Language of document :

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

15 ta' Lulju 2004 (*)

"Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-Baħar Mediterran mit-tniġġis (Konvenzjoni ta' Barċellona) – Protokoll dwar il-protezzjoni tal-Baħar Mediterran kontra t-tniġġis minn sorsi bbażati fuq l-art – Artikolu 6(3) – Awtorizzazzjoni għal rimi ta' skart – Effett dirett"

Fil-kawża C-213/03,

li għandha bħala suġġett talba magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 234 KE mill-Cour de cassation (Franza) u intiża sabiex fil-kawża pendenti quddiem din il-qorti bejn

Syndicat professionnel coordination des pêcheurs de l'étang de Berre et de la région

u

Électricité de France (EDF),

tinkiseb deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 6(3) tal-Protokoll dwar il-protezzjoni tal-Baħar Mediterran kontra t-tniġġis minn sorsi bbażati fuq l-art, iffirmat f'Ateni fis-17 ta' Mejju 1980 u approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 83/101/KEE, tat-28 ta' Frar 1983 (ĠU L 67, p.1), kif ukoll ta' l-Artikolu 6(1) ta' l-istess Protokoll, kif emendat waqt il-Konferenza tal-plenipotenzjarji li nżammet f'Sirakuża fis-7 u t-8 ta' Marzu 1996, liema emendi kienu approvati bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/ 801/KE, tat-22 ta' Ottubru 1999 (ĠU L 322, p.18),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, C. Gulmann, J.-P. Puissochet, J. N. Cunha Rodrigues u R. Schintgen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur:  M. Múgica Arzamendi, Amministratur Prinċipali,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati bil-miktub:

–       għas-Syndicat professionnel coordination des pêcheurs de l'étang de Berre et de la région, minn W. Viscardini, avocat,

–       għal Électricité de France (EDF), minn O. Coutard u M. Mayer, avocats,

–       għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u E. Puisais, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Valero Jordana u B. Stromsky, bħala aġenti,

wara li rat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali tas-Syndicat professionnel coordination des pêcheurs de l'étang de Berre et de la région, ta' Électricité de France, tal-Gvern Franċiż u tal-Kummissjoni, fis-seduta ta' l-10 ta' Marzu 2004,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta' sentenza tas-6 ta' Mejju 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta' Mejju ta' wara, il-Cour de cassation (Franza) għamlet, taħt l-Artikolu 234 KE, żewġ domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 6(3) tal-Protokoll dwar il-protezzjoni tal-Baħar Mediterran kontra t-tniġġis minn sorsi bbażati fuq l-art, iffirmat f'Ateni fis-17 ta' Mejju 1980 u approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 83/101/KEE, tat-28 ta' Frar 1983 (ĠU L 67, p.1, iktar 'il quddiem il-"Protokoll"), kif ukoll ta' l-Artikolu 6(1) ta' l-istess Protokoll, kif emendat waqt il-Konferenza tal-plenipotenzjarji li nżammet f'Sirakuża fis-7 u t-8 ta' Marzu 1996, liema emendi kienu approvati bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/801/KE (ĠU L 322, p. 18, iktar 'il quddiem il-"Protokoll rivedut").

2       Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta' kawża bejn is-Syndicat professionnel coordination des pêcheurs de l'étang de Berre et de la région (iktar 'il quddiem is-"Syndicat") u Électricité de France (iktar 'il quddiem "EDF") dwar rimi mill-impjant idroelettriku ta' Saint-Chamas (Franza) fl-Étang de Berre.

 Il-kuntest ġuridiku

3       Il-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-Baħar Mediterran mit-tniġġis, iffirmata f'Barċellona fis-16 ta' Frar 1976 (ĠU 1977, L 240, p.3, iktar 'il quddiem il-"Konvenzjoni"), ġiet konkluża mill-Komunità Ekonomika Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 77/585/KEE, tal-25 ta' Lulju 1977 (ĠU L 240, p.1).

4       L-Artikolu 2(a) tal-Konvenzjoni jiddefinixxi t-terminu "tniġġis" kif ġej:

"[…] li l-bniedem jintroduċi direttament jew indirettament sustanzi jew enerġija fl-ambjent mari[ttimu] li jkollhom effetti ta' dannu, fosthom li jagħmlu ħsara lir-riżorsi ħajjin, ikunu ta' periklu għas-saħħa tal-bniedem, ifixklu attivitajiet [marittimi] inkluż is-sajd, jgħarrqu l-kwalità ta' l-ilma tal-baħar li jintuża u jitnaqqsu l-mezzi pprovduti".

5       Skond l-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni:

"Il-[P]artijiet [K]ontraenti għandhom jieħdu l-miżuri xierqa fuq livell individwali jew bi sħab skond id-dispo[ż]izzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni u ta' dawk il-Protokolli li huma fis-seħħ u li huma jagħmlu parti minnhom, biex ikun hemm prevenzjoni u biex inaqqsu u jikkumbattu t-tniġġis fil-Baħar Mediterran u jipproteġu u [jtejbu] l-ambjent mari[ttimu] f'dik iż-żona."

6       L-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni jippreċiża li:

"Il-Partijiet Kontraenti għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex ikun hemm prevenzjoni u biex inaqqsu u jikkumbattu t-tniġġis tal-Baħar Mediterran ikkawżat minn rimi [m]ix-xmajjar, stabbilimenti kostali jew postijiet fejn jaqa' l-ilma mix-xmajjar jew li ġej minn [għejun] oħra fuq l-art tat-territorju tagħhom."

7       Fl-istess sens, l-Artikolu 1 tal-Protokoll jipprovdi li:

"Il-Partijiet Kontraenti […] għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex ma jħallux, inaqqsu, jiġġieldu u jikkontrollaw i[t-tniġġis fi]ż-żona tal-Baħar Mediterran maħluqa minn [rimi] mix-xmajjar, [minn] stabbilimenti kostali jew [postijiet minn fejn jintrema l-ilma], jew li joriġinaw minn sorsi oħrajn ibbażati fuq l-art fi ħdan it-territorji tagħhom."

8       Skond l-Artikolu 3(ċ) tal-Protokoll:

"Iż-żona li [għaliha] dan il-Protokoll huwa applikabbli (minn hawn ['il] quddiem referuta bħala ż-"Żona tal-Protokoll") għandha [tkun:

[...]

c)      mistgħaddra ta' l-ilma mielaħ li jikkomunikaw mal-baħar."

9       L-Artikolu 4(1)(a) jipprovdi li l-Protokoll japplika "għal skarigi ta' tniġġi[s] li jilħqu ż-żona tal-Protokoll minn sorsi bbażati fuq l-art fi ħdan it-territorji tal-Partijiet, partikolarment:

–       direttament, mill-bokok tar-rilaxx fil-baħar jew skarigu kostali,

–        indirettament, permezz ta' xmajjar, kanali jew korsi[ji] oħrajn ta' l-ilma, inklużi korsi[ji] ta' l-ilma ta' taħt l-art, jew permezz tal-fawrien".

10     Skond l-Artikolu 6(1) u (3) tal-Protokoll:

"1.      Il-Partijiet għandhom strettament jillimitaw it-tniġġi[s] minn sorsi bbażati fuq l-art taż-żona tal-Protokoll minn sustanzi [jew sorsi] elenkati fl-Anness II ta' dan il-Protokoll.

[…]

3.      L-iskarigi għandhom strettament ikunu suġġetti għall-ħruġ, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, ta' awtorizzazzjoni li tqis id-dispożizzjonijiet ta' l-Anness III [...]"

11     Skond l-Artikolu 7(1)(e) tal-Protokoll:

"Il-Partijiet għandhom progressivament jifformulaw u jadottaw, b'kooperazzjoni ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti, linji ta' gwida komuni u, kif xieraq, in-normi [jew i]l-kriterj[i] li jittrattaw partikol[a]rment […]:

[...]

e)      ħtiġiet speċifiċi li jikkonċernaw il-kwantitajiet tas-sustanzi elenkati fl-Annessi I u II li jkunu skarikati, u l-konċentrazzjoni tagħhom fl-effluwenti u l-metodu ta' l-iskarigu tagħhom."

12     Mill-punti 11 u 13 tas-Sezzjoni A ta' l-Anness II tal-Protokoll, li jagħmlu parti mis-sistema prevista fl-Artikolu 6 ta' dan il-Protokoll, jirriżulta li s-"[s]ustanzi li għandhom, direttament jew ind[i]rettament, effett ħażin fuq il-kontenut ta' l-ossiġenu ta' l-ambjent marittimu, speċjalment dawk li jistgħu joħolqu l-ewtrofikazzjoni", u s-"[s]ustanzi li, għalkemm mhux tossiċi min-natura tagħhom, jistgħu [j]siru ta' ħsara għall-ambjent marittimu jew jistgħu [j]fixklu xi użu leġittimu tal-baħar minħabba l-kwantitajiet li bihom ikunu skarigati".

13     Is-Sezzjoni B ta' l-Anness II tippreċiża:

"Il-kontroll u l-limitu strett [ta' l-iskarigu tas-sustanzi [msemmija] fis-Sezzjoni A ta' hawn fuq għandhom ikunu [i]mplementati bi qbil ma' l-Anness III."

14     L-Anness III tal-Protokoll jelenka l-fatturi li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni "[b]il-għan li tkun maħruġa awtorizzazzjoni għa[r-rimi] ta' skart li jkun fih is-sustanzi [msemmija] fl-Anness II […]". Għal dan il-għan, l-Istati li huma Partijiet għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni l-"karatteristiċi u l-kompo[ż]izzjoni [ta' l-]iskart", il-"karatteristiċi tal-kostitwenti [ta' l-]iskart fir-rigward tal-ħsara li […] jikkaġunaw", il-"karatteristiċi tas-sit [tar-rimi] u [ta' l-]ambjent marittimu fejn jintrema", id-"[disponibbiltà] tat-teknoloġija [ta' l-]iskart" u, fl-aħħar nett, it-"[t]ħassir potenzjali ta' l-ekosistema marittima u [ta'] l-użu ta' l-ilma baħar".

15     Skond l-Artikolu 3(d) tal-Protokoll rivedut, li jikkorrispondi ma' l-Artikolu 3(ċ) tal-Protokoll, iż-żona ta' applikazzjoni ta' dan il-Protokoll tinkludi:

"[...]

d) [l]-ilmijiet salmastri, ilmijiet mielħa tal-kosta li jinkludu bassasiet u laguni tal-kosta, kif ukoll ilmijiet sotter[r]anji u li huma kkomunikati mal-baħar Mediterran".

16     L-Artikolu 6(1) tal-Protokoll rivedut jipprovdi li:

"Skart ta' [għejun lokalizzati] fiż-żona tal-Protokoll, kif ukoll skart fl-ilma jew fl-arja li jilħqu u li jistgħu jaffettwaw iż-żona tal-Mediterran, hekk kif definit[a] f[l-]Artikolu 3(a), (ċ) u (d) ta' dan il-Protokoll, [għandhom] ikunu strettament suġġetti għall-awtorizzazzjoni jew regolazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-[P]artijiet, fejn għandhom ikunu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll u l-Anness II tiegħu, kif ukoll id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-laqgħat tal-[P]artijiet [K]ontraenti."

17     L-Anness I C tal-Protokoll rivedut jelenka l-"kat[e]goriji tas-sustanzi u s-sorsi tat-[tniġġis]" li "sejrin iservu ta' gwida fil-preparazzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni, programmi u miżuri". B'mod partikolari, il-punt 17 isemmi s-"sustanzi li mhumiex tossiċi u li għandhom effett [negattiv] fuq il-kontenut ta' l-ossiġnu ta' l-ambjent marittimu".

18     Il-Protokoll rivedut iħassar dak li kien l-Anness II filwaqt li jemenda dak li kien l-Anness III u jirrenumerah bħala l-"Anness II".

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19     L-Étang de Berre, li għandha medda ta' 15,000 ettaru u li tinsab fi Franza, hija bassasa ta' ilma mielaħ b'komunikazzjoni diretta mal-Baħar Mediterran.

20     Is-Syndicat ilmenta diversi drabi ma' l-EDF dwar id-degradazzjoni ta' l-ambjent akwatiku ta' l-Étang de Berre minħabba, prinċipalment, id-dħul ta' ilma ħelu li jiġi mid-Durance u li jintrema artifiċjalment f'din il-bassasa kull meta jintużaw it-turbini ta' l-impjant idroelettriku ta' Saint-Chamas.

21     Fl-1 ta' Settembru 1999, is-Syndicat ressaq talba għal miżuri provviżorji kontra EDF quddiem it-tribunal de grande instance de Marseille (Franza) minħabba mġiba illegali u intiża sabiex jiġi ordnat li l-waqfien ta' l-użu ta' l-impjant idroelettriku ta' Saint-Chamas bil-piena ta' ammenda perijodika jekk din l-ordni ma tiġix rispettata. Is-Syndicat sostna b'mod partikolari li EDF kienet qiegħda tarmi l-ilma minn dan l-impjant mingħajr ma kienet qabel kisbet l-awtorizzazzjoni minn qabel prevista fl-Artikolu 6(3) tal-Protokoll.

22     Il-juge des référés de première instance, permezz ta' digriet tal-25 ta' Ottubru 1999, ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji. Filwaqt li rrikonoxxa d-disturb ikkawżat meta jintużaw it-turbini ta' l-impjant idroelettriku, huwa kkunsidra:

"Li, fir-rigward ta' l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, speċjalment il-Konvenzjonijiet ta' Barċellona u l-Protokoll ta' Ateni […], il-kwistjoni ta' l-effett dirett tagħhom fuq individwi tqajjem ukoll kontestazzjonijiet li ma jaqgħux fil-kompetenza tal-qorti li qiegħda titratta l-mertu tal-kawża.

Minħabba li l-kwistjoni dwar jekk l-użu minn EDF ta' l-impjant idroelettriku ta' Saint-Chamas jammontax għal disturb manifestament illegali, jiġifieri għal imġiba illegali fis-sens kif din hija ġeneralment mifhumha mill-ġurisprudenza, tqajjem kontestazzjonijiet serji wisq sabiex il-qorti li qiegħda tisma' t-talba għal miżuri provviżorji tkun tista' tintervjeni u ttemm tletin sena ta' użu, deċiżjoni li, barra minn hekk, hija gravi wisq u timplika konsegwenzi gravissimi b'mod partikolari fir-rigward tal-produzzjoni u tas-sigurtà tas-sistema elettrika tar-reġjun […]"

23     Is-Syndicat appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-cour d'appel d'Aix-en-Provence (Franza), li ċaħdet l-appell permezz ta' sentenza tal-21 ta' Settembru 2000. Il-cour d'appel ikkunsidrat b'mod partikolari "li d-diversi Artikoli [tal-Protokoll] huma interdipendenti" u li l-Artikolu 6(3) "ma jistax jitqies waħdu, fis-sens li l-ebda awtorizzazzjoni ta' skarigu ma tista' tintalab b'mod validu u utli minn EDF abbażi ta' dan il-Protokoll sakemm l-Istat Franċiż ma jkunx għadu stabbilixxa l-kriterji tekniċi applikabbli, peress li ma tkun tista' tingħata l-ebda risposta".

24     Is-Syndicat appella fuq punt ta' liġi kontra din is-sentenza billi invoka, b'mod partikolari, il-ksur minn EDF ta' l-Artikolu 6(3) tal-Protokoll li l-applikazzjoni tiegħu kienet ġiet imwarrba b'mod żbaljat mill-cour d'appel.

25     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel iż-żewġ domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)      L-Artikolu 6(3) tal-Protokoll […] li, fil-verżjoni riveduta, sar l-Artikolu 6(1), għandu jitqies li għandu effett dirett, b'mod li kull persuna interessata tista' tinvokah quddiem il-qrati nazzjonali in sostenn ta' rikors intiż sabiex iwaqqaf ir-rimi ta' ilma li ma kienx ġie awtorizzat skond il-proċedura u l-kriterji stabbiliti f'dan l-Artikolu?

2)      Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll iċċitat iktar 'il fuq u ta' l-Anness III C tiegħu (li sar l-Anness II), l-istess dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprojbixxi lil kull persuna milli, f'bassasa ta' ilma mielaħ b'komunikazzjoni mal-Baħar Mediterran, tarmi sustanzi li, minkejja li mhumiex tossiċi, għandhom effett negattiv fuq il-kontenut ta' l-ossiġenu ta' l-ambjent marittimu, jekk ma tkunx kisbet awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri?"

 Fuq ir-rilevanza tal-Protokoll rivedut għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali

26     EDF u l-Gvern Franċiż huma ta' l-opinjoni li għandu jiġi interpretat biss il-Protokoll minħabba li l-Protokoll rivedut għadu ma daħalx fis-seħħ.

27     F'dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-proċedura stabbilita mill-Artikolu 234 KE hija strument ta' kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta' Lulju 1992, Lourenço Dias, C-343/90, Ġabra p. I-4673, punt 14, u tat-18 ta' Marzu 2004, Siemens u ARGE Telekom, C-314/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata).

28     Fil-kuntest ta' din il-kooperazzjoni, il-qorti nazzjonali li tkun qiegħda tisma' l-kawża, li hija l-unika li għandha għarfien dirett tal-fatti fil-kawża prinċipali u li jkollha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, tinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa, fir-rigward tal-partikolaritajiet tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta' deċiżjoni preliminari sabiex tkun f'pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b'mod partikolari, s-sentenzi Lourenço Dias, iċċitata iktar 'il fuq, punt 15; tat-22 ta' Jannar 2002, Canal Satélite Digital, C-390/99, Ġabra p. I-607, punt 18, u Siemens u ARGE Telekom, iċċitata iktar 'il fuq, punt 34).

29     F'dan il-każ, żgur li mhuwiex ċar li l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 6(1) tal-Protokoll rivedut hija manifestament inutli fir-rigward tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Kif osservat ġustament il-Kummissjoni, wieħed ma jistax fil-fatt jeskludi li, fl-ipotesi li s-sentenza tal-cour d'appel d'Aix-en-Provence tiġi mħassra mill-Cour de cassation, il-Protokoll rivedut ikun daħal fis-seħħ meta jkollha tingħata mill-ġdid deċiżjoni fuq il-mertu tal-kawża prinċipali.

30     Għaldaqstant, il-Protokoll rivedut għandu jittieħed ukoll in kunsiderazzjoni għall-finijiet tar-risposti għad-domandi preliminari.

 Fuq l-effett dirett ta' l-Artikolu 6(3) tal-Protokoll u ta' l-Artikolu 6(1) tal-Protokoll rivedut

 L-osservazzjonijiet tal-partijiet

31     EDF issostni li teżisti interdipendenza bejn id-diversi dispożizzjonijiet tal-Protokoll li trendi impossibbli r-rikonoxximent ta' effett dirett fir-rigward ta' l-Artikolu 6(3) tiegħu minkejja li dan fih stipulazzjoni ċara u preċiża.

32     B'dan il-mod, l-Artikolu 6(1) tal-Protokoll jistabbilixxi l-għan li "strettament jillimitaw" it-tniġġis ikkawżat mis-sustanzi jew mis-sorsi elenkati fl-Anness II (inklużi s-sustanzi li għandhom effett negattiv fuq il-kontenut ta' l-ossiġenu). Għalhekk, l-Artikolu 6(2) jorbot lill-partijiet sabiex jimplementaw, "b'mod konġunt jew individwalment", skond il-każ, "programmi u […] miżuri xierqa". Fl-aħħar nett, l-Artikolu 6(3) jeżiġi li sabiex isiru skarigi għandha tinkiseb "awtorizzazzjoni li tqis id-dispożizzjonijiet ta' l-Anness III". Issa, l-obbligu "li tqis" huwa ta' natura vaga ħafna li, fin-nuqqas ta' preċiżazzjonijiet, jista' jwassal sabiex l-iskarigi kollha jiġu suġġetti għal awtorizzazzjoni minħabba r-raġuni waħdanija li dawn jikkonċernaw waħda mis-sustanzi elenkati fl-Anness II tal-Protokoll. Dan ir-rekwiżit ikun madankollu totalment sproporzjonat fir-rigward ta' l-għan tal-Protokoll.

33     EDF tinvoka wkoll l-Artikolu 7(1) tal-Protokoll li jikkonċerna "in-normi [jew i]l-kriterj[i] [komuni]" li għandhom jiġu fformulati qabel l-implementazzjoni ta' sistema ta' awtorizzazzjoni minn qabel. Issa, sal-lum, dawn in-normi u kriterji għadhom ma ġewx definiti fir-rigward ta' l-iskarigi in kwistjoni.

34     Barra minn hekk, safejn il-Komunità hija parti tal-Konvenzjoni u tal-Protokoll, in-normi li għandhom jiġu adottati biex dawn jiġu implementati jistgħu jkunu prinċipalment ta' natura Komunitarja. Issa, sal-lum, ma teżisti l-ebda direttiva fir-rigward ta' l-iskarigi ta' ilma ħelu u ta' ħama f'bassasa b'ilma mielaħ.

35     Min-naħa tagħhom, is-Syndicat, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni jiddefendu t-teżi favur l-effett dirett ta' l-Artikolu 6(3) tal-Protokoll abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tat-30 ta' Settembru 1987, Demirel, 12/86, Ġabra p. 3719, punt 14).

36     B'dan il-mod, l-Artikolu 6(3) tal-Protokoll jinkludi, fid-dawl tat-termini tiegħu kif ukoll ta' l-għan u tan-natura tiegħu, l-obbligu ċar, preċiż u mingħajr kundizzjonijiet li l-iskarigi ta' sustanzi msemmija fl-Anness II tal-Protokoll għandu jiġi suġġett għall-ħruġ ta' awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Il-projbizzjoni stretta li jsir rimi fin-nuqqas ta' awtorizzazzjoni bħal din m'hija suġġetta, fl-eżekuzzjoni jew fl-effetti tagħha, għall-ebda riżerva jew għall-intervent ta' xi att sussegwenti. Barra minn hekk, l-Anness III tal-Protokoll, li għalih jagħmel referenza l-Artikolu 6(3) jelenka fid-dettal il-fatturi kollha li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex tinħareġ l-awtorizzazzjoni.

37     Skond il-Kummissjoni, in-nuqqas ta' miżuri, programmi u linji ta' gwida adottati b'mod konġunt la għandu l-effett li jipparalizza l-implementazzjoni tal-Protokoll u lanqas li jwaqqaf il-ħruġ ta' awtorizzazzjonijiet ta' skarigi, iżda jżid is-setgħa diskrezzjonali ta' l-Istati Membri fir-rigward tal-ħruġ ta' dawn l-awtorizzazzjonijiet li l-eżerċizzju tagħha huwa suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju.

38     Is-Syndicat u l-Kummissjoni jżidu li l-verżjoni ta' l-Artikolu 6, kif tirriżulta mill-Protokoll rivedut, u l-emendi l-oħra magħmula li dawn l-Annessi ma jibdlux l-evalwazzjoni preċedenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

39     Skond il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dispożizzjoni ta' ftehim konkluż mill-Komunità ma' pajjiżi terzi għandha tiġi kkunsidrata bħala li hija direttament applikabbli meta, fid-dawl tat-termini tagħha kif ukoll ta' l-għan u tan-natura tal-ftehim, din id-dispożizzjoni tinkludi obbligu ċar u preċiż li mhux suġġett, fl-eżekuzzjoni jew fl-effetti tiegħu, għall-intervent ta' xi att sussegwenti (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi Demirel, iċċitata iktar 'il fuq, punt 14, u tat-8 ta' Mejju 2003, Wählergruppe Gemeinsam, C-171/01, Ġabra p. I-4301, punt 54).

40     Sabiex jiġi deċiż jekk l-Artikolu 6(3) tal-Protokoll jissodisfax dawn il-kriterji, għandu jsir, qabel kollox, eżami tat-termini tiegħu.

41     F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi, f'termini ċari, preċiżi u mingħajr kundizzjonijiet, l-obbligu ta' l-Istati Membri li jissuġġettaw l-iskarigu ta' sustanzi elenkati fl-Anness II ta' l-istess Protokoll għall-ħruġ, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, ta' awtorizzazzjoni li tqis debitament id-dispożizzjonijiet ta' l-Anness III tal-Protokoll.

42     Kif enfasizzat ġustament il-Kummissjoni, il-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom marġni diskrezzjonali fir-rigward tal-ħruġ ta' awtorizzazzjonijiet, fir-rigward tal-kriterji msemmija fl-Anness III, bl-ebda mod ma jnaqqas il-kjarezza, il-preċiżjoni u l-karattru inkundizzjonali tal-projbizzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 6(3) tal-Protokoll li jsiru skarigi fin-nuqqas ta' awtorizzazzjoni minn qabel.

43     L-għan u n-natura tal-Protokoll jikkorroboraw din il-konstatazzjoni.

44     Fil-fatt, mill-Artikoli 1 u 4 tal-Protokoll jirriżulta li l-għan tiegħu huwa li ma jħallix, inaqqas, jiġġieled u jikkontrolla t-tniġġis fiż-żona tal-Baħar Mediterran ikkawżat minn skarigi mix-xmajjar, mill-istabbilimenti kostali jew mill-bokok tar-rilaxx, jew li joriġinaw minn kull sors ieħor ibbażat fuq it-territorju tal-Partijiet. Għal dan il-għan, filwaqt li jtenni l-impenni assunti bis-saħħa ta' l-Artikoli 4 sa 8 tal-Konvenzjoni, l-Artikolu 1 tal-Protokoll jimponi fuq il-Partijiet Kontraenti l-obbligu li jieħdu "l-miżuri xierqa kollha".

45     Billi jistabbilixxi sistema ta' awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fir-rigward ta' l-iskarigi tas-sustanzi msemmija fl-Anness II, l-Artikolu 6(3) tal-Protokoll jikkontribwixxi biex it-tniġġis minn sorsi bbażati fuq l-art taż-żona ta' applikazzjoni tal-Protokoll ikun ikkontrollat mill-Istati Membri. Ir-rikonoxximent ta' l-effett dirett tad-dispożizzjoni in kwistjoni tista' biss isservi l-għan tal-Protokoll, hekk kif imfakkar iktar 'il fuq, u tissodisfa n-natura ta' l-istrument li huwa intiż, b'mod partikolari, sabiex jevita t-tniġġis ikkawżat min-nuqqas ta' azzjoni min-naħa ta' l-awtoritajiet pubbliċi.

46     Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti japplikaw ukoll fir-rigward ta' l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 6(1) tal-Protokoll rivedut. Ir-referenza magħmula f'dan l-Artikolu għad-"deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-laqgħat tal-partijiet kontraenti", li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni, mhijiex ta' natura tali li tqajjem dubju dwar il-kjarezza, il-preċiżjoni u l-karattru inkundizzjonali tal-projbizzjoni ta' skarigu fin-nuqqas ta' awtorizzazzjoni. Barra minn hekk, l-emendi approvati bid-Deċiżjoni 1999/801 ma bidlu bl-ebda mod l-għan jew in-natura tal-Protokoll.

47     Fid-dawl ta' dak li għadu kemm intqal, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li, kemm l-Artikolu 6(3) tal-Protokoll kif ukoll l-Artikolu 6(1) tal-Protokoll rivedut, wara li dan jidħol fis-seħħ, għandhom effett dirett b'mod li kull persuna interessata għandha d-dritt li tinvoka l-imsemmija dispożizzjonijiet quddiem il-qrati nazzjonali.

 Fuq il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 6(3) tal-Protokoll u ta' l-Artikolu 6(1) tal-Protokoll rivedut

48     Kif osservaw ġustament is-Syndicat, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni, l-istess Anness III, imsemmi fl-Artikolu 6(3) tal-Protokoll u li jelenka l-fatturi li għandhom jitqiesu meta jinħarġu awtorizzazzjonijiet għall-iskarigu ta' skart, jirreferi għall-Anness II, li jsemmi s-sustanzi li jkun fih l-iskart in kwistjoni. Fost dawn is-sustanzi jinsabu, fil-punt 11, is-"[s]ustanzi li għandhom, direttament jew ind[i]rettament, effett ħażin fuq il-kontenut ta' l-ossiġenu ta' l-ambjent marittimu, speċjalment dawk li jistgħu joħolqu l-ewtrofikazzjoni", u fil-punt 13, is-"[s]ustanzi li, għalkemm mhux tossiċi min-natura tagħhom, jistgħu [j]siru ta' ħsara għall-ambjent marittimu jew jistgħu [j]fixklu xi użu leġittimu tal-baħar minħabba l-kwantitajiet li bihom ikunu skarigati".

49     Għandu jiġi kkonstatat li l-punti 11 u 13 ma jissuġġettawx ir-rekwiżit ta' awtorizzazzjoni minn qabel fir-rigward ta' l-iskarigu tas-sustanzi li huma jsemmu għat-tossiċità tagħhom.

50     L-istess konklużjoni għandha ssir fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 6(1) tal-Protokoll rivedut.

51     Fil-fatt, skond din id-dispożizzjoni, huwa l-"[i]skart ta' [għejun lokalizzati] fiż-żona tal-Protokoll [li skond l-Artikolu 3(d) tal-Protokoll rivedut tinkludi l-bassasiet ta' ilma mielaħ li huma kkomunikati mal-baħar Mediterran], kif ukoll skart fl-ilma jew fl-arja li jilħqu u li jistgħu jaffettwaw iż-żona tal-Mediterran" kollu, u mhux biss l-iskarigu ta' sustanzi msemmija fl-Anness II tal-Protokoll, li għandu minn issa 'l quddiem ikun "strettament suġġetti għall-awtorizzazzjoni jew regolazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti", li għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll rivedut u ta' l-Anness II tiegħu.

52     Fid-dawl ta' dak li għadu kemm intqal, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li kemm l-Artikolu 6(3) tal-Protokoll kif ukoll l-Artikolu 6(1) tal-Protokoll rivedut għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu, fin-nuqqas ta' awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, l-iskarigu f'bassasa ta' ilma mielaħ li hija kkomunikata mal-baħar Mediterran ta' sustanzi li, għalkemm mhumiex tossiċi, għandhom effett negattiv fuq il-kontenut ta' l-ossiġenu ta' l-ambjent marittimu.

 Fuq l-ispejjeż

53     L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern Franċiż u mill-Kummissjoni, li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

fir-rigward tad-domandi magħmula lilha mil-Cour de cassation, permezz ta' sentenza tas-6 ta' Mejju, taqta' u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikolu 6(3) tal-Protokoll dwar il-protezzjoni tal-Baħar Mediterran kontra t-tniġġis minn sorsi bbażati fuq l-art, iffirmat f'Ateni fis-17 ta' Mejju 1980 u approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 83/101/KEE, tat-28 ta' Frar 1983, kif ukoll, wara li dan jidħol fis-seħħ, l-Artikolu 6(1) ta' l-istess Protokoll, kif emendat waqt il-Konferenza tal-plenipotenzjarji li nżammet f'Sirakuża fis-7 u t-8 ta' Marzu 1996, liema emendi kienu approvati bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/801/KE, tat-22 ta' Ottubru 1999, għandhom effett dirett b'mod li kull persuna interessata għandha d-dritt li tinvoka l-imsemmija dispożizzjonijiet quddiem il-qrati nazzjonali.

2)      Dawn l-istess dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu, fin-nuqqas ta' awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, l-iskarigu f'bassasa ta' ilma mielaħ li hija kkomunikata mal-baħar Mediterran ta' sustanzi li, għalkemm mhumiex tossiċi, għandhom effett negattiv fuq il-kontenut ta' l-ossiġenu ta' l-ambjent marittimu.

Timmermans

Gulmann

Puissochet

Cunha Rodrigues

 

Schintgen

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta' Lulju 2004.

R. Grass

 

      C. W. A. Timmermans

Reġistratur

 

       President tat-Tieni Awla


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.