Language of document : ECLI:EU:T:2014:361

Kawża T‑145/08 DEP

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Atlas Transport GmbH

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern

(Trade marks u disinni) (UASI)

“Proċedura — Intaxxar tal-ispejjeż”

Sommarju — Digriet tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-21 ta’ Mejju 2014

1.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Taxxa — Qorti kompetenti fil-każ ta’ appell

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikoli 137 u 184; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 87(1))

2.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Kontenzjuz dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Spejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet għall-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell — Nuqqas ta’ deċiżjoni tal-Bord tal-Appell fuq l-ispejjeż tal-proċedimenti quddiemu

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 136(2); Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 85(1) u (6))

1.      Skont l-Artikoli 137 u 184 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll tal-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza jew fid-digriet li jagħlqu l-istanza. Għalhekk, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna r-rikorrent għall-ispejjeż, din il-kundanna għandha tiġi interpretata li tinkludi biss l-ispejjeż tal-appell. Fil-fatt, iċ-ċaħda tal-appell timplika li l-Qorti tal-Ġustizzja ma annullatx id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-ispejjeż.

Għaldaqstant, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa l-ammonti li jistgħu jinġabru fir-rigward tal-proċedura mressqa quddiemha fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza kkontestata. Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi t-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż tal-proċeduri mressqa quddiemha u li wasslu għas-sentenza appellata.

(ara l-punti 11-13)

2.      Mill-Artikolu 136(2) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq l-ispejjeż marbuta mal-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni). Għaldaqstant, talba għall-intaxxar ta’ tali spejjeż għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

Rigward l-ispejjeż imġarrba quddiem il-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju, meta dan l-uffiċċju jiċħad l-appell tar-rikorrenti mingħajr ma jiddeċiedi fuq l-ispejjeż tal-proċedimenti quddiemu, hija l-intervenjenti li għandha tippreżenta rikors quddiem ir-Reġistru tal-Bord tal-Appell, skont l-Artikolu 85(1) u (6) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, intiż għall-iffissar tal-ammont tal-ispejjeż li għandhom jiġu rrimborsati għall-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell. Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u l-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jaffettwawx din l-evalwazzjoni, peress li la l-Qorti Ġenerali u lanqas il-Qorti tal-Ġustizzja ma jqiegħdu inkwistjoni l-legalità tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell. Dawn il-proċeduri ġudizzjarji dewmu biss id-data li fiha d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li kienet is-suġġett tat-talba għall-iffissar tal-ispejjeż saret definittiva.

Għaldaqstant, permezz ta’ analoġija mal-każ li fih, peress li l-Bord tal-Appell kien iddeċieda fuq l-ispejjeż u peress li d-deċiżjoni tiegħu baqgħet valida wara ċ-ċaħda tar-rikors tar-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali, din il-qorti ma tiddeċidix fuq l-ispejjeż imġarrba quddiem il-Bord tal-Appell, ma hemmx lok li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi, f’din il-kawża, fuq l-ispejjeż quddiem il-Bord tal-Appell.

(ara l-punti 17, 20-22)