Freitag, il-persuna kkonċernata kienet ipproduċiet il-passaport tagħha (punt 20). Ma tingħata ebda indikazzjoni partikolari dwar id-dokumenti prodotti lill-awtoritajiet Ġermaniżi fis-sentenza Bogendorff, li l-punt 15 tagħha jispeċifika li l-bidla tal-isem u tal-kunjom tirriżulta minn dikjarazzjoni (deed poll). Fis-sentenza Grunkin u Paul, is-suġġett tal-kawża kien il-kunjom ta’ tifel Ġermaniż, imniżżel fl-att tat-twelid tiegħu mfassal fid-Danimarka.


37      Ara, b’analoġija, għad-dikjarazzjoni (deed poll), is-sentenza Bogendorff (punt 15) u, fir-rigward tan-natura definittiva tal-GRC, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2018, MB (Bidla fil-ġeneru u pensjoni tal-irtirar) (C‑451/16, EU:C:2018:492, punt 11). Waqt is-seduta, ir-rikorrent indika li d-dikjarazzjoni (deed poll) tiegħu kienet ġiet irreġistrata fix-xahar ta’ Frar 2017 u li, peress li ma kienx miżżewweġ, kien kiseb ċertifikat definittiv tar-rikonoxximent tal-ġeneru. Ara l-Artikolu 4(2) tal-Liġi tal‑2004 dwar ir-Rikonoxximent tal-Ġeneru.


38      Ara s-sentenzi Bogendorff u Freitag. Il-Qorti tal-Ġustizzja tat sussegwentement żewġ deċiżjonijiet fil-qasam tal-istatus personali li kienu jirrigwardaw iż-żwieġ jew it-twelid ta’ ċittadin tal-Unjoni rreġistrati fi Stat Membru ieħor. Madankollu, l-ebda argument dwar l-obbligi fil-qasam tal-istat ċivili ma jista’ jinsilet minn dan. Dawn id-deċiżjonijiet huma dwar il-konsegwenzi amministrattivi fi Stat Membru wieħed li jirriżultaw mill-atti tal-istat ċivili stabbiliti fi Stat Membru ieħor. Dawn huma indipendenti minn kwalunkwe reġistrazzjoni, tkun xi tkun il-forma tagħha, minn dipartiment responsabbli għaż-żamma tar-reġistru tal-istatus ċivili fl-ewwel Stat Membru (ara s-sentenzi Coman et (punt 45, l-aħħar żewġ sentenzi) u Pancharevo (punt 57)). Ara wkoll il-punti 89 sa 91 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


39      Ara s-sentenza Bogendorff (punt 35). Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment, fir-rigward tal-Artikolu 8 tal-KEDB, għas-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Sayn-Wittgenstein (C‑208/09, EU:C:2010:806, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tat‑12 ta’ Mejju 2011, Runevič‑Vardyn u Wardyn (C‑391/09, EU:C:2011:291, punt 66).


40      Ara s-sentenza Freitag (punti 36 u 37, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, fir-rigward tal-isem, is-sentenza Bogendorff (punt 38).


41      Ara s-sentenza Freitag (punti 41 u 42).


42      Ara s-sentenzi Garcia Avello u Grunkin u Paul.


43      Ara s-sentenzi Bogendorff u Freitag.


44      Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara wkoll, dwar il-metodu ta’ rikonoxximent, Jault-Seseke, F., u Pataut, E., “Le citoyen européen et son nom”, Europa als Rechts- und Lebensraum: Liber amicorum für Christian Kohler zum 75. Geburtstag, Gieseking Verlag, Bielefeld, 2018, p. 371 sa 384, b’mod partikolari p. 377, kif ukoll Gössl, S., u Melcher, M., “Recognition of a status acquired abroad in the EU. – A challenge for national laws from evolving traditional methods to new forms of acceptance and  bypassing alternatives”, Cuadernos de derecho transnacional, Vol. 14, Nru 1, 2022, Université Carlos III de Madrid, Madrid, 2022, p. 1012 sa 1043, b’mod partikolari p. 1041.


45      Ara, bħala eżempju, il-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar l-Istat Ċivili (ICCS) Nru 29, dwar ir-rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet li jikkonstataw bidla fis-sess, adottata fl-Assemblea Ġenerali ta’ Lisbona fis‑16 ta’ Settembru 1999 u ffirmata fi Vjenna fit‑12 ta’ Settembru 2000. Din il-konvenzjoni, miftuħa għall-iffirmar minn kull Stat Membru tal-ICCS jew tal-Unjoni, daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Marzu 2011. Hija ġiet iffirmata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mir-Repubblika Ellenika kif ukoll mir-Repubblika tal-Awstrija u rratifikata mir-Renju ta’ Spanja u mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Hija għandha l-għan li taċċetta stħarriġ imsaħħaħ intiż li jirregola r-rieda tal-individwu b’riferiment għal ċerti regoli abitwali tad-dritt internazzjonali privat. Ara wkoll il-kummentarju ta’ Guez, P., “Identité de genre et droit international privé”, f’Gallus, N., Droit des familles, genre et sexualité, Anthemis, Limal, 2012, p. 115 sa 137, b’mod partikolari p. 132 sa 134.


46      Ara l-punt 38 ta’ dik is-sentenza.


47      Ara l-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


48      Ara, b’analoġija, Gössl, S., u Melcher, M., op. cit., b’mod partikolari p. 1039, nota 216 ta’ qiegħ il-paġna.


49      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Freitag (punt 42).


50      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bogendorff (punt 83).


51      C‑451/16, EU:C:2018:492


52      Ara l-punt 29 ta’ dik is-sentenza. F’dan il-punt, il-Qorti fakkret fil-ġurisprudenza stabbilita tagħha, skont liema “l-Istati Membri għandhom […], fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, josservaw id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet relatati mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑27 ta’ April 2006, Richards, C‑423/04, EU:C:2006:256, punti 21 sa 24; tal‑1 ta’ April 2008, Maruko, C‑267/06, EU:C:2008:179, punt 59, kif ukoll [Coman et], punti 37 u 38, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata)”.


53      Fil-punt 27 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “l-kawża prinċipali u d-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja jirrigwardaw biss il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ pensjoni tal-irtirar tal-Istat inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex adita bil-kwistjoni dwar jekk, b’mod ġenerali, ir-rikonoxximent legali ta’ bidla fil-ġeneru jistax ikun suġġett għall-annullament ta’ żwieġ li seħħ qabel l-imsemmija bidla fil-ġeneru”.


54      Ara l-punti 36 sa 39 ta’ dik is-sentenza.


55      Fuq il-kwistjoni tan-nuqqas ta’ indikazzjoni tas-sess fir-reġistrazzjoni tal-istat ċivili f’ċerti Stati Membri tat-twelid ta’ tarbija li ma jistax jiġi assenjat lilha la sess femminili u lanqas sess maskili, ara Goessl, S., L., “From question of fact to question of law to question of private international law : the question whether a person is male, female, or … ?”, Journal of Private International Law, Vol. 12, Nru 2, Hart Publishing, Oxford, 2016, p. 261 sa 280, b’mod partikolari p. 263, note 8 ta’ qiegħ il-paġna. Għal rieżami tal-punti tal-liġi komparattiva, ara s-sentenza tal-Qorti EDB tal‑31 ta’ Jannar 2023, Y vs Franza (CE:ECHR:2023:0131JUD007688817, punt 37). Fuq il-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ kunsens Ewropew f’dan il-qasam, ara l-punt 90 ta’ dik is-sentenza.


56      Ara, f’dan is-sens, Guez, P., op. cit., b’mod partikolari p. 135. Ara wkoll it-teżi dwar l-awtodeterminazzjoni tal-ġeneru fid-dritt internazzjonali privat ta’ Schulz, A., Geschlechtliche Selbstbestimmung im Internationalen Privatrecht, Mohr Siebeck, Tübingen, 2024, p. 222.


57      Ara Župan, M., u Drventić, M., “Gender Issues in Private International Law”, Gender Perspectives in Private Law, Springer, Cham, 2023, p. 1 sa 28, b’mod partiolari p. 10.


58      Ara, pereżempju, il-kunjomijiet Pollakki li jieħdu l-forma ta’ aġġettiv b’suffissi speċifiċi (bħal -ski, -cki, -dzki) u li tagħhom hemm verżjoni femminili fil-lingwa Pollakka. Għalhekk, il-kunjom ta’ persuna tas-sess femminili jiġi rreġistrat b’suffiss li jispiċċa b’“a” minflok “i”. Ara, f’dan ir-rigward, https://rjp.pan.pl/dziaalno-rady-w-zwizku-z-ustaw-o-jzyku-polskim?view=article&id=114:nazwiska-kobiet&catid=48.


59      Ara s-sentenza Bogendorff (punt 35).


60      Dwar id-dritt ta’ kull persuna li tistabbilixxi d-dettalji tal-identità tagħha bir-rikonoxximent tal-bidla fis-sess tagħha fil-livell legali, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti EDB tal‑11 ta’ Lulju 2002, Christine Goodwin vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2002:0711JUD002895795, punti 71 sa 93), u tat‑23 ta’ Mejju 2006, Grant vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2006:0523JUD003257003, punti 39 sa 44). Fis-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2022, Y vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2022:0217JUD007413114, punt 76), il-Qorti EDB fakkret, minn naħa, li fl-implimentazzjoni tal-obbligu pożittiv tagħhom skont l-Artikolu 8 tal-KEDB, l-Istati jgawdu minn ċertu marġni ta’ evalwazzjoni. Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni att ta’ fatturi sabiex tiġi ddeterminata l-portata ta’ dan il-marġni. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-“ħajja privata”, din il-qorti, b’riferiment għas-sentenzi tagħha tal‑11 ta’ Lulju 2002, Christine Goodwin vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2002:0711JUD002895795, punt 90), u tas‑16 ta’ Lulju 2014, Hämäläinen vs Il‑Finlandja (CE:ECHR:2014:0716JUD003735909, punt 67), ikkunsidrat li, meta jkun involut aspett partikolarment importanti tal-eżistenza jew tal-identità ta’ persuna, il-marġni li jitħalla lill-Istat ikun ristrett. Ara, għal preżentazzjoni ddettaljata tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB fil‑31 ta’ Awwissu 2023, il-Gwida dwar il-ġurisprudenza tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – Id-drittijiet tal-Persuni LGBTI (disponibbli fl-indirizz tal-Internet li ġej: https://ks.echr.coe.int/documents/d/echr-ks/guide_lgbti_rights_fre), li fiha Parti II, B, 1, (b), intitolata “Rikonoxximent tal-ġeneru (jiġifieri bidla fl-indikazzjoni tas-sess fuq id-dokumenti uffiċjali)”, kif ukoll, għal preżentazzjoni kronoloġika tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB fix-xahar ta’ Jannar 2023, l-iskeda tematika tal-Unità tal-Istampa, intitolata “Identità tal-ġeneru” (disponibbli fl-indirizz tal-Internet li ġej: https://www.echr.coe.int/documents/d/echr/FS_Gender_identity_FRA).


61      Ara, għal analiżi tal-kundizzjonijiet li jistgħu jintużaw abbażi tal-Artikolu 8 tal-KEDB għall-finijiet tar-rikonoxximent ta’ status legalment stabbilit barra mill-pajjiż, Pfeiff, S., “Existe-t-il un droit fondamental à la permanence transfrontière des éléments du statut personnel et familial ?”, f’Jafferali, R. et al., Liber amicorum Nadine Watté, Bruylant, Brussell, 2017, p. 461 sa 485, b’mod partikolari p. 471 et seq., punti 7 et seq.


62      Ara l-ġurisprudenza fil-Gwida dwar l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – Id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dar u l-korrispondenza, aġġornata fil‑31 ta’ Awwissu 2022, disponibbli fl-indirizz tal-Internet li ġej: https://www.echr.coe.int/documents/d/echr/Guide_Art_8_FRA (punti 271 u 272). Fir-rigward tal-bidla tal-isem fil-kuntest ta’ proċess ta’ bidla fis-sess, ara s-sentenza tal-Qorti EDB tal‑11 ta’ Ottubru 2018, S. V. vs L‑Italja (CE:ECHR:2018:1011JUD005521608, punti 70 sa 75).


63      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza X u Y vs Ir‑Rumanija (punti 146 sa 148). Għal preżentazzjoni ddettaljata tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB fil‑31 ta’ Awwissu 2023 dwar l-obbligi negattivi u pożittivi tal-Istati kif ukoll dwar il-marġni ta’ evalwazzjoni tagħhom, ara l-gwida ċċitata fin-nota 60 ta’ qiegħ il-paġna ta’ dawn il-konklużjonijiet, Parti II, A, 2 u 3, punti 43 sa 54. Dwar ir-rikonoxximent legali tal-ġeneru ta’ persuni intersesswali, ara s-sentenza tal-Qorti EDB tal‑31 ta’ Jannar 2023, Y vs Franza (CE:ECHR:2023:0131JUD007688817).


64      Ara d-dokument bit-titolu “Carte des droits Trans, Europe et Asie centrale 2023” ippubblikat mill-organizzazzjoni nongovernattiva Transgender Europe (disponibbli fl-indirizz tal-Internet li ġej: https://transrightsmap.tgeu.org/home/) għal aġġornament tal-informazzjoni li tinsilet mis-sentenza X u Y vs Ir‑Rumanija (punt 84 et seq.). F’żewġ Stati Membri (il-Bulgarija u l-Ungerija), ir-rikonoxximent tal-identità tal-ġeneru ma huwiex possibbli. Fir-rigward ta’ dan l-aħħar Stat, ara l-kawża attwalment pendenti Deldits (C‑247/23). Fir-rapport tad-DĠ għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi tal-Kummissjoni ċċitata fin-nota 4 ta’ qiegħ il-paġna ta’ dawn il-konklużjonijiet, p. 7, huwa ddikjarat li l-Istati Membri li bbażaw il-proċeduri tagħhom fuq l-awtodeterminazzjoni (ara n-nota 70 ta’ qiegħ il-paġna ta’ dawn il-konklużjonijiet għal-lista aġġornata ta’ dawn l-Istati) jirrispettaw bis-sħiħ il-Yogyakarta principles (il-prinċipji ta’ Yogyakarta) u 10 oħra (Prinċipji addizzjonali u obbligi addizzjonali tal-Istati dwar l-applikazzjoni tad-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi sesswali li jissupplimentaw il-prinċipji ta’ Yogyakarta), adottati f’Novembru 2017 (ara https://yogyakartaprinciples.org/introduction-pj10/). Isir riferiment għal dawn il-prinċipji, fil-verżjoni tagħhom adottata fl‑2007, fis-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2018, F (C‑473/16, EU:C:2018:36, punt 62); fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fis-sentenza F (C‑473/16, EU:C:2017:739, nota 21 ta’ qiegħ il-paġna), u fil-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston fil-kawżi magħquda A et (C‑148/13 sa C‑150/13, EU:C:2014:2111, nota 47 ta’ qiegħ il-paġna), jew fil-kawżi magħquda X et (C‑199/12 sa C‑201/12, EU:C:2013:474, nota 28 ta’ qiegħ il-paġna).


65      Ara l-punt 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


66      Ara l-punt 7 ta’ dik is-sentenza.


67      C‑212/97, EU:C:1999:126.


68      Ara s-sentenza Bogendorff (punt 57).


69      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Garcia Avello (punti 42 u 44).


70      Bħalissa, dan huwa l-każ fl-Istati Membri li ġejjin: il-Belġju, id-Danimarka, l-Irlanda, Spanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Portugall u l-Finlandja. Ara l-karta ċċitata fin-nota 64 ta’ qiegħ il-paġna ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara, dwar ir-riforma leġiżlattiva Belġjana li saret fl‑2017, Gallus, N., op. cit., b’mod partikolari p. 258. Ara wkoll, fil-Ġermanja, l-abbozz ta’ liġi “SBGG” (Gesetz über die Selbstbestimmung in Bezug auf den Geschlechtseintrag und zur Änderung weiterer Vorschriften (il-Liġi dwar l-Awtodeterminazzjoni Inkwantu l-Indikazzjoni tal-Ġeneru u li Temenda Ċerti Dispożizzjonijiet Oħra)), li għandha tissostitwixxi l-Gesetz über die Änderung von Vornamen und die Feststellung der Geschlechtszugehörigkeit in besonderen Fällen (Transsexuellengesetz – TSG) (il-Liġi dwar il-Bdil tal-Ismijiet u l-Istabbiliment tal-Appartenanza Sesswali f’Każijiet Partikolari – il-Liġi dwar il-Persuni Transesswali), tal‑10 ta’ Settembru 1980, li attwalment għaddej minn dibattitu fil-Bundestag (l-Assemblea Federali, il-Ġermanja). Id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi futura huwa previst għax-xahar ta’ Novembru 2024. Ara https://www.bmj.de/SharedDocs/Gesetzgebungsverfahren/DE/2023_Selbstbestimmung.html?nn=17592.


71      Il-Qorti EDB iddeċidiet li r-rifjut mill-Istat konvenut tal-applikazzjoni minn persuni transġeneru intiża biex jibdlu l-istat ċivili tagħhom minħabba li ma kinux stabbilixxew in-natura irriversibbli tal-bidla fid-dehra tagħhom, jiġifieri ma wrewx li għamlu operazzjoni sterilizzanti jew trattament mediku li jwassal għal probabbiltà kbira ħafna ta’ sterilità, għandu jitqies bħala nuqqas mill-Istat konvenut li jwettaq l-obbligu pożittiv tiegħu li jiggarantixxi d-dritt tal-persuni transġeneru għar-rispett tal-ħajja privata tagħhom (ara s-sentenza tas‑6 ta’ April 2017, A.P., Garçon u Nicot kontra Franza (CE:ECHR:2017:0406JUD007988512, punt 135)).


72      Ara, ukoll, ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa minn korpi internazzjonali li jistiednu lill-Istati jadottaw proċeduri intiżi sabiex jippermettu l-bdil tal-isem u tas-sess fid-dokumenti uffiċjali malajr u b’mod trasparenti u aċċessibbli, imfakkra fis-sentenza X u Y vs Ir‑Rumanija (punt 153). Għal iktar dettalji dwar il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, ara l-karta ċċitata fin-nota 64 ta’ qiegħ il-paġna ta’ dawn il-konklużjonijiet.


73      Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


74      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Freitag (punt 46).


75      Ara, f’dan ir-rigward, Jault‑Seseke, F., u Pataut, E., op. cit. Dawn l-awturi jikkummentaw dwar is-sentenzi Bogendorff u Freitag (p. 373 sa 376), u jissuġġerixxu żewġ tipi ta’ kontroll: dak relatat mal-eżistenza ta’ rabtiet mill-qrib (p. 381) u dak relatat mal-ordni pubbliku u l-abbuż tad-drittijiet (p. 383). Ara, ukoll, Wautelet, P., “L’abus de droit comme limite à la circulation des personnes et de leur statut dans un monde globalisé”, La circulation des personnes et de leur statut dans un monde globalisé, LexisNexis, Pariġi, 2019, p. 293 sa 305, b’mod partikolari p. 295 u 296 kif ukoll p. 303 sa 305. Ara, fl-aħħar nett, Hammje, P., “Reconnaissance par un État membre du nom patronymique acquis par l’un de ses nationaux auprès d’un autre État membre dont il a aussi la nationalité”, Revue critique de droit international privé, Nru 4, Dalloz, Pariġi, 2017, p. 549 sa 559, b’mod partikolari p. 558 u 559, punt 20. Ara, ukoll, ir-riżoluzzjoni tal-Istitut tad-Dritt Internazzjonali bit-titolu “Droits de la personne humaine et droit international privé” (disponibbli fl-indirizz tal-Internet li ġej: https://www.idi-iil.org/app/uploads/2021/09/2021_online_04_en.pdf. Il-verżjoni Franċiża ta’ din ir-riżoluzzjoni ġiet ippubblikata wkoll fir-Revue critique de droit international privé, Nru 4, 2021, p. 939), l-Artikolu 10, iċċitat minn Kohler, C., “Status und Mobilität in der Europäischen Union”, Praxis des Internationalen Privat- und Verfahrensrechts (IPRax), Gieseking, Bielefeld, Nru 3, 2022, p. 226 sa 231, b’mod partikolari p. 230 et seq., awtur iċċitat minn Schulz, A., op. cit.


76      Ara, b’analoġija, fir-rigward tal-isem, is-sentenza Bogendorff (punti 48 et seq.).


77      Il-Qorti EDB qieset li “l-qafas legali Rumen fil-qasam tar-rikonoxximent legali tal-ġeneru ma kienx ċar u, għalhekk, prevedibbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punt 157).


78      Ara, fir-rigward tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività mfakkra mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-bidla tal-kunjom, is-sentenza Freitag (punti 41 u 42).


79      Ara, pereżempju, is-sentenza Bogendorff (punt 46).


80      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2018, MB (Bidla fil-ġeneru u pensjoni tal-irtirar) (C‑451/16, EU:C:2018:492).


81      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bogendorff (punti 35 u 46).


82      Ara l-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


83      Hawnhekk ma hijiex kwistjoni li jiġu indirizzati l-effetti futuri fuq l-istatus personali tad-dikjarazzjoni tal-identità tal-ġeneru, li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, suġġetti għar-rispett tad-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti EDB tat deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 12 tal-KEDB għall-persuni transesswali li jixtiequ jiżżewġu. Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2002, Christine Goodwin vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2002:0711JUD002895795, punt 103), fir-rigward taż-żwieġ ma’ persuna tas-sess oppost għas-sess il-ġdid assenjat. Fis-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2010, Schalk u Kopf vs L‑Awstrija (CE:ECHR:2010:0624JUD003014104, punti 61 u 63), il-Qorti EDB, filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni l-Artikolu 9 tal-Karta, iddeċidiet li hija ma setgħetx tibqa’ tqis li d-dritt għaż-żwieġ kellu f’kull ċirkustanza jkun limitat għaż-żwieġ bejn żewġ persuni ta’ sess oppost. Madankollu, hija qieset li dan l-Artikolu 12 ma jimponix fuq l-Istati kontraenti l-obbligu li jiftħu ż-żwieġ għal koppji ta’ persuni tal-istess sess. Fir-rigward tal-indikazzjoni fir-reġistri tal-istat ċivili dwar wild li waħda mill-persuni li għandhom il-kwalità ta’ ġenitur tagħha hija transġeneru u l-marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ tal-Istati f’dan il-qasam, ara s-sentenza tal‑4 ta’ April 2023, O.H. u G.H. vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:2023:0404JUD005356818, punti 114 u 116).


84      Ara s-sentenza Pancharevo (punt 45).


85      Ara, f’dan is-sens, Schulz, A., op. cit., p. 226.


86      Ara l-punt 45 ta’ dik is-sentenza.


87      Ara l-punti 45 u 50 ta’ dik is-sentenza. Għandu jitfakkar li, fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, it-tilwima kienet dwar il-ħruġ ta’ att ta’ twelid Bulgaru għall-finijiet tal-ħruġ ta’ dokument tal-identità Bulgaru, abbażi ta’ “estratt tar-reġistru ta’ status ċivili ta’ Barcelona (Spanja) dwar l-att ta’ twelid [tal-wild ikkonċernat]” (ara l-punt 20).


88      Ara s-sentenzi Coman et (punt 37) u Pancharevo (punt 52).


89      Ara s-sentenza Coman et (punt 40).


90      Ara s-sentenza Pancharevo (punti 49 u 52).


91      Ara s-sentenza Pancharevo (punti 48 sa 50).


92      Il-Qorti EDB iddeċidiet b’mod partikolari fis-sentenza tagħha tat‑12 ta’ Ġunju 2003, Van Kück vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:2003:0612JUD003596897, punt 69), li, “[g]ħalkemm ma ġie stabbilit fl-ebda kawża preċedenti li l-Artikolu 8 tal-[KEDB] jinkludi dritt għall-awtodeterminazzjoni bħala tali, [hija] tqis li l-kunċett ta’ awtonomija personali jirrifletti prinċipju importanti li fuqu hija bbażata l-interpretazzjoni tal-garanziji tal-Artikolu 8” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dwar l-iżvilupp tal-metodi klassiċi ta’ riferiment għad-dritt internazzjonali privat, ara, b’mod partikolari, ir-referenzi f’Schulz, A., op. cit., p. 213, nota 13 ta’ qiegħ il-paġna.


93      Dwar il-proposta ta’ rikonoxximent tal-istatus personali bl-għan li jiġi protett id-dritt tal-individwu għall-permanenza tal-istatus tiegħu u li jiġi ggarantit l-eżerċizzju effettiv tal-libertà tal-moviment tiegħu, ara Pfeiff, S., La portabilité du statut personnel dans l’espace européen : de l’émergence d’un droit fondamental à l’élaboration d’une méthode européenne de la reconnaissance, Bruylant, Brussell, 2017, b’mod partikolari l-punt 354 (p. 351). Fuq din il-kwistjoni tar-rikonoxximent tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi li jirriżultaw mid-dritt primarju, ara Hübner, L., “Die Integration der primärrechtlichen Anerkennungsmethode in das IPR”, Rabels Zeitschrift für ausländisches und internationales Privatrecht (RabelsZ), Vol. 85, Nru 1, Mohr Siebeck, Tübingen, 2021, p. 106 sa 145, b’mod partikolari p. 114, iċċitat minn Schulz, A., op. cit. Ara wkoll, fir-rigward tad-dibattitu internazzjonali fuq in-nuqqas ta’ eżami fir-rigward tar-regoli tal-kunflitti tal-liġijiet, Kohler, C., op. cit., b’mod partikolari p. 230.


94      F’dan ir-rigward, naqbel mal-opinjoni espressa fil-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston fil-kawża Grunkin u Paul (C‑353/06, EU:C:2008:246, punt 93).


95      Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Rumena applikabbli f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2024, Direcţia pentru Evidenţa Persoanelor şi Administrarea Bazelor de Date (C‑491/21, EU:C:2024:143), li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li joħorġu karta tal-identità li għandha l-valur ta’ dokument tal-ivvjaġġar liċ-ċittadini tagħhom, minkejja li r-residenza tagħhom hija stabbilita fi Stat Membru ieħor.


96      Fuq il-kwistjoni tar-reġistrazzjoni ta’ att taż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess, maħruġ fi Stat Membru, fir-reġistri tal-istat ċivili ta’ Stat Membru ieħor li ma jirrikonoxxix tali żwieġ, ara t-talba għal deċiżjoni preliminari fil-kawża Wojewoda Mazowiecki (C‑713/23), attwalment pendenti. Ara, barra minn hekk, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2014, Hämäläinen vs Il‑Finlandja (CE:ECHR:2014:0716JUD003735909, punti 64, 79 u 87), li fiha l-Qorti EDB iddeċidiet li l-obbligu li tiġi rikonoxxuta legalment l-identità transsesswali jimplika li l-Istat parti għandu jistabbilixxi “proċedura effettiva u aċċessibbli, li tippermetti lir-rikorrenti tikseb legalment ir-rikonoxximent tas-sess il-ġdid tagħha filwaqt li żżomm ir-rabtiet taż-żwieġ tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali], iżda mhux li dan jirrikonoxxi ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess.


97      Ara, fir-rigward ta’ dawn il-konsegwenzi indiretti, Eekelaar, J., “The Law, Gender and Truth,” Human Rights Law Review, Vol. 20, Nru 4, Nottingham University Press, Nottingham, 2020, p. 797 sa 809, b’mod partikolari p. 799. Ara wkoll, Kohler, C., op. cit., b’mod partikolari p. 230 et seq.


98      Ara r-rapport tad-DĠ għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi tal-Kummissjoni ċċitat fin-nota 4 ta’ qiegħ il-paġna ta’ dawn il-konklużjonijiet, b’mod partikolari l-punt 9.2, p. 179 u 180. Ara wkoll, f’dan is-sens, Thienpont, D., u Willems, G., “vie sans tracas ”, Revue trimestrielle des droits de l’homme, Nru 132, Nemesis, Brussell, 2022, p. 925 sa 959, b’mod partikolari p. 948 sa 951. Ara wkoll, Rass-Masson, L., “La reconnaissance face aux incohérences du droit international privé européen de la famille (Coman et Hamilton)”, f’D’Avout, L., et al., “Droit international privé de l’Union européenne (2018)”, Journal du droit international (Clunet), LexisNexis, Pariġi, Ottubru 2019, Nru 4, Kronaka Nru 9, p. 1420 sa 1424, b’mod partikolari p. 1421.


99      Ara, għal analiżi komparattiva tal-konsegwenzi tar-rikonoxximent tal-istatus personali u tal-obbligi korrispondenti imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti EDB fid-dritt pożittiv ta’ sittax-il Stat Membru, Gössl, S., Melcher, M., op. cit., b’mod partikolari, il-konklużjonijiet u l-proposti, p. 1043.


100      Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tal‑4 ta’ April 2023, O.H. u G.H. vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:2023:0404JUD005356818, punt 122 u l-ġurisprudenza ċċitata).


101      Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tas‑17 ta’ Frar 2022, Y vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2022:0217JUD007413114, punt 82), u Gallus, N., op. cit., b’mod partikolari p. 250 u 251.


102      Ara n-nota 64 ta’ qiegħ il-paġna ta’ dawn il-konklużjonijiet.