Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Ġermanja) fit-22 ta’ April 2021 – Facebook Inc. et vs Bundeskartellamt

(Kawża C-252/21)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberlandesgericht Düsseldorf

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Facebook Inc., Facebook Ireland Ltd, Facebook Deutschland GmbH

Konvenut: Verbraucherzentrale Bundesverband e.V.

Intervenjent: Verbraucherzentrale Bundesverband e.V.

Domandi preliminari

a) Huwa kompatibbli mal-Artikolu 51 et seq. tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (RĠPD) 1 jekk awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, bħall-Bundeskartellamt (l-Uffiċċju Federali tal-Kompetizzjoni), li ma hijiex awtorità superviżorja fis-sens tal-Artikolu 51 et seq. tar-RĠPD, ta’ Stat Membru li fih impriża stabbilita barra mill-Unjoni Ewropea jkollha fergħa li, fil-qasam tar-reklamar, tal-komunikazzjoni u tar-relazzjonijiet pubbliċi, tassisti lill-istabbiliment prinċipali ta’ din l-impriża li jinsab fi Stat Membru ieħor u li huwa esklużivament responsabbli għall-ipproċessar tad-data personali għat-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea, tikkonstata, fil-kuntest tal-kontroll ta’ prattiki abbużivi tad-dritt tal-kompetizzjoni, li l-kundizzjonijiet kuntrattwali tal-istabbiliment prinċipali relatati mal-ipproċessar tad-data kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet jiksru r-RĠPD u tordna t-tmiem ta’ dan il-ksur?

b) Fl-affermattiv: huwa kompatibbli mal-Artikolu 4(3) TUE jekk, fl-istess waqt, l-awtorità superviżorja ewlenija fl-Istat Membru fejn jinsab l-istabbiliment prinċipali, tissuġġetta l-kundizzjonijiet kuntrattwali ta’ dan l-aħħar dwar l-ipproċessar tad-data għal proċedura ta’ eżami, konformement mal-Artikolu 56(1) tar-RĠPD?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

a) Jekk utent tal-internet sempliċement jikkonsulta siti tal-internet jew applikazzjonijiet li fir-rigward tagħhom japplikaw il-kriterji tal-Artikolu 9(1) tar-RĠPD, bħal applikazzjonijiet ta’ namrar, siti ta’ namrar għall-omosesswali, siti internet ta’ partiti politiċi jew siti internet relatati mas-saħħa, jew jinserixxi data fihom, pereżempju meta jirreġistra jew jagħmel ordnijiet, u impriża oħra, bħal Facebook Ireland, tuża interfaċċi integrati f’dawn is-siti internet u applikazzjonijiet, bħal “Facebook Business Tools” jew cookies jew teknoloġiji ta’ ħażna simili mqiegħda fil-kompjuter jew fit-tagħmir ċellulari tal-utent tal-internet, sabiex tiġbor data dwar dawn il-konsultazzjonijiet ta’ siti internet u applikazzjonijiet u dwar informazzjoni mdaħħla mill-utent, u tirrelata din id-data mad-data tal-kont Facebook.com tal-utent u tużaha, din il-ġabra u/jew korrelazzjoni u/jew użu jinvolvu l-ipproċessar ta’ data sensittiva għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni?

b)    Fl-affermattiv: il-konsultazzjoni ta’ dawn is-siti internet jew applikazzjonijiet u/jew l-inserzjoni ta’ informazzjoni u/jew l-attivitazzjoni ta’ buttuni integrati fihom minn fornitur bħal Facebook Ireland (plugins soċjali bħal “Like”, “Share” jew “Facebook Login” jew “Account Kit”) irendu manifestament pubblika d-data li tikkonċerna l-konsultazzjoni fiha nnifisha u/jew l-informazzjoni inserita mill-utent, fis-sens tal-Artikolu 9(2)(e) tar-RĠPD?

3.    Impriża bħal Facebook Ireland, li topera network diġitali soċjali ffinanzjat mir-reklamar u li tipproponi, fil-kundizzjonijiet għall-użu tagħha, il-personalizzazzjoni tal-kontenut u tar-reklamar, is-sigurtà tan-network, it-titjib tal-prodott kif ukoll l-użu kontinwu u bla xkiel tal-prodotti kollha fil-grupp, tista’ tinvoka l-ġustifikazzjoni bbażata fuq in-neċessità tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt, konformement mal-Artikolu 6(1)(b) tar-RĠPD, jew it-teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi leġittimi, konformement mal-Artikolu 6(1)(f) tar-RĠPD, meta hija tiġbor, tirrelata mal-kont Facebook.com tal-utent u tuża, għal dawn il-finijiet, id-data minn servizzi oħra tal-grupp stess u minn siti internet u applikazzjonijiet terzi, permezz ta’ interfaċċi integrati f’dawn tal-aħħar, bħal “Facebook Business Tools” permezz ta’ cookies imqiegħda fil-kompjuter jew fit-tagħmir ċellulari tal-utent tal-internet, jew permezz ta’ teknoloġiji ta’ ħażna simili?

4.    F’tali każ,

–    il-fatt li l-utent huwa minuri, għall-finijiet tal-personalizzazzjoni tal-kontenut u tar-reklamar, tat-titjib tal-prodott, tas-sigurtà tan-network u tal-komunikazzjonijiet mhux kummerċjali mal-utent;

it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ miżuri, analiżijiet u servizzi oħra kummerċjali lil min jirreklama, lil żviluppaturi u lil imsieħba oħra, sabiex ikunu jistgħu jevalwaw il-prestazzjonijiet tagħhom u jtejbuhom,

it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ komunikazzjoni kummerċjali lill-utent, sabiex l-impriża tkun tista’ ttejjeb il-prodotti tagħha u twettaq kummerċjalizzazzjoni diretta,

ir-riċerka u l-innovazzjoni għall-finijiet soċjali, sabiex jiġi promoss l-istat tat-teknika jew il-fehim xjentifiku fir-rigward ta’ kwistjonijiet soċjali importanti u sabiex jiġu influwenzati b’mod pożittiv is-soċjetà u d-dinja,

l-informazzjoni lill-awtoritajiet responsabbli għall-prosekuzzjonijiet kriminali u għall-eżekuzzjoni tal-pieni, u r-risposta għal kwistjonijiet legali intiża għall-prevenzjoni, għall-identifikazzjoni u għall-prosekuzzjoni ta’ reati, użu illegali, ksur tal-kundizzjonijiet għall-użu u tal-politiki u aġir dannuż ieħor,

jistgħu jikkostitwixxu interessi leġittimi fis-sens tal-Artikolu 6(1)(f) tar-RĠPD meta, għal dan il-għan, l-impriża tiġbor, tirrelata mal-kont Facebook.com tal-utent u tuża d-data minn servizzi oħra tal-grupp stess u siti internet u applikazzjonijiet terzi, permezz ta’ interfaċċi integrati f’dawn tal-aħħar, bħal “Facebook Business Tools” jew permezz ta’ cookies imqiegħda fil-kompjuter jew fit-tagħmir ċellulari tal-utent tal-internet, jew permezz ta’ teknoloġiji ta’ ħażna simili?

5.    F’tali każ, il-ġbir ta’ data minn servizzi oħra tal-grupp stess u minn siti internet u applikazzjonijiet terzi, permezz ta’ interfaċċi integrati f’dawn tal-aħħar, bħal “Facebook Business Tools”, jew permezz ta’ cookies jew teknoloġiji ta’ ħażna simili maħżuna fil-kompjuter jew fit-tagħmir ċellulari tal-utent tal-internet, il-korrelazzjoni mal-kont Facebook.com tal-utent u l-użu ta’ din id-data jew inkella l-użu ta’ data diġà miġbura u mqiegħda f’korrelazzjoni mod ieħor jistgħu, f’każijiet individwali, jiġu ġġustifikati wkoll skont l-Artikolu 6(1)(c), (d) u (e) tar-RĠPD, pereżempju sabiex tingħata risposta għal talba legalment valida li tiġi pprovduta ċerta data (punt (c)) sabiex jiġi miġġieled aġir dannuż u tiġi promossa s-sigurtà (punt (d)) għall-finijiet ta’ riċerka għall-benefiċċju tas-soċjetà u sabiex jiġu promossi l-protezzjoni, l-integrità u s-sigurtà (punt (e))?

6.    Fil-konfront ta’ impriża li għandha pożizzjoni dominanti fis-suq, bħal Facebook Ireland, jista’ jingaħta kunsens validu, u b’mod partikolari liberu, fis-sens tal-Artikolu 4(11) tar-RĠPD, konformement mal-Artikolu 6(1)(a) u l-Artikolu 9(2)(a) tar-RĠPD?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda:

7.    Awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru, bħall-Uffiċċju Federali tal-Kompetizzjoni, li ma hijiex awtorità superviżorja fis-sens tal-Artikolu 51 et seq. tar-RĠPD u li teżamina ksur tal-projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni kommessi minn impriża li għandha pożizzjoni dominanti fis-suq li ma jikkonsistix fi ksur tar-RĠPD taħt il-kundizzjonijiet ta’ pproċessar tad-data u l-implimentazzjoni tagħhom, tista’ tistabbilixxi, pereżempju fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-interessi, jekk tali kundizzjonijiet ta’ pproċessar tad-data ta’ din l-impriża u l-implimentazzjoni tagħhom humiex konformi mar-RĠPD?

b)    Fl-affermattiv : fid-dawl tal-Artikolu 4(3) TUE, dan japplika wkoll jekk l-awtorità superviżorja prinċipali tissuġġetta l-kundizzjonijiet dwar l-ipproċessar tad-data ta’ din l-impriża għal proċedura ta’ eżami, konformement mal-Artikolu 56(1) tar-RĠPD?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għas-seba’ domanda, huwa neċessarju li tingħata risposta għat-tielet sal-ħames domanda fir-rigward ta’ data mill-użu tas-servizz Instagram tal-grupp.

____________

1 ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2