Language of document : ECLI:EU:F:2013:143

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

9 ta’ Ottubru 2013

Kawża F‑116/12

Kari Wahlström

vs

Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex)

“Servizz pubbliku — Membru tal-persunal temporanju — Rapport ta’ evalwazzjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni — Diskussjoni annwali mal-evalwatur — Iffissar ta’ objettivi”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA abbażi tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu K. Wahlström jitlob l-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu għas-sena 2010 u li l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex, jew iktar ’il quddiem l-“Aġenzija”) tiġi kkundannata tħallas is-somma ta’ EUR 10 000 bħala kumpens għad-dannu mġarrab minħabba l-assenza ta’ iffissar ta’ objettivi għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-prestazzjoni professjonali tiegħu għall-istess sena.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. K. Wahlström għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata — Obbligu li l-kummenti li jidhru fuq ir-rapport ta’ evalwazzjoni jiġu sostnuti b’punti ta’ fatt — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

2.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport tal-iżvilupp tal-karriera — Redazzjoni fl-assenza ta’ kull parteċipazzjoni tal-persuna kkonċernata fil-proċedura — Ksur tad-dritt għal smigħ

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

3.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Redazzjoni — Rapport ivvizzjat b’irregolaritá proċedurali — Konsegwenzi

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

4.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Obbligu li jiġu stabbiliti l-obbjettivi li għandhom jintlaħqu — Annullament tar-rapport fil-każ ta’ nuqqas

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

1.      Fil-kuntest tar-redazzjoni ta’ rapport ta’ evalwazzjoni, il-fatt li l-evalwaturi għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa jippreżupponi li dawn tal-aħħar la huma obbligati li jinkludu, fir-rapporti ta’ evalwazzjoni li huma jfasslu, il-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha rilevanti insostenn tal-evalwazzjoni tagħhom jew li jsostnuhom b’elementi konkreti, u lanqas ma huma obbligati li jeżaminaw u li jirrispondu għall-punti kollha kkontestati mill-uffiċjal jew mill-membru tal-persunal ikkonċernat. Fil-fatt, ir-rapport ta’ evalwazzjoni ma huwiex intiż li jistabbilixxi tabella eżawrjenti u purament deskrittiva tas-servizzi li l-uffiċjal ikkonċernat issejjaħ jagħti fil-kuntest tat-twettiq tal-kompiti li jirriżultaw mill-pożizzjoni tiegħu, iżda huwa intiż li jenfasizza, minn karatteristiċi ewlenin tas-servizzi tiegħu, il-livell tal-kompetenza u ta’ effiċjenza tiegħu kif ukoll il-kwalità tal-kondotta tiegħu fis-servizz.

Barra minn hekk, awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ ma tistax tiġi kkritikata, fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, talli ma sostnietx l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni personali ta’ aġent b’eżempji konkreti addizzjonali, peress li, minn naħa, il-kliem tar-rapport ta’ evalwazzjoni kkontestat diġà jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk dan ir-rapport huwiex fondat jew jekk huwiex ivvizzjat b’vizzju li jippermetti li tiġi kkontestata l-legalità tiegħu u, min-naħa l-oħra, jippermetti li l-qorti teżerċità l-istħarriġ tal-legalità tal-imsemmi rapport.

(ara l-punti 22, 23 u 26)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 12 ta’ Settembru 2007, Combescot vs Il‑Kummissjoni, T‑249/04, punt 86; 8 ta’ Settembru 2009, ETF vs Landgren, T‑404/06 P, punt 108, u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 10 ta’ Settembru 2009, van Arum vs Il-Parlament, F‑139/07, punti 88 u 101; 29 ta’ Settembru 2011, Kimman vs Il-Kummissjoni, F‑74/10, punt 95, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑644/11 P

2.      Fil-kuntest tar-redazzjoni ta’ rapport ta’ evalwazzjoni, l-evalwatur għandu jistieden lill-persuna li għandha l-pożizzjoni għad-djalogu annwali fi żmien 20 jum tax-xogħol mill-bidu tal-proċedura ta’ evalwazzjoni sabiex jevita li r-rapport ta’ evalwazzjoni jiġi adottat qabel ma l-membru tal-persunal ikkonċernat ma jingħata l-possibbiltà li jinstema’ b’mod utli, b’tali mod li anki l-ommissjoni tad-djalogu bejn l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal tikkostitwixxi ksur tad-dritt għal smigħ. Djalogu ta’ kwalità huwa imperattiv matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni, għaliex dan jikkostitwixxi ċ-ċavetta tiegħu u jippreżupponi kuntatt dirett bejn il-persuna evalwata u l-evalwatur, kuntatt li huwa l-uniku wieħed ta’ natura li jiffavorixxi djalogu sinċier u fil-fond, li jippermetti li l-persuni kkonċernati, minn naħa, jwieżnu bl-eżatt in-natura, ir-raġunijiet u l-portata tal-eventwali nuqqas ta’ qbil tagħhom u, min-naħa l-oħra, li jaslu għal ftehim aħjar.

(ara l-punti 36 u 37)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 30 ta’ Settembru 2004, Ferrer de Moncada vs Il-Kummissjoni, T‑16/03, punti 40 u 48; 14 ta’ Settembru 2006, Laroche vs Il‑Kummissjoni, T‑115/04, punt 36; 25 ta’ Ottubru 2006, Carius vs Il‑Kummissjoni, T‑173/04, punt 69; 25 ta’ Ottubru 2007, Lo Giudice vs Il‑Kummissjoni, T‑27/05, punti 46 sa 49

3.      Sabiex irregolarità proċedurali tkun tista’ twassal għall-annullament ta’ att, u b’mod partikolari ta’ rapport ta’ evalwazzjoni ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal tal-Unjoni, hemm bżonn li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti.

(ara l-punt 40)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 21 ta’ Marzu 1990, il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑142/87, punt 48

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 23 ta’ April 2002, Campolargo vs Il‑Kummissjoni, T‑372/00, punt 39

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Kimman vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 76

4.      In-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli li jippreskrivu l-istabbiliment tal-objettivi lil uffiċjal fil-bidu ta’ kull perijodu ta’ evalwazzjoni huwa ta’ natura sostantiva u jiġġustifika ċ-ċensura tar-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż. Peress li l-iffissar tal-objettivi jikkostitwixxi element ta’ riferiment fundamentali għall-evalwazzjoni tal-prestazzjoni ta’ uffiċjal u għar-redazzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni, l-effett tat-tneħħija tal-obbligu li jiġu formalment iffissati objettivi lill-persuna kkonċernata matul bidla fl-assenjazzjoni, u dan fil-kuntest ta’ djalogu mal-evalwatur tiegħu, ikun li l-uffiċjali jiġu trattati b’mod differenti, fil-qasam tal-iffissar tal-objettivi, skont id-data tal-bdil fl-assenjazzjoni tagħhom. L-iffissar ta’ objettivi huwa meħtieġ a fortiori fir-rigward ta’ uffiċjal li ngħatawlu kompiti ġodda f’unità oħra, li fiha huwa għandu jintegra ruħu fl-iqsar żmien.

(ara l-punti 45 u 52)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 30 ta’ Settembru 2009, Skareby vs Il‑Kummissjoni, T‑193/08 P, punti 71 sa 75

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Diċembru 2007, Sundholm vs Il-Kummissjoni, F‑42/06, punti 39 sa 41; 10 ta’ Novembru 2009, N vs Il-Parlament, F‑71/08, punti 54 sa 60; 12 ta’ Mejju 2011, AQ vs Il-Kummissjoni, F‑66/10, punti 68, 83 u 84