Language of document : ECLI:EU:C:2024:391

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fit‑8 ta’ Mejju 2024 (1)

Kawżi C717/22 u C372/23

SISTEM LUX OOD

u

VU

vs

Teritorialna direktsia Mitnitsa Burgas

Talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rayonen sad Svilengrad (il-Qorti Distrettwali ta’ Svilengrad, il-Bulgarija) u mill-Administrativen sad Haskovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Haskovo, il-Bulgarija)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Unjoni doganali u moviment liberu tal-merkanzija — Regolament (UE) Nru 952/2013 — Ksur tal-leġiżlazzjoni doganali — Sanzjonijiet amministrattivi — Sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-konfiska tas-suġġett tal-ksur doganali — Oġġetti li jappartjenu lil terz”






1.        Fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ rinviji għal deċiżjoni preliminari, iż-żewġ qrati Bulgari jesprimu d-dubji tagħhom lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tas-sistema ta’ ksur u tas-sanzjonijiet stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 952/2013 (2).

2.        Essenzjalment, permezz tad-domandi tagħhom, huma jridu jkunu jafu: a) jekk l-intenzjoni li jitwettaq ksur tikkostitwixxix element neċessarju tal-ksur li jikkonsisti f’li l-awtoritajiet doganali ma jingħatawx l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 15 tal-Kodiċi Doganali; u b) jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawżi prinċipali, il-konfiska tal-merkanzija bħala sanzjoni għan-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi doganali.

I.      Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

1.      IdDeċiżjoni Qafas 2005/212/ĠAI (3)

3.        Skont ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 1 (“Definizzjonijiet”), “‘konfiska’ tfisser penali jew miżura, ordnata minn qorti b’segwitu għal proċedimenti fir-rigward ta’ reat kriminali jew reati kriminali, li jirriżultaw fil-privazzjoni finali ta’ proprjetà” (4).

2.      IlKodiċi Doganali

4.        Il-premessa 38 tgħid:

“Huwa xieraq li tkun ikkunsidrata l-intenzjoni tajba tal-persuna kkonċernata f’każijiet fejn jinħoloq dejn doganali minħabba nuqqas ta’ konformità mal-leġislazzjoni doganali u biex jitnaqqas l-impatt ta’ negliġenza min-naħa tad-debitur”.

5.        Il-premessa 45 tipprovdi:

“Huwa xieraq li fuq livell tal-Unjoni jkunu stabbiliti r-regoli dwar il-qerda jew it-tneħħija b’mod ieħor ta’ merkanzija mill-awtoritajiet doganali, billi dawn huma materji li qabel kienu jeħtieġu legiżlazzjoni nazzjonali”.

6.        L-Artikolu 15 (“L-għoti ta’ informazzjon lill-awtoritajiet doganali”) jistabbilixxi:

“1.      Kwalunkwe persuna direttament jew indirettament involuta fit-twettiq tal-formalitajiet doganali jew ta’ kontrolli doganali, fuq it-talba tal-awtoritajiet doganali u fi kwalunkwe limitu ta’ żmien speċifikat, għandha tipprovdi lil dawk l-awtoritajiet bid-dokumenti u l-informazzjoni kollha meħtieġa, f’forma xierqa, u l-għajnuna kollha meħtieġa għat-twettiq ta’ dawk il-formalitajiet jew kontrolli.

2.      Il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni doganali, dikjarazzjoni għall-ħażna temporanja, dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ, dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni mill-ġdid jew notifika ta’ esportazzjoni mill-ġdid, minn persuna lill-awtoritajiet doganali, jew il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni jew kwalunkwe deċiżjoni oħra, tirrendi l-persuna kkonċernata responsabbli għal dan li ġej:

a)      il-preċiżjoni u l-kompletezza tal-informazzjoni mogħtija fid-dikjarazzjoni, fin-notifika jew fl-applikazzjoni;

b)      l-awtentiċità, preċiżjoni u validità ta’ kwalunkwe dokument li jappoġġa d-dikjarazzjoni, in-notifika jew l-applikazzjoni;

c)      fejn applikabbli, konformità mal-obbligi kollha marbutin mat-tqegħid tal-merkanzija inkwistjoni taħt il-proċedura doganali kkonċernata, jew mat-tmexxija tal-operazzjonijiet awtorizzati.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika wkoll għall-għoti ta’ kwalunkwe informazzjoni fi kwalunkwe forma oħra mitluba minn, jew mogħtija lill-awtoritajiet doganali.

Fejn id-dikjarazzjoni, jew in-notifika jkunu ppreżentati, l-applikazzjoni tkun ippreżentata, jew l-informazzjoni tingħata, minn rappreżentant doganali tal-persuna kkonċernata kif imsemmi fl-Artikolu 18, dak ir-rappreżentant doganali għandu jkun marbut ukoll bl-obbligi stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu”.

7.        Fl-Artikolu 42 (“L-applikazzjoni ta’ pieni”), wieħed jaqra:

“1.      Kull Stat Membru għandu jaħseb għal pieni għal nuqqas ta’ konformità mal-leġislazzjoni doganali. Tali pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.      Fejn jkunu applikati pieni amministrattivi, huma jistgħu, inter alia, jieħdu waħda mill-forom li ġejjin, jew it-tnejn:

(a)      imposta monetarja mill-awtoritajiet doganali, inkluż, fejn xieraq, arranġament applikat minflok u biex jissostitwixxi piena kriminali;

b)      ir-revoka, is-sospensjoni jew l-emendament ta’ kwalunkwe awtorizzazzjoni miżmuma mill-persuna kkonċernata.

[…]”.

8.        L-Artikolu 79(1) (“Dejn doganali li jinħoloq minħabba nuqqas ta’ konformità”), jindika:

“Għal merkanzija soġġetta għal dazju tal-importazzjoni, jinħoloq dejn doganali fuq l-importazzjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ xi wieħed minn dawn li ġejjin:

a)      wieħed mill-obbligi stabbiliti fil-leġislazzjoni doganali dwar id-dħul ta’ merkanzija mhux tal-Unjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni, it-tneħħija tagħha mis-superviżjoni doganali, jew il-moviment, l-ipproċessar, il-ħażna, il-ħażna temporanja, id-dħul temporanju ta’ tali merkanzija fit-territorju jew it-tneħħija tagħha minnu;

b)      wieħed mill-obbligi stabbiliti fil-leġislazzjoni doganali dwar l-użu aħħari ta’ merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni;

c)      kondizzjoni li tirregola t-tqegħid ta’ merkanzija mhux tal-Unjoni taħt proċedura doganali jew l-għoti, permezz tal-użu aħħari tal-merkanzija, ta’ eżenzjoni mid-dazju jew rata mnaqqsa ta’ dazju tal-importazzjoni”.

9.        L-Artikolu 158 (“Id-dikjarazzjoni doganali ta’ merkanzija u s-superviżjoni doganali ta’ merkanzija tal-Unjoni”) jipprovdi:

“1.      Il-merkanzija kollha maħsuba biex titqiegħed taħt proċedura doganali, minbarra l-proċedura ta’ żona ħielsa, għandha tkun koperta b’dikjarazzjoni doganali xierqa għall-proċedura partikolari.

2.      F’każijiet speċifiċi, għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 6(3), dikjarazzjoni doganali tista’ tkun ppreżentata billi jintużaw mezzi oħra minbarra t-tekniki tal-ipproċessar elettroniku ta’ data.

3.      Merkanzija tal-Unjoni ddikjarata għall-esportazzjoni, tranżitu intern fl-Unjoni jew ipproċessar passiv għandha tkun soġġetta għal superviżjoni doganali mill-ħin tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 sal-ħin li fih tinħareġ ’il barra mit-territorju doganali tal-Unjoni jew li tkun abbandunata f’idejn l-Istat jew meqruda jew li tkun invalidata d-dikjarazzjoni tad-dwana”.

10.      Skont l-Artikolu 198 (“Mizuri li għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet doganali”):

“1.      L-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu kwalunkwe miżura meħtieġa, inkluż il-konfiska u l-bejgħ, jew il-qerda, biex jeħilsu minn merkanzija fil-każijiet li ġejjin:

a)      fejn wieħed mill-obbligi stabbiliti fil-leġislazzjoni doganali dwar id-dħul ta’ merkanzija mhux tal-Unjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni ma jkunx ġie sodisfatt, jew il-merkanzija tkun ġiet miżmuma mis-superviżjoni doganali;

[…]”.

11.      L-Artikolu 233(3) (“L-obbligi tad-detentur tal-proċedura ta’ tranżitu fl-Unjoni u ta’ min iġorr u jirċievi l-merkanzija li titmexxa taħt il-proċedura ta’ tranżitu fl-Unjoni”) jipprovdi:

“Min iġorr jew jirċievi merkanzija u jaċċetta merkanzija meta jaf li din qed timxi taħt il-proċedura ta’ tranżitu fl-Unjoni jkun ukoll responsabbli għall-preżentazzjoni tal-merkanzija intatta fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni fiż-żmien preskritt u b’konformità mal-miżuri meħuda mill-awtoritajiet doganali biex jiżguraw l-identifikazzjoni tagħhom”.

B.      Iddritt nazzjonali. Zakon za mitnitsite (ilLiġi Doganali)

12.      L-Artikolu 231 jipprovdi li d-deċiżjonijiet ta’ sanzjoni amministrattiva għandhom jittieħdu mid-direttur tal-Aġenzija tad-Dwana jew mill-uffiċjali maħtura minnu.

13.      Skont l-Artikolu 233:

“1.      Kull min iċaqlaq jew jittrasporta merkanzija lil hinn mill-fruntiera tal-Istat, jew jipprova jagħmel dan, mingħajr ma jkun jaf jew ma jkun awtorizzat mill-awtoritajiet doganali, huwa punibbli, meta l-att imwettaq ma jikkostitwixxix reat kriminali, b’multa għal kuntrabandu doganali ta’ bejn 100 u 200 % tal-valur doganali tal-merkanzija jew, fil-każ ta’ esportazzjoni, tal-valur tal-merkanzija.

[…].

6.      Il-prodotti li jkunu s-suġġett ta’ kuntrabandu doganali jiġu ssekwestrati favur l-Istat ikun min ikun il-proprjetarju tagħhom u meta dawn ikunu nieqsa jew ikunu tneħħew, [l-awtur] għandu jiġi kkundannat għall-ekwivalenti tal-valur għal skopijiet doganali tagħhom jew, fil-każ ta’ esportazzjoni, għall-valur tal-merkanzija.

[…]”.

II.    Ilfatti, ilkawżi u ddomandi preliminari

14.      Fit‑28 ta’ Mejju 2021, VU, ċittadin Serb li kien qiegħed isuq trakk b’semitrejler mimli bil-profili tal-aluminju, ippreżenta ruħu f’post ta’ kontroll doganali Bulgaru ġej mit-Turkija b’destinazzjoni lejn is-Serbja.

15.      Matul il-verifika tad-dokumenti doganali u tal-użin tal-vettura, ġiet ikkonstatata l-preżenza ta’ kwantità ta’ merkanzija manifestament ogħla minn dik iddikjarata f’dawn id-dokumenti.

16.      Wara li twettqet spezzjoni korrispondenti, instabet tlettax-il pallet ta’ profili tal-aluminju fil-kompartiment tat-tagħbija tal-vettura. Skont id-dokumentazzjoni, ħamsa minnhom kienu jikkorrispondu kompletament għall-merkanzija ta’ impriża partikolari ta’ esportazzjoni. Il-profili li jinsabu fit-tmien pallets l-oħra, mibgħuta minn impriża oħra, ma kinux ġew iddikjarati.

17.      Dawn il-fatti taw lok għal żewġ proċeduri ġudizzjarji li fihom kull waħda mill-qrati kompetenti ddeċidiet li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari.

A.      Kawża C717/22

18.      Fit‑28 ta’ Mejju 2021, it-Teritorialna direktsia “Juzhna morska” (id-Direttorat Reġjonali “Juzhna morska”) beda proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva kontra x-xufier tat-trakk b’semitrejler, minħabba ksur tal-Artikolu 233(1) tal-Liġi Doganali. Il-pjanċi tal-aluminju mhux iddikjarati kif ukoll it-trakk bit-trejler, ġew ikkonfiskati.

19.      Il-proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva ġiet sospiża wara l-ftuħ ta’ investigazzjoni kriminali għall-istess fatti.

20.      Ladarba it-twettiq ta’ delitt ġie eskluż u l-proċedura ta’ sanzjoni tkompliet, l-awtorità amministrattiva qieset li l-imġiba tas-sewwieq (jiġifieri t-trasport tal-pjanċi tal-aluminju mingħajr l-għarfien u l-awtorizzazzjoni tal-awtorità doganali lil hinn mill-fruntiera nazzjonali) kienet tissodisfa l-elementi tipiċi tar-reat imsemmi fl-Artikolu 233(1) tal-Liġi Doganali.

21.      Għaldaqstant, l-awtorità amministrattiva:

–      imponiet fuq is-sewwieq sanzjoni amministrattiva fil-forma ta’ multa fl-ammont ta’ 73 140.06 lev Bulgaru (BGN 73 140.06) (madwar EUR 37 400), ekwivalenti għal 100 % tal-valur doganali tal-merkanzija.

–      ordnat, skont l-Artikolu 233(6) flimkien mal-Artikolu 233(1) tal-Liġi Doganali, il-konfiska tal-pjanċi tal-aluminju u l-għoti tat-trakk bis-semitrejler lura lill-proprjetarju tiegħu, terz li ma kienx involut fil-fatti.

22.      Il-kumpannija Sistem Lux, proprjetarja tal-merkanzija kkonfiskata, ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem ir-Rayonen sad Svilengrad (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Svilengrad, il-Bulgarija), li ddeċidiet li tagħmel tliet domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, li minnhom ser nirriproduċi l-ewwel żewġ domandi:

“1)      L-Artikolu 42(2) ta[l-Kodiċi Doganali], li jelenka fid-dettall it-tipi ta’ pieni amministrattivi li jistgħu jiġu applikati għal nuqqas ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni doganali, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [iktar ’il quddiem il-‘Karta’], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni legali nazzjonali, bħalma hija dik prevista fl-Artikolu 233(6) taż-Zakon za mitnitsite (il-Liġi Doganali), li tipprevedi bħala piena amministrattiva addizzjonali l-konfiska, jew is-sekwestru favur l-Istat, tas-suġġett tal-ksur? Is-sekwestru tas-suġġett tal-ksur huwa permess f’sitwazzjoni fejn il-proprjetà ssekwestrata tappartjeni lil terza persuna li ma tkunx dik li wettqet il-ksur?

2)      L-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 952/2013, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 49(3) tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni legali nazzjonali, bħalma hija dik prevista fl-Artikolu 233(6) tal-[Liġi Doganali], li tipprevedi bħala piena amministrattiva addizzjonali l-konfiska, jew is-sekwestru favur l-Istat, tas-suġġett tal-ksur flimkien mal-impożizzjoni ta’ ‘multa’ punittiva, bħala piena sproporzjonata li tikkostitwixxi ndħil fid-dritt għall-proprjetà, liema ndħil jmur lil hinn mill-għan leġittimu ddikjarat, b’mod ġenerali f’dawk il-każijiet fejn il-proprjetà ssekwestrata, li tkun is-suġġett tal-ksur, tappartjeni lill-persuna li tkun wettqet il-ksur u f’dawk il-każijiet fejn tappartjeni lil terza persuna li ma tkunx dik li wettqet il-ksur u, b’mod partikolari, f’dawk il-każijiet fejn il-persuna li wettqet il-ksur ma tkunx wettqitu intenzjonalment iżda minħabba negliġenza?”

B.      Kawża C372/23

23.      VU, it-trasportatur imsemmi fil-Kawża C‑717/22, ikkontesta kemm il-multa imposta kif ukoll il-konfiska tal-merkanzija quddiem ir-Rayonen sad Svilengrad (il-Qorti Distrettwali ta’ Svilengrad). Ir-rikors tagħha ġie miċħud permezz tas-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2022.

24.      VU appella mis-sentenza tal-ewwel istanza quddiem l-Administrativen sad Haskovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Haskovo, il-Bulgarija), li ddeċidiet li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ħames domandi preliminari, li minnhom ser nirriproduċi l-ewwel erba’ domandi preliminari:

“1)      L-Artikolu 15 ta[l-Kodiċi Doganali], ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 42(1) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni legali nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 233(1) ta[l-Liġi Doganali], ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 7 taż-Zakon za administrativnite narushenia i nakazania (il-Liġi dwar ir-Reati u s-Sanzjonijiet Amministrattivi), li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ sanzjoni għal kuntrabandu mwettaq b’mod mhux intenzjonat f’sitwazzjoni fejn ir-reat doganali jitwettaq minħabba nuqqas ta’ diliġenza li jirriżulta fin-nuqqas ta’ użu tal-forma korretta tad-dikjarazzjoni ta’ merkanzija ttrasportata minn fuq il-fruntiera nazzjonali? Hija permessa dispożizzjoni legali nazzjonali li, f’sitwazzjoni bħal din, tippermetti l-klassifikazzjoni tar-reat bħala kuntrabandu doganali mwettaq b’mod mhux intenzjonat, jew l-intenzjoni hija element neċessarju tal-kontenut ta’ kuntrabandu doganali?

2)      L-Artikolu 42(1) ta[l-Kodiċi Doganali] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni legali nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 233(1) tal-Liġi Doganali, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 7 tal-Liġi dwar ir-Reati u s-Sanzjonijiet Amministrattivi, li tippermetti li reat li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘kuntrabandu doganali’ u li jkun twettaq għall-ewwel darba jkun suġġett għal sanzjoni tal-istess natura u tal-istess ammont, jiġifieri ‘multa’ li l-ammont tagħha jkun bejn 100 % u 200 % tal-valur doganali tas-suġġett tar-reat, irrispettivament minn jekk dan ir-reat ikunx twettaq b’mod intenzjonat jew le?

3)      L-Artikolu 42(2) ta[l-Kodiċi Doganali] għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix dispożizzjoni legali nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 233(6) tal-Liġi Doganali, li tipprevedi, bħala sanzjoni amministrattiva addizzjonali, il-konfiska (favur l-Istat) tal-merkanzija jew tal-proprjetà, li jkunu s-suġġett tar-reat u li l-pussess tagħhom ma jkunx ipprojbit? Il-konfiska tas-suġġett tar-reat hija permessa f’sitwazzjoni fejn il-proprjetà kkonfiskata tkun tappartjeni lil persuna differenti minn dik li wettqet ir-reat?

4)      L-Artikolu 42(1) ta[l-Kodiċi Doganali], ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 49(3) tal-Karta […], għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix dispożizzjoni legali nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 233(6) tal-Liġi Doganali, li tipprevedi, bħala sanzjoni amministrattiva addizzjonali għall-impożizzjoni ta’ ‘multa’, il-konfiska (favur l-Istat) tal-merkanzija jew tal-proprjetà, li jkunu s-suġġett tar-reat u li l-pussess tagħhom ma jkunx ipprojbit, sa fejn tali dispożizzjoni legali nazzjonali timponi sanzjoni li tikkostitwixxi ndħil sproporzjonat fid-dritt għall-proprjetà li ma jirriflettix l-għan leġittimu mfittex, u dan kemm b’mod ġenerali, fil-każ li l-proprjetà kkonfiskata (li tkun is-suġġett tar-reat) tappartjeni lill-awtur tar-reat u fil-każ li din il-proprjetà tappartjeni lil terz (li ma jkunx l-awtur) u kemm, b’mod partikolari, fil-każ li l-awtur tar-reat ma jkunx wettaq ir-reat b’mod intenzjonat iżda b’mod mhux intenzjonat?”

III. Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

25.      It-talba għal deċiżjoni preliminari li tat lok għall-Kawża C‑717/22 ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Novembru 2022.

26.      Sistem Lux, it-Teritorialna direktsia Mitnitsa Burgas (id-Direttorat Territorjali tad-Dwana ta’ Burgas, il-Bulgarija), il-Gvern Bulgaru, Taljan u Latvjan kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

27.      It-talba għal deċiżjoni preliminari li tat lok għall-Kawża C‑372/23 ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Ġunju 2023.

28.      It-Teritorialna direktsia Mitnitsa Burgas (id-Direttorat Territorjali tad-Dwana ta’ Burgas), il-Gvern Belġjan, Bulgaru, Spanjol u Taljan kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet f’din it-tieni proċedura.

29.      Iż-żewġ kawżi ġew magħquda, minħabba l-konnessjoni tagħhom, għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

30.      Il-Qorti tal-Ġustizzja, li ma kkunsidratx li ż-żamma ta’ seduta pubblika kienet indispensabbli, talbet sabiex il-konklużjonijiet jikkonċentraw fuq l-ewwel żewġ domandi tal-Kawża C‑717/22 (li jikkorrispondu, essenzjalment, għat-tielet u għar-raba’ domanda tal-Kawża C‑372/23) u għall-ewwel żewġ domandi tal-Kawża C‑372/23.

IV.    Analiżi

31.      L-ewwel żewġ domandi fil-Kawża C‑717/22 jirrigwardaw il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li, f’każ speċifiku ta’ ksur doganali, tipprevedi l-konfiska tal-merkanzija kkonċernata.

32.      L-ewwel żewġ domandi fil-Kawża C‑372/23 jirrigwardaw il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ sanzjoni ddeterminata għall-ksur ta’ kuntrabandu doganali.

33.      Fl-ewwel lok ser nanalizza d-domandi preliminari dwar is-sanzjoni prinċipali (Kawża C‑372/23) u wara ser nindirizza dawk magħmula fil-kuntest tal-konfiska (Kawżi C‑717/22 u C‑372/23).

34.      Mhux ser nindirizza l-effett tal-Artikolu 17(1) u tal-Artikolu 49(3) tal-Karta, peress li l-qrati tar-rinviju ma jesponux ir-raġunijiet li wassluhom, b’mod partikolari, sabiex jitolbu l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

A.      Sanzjoni għallksur talobbligu li tiġi pprovduta informazzjoni doganali (lewwel u ttieni domanda preliminari filKawża C372/23)

35.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni (b’mod partikolari mal-Artikolu 15, moqri flimkien mal-Artikolu 42(1) tal-Kodiċi Doganali) ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tissanzjona ksur doganali mwettaq b’negliġenza, li hija tikklassifika bħala kuntrabandu mhux intenzjonali.

36.      B’mod konkret, hija tixtieq tkun taf:

–      Jekk l-intenzjoni li jitwettaq ksur tikkostitwixxix element neċessarju tar-reat ta’ kuntrabandu doganali (l-ewwel domanda).

–      Jekk is-sanzjoni għall-kuntrabandu doganali tistax tkun “tal-istess natura u tal-istess ammont” fil-każijiet ta’ ksur intenzjonat u ta’ ksur mhux intenzjonat (it-tieni domanda).

37.      Infakkar li VU ġie ssanzjonat għal ksur tal-Artikolu 233(1) tal-Liġi Doganali. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi fil-Bulgarija t-trasport ta’ merkanzija lil hinn mill-fruntiera tal-Istat mingħajr l-għarfien jew l-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet doganali. Hija tkopri n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li tingħata lill-awtoritajiet doganali l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 15 tal-Kodiċi Doganali (5). Tali obbligu ma jiġix osservat jekk l-informazzjoni pprovduta tkun falza, peress li ma tkunx tissodisfa l-kontenut reali tal-merkanzija.

38.      Għalkemm ma huwiex speċifikat fid-deċiżjoni tar-rinviju, jidher li l-merkanzija ttrasportata, li ġejja mit-Turkija, kienet iddestinata għas-Serbja, u l-Bulgarija kienet biss pajjiż ta’ tranżitu. F’każ bħal dan, il-leġiżlazzjoni Ewropea applikabbli fl-ewwel lok hija l-Artikolu 158 tal-Kodiċi Doganali.

39.      Skont dan l-artikolu, il-merkanzija intiża sabiex titqiegħed taħt proċedura doganali (bl-eċċezzjoni taż-żona ħielsa) għandha tkun suġġetta għal dikjarazzjoni doganali xierqa (paragrafu 1) u għandha tkun suġġetta għal sorveljanza doganali mill-mument tal-aċċettazzjoni tal-imsemmija dikjarazzjoni sakemm titlaq mit-territorju doganali tal-Unjoni, tiġi abbandunata għall-benefiċċju tal-Istat jew tinqered jew id-dikjarazzjoni doganali tiġi invalidata (paragrafu 3).

40.      Skont l-Artikolu 233(3) tal-Kodiċi Doganali, it-trasportatur tal-merkanzija fi tranżitu huwa responsabbli għall-preżentazzjoni tagħha intatta fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni fit-terminu previst u bl-osservanza tal-miżuri meħuda mill-awtoritajiet doganali sabiex jiżguraw l-identifikazzjoni tagħha (6).

41.      In-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi ta’ dikjarazzjoni affidabbli fuq il-merkanzija ttrasportata taħt il-proċedura ta’ tranżitu minn VU kkostitwixxa, skont il-qorti tar-rinviju, li ma huwiex ikkontestat u li ma hemmx lok li fil-kuntest ta’ din il-proċedura li jiġi rivedut, ksur tal-Artikolu 15 tal-Kodiċi Doganali mwettaq minn din il-persuna (7).

42.      Skont l-Artikolu 15(1) tal-Kodiċi Doganali, il-persuna li tintervjeni direttament jew indirettament fit-twettiq tal-formalitajiet doganali jew fil-kontrolli doganali hija obbligata li tipprovdi, f’forma xierqa, l-informazzjoni u d-dokumenti meħtieġa mill-awtoritajiet doganali kif ukoll l-assistenza neċessarja li tkun preċiża għat-twettiq tal-imsemmija attivitajiet u kontrolli.

43.      Skont l-Artikolu 15(2) tal-Kodiċi Doganali, min jissottometti dikjarazzjoni doganali lill-awtoritajiet doganali huwa responsabbli għall-eżattezza u l-kompletezza tagħha, kif ukoll għall-awtentiċità, għall-eżattezza u għall-validità tad-dokumenti ta’ sostenn.

44.      Skont l-Artikolu 42 tal-Kodiċi Doganali, kull ksur tal-leġiżlazzjoni doganali għandu jiġi ssanzjonat mill-Istati Membri b’mod effettiv, proporzjonat u dissważiv.

45.      Il-qorti tar-rinviju titlob speċifikament li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk is-sanzjoni imposta hijiex kompatibbli, f’dak li jirrigwarda n-natura intenzjonali tal-ksur, mal-Artikolu 15 tal-Kodiċi Doganali u, fir-rigward tal-proporzjonalità tas-sanzjoni nnifisha, mal-Artikolu 42(1) tal-istess kodiċi.

46.      Sabiex tingħata tweġiba għall-ewwel waħda minn dawn il-mistoqsijiet, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja:

–      In-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 15(1) tal-Kodiċi Doganali jikkostitwixxi “nuqqas ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni doganali”, fis-sens tal-Artikolu 42(1) tal-imsemmi kodiċi.

–      “dan il-kunċett [ta’ nuqqas ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni doganali] ma jirrigwardax biss attivitajiet frawdolenti, iżda jinkludi kull nuqqas ta’ osservanza tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk in-nuqqas ta’ osservanza kienx intenzjonali, jew twettaqx b’negliġenza jew, saħansitra, fl-assenza ta’ kull aġir żbaljat tal-operatur ikkonċernat” (8).

47.      L-istess japplika, b’mod partikolari, kif osservat il-Kummissjoni, għan-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu previst fl-Artikolu 158 tal-Kodiċi Doganali, li jikkonsisti fil-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni doganali xierqa għas-sistema kkonċernata.

48.      Minn din il-premessa jirriżulta li l-intenzjoni li jitwettaq ksur ma tikkostitwixxix element neċessarju tal-ksur ta’ kuntrabandu doganali. Fil-każ ta’ ksur tal-Artikolu 15(1) tal-Kodiċi Doganali mwettaq b’negliġenza, l-Istati Membri għandhom jimponu sanzjoni skont l-Artikolu 42 tal-istess kodiċi.

49.      Is-sanzjoni għandha, fi kwalunkwe każ, u f’dak li jirrigwarda lil din il-proċedura, tkun proporzjonata, kif jipprovdi l-Artikolu 42(1) tal-Kodiċi Doganali.

50.      Dak li tagħmel riferiment għalih il-qorti tar-rinviju fit-tieni domanda tagħha fil-Kawża C‑372/23 ma huwiex tant problema ta’ proporzjonalità fis-sens strett iżda, għal darba oħra, ir-rilevanza tal-intenzjonalità għall-aġġustament tas-sanzjoni.

51.      Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tinsisti fuq l-intenzjonalità, li issa tqajmet fir-rigward tal-Artikolu 42(1) tal-Kodiċi Doganali, jiġifieri mill-perspettiva tas-sanzjoni u mhux iktar mill-perspettiva tad-definizzjoni tas-suppożizzjoni fattwali tal-ksur.

52.      Il-problema sottostanti tibqa’ l-istess, jiġifieri l-kompatibbiltà mal-Kodiċi Doganali ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi aġir negliġenti bħala ksur doganali (l-ewwel domanda) u li timponi f’dan il-każ sanzjoni li ma tagħmilx distinzjoni bejn l-aġir negliġenti u l-aġir intenzjonali (it-tieni domanda).

53.      Għalhekk, ma huwiex meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk is-sanzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kinitx proporzjonata jew le minħabba l-ammont konkret tagħha jew minħabba ċirkustanzi oħra, iżda minħabba n-natura intenzjonali jew negliġenti tal-ksur.

54.      Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tenfasizza l-fatt li aġir, “kemm jekk intenzjonali jew mhux, jista’ jiġi ssanzjonat bl-istess mod u bl-istess severità” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għall-qorti tar-rinviju, ikun verament “sproporzjonat” li ma ssirx distinzjoni bejn il-ksur intenzjonali u n-negliġenza.

55.      Ir-riferiment, purament sekondarju, għall-proporzjonalità tas-sanzjoni imposta ma għandux jiżvija l-attenzjoni. Dak li fil-verità jqum f’dawn id-domandi huwa, nirrepeti, jekk u f’liema kundizzjonijiet il-ksur ta’ kuntrabandu doganali jista’ jiġi ssanzjonat biss meta dan jirriżulta minn aġir intenzjonali.

56.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-miżuri ta’ sanzjoni permessi minn leġiżlazzjoni nazzjonali ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimament imfittxija minn din il-leġiżlazzjoni u lanqas ma għandhom ikunu sproporzjonati meta mqabbla ma’ dawn l-għanijiet (9).

57.      Konsegwentement, “l-awtoritajiet doganali […] għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, kemm sabiex iwettqu l-klassifikazzjoni ġuridika tal-ksur eventwalment imwettaq kif ukoll sabiex jiddeterminaw, jekk ikun il-każ, is-sanzjonijiet relatati man-nuqqas ta’ osservanza tal-leġiżlazzjoni doganali li għandhom jiġu imposti, l-elementi kollha rilevanti, inkluża, jekk ikun hemm lok, il-bona fide tad-dikjarant, sabiex jiġi ggarantit li dawn is-sanzjonijiet ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi” (10).

58.      Ir-rilevanza tal-bona fide għall-finijiet tal-ibbilanċjar tal-portata tas-sanzjonijiet ma timplikax li dawn tal-aħħar huma ammissibbli biss fil-preżenza ta’ ksur intenzjonali. Kif diġà indikajt, il-kunċett ta’ “nuqqas ta’ osservanza tal-leġiżlazzjoni doganali”, fis-sens tal-Artikolu 42(1) tal-Kodiċi Doganali, ikopri kull ksur tal-imsemmija leġiżlazzjoni, irrispettivament minn jekk in-nuqqas ta’ osservanza kienx intenzjonali jew negliġenti.

59.      Fil-qosor, jiena tal-fehma li r-risposta għat-tieni domanda preliminari fil-Kawża C‑372/23 għandha tkun fl-istess sens bħall-ewwel waħda: peress li l-intenzjoni li jitwettaq ksur ma hijiex element neċessarju għall-ksur ta’ kuntrabandu doganali, u peress li s-sempliċi ksur tal-Artikolu 15(1) tal-Kodiċi Doganali huwa suffiċjenti sabiex l-aġir jiġi kklassifikat bħala sanzjoni skont l-Artikolu 42 ta’ dan il-kodiċi, id-dritt tal-Unjoni ma jeskludix is-sanzjoni ta’ ksur mhux intenzjonali.

60.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 42(1) tal-Kodiċi Doganali billi ddeċidiet li, fil-każ ta’ għoti ta’ informazzjoni ineżatta f’dikjarazzjoni doganali, tista’ tiġi imposta multa amministrattiva minkejja l-bona fide tal-operatur ikkonċernat (11).

61.      Din ir-risposta ma tipprekludix li, sabiex tiġi ddeterminata s-sanzjoni xierqa, ikun hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha (inkluż, jekk ikun il-każ, il-bona fide tal-persuna li wettqet il-ksur) fi ħdan l-iskala li l-leġiżlatur nazzjonali stabbilixxa, skont liema r-rispons ta’ sanzjonar jista’ jiġi aġġustat ’il fuq jew ’l isfel (12).

B.      Konfiska filkaż ta’ ksur taddmir li lawtoritajiet doganali jiġu informati (lewwel u ttieni domanda preliminari fil-Kawża C717/22, li jikkoinċidu mat-tielet u mar-raba’ domanda fil-Kawża C372/23)

62.      Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qrati tar-rinviju jixtiequ jkunu jafu, fil-qosor:

–      Jekk il-konfiska hijiex possibbli bħala sanzjoni amministrattiva addizzjonali f’każ ta’ “kuntrabandu doganali”;

–      Jekk dan huwa l-każ, jekk proprjetà li tappartjeni lil terz li ma huwiex il-persuna li wettqet il-ksur tistax tiġi kkonfiskata, b’mod partikolari meta din tal-aħħar ma tkunx aġixxiet intenzjonalment.

63.      L-Artikolu 42(2) tal-Kodiċi Doganali ma jistabbilixxix lista eżawrjenti tal-“forom” (modalitajiet) li jista’ jkollhom is-sanzjonijiet amministrattivi previsti mill-Istati Membri. Dan jirriżulta mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li tuża l-espressjoni inter alia (13) jew simili, billi telenka, bħala eżempju, dawn il-forom.

64.      Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, “fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minn sistema stabbilita b’din il-leġiżlazzjoni l-Istati Membri għandhom il-kompetenza li jagħżlu s-sanzjonijiet li jidhrilhom li huma xierqa”. L-Istati Membri, loġikament, “huma marbuta li jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom filwaqt li josservaw id-dritt tal-Unjoni u l-prinċipji ġenerali tiegħu” (14).

65.      Minkejja dan, ma narax għalfejn il-konfiska ma tistax tkun prevista bħala sanzjoni amministrattiva anċillari f’każijiet bħal dawk inkwistjoni, jiġifieri f’każijiet ta’ ksur tal-Artikolu 15(1) tal-Kodiċi Doganali (15).

66.      Il-Kodiċi Doganali nnifsu (l-Artikolu 198) jimponi fuq l-awtoritajiet nazzjonali l-obbligu li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiddisponu mill-merkanzija f’każijiet ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tal-leġiżlazzjoni doganali. Fost dawn il-miżuri dan isemmi espressament il-konfiska u l-bejgħ jew il-qerda tal-merkanzija kkonċernata.

67.      Għalhekk, jew bħala sanzjoni amministrattiva (Artikolu 42 tal-Kodiċi Doganali) jew bħala miżura neċessarja f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligu doganali (Artikolu 198 tal-istess kodiċi), il-konfiska tal-merkanzija maqbuda, f’każijiet bħal dawk inkwistjoni, hija ammessa fid-dritt tal-Unjoni (16).

68.      Wieħed jista’ jistaqsi dwar l-ipoteżijiet li fihom il-konfiska in concreto hija legali, iżda ċertament mhux jekk din il-miżura hijiex kompatibbli, bħala tali, mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

69.      Fir-rigward tal-konfiska ta’ proprjetà li tappartjeni lil terz in bona fide li ma tkunx il-persuna li wettqet il-ksur, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet b’mod inekwivoku: “fid-dawl tal-preġudizzju sinjifikattiv għad-drittijiet tal-persuni li l-konfiska ta’ proprjetà tinvolvi, jiġifieri t-tneħħija definittiva tad-dritt għall-proprjetà fuq oġġett, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward ta’ terz in bona fide, li ma kienx jaf u ma setax ikun jaf li l-proprjetà tiegħu intużat sabiex jitwettaq reat, tali konfiska tikkostitwixxi, fid-dawl tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-dritt għall-proprjetà tiegħu” (17).

70.      L-informazzjoni pprovduta mill-qrati tar-rinviju ma tippermettix li jiġi dedott b’ċertezza jekk il-merkanzija kkonfiskata kinitx verament tappartjeni lil terz li kien qiegħed jaġixxi in bona fide, skont it-termini li għadni kif irriproduċejt.

71.      Kollox jidher li jindika li din il-merkanzija ma hijiex proprjetà ta’ VU (jiġifieri t-trasportatur issanzjonat), għalkemm ma jidhirx li l-kwalità tiegħu biex jikkontesta l-konfiska tagħha ġiet ikkontestata. Din hija pjuttost il-proprjetà ta’ Sistem Lux, rikorrenti fit-tilwima li tat lok għar-rinviju C‑717/22.

72.      Madankollu, skont l-osservazzjonijiet tal-awtoritajiet doganali (18) u tal-Gvern Bulgaru (19), Sistem Lux hija l-parti prinċipali responsabbli għall-proċedura ta’ tranżitu li għaliha hija suġġetta l-merkanzija kkonfiskata. Jekk dan ikun il-każ, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qrati tar-rinviju, Sistem Lux ma tkunx tista’ tiġi kklassifikata strettament bħala “terz”.

73.      L-argumenti tal-awtorità doganali riprodotti fid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑717/22 (20) juru li d-deċiżjoni amministrattiva ta’ konfiska tirriżulta min-nuqqas ta’ osservanza min-naħa ta’ Sistem Lux tal-obbligi doganali tagħha fir-rigward tal-merkanzija maqbuda. Jekk il-qorti tar-rinviju taċċetta din it-teżi, tali nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 198 tal-Kodiċi Doganali jkun jista’ jwassal għall-adozzjoni tal-miżura ta’ konfiska.

74.      Fl-aħħar mill-aħħar, anki li kieku Sistem Lux ma wettqitx ir-reat konkret imputat lil VU, hija kienet tkun ħatja ta’ nuqqas ta’ osservazzjoni ta’ obbligu tagħha stess li jista’ jiġġustifika l-konfiska.

V.      Konklużjoni

75.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lir-Rayonen sad Svilengrad (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Svilengrad, il-Bulgarija) u lill-Administrativen sad Haskovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Haskovo, il-Bulgarija) kif ġej:

“L-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, flimkien mal-Artikolu 42(1) u (2) ta’ dan ir-regolament,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

1)      L-intenzjoni li jitwettaq ksur ma tikkostitwixxix element neċessarju tar-reat ta’ kuntrabandu doganali.

2)      Leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tipprevedi l-konfiska tal-merkanzija, bħala sanzjoni anċillari imposta fuq dawk li wettqu ksur amministrattiv billi ma josservawx l-obbligi previsti mil-leġiżlazzjoni doganali”.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, u rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90, u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2). Iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”.


3      Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tal‑24 ta’ Frar 2005 dwar il-Konfiska ta’ Rikavati, Mezzi Strumentali u Proprjetà Konnessi mal-Kriminalità (ĠU 2006, L 159M, p. 223).


4      Skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 127, p. 39, rettifika fil-ĠU 2014, L 127, p. 39), din id-definizzjoni hija ssostitwita b’dan li ġej: “ċaħda definittiva minn proprjetà ordnata minn qorti fir-rigward ta’ reat kriminali”.


5      L-awtoritajiet ikkonstataw li VU kien ittrasporta merkanzija ta’ valur u ta’ volum kunsiderevoli lil hinn mill-fruntiera tal-Istat mingħajr l-għarfien u l-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet doganali u kien importaha fil-Bulgarija, u għalhekk wettaq it-tip tal-ksur amministrattiv “kuntrabandu doganali”, peress li ma kienx issodisfa minn qabel l-obbligu li jiddikjara bil-miktub il-merkanzija ttrasportata. Għall-awtorità amministrattiva, il-fatt li VU kien ikkomunika verbalment li l-merkanzija li kien qiegħed jittrasporta kienet ta’ ċerta kwantità approssimattiva ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti tal-kunċett ta’ “dikjarazzjoni”, li jimplika d-deskrizzjoni eżawrjenti, preċiża u inekwivoka tal-oġġetti ttrasportati u tal-kwantità ta’ kull oġġett f’dikjarazzjoni doganali ppreżentata bil-miktub. L-awtorità kkonkludiet li l-imġiba ssanzjonata kienet negliġenti: skont id-dritt nazzjonali, in-negliġenza ma hijiex eskluża bħala forma ta’ ħtija fit-twettiq ta’ ksur.


6      L-obbligu li tiġi ppreżentata l-merkanzija “intatta” jinkludi dak li tiġi ppreżentata kif jidher fid-dikjarazzjoni korrispondenti u, għaldaqstant, fil-kwantità rreġistrata fiha.


7      Huwa s-sewwieq li, lid-dwana, jippreżenta lill-awtoritajiet id-dokumenti u l-informazzjoni rilevanti dwar il-merkanzija li jittrasporta.


8      Sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2023, J. P. Mali (C‑653/22, EU:C:2023:912, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). Korsiv miżjud minni.


9      Fuq kollox, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Schenker (C‑655/18, EU:C:2020:157, punt 43).


10      Sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, ZES Zollner Electronic (C‑640/21, EU:C:2023:457, punt 62).


11      Sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2023, J. P. Mali (C‑653/22, EU:C:2023:912), dispożittiv: “L-Artikolu 42(1) ta[l-Kodiċi Doganali], […] ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fil-każ ta’ lucrum cessans fuq id-dazji doganali kkawżat mill-provvista ta’ informazzjoni ineżatta f’dikjarazzjoni doganali li tirrigwarda merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea, multa amministrattiva li tikkorrispondi, bħala prinċipju, għal 50 % ta’ dan il-lucrum cessans u li hija applikata minkejja l-bona fide tal-operatur ikkonċernat u l-prekawzjonijiet meħuda minnu, peress li din ir-rata ta’ 50 % hija nettament inqas minn dik prevista fil-każ ta’ mala fide ta’ dan l-operatur u, barra minn hekk, hija kunsiderevolment imnaqqsa f’ċerti sitwazzjonijiet ippreċiżati f’din il-leġiżlazzjoni […]”.


12      F’din il-kawża, is-sanzjoni minima tal-iskala tidher li ġiet imposta fuq VU. Tali fatt ma jirrendix id-domanda inammissibbli, kif isostni l-Gvern Spanjol, peress li d-domanda tal-qorti tar-rinviju tmur lil hinn minn din il-konstatazzjoni.


13      Din hija l-espressjoni Latina użata fil-verżjoni Spanjola u dik Ingliża. Il-verżjoni Franċiża tuża t-terminu “notamment”; dik Portugiża tuża l-avverbju “nomeadamente” u dawk Ġermaniżi u Taljani jużaw l-espressjonijiet “unter anderem” u “tra l’altro”, rispettivament.


14      Sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Schenker (C‑655/18, EU:C:2020:157, punt 42).


15      Il-konfiska msemmija fid-Deċiżjoni Qafas 2005/212 ma hijiex applikabbli ratione materiae f’sitwazzjonijiet bħal dawk f’dan il-każ, fejn l-att imwettaq ma jikkostitwixxix reat kriminali. Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Otdel “Mitnichesko razsledvane i razuznavane” (C‑752/21, EU:C:2023:179, punti 42 sa 48 u d-dispożittiv).


16      Il-qrati tar-rinviju jassumu li, f’din il-kawża, il-konfiska ġiet adottata bħala sanzjoni anċillari, u huwa għalhekk li d-domandi tagħhom jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 42 tal-Kodiċi Doganali, moqri flimkien mal-Artikolu 233(6) tal-Liġi Doganali, li jaqa’ fil-kuntest tar-rispons ta’ sanzjonar. L-effetti prattiċi ta’ jekk dan huwiex il-każ jew jekk, sempliċement, hemmx lok li jiġi applikat l-Artikolu 198 tal-Kodiċi Doganali, essenzjalment ma jinbidlux, kif ser nispjega iktar ’il quddiem. Fi kwalunkwe każ, il-qrati tar-rinviju ma jitolbux l-interpretazzjoni tal-Artikolu 198 tal-Kodiċi Doganali.


17      Sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2021, Okrazhna prokuratura — Haskovo et Apelativna prokuratura — Plovdiv (C‑393/19, EU:C:2021:8, punt 55).


18      Punt 48 tal-osservazzjonijiet tad-Direttorat Territorjali tad-Dwana ta’ Burgas.


19      Punt 48 tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Bulgaru.


20      Punt 7.3 tad-deċiżjoni tar-rinviju, li tirriproduċi l-pożizzjoni tad-Direttorat Territorjali tad-Dwana ta’ Burgas.