Language of document : ECLI:EU:C:2020:763

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

1 ta’ Ottubru 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 1169/2011 – Informazzjoni dwar il-prodotti tal-ikel lill-konsumaturi – Artikolu 9(1)(i) u Artikolu 26(2)(a) – Dettall obbligatorju tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post tal-provenjenza tal-prodotti tal-ikel – Ommissjoni li tista’ tqarraq lill-konsumaturi – Artikolu 38(1) – Kwistjonijiet speċifikament armonizzati – Artikolu 39(2) – Adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali li jipprevedu dettalji obbligatorji addizzjonali dwar il-pajjiż ta’ oriġini jew il-post ta’ provenjenza ta’ tipi jew kategoriji speċifiċi ta’ prodotti tal-ikel – Kundizzjonijiet – Eżistenza ta’ rabta pprovata bejn waħda jew iktar mill-kwalitajiet tal-prodotti tal-ikel ikkonċernati u l-oriġini jew il-provenjenza tagħhom – Kunċetti ta’ ‘rabta pprovata’ u ta’ ‘kwalitajiet’ – Prova li l-maġġoranza tal-konsumaturi jagħtu importanza sinjifikattiva lil din l-informazzjoni – Miżura nazzjonali li tipprevedi d-dettall obbligatorju tal-oriġini nazzjonali, Ewropea jew mhux Ewropea tal-ħalib”

Fil-Kawża C‑485/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Ġunju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Lulju 2018, fil-proċedura

Groupe Lactalis

vs

Premier ministre,

Garde des Sceaux, ministre de la Justice,

Ministre de l’Agriculture et de l’Alimentation,

Ministre de l’Économie et des Finances,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, L.S. Rossi, J. Malenovský (Relatur), F. Biltgen u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: M. Krausenböck, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑3 ta’ Ġunju 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Groupe Lactalis, minn F. Molinié u S. Bensusan, avocats,

–        għall-Gvern Franċiż, minn A.‑L. Desjonquères u C. Mosser, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn G. Kanellopoulos, I. E. Krompa u E. Leftheriotou, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Van Hoof u K. Herbout-Borczak, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Lulju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 26, 38 u 39 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU 2011, L 304, p. 18, rettifiki fil-ĠU 2014, L 331, p. 40, u fil-ĠU 2016, L 266, p. 7).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Groupe Lactalis (iktar ’il quddiem “Lactalis”) u l-Premier ministre (il-Prim Ministru, Franza), il-Garde des Sceaux, ministre de la Justice (il-Ministru għall-Ġustizzja, Franza), il-Ministre de l’Agriculture et de l’Alimentation (il-Ministru għall-Agrikoltura u għall-Ikel, Franza) u l-Ministre de l’Économie et des Finances (il-Ministru għall-Ekonomija u għall-Finanzi, Franza), li tikkonċerna l-legalità tad-Décret n° 2016‑1137 du 19 août 2016 relatif à l’indication de l’origine du lait et du lait et des viandes utilisés en tant qu’ingrédient (id-Digriet Nru 2016‑1137 tad‑19 ta’ Awwissu 2016 dwar l-indikazzjoni tal-oriġini tal-ħalib u tal-ħalib u tal-laħam użati bħala ingredjenti (JORF tal‑21 ta’ Awwissu 2016, test Nru 18, iktar ’il quddiem id-“digriet inkwistjoni”)).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 1, 4 u 29 tar-Regolament Nru 1169/2011 jindikaw:

“(1)      L-Artikolu 169 [TFUE] jipprevedi li l-Unjoni [Ewropea] għandha tikkontribwixxi għall-ksib ta’ livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumatur permezz tal-miżuri li hi tadotta taħt l-Artikolu 114 [TFUE].

(2)      Il-moviment liberu ta’ ikel sikur u sustanzjuż huwa aspett essenzjali tas-suq intern u jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għas-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini, u għall-interessi soċjali u ekonomiċi tagħhom.

(3)      Sabiex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa għall-konsumaturi u sabiex ikun garantit id-dritt tagħhom għall-informazzjoni, għandu jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu infurmati b’mod adegwat dwar l-ikel li jieklu. L-għażliet tal-konsumaturi jistgħu jiġu influwenzati, fost l-oħrajn, minn konsiderazzjonijiet sanitarji, ekonomiċi, ambjentali, soċjali u etiċi.

(4)      Taħt ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat‑28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463, rettifiki fil-ĠU 2014, L 327, p. 9, u fil-ĠU 2016, L 227, p. 5)] huwa prinċipju ġenerali tal-liġi dwar l-ikel li tiġi provduta bażi biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati rigward l-ikel li jieklu u biex jipprevjenu kwalunkwe prattika li tista’ tiżgwida lill-konsumatur.

[…]

(29)      L-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini jew il-post ta’ provenjenza tal-ikel għandu jingħata kull meta n-nuqqas tagħha probabbli jiżgwida lill-konsumaturi fir-rigward tal-pajjiż veru ta’ oriġini jew il-post veru ta’ provenjenza ta’ dak il-prodott. Fil-każijiet kollha, l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza għandha tingħata b’mod li ma tiżgwidax lill-konsumatur u abbażi ta’ kriterji definiti b’mod ċar li jiżguraw kondizzjonijiet ugwali għall-industrija u jtejbu l-għarfien tal-konsumatur tal-informazzjoni relatata mal-pajjiż ta’ oriġini jew il-post ta’ provenjenza tal-ikel. […]”

4        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament jipprovdi l-bażi biex jiġi assigurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumatur b’rabta mal-informazzjoni dwar l-ikel, billi jqis id-differenzi fil-perċezzjoni tal-konsumaturi u l-bżonnijiet tagħhom għal informazzjoni filwaqt li jassigura li s-suq intern jiffunzjona mingħajr xkiel.”

5        L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Għanijiet ġenerali”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Il-forniment tal-informazzjoni dwar l-ikel għandu jsegwi livell għoli ta’ protezzjoni ta’ saħħet il-konsumaturi u tal-interessi tagħhom billi jipprovdi bażi għall-konsumaturi finali biex ikunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati u biex jużaw l-ikel b’mod sigur, b’mod partikolari fir-rigward ta’ konsiderazzjonijiet sanitarji, ekonomiċi, ambjentali, soċjali u etiċi.

2.      Il-liġi tal-informazzjoni dwar l-ikel għandha timmira biex fl-Unjoni jintlaħaq il-moviment liberu tal-ikel magħmul u kummerċjalizzat legalment, billi jitqies, fejn adegwat, il-bżonn li jiġu mħarsal-interessi leġittimi tal-produtturi u biex issir promozzjoni tal-produzzjoni ta’ prodotti ta’ kwalità.”

6        L-Artikolu 7 tal-istess regolament, intitolat “Prassi ġusta dwar l-informazzjoni”, jinkludi l-paragrafu 1 li jipprovdi:

“L-informazzjoni dwar l-ikel m’għandhiex tiżgwida, b’mod partikolari:

(a)      fir-rigward tal-karatteristiċi tal-ikel […]

(b)      billi tattribwixxi għall-ikel l-effetti jew il-karatteristiċi li ma fihx;

(c)      billi tissuġġerixxi li l-ikel fih karatteristiċi speċjali meta fil-fatt l-ikel kollu simili fih dawk il-karatteristiċi […]

[…]”

7        Il-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 1169/2011, intitolat “Informazzjoni obbligatorja dwar l-ikel”, jinkludi b’mod partikolari l-Artikoli 9 u 26 tiegħu.

8        L-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Lista ta’ dettalji obbligatorji”, jinkludi l-paragrafu 1 li huwa fformulat kif ġej:

“Konformement mal-Artikoli 10 sa 35 u skont l-eċċezzjonijiet li hemm f’dan il-Kapitolu, hija obbligatorja l-indikazzjoni tad-dettalji li ġejjin:

[…]

(i)      il-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta’ provenjenza meta previst fl-Artikolu 26;

[…]”

9        Skont l-Artikolu 26 tal-imsemmi regolament, intitolat “Pajjiż tal-oriġini jew post ta’ provenjenza”:

“[…]

2.      Indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini jew tal-post ta’ provenjenza għandu jkun obbligatorju:

(a)      fejn in-nuqqas ta’ din l-indikazzjoni jista’ jiżgwida lill-konsumatur fir-rigward tal-pajjiż veru tal-oriġini jew il-post veru ta’ provenjenza tal-ikel, b’mod partikolari jekk l-informazzjoni li jkun hemm mal-ikel jew it-tikketta b’mod globali tista’ b’xi mod ieħor timplika li l-ikel għandu pajjiż differenti tal-oriġini jew post differenti ta’ provenjenza;

(b)      għal-laħam, li jaqa’ taħt il-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda (‘NM’) elenkati fl-Anness XI. […]

[…]

5.      Sat‑13 ta’ Diċembru 2014 il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fir-rigward tal-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż tal-oriġini jew tal-post ta’ provenjenza għall-ikel li ġej:

[…]

(b)      ħalib;

(c)      ħalib użat bħala ingredjent fil-prodotti tal-ħalib;

[…]

7.      Ir-rapporti msemmija fil-paragrafi 5 u 6 għandhom jieħdu kont tal-ħtieġa għall-konsumaturi li jkunu informati, tal-fattibbiltà li tingħata l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza u analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-introduzzjoni ta’ tali miżuri, inklużi l-impatt legali fuq is-suq intern u l-impatt fuq il-kummerċ internazzjonali.

Il-Kummissjoni tista’ takkumpanja dawk ir-rapporti bi proposti biex jiġu modifikati d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Unjoni.

[…]”

10      Il-Kapitolu VI tal-istess regolament, intitolat “Miżuri nazzjonali”, jinkludi b’mod partikolari l-Artikoli 38 u 39 tiegħu.

11      L-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 1169/2011, intitolat “Miżuri nazzjonali”, jistabbilixxi:

“1.      Fir-rigward tal-kwistjonijiet speċifikament armonizzati minn dan ir-Regolament, l-Istati Membri m’għandhomx ikunu jistgħu jadottaw lanqas iżommu miżuri nazzjonali sakemm ma jkunux awtorizzati mil-liġi tal-Unjoni. Dawk il-miżuri nazzjonali m’għandhomx jikkawżaw ostakoli għall-moviment liberu tal-prodotti, inkluża d-diskriminazzjoni fil-konfront ta’ ikel minn Stati Membri oħra.

2.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 39, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri nazzjonali dwar kwistjonijiet li mhumiex speċifikament armonizzati minn dan ir-Regolament dment li huma ma jipprojbixxux, ma jimpedixxux jew ma jirristrenġux il-moviment liberu tal-prodotti li huma f’konformità ma’ dan ir-Regolament.”

12      Skont l-Artikolu 39 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Miżuri nazzjonali u dettalji obbligatorji addizzjonali”:

“1.      Minbarra d-dettalji partikolari msemmija fl-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 10, l-Istati Membri jistgħu, skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 45, jadottaw miżuri sabiex jesiġu dettalji obbligatorji addizzjonali għal tipi jew kategoriji speċifiċi ta’ ikel, iġġustifikati abbażi ta’ mill-anqas waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

(a)      il-protezzjoni tas-saħħa pubblika;

(b)      il-protezzjoni tal-konsumaturi;

(c)      il-prevenzjoni ta’ frodi;

(d)      il-protezzjoni tad-drittijiet industrijali u kummerċjali tal-proprjetà, l-indikazzjonijiet tal-provenjenza, il-postijiet tal-oriġini reġistrati u l-prevenzjoni ta’ kompetizzjoni żleali.

2.      Taħt il-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu miżuri li jikkonċernaw l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta’ oriġini jew il-post ta’ provenjenza ta’ ikel biss fejn hemm rabta ppruvata bejn ċerti kwalitajiet tal-ikel u l-oriġini jew il-provenjenza tiegħu. Meta jinnotifikaw miżuri bħal dawn lill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jipprovdu evidenza li l-maġġoranza tal-konsumaturi jorbtu valur sinifikanti mal-forniment ta’ din l-informazzjoni.”

 Id-dritt Franċiż

13      Id-digriet inkwistjoni daħal fis-seħħ fis‑17 ta’ Jannar 2017 u kellu japplika sal‑31 ta’ Diċembru 2018.

14      L-Artikolu 1 ta’ dan id-digriet jinkludi l-punt I, li huwa fformulat hekk:

“It-tikketta tal-prodotti tal-ikel ippakkjati bil-lest, fis-sens tal-Artikolu 2 [tar-Regolament Nru 1169/2011] għandha tkun konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet meta dawn il-prodotti tal-ikel ikun fihom:

1°      ħalib;

2°      bħala ingredjent, ħalib użat fil-prodotti tal-ħalib imsemmija fil-lista fl-Anness;

[…]

It-tikketta tal-prodotti tal-ikel ippakkjat bil-lest għandha tindika l-oriġini tal-ingredjenti msemmija fil-punti 1° sa 3. Madankollu, jekk dawn l-ingredjenti jirrappreżentaw perċentwali, espressa bħala piż totali tal-ingredjenti użati fil-prodott tal-ikel ippakkjat bil-lest, li tkun taħt ċertu limitu minimu, it-tikketta ta’ tali prodott tal-ikel ma għandhiex tkun suġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet.”

15      L-Artikolu 3 tal-imsemmi digriet jipprevedi:

“I.      L-indikazzjoni tal-oriġini tal-ħalib jew ta’ ħalib użat bħala ingredjent fil-prodotti tal-ħalib imsemmija fl-Artikolu 1 għandha tinkludi d-dettalji segwenti:

1°      ‘Pajjiż tal-ġbir: (l-isem tal-pajjiż fejn inġabar il-ħalib)’;

2°      ‘Pajjiż tal-ippakkjar jew tal-ipproċessar: (isem tal-pajjiż fejn il-ħalib ġie ppakkjat jew ipproċessat)’.

II.      B’deroga mill-punt I, meta l-ħalib jew il-ħalib użat bħala ingredjent fi prodotti tal-ħalib ikun inġabar, ippakkjat jew ipproċessat fl-istess pajjiż, l-indikazzjoni tal-oriġini tista’ ssir f’din il-forma: ‘Oriġini: (l-isem tal-pajjiż)’.

III.      B’deroga mill-punti I u II, meta l-ħalib jew il-ħalib użat bħala ingredjent fi prodotti tal-ħalib ikun inġabar, ippakkjat jew ipproċessat fi Stat Membru wieħed jew iktar tal-Unjoni Ewropea, l-indikazzjoni tal-oriġini tista’ ssir f’din il-forma: ‘Oriġini: UE’.

IV.      B’deroga mill-punti I u II, meta l-ħalib jew il-ħalib użat bħala ingredjent fi prodotti tal-ħalib ikun inġabar, ippakkjat jew ipproċessat fi Stat wieħed jew iktar li ma jkunux Stati Membri tal-Unjoni, l-indikazzjoni tal-oriġini tista’ ssir f’din il-forma: ‘Oriġini: mhux UE’.”

16      L-Artikolu 6 tal-istess digriet jiddisponi li “[i]l-prodotti mmanifatturati jew ikkummerċjalizzati legalment fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew f’pajjiż terz ma humiex suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet.”

17      Permezz tad-Décret n° 2018‑1239 du 24 décembre 2018 relatif à l’indication de l’origine du lait et du lait et des viandes utilisés en tant qu’ingrédient (id-Digriet Nru 2018‑1239 dwar l-indikazzjoni tal-oriġini tal-ħalib u tal-ħalib u tal-laħam użati bħala ingredjent (JORF tat‑2 ta’ Diċembru 2018, test Nru 70)) l-applikazzjoni tad-digriet inkwistjoni ġiet estiża.

 Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18      Permezz ta’ rikors irreġistrat fl‑24 ta’ Ottubru 2016, Lactalis ippreżentat rikors quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) intiż għall-annullament tad-digriet inkwistjoni. Insostenn tat-talbiet tagħha, hija invokat, b’mod partikolari, żewġ motivi, ibbażati fuq il-ksur, minn dan id-digriet, tal-Artikoli 26, 38 u 39 tar-Regolament Nru 1169/2011.

19      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-kwistjonijiet imqajma mill-eżami ta’ dawn iż-żewġ motivi huma ddeterminati mill-eżitu tal-kawża pendenti quddiemha u li huma jippreżentaw diffikultà serja ta’ interpretazzjoni.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1169/2011 […], li jipprevedi b’mod partikolari li l-Kummissjoni tippreżenta rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza f’dak li jirrigwarda l-ħalib u l-ħalib użat bħala ingredjent, għandu jiġi kkunsidrat bħala li armonizza espressament din il-kwistjoni fis-sens tal-Artikolu 38(1) tal-istess regolament u jipprekludi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jadottaw miżuri li jeżiġu indikazzjonijiet obbligatorji supplimentari fuq il-bażi tal-Artikolu 39 ta’ dan ir-regolament?

2)      Fil-każ li l-miżuri nazzjonali jkunu ġġustifikati mill-protezzjoni tal-konsumaturi fid-dawl tal-Artikolu 39(1) [tar-Regolament Nru 1169/2011], iż-żewġ kriterji previsti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu li jirrigwardaw, minn naħa, rabta pprovata bejn ċerti kwalitajiet tal-ikel u l-oriġini jew il-provenjenza tiegħu, u min-naħa l-oħra, il-prova li l-maġġoranza tal-konsumaturi jagħtu [importanza] sinjifikattiva lil din l-informazzjoni għandhom jinqraw flimkien u, b’mod partikolari, l-evalwazzjoni tar-rabta pprovata tista’ tiġi bbażata biss fuq elementi li huma suġġettivi li jirrigwardaw l-importanza tal-assoċjazzjoni li l-maġġoranza tal-konsumaturi tagħmel bejn il-kwalità tal-ikel u l-oriġini jew il-provenjenza tiegħu?

3)      Sa fejn il- proprjetajiet tal-ikel jistgħu jinftiehmu bħala li jinkludu l-elementi kollha li jikkontribwixxu għall-kwalità tal-ikel, il-kunsiderazzjonijiet relatati mal-kapaċità ta’ reżistenza tal-ikel għat-trasport u għar-riskji ta’ deterjorazzjoni tiegħu matul il-vjaġġ għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ rabta pprovata bejn ċerti proprjetajiet tal-ikel u l-oriġini jew il-provenjenza tiegħu għall-applikazzjoni tal-Artikolu 39(2) [tar-Regolament Nru 1169/2011]?

4)      L-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 39 [tar-Regolament Nru 1169/2011] tippreżupponi li l- proprjetajiet ta’ ikel jitqiesu li huma uniċi minħabba l-oriġini jew il-provenjenza tagħhom jew li huma ggarantiti minħabba din l-oriġini jew din il-provenjenza u, f’dan l-aħħar każ, indipendentement mill-armonizzazzjoni tar-regoli sanitarji u ambjentali applikabbli fl-Unjoni Ewropea, l-indikazzjoni tal-oriġini jew tal-provenjenza tista’ tkun iktar speċifika minn indikazzjoni taħt il-forma ‘UE’ jew ‘mhux tal-UE’?”

21      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑27 ta’ Frar 2019, il-proċedura ġiet sospiża sakemm tingħata s-sentenza fil-Kawża C‑363/18, dwar talba għal deċiżjoni preliminari mressqa fl‑4 ta’ Ġunju 2018 mill-qorti tar-rinviju u li kienet tirrigwarda wkoll l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1169/2011. Wara l-għoti tas-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Organisation juive européenne u Vignoble Psagot (C‑363/18, EU:C:2019:954), il-proċedura f’din il-kawża tkompliet permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑13 ta’ Novembru 2019.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

22      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1169/2011 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza tal-ħalib u tal-ħalib użat bħala ingredjent għandha titqies bħala “kwistjoni speċifikament armonizzata” minn dan ir-regolament, fis-sens tal-Artikolu 38(1) tiegħu, u, fl-affermattiv, li jipprekludi lill-Istati Membri milli jadottaw miżuri li jimponu dettalji obbligatorji addizzjonali, abbażi tal-Artikolu 39 tal-imsemmi regolament.

23      Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 1169/2011, intitolat “Miżuri nazzjonali”, jiddistingwi b’mod ċar il-kategorija ta’ “kwistjonijiet speċifikament armonizzati” minn dan ir-regolament minn dik tal-kwistjonijiet li ma humiex. Fir-rigward ta’ dawn tal-ewwel, il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jistabbilixxi li l-Istati Membri la jistgħu jadottaw u lanqas iżommu miżuri nazzjonali sakemm ma jkunux awtorizzati mid-dritt tal-Unjoni. Għal dak li jikkonċerna t-tieni, il-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu jipprevedi mill-banda l-oħra li, bla ħsara għall-Artikolu 39 tal-istess regolament, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri nazzjonali sakemm dawn ma jkollhomx l-effett li jipprojbixxu, jostakolaw jew jirrestrinġu l-moviment liberu tal-merkanzija.

24      Barra minn hekk, l-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1169/2011, li huwa intitolat “Miżuri nazzjonali u dettalji obbligatorji addizzjonali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri li jeħtieġu dettalji obbligatorji addizzjonali, għal tipi jew kategoriji speċifiċi ta’ prodotti tal-ikel, bil-kundizzjoni li tali miżuri jkunu ġġustifikati minn raġuni waħda jew iktar marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, mal-protezzjoni tal-konsumaturi, mat-trażżin tal-qerq, mal-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali, tal-indikazzjonijiet tal-provenjenza jew tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini rreġistrati kif ukoll mat-trażżin tal-kompetizzjoni żleali. Barra minn hekk, dan l-artikolu jippreċiża, fil-paragrafu 2 tiegħu, li l-Istati Membri jistgħu jintroduċu miżuri dwar l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza biss jekk ikun hemm rabta pprovata bejn ċerti kwalitajiet tal-prodotti tal-ikel ikkonċernati u l-oriġini jew il-provenjenza tagħhom, qabel ma jżidu li, meta jikkomunikaw dawn il-miżuri lill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jipproduċu prova li l-maġġoranza tal-konsumaturi jagħtu importanza sinjifikattiva lil din l-informazzjoni.

25      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-punt dwar jekk l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1169/2011, intitolat “Pajjiż tal-oriġini jew post ta’ provenjenza”, għandux jitqies, sa fejn jagħmel obbligatorja l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza tal-ħalib u tal-ħalib użat bħala ingredjent, bħala “kwistjoni speċifikament armonizzata” minn dan ir-regolament, għandu jiġi kkonstatat li ebda dispożizzjoni tiegħu ma telenka dawn il-kwistjonijiet. Madankollu, fid-dawl ta’ din l-espressjoni, l-identifikazzjoni tal-imsemmija kwistjonijiet għandha ssir b’osservanza stretta tal-formulazzjoni tar-Regolament Nru 1169/2011.

26      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1169/2011 jistabbilixxi, kif jirriżulta mit-titolu tiegħu, il-lista tad-dettalji li għandhom obbligatorjament jidhru fuq il-prodotti tal-ikel. Konformement mal-paragrafu 1(i) ta’ dan l-artikolu, l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza ta’ prodott tal-ikel hija obbligatorja meta l-Artikolu 26 tal-imsemmi regolament jipprevedi dan.

27      Mill-banda l-oħra, dan l-Artikolu 26 jistabbilixxi, fil-paragrafu 2(a) u (b) tiegħu, li l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza hija obbligatorja, minn naħa, fil-każijiet fejn l-ommissjoni tagħha tista’ tqarraq lill-konsumaturi fil-pajjiż ta’ oriġini jew fil-post ta’ provenjenza reali ta’ prodott tal-ikel u, min-naħa l-oħra, għal-laħam li jaqa’ taħt ċerti kodiċijiet ta’ Nomenklatura Magħquda li l-lista tagħhom tinsab fl-Anness XI ta’ dan ir-regolament.

28      Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li r-Regolament Nru 1169/2011 jarmonizza espressament, fis-sens tal-Artikolu 38(1) tiegħu, il-kwistjoni tal-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza tal-prodotti tal-ikel, fil-każijiet fejn l-ommissjoni ta’ din l-indikazzjoni tista’ tqarraq lill-konsumaturi, u mill-banda l-oħra ma twettaqx armonizzazzjoni speċifika fir-rigward ta’ każijiet jew sitwazzjonijiet oħra.

29      Barra minn hekk, mill-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 jirriżulta li, bl-eċċezzjoni biss tal-laħam li jaqa’ taħt ċerti kodiċijiet ta’ Nomenklatura Magħquda, il-prodotti tal-ikel kollha huma suġġetti għal din l-armonizzazzjoni speċifika, inkluż il-ħalib u l-ħalib użat bħala ingredjent.

30      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija armonizzazzjoni speċifika tipprekludix l-adozzjoni ta’ eventwali miżuri nazzjonali addizzjonali, mill-punt 24 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jadottaw tali miżuri bil-kundizzjoni li josservaw ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1169/2011.

31      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 39(1) tar-Regolament Nru 1169/2011 jirriżulta, minn naħa, li d-dettalji li jistgħu jintalbu mill-Istati Membri għandhom ikunu “addizzjonali” meta mqabbla ma’ dawk previsti mir-Regolament Nru 1169/2011 stess, li fosthom, kif stabbilit fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, hemm, l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza tal-prodotti tal-ikel, fil-każ fejn l-ommissjoni ta’ din l-indikazzjoni tista’ tqarraq lill-konsumaturi. Minn dan isegwi li tali dettalji għandhom mhux biss ikunu kompatibbli mal-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni permezz tal-armonizzazzjoni espressa tal-kwistjoni tal-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza, iżda wkoll jifformaw totalità koerenti ma’ din l-indikazzjoni.

32      Min-naħa l-oħra, dawn id-dettalji obbligatorji addizzjonali jistgħu jirrigwardaw biss “tipi jew kategoriji speċifiċi ta’ prodotti tal-ikel” u mhux dawn il-prodotti tal-ikel meħuda mingħajr distinzjoni. Konsegwentement, dawn jistgħu jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-pajjiż ta’ oriġini jew il-post ta’ provenjenza ta’ tip jew ta’ kategorija speċifika ta’ prodotti tal-ikel, bħall-ħalib u l-ħalib użat bħala ingredjent, sa fejn dawn jikkonċernaw każijiet jew sitwazzjonijiet li ma humiex il-każijiet fejn l-ommissjoni tal-indikazzjoni ta’ dan il-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ dan il-post ta’ provenjenza tista’ tqarraq lill-konsumaturi.

33      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1169/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza tal-ħalib u tal-ħalib użat bħala ingredjent għandha titqies bħala “kwistjoni speċifikament armonizzata” minn dan ir-regolament, fis-sens tal-Artikolu 38(1) tiegħu, fil-każijiet fejn l-ommissjoni ta’ din l-indikazzjoni tista’ tqarraq lill-konsumaturi, u li ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jadottaw miżuri li jimponu dettalji obbligatorji addizzjonali, abbażi tal-Artikolu 39 tal-imsemmi regolament, bil-kundizzjoni li dawn ikunu kompatibbli mal-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni permezz tal-armonizzazzjoni speċifika tal-kwistjoni tal-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza u li jifformaw totalità koerenti ma’ din l-indikazzjoni.

 Fuq it-tieni domanda

34      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1169/2011 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-preżenza ta’ miżuri nazzjonali li jkunu ġġustifikati, fid-dawl tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, mill-protezzjoni tal-konsumaturi, iż-żewġ rekwiżiti previsti fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, jiġifieri l-eżistenza ta’ “rabta pprovata bejn ċerti kwalitajiet ta’ prodott tal-ikel u l-oriġini jew il-provenjenza tiegħu”, minn naħa, u l-“prova li l-maġġoranza tal-konsumaturi jagħtu importanza sinjifikattiva lil din l-informazzjoni”, min-naħa l-oħra, għandhom jiġu kkunsidrati flimkien, b’tali mod li l-eżistenza ta’ din ir-rabta pprovata tista’ tiġi evalwata billi tistrieħ biss fuq elementi suġġettivi, relatati mal-importanza tal-assoċjazzjoni li l-maġġoranza tal-konsumaturi jistgħu jagħmlu bejn ċerti kwalitajiet tal-prodott tal-ikel ikkonċernat u l-oriġini tiegħu jew il-provenjenza tiegħu.

35      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 39(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 huwa kkaratterizzat minn struttura u formulazzjoni preċiża. Fil-fatt, huwa jiddikjara, fl-ewwel sentenza tiegħu, li l-Istati Membri jistgħu jintroduċu miżuri addizzjonali dwar l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza tal-prodotti tal-ikel biss jekk teżisti rabta pprovata bejn ċerti kwalitajiet ta’ dawn il-prodotti tal-ikel u l-oriġini tagħhom jew il-provenjenza tagħhom, qabel ma jżid, fit-tieni sentenza tiegħu, li, meta jikkomunikaw dawn il-miżuri lill-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom jipproduċu l-prova li l-maġġoranza tal-konsumaturi jagħtu importanza sinjifikattiva lil din l-informazzjoni.

36      Minn dan jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jissepara b’mod ċar iż-żewġ rekwiżiti li għalihom huwa ssuġġetta l-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali addizzjonali, billi jagħti lil kull wieħed minnhom għan distint kif ukoll rwol differenti fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 39(2) tar-Regolament Nru 1169/2011.

37      Fil-fatt, ir-rekwiżit dwar “rabta pprovata” bejn ċerti kwalitajiet tal-prodotti tal-ikel inkwistjoni u l-oriġini tagħhom jew il-provenjenza tagħhom huwa intiż li jistabbilixxi, minn qabel, l-eżistenza ta’ tali rabta f’kull każ.

38      Mill-banda l-oħra, ir-rekwiżit marbut mal-perċezzjoni kondiviża mill-maġġoranza tal-konsumaturi jimponi fuq l-Istat Membru kkonċernat li jipproduċi l-prova li, f’għajnejn din il-maġġoranza, tali informazzjoni għandha importanza sinjifikattiva. Dan it-tieni rekwiżit iseħħ għalhekk wara u b’mod aċċessorju u addizzjonali meta mqabbel mal-ewwel wieħed.

39      Konsegwentement, hemm lok li dawn iż-żewġ rekwiżiti jiġu eżaminati suċċessivament, billi jiġi vverifikat, inizjalment u fi kwalunkwe każ, jekk teżistix jew le rabta pprovata bejn ċerti kwalitajiet tal-prodotti tal-ikel ikkonċernati f’każ partikolari u l-oriġini tagħhom jew il-provenjenza tagħhom, imbagħad fit-tieni lok, u biss fil-każ fejn l-eżistenza ta’ tali rabta hija pprovata, jekk huwiex ipprovat li l-maġġoranza tal-konsumaturi jagħtu importanza sinjifikattiva lil din l-informazzjoni.

40      Tali interpretazzjoni hija kkorroborata kemm mill-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 39(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 kif ukoll mill-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament.

41      Fir-rigward tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1169/2011 jirriżulta fil-fatt li l-informazzjoni dwar il-prodotti tal-ikel ma għandhiex tissuġġerixxi li dawn tal-aħħar għandhom karatteristiċi partikolari, filwaqt li, fir-realtà, prodotti tal-ikel oħra simili għandhom dawn l-istess karatteristiċi.

42      Issa, miżura nazzjonali li tagħmel obbligatorja l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza ta’ prodott tal-ikel billi tibbaża ruħha biss fuq l-assoċjazzjoni suġġettiva li l-konsumaturi jistgħu jagħmlu bejn din l-oriġini jew din il-provenjenza u ċerti kwalitajiet tal-prodott tal-ikel ikkonċernat tista’ tissuġġerixxi li dan tal-aħħar għandu kwalitajiet partikolari marbuta mal-oriġini jew mal-provenjenza tiegħu, anki jekk l-eżistenza ta’ rabta pprovata bejn xulxin ma hijiex oġġettivament stabbilita.

43      Fir-rigward tal-għanijiet tar-Regolament Nru 1169/2011, dawn jinkludu, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) u mill-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, moqrija fid-dawl tal-premessi 1, 3 u 4 tal-imsemmi regolament, dak li jikkonsisti f’li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fil-qasam tal-informazzjoni dwar il-prodotti tal-ikel, fl-osservanza tad-differenzi fil-perċezzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Organisation juive européenne u Vignoble Psagot, C‑363/18, EU:C:2019:954, punti 52 u 53).

44      Tali għan jimponi, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, li l-informazzjoni dwar il-prodotti tal-ikel tkun korretta, newtrali u oġġettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2016, Breitsamer und Ulrich, C‑113/15, EU:C:2016:718, punt 69).

45      Issa, dan ma jkunx il-każ jekk l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza tal-prodotti tal-ikel tkun tista’ tintalab abbażi biss tal-assoċjazzjoni suġġettiva li l-maġġoranza tal-konsumaturi jagħmlu bejn l-oriġini jew il-provenjenza ta’ dawn il-prodotti tal-ikel u wħud mill-kwalitajiet tagħhom, minkejja li l-eżistenza ta’ rabta pprovata bejn it-tnejn li huma ma hijiex oġġettivament stabbilita.

46      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1169/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-preżenza ta’ miżuri nazzjonali li jkunu ġġustifikati, fid-dawl tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, mill-protezzjoni tal-konsumaturi, iż-żewġ rekwiżiti previsti fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, jiġifieri l-eżistenza ta’ “rabta pprovata bejn ċerti kwalitajiet ta’ prodott tal-ikel u l-oriġini jew il-provenjenza tiegħu”, minn naħa, u l-“prova li l-maġġoranza tal-konsumaturi jagħtu importanza sinjifikattiva lil din l-informazzjoni”, min-naħa l-oħra, ma għandhomx jiġu kkunsidrati flimkien, b’tali mod li l-eżistenza ta’ din ir-rabta pprovata ma tistax tiġi evalwata billi tistrieħ biss fuq elementi suġġettivi, relatati mal-importanza tal-assoċjazzjoni li l-maġġoranza tal-konsumaturi jistgħu jagħmlu bejn ċerti kwalitajiet tal-prodott tal-ikel ikkonċernat u l-oriġini tiegħu jew il-provenjenza tiegħu.

 Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

47      Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 39(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kwalitajiet ta’ prodott l-ikel” jinkludi l-kapaċità ta’ reżistenza ta’ prodott tal-ikel għat-trasport u għar-riskji ta’ bdil matul il-vjaġġ, b’tali mod li din il-kapaċità tista’ tintuża sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ eventwali “rabta pprovata bejn ċerti kwalitajiet ta’ prodott tal-ikel u l-oriġini jew il-provenjenza tiegħu”, imsemmija f’din id-dispożizzjoni.

48      F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 39(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 jirriżulta li l-kunċett ta’ “kwalitajiet”, li l-użu tiegħu huwa ppreċedut mill-aġġettiv “ċerti”, ma jestendix għall-karatteristiċi kollha li għandhom il-prodotti tal-ikel, hekk kif imsemmija fl-Artikolu 7(1)(a) sa (c) ta’ dan ir-regolament.

49      Fil-fatt, kuntrarjament għal dawn il-karatteristiċi, li jittraduċu l-kwalitajiet differenti tal-prodotti tal-ikel, inklużi dawk li jirriżultaw mill-manifattura jew mill-ipproċessar tagħhom, il-“kwalitajiet” li jirreferi għalihom l-Artikolu 39(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 huma esklużivament dawk li għandhom “rabta pprovata” mal-oriġini jew il-provenjenza tal-prodotti tal-ikel li għandhom dawn.

50      Minn dan jirriżulta li l-kunċett ta’ “kwalitajiet” li tirreferi għalih din id-dispożizzjoni jirreferi esklużivament għall-kwalitajiet li jiddistingwu l-prodotti tal-ikel li għandhomx dawn mill-prodotti tal-ikel simili li, peress li għandhom oriġini oħra jew provenjenza oħra, ma għandhomx dawn.

51      Issa, il-kapaċità ta’ reżistenza ta’ prodott tal-ikel għat-trasport u għar-riskji ta’ bdil matul il-vjaġġ, bħall-ħalib jew il-ħalib użat bħala ingredjent, ma tistax tiġi kklassifikata bħala “kwalità”, fis-sens tal-Artikolu 39(2) tar-Regolament Nru 1169/2011, sa fejn tali kapaċità ma hijiex marbuta, b’mod pprovat, ma’ oriġini jew ma’ provenjenza preċiża, fejn hija għalhekk tista’ tkun kwalità ta’ prodotti tal-ikel simili li ma għandhomx din l-oriġini jew din il-provenjenza, u fejn hija konsegwentement iggarantita indipendentement mill-imsemmija oriġini jew mill-imsemmija provenjenza.

52      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet u r-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 39(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kwalitajiet ta’ prodott l-ikel” ma jinkludix l-kapaċità ta’ reżistenza ta’ prodott tal-ikel għat-trasport u għar-riskji ta’ bdil matul il-vjaġġ, b’tali mod li din il-kapaċità ma tistax tintuża sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ eventwali “rabta pprovata bejn ċerti kwalitajiet ta’ prodott tal-ikel u l-oriġini jew il-provenjenza tiegħu”, imsemmija f’din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

53      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza tal-ħalib u tal-ħalib użat bħala ingredjent għandha titqies bħala “kwistjoni speċifikament armonizzata” minn dan ir-regolament, fis-sens tal-Artikolu 38(1) tiegħu, fil-każijiet fejn l-ommissjoni ta’ din l-indikazzjoni tista’ tqarraq lill-konsumaturi, u li ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jadottaw miżuri li jimponu dettalji obbligatorji addizzjonali, abbażi tal-Artikolu 39 tal-imsemmi regolament, bil-kundizzjoni li dawn ikunu kompatibbli mal-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni permezz tal-armonizzazzjoni speċifika tal-kwistjoni tal-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza u li jifformaw totalità koerenti ma’ din l-indikazzjoni.

2)      L-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1169/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-preżenza ta’ miżuri nazzjonali li jkunu ġġustifikati, fid-dawl tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, mill-protezzjoni tal-konsumaturi, iż-żewġ rekwiżiti previsti fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, jiġifieri l-eżistenza ta’ “rabta pprovata bejn ċerti kwalitajiet ta’ prodott tal-ikel u l-oriġini jew il-provenjenza tiegħu”, minn naħa, u l-“prova li l-maġġoranza tal-konsumaturi jagħtu importanza sinjifikattiva lil din l-informazzjoni”, min-naħa l-oħra, ma għandhomx jiġu kkunsidrati flimkien, b’tali mod li l-eżistenza ta’ din ir-rabta pprovata ma tistax tiġi evalwata billi tistrieħ biss fuq elementi suġġettivi, relatati mal-importanza tal-assoċjazzjoni li l-maġġoranza tal-konsumaturi jistgħu jagħmlu bejn ċerti kwalitajiet tal-prodott tal-ikel ikkonċernat u l-oriġini tiegħu jew il-provenjenza tiegħu.

3)      L-Artikolu 39(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kwalitajiet ta’ prodott l-ikel” ma jinkludix l-kapaċità ta’ reżistenza ta’ prodott tal-ikel għat-trasport u għar-riskji ta’ bdil matul il-vjaġġ, b’tali mod li din il-kapaċità ma tistax tintuża sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ eventwali “rabta pprovata bejn ċerti kwalitajiet ta’ prodott tal-ikel u l-oriġini jew il-provenjenza tiegħu”, imsemmija f’din id-dispożizzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.