Language of document : ECLI:EU:T:2019:432

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

19 ta’ Ġunju 2019 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna individwali favur il-kumpless tan-Nürburgring għall-bini ta’ postijiet ta’ divertiment, lukandi u ristoranti kif ukoll għall-organizzazzjoni ta’ tlielaq tal-karozzi – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern – Deċiżjoni li tiddikjara li r-rimbors tal-għajnuna ddikjarata inkompatibbli ma jikkonċernax lis-sid il-ġdid tal-kumpless tan-Nürburgring – Rikors għal annullament – Nuqqas ta’ effett sostanzjali tal-pożizzjoni kompetittiva – Assoċjazzjoni – Status ta’ negozjatur – Inammissibbiltà – Deċiżjoni li tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat fi tmiem il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari – Rikors għal annullament – Parti interessata – Interess ġuridiku – Ammissibbiltà – Ksur tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati – Assenza ta’ diffikultajiet li jeżiġu l-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali – Ilment – Bejgħ tal-assi tal-benefiċjarji tal-għajnuna mill-Istat iddikjarata inkompatibbli – Proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti, nondiskriminatorja u inkundizzjonata – Obbligu ta’ motivazzjoni – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba”

Fil-Kawża T‑373/15,

Ja zum Nürburgring eV, stabbilita f’Nürburg (il-Ġermanja), irrappreżentata inizjalment minn D. Frey, M. Rudolph u S. Eggerath, sussegwentement minn D. Frey u M. Rudolph, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn, T. Maxian Rusche u B. Stromsky, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/151, tal-1 ta’ Ottubru 2014, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.31550 (2012/C) (ex 2012/NN) implimentata mill-Ġermanja għan-Nürburgring (ĠU 2016, L 34, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),

komposta minn I. Pelikánová, President, V. Valančius, P. Nihoul (Relatur), J. Svenningsen u U. Öberg, Imħallfin,

Reġistratur: Reġistratur: K. Guzdek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ April 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Il-kumpless tan-Nürburgring (iktar ’il quddiem in-“Nürburgring”), li jinsab fil-Land Ġermaniż ta’ Rheinland-Pfalz, jinkludi ċirkwit tat-tlielaq tal-karozzi (iktar ’il quddiem iċ-“ċirkwit tan-Nürburgring”), postijiet ta’ divertiment, lukandi u ristoranti.

2        Bejn l-2002 u l-2012, is-sidien tan-Nürburgring (iktar ’il quddiem il-“bejjiegħa”), jiġifieri l-impriżi pubbliċi Nürburgring GmbH, Motorsport Resort Nürburgring GmbH u Congress- und Motorsport Hotel Nürburgring GmbH, ibbenefikaw, prinċipalment mil-Land ta’ Rheinland-Pfalz, minn miżuri ta’ appoġġ għall-bini ta’ postijiet ta’ divertiment, ta’ lukandi u ta’ ristoranti u għall-organizzazzjoni ta’ tlielaq tal-Formula 1.

A.      Il-proċedura amministrattiva u l-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring

3        Fil-5 ta’ April 2011, ir-rikorrenti, Ja zum Nürburgring eV, assoċjazzjoni Ġermaniża tal-isport tal-karozzi li għandha bħala għan l-istabbiliment mill-ġdid u l-promozzjoni ta’ ċirkwit tat-tlielaq tal-karozzi fin-Nürburgring, ippreżentat l-ewwel ilment quddiem il-Kummissjoni Ewropea dwar għajnuna mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għaċ-ċirkwit tat-tlielaq tal-karozzi tan-Nürburgring.

4        Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bid-deċiżjoni tagħha li tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward tad-diversi miżuri ta’ appoġġ implimentati bejn l-2002 u l-2012 għan-Nürburgring. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, li sunt tagħha ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2012, C 216, p. 14), il-Kummissjoni talbet lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-miżuri kkonċernati.

5        Minħabba l-għoti ta’ miżuri addizzjonali ta’ appoġġ innotifikati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lill-Kummissjoni, din tal-aħħar iddeċidiet li testendi l-proċedura ta’ investigazzjoni formali għal dawn il-miżuri ġodda. Id-deċiżjoni ġiet innotifikata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Awwissu 2012. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, li sunt tagħha ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali (ĠU 2012, C 333, p. 1), il-Kummissjoni talbet lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-miżuri addizzjonali.

6        Fl-24 ta’ Lulju 2012, l-Amtsgericht Bad Neuenahr-Ahrweiler (il-Qorti Distrettwali ta’ Bad Neuenahr-Ahrweiler, il-Ġermanja) ikkonkludiet li l-bejjiegħa kienu insolventi. Hija fetħet proċedura ta’ insolvenza mingħajr divestiment fl-1 ta’ Novembru 2012. Ġie deċiż li jitwettaq il-bejgħ tal-assi tal-bejjiegħa (iktar ’il quddiem il-“bejgħ tal-assi tan-Nürburgring”). Il-bejjiegħa ħatru lill-awditur KPMG AG bħala konsulent legali u finanzjarju.

7        Fl-1 ta’ Novembru 2012, l-amministrazzjoni tan-Nürburgring ġiet fdata lil Nürburgring Betriebsgesellschaft mbH, sussidjarja sħiħa ta’ wieħed mill-bejjiegħa, Nürburgring, ikkostitwita mill-amministraturi maħtura mill-Amtsgericht Bad Neuenahr-Ahrweiler (Il-Qorti Distrettwali ta’ Bad Neuenahr-Ahrweiler).

8        Fil-15 ta’ Mejju 2013, tnediet proċedura ta’ sejħa għal offerti sabiex isir il-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring (iktar ’il quddiem il-“proċedura ta’ sejħa għal offerti”).

9        Fit-23 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u lill-amministraturi l-kriterji li kellhom jiġu ssodisfatti mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti sabiex jiġu esklużi elementi ta’ għajnuna mill-Istat u infurmathom dwar l-obbligu tax-xerrej eventwali li jirrimborsa l-benefiċċji li, seta’, jirċievi. Saru diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-amministraturi, f’dan ir-rigward, minn Ottubru 2012.

10      Il-proċedura ta’ sejħa għal offerti svolġiet kif ġej:

–        fl-14 ta’ Mejju 2013, tħabbret it-tnedija tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti permezz ta’ stqarrija għall-istampa ta’ wieħed mill-amministraturi;

–        fil-15 ta’ Mejju 2013, KPMG ippubblikat sejħa għal espressjoni ta’ interess fil-Financial Times, fil-Handelsblatt u fuq is-sit internet tan-Nürburgring;

–        70 xerrej potenzjali esprimew l-interess tagħhom, inkluż ir-rikorrenti u l-għaqda tal-karozzi Ġermaniża ADAC eV;

–        permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Lulju 2013, l-investituri interessati rċevew dokumenti relatati man-Nürburgring u ġew mistiedna jippreżentaw offerta indikattiva, u dan għall-assi kollha, għal gruppi speċifiċi ta’ assi jew għal assi individwali;

–        it-terminu għas-sottomissjoni ta’ offerta indikattiva kien sussegwentement stabbilit għat-12 ta’ Settembru 2013, b’ittra tad-19 ta’ Lulju 2013, imbagħad għas-26 ta’ Settembru 2013, b’ittra tat-12 ta’ Settembru 2013; kull waħda minn dawn l-ittri kienet tispeċifika li l-offerti ppreżentati wara l-iskadenza tat-terminu kienu wkoll ser jittieħdu inkunsiderazzjoni;

–        fil-bidu ta’ Frar 2014, 24 xerrej potenzjali, fosthom l-ADAC, kienu bagħtu offerta indikattiva; l-offerta tal-ADAC kienet tirrigwarda ċ-ċirkwit tan-Nürburgring biss; 18 minnhom, li ma jinkludux lill-ADAC, ġew iddikjarata bħala eliġibbli għall-investigazzjoni ta’ diliġenza dovuta;

–        għax-xerrejja potenzjali mistiedna għall-fażi segwenti tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, it-terminu għas-sottomissjoni ta’ offerti konfermatorji, li kellhom ikunu kompletament iffinanzjati u jinkludu ftehim innegozjat minn qabel għax-xiri tal-assi, ġie sussegwentement stabbilit għall-11 ta’ Diċembru 2013, b’ittra tas-17 ta’ Ottubru 2013, u mbagħad għas-17 ta’ Frar 2014, b’ittra tas-17 ta’ Diċembru 2013; din l-ittra tal-aħħar kienet tindika li l-offerti sottomessi wara l-iskadenza tat-terminu kienu wkoll ser jittieħdu inkunsiderazzjoni, iżda kienet tispeċifika madankollu li l-bejjiegħa setgħu jieħdu deċiżjoni fuq l-identità tax-xerrej magħżul fi ftit żmien wara t-terminu ta’ sottomissjoni tal-offerti;

–        tlettax-il xerrej potenzjali ppreżentaw offerta konfermatorja, li erbgħa minnhom ippreżentaw offerta li tirrigwarda l-assi kollha, jiġifieri Capricorn Nürburgring Besitgesellschaft GmbH (iktar ’il quddiem “Capricorn” jew ix-“xerrej”), it-tieni offerent (iktar ’il quddiem l-“offerent 2”), it-tielet offerent, (iktar ’il quddiem l-“offerent 3”) u r-raba’ xerrej potenzjali;

–        skont l-ittri mibgħuta lill-investituri kkonċernati fid-19 ta’ Lulju u fis-17 ta’ Ottubru 2013, l-investituri kellhom jintgħażlu b’teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti li jiġi massimizzat il-valur tal-assi kollha, minn naħa, u li tiġi żgurata t-tranżazzjoni, min-naħa l-oħra; b’applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, fil-fażi finali tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, ittieħdu inkunsiderazzjoni l-offerti tal-offerent 2 u ta’ Capricorn, li, minn naħa, kienu jipproponu li jieħdu l-assi kollha tan-Nürburgring u, min-naħa l-oħra, kienu taw prova tas-solidità finanzjarja tal-offerti rispettivi tagħhom fis-7 u fil-11 ta’ Marzu 2014. Ġew innegozjati abbozzi ta’ kuntratti ta’ bejgħ b’mod parallel ma’ dawn iż-żewġ offerenti;

–        fil-11 ta’ Marzu 2014, il-Kumitat tal-kredituri tal-bejjiegħa, fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza tal-bejjiegħa, approva l-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring lil Capricorn, li l-offerta tagħha kienet tammonta għal EUR 77 miljun, filwaqt li l-offerta tal-offerent 2 kienet bejn EUR 47 u 52 miljun.

11      Fit-23 ta’ Diċembru 2013, ir-rikorrenti ressqet it-tieni lment quddiem il-Kummissjoni, minħabba li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti ma kinitx trasparenti u nondiskriminatorja. Skont ir-rikorrenti, ix-xerrej magħżul ikun jirċievi għalhekk għajnuna ġdida, u jkun jiżgura l-kontinwità tal-attivitajiet ekonomiċi tal-bejjiegħa, b’tali mod li l-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna rċevuta mill-bejjiegħa kellha tiġi estiża għal Capricorn.

B.      Id-deċiżjonijiet ikkontestati

12      Il-Kummissjoni adottat, fl-1 ta’ Ottubru 2014, id-Deċiżjoni (UE) 2016/151 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.31550 (2012/C) (ex 2012/NN) implimentata mill-Ġermanja għan-Nürburgring (ĠU 2016, L 34, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni finali”).

13      Fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni finali, il-Kummissjoni kkonstatat l-illegalità u l-inkompatibbiltà mas-suq intern ta’ ċerti miżuri ta’ appoġġ favur il-bejjiegħa (iktar ’il quddiem l-“għajnuna lill-bejjiegħa”).

14      Il-Kummissjoni ddeċidiet, fl-Artikolu 3(2) tad-deċiżjoni finali, li Capricorn u s-sussidjarji tagħha ma kinux ikkonċernati minn eventwali rkupru tal-għajnuna lill-bejjiegħa (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni kkontestata”).

15      Fl-aħħar inċiż tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni finali, il-Kummissjoni stabbilixxiet li l-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring lil Capricorn ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni kkontestata”).

16      Fil-fatt, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti kienet twettqet b’mod miftuħ, trasparenti u nondiskriminatorju, li din il-proċedura wasslet għal prezz ta’ bejgħ konformi mas-suq u li ma kienx hemm kontinwità ekonomika bejn il-bejjiegħa u x-xerrej.

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

17      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

18      Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Ottubru 2015, il-Kummissjoni ressqet talba għal traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża ta’ anness wieħed tar-rikors.

19      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Novembru 2015, il-bejjiegħa talbu li jintervjeni f’dawn il-proċeduri insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ digriet tat-18 ta’ April 2016, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dan l-intervent.

20      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Mejju 2016, il-bejjiegħa informaw lill-Qorti Ġenerali li kienu qegħdin jirtiraw l-intervent tagħhom.

21      Permezz ta’ digriet tas-27 ta’ Ġunju 2016 tal-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali, il-bejjiegħa tħassru mir-reġistru tal-Qorti Ġenerali bħala intervenjenti u ġew ikkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk tal-partijiet l-oħra f’dak li jikkonċerna l-intervent tagħhom.

22      Permezz ta’ att separat li ġie ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonstata li dan ir-rikors ma kienx għad għandu skop u li ma kienx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni fir-rigward tiegħu. Fit-22 ta’ Awwissu 2016, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward ta’ din it-talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni.

23      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Ottubru 2016, ġie maħtur Imħallef Relatur ġdid u l-kawża ġiet assenjata lill-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali.

24      Fis-26 ta’ Lulju 2017, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti Ġenerali talbet lill-partijiet sabiex jippreżentaw ċerti dokumenti u għamlitilhom mistoqsijiet bil-miktub, filwaqt li talbithom jirrisponduhom bil-miktub. Il-partijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bi tweġiba fit-8 ta’ Settembru 2017.

25      Permezz ta’ digriet tas-6 ta’ Settembru 2017, l-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċidiet li t-talba tal-Kummissjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni tiġi eżaminata flimkien mal-mertu.

26      Fuq proposta tal-Ewwel Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża lura quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

27      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Ottubru 2017, ir-rikorrenti ressqet talba għal seduta għas-sottomissjonijiet orali. Il-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni fuq iż-żamma ta’ seduta fit-terminu stabbilit.

28      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni ressqet talba għall-irtirar tad-dokumenti prodotti mir-rikorrenti bħala anness għat-talba tagħha għal seduta għas-sottomissjonijiet orali. Fit-13 ta’ Diċembru 2017, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din it-talba għal irtirar ta’ dokumenti.

29      Fit-23 ta’ Jannar 2018, il-Qorti Ġenerali (l-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura. Fit-23 ta’ Frar 2018, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti Ġenerali talbet lill-partijiet jipproduċu ċerti dokumenti u għamlitilhom mistoqsijiet bil-miktub, filwaqt li stednithom iweġbuhom bil-miktub. Skont l-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti Ġenerali talbet ukoll lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tipproduċi ċerti dokumenti u għamlitilha mistoqsijiet bil-miktub, filwaqt li stednitha twieġibhom bil-miktub. Il-partijiet u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bi tweġiba fit-12, fl-14 u fid-19 ta’ Marzu 2018.

30      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-25 ta’ April 2018, u sussegwentement għaliha ngħalqet il-fażi orali tal-proċedura.

31      Fit-18 ta’ Mejju 2018, ir-rikorrenti ressqet talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ April 2019, il-President tal-Ewwel Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali ċaħad din it-talba.

32      Fl-20 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni ressqet hija wkoll talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2018, il-President tal-Ewwel Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali ċaħad din it-talba.

33      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni;

–        tiċħad it-talba tal-Kummissjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni;

–        tannulla l-ewwel u t-tieni deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

34      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        prinċipalment, tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiddikjara li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni fir-rigward tar-rikors, minħabba t-telf ta’ interess ġuridiku mir-rikorrenti;

–        iktar sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

A.      Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni kkontestata

35      Ir-rikorrenti tfittex li tikseb l-annullament tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha l-Kummissjoni, peress li ddeterminat li ma kienx hemm kontinwità ekonomika bejn il-bejjiegħa u x-xerrej, iddeċidiet li dan tal-aħħar ma kienx ikkonċernat minn eventwali rkupru tal-għajnuna lill-bejjiegħa.

36      Fil-fatt, permezz tar-raba’ parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ implimentazzjoni ta’ mudell kummerċjali ġdid minn Capricorn, u tal-ewwel żewġ partijiet tat-tielet motiv, ibbażati fuq żbalji fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika bejn il-bejjiegħa u Capricorn, ir-rikkorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma kkonstatatx, fil-kuntest tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ tali kontinwità ekonomika. Barra minn hekk, permezz tas-seba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, bl-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni naqset milli tevalwa l-osservazzjonijiet tagħha.

37      Fir-risposta, il-Kummissjoni sostniet li r-rikors ma kienx ammissibbli, sa fejn b’mod partikolari dan kien intiż li jikkontesta l-ewwel deċiżjoni kkontestata. Fil-fehma tagħha, ir-rikorrenti ma kienet ipprovat la l-interess ġuridiku tagħha u lanqas l-locus standi tagħha.

38      Sussegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx għad hemm lok, fi kwalunkwe każ, għall-Qorti Ġenerali li tagħti deċiżjoni fir-rigward tar-rikors, inkluż fir-rigward tat-talba għal annullament tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, minħabba li r-rikorrenti tilfet kull interess ġuridiku li hija setgħet kellha preċedentement.

39      Il-partijiet jaqblu dwar il-fatt li l-ewwel deċiżjoni kkontestata ttieħdet fi tmiem proċedura ta’ investigazzjoni formali.

40      F’dan ir-rigward, u fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, fis-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni (C-33/14 P, EU:C:2015:609, punt 104), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li deċiżjoni li tirrigwarda l-kontinwità ekonomika għandha titqies bħala deċiżjoni “konnessa u komplementari” għad-deċiżjoni finali dwar l-għajnuna kkonċernata preċedenti għaliha, sa fejn din tispeċifika l-portata tal-kwalità tal-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna u, għaldaqstant, dik tad-debitur tal-obbligu li jħallasha lura, wara li jkun seħħ xi avveniment wara l-adozzjoni ta’ din deċiżjoni, bħax-xiri minn terz tal-assi tal-benefiċjarju inizjali tal-imsemmija għajnuna.

41      F’dan il-każ, permezz tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, peress li ddeterminat li ma kienx hemm kontinwità ekonomika bejn il-bejjiegħa u x-xerrej, iddeċidiet li dan tal-aħħar ma kienx affettwat minn irkupru possibbli tal-għajnuna lill-bejjiegħa.

42      Għalhekk għandu jiġi konkluż li l-ewwel deċiżjoni kkontestata hija deċiżjoni “relatata u komplementari” għad-deċiżjoni meħuda fi tmiem il-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar l-għajnuna lill-bejjiegħa.

43      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, “[k]walunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”.

44      Sa fejn l-ewwel deċiżjoni kkontestata tirrigwarda l-għajnuna lill-bejjiegħa, li ngħatat fil-forma ta’ għajnuna individwali u mhux taħt skema ta’ għajnuna, din ma tistax tiġi ttrattata bħala att regolatorju, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

45      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jippretendu li huma kkonċernati individwalment minn din id-deċiżjoni biss jekk din tikkonċernahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod simili għal dak tad-destinatarju ta’ tali deċiżjoni (sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 223 u tad-19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il-Kummissjoni, C 198/91, EU:C:1993:197, punt 20).

1.      Fuq l-inċidenza tar-rikorrenti bħala kompetitur

46      Ir-rikorrenti tiddikjara li l-pożizzjoni tagħha fis-suq ġiet sostanzjalment affettwata minħabba, l-ewwel nett, il-kwalità tagħha bħala kandidat għall-akkwist taċ-ċirkwit tan-Nürburgring u, it-tieni nett, l-investimenti tagħha fil-passat fiċ-ċirkwit tan-Nürburgring, li l-ewwel deċiżjoni kkontestata rendiet inutli.

47      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

48      F’dan ir-rigward, fir-rigward ta’ għajnuna mill-Istat, huma partikolarment irrikonoxxuti bħala individwalment ikkonċernati minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, minbarra l-impriża benefiċjarja, l-impriżi kompetituri ta’ din tal-aħħar li kellhom rwol attiv f’din il-proċedura, sa fejn il-pożizzjoni tagħhom fis-suq hija affettwata sostanzjalment mill-miżura ta’ għajnuna kkonċernata (ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015 Mory et vs Il-Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Vtesse Networks vs Il-Kummissjoni, T‑362/10, EU:T:2014:928, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Il-kriterju tal-effett sostanzjali jippermetti li jiġu identifikati l-kompetituri li l-għajnuna awtorizzata tindividwalizza b’tali mod li jissodisfaw il-kundizzjoniijet għal ammissibbiltà stabbiliti fis-sentenza tal-15 ta’ Lulju 1963, Plasumann vs Il-Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17). L-għajnuna tindividwalizza għalhekk lill-kompetituri li jkollhom locus standi minn persuni oħrajn u tindividwalizzahom b’mod analogu għal dak tad-destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, l-eżistenza ta’ effett sostanzjali tal-pożizzjoni ta’ rikorrent fis-suq ma tiddependix direttament fuq l-ammont tal-għajnuna inkwistjoni, iżda fuq l-importanza tal-effett ħażin li din l-għajnuna jista’ jkollha fuq l-imsemmija pożizzjoni. Tali effett ħażin jista’ jvarja, fir-rigward ta’ għajnuna ta’ ammont simili, skont kriterji bħall-portata tas-suq ikkonċernat, in-natura speċifika tal-għajnuna, it-tul tal-perijodu li fih tingħata l-għajnuna, in-natura prinċipali jew sekondarja tal-attività affettwata fir-rigward tar-rikorrent u l-possibbiltajiet tagħha li tevita l-effetti negattivi tal-għajnuna (ara s-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Vtesse Networks vs Il-Kummissjoni, T‑362/10, EU:T:2014:928, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Għalhekk, is-sempliċi kwalità ta’ kompetitur potenzjali ma huwiex biżżejjed sabiex dritt għal azzjoni jingħata lil individwu quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea sabiex jikkontesta deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni fi tmiem proċedura ta’ investigazzjoni formali.

51      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, il-fatt li r-rikorrenti hija assoċjazzjoni li għandha bħala għan l-appoġġ morali u materjali tal-istabbiliment mill-ġdid tal-isport tal-karozzi fin-Nürburgring ma jeskludix neċessarjament li hija tista’ tiġi kklassifikata bħala “impriża” jew li wħud mill-attivitajiet tagħha jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ekonomiċi” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punti 27 u 28). Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti kellha rwol attiv fil-proċedura li ppreċediet l-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, peress li hija ressqet ilment, fit-23 ta’ Diċembru 2013, billi qieset li kienet teżisti kontinwità ekonomika bejn il-bejjiegħa u x-xerrej magħżul, b’tali mod li l-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna lill-bejjiegħa għandu jiġi estiż għal dan ix-xerrej.

52      Madankollu, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 48 iktar ’il fuq li mis-sempliċi parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-proċedura ammistrattiva ma jistax jiġi dedott li hija għandha locus standi. Ir-rikorrenti għandha, fi kwalunwe każ, turi li l-għajnuna lill-bejjiegħa setgħet sostanzjalment taffettwa l-pożizzjoni tagħha fis-suq.

53      Fil-premessa 20 tad-deċiżjoni finali, il-Kummissjoni indikat li l-miżuri ta’ appoġġ favur il-bejjiegħa kienu jirrigwardaw il-finanzjament tal-bini u tal-operat tal-faċilitajiet tan-Nürburgring. Barra minn hekk, fil-premessi 173 sa 176 u 178 ta’ din l-istess deċiżjoni, hija osservat li s-swieq li fihom il-kompetizzjoni setgħet tiġi mfixkla minn dawn il-miżuri kienu dawk tal-operat ta’ ċirkwiti tal-karozzi, ta’ parks off-road, ta’ postijiet ta’ divertiment, ta’ impriżi ta’ lukandi u ta’ ristorazzjoni, ta’ ċentri tas-sigurtà fit-toroq, ta’ skejjel tas-sewqan, ta’ swali b’użi multipli u ta’ sistemi ta’ pagament mingħajr flus kontanti, kif ukoll dawk tal-promozzjoni tat-turiżmu, tal-iżvilupp ta’ proġetti, tal-bini ta’ proprjetajiet immobbli, tal-ġestjoni ta’ impriżi u tal-kummerċ ta’ karozzi jew ta’ muturi (iktar ’il quddiem is-“swieq rilevanti”). Fl-aħħar nett, fil-premessa 180 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni speċifikat li s-swieq rilevanti setgħu jiġu kkunsidrati li huma ta’ dimensjoni Ewropea.

54      Fil-kuntest ta’ din il-kawża, ir-rikorrenti qatt ma sostniet, jew a fortiori stabbilixxiet, li, fil-mument tal-preżentata tar-rikors u qabel din id-data, hija kienet preżenti fis-swieq rilevanti. Għaldaqstant, hija ma kellha l-ebda pożizzjoni fis-swieq rilevanti li setgħet tiġi affettwata, a fortiori sostanzjalment, permezz tal-għajnuna lill-bejjiegħa. Ir-rikorrenti madankollu ssostni, essenzjalment, il-kwalità tagħha ta’ kompetitur potenzjali ta’ Capricorn minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-proċedura intiża għall-akkwist tal-assi tan-Nürburgring.

55      Fi kwalunkwe każ, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti ma kinitx biżżejjed sabiex turi rieda serja min-naħa tagħha biex tidħol fis-swieq rilevanti. Fil-fatt, għalkemm hija kienet ipparteċipat fl-ewwel fażi tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, bil-manifestazzjoni tal-interess tagħha li takkwista assi tan-Nürburgring, li ppermettielha tikseb aċċess għad-dokumenti kollha relatati ma’ dawn l-assi, hija stess irrikonoxxiet li qatt ma setgħet tissottometti offerta indikattiva fil-fażijiet sussegwenti ta’ din il-proċedura. Barra minn hekk, għalkemm ir-rikorrenti tindika li hija kienet tappoġġa l-offerta magħmulha mill-ADAC li kienet tirrigwarda biss iċ-ċirkwit tan-Nürburgring, minħabba li din kellha l-istess viżjoni tagħha dwar ż-żamma u l-operat tal-imsemmi ċirkwit, hija la ma ssostni u lanqas, a fortiori, ma turi li dan l-appoġġ kien ta’ natura, li kieku l-offerta tal-ADAC kienet intgħażlet, li ddaħħalha, bħala operatur ekonomiku, fis-swieq rilevanti.

56      Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li l-pożizzjoni tagħha fis-suq ġiet sostanzjalment affettwata minħabba investimenti li hija kienet wettqet fil-passat fiċ-ċirkwit tan-Nürburgring, għandu jiġi osservat li s-sempliċi fatt li hija kienet investiet, għal raġuni jew oħra, fin-Nürburgring ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat li hija kienet preżenti, bħala operatur ekonomiku, fis-swieq rilevanti, li hija madankollu ma tallegax, jew, a fortiori, li l-pożizzjoni tagħha fl-imsemmija swieq, bħala operatur ekonomiku, kienet ġiet sostanzjalment affettwata mill-għajnuna lill-bejjiegħa li, fil-fehma tagħha, irrendiet dan l-investiment inutli. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma tispjegax kif l-ewwel deċiżjoni kkontestata, li abbażi tagħha x-xerrej tal-assi tan-Nürburgring ma kienx obbligat li jirrimborsa l-għajnuna lill-bejjiegħa, kienet affettwat l-utilità tal-investimenti li hija kienet għamlet fin-Nürburgring.

57      Minn dan isegwi li l-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma huwa ta’ natura li jistabbilixxi b’mod suffiċjenti fid-dritt, li l-ewwel deċiżjoni kkontestata sostanzjalment affettwat pożizzjoni kompetittiva li din kellha fis-swieq rilevanti, affettwati mill-għajnuna lill-bejjiegħa indikati mill-imsemmija deċiżjoni.

2.      Fuq l-inċidenza tar-rikorrenti bħala assoċjazzjoni professjonali

58      Ir-rikorrenti tiddikjara li hija ġiet affettwata bħala assoċjazzjoni professjonali, peress li, minn naħa, il-pożizzjoni fis-suq ta’ wieħed mill-membri tagħha, jiġifieri l-ADAC, kandidat għall-akkwist tal-assi tan-Nürburgring, ġie sostanzjament affettwat, u li, min-naħa l-oħra, hija kienet f’negozjati sabiex tiddefendi l-interessi tal-isport tal-karozzi Ġermaniż, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-istabbiliment mill-ġdid u l-promozzjoni ta’ ċirkwit tat-tlielaq tal-karozzi fin-Nürburgring, u kienet ipparteċipat fil-proċedura amministrattiva, peress li hija ressqet ilment u bil-preżentazzjoni ta’ osservazzjonijiet bil-miktub u provi.

59      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

60      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li assoċjazzjoni professjonali li hija responsabbli għad-difiża tal-interessi kollettivi tal-membri tagħha tista’, bħala regola ġenerali, tippreżenta rikors għal annullament kontra deċiżjoni finali tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat biss f’żewġ każijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, jekk l-impriżi li hija tirrappreżenta jew uħud fosthom għandhom locus standi fuq bażi individwali u, it-tieni nett, jekk hija tista’ ssostni interess proprju, b’mod partikolari, għaliex il-pożizzjoni tagħha ta’ negozjatriċi tkun ġiet effettwata permezz tal-att li qiegħed jintalab l-annullament tiegħu (ara s-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013, Aiscat vs Il-Kummissjoni, T‑182/10, EU:T:2013:9, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti hijiex fondata li tinvoka l-locus standi individwali ta’ wieħed mill-membri tagħha, mill-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tat-8 ta’ Settembru 2017 ipprovduti bħala tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali jirriżulta, li l-ADAC ma hijiex, fiha nnifisha, fost il-membri tagħha u li huma biss il-membri tal-ADAC, jiġifieri l-għaqdiet reġjonali, li jorganizzaw avvenimenti sportivi fin-Nürburgring, b’mod partikolari l-ADAC Mittelrhein eV u l-ADAC Nordrhein eV. Dawn tal-aħħar huma wkoll membri tar-rikorrenti.

62      Mill-informazzjoni msemmija fil-punt 61 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti, bħala assoċjazzjoni, ma tistax tinvoka l-locus standi individwali tal-ADAC, li ma hijiex waħda mill-membri tagħha u li, għalhekk, hija ma tistax, konsegwentement, tippreżenta ruħha bħala r-rappreżentant tagħha fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

63      Anki jekk jiġi preżunt li r-rikorrenti riedet, essenzjalment, tinvoka l-locus standi individwali ta’ ċerti għaqdiet reġjonali li huma membri tal-ADAC u li kienu wkoll fost il-membri tagħha, għandu jiġi kkonstatat li hija ma stabbilixxietx, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li l-ewwel deċiżjoni kkontestata kienet sostanzjalment affettwat pożizzjoni kompetittiva li kellhom dawn l-għaqdiet fis-swieq rilevanti affettwati mill-għajnuna lill-bejjiegħa koperta mill-imsemmija deċiżjoni, kif mitlub mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 48 iktar ’il fuq.

64      Għalhekk għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti, bħala assoċjazzjoni professjonali, ma tista’ tinvoka la locus standi individwali tal-ADAC u lanqas tali kwalità tal-għaqdiet reġjonali ta’ din tal-aħħar.

65      Fir-rigward tal-punt dwar jekk ir-rikorrenti tistax tinvoka locus standi bħala negozjatriċi, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, b’riferiment b’mod partikolari għas-sentenzi tat-2 ta’ Frar 1988, Kwekerij van der Kooy et vs Il-Kummissjoni (67/85, 68/85 u 70/85, EU:C:1988:38, punti 21 u 22), u tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni (C‑313/90, EU:C:1993:111, punti 29 u 30), ir-rikonoxximent tal-inċidenza individwali ta’ assoċjazzjoni rikorrenti tippreżupponi li hija tinsab f’sitwazzjoni partikolari li fiha hija tokkupa pożizzjoni ta’ negozjatriċi stabbilita b’mod ċar u marbuta mill-qrib mas-suġġett stess tad-deċiżjoni, li tpoġġiha f’sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzaha meta mqabbla ma’ kull persuna oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il-Kummissjoni, C‑319/07 P, EU:C:2009:435, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet tad-29 ta’ Marzu 2012, Asociación Española de Banca vs Il-Kummissjoni, T‑236/10, EU:T:2012:176, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Fis-sentenza tat-2 ta’ Frar 1988, Kwekerij van der Kooy et vs Il-Kummissjoni (67/85, 68/85 u 70/85, EU:C:1988:38, punti 20 sa 24), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-locus standi ta’ organu professjonali ta’ interess ġenerali li mhux biss kien ipparteċipa b’mod attiv fil-proċedura, b’mod partikolari bis-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet bil-miktub lill-Kummissjoni, iżda nnegozja wkoll, fl-interess tal-professjonisti kkonċernati, tariffi tal-gass, li sussegwentement tqiesu mill-Kummissjoni bħala għajnuna inkompatibbli mas-suq intern, u li kienu jinsabu, f’dan il-kuntest, fost il-firmatarji tal-ftehim li stabbilixxa t-tariffi kkontestati mill-Kummissjoni.

67      Fis-sentenza tal-24 ta’ Marzu 1993 CIRFS et vs il-Kummissjoni (C‑313/90, EU:C:1993:111, punti 29 u 30), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ukoll il-locus standi ta’ assoċjazzjoni professjonali li kienet, mhux biss, ipparteċipat b’mod attiv fil-proċedura, iżda kellha wkoll rwol ta’ negozjatriċi fil-kuntest tal-istabbiliment tad-“dixxiplina”, intiża sabiex tirregola l-għoti ta’ għajnuna lill-industrija kkonċernata, inkwistjoni f’din il-kawża.

68      Sabiex jiġi rrikonoxxut status partikolari ta’ negozjatur lil assoċjazzjoni professjonali rikorrenti, il-qorti tal-Unjoni ddeċidiet li ma huwiex biżżejjed il-fatt li l-assoċjazzjoni professjonali rikorrenti tkun ippreżentat osservazzjonijiet fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali (digriet tad-29 ta’ Marzu 2012, Asociación Española de Banca v Il-Kummissjoni, T‑236/10, EU:T:2012:176, punt 46) jew tkun ressqet l-ilment li ta lok għall-imsemmija proċedura (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il-Kummissjoni, C‑319/07 P, EU:C:2009:435, punti 94 u 95).

69      Fid-dawl tal-kundizzjonijiet stretti stabbiliti fis-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Rechtt und Eigentum (C‑78/03 P, EU:C:2005:761, punti 53 sa 59), għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li kellha, fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali preċedenti għall-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, pożizzjoni ta’ negozjatriċi, stabbilita b’mod ċar u marbuta mill-qrib mas-suġġett stess ta’ din id-deċiżjoni, li tista’ tkun il-bażi tal-inċidenza individwali tagħha.

70      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikorrenti ma wrietx li hija kienet individwalment ikkonċernata mill-ewwel deċiżjoni kkontestata jew li kienu kkonċernati individwalment minnha wieħed jew iktar mill-membri tagħha.

71      Madankollu, għandu jitfakkar li l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rikors huma kumulattivi (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2012, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑123/09, EU:T:2012:164, punt 199). Għalhekk, mingħajr ma hemm lok li jiġi eżaminat l-locus standi tar-rikorrenti għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni kkontestata jew, a fortiori, it-talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni tal-Kummissjoni bbażata fuq it-telf, tar-rikorrenti, tal-locus standi tagħha għall-annullament ta’ din l-istess deċiżjoni, ir-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, sa fejn huwa intiż għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni, minħabba nuqqas ta’ inċidenza individwali.

B.      Fuq it-talba għall-annullament tat-tieni deċiżjoni kkontestata

72      Ir-rikorrenti tfittex ukoll li tikseb l-annullament tat-tieni deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha l-Kummissjoni stabbilixxiet li l-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring lil Capricorn ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat

1.      Fuq l-ammissibbiltà u fuq it-talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni

73      Fir-risposta, il-Kummissjoni ssostni li r-rikors huwa inammissibbli, sa fejn huwa intiż għall-annullament tat-tieni deċiżjoni kkontestata. Fil-fehma tagħha, ir-rikorrenti ma wriet la l-interess ġuridiku tagħha u lanqas il-locus standi tagħha fir-rigward tal-imsemmija deċiżjoni. Barra minn hekk, din l-istess deċiżjoni ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

74      Sussidjarjament, il-Kummissjoni sussegwentement ressqet talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, minħabba li r-rikorrenti kienet, fi kwalunkwe każ, tilfet l-interess ġuridiku li hija seta’ kellha preċedentement għall-annullament tat-tieni deċiżjoni kkontestata.

75      F’dan il-każ, għandu l-ewwel jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti għandhiex locus standi għall-annullament tat-tieni deċiżjoni kkontestata, qabel ma jiġi eżaminat, minn naħa, sa fejn hija għandha u żżomm interess sabiex tikseb tali annullament u, min-naħa l-oħra, jekk it-tieni deċiżjoni kkontestata hijiex jew le att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

76      F’dak li jirrigwarda l-locus standi tagħha, ir-rikorrenti ssostni li hija direttament u individwalment ikkonċernata mit-tieni deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, il-kwalità partikolari tagħha bħala “parti interessata”, fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-[TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), li hija marbuta mas-suġġett speċifiku tal-azzjoni, hija suffiċjenti sabiex tkun individwalizzata, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

77      Barra minn hekk, hija ssostni li l-pożizzjoni fis-suq tagħha kif ukoll dik ta’ wieħed mill-membri tagħha, jiġifieri l-ADAC, kienu sostanzjalment affettwati minħabba l-kwalità tagħhom bħala kandidati għall-akkwist tal-assi tan-Nürburgring.

78      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li hija individwalment kkonċernata bħala assoċjazzjoni professjonali li tiddefendi l-interessi tal-isport tal-karozzi Ġermaniż.

79      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument. Hija, b’mod partikolari, issostni li r-rikorrenti, sa fejn hija ma wrietx li hija jew l-ADAC kienu f’kompetizzjoni ma’ Capricorn, ma tistax titqies bħala “parti interessata” fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE.

80      Fil-kuntest tal-proċedura għall-eżami tal-għajnuna mill-Istat, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari tal-għajnuna stabbilita fl-Artikolu 108(3) TFUE, li għandha l-uniku għan li tippermetti lill-Kummissjoni tifforma l-ewwel opinjoni tagħha dwar il-kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna inkwistjoni, u, min-naħa l-oħra, il-fażi ta’ investigazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE, li hija intiża sabiex tippermetti lill-Kummissjoni jkollha informazzjoni sħiħa dwar id-data kollha tal-kawża. Huwa biss fil-kuntest tal-proċedura prevista minn din l-aħħar dispożizzjoni li t-Trattat FUE jipprevedi l-garanzija proċedurali li tikkonsisti fl-obbligu, min-naħa tal-Kummissjoni, li tintima lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il-Kummissjoni, C‑198/91, EU:C:1993:197, punt 22; tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni, C‑225/91, EU:C:1993:239, punt 16, u tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punt 35).

81      Meta, mingħajr ma tiftaħ il-proċedura formali ta’ investigazzjoni prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, il-Kummissjoni tikkonstata, permezz ta’ deċiżjoni meħuda abbażi tal-paragrafu 3 tal-istess artikolu, li miżura tal-Istat ma tikkostitwixxix għajnuna inkompatibbli mas-suq intern, il-benefiċjarji ta’ din il-garanzija proċedurali jistgħu biss jiksbu l-osservanza tagħha jekk għandhom il-possibbiltà li jikkontestaw din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni. Għal dawn il-motivi, il-qorti tal-Unjoni tiddikjara ammissibbli rikors intiż għall-annullament ta’ tali deċiżjoni, ippreżentat minn persuna interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, meta l-għan tal-persuna li tippreżenta dan ir-rikors huwa, permezz tal-preżentata tiegħu, li jiġu protetti d-drittijiet proċedurali tagħha taħt din l-aħħar dispożizzjoni (sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punt 36).

82      Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li kwalunkwe parti interessata trid titqies bħala li hija kkonċernata direttament u individwalment b’deċiżjoni li tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna wara l-fażi ta’ investigazzjoni preliminari (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2012, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑123/09, EU:T:2012:164, punt 68), peress li għandu jitfakkar li, meta tali parti tkun ressqet ilment, ir-rifjut tal-Kummissjoni li taċċetta dan l-ilment għandu fi kwalunkwe każ jitqies bħala rifjut li jingħata bidu għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) TFUE (sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, NDHT vs Il-Kummissjoni, C‑322/09 P, EU:C:2010:701, punti 51 sa 54).

83      F’dan il-każ, il-partijiet jaqblu dwar il-fatt li t-tieni deċiżjoni kkontestata hija deċiżjoni adottata fi tmiem il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari tal-għajnuna, stabbilita mill-Artikolu 108(3) TFUE, u mhux proċedura ta’ investigazzjoni formali. Peress li r-rikorrenti, jew wieħed jew iktar mill-membri tagħha, ma tistax, minħabba l-motivi indikati fil-punti 54 sa 57, 61 sa 64, 69 u 70 iktar ’il fuq, li japplikaw ukoll għar-rikors intiż kontra t-tieni deċiżjoni kkontestata, tiġi kkunsidrata li hija tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà kif stabbiliti fis-sentenza tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17), għandu jiġi vverifikat, sabiex jiġi ddeterminat jekk hija għandhiex locus standi sabiex tannulla t-tieni deċiżjoni kkontestata, jekk hija pprovatx, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li hija parti interessata.

84      Skont l-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999 għandhom jiġu kkunsidrati li huma “partijiet interessati”, kull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna. Fi kliem ieħor, dawn huma grupp indeterminat ta’ destinatarji. Din id-dispożizzjoni ma teskludix madankollu li impriża li ma hijiex kompetitriċi diretta tal-benefiċjarju tal-għajnuna tiġi klassifikata bħala “parti interessata”, sakemm hija ssostni li l-interessi tagħha jistgħu jiġu affettwati mill-għoti ta’ din l-għajnuna. Huwa biżżejjed li din l-impriża turi, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li hemm ir-riskju li l-għanjuna jkollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni tagħha (ara s-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punti 63 sa 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      Barra minn hekk, il-Qorti kellha l-opportunità li tispeċifika li ma kienx eskluż li organu li jirrappreżenta lill-ħaddiema, ikkostitwit, min-natura tiegħu stess, sabiex jippromwovi l-interessi kollettivi tal-membri tiegħu, jiġi kkunsidrat bħala “parti interessata”, fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, jekk juri li l-interessi tiegħu stess jew tal-membri tiegħu jistgħu eventwalment jiġu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna. Madankollu, dan l-organu kellu juri, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li kien hemm ir-riskju li l-għajnuna seta’ jkollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni tagħħha jew fuq dik ta’ dawk li huwa kien jirrappreżenta (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il-Kummissjoni, C‑319/07 P, EU:C:2009:435, punt 33).

86      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-interessi tar-rikorrenti, bħala assoċjazzjoni li l-għan tagħha, mingħajr skop ta’ lukru, huwa l-istabbiliment mill-ġdid u l-promozzjoni ta’ ċirkwit tat-tlielaq tal-karozzi fin-Nürburgring u l-promozzjoni tal-interessi kollettivi tal-membri tagħha, li wħud minnhom jorganizzaw avvenimenti sportivi fuq l-imsemmi ċirkwit, setgħu jiġu affettwati b’mod konkret mill-għoti tal-għajnuna li, skont ir-rikorrenti, kellu jiġi kkonstatat fit-tieni deċiżjoni kkontestata, minħabba li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti ma kinitx miftuħa, trasparenti, nondiskriminatorja u inkundizzjonata u ma wasslitx għall-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring lil Capricorn bi prezz tas-suq.

87      Fil-fatt, peress li l-Kummissjoni, fl-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat, tinkludi ħafna kunsiderazzjonijiet ta’ natura diversa, ma jistax jiġi eskluż li organu li jirrappreżenta interessi kollettivi jista’ jippreżenta lill-Kummissjoni osservazzjonijiet relatati ma’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni minnha matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-6 ta’ Ottubru 2015, Comité d’entreprise SNCM vs Il-Kummissjoni, C‑410/15 P(I), EU:C:2015:669, punt 12).

88      F’dan il-każ, ma jistax jiġi eskluż li r-rikorrenti, fid-dawl tal-għan tagħha, li huwa speċifikament l-istabbiliment mill-ġdid u l-promozzjoni ta’ ċirkwit tat-tlielaq tal-karozzi fin-Nürburgring, u minħabba l-fatt li hija pparteċipat fl-ewwel fażi tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti u kisbet, f’dan il-kuntest, ħafna informazzjoni relatata mal-assi tan-Nürburgring, tista’ tippreżenta lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, osservazzjonijiet li din tkun tista’ tinkludi fl-evalwazzjoni tagħha tan-natura miftuħa, trasparenti, nondiskriminatorja u inkundizzjonata tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti u tal-kwistjoni dwar jekk l-assi tan-Nürburgring ġewx ittrasferiti, f’dan il-kuntest, bi prezz tas-suq.

89      Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 84 u 85 iktar ’il fuq u tal-evalwazzjonijiet preċedenti, ir-rikorrenti għandha titqies li hija parti interessata fir-rigward tat-tieni deċiżjoni kkontestata.

90      Fir-rigward tal-interess ġuridiku tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ssostni, fit-talba tagħha li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, li din tal-aħħar tilfitu minħabba, b’mod partikolari, il-fatt li Capricorn ħallset il-prezz tax-xiri kollu tal-assi tan-Nürburgring u rrinunzjat għad-dritt tagħha li xxolji l-kuntratt ta’ bejgħ fil-każ li l-Kummissjoni tiddeċiedi li tirkupra l-għajnuna lill-bejjiegħa mingħandha.

91      Madankollu, għandu jitfakkar li l-“partijiet interessati”, fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, għandhom interess jiksbu l-annullament ta’ deċiżjoni meħuda fi tmiem il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, peress li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 108 TFUE, tali annullament jimponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali u tippermettilhom jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom u għalhekk jeżerċitaw influwenza fuq id-deċiżjoni l-ġdida tal-Kummissjoni (sentenza tal-10 ta’ Frar 2009, Deutsche Post u DHL International vs Il-Kummissjoni, T‑388/03, EU:T:2009:30, punti 62 u 64). F’dan il-każ, ir-rikorrenti għandha interess fl-annullament tat-tieni deċiżjoni kkontestata sa fejn, permezz tal-ħames u t-tmien motiv tagħha, hija tikkontesta l-fatt li din id-deċiżjoni, li tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna lil Capricorn fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, ġiet adottata mingħajr ma l-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, bi ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha bħala parti interessata.

92      Fil-każ li l-Qorti Ġenerali tannulla t-tieni deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi tal-ksur tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti, il-Kummissjoni għandha bħala prinċipju tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar il-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring u titlob lir-rikorrenti, bħala parti interessata, sabiex tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha. Konsegwentement, l-annullament tat-tieni deċiżjoni kkontestata jista’, fih innifsu, ikollu konsegwenzi legali għar-rikorrenti, bħala parti interessata.

93      Għalhekk għandu jiġi konkluż li, fir-rigward tat-tieni deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti għandha locus standi, bħala parti interessata, u għandha żżomm locus standi, abbażi tal-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali li hija tislet, f’din l-istess kwalità, mill-Artikolu 108(2) TFUE.

94      Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u, sussidjarjament, it-talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni mressqa mill-Kummissjoni għandhom jiġu miċħuda u li dan ir-rikors huwa ammissibbli, sa fejn jirrigwarda t-tieni deċiżjoni kkontestata u huwa intiż għall-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali li r-rikorrenti tislet mill-Artikolu 108(2) TFUE. Sa fejn it-talba għal annullament tar-rikorrenti teċċedi dan il-għan, din għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli, mingħajr ma hemm lok, għall-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà l-oħra invokati mill-Kummissjoni.

2.      Fuq l-ammissibbilità tal-annessi

a)      Fuq l-ammissibilità tal-Annessi C. 1 u C. 6 sa C. 9

95      Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni tikkontesta formalment l-ammissibbiltà ta’ erbgħa mill-provi prodotti mir-rikorrenti bħala anness għar-replika, jiġifieri l-annessi C. 1 u C. 6 sa C. 8. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li, fl-assenza ta’ ġustifikazzjoni miġjuba mir-rikorrenti dwar it-tardività tal-produzzjoni ta’ dawn il-provi, dawn għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli. Ir-rikorrenti ssostni li l-għan ta’ dawn l-annessi huwa li jikkontestaw allegazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha.

96      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà ta’ nota ta’ duttrina prodotta mir-rikorrenti bħala anness għar-replika, jiġifieri l-anness C. 9. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tfakkar li hija kienet ipprovdiet ir-referenzi kollha ta’ din in-nota fir-rikors.

97      L-Artikolu 85(2) tar-Regoli tal-Proċedura jispeċifika li l-partijiet jistgħu jipproduċu jew jipproponu provi ġodda insostenn tal-argumenti tagħhom anki fir-replika u fil-kontroreplika, bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew prodotti jew proposti tard.

98      Madankollu, skont il-ġurisprudenza, il-prova kuntrarja u l-elaborazzjoni tal-provi prodotti wara li tiġi prodotta prova kuntrarja mill-kontroparti fir-risposta tagħha ma jaqgħux taħt ir-regola ta’ dekadenza prevista mill-Artikolu 85(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-provi ġodda u għandha tinqara fid-dawl tal-Artikolu 92(7) tal-imsemmi regolament, li jipprevedi espressament li l-prova kuntrarja u l-elaborazzjoni tal-provi prodotti jibqgħu rriżervati (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Trends et, T‑448/04, mhux ippubblikata EU:T:2007:265, punt 52).

99      F’dan il-każ, għandu jiġi nnotat li l-annessi C. 1 u C. 6 sa C. 8 jikkostitwixxu provi kuntrarji u huma intiżi sabiex jikkontestaw allegazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha. Sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju, dawn l-annessi għandhom jiġu aċċettati bħala ammissibbli.

100    Fir-rigward tal-Anness C. 9, għandu jiġi nnotat li dan kien dokument aċċessibbli għall-pubbliku li fuqu r-rikorrenti bbażat l-argument tagħha, u li s-saħħa probatorja tiegħu ġiet madankollu ikkontestata mill-Kummissjoni. Għal din ir-raġuni, dan l-anness għandu wkoll jiġi aċċettat bħala ammissibbli.

b)      Fuq l-ammissibbiltà tal-annessi 7 u 8 tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Settembru 2017 bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali

101    Fit-talba tagħha għal seduta għas-sottomissjonijiet orali, ir-rikorrenti tikkontesta formalment l-ammissibbiltà ta’ żewġ provi prodotti mill-Kummissjoni bħala anness għall-osservazzjonijiet tagħha tat-8 ta’ Settembru 2017 bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, jiġifieri l-annessi 7 u 8. Hija tirrileva li dawn ġew ippreżentati tard.

102    Il-Kummissjoni ssostni li l-provi inkwistjoni jikkorrispondi għal żewġ ittri ta’ Deutsche Bank AG tas-17 u tal-25 ta’ Frar 2014, li jenfasizzaw, fil-fehma tagħha, in-natura vinkolanti ta’ ittra ta’ Deutsche Bank, tal-10 ta’ Marzu 2014, insostenn tal-offerta ta’ Capricorn (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ Deutsche Bank tal-10 ta’ Marzu 2014”). F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li n-natura vinkolanti tal-imsemmija ittra kienet is-suġġett ta’ waħda mill-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tas-26 ta’ Lulju 2017.

103    Fuq il-bażi tal-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, li jawtorizza lill-Qorti Ġenerali tagħmel mistoqsijiet u li titlob dokumenti mingħand il-partijiet, sabiex jiġu ċċarati ċerti aspetti tat-tilwima, dawn l-annessi għandhom jiġu aċċettati bħala ammissibbli.

c)      Fuq l-ammissibbiltà tal-Anness G.13

104    Waqt is-seduta, il-Kummissjoni formalment ikkontestat l-ammissibbiltà ta’ waħda mill-provi prodotti mir-rikorrenti bħala anness għall-osservazzjonijiet tagħha tat-8 ta’ Settembru 2017 bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, jiġifieri l-Anness G.13, u hija talbet l-irtirar tiegħu.

105    Ir-rikorrenti ssostni li din il-prova kienet intiża sabiex tissostanzja l-appoġġ tagħha għall-offerta tal-ADAC li kienet tirrigwarda biss iċ-ċirkwit tan-Nürburgring, invokat fir-rikors. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-portata ta’ dan l-appoġġ kienet is-suġġett ta’ waħda mill-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali lir-rikorrenti permezz tal-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tas-26 ta’ Lulju 2017.

106    Fuq il-bażi tal-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, li jawtorizza lill-Qorti Ġenerali tagħmel mistoqsijiet u li titlob dokumenti mingħand il-partijiet, sabiex jiġu ċċarati ċerti aspetti tat-tilwima, dan l-annessi għandu jiġi aċċettat bħala ammissibbli u li tiġi miċħuda t-talba għal irtirar mressqa mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ dan l-anness.

d)      Fuq l-ammissibbiltà tal-Annessi H.1 u H.2

107    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Novembru 2017 (ara l-punt 28 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni formalment tikkontesta l-ammissibbiltà taż-żewġ provi prodotti mir-rikorrenti bħala anness għat-talba għal seduta għas-sottomissjonijiet orali mressqa fis-16 ta’ Ottubru 2017, jiġifieri l-annessi H.1 u H2 u hija titlob l-irtirar tagħhom.

108    Għandu jiġi nnotat li, kif sostniet ir-rikorrenti, l-Annessi H.1 u H.2 huma intiżi sabiex jikkonfutaw l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Settembru 2017 bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, li kienu huma stess bi tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali lill-Kummissjoni fis-26 ta’ Lulju 2017.

109    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Annessi H.1 u H.2 għandhom jiġu aċċettati bħala ammissibbli u t-talbiet imressqa mill-Kummissjoni għall-irtirar ta’ dawn l-annessi għandhom jiġu miċħuda.

3.      Fuq il-mertu

a)      Kunsiderazzjonijiet preliminari dwar il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju li jikkonċerna deċiżjoni ta’ assenza ta’ għajnuna meħudha fi tmiem il-fażi ta’ invesigazzjoni preliminari

110    Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-Artikolu 108(3) TFUE u l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999 jistabbilixxu fażi ta’ investigazzjoni preliminari tal-miżuri ta’ għajnuna nnotifikati li għandha l-għan li tippermetti lill-Kummissjoni tifforma l-ewwel opinjoni tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern. Fi tmiem din il-fażi, il-Kummissjoni tikkonstata li din il-miżura jew ma tikkostitwixxix għajnuna, jew taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE. F’dan l-aħħar każ, l-imsemmija miżura tista’ ma tqajjimx dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, jew għall-kuntrarju, tista’ tqajjem tali dubji (sentenza tal-24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 43).

111    Meta, fi tmiem il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li permezz tagħha hija tikkonstata li miżura tal-Istat ma tikkostitwixxix għajnuna li hija inkompatibbli mas-suq intern, hija tirrifjuta wkoll impliċitament li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali. Dan il-prinċipju japplika kemm fil-każ fejn id-deċiżjoni tittieħed minħabba l-fatt li l-Kummissjoni tqis li l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 659/1999, imsejħa “deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet”, kif ukoll meta hija tal-opinjoni li l-miżura ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE u ma tikkostitwixxix għalhekk għajnuna, skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 659/1999 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punt 52, u tat-28 ta’ Marzu 2012, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑123/09, EU:T:2012:164, punt 68).

112    Skont il-ġurisprudenza, meta rikorrent jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni li tiddikjara li l-miżura inkwistjoni ma hijiex għajnuna mill-Istat jew deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet, huwa jikkontesta essenzjalment il-fatt li d-deċiżjoni meħudha mill-Kummissjoni fir-rigward tal-għajnuna inkwistjoni tkun ittieħdet mingħajr ma din l-istituzzjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, bi ksur b’dan il-mod tad-drittijiet proċedurali tiegħu. Sabiex it-talba għal annullament tiegħu tintlaqa’, ir-rikorrent jista’ jinvoka, għall-finijiet tal-preservazzjoni tad-drittijiet proċedurali li jgawdi fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, kwalunkwe motiv ta’ natura li juri li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li kellha jew seta’ kellha l-Kummissjoni, fil-fażi ta’ investigazzjoni preliminari tal-miżura inkwistjoni, kellha tqajjem dubji dwar il-klassifikazzjoni tagħha bħala għajnuna mill-Istat jew il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern (sentenzi tat-13 ta’ Ġunju 2013, Ryanair vs Il-Kummissjoni, C‑287/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:395, punt 60, u tal-25 ta’ Novembru 2014, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑512/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:989, punt 31), filwaqt li jitfakkar f’dan ir-rigward li l-informazzjoni li l-Kummissjoni “seta’ kellha” hija dik li kienet tidher li hija rilevanti għall-evalwazzjoni li kellha titwettaq u li hija setgħet, fuq talba tagħha, tikseb il-produzzjoni tagħha matul il-fażi tal investigazzjoni preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punt 71).

113    Tali prova tal-eżistenza ta’ dubji tista’ b’mod partikolari tiġi prodotta minn sensiela ta’ indizji konkordanti, peress li l-eżistenza ta’ dubju jeżiġi investigazzjoni, f’dak li jirrigwarda deċiżjoni li tikkonstata li l-miżura inkwistjoni ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, kemm taċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, b’mod partikolari t-tul tal-eżami preliminari, kif ukoll tal-kontenut tagħha, filwaqt li għandhom jitqabblu l-evalwazzjonijiet li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuqhom fl-imsemmija deċiżjoni mal-elementi li hija kellha jew seta’ jkollha meta hija ddeċidiet fuq il-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat tal-miżura inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, 3F vs Il-Kummissjoni, C‑646/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:36, punt 31).

114    Għalhekk, il-Kummissjoni hija obbligata li tiftaħ l-proċedura ta’ investigazzjoni formali jekk, fid-dawl tal-informazzjoni miksuba jew li hija seta’ jkollha matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, hija xorta jkollha diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-miżura inkwistjoni. Dan l-obbligu jirriżulta direttament mill-Artikolu 108(3) TFUE, kif interpretat mill-ġurisprudenza, u huwa kkonfermat mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999, meta l-Kummissjoni tikkonstata, wara investigazzjoni preliminari, li l-miżura inkwistjoni tqajjem dubji fir-rigward tal-klassifikazzjoni tagħha bħala għajnuna jew tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il-Kummissjoni, C‑131/15 P, EU:C:2016:989, punti 30 sa 33, u tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il-Kummissjoni, T‑289/03, EU:T:2008:29, punt 328). F’tali każ, il-Kummissjoni ma tistax tirrifjuta li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali billi tibbaża ruħha fuq ċirkustanzi oħra, bħall-interessi ta’ terzi, kunsiderazzjonijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju jew kwalunkwe raġuni oħra ta’ konvenjenza amministrattiva jew politika (sentenza tal-10 ta’ Frar 2009, Deutsche Post u DHL International vs Il-Kummissjoni, T‑388/03, EU:T:2009:30, punt 90).

115    Fl-istadju kontenzjuż, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni ghandu jenfasizza fuq il-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-argumenti mressqa u tal-provi prodotti mir-rikorrent fil-każ inkwistjoni, l-evalwazzjonijiet li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ assenza ta’ għajnuna ppreżentawx diffikultajiet li kienu ta’ natura li jqajmu dubji u, għaldaqstant, li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il-Kummissjoni, C‑198/91, EU:C:1993:197, punt 31, u tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni, C‑225/91, EU:C:1993:239, punt 34).

b)      Osservazzjonijiet preliminari dwar il-portata tar-rikors

116    Skont ġurisprudenza stabbilita, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tinterpreta r-rikors ta’ rikorrent li jikkontesta esklużivament il-fondatezza ta’ deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna bħala li huwa fir-realtà intiż li għall-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrent ibbażati fuq l-Artikolu 108(2) TFUE, meta r-rikorrent espressament ma invokax motiv li jsegwi dan l-għan. F’tali każ, l-interpretazzjoni tal-motiv kienet tkun wasslet fil-fatt għall-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-għan tar-rikors (ara s-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

117    Madankollu, tali limitu għas-setgħa ta’ interpretazzjoni tal-motivi ta’ rikors ma għandux bħala effett li jċaħħad lill-Qorti Ġenerali teżamina l-argumenti fuq il-mertu mressqa mir-rikorrent sabiex jiġi vverifikat jekk huma għandhomx xi elementi insostenn tal-motiv, ukoll invokat mir-rikorrent, li espressament isostnu l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li ġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) TFUE (sentenza tal-24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punti 56 sa 58).

118    F’dan il-każ, ir-rikorrenti tinvoka disa’ motivi, li tmienja minnhom huma insostenn tar-rikors tagħha sa fejn jirrigwarda l-annullament tat-tieni deċiżjoni kkontestata. Għandu jitfakkar li s-seba’ motiv tar-rikors, li permezz tiegħu r-rikorrenti ssosnti li, bl-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni naqset milli tevalwa l-osservazzjonijiet tagħha, kien dirett biss kontra l-ewwel deċiżjoni kkontestata, li fir-rigward tagħha r-rikorrenti ma kinitx meqjusa li għandha locus standi.

119    Il-ħames u t-tmien motivi huma espliċitament ibbażati fuq il-ksur tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti, peress li l-Kummissjoni naqset milli tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE minkejja l-fatt li l-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring bi prezz inqas mill-prezz tas-suq kellu jwassalha sabiex tikkunsidra li kienet ingħatat għajnuna lix-xerrej.

120    Barra minn hekk, l-ewwel motiv huwa bbażat fuq żbalji allegatament imwettqa mill-Kummissjoni fil-konstatazzjoni tal-fatti rilevanti, f’dak li jirrigwarda prinċipalment il-proċedura ta’ sejħa għal offerti. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żbalji mwettqa mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tal-konferma tal-finanzjament tal-offerta tax-xerrej. It-tielet motiv huwa bbażat fuq żbalji mwettqa mill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna ġdida mill-Istat favur Capricorn ikkostitwita mill-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring. Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni espressament li l-Kummissjoni kellha tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-ħames u tat-tmien motiv, ibbażati fuq il-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha, lir-rikorrenti tagħmel riferiment espliċitu għat-tielet parti tat-tielet motiv, sabiex jiġi stabbilit li, fi tmiem il-fażi tal-investigazzjoni preliminari, il-Kummissjoni kellha jkollha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-prezz tal-bejgħ imħallas mix-xerrej mas-suq intern. Fl-aħħar nett, ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq żbalji mwettqa mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tan-natura trasparenti u nondiskriminatorja tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

121    Sabiex tittieħed deċiżjoni dwar il-ħames u t-tmien motiv, għandhom għalhekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 117 iktar il fuq, jiġu eżaminati l-motivi l-oħra kollha invokati mir-rikorrenti intiżi għall-annullament tat-tieni deċiżjoni kkontestata u li jistgħu jitqiesu bħala li juru diffikultajiet li fil-preżenza tagħhom il-Kummissjoni kellha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE.

122    F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti relatati man-natura trasparenti u nondiskriminatorja tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, jiġifieri t-tieni parti tal-ewwel motiv u r-raba’ motiv, u dawk relatati mal-finanzjament tal-offerta ta’ Capricorn, jiġifieri l-ewwel u t-tielet parti tal-ewwel motiv u t-tieni motiv.

123    Sussegwentement, għandhhom jiġu eżaminati l-ħames parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq it-tkomplija tal-proċess ta’ bejgħ lil hinn mill-allokazzjoni tal-assi tan-Nürburgring lil Capricorn li seħħet fil-11 ta’ Marzu 2014, u t-tielet parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq il-fatt li l-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring jikkostitwixxi għajnuna ġdida mill-Istat favur Capricorn.

124    Fl-aħħar nett, għandhom jiġu eżaminati s-sitt u d-disa’ motivi, ibbażati fuq ksur ieħor tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti, li jistgħu wkoll ikollhom effett fuq il-konstatazzjoni, imwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tat-tieni deċiżjoni kkontestata, tal-assenza ta’ diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-miżura kkonċernata li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Id-disa’ u l-aħħar motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba.

c)      Fuq il-qari konġunt tal-ħames u t-tmien motivi, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 108(2) TFUE u tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999 kif ukoll tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti, u tal-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba’ motivi

125    Permezz tal-ħames motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, permezz tal-konstatazzjoni li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti ma rriżultatx fl-għoti ta’ għajnuna ġdida mill-Istat lix-xerrej, u għalhekk billi impliċitament irrifjutat li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 108(2) TFUE u l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999.

126    Permezz tat-tmien motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, bir-rifjut impliċitu, permezz tat-tieni deċiżjoni kkontestata, li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni kisret id-dritt tagħha li tippreżenta osservazzjonijiet, previst mill-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 659/1999, u rekwiżiti proċedurali essenzjali.

127    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha jkollha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-prezz tal-bejgħ imħallas mix-xerrej mas-suq intern.

128    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

129    Kif indikat fil-punti 121 sa 123 iktar ’il fuq, sabiex tkun tista’ tieħu deċiżjoni dwar il-ħames u t-tmien motivi, għandu jiġi eżaminat jekk l-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba’ motivi jippermettux li jiġi stabbilit li, fi tmiem il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, il-Kummissjoni ltaqgħet ma’ diffikultajiet li kienu jeżiġu l-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali.

1)      Fuq l-ewwel tliet partijiet tal-ewwel motiv u fuq it-tieni u r-raba’ motivi, ibbażati fuq l-eżistenza ta’ għajnuna mogħtija lil Capricorn permezz tal-bejgħ tan-Nürburgring

130    Permezz tal-ewwel tliet partijiet tal-ewwel motiv u permezz tat-tieni u tar-raba’ motivi, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi peress li kkonstatat li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti kienet miftuħa, trasparenti, nondiskriminatorja u inkundizzjonata.

131    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li r-rekwiżit li tiġi żgurata t-tranżazzjoni ma ġiex applikat, sa fejn l-ittra ta’ Deutsche Bank tal-10 ta’ Marzu 2014 ma kinitx tikkostitwixxi garanzija ta’ finanzjament tal-offerta ta’ Capricorn.

132    Għandu jiġi ddeterminat, fid-dawl ta’ dawn l-ilmenti prinċipali, jekk l-eżami mwettaq mill-Kummissjoni dwar ir-regolarità tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti kienx ta’ natura li jeskludi l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji fl-evalwazzjoni tal-miżura kkonċernata li jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali.

133    Skont ġurisprudenza stabbilita, meta impriża li tkun ibbenefikat minn għajnuna inkompatibbli mas-suq intern tiġi akkwistata bil-prezz tas-suq, jiġifieri bl-ogħla prezz li investitur privat li jaġixxi f’kundizzjonijiet kompetittivi normali kien lest li jħallas għal din il-kumpannija fis-sitwazzjoni li din tkun tinsab fiha, b’mod partikolari, wara li tkun ibbenefikat minn għajnuna mill-Istat, l-element ta’ għajnuna għandu jiġi evalwat bil-prezz tas-suq u inkluż fil-prezz ta’ xiri. F’tali ċirkustanzi, ix-xerrej ma jistax jiġi kkunsidrat li jkun ibbenefika minn vantaġġ fil-konfront tal-operaturi oħra fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑277/00, EU:C:2004:238, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

134    Fil-każ li, għall-kuntrarju, il-bejgħ tal-assi ta’ benefiċjarji ta’ għajnuna mill-Istat jitwettaq bi prezz inqas mill-prezz tas-suq, vantaġġ indebitu jista’ jiġi ttrasferit lix-xerrej (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2012, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑123/09, EU:T:2012:164, punt 161).

135    Għall-finijiet tal-verifika tal-prezz tas-suq, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-forma użata għat-trasferiment ta’ kumpannija, pereżempju dik tal-irkant pubbliku, li għandha tiżgura bejgħ b’kundizzjonijiet tas-suq. Minn dan isegwi li, meta jitwettaq il-bejgħ ta’ impriża permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti u inkundizzjonata, jista’ jiġi preżunt li l-prezz tas-suq jikkorrispondi għall-ogħla offerta, sakemm jiġi stabbilit, l-ewwel nett, li din l-offerta għandha valur ta’ impenn u li hija kredibbli u, it-tieni nett, li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatturi ekonomiċi minbarra l-prezz ma huwiex iġġustifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 2013, Land Burgenland et vs Il-Kummissjoni, C‑214/12 P, C‑215/12 P u C‑223/12 P, EU:C:2013:682, punti 93 u 94, u tas-16 ta’ Lulju 2015, BVVG, C‑39/14, EU:C:2015:470, punt 32).

136    Skont il-ġurisprudenza, in-natura miftuħa u trasparenti ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti għandha tiġi evalwata abbażi ta’ sensiela ta’ indizji relatati maċ-ċirkustanzi ta’ kull kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2018, SNCF Mobilités vs Il-Kummissjoni, C‑127/16 P, EU:C:2018:165, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

137    Huwa fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 133 sa 136 iktar ’il fuq li għandha tiġi eżaminata, f’dan il-każ, il-fondatezza taż-żewġ ilmenti tar-rikorrenti, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, f’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiddeċiedi direttament fuq il-legalità stess tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

i)      Fuq l-ilment relatat man-natura mhux trasparenti u diskriminatorja tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti

138    Permezz tar-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti kienet miftuħa, trasparenti, nondiskriminatorja u inkundizzjonata, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-assenza ta’ trasparenza tad-data finanzjarja, tal-assenza ta’ trasparenza u tan-natura diskriminatorja tal-kriterji ta’ evalwazzjoni u l-applikazzjoni tagħhom kif ukoll tat-tkomplija tal-proċess ta’ bejgħ wara t-trasferiment tal-assi tan-Nürburgring lix-xerrej.

139    Huwa jsostni, b’mod partikolari, li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti ma kinitx tipprevedi kriterji ta’ evalwazzjoni konkreti applikabbli għat-tqabbil tal-offerti, b’mod partikolari fir-rigward tal-paragun bejn offerti għall-assi kollha u offerti għal assi jew gruppi ta’ assi individwali.

140    Permezz tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-investituri interessati ma ġewx infurmati, qabel is-sottomissjoni tal-offerta tagħhom, dwar il-fatt li din l-offerta għandha tirrappreżenta tal-inqas 25 % tal-ogħla offerta globali sabiex tkun tista’ tiġi kkunsidrata fl-istadji sussegwenti tal-proċedura.

141    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

142    Għandu jiġi nnotat li, skont l-ittra ta’ KPMG tad-19 ta’ Lulju 2013 li ntbagħtet lill-investituri interessati, huma ġew mitluba jippreżentaw offerta indikattiva għall-assi kollha, għal gruppi ta’ assi speċifiċi jew għal assi individwali (ara r-raba’ inċiż tal-punt 10 iktar il fuq). Skont din l-istess ittra, l-offerti kellhom jiġu evalwati, b’mod partikolari, fuq il-bażi tal-prezz offrut għall-assi, skont id-daqs tal-offerta.

143    Skont l-ittri li ntbagħtu minn KPMG lill-investituri interessati fid-19 ta’ Lulju u fis-17 ta’ Ottubru 2013, huma kellhom, b’mod partikolari, jintgħażlu fid-dawl ta’ kriterju li jiġi massimizzat il-valur tal-assi kollha (ara d-disa’ inċiż tal-punt 10 iktar ’il fuq). L-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju, fil-prattika, wassal lill-bejjiegħa sabiex jikkunsidraw biss, fl-aħħar fażi tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, dawk l-offerti li jirrigwardaw l-assi kollha, kif jirriżulta mill-premessa 50 tad-deċiżjoni finali. Fil-fehma tal-Kummissjoni, ir-raġuni għal dan kienet li, fid-dawl tal-offerti sottomessi, il-bejgħ f’daqqa tan-Nürburgring kien jippermetti li jinkiseb prezz ogħla mill-bejgħ separat ta’ kull wieħed mill-assi.

144    In-nota ta’ qiegħ il-paġna 65, inkluża taħt il-premessa 50 tad-deċiżjoni finali, tindika li sitt offerti globali indikattivi, li kienu joffru iktar minn 25 % tal-aħjar offerta, ġew sottomessi, li l-offerti globali li ma laħqux 25 % tal-aħjar offerta ġew qabel kollox esklużi minn qabel minħabba l-ammont propost għall-prezz tax-xiri u li ma ngħatat ebda attenzjoni addizzjonali lill-offerti li kienu jirrigwardaw iċ-ċirkwit tan-Nürburgring li, flimkien mal-offerti individwali għall-assi l-oħra, ma laħqux bħala ammont totali l-limitu ta’ 25 % tal-aħjar offerta.

145    Minn dan isegwi li l-investituri interessati kienu liberi li jiddefinixxu s-suġġett tal-offerta ta’ xiri tagħhom fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta lilhom dwar il-kriterju li jiġi massimizzat il-valur tal-assi kollha. Fir-rigward tal-kriterju ta’ 25 %, kif issostni l-Kummissjoni, dan kien intiż biss sabiex jingħata kontenut konkret lill-kriterju tal-massimizzazzjoni tal-valur tal-assi kollha u, peress li ġie stabbilit skont il-valur tal-offerti li ġew effettivament ippreżentati, seta’ jiġi iddeterminat konkretament biss ex post.

146    L-argumenti tar-rikorrenti insostenn tal-ilment imsemmi iktar ’il fuq ma jippermettux għalhekk li jiġi stabbilit li l-Kummissjoni kellha jkollha dubji dwar in-natura trasparenti u nondiskriminatorja tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

ii)    Fuq l-ilment relatat mal-finanzjament tal-offerta ta’ Capricorn

147    Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel motiv u tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mid-deċiżjoni finali, l-ittra ta’ Deutsche Bank tal-10 ta’ Marzu 2014, li kienet tappoġġa l-offerta ta’ Capricorn, approvata fil-11 ta’ Marzu 2014, ma kinitx tikkostitwixxi garanzija ta’ finanzjament vinkolanti.

148    Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni hija f’kuntraddizzjoni mal-konklużjoni, indikata fil-premessa 272 tad-deċiżjoni finali, li l-offerta tal-offerent 3 ma kinitx tinkludi l-prova tal-finanzjament meħtieġ.

149    Permezz tat-tielet parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tikkontesta, b’mod iktar ġenerali, il-konklużjoni tal-Kummissjoni, ifformulata fid-deċiżjoni finali, li l-offerta ta’ Capricorn kellha “finanzjament iggarantit”.

150    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

151    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-ittra ta’ KPMG lill-investituri interessati tas-17 ta’ Ottubru 2013 kienet tispeċifika li huma kienu ser jintgħażlu b’mod partikolari fid-dawl tal-probabbiltà li t-tranżazzjoni tiġi konkluża, li kien ser ikun eżaminat fuq il-bażi, fost affarijiet oħra, tas-sigurtà tal-finanzjament tal-offerta tagħhom, ipprovata permezz ta’ konferma tal-finanzjament maħruġa mis-sħab finanzjarji (ara d-disa’ inċiż tal-punt 10, iktar ’il fuq). Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk l-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni, li jirrifletti l-analiżi tal-awtoritajiet Ġermaniżi, kinitx ta’ natura li tiċħad l-eżistenza ta’ dubji dwar in-natura vinkolanti tal-ittra ta’ Deutsche Bank tal-10 ta’ Marzu 2014.

152    Qabel kollox, l-ittra ta’ Deutsche Bank tal-10 ta’ Marzu 2014 tindika li din tal-aħħar hija lesta li tagħti self lix-xerrej ta’ EUR 45 miljun. Il-kundizzjonijiet għal dan il-finanzjament huma deskritti fid-dettall, li, kif korrettament issostni l-Kummissjoni, jidher li jindika eżami fil-fond min-naħa ta’ Deutsche Bank u skambju ta’ informazzjoni bejn din tal-aħħar u x-xerrej.

153    Sussegwentement, l-ittra ta’ Deutsche Bank diversi drabi tagħmel riferiment għall-impenn meħud minn Deutsche Bank fil-konfront ta’ Capricorn abbażi ta’ din l-ittra. Deutsche Bank kienet għalhekk tqis li hija marbuta mill-imsemmija ittra.

154    F’dan ir-rigward, kif ġustament issostni l-Kummissjoni, il-paragun bejn l-ittra ta’ Deutsche Bank tal-10 ta’ Marzu 2014 maż-żewġ ittri preparatorji u mhux vinkolanti ta’ Deutsche Bank tas-17 u tal-25 ta’ Frar 2014 jikkonferma n-natura vinkolanti tal-ittra ta’ Deutsche Bank tal-10 ta’ Marzu 2014. Għalhekk, huwa indikat fl-ittra tas-17 ta’ Frar 2014 li din ma tikkostitwixxix impenn min-naħa ta’ Deutsche Bank, għall-kuntrarju tal-ittra ta’ Deutsche Bank tal-10 ta’ Marzu 2014, li tagħmel riferiment għall-impenn meħud minn Deutsche Bank fil-konfront ta’ Capricorn fuq il-bażi ta’ din l-istess ittra.

155    Fl-aħħar nett, l-ittra ta’ Deutsche Bank tal-10 ta’ Marzu 2014 tispeċifika li l-impenn meħud minn din tal-aħħar huwa suġġett għal tliet kundizzjonijiet. Madankollu, dawn il-kundizzjonijiet (eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni, assenza ta’ bdil sinjifikattiv f’dak li jikkonċerna l-assi akkwistati, assenza ta’ illegalità) ippermettew lil Deutsche Bank tevita l-impenn tagħha biss jekk l-akkwist ma jsirx skont il-kundizzjonijiet previsti.

156    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma jidhirx li l-Kummissjoni kellu jkollha dubji dwar in-natura vinkolanti tal-ittra ta’ Deutsche Bank tal-10 ta’ Marzu 2014.

157    Għall-kuntrarju u kif ikkonstatat il-Kummissjoni fil-premessa 272 tad-deċiżjoni finali, la l-offerta indikattiva u lanqas l-offerta finali tal-offerent 3 ma kienu jinkludu prova ta’ finanzjament. F’din l-istess premessa, il-Kummissjoni kkonstatat li l-bejjiegħa kienu informaw b’dan lill-offerent 3, fl-ittri ta’ KPMG tas-17 ta’ Ottubru u tal-11, tas-17 u tat-18 ta’ Diċembru 2013 kif ukoll fil-messaġġi elettroniċi mibgħuta minn KPMG fit-18 ta’ Frar u fid-9 ta’ April 2014, iżda li l-offerent 3 ma pproduċa, kemm qabel l-allokazzjoni tal-assi tan-Nürburgring lil Capricorn mill-Kumitat tal-kredituri fil-11 ta’ Marzu 2014, u lanqas wara din l-allokazzjoni, l-ebda prova li tissostanzja l-finanzjament tal-offerta tiegħu. Madankollu, ir-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda prova li tissuġġerixxi li dawn il-konstatazzjonijiet huma żbaljati.

158    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li x-xerrej, li l-offerta tiegħu ġiet aċċettata, kellu, qabelxejn, żewġ ittri preparatorji ta’ Deutsche Bank tas-17 u tal-25 ta’ Frar 2014, kif ukoll l-ittra ta’ Deutsche Bank tal-10 ta’ Marzu 2014, li fir-rigward tagħha ma jidhirx li l-Kummissjoni kellha jkollha dubji dwar in-natura vinkolanti tagħha, filwaqt li l-offerent 3, li l-offerta tiegħu ma ġietx aċċettata, ma kien, fl-ebda mument, ipprovda kwalunkwe prova ta’ finanzjament. Konsegwentement, lanqas l-argumenti tar-rikorrenti insostenn tal-ilment imsemmi iktar il fuq ma jippermettu li jiġi stabbilit li l-Kummissjoni kellu jkollha dubji dwar in-natura nondiskriminatorja tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, ir-rekwiżit ta’ garanzija ta’ finanzjament vinkolanti.

159    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni, fid-dawl tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi invokati mir-rikorrenti, kellha jkollha dubji dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti lix-xerrej fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, minħabba n-natura mhux trasparenti u diskriminatorja tagħha.

160    Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 133 sa 136 iktar ’il fuq, l-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni kienet għalhekk tali li teskludi l-eżistenza ta’ dubji dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ indebitu favur ix-xerrej u, konsegwentement, ta’ għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-argumenti mressqa insostenn tal-ewwel tliet partijiet tal-ewwel motiv u tat-tieni u r-raba’ motivi huma indikattivi ta’ diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-miżura kkonċernata li jimponu obbligu fuq il-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE.

161    Minn dan isegwi li l-ewwel tliet partijiet tal-ewwel motiv, kif ukoll it-tieni u r-raba’ motivi, moqrija fid-dawl tal-ħames u t-tmien motivi, għandhom jiġu miċħuda.

2)      Fuq il-ħames parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq it-tkomplija tal-proċess ta’ bejgħ lil hinn mill-allokazzjoni tal-assi tan-Nürburgring lil Capricorn fil-11 ta’ Marzu 2014

162    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha tikkonstata t-tkomplija tal-proċess ta’ bejgħ lil hinn mill-allokazzjoni tal-assi tan-Nürburgring lil Capricorn fil-11 ta’ Marzu 2014.

163    Ir-rikorrenti ssostni li Capricorn ġiet issostitwita permezz ta’ subxerrej fil-kuntest ta’ proċedura mhux trasparenti ta’ bejgħ mill-ġdid tal-assi tan-Nürburgring. Fil-fehma tagħha, il-bejjiegħa u l-amministratur tal-assi fil-fatt ikkonkludew ma’ Capricorn, fit-13 ta’ Awwissu 2014, ftehim, li jirrigwarda l-garanziji, li abbażi tagħhom din tal-aħħar kellha tittrasferixxi d-drittijiet u pretensjonijiet kollha tagħha li nħolqu permezz tal-kuntratt ta’ bejgħ tal-assi tan-Nürburgring tal-11 ta’ Marzu 2014. Minn dan jirriżulta li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti ma kinitx miftuħa, trasparenti, nondiskriminatorja u inkundizzjonata.

164    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

165    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 133 sa 136 iktar ’il fuq, u kif sostniet il-Kummissjoni, l-investigazzjoni kienet intiża sabiex taċċerta ruħha, għall-finijiet tal-verifika dwar jekk l-assi tan-Nürburgring kinux ġew ittrasferiti bil-prezz tas-suq tagħhom, jekk il-proċedura ta’ sejħa għal offerti kinitx miftuħa, trasparenti, nondiskriminatorja u inkundizzjonata. Fil-każ kuntrarju, l-imsemmi bejgħ seta’ sar bi prezz iktar baxx mill-prezz tas-suq u vantaġġ indebitu ttrasferit lix-xerrej.

166    Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-għajnuna, li, skont ir-rikorrenti (ara l-punt 11 iktar il fuq), kellha tiġi kkonstatata mill-Kummissjoni fit-tieni deċiżjoni kkontestata u kellha tikkorrispondi għad-differenza bejn il-prezz imħallas minn Capricorn sabiex tixtri l-assi tan-Nürburgring u l-prezz tas-suq għal dawn l-istess assi, ingħatat lil Capricorn fil-11 ta’ Marzu 2014, li hija d-data li fiha l-assi tan-Nürburgring ġew allokati lil din tal-aħħar u tal-firma tal-kuntratt ta’ bejgħ li jistabbilixxi l-prezz ta’ akkwist tal-imsemmija assi dovut minn Capricorn. Minn dan isegwi li l-fatti sussegwenti għal din id-data, bħat-trasferiment minn Capricorn lil subxerrej tas-sehem li hija kellha fil-vettura ta’ akkwist tal-assi tan-Nürburgring, ma kinux rilevanti għall-eżami tal-kwistjoni dwar jekk ingħatatx għajnuna lil Capricorn fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

167    Fl-aħħar nett, kif ġustament sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha tat-12 ta’ Marzu 2018 bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, jekk ir-rikorrenti xtaqet li hija teżamina wkoll l-eżistenza ta’ għajnuna ġdida li tirriżulta mill-allegata tkomplija tal-proċess ta’ bejgħ, wara l-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni kkontestata, hija kellha tressaq ilment ġdid f’dan ir-rigward.

168    Minn dan isegwi li l-argumenti ppreżentati insostenn tal-ħames parti tal-ewwel motiv ma jippermettux li jiġi stabbilit li, fi tmiem il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, il-Kummissjoni ltaqgħet ma’diffikultajiet ta’ evalwazzjoni tal-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring li jeżiġu l-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali.

169    Il-ħames parti tal-ewwel motiv, moqrija fid-dawl tal-ħames u t-tmien motivi, għandha għalhekk tiġi miċħuda.

3)      Fuq it-tielet parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq il-fatt li l-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring lil Capricorn kien jikkostitwixxi għajnuna ġdida mill-Istat

170    Skont ir-rikorrenti, kemm il-prezz miftiehem kif ukoll il-modalitajiet ta’ ħlas kienu jinkludu elementi ta’ għajnuna, peress li, l-ewwel nett, fl-2013, EUR 6 miljun li jirriżultaw mis-surplus operattiv gross tal-amministratur tan-Nürburgring (ara l-punt 7 iktar ’il fuq) tnaqqsu mill-prezz tal-bejgħ, filwaqt li dan l-amministratur kien indika fl-2013 li ma kellu kważi l-ebda aspettattivi ta’ profitt mill-assi tan-Nürburgring, it-tieni nett, il-ħlas tat-tieni pagament tal-prezz ta’ bejgħ ġie pospost, it-tielet nett, il-penali ta’ EUR 25 miljun li kien previst fil-kuntratt ta’ xiri fil-każ ta’ nuqqas ta’ pagament ma ġietx irkuprata; u, ir-raba’ nett, l-assi tan-Nürburgring ġew ittrasferiti lil subxerrej fil-kuntest ta’ proċedura mhux trasparenti.

171    Barra minn hekk, il-kuntratt ta’ kera tal-assi tan-Nürburgring ma kienx fih innifsu suġġett għal proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti, nondiskriminatorja u inkundizzjonata, b’tali mod li l-ħlasijiet tal-kera ta’ din il-kirja ma jikkorrispondux għal prezz tas-suq u jinkludu elementi ġodda ta’ għajnuna. Mill-premessa 56 tad-deċiżjoni finali jirriżulta li din il-kirja ġiet konkluża bejn kumpannija indipendenti tal-bejjiegħa, li topera fil-fatt bħala fiduċjarja tal-imsemmija assi, u kumpannija operatorja li ġiet stabbilita minn Capricorn, għal perijodu li jibda jgħaddi mill-1 ta’ Jannar 2015, sabiex tiġi strutturata sitwazzjoni tranżitorja li tikkorrispondi għat-twettiq eventwali tal-kundizzjoni li għaliha kien suġġett il-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring lil Capricorn, jiġifieri l-adozzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ deċiżjoni li teskludi kwalunkwe riskju li x-xerrej tal-imsemmija assi jkun obbligat li jirrimborsa l-għajnuna lill-bejjiegħa. F’dan ir-rigward, il-prezz ta’ bejgħ tal-assi tan-Nürburgring tnaqqas bl-ammont ekwivalenti għall-ħlasijiet ta’ din il-kera, li tnaqqas minn dan il-prezz sal-ġurnata li fiha ġie konkluż il-bejgħ.

172    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument billi, b’mod partikolari, issostni li s-somom imħallsa bħala ħlasijiet tal-kera tal-assi tan-Nürburgring kienu jikkostitwixxu pagamenti bħala parti mill-prezz, b’tali mod li jitnaqqas il-prezz ta’ bejgħ ta’ dawn l-assi li jkun għadu dovut u, konsegwentement, ir-riskju ta’ insolvenza tax-xerrej. Barra minn hekk, il-modalitajiet ta’ pagament tal-prezz ta’ bejgħ tal-assi tan-Nürburgring ma effettwawx il-valur ta’ dawn l-assi, li jikkorrispondi għall-prezz previst fil-kuntratt.

173    Għar-raġunijiet esposti fil-punti 138 sa 158 iktar ’il fuq, ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kellu jkollha dubji dwar in-natura trasparenti u nondiskriminatorja tal-proċedura ta’ sejħa għall-offerti.

174    Minn dawn l-istess raġunijiet jirriżulta wkoll li l-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni li wasslet għall-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni kkontestata kienet ta’ natura li teskludi l-eżistenza ta’ dubji fir-rigward tal-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti lix-xerrej fil-kuntest tal-kuntratt ta’ kera li jirrigwarda l-assi tan-Nürburgring jew modalitajiet ta’ pagament oħra tal-prezz tal-bejgħ tal-imsemmija assi.

175    It-tielet parti tat-tielet motiv, moqrija fid-dawl tal-ħames u tat-tmien motivi, għandha għalhekk tiġi miċħuda.

176    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta għalhekk li l-ħames u t-tmien motivi, eżaminati b’teħid inkunsiderazzjoni tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel, tat-tieni, tat-tielet u tar-raba’ motivi, ma jippermettux li jiġi stabbilit li, fi tmiem il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, il-Kummissjoni ltaqgħet ma’ diffikultajiet li kienu jeżiġu l-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali. Il-ħames u t-tmien motivi għandhom għalhekk jiġu miċħuda.

d)      Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

177    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, billi naqset milli tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti għall-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom hija bbażata t-tieni deċiżjoni kkontestata.

178    Ir-rikorrenti tikkontesta b’mod partikolari l-bażi tal-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-premessa 240 tad-deċiżjoni finali, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja biegħet l-assi tan-Nürburgring “permezz ta’ proċess tal-offerti miftuħ, trasparenti, mhux diskriminatorju u mhux kondizzjonat lill-offerent li [kien] ssottometta l-ogħla offerta[,] b’finanzjament iggarantit”.

179    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkontesta l-bażi tad-deċiżjoni li l-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring lil Capricorn ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, kif ukoll ir-raġuni għalfejn din id-deċiżjoni tinsab fil-premessa 285 tad-deċiżjoni finali iżda ma hijiex inkluża fid-dispożittiv tagħha.

180    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni tibbaża l-parti l-kbira tal-konstatazzjonijiet tagħha fuq informazzjoni pprovduta mill-amministratur tal-beni tal-bejjiegħa, ipprovduta lilha mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

181    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

182    Skont il-ġurisprudenza, l-espożizzjoni tal-motivi ta’ att għandha tkun suffiċjenti sabiex tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti tal-Unjoni twettaq l-istħarriġ tagħha (ara, fir-rigward ta’ għajnuna mill-Istat, is-sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑88/03, EU:C:2006:511, punti 88 u 89, tat-22 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs Salzgitter, C‑408/04 P, EU:C:2008:236, punt 56, u tat-30 ta’ April 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja u Wam, C‑494/06 P, EU:C:2009:272, punti 48 u 49). Fir-rigward ta’ ċaħda ta’ lment fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, ġie b’mod partikolari speċifikat li din l-espożizzjoni kellha tindika lill-persuna li tagħmel l-ilment ir-raġunijiet għalfejn il-punti ta’ fatt u ta’ dritt invokati fl-ilment tagħha ma kinux suffiċjenti sabiex turi l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat (sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 64, u tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C-342/06 P, EU:C:2008:375, punt 89).

183    F’dan il-każ, il-premessi 266 sa 281 tad-deċiżjoni finali, taħt it-titolu “Ilmenti dwar il-bejgħ tal-assi [tan-Nürburgring]”, jinkludu espożizzjoni ddettaljata tar-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi li l-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring kien sar lix-xerrej li kien issottometta l-aħjar offerta, flimkien ma garanzija ta’ finanzjament, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti li kienet miftuħa, trasparenti, nondiskriminatorja u inkundizzjonata u, konsegwentement, li l-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring lil Capricorn ma kienx sar bi prezz inqas mill-prezz tas-suq tagħhom, b’tali mod li ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

184    Din l-espożizzjoni hija biżżejjed sabiex tissodisfa r-rekwiżiti tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 182 iktar ’il fuq.

185    Barra minn hekk, it-tieni deċiżjoni kkontestata, li l-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, ma hijiex indikata biss fl-ewwel inċiż tal-premessa 285 tad-deċiżjoni finali, iżda hija inkluża wkoll fl-aħħar inċiż tal-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni finali. Għaldaqstant l-ilment tar-rikorrenti f’dan ir-rigward huwa għalhekk infondat.

186    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni hija suġġetta għal obbligu ta’ eżami diliġenti u imparzjali li jimponi fuqha, b’mod partikolari, li hija teżamina b’reqqa l-elementi li jippermettulha tiddeċiedi fuq in-natura ta’ għajnuna mill-Istat tal-miżura inkwistjoni, li huma pprovduti lilha mill-Istat Membru (ara s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2008, TV2/Danmark et vs Il-Kummissjoni, T‑309/04, T‑317/04, T‑329/04 u T‑336/04, EU:T:2008:457, punt 183 u l-ġurisprudenza ċċitata).

187    Huwa fid-dawl kemm tal-informazzjoni nnotifikata mill-Istat ikkonċernat kif ukoll ta’ dik ipprovduta mill-persuni li ressqu lment li l-Kummissjoni għandha tfassal l-evalwazzjoni tagħha fil-kuntest tal-investigazzjoni preliminari stabbilita permezz tal-Artikolu 108(3) TFUE (sentenza tat-3 ta’ Mejju 2001, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑204/97, EU:C:2001:233, punt 35).

188    Fil-premessi 266 sa 271 tad-deċiżjoni finali, il-Kummissjoni eżaminat u pparagunat l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti, indikati fil-premessi 97 sa 101 tal-imsemmija deċiżjoni, dawk tal-amministraturi tal-insolvenza nnotifikati mill-awtoritajiet Ġermaniżi, indikati fil-premessi 102 sa 110 ta’ din l-istess deċiżjoni. Il-Kummissjoni indikat il-konstatazzjonijiet u l-osservazzjonijiet tagħha stess f’dak li jirrigwarda l-elementi rilevanti, b’mod partikolari fir-rigward tan-natura trasparenti u nondiskriminatorja tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

189    Il-Kummissjoni, għalhekk, f’dan il-każ, wettqet eżami u evalwazzjoni tal-informazzjoni pprovduta kemm mir-rikorrenti kif ukoll mill-awtoritajiet Ġermaniżi.

190    Konsegwentement l-ilment tar-rikorrenti f’dan ir-rigward u, għaldaqstant, is-sitt motiv fl-intier tiegħu, għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

e)      Fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba.

191    Permezz tad-disa’ motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret id-dritt tagħha għal amministrazzjoni tajba, kif jirriżulta mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, b’mod xieraq, l-elementi rilevanti u l-argumenti kollha rilevanti invokati mir-rikorrenti, u lanqas ma vverifikat l-ispjegazzjonijiet tal-amministratur u tal-amministratur tal-beni tal-bejjiegħa. Ir-rikorrenti tqis li l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jikkostitwixxi espressjoni tad-dritt tagħha sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha u għall-evalwazzjoni ta’ dawn l-osservazzjonijiet, dritt li hija tinvoka barra minn hekk il-ksur tiegħu fil-kuntest tas-seba’ u tat-tmien motivi.

192    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

193    Fir-rigward tal-ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, minħabba l-assenza ta’ evalwazzjoni tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti, dan jikkoinċidi mas-seba’ motiv, li permezz tiegħu r-rikorrenti ssostni li, bl-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni naqset milli tevalwa l-osservazzjonijiet tagħha. Minħabba li r-rikors ġie ddikjarat inammissibbli sa fejn huwa intiż għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, kemm is-seba’ motiv kif ukoll dan l-ilment huma inammissibbli.

194    Fir-rigward tal-ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, minħabba l-ksur tad-dritt tar-rikorrenti sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, dan jikkoinċidi mat-tmien’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti minħabba l-assenza ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, li diġà ġie eżaminat u miċħud fil-punt 176 iktar ’il fuq.

195    Minn dan isegwi li d-disa’ motiv għandu jiġi miċħud peress li huwa, parzjalment, inammissibbli u, fil-kumplament tiegħu, infondat.

196    Peress li l-motivi u l-ilmenti kollha ta’ annullament tat-tieni deċiżjoni kkontestata direttament ibbażati fuq ksur tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti u l-motivi u l-ilmenti kollha ta’ annullament tat-tieni deċiżjoni kkontestata fihom argumenti li jistgħu jintrabtu mal-imsemmija motivi u lmenti ġew miċħuda, it-talba għal annullament tal-imsemmija deċiżjoni għandha tiġi miċħuda.

197    Sa fejn ir-rikorrenti ppreżentat diversi offerti ta’ prova permezz ta’ xhieda, għandu jiġi kkonstatat li dawn tal-aħħar ma jidhrux li huma indispensabbli għas-soluzzjoni tat-tilwima u, b’mod partikolari, għall-verifikazzjoni li l-fatti jew l-indizji prodotti mir-rikorrenti kellhom iwasslu lill-Kummissjoni sabiex ikollha dubji. Konsegwentement, dawn l-offerti ta’ prova huma miċħuda.

198    Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet preċedenti kollha, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala, parzjalment, inammissibbli u, fil-kumplament tiegħu, infondat

IV.    Fuq l-ispejjeż

199    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      It-talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors hija miċħuda.

2)      Ir-rikors huwa miċħud.


3)      Ja zum Nürburgring eV għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Pelikánová

Valančius

Nihoul

Svenningsen

 

      Öberg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ Ġunju 2019.

Firem


Werrej


I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

A. Il-proċedura amministrattiva u l-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring

B. Id-deċiżjonijiet ikkontestati

II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

III. Id-dritt

A. Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni kkontestata

1. Fuq l-inċidenza tar-rikorrenti bħala kompetitur

2. Fuq l-inċidenza tar-rikorrenti bħala assoċjazzjoni professjonali

B. Fuq it-talba għall-annullament tat-tieni deċiżjoni kkontestata

1. Fuq l-ammissibbiltà u fuq it-talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni

2. Fuq l-ammissibbilità tal-annessi

a) Fuq l-ammissibilità tal-Annessi C. 1 u C. 6 sa C. 9

b) Fuq l-ammissibbiltà tal-annessi 7 u 8 tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Settembru 2017 bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali

c) Fuq l-ammissibbiltà tal-Anness G.13

d) Fuq l-ammissibbiltà tal-Annessi H.1 u H.2

3. Fuq il-mertu

a) Kunsiderazzjonijiet preliminari dwar il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju li jikkonċerna deċiżjoni ta’ assenza ta’ għajnuna meħudha fi tmiem il-fażi ta’ invesigazzjoni preliminari

b) Osservazzjonijiet preliminari dwar il-portata tar-rikors

c) Fuq il-qari konġunt tal-ħames u t-tmien motivi, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 108(2) TFUE u tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999 kif ukoll tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti, u tal-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba’ motivi

1) Fuq l-ewwel tliet partijiet tal-ewwel motiv u fuq it-tieni u r-raba’ motivi, ibbażati fuq l-eżistenza ta’ għajnuna mogħtija lil Capricorn permezz tal-bejgħ tan-Nürburgring

i) Fuq l-ilment relatat man-natura mhux trasparenti u diskriminatorja tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti

ii) Fuq l-ilment relatat mal-finanzjament tal-offerta ta’ Capricorn

2) Fuq il-ħames parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq it-tkomplija tal-proċess ta’ bejgħ lil hinn mill-allokazzjoni tal-assi tan-Nürburgring lil Capricorn fil-11 ta’ Marzu 2014

3) Fuq it-tielet parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq il-fatt li l-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring lil Capricorn kien jikkostitwixxi għajnuna ġdida mill-Istat

d) Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

e) Fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba.

IV. IV. Fuq l-ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.