Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta' Jannar 2012 - European Dynamics Luxembourg u Evropaiki Dinamiki-Proigmena Sistimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis vs Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)

(Kawża T-40/12)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: European Dynamics Luxembourg SA (Ettelbrück, il-Lussemburgu) u Evropaiki Dinamiki-Proigmena Sistimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Ateni, il-Greċja) (rappreżentant: B. Christianos, avukat)

Konvenut: Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tat-22 ta' Novembru 2011 ta' Europol li rrifjuta l-offerta tal-konsorzju li r-rikorrenti pparteċipaw fih fil-proċedura miftuħa għall-għoti ta' kuntratti D/C3/1104; u

tikkundanna lil Europol għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, għas-segwenti motiv, li jikkonsisti fi tliet partijiet:

1.    L-ewwel nett, Europol irrifjuta l-offerta tar-rikorrenti mingħajr raġuni, billi osserva li dawn tal-aħħar kienu bidlu l-offerta teknika u finanzjarja tagħhom, liema ħaġa għandha l-konsegwenza li Europol ma jibbaża ruħu fuq ebda bażi legali sabiex jeskludi lir-rikorrenti.

2.    It-tieni nett, Europol ilmenta mingħajr bażi li l-offerta tar-rikorrenti ma kinitx preċiża u kellha tiġi injorata, filwaqt li kien hu (Europol) li pprovoka, aċċetta jew ittollera l-eżistenza ta' nuqqas ta' preċiżjoni u n-nuqqas ta' ċarezza fir-rigward tat-tifsira tat-termini "out of the box" u "customisation", bi ksur tal-prinċipju ta' trasparenza.

3.    It-tielet nett, meta eskluda l-offerta tar-rikorrenti mis-sejħa għal offerti, Europol kiser il-prinċipju ta' proporzjonalità fl-applikazzjoni tat-termini tad-dokumenti kuntrattwali.

____________