Language of document : ECLI:EU:T:2013:409





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tas-6 ta’ Settembru 2013 –
Bateni vs Il-Kunsill

(Kawżi T‑42/12 u T‑181/12)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra l-Iran bil-għan li tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari — Iffriżar ta’ fondi — Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

1.                     Rikors għal annullament — Interess ġuridiku — Kunċett — Rikors li jista’ jagħti benefiċċju lir-rikorrent — Interess li jibqa’ jeżisti sa meta tiġi adottata d-deċiżjoni ġudizzjarja — Att li jħassar u jissostitwixxi l-att ikkontestat fil-mori tal-kawża — Telf tal-interess ġuridiku tar-rikorrent — Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni (Artikolu 263 TFUE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 961/2010, Nru 1245/11 u Nru 267/2012) (ara l-punti 28-32)

2.                     Unjoni Ewropea — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Miżuri meħuda fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u tal-ġlieda kontra l-proliferazzjoni nukleari — Stħarriġ ġudizzjarju — Portata — Differenzazzjoni, għal raġunijiet ta’ effikaċja, fir-rigward tal-estensjoni tal-istħarriġ dwar minn naħa l-miżuri rigward il-ġlieda kontra l-proliferazzjoni nukleari u min-naħa l-oħra dwar il-miżuri rigward il-ġlieda kontra t-terroriżmu — Inammissibbiltà (Artikolu 29 TUE; Artikolu 215(2) TFUE) (ara l-punti 38-40)

3.                     Unjoni Ewropea — Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Miżuri meħuda fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-proliferazzjoni nukleari — Portata tal-istħarriġ — Stħarriġ limitat għar-regoli ġenerali — Stħarriġ li jestendi għall-evalwazzjoni tal-fatti u għall-verifika tal-provi għal atti li japplikaw għal entitajiet speċifiċi (Artikolu 29 TUE; Artikolu 215(2) TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, Artikolu 20(1)b; Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012, Artikolu 23(2)) (ara l-punti 42-46)

4.                     Unjoni Ewropea — Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Miżuri meħuda fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-proliferazzjoni nukleari — Portata tal-istħarriġ — Esklużjoni tal-elementi li l-istituzzjoni saret taf bihom wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, Artikolu 20(1)(b); Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012, Artikolu 23(2)) (ara l-punti 51, 53)

5.                     Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari — Obbligu ta’ komunikazzjoni tal-provi kontra — Portata (Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, Artikolu 20(1)(b); Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012, Artikolu 23(2)(a)) (ara l-punti 54, 56, 57)

6.                     Rikors għal annullament — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Limitazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Annullament parzjali f’żewġ mumenti differenti ta’ żewġ atti li jinvolvu miżuri restrittivi identiċi — Riskju ta’ preġudizzju serju għaċ-ċertezza legali — Żamma tal-effetti tal-ewwel minn dawn l-atti sad-dħul fis-seħħ tal-annullament tat-tieni (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 60; Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK; Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012) (ara l-punti 86, 87))

Suġġett

Fil-Kawża T‑42/12, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 319, p. 71), sa fejn din tinkludi lir-rikorrent fil-lista li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39), kif ukoll tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 319, p. 11), sa fejn isemmi lir-rikorrent fl-Anness VIII tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU L 281, p. 1), u, fil-Kawża T‑181/12, talba għall-annullament tal-Anness IX tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1), sa fejn l-isem tar-rikorrent jinżamm fuq il-lista tal-persuni, entitajiet u organi li l-assi tagħhom huma ffriżati.

Dispożittiv

1)

Il-Kawżi T‑42/12 u T‑181/12 huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

2)

Ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fil-Kawża T‑42/12 dwar it-talba intiża għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, fir-rigward ta’ N. Bateni.

3)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, hija annullata sa fejn tinkludi lil N. Bateni fl-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK.

4)

L-Anness IX tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 huwa annullat, sa fejn jirrigwarda lil N. Bateni.

5)

L-effetti tad-Deċiżjoni 2010/413, hekk kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/783, jibqgħu validi fir-rigward ta’ N. Bateni, mid-dħul fis-seħħ tagħha, l-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sad-dħul fis-seħħ tal-annullament parzjali tar-Regolament Nru 267/2012.

6)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk ta’ N. Bateni.

7)

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż tagħha.