Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta' Ottubru 2007 - Ir-Repubblika tal-Portugall vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-387/07)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Portugall (Lisbona, Il-Portugall) (rappreżentanti: L. Inês Fernandes, S. Rodrigues u A. Gattini, aġenti)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 3772, tal-31 ta' Lulju 2007, dwar tnaqqis ta' l-għajnuna finanzjarja mill-Fond Ewropew ta' l-Iżvilupp Reġjonali favur is-sussidju globali "SGAIA" (sussidju globali sabiex isostni l-iżvilupp lokali) skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (95) 1769 tat-28 ta' Lulju 1995;

tordna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Nuqqas ta' ċarezza fil-motivazzjoni. Bil-frażi "kif intwera iktar 'il fuq", il-konvenuta tagħmel referenza ġenerika għall-analiżi mwettqa sommarjament u rrikostruwita fid-deċiżjoni kkontestata. Il-konvenuta ma tidentifikax b'mod ċar, fil-Kapitolu 6, intitolat "Konklużjonijiet", il-liġijiet jew id-dispożizzjonijiet miksura mir-Repubblika tal-Portugall.

Ineżistenza ta' l-irregolarità dedotta u ksur, min-naħa tas-servizzi tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, tal-Ftehim konkluż bejn il-Kummissjoni u l-Caixa Geral de Depósitos fil-15 ta' Novembru 1995. L-irregolarità dedotta mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata hija infondata, billi ma ttieħdet ebda kunsiderazzjoni ta' dak li jiddisponi l-Artikolu 8(5) u (6) tal-Ftehim, li jippermetti li l-kumplament tal-pagamenti futuri jitwettqu sal-31 ta' Diċembru 2001.

____________