Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Jannar 2024 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja

(Kawża C-70/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: I. Galindo Martín u E. E. Schmidt, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju ta’ Spanja

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li, billi ma adottax id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji kollha sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-20 ta’ Ġunju 2019 1 jew, fi kwalunkwe każ, ma kkomunikahomx, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva;

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja jħallas lill-Kummissjoni Ewropea somma f’daqqa ugwali għall-ikbar waħda mis-somom li ġejjin: (i) ammont ta’ kuljum ta’ EUR 9 760 mmultiplikat bin-numru ta’ ġranet li matulhom kien għadu qiegħed iseħħ il-ksur bejn il-ġurnata sussegwenti għall-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni stabbilit fl-Artikolu 20(1) tad-Direttiva u d-data li fiha r-Renju ta’ Spanja jtemm il-ksur, jew, fin-nuqqas ta’ dan, id-data tal-għoti tas-sentenza skont l-Artiklu 260(3) TFUE; (iii) somma f’daqqa minima ta’ EUR 6 832 000;

Fil-każ li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li hemm riferiment għalih fil-punt 1 ikompli sad-data li fiha tingħata s-sentenza f’din il-proċedura, tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja jħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum ta’ EUR 43 920 mid-data tas-sentenza f’din il-proċedura sakemm ir-Renju ta’ Spanja jwettaq l-obbligu tiegħu taħt l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva (UE) 2019/1158 li jikkomunika l-mezzi ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva;

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 tistabbilixxi rekwiżiti minimi intiżi sabiex tinkiseb l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa f’dak li jirrigwarda l-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol u t-trattament fuq ix-xogħol, billi tiffaċilita lill-ħaddiema li jkunu ġenituri jew persuni li jindukraw, il-konċiljazzjoni tal-ħajja tal-familja u professjonali. Skont l-Artikolu 20(1) ta’ din id-direttiva u bla ħsara għall-paragrafu 2 tiegħu, l-Istati Membri għandhom jittrasponu dawn ir-regoli fid-dritt intern tagħhom sa mhux iktar tard mit-2 ta’ Awwissu 2022 u għandhom immedjatament jinformaw lill-Kummissjoni b’dan.

Ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq dan l-obbligu; għalhekk, fil-21 ta’ Settembru 2022, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju ta’ Spanja. Ir-Renju ta’ Spanja wieġeb għal din l-ittra ta’ intimazzjoni fit-18 ta’ Novembru 2022, billi spjega li t-traspożizzjoni tad-Direttiva ser tkun kemm bħala liġi kif ukoll bħala digriet irjali u li, fir-rigward tal-liġi, din kienet pendenti fil-proċeduri finali li jirrigwardaw il-Gvern. Fid-19 ta’ April 2023, il-Kummissjoni kkomunikat opinjoni motivata lir-Renju ta’ Spanja, li r-Renju ta’ Spanja wieġeb għaliha fis-6 ta’ Ġunju 2023 permezz ta’ ittra li fiha rrikonoxxa li ma kienx ittraspona d-Direttiva (UE) 2019/1158 fit-terminu għat-traspożizzjoni u indika li t-traspożizzjoni tad-Direttiva kienet inkluża fl-abbozz tal-Ley de Familias (il-Liġi dwar il-Familji) adottat mill-kabinett fit-28 ta’ Marzu 2023, li l-ipproċessar tiegħu kien naqas bix-xoljiment tal-Parlament.

Id-Direttiva (UE) 2019/1158 ġiet approvata skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u, konsegwentement, din hija inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE. Ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva (UE) 2019/1158 li, bla ħsara għall-paragrafu 2 tal-imsemmija dispożizzjoni, idaħħal fis-seħħ id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ dak stabbilit f’din id-direttiva sa mhux iktar tard mit-2 ta’ Awwissu 2022. Għalhekk, ir-rekwiżiti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE huma ssodisfatti.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ħlas ta’ somma f’daqqa u ta’ pagamenti ta’ penalità skont l-Artikolu 260(3) TFUE, li l-Kummissjoni kkalkolat l-ammont tagħhom skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni [dwar is-]sanzjonijiet finanzjarji fi proċedimenti ta’ ksur 1

____________

1 Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE (ĠU 2019, L 188, p. 79).

1 ĠU 2023, C 2, p. 1.