Language of document : ECLI:EU:F:2013:130

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

16 ta’ Settembru 2013

Kawża F‑92/11

Carla Faita

vs

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE)

“Servizz pubbliku – Fastidju psikoloġiku – Talba għal assistenza – Motivi ta’ deċiżjoni”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA permezz tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu Carla Faita titlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), tal-14 ta’ Ġunju 2011, li tiċħad l-ilment ippreżentat fl-14 ta’ Frar 2011, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-KESE sabiex iħallasha s-somma ta’ EUR 15 000 bħala kumpens għal allegat dannu morali subit.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Carla Faita għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata għal tliet kwarti mill-ispejjeż sostnuti mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew huwa kkundannat għal kwart mill-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Obbligu ta’ assistenza tal-amministrazzjoni – Talba għal assistenza – Kunċett – Talba intiża għat-teħid ta’ deċiżjoni jew għall-għoti ta’ kumpens skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal – Tmiem tal-aġir imsemmi fit-talba – Assenza ta’ effett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali – Interess ġuridiku – Rikors ta’ uffiċjal allegatament vittma ta’ fastidju psikoloġiku kontra r-rifjut ta’ talba għal assistenza – Irtirar mhux volontarju tar-rikorrent qabel il-preżentata tar-rikors – Żamma tal-interess ġuridiku

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

3.      Rikorsi tal-uffiċjali – Motivi – Motiv ibbażat fuq l-eżistenza tal-fastidju psikoloġiku – Obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali rilevanti kollu

4.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati

5.      Rikorsi tal-uffiċjali – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Deċiżjoni ta’ ċaħda – Assenza ta’ obbligu tal-amministrazzjoni li tissostitwixxi raġunijiet tal-att ikkontestat

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90)

6.      Uffiċjali – Obbligu ta’ assistenza tal-amministrazzjoni – Kamp ta’ applikazzjoni – Portata – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24)

7.      Uffiċjali – Fastidju psikoloġiku – Kunċett – Promozzjoni tal-allegata vittma – Ċirkustanza li ma teskludix l-eżistenza ta’ fastidju

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a)

8.      Uffiċjali – Fastidju psikoloġiku – Kunċett – Marki u evalwazzjonijiet li jinsabu f’rapport ta’ evalwazzjoni – Indizji li ma jiddeteminawx l-eżistenza ta’ fastidju

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a)

9.      Uffiċjali – Obbligu ta’ assistenza tal-amministrazzjoni – Implementazzjoni fil-qasam tal-fastidju psikoloġiku – Obbligu tal-allegata vittma li tosserva l-proċedura prevista fir-regoli interni tal-istituzzjoni għall-preżentata ta’ talba għal assistenza – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24)

10.    Uffiċjali – Obbligu ta’ assistenza tal-amministrazzjoni – Kamp ta’ applikazzjoni – Portata – Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24)

11.    Uffiċjali – Fastidju psikoloġiku – Kunċett – Uffiċjal imneħħi mill-funzjoni tiegħu ta’ sostitut tal-kap ta’ diviżjoni – Fatt li ma jikkostitwixxix fastidju

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a)

1.      Għandha tiġi kklassifikata bħala talba għal assistenza mhux biss it-talba mressqa minn uffiċjal li jallega li attwalment huwa vittma, minħabba l-kwalità tiegħu u l-funzjonijiet tiegħu, ta’ theddid, insulti, diffamazzjonijiet jew attentati fuq il-persuna jew il-beni tiegħu, jew li tagħhom ser ikunu vittmi l-membri tal-familja tiegħu, iżda wkoll kull talba oħra ta’ uffiċjal li jitlob lill-Awtorità tal-Ħatra sabiex tieħu deċiżjoni jew sabiex tatih kumpens għal raġuni marbuta mal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, anki jekk l-imġiba malizzjuża waqfet.

(ara l-punt 48)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 8 ta’ Frar 2011, Skareby vs Il‑Kummissjoni, F‑95/09, punti 25 u 26

2.      Uffiċjal jew ex uffiċjal li jallega li huwa vittma ta’ fastidju psikoloġiku, li jressaq azzjoni kontra r-rifjut tal-istituzzjoni li teżamina l-mertu ta’ talba għal assistenza għandu, bħala prinċipju, interess ġuridiku, anki meta l-fatti allegati waqfu jew fejn ir-rikorrent la talab il-kumpens għad-dannu li rriżulta mill-fastidju allegat, la l-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari kontra l-allegat awtur tal-fastidju, u lanqas l-annullament ta’ wieħed mill-atti li, skontu, ikkontribwixxew għall-imsemmi fastidju, bir-rikonoxximent eventwali mill-amministrazzjoni tal-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku jista’, fih innifsu, ikollu effett benefiku fil-proċess terapewtiku ta’ rikostruzzjoni tal-persuna li ġiet iffastidjata. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-allegata vittma ngħatat irtirar mhux volontarju qabel il-preżentata tar-rikors ma jneħħilhiex l-interess ġuridiku tagħha.

(ara l-punt 55)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Skareby vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26

3.      Fil-kuntest ta’ rikors dwar allegat fastidju psikoloġiku, sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ mġiba malizzjuża, il-qorti tal-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali rilevanti kollu. Deċiżjoni hija element fattwali li jista’ jikkostitwixxi indizju ta’ tali mġiba li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fost oħrajn, mingħajr ma jkollu jsir eżami tal-legalità tagħha jew mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiskadu t-termini għall-preżentata ta’ rikors fir-rigward tagħha qabel ma l-qorti tikkonstata l-eżistenza ta’ fastidju. Dan huwa iktar u iktar minnu għaliex huwa possibbli li diskriminazzjoni tiġi żvelata b’mod sħiħ biss ladarba jkunu għaddew it-termini għall-preżentata ta’ rikors kontra deċiżjoni li timmanifesta dik id-diskriminazzjoni.

(ara l-punt 57)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 15 ta’ Frar 2011, Barbin vs Il‑Parlament, F‑68/09, punt 109

4.      Huwa biżżejjed li tal-inqas, motiv ippreżentat insostenn ta’ waħda mit-talbiet ikun jista’ jiġi identifikat minn persuna li normalment hija diliġenti fl-argumentazzjoni żviluppata mir-rikorrent sabiex rikors ikun ammissibbli. Jekk diversi motivi ppreżentati insostenn jiġu identifikati b’ċertu faċilità, ir-rikors ma jkunx jista’ jiġi ddikjarat inammissibbli.

(ara l-punt 61)

5.      Billi l-amministrazzjoni ma għandhiex l-obbligu tieħu pożizzjoni dwar kull wieħed mill-argumenti mressqa minn uffiċjal fit-talba tiegħu, meta deċiżjoni tkun motivata b’mod rilevanti, l-amministrazzjoni ma jkollha ebda raġuni sabiex ma taqbilx ma’ dik il-motivazzjoni meta hija tiddeċiedi dwar ilment dirett kontra din id-deċiżjoni, billi tissostitwixxiha b’motivazzjoni ġdida, differenti minn dik ta’ qabel.

(ara l-punt 66)

6.      L-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni dwar il-miżuri meħuda mill-amministrazzjoni li quddiemha titressaq talba għal assistenza huwa limitat biss għall-kwistjoni ta’ jekk l-istituzzjoni kkonċernata hijiex ibbażata fuq raġuni valida, b’mod partikolari sa fejn din hija obbligata tibqa’ f’limiti raġonevoli, u ma eżerċitatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod manifestament żbaljat. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li wieħed mill-motivi mressqa mill-Awtorità tal-Ħatra jkun validu u suffiċjenti sabiex id-deċiżjoni tkun legali.

Fir-rigward tal-legalità ta’ deċiżjoni li tiċħad talba għal assistenza mingħajr ma tinfetaħ investigazzjoni amministrattiva, il-qorti għandha teżamina l-fondatezza ta’ dik id-deċiżjoni, fid-dawl tal-elementi li tressqu għall-konjizzjoni tal-amminsitrazzjoni, b’mod partikolari mill-persuna kkonċernata fit-talba tagħha għal assistenza, meta din tat id-deċiżjoni.

(ara l-punti 85 u 98)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 25 ta’ Ottubru 2007, Lo Giudice vs Il‑Kummissjoni, T‑154/05, punt 137, u l-ġurisprudenza ċċitata; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 14 ta’ April 2011, Šimonis vs Il-Kummissjoni, F‑113/07, punti 69 u 70

7.      Il-fatt li uffiċjal ġie promoss ma jippermettix li jiġi eskluż li dan ikun vittma ta’ fastidju jew ta’ mġiba malizzjuża min-naħa tal-kap tiegħu u dan inqas u inqas meta l-promozzjoni tal-uffiċjal ġiet deċiża kontra l-opinjoni tal-kap fil-ġerarkija tiegħu.

(ara l-punt 89)

8.      Il-fatt li r-rapporti ta’ evalwazzjoni ta’ uffiċjal ma jkunux negattivi ma jippermettix li tiġi eskluża l-eżistenza ta’ fastidju jew ta’ mġiba malizzjuża fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, billi tali mġiba tista’ sseħħ barra mill-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, xi marki u evalwazzjonijiet kemm negattivi kif ukoll pożittivi li jinsabu f’rapport ta’ evalwazzjoni ma jistgħux, bħala tali, jitqiesu bħala indizji li l-imsemmi rapport ġie stabbilit b’għan ta’ fastidju psikoloġiku.

(ara l-punt 90)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 2 ta’ Diċembru 2008, K vs Il‑Parlament, F‑15/07, punt 39

9.      Il-fatt li uffiċjal ma jkunx ta bidu għall-proċedura ta’ fastidju prevista fir-regoli interni ta’ istituzzjoni ma jikkostitwixxix ostakolu għal li l-Awtorità tal-Ħatra teżamina r-realtà tal-allegazzjonijiet ifformulati fil-kuntest ta’ talba għal assistenza indirizzata lill-amministrazzjoni. Fil-fatt, miżura ta’ eżekuzzjoni tista’ biss tirregola l-eżerċizzju, minn uffiċjal, ta’ dritt previst mir-Regolamenti tal-Persunal iżda mingħajr ma tirrestrinġi l-portata tiegħu, b’mod li l-istituzzjoni kkonċernata ma tistax tissuġġetta l-eżerċizzju, mill-imsemmi uffiċjal, tad-dritt tiegħu li jressaq talba għal assistenza fl-eżerċizzju, minn qabel, ta’ proċedura interna mhux prevista mir-Regolamenti tal-Persunal. B’mod partikolari, minkejja li huwa mixtieq li jsir użu mill-proċeduri interni stabbiliti bid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni, l-eżistenza ta’ tali proċeduri ma tistax iċċaħħad lill-uffiċjali mid-dritt tagħhom skont ir-Regolamenti tal-Persunal li jindirizzaw ilment jew jippreżentaw rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni kontra att, mingħajr ma jiġu eżawriti, minn qabel, il-proċeduri interni eżistenti.

(ara l-punt 91)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 18 ta’ Mejju 2009, Meister vs UASI, F‑138/06 u F‑37/08, punti 138 sa 140

10.    Għalkemm, fil-preżenza ta’ inċident inkompatibbli mal-ordni u mas-serenità ta’ dipartiment, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tintervjeni, hija ma tistax tkun obbligata twettaq investigazzjoni abbażi ta’ sempliċi allegazzjonijiet nieqsa minn provi jew tal-inqas bidu ta’ prova. Fil-fatt, sabiex jiġu protetti d-drittijiet tal-persuni li jistgħu jiġu kkonċernati, l-imsemmija awtorità għandha tiżgura li hija jkollha, qabel tibda l-investigazzjoni, indizji li jistgħu jappoġġjaw is-suspetti possibbli tagħha. Konsegwentement, huwa l-uffiċjal li jressaq talba bbażata fuq l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal li għandu jagħti bidu ta’ prova tar-realtà tal-attakki li tagħhom huwa jsostni li huwa vittma. Huwa biss fil-preżenza ta’ tali elementi li l-istituzzjoni għandha tieħu l-miżuri xierqa.

(ara l-punt 97)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 26 ta’ Jannar 1989, Koutchoumoff vs Il‑Kummissjoni, 224/87, punti 15 u 16

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 12 ta’ Lulju 2012, Il-Kummissjoni vs Nanopoulos, T‑308/10 P, punt 152

11.    Il-fatt li kap ta’ diviżjoni jiddeċiedi li uffiċjal ma jibqax jissostitwixxih matul l-assenzi tiegħu ma jistax jikkostitwixxi l-prova ta’ fastidju psikoloġiku jew ta’ aġir malizzjuż min-naħa tiegħu, peress li kull kap ta’ diviżjoni jista’ jagħżel b’mod liberu l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal li jissostitwixxih matul l-assenzi tiegħu, u dan billi skont ir-Regolamenti tal-Persunal huwa jibqa’ l-ewwel persuna responsabbli mid-diviżjoni. F’dan ir-rigward, il-fatt li uffiċjal ikollu ċerta anzjanità fi ħdan diviżjoni, jew anki li jkollu grad għoli, ma jagħtih ebda dritt jeżerċita funzjonijiet ta’ ġestjoni tal-persunal, u lanqas kompiti ta’ tmexxija.

(ara l-punt 100)