Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia nº 4 de Castellón de la Plana (Spanja) fit-12 ta’ Mejju 2021 – Casilda vs Banco Cetelem SA

(Kawża C-302/21)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de Primera Instancia nº 4 de Castellón de la Plana

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Casilda

Konvenut: Banco Cetelem SA

Domandi preliminari

L-ewwel domanda preliminari:

a)    Skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni Ewropea fl-ambitu tal-applikabbiltà tiegħu, b’mod partikolari fil-kuntest tar-regolamentazzjoni tal-kreditu għall-konsum u l-kuntratti konklużi mal-konsumaturi, il-qorti nazzjonali għandha tevalwa “ex officio” l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), bħala l-ogħla qorti, fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Ley de 23 de julio de 1908, sobre nulidad de los contratos de préstamos usurarios (il-Liġi tat-23 ta’ Lulju tal-1908 dwar in-nullità tal-kuntratti ta’ self bl-użura), bħala dispożizzjoni nazzjonali, sa fejn din il-ġurisprudenza ma tapplikax biss għall-invalidità tal-kuntratt konkluż, iżda wkoll għad-definizzjoni tas-“suġġett prinċipali” tal-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, fil-forma ta’ kreditu rotanti, u għall-adegwatezza tal-“kwalità/prezz” tas-servizz ipprovdut, jew, għall-kuntrarju, kif iddikjarat mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), dan id-dmir li tiġi evalwata l-konformità mad-dritt tal-Unjoni u d-direttivi tagħha huwa kkundizzjonat jew suġġett għall-petitum tar-rikorrent (prinċipju ta’ dispożittiv), bir-riżultat li jekk id-dikjarazzjoni li l-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum huwa null minħabba n-“natura użwarja tiegħu” hija mfittxija bħala azzjoni “unika jew prinċipali”, liema azzjoni hija dderivata minn dispożizzjoni nazzjonali, għandu jitqies li s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u l-effetti armonizzanti tiegħu “ma humiex inkwistjoni”, anki jekk il-ġurisprudenza mogħtija mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-imsemmija liġi dwar l-użura, tapplika għad-definizzjoni tas-suġġett prinċipali u għall-adegwatezza tal-kwalità/prezz tal-kreditu għall-konsum li jifforma s-suġġett tal-każ li għandu jiġi deċiż mill-qorti nazzjonali?

b)    Skont l-effetti ta’ supremazija u ta’ armonizzazzjoni msemmija iktar ’il fuq tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tar-regolamentazzjoni tal-kreditu għall-konsum u l-kuntratti ta’ kreditu konklużi mal-konsumaturi, meta jitqies li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) innifisha qalet f’diversi sentenzi fil-ġurisprudenza tagħha li, peress li l-“esklużjoni” prevista fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur 1 , bħala dispożizzjoni armonizzata, ġiet trasposta b’mod sħiħ fl-ordinament ġuridiku Spanjol, ma huwiex xieraq li l-qorti nazzjonali twettaq stħarriġ ġudizzjarju tal-prezzijiet, u peress li l-ebda leġiżlazzjoni fi ħdan l-ordinament ġuridiku Spanjol, lanqas il-Ley de usura de 1908 (il-Liġi dwar l-Użuru tal-1908), ma tagħti permess jew tipprovdi bażi b’mod ġenerali għal tali stħarriġ ġudizzjarju tal-prezzijiet, u peress ukoll li ma kien hemm ebda evalwazzjoni dwar jekk id-dispożizzjoni li tiddetermina l-prezz tal-kreditu għall-konsum hijiex nieqsa minn trasparenza, huwa kuntrarju għall-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13/KEE li l-qorti nazzjonali, li taġixxi skont dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali fil-forma tal-Liġi dwar l-Użura tal-1908 imsemmija iktar ’il fuq u li topera ’l barra mill-ġurisdizzjoni naturali tagħha fil-kuntest ta’ dikjarazzjoni dwar in-nullità tal-kuntratt konkluż, teżerċita, taħt setgħa “maħluqa b’mod ġdid”, “stħarriġ ġudizzjarju” tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt fejn hija tiddetermina b’mod ġenerali jew il-prezz tal-kreditu għall-konsum, mifhum b’riferiment għall-interess remuneratorju (Rata tal-Interessi Nominali) applikat għalih, jew l-ispiża tal-kreditu għall-konsum, mifhuma b’riferiment għar-Rata Perċentwali Annwali (RPA) applikata għalih?

ċ)    Fid-dawl ta’ dan preċedenti, u meta jitqies il-qafas ta’ regolamentazzjoni u ta’ armonizzazzjoni stabbilit mit-Trattat FUE, partikolarment l-applikabbiltà tiegħu għall-funzjonament tas-suq intern, l-istħarriġ eżerċitat mill-qorti nazzjonali sabiex tistabbilixxi, b’mod ġenerali, il-prezz jew l-ispiża tal-kreditu għall-konsum, fl-assenza ta’ dispożizzjoni preċedenti tad-dritt nazzjonali li espressament tistabbilixxi bażi legali sabiex tagħmel dan, “jirriżulta kompatibbli” mal-Artikolu 120 TFUE, fil-kuntest ta’ekonomija tas-suq miftuħa u fid-dawl tal-prinċipju tal-libertà kuntrattwali li għandhom il-partijiet?

It-tieni domanda preliminari:

Skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni fil-qafas tal-armonizzazzjoni tal-kwistjonijiet fl-ambitu tiegħu, b’mod partikolari fil-kuntest tad-direttivi li jirregolaw il-kreditu għall-konsum u l-kuntratti ta’ kreditu mal-konsumaturi, peress li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jikkostitwixxi kundizzjoni preċedenti neċessarja għall-funzjonament tajjeb u effettiv tas-suq intern fil-kreditu għall-konsum, huwa kuntrarju għall-imsemmi prinċipju ta’ ċertezza legali, għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-kreditu għall-konsum, li jitpoġġa limitu fuq ir-RPA li jista’ jiġi impost, b’mod ġenerali, fuq il-konsumatur f’kuntratt ta’ kreditu għall-konsum sabiex tiġi miġġielda l-użura, bħal-limitu stabbilit mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), mhux abbażi ta’ parametri oġġettivi u preċiżi, iżda biss b’riferiment approssimattiv, b’mod li kull qorti nazzjonali tibqa’ libera li tiddetermina l-valur speċifiku ta’ dan il-limitu sabiex tiddeċiedi t-tilwima pendenti quddiemha?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288