Language of document : ECLI:EU:C:2018:192

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

20 ta’ Marzu 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/6/KE – Insider dealing – Sanzjonijiet – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi sanzjoni amministrattiva u sanzjoni kriminali għall-istess fatti – Awtorità ta’ res judicata ta’ sentenza kriminali finali fuq il-proċedura amministrattiva – Sentenza kriminali finali li tiskaġuna minn insider dealing – Effettività tas-sanzjonijiet – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 50 – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Natura kriminali tas-sanzjoni amministrattiva – Eżistenza tal-istess ksur – Artikolu 52(1) – Limitazzjonijiet għall-prinċipju ta’ ne bis in idem – Kundizzjonijiet”

Fil-Kawżi magħquda C‑596/16 u C‑597/16,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tas‑27 ta’ Mejju 2016, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Novembru 2016, fil-proċeduri

Enzo Di Puma

vs

Commissione Nazionale per le Società e la Borsa (Consob) (C‑596/16),

u

Commissione Nazionale per le Società e la Borsa (Consob)

vs

Antonio Zecca (C‑597/16),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi-President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, T. von Danwitz (Relatur), A. Rosas u E. Levits, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, S. Rodin, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑30 ta’ Mejju 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal E. Di Puma, minn A. Frangini, F. Belloni u L. Vozza, avvocati,

–        għal A. Zecca, minn M. Gariboldi u A. Cabras avvocati,

–        għall-Commissione Nazionale per le Società e la Borsa (Consob), minn S. Providenti, R. Vampa u P. Palmisano, avvocati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Galluzzo u P. Gentili, avvocati dello Stato,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u D. Klebs, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, M. Figueiredo u F. Costa Pinto, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Di Bucci, R. Troosters u T. Scharf, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Settembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u d-Direttiva 2014/57/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 dwar sanzjonijiet kriminali għal abbuż tas-suq (direttiva dwar l-abbuż tas-suq) (ĠU 2014, L 173, p. 179).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn, għall-ewwel waħda, Enzo Di Puma u l-Commissione Nazionale per le Società e la Borsa (il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Kumpanniji u l-Borża, l-Italja) (iktar ’il quddiem il-“Consob”), u, għat-tieni waħda, il-Consob u Antonio Zecca, dwar il-legalità ta’ sanzjonijiet amministrattivi pekunjarji imposti minħabba insider dealing.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-KEDB

3        L-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), intitolat “Id-dritt li persuna ma tiġix ipproċessata jew ikkastigata darbtejn”, jipprovdi

“1.      Ħadd ma jista’ jkun ipproċessat jew jerġa’ jiġi kkastigat għal darb’oħra fi proċedimenti kriminali taħt il-ġurisdizzjoni tal-istess Stat għal xi reat li dwaru jkun diġà ġie finalment liberat jew misjub ħati skont il-liġi u l-proċedura penali ta’ dak l-Istat.

2.      Id-disposizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti ma għandhomx iżommu milli l-każ jerġa’ jinfetaħ skont il-liġi u l-proċedura penali tal-Istat inkwistjoni, jekk ikun hemm provi ta’ xi fatti ġodda jew li jkunu għadhom kif ġew żvelati, jew inkella jekk ikun ħemm xi vizzju fondamentali fil-proċedimenti ta’ qabel, li jista’ jkollhom effett fuq kif jiżvolġi l-każ.

3.      Ebda deroga minn dan l-artikolu ma għandha ssir taħt l-artikolu 15 tal-Konvenzjoni.”

 Id-dritt tal-Unjoni

4        L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2003 dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 367), huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu lil kull persuna msemmija fit-tieni subparagrafu li għandha informazzjoni minn ġewwa milli tuża dik l-informazzjoni billi takkwista jew tiddisponi minn, jew billi tipprova takkwista jew tiddisponi minn, għall-kont proprju jew għall-kont ta’ parti terza, jew direttament jew indirettament, strumenti finanzjarji li tirrelata għalihom l-informazzjoni.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika għal kwalunkwe persuna li tippossjedi dik l-informazzjoni:

[…]

c)      billi jkollha aċċess għall-informazzjoni permezz ta’ l-eżerċizzju ta’ l-impjieg, il-professjoni jew id-dmirijiet tagħha; jew

d)      permezz ta’ l-attivitajiet kriminali tagħha.”

5        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu lil kull persuna soġġetta għall-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2 milli:

a)      tiżvela informazzjoni minn ġewwa lil xi persuna oħra sakemm dan l-iżvelar ma jsirx fl-eżerċizzju normali ta’ l-impjieg, il-professjoni jew id-dmirijiet tagħha;

b)      tirrakkomanda jew tinduċi persuna oħra, abbażi ta’ informazzjoni minn ġewwa, sabiex takkwista jew tiddisponi minn strumenti finanzjarji li tirrelata għalihom dik l-informazzjoni.”

6        L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/6 jistipula:

“Mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ Stati Membri li jimponu sanzjonijiet kriminali, Stati Membri għandhom jassiguraw, in konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, li l-miżuri amministrattivi approprjati jistgħu jittieħdu jew sanzjonijiet amministrattivi jiġu imposti kontra l-persuni responsabbli meta ma jkunx hemm konformità mad-dispożizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li dawn il-miżuri huma effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

 Id-dritt Taljan

7        L-Artikolu 184 tad-decreto legislativo n. 58 – Testo unico delle disposizioni in materia di intermediazione finanziaria, ai sensi degli articoli 8 e 21 della legge 6 febbraio 1996, n. 52 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 58 dwar test uniku ta’ dispożizzjonijiet dwar l-intermedjazzjoni finanzjarja, fis-sens tal-Artikoli 8 u 21 tal-Liġi tas‑6 ta’ Frar 1996, Nru 52), tal‑24 ta’ Frar 1998 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 71, tas‑26 ta’ Marzu 1998), kif emendat bil-legge n. 62 – Disposizioni per l’adempimento di obblighi derivanti dall’appartenenza dell’Italia alle Comunità europee. Legge comunitaria 2004 (il-Liġi Nru 62 dwar dispożizzjonijiet maħsuba għall-implementazzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mis-sħubija tal-Italja fil-Komunità Ewropea, il-liġi Komunitarja tal‑2004), tat‑18 ta’ April 2005 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 76, tas‑27 ta’ April 2005) (iktar ’il quddiem it-“TUF”), intitolat “Abbuż ta’ informazzjoni privileġġata”, jipprovdi:

“1.      Għandha tingħata sentenza ta’ priġunerija ta’ bejn sena u sitt snin u multa ta’ bejn EUR 20 000 u EUR 3 000 000 lil dawk li, waqt li jkollhom informazzjoni privileġġata minħabba li jkunu membri ta’ korpi amministrattivi, ta’ ġestjoni jew ta’ kontroll tal-emittent, minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-kapital tal-emittent jew minħabba t-twettiq ta’ attività ta’ xogħol, ta’ professjoni jew funzjoni, inkluż ta’ natura pubblika, jew pożizzjoni:

a)      jakkwistaw jew ibigħu strumenti finanzjarji jew iwettqu tranżazzjonijiet oħra fuqhom, direttament jew indirettament, f’isimhom jew f’isem terzi, billi jużaw dik l-informazzjoni;

b)      jikkomunikaw dik l-informazzjoni lil terzi, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-twettiq normali tax-xogħol, il-professjoni, il-funzjoni jew il-pożizzjoni;

c)      jagħtu rakkomandazzjonijiet lil terzi sabiex iwettqu kwalunkwe waħda mit-tranżazzjonijiet imsemmija fil-punt (a) jew iħeġġuhom sabiex jagħmlu dan, fuq il-bażi ta’ tali informazzjoni.

2.      Għandha tingħata l-piena ppprovduta fil-paragrafu 1 lil dawk waqt li jkollhom informazzjoni privileġġata bil-għan li jippreparaw jew iwettqu attivitajiet kriminali, iwettqu xi waħda mill-atti msemmija f’dak il-paragrafu 1. […]”

3.      L-imħallef jista’ jżid il-multa sat-tripplu tal-[massimu previst] jew sa ammont superjuri jew ugwali għal għaxar darbiet iktar mill-prodott jew il-benefiċċju miksub mir-reat, meta l-multa tkun insuffiċjenti, minkejja li jkun ġie applikat l-ammont massimu, fid-dawl tal-gravità tal-aġir li jikkostitwixxi ksur, il-kwalitajiet personali tal-awtur tar-reat jew l-ammont tal-prodott jew tal-benefiċċju miksub.

[…]”

8        L-Artikolu 187a tat-TUF, miżjud fih bil-Liġi tat‑18 ta’ April 2005 imsemmija fil-punt preċedenti, huwa intitolat “Abbuż ta’ informazzjoni privileġġata”. Huwa fformulat kif ġej:

“1.      Mingħajr preġudizzju għas-sanzjonijiet kriminali meta l-att jikkostitwixxi reat, għandha tingħata multa amministrattiva ta’ bejn EUR 100 000 u EUR 15 000 000, lil dawk li, waqt li jkollhom informazzjoni privileġġata minħabba l-istatus tagħhom bħala membri tal-korpi amministrattivi, ta’ ġestjoni jew ta’ kontroll tal-emittent, minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-kapital tal-emittent jew minħabba t-twettiq ta’ attività ta’ xogħol, professjoni jew funzjoni, inkluż ta’ natura pubblika, jew pożizzjoni:

a)      jakkwistaw jew ibigħu strumenti finanzjarji jew iwettqu tranżazzjonijiet oħra fuqhom, direttament jew indirettament, f’isimhom jew f’isem terzi, billi jużaw dik l-informazzjoni;

b)      jikkomunikaw dik l-informazzjoni lil terzi, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-twettiq normali tax-xogħol, il-professjoni, il-funzjoni jew il-pożizzjoni;

c)      jagħtu rakkomandazzjonijiet lil terzi sabiex iwettqu kwalunkwe waħda mit-tranżazzjonijiet imsemmija fil-punt (a) jew iħeġġuhom sabiex jagħmlu dan, fuq il-bażi ta’ tali informazzjoni.

2.      Għandha tingħata s-sanzjoni pprovduta fil-paragrafu 1 lil dawk li waqt li jkollhom informazzjoni privileġġata bil-għan li jippreparaw jew iwettqu attivitajiet kriminali, iwettqu xi waħda mill-atti msemmija f’dak il-paragrafu 1.

[…]

4.      Is-sanzjoni pprovduta fil-paragrafu 1 għandha tiġi imposta wkoll fuq dawk li, waqt li jkollhom informazzjoni privileġġata u jkunu jafu jew jistgħu jsiru jafu, b’diliġenza ordinarja, in-natura privileġġata tal-informazzjoni li jkollhom, iwettqu kwalunkwe wada mill-atti deskritti fil-paragrafu msemmi.

5.      Is-sanzjonijiet amministrattivi pekunjarji previsti fil-paragrafi [1, 2 u 4] għandhom jiżdiedu sa tliet darbiet [l-ammont previst] jew sal-ammont ugwali għal għaxar darbiet il-prodott jew il-profitt miksub mill-ksur meta, fid-dawl tal-kwalità tat-trasgressur jew tal-ammont tal-prodott jew tal-profitt miksub b’dan il-mod, is-sanzjonijiet ikunu insuffiċjenti, anki jekk jiġi applikat l-ammont massimu.

[…]”

9        Ir-relazzjonijiet bejn il-proċedura kriminali u l-proċedura amministrattiva u dik ta’ oppożizzjoni huma rregolati mill-Artikoli 187i sa 187l tat-TUF. L-imsemmi Artikolu 187i, intitolat “Relazzjonijiet mal-ġudikatura”, jistipula:

“1.      Meta jkollu għarfien ta’ xi wieħed mill-ksur previsti mill-Kapitolu II, l-Uffiċċju tal-Prosekutur għandu jinforma mingħajr dewmien lill-President tal-[Consob] dwar dan.

2.      Il-President tal-[Consob] għandu jibgħat lill-Uffiċċju tal-Prosekutur, permezz ta’ rapport motivat, id-dokumentazzjoni miġbura fl-eżerċizzju tal-attività ta’ verifika malli jinstabu elementi li jippuntaw lejn l-eżistenza ta’ ksur. L-atti għandhom jintbagħtu lill-Uffiċċju tal-Prosekutur l-iktar tard fl-aħħar tal-attività ta’ determinazzjoni tal-ksur imsemmi fid-dispożizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III ta’ dan it-titolu.

3.      Il-[Consob] u l-awtorità ġudizzjarja għandhom jikkoperaw bejniethom, inkluż permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni, bl-għan li jiffaċilitaw id-determinazzjoni tal-ksur imsemmi f’dan it-titolu, inkluż meta dan il-ksur ma jkunx jikkostitwixxi reat. […]”

10      Skont l-Artikolu 187j tat-TUF, intitolat “Fakultà tal-[Consob] fil-proċedura kriminali”:

“1.      Fil-proċeduri dwar ir-reati msemmija fl-Artikoli 184 u 185, il-[Consob] għandha teżerċita d-drittijiet u l-possibbiltajiet mogħtija mill-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali lill-entitajiet u lill-assoċċjazzjonijiet rappreżentattivi ta’ interessi leżi mill-ksur.

2.      Il-[Consob] tista’ tkun parti ċiviliu titlob, bħala kumpens għad-danni kkawżati mill-ksur għas-suq kollu, somma ffissata mill-qorti, inkluż b’mod ekwu, fid-dawl madankollu tat-twettiq effettiv tal-ksur, tal-kwalitajiet personali tat-trasgressur u tal-ammont tal-prodott jew tal-profitt miksub mill-ksur.”

11      L-Artikolu 187k(1) tat-TUF jipprovdi:

“Il-proċedura amministrattiva ta’ determinazzjoni u l-proċedura ta’ oppożizzjoni pprovduti fl-Artikolu 187f ma jistgħux jiġu sospiżi minħabba l-fatt li jkun hemm proċeduri kriminali pendenti li s-suġġett tagħhom ikunu l-istess fatti jew fatti li d-determinazzjoni tagħhom tiddependi fuq id-deċiżjoni korrispondenti.”

12      L-Artikolu 654 tal-codice di procedura penale (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem il-“KPP”) jipprovdi:

“Fil-konfront tal-akkużat, tal-parti ċivili jew tal-parti responsabbli ċivilment li resqet quddiem qorti jew li interveniet fil-proċeduri kriminali, is-sentenza kriminali irrevokabbli ta’ kundanna jew ta’ liberazzjoni mogħtija wara proċedura kontradittorja għandha l-awtorità ta’ res judicata fil-proċedura ċivili jew amministrattiva, meta din tirrigwarda dritt jew interess leġittimu li r-rikonoxximent tiegħu jiddependi mill-konstatazzjoni tal-istess fatti materjali bħal dawk li kienu s-suġġett tal-proċeduri kriminali, sakemm il-fatti kkonstatati kienu meqjusa bħala rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni kriminali u sakemm il-liġi ċivili ma timponix limitazzjonijiet fuq il-prova tas-sitwazzjoni suġġettiva kontenzjuża.”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

13      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Novembru 2012, il-Consob imponiet sanzjonijiet amministrattivi pekunjarji fuq E. Di Puma u A. Zecca skont l-Artikolu 187a(1) u (4) tat-TUF.

14      Skont din id-deċiżjoni, E. Di Puma u A. Zecca pparteċipaw, matul is-sena 2008, f’insider dealing. B’mod partikolari, huma akkwistaw, fl‑14 u s‑17 ta’ Ottubru 2008, 2 375 azzjoni ta’ Permasteelisa SpA billi użaw informazzjoni privileġġata dwar il-proġett ta’ teħid ta’ kontroll ta’ din il-kumpannija, liema informazzjoni A. Zecca kellu għarfien tagħha minħabba l-impjieg tiegħu u l-funzjonijiet eżerċitati fi ħdan Deloitte Financial Advisory Services SpA u li E. Di Puma ma setax ma kienx jaf bin-natura privileġġata tagħha.

15      E. Di Puma u A. Zecca kkontestaw l-imsemmija deċiżjoni quddiem il-Corte d’appello di Milano (il-Qorti tal-Appell ta’ Milano, l-Italja). Permezz ta’ sentenzi tal‑4 ta’ April u tat‑23 ta’ Awwissu 2013, din il-qorti ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn E. Di Puma u laqgħet dak ippreżentat minn A. Zecca, rispettivament.

16      E. Di Puma u l-Consob appellaw fil-kassazzjoni mill-ewwel u mit-tieni sentenza, rispettivament, quddiem il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja). E. Di Puma argumenta li huwa kien suġġett għal proċeduri kriminali quddiem it-Tribunale di Milano (il-Qorti Distrettwali ta’ Milano, l-Italja) għall-istess fatti bħal dawk li kien ġie kkritikat għalihom mill-Consob u li dik il-qorti, permezz ta’ sentenza finali sussegwenti għas-sentenzi tal-Corte d’appello di Milano (il-Qorti tal-Appell ta’ Milan), kienet skaġunathom, għar-raġuni li l-fatti li jikkostitwixxu l-ksur ma kinux ġew stabbiliti. Min-naħa tiegħu, A. Zecca, konvenut fil-proċedura relatata mal-appell fil-kassazzjoni tal-Consob, ibbenefika wkoll minn dik is-sentenza ta’ skaġunar.

17      Wara li rrilevat li l-imsemmija sentenza ta’ skaġunar effettivament kienet tirrigwarda l-istess aġir bħal dak li għalih il-Consob imponiet, permezz tad-deċiżjoni tas‑7 ta’ Novembru 2012, is-sanzjonijiet amministrattivi pekunjarji inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, skont l-Artikolu 654 tal-KPP, il-konstatazzjonijiet f’dik l-istess sentenza ta’ skaġunar fir-rigward tal-assenza ta’ ksur igawdu mill-awtorità ta’ res judicata fil-konfront tal-proċeduri amministrattivi. Hija tqis madankollu li t-tilwim li hija adita bih ma jistax jiġi riżolt abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali biss, fid-dawl tas-supremazija tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB u tal-Artikolu 50 tal-Karta fuq din il-leġiżlazzjoni.

18      Issa, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB, il-qorti tar-rinviju tqis li l-fatt li l-istess insider dealing huwa punit, skont l-Artikoli 184 u 187a tat-TUF, kemm b’sanzjonijiet kriminali kif ukoll b’sanzjonijiet amministrattivi pekunjarji, jista’ jwassal għal ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem iggarantit f’dan l-Artikolu 4, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, b’mod partikolari fis-sentenza tagħha tal‑4 ta’ Marzu 2014, Grande Stevens et vs L‑Italja (ECLI:CE:ECHR:2014:0304JUD001864010). Fil-fatt, tali sanzjonijiet amministrattivi pekunjarji għandhom, fid-dawl tal-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom fid-dritt nazzjonali, tan-natura u tal-gravità tagħhom, natura kriminali. Barra minn hekk, il-kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet kriminali u amministrattivi inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jirrigwarda l-istess ksur, mifhum li jirrigwarda fatti identiċi.

19      Fir-rigward tal-Artikolu 50 tal-Karta, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk dan jipprekludix ukoll tali kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet. Fil-fatt, skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/6, l-Istati Membri huma obbligati li jikkastigaw insider dealing b’sanzjonijiet amministrattivi effettivi, proporzjonati u dissważivi. Għaldaqstant, skont din id-dispożizzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jevalwaw in-natura effettiva, proporzjonata u dissważiva ta’ sanzjoni amministrattiva li hija akkumulata ma’ sanzjoni kriminali.

20      Issa, fis-sentenza tagħha tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punti 34 u 36), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li l-Artikolu 50 tal-Karta jipprekludi li, wara li tiġi imposta sanzjoni fiskali finali ta’ natura kriminali fis-sens ta’ dan l-artikolu, jiġu ordnati proċeduri kriminali għall-istess fatti kontra l-istess persuna iżda, min-naħa l-oħra, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk is-sanzjonijiet rimanenti humiex effettivi, proporzjonati u dissważivi. Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 50 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza t-tkomplija ta’ proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja wara sentenza kriminali finali, li għandha l-awtorità ta’ res judicata, li kkonstatat l-assenza ta’ ksur, meta din il-proċedura tista’ tidher li hija neċessarja sabiex jiġi ssodisfat l-obbligu li jiġu previsti sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi.

21      Skont din il-qorti, minkejja li l-effettività, is-supremazija u l-unità tad-dritt tal-Unjoni jistgħu jiġġustifikaw kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet, tali ġustifikazzjoni tisparixxi meta l-qorti kriminali kompetenti tkun ikkonstatat, b’mod finali, li l-fatti li l-eżistenza taż-żewġ reati u ksur amministrattiv inkwistjoni tiddependi fuqhom, ma humiex stabbiliti. Barra minn hekk, il-fatt, f’din l-ipoteżi tal-aħħar, li titkompla l-proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja jimplika r-riskju ta’ kunflitt ta’ sentenzi u, għaldaqstant, jista’ jimmina l-awtoritàta’ res judicata li għandha s-sentenza kriminali finali. Madankollu, il-modalitajiet tal-implementazzjoni tal-prinċipju tal-awtoritàta’ res judicata għandhom josservaw il-prinċipju ta’ effettività.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte suprema di Cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 50 tal-[Karta] għandu jiġi interpretat fis-sens li ladarba deċiżjoni definittiva tkun ikkonstatat li l-fatti li jikkostitwixxu reat kriminali ma ġewx stabbiliti, u mingħajr ma hemm bżonn ta’ evalwazzjoni ġdida mill-qorti nazzjonali, l-ebda proċedura oħra intiża għall-adozzjoni ta’ sanzjonijiet li, min-natura u l-gravità tagħhom, għandhom jiġu kklassifikati bħala sanzjonijiet penali ma tista’ tinbeda jew titkompla għall-istess fatti?

2)      Il-qorti nazzjonali, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tan-natura effettiva, proporzjonata u dissważiva tas-sanzjonijiet, għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-ksur tal-prinċipju ne bis in idem imsemmi fl-Artikolu 50 tal-[Karta], għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-limiti ta’ piena li jirriżultaw mid-Direttiva [2014/57]?”

23      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑23 ta’ Diċembru 2016, il-Kawżi C‑596/16 u C‑597/16 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

24      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li l-ewwel domanda ssemmi l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 654 tal-KPP mal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/6 u d-dritt fundamentali ggarantit f’dan l-Artikolu 50. Skont din il-qorti, interpretazzjoni li tipprovdi li l-Artikolu 14(1) jeżiġi, minkejja l-prinċipju ta’ ne bis in idem, li titkompla proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja anki wara sentenza kriminali finali ta’ skaġunar li għandha l-awtorità ta’ res judicata, tista’ timmina l-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata, kuntrarjament għal dak li jipprevedi l-Artikolu 654 tal-KPP.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jinftiehem li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/6, moqri fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja ma tistax titkompla wara sentenza kriminali finali ta’ skaġunar li tkun ikkonstatat li l-fatti li jistgħu jikkostitwixxu ksur tal-leġiżlazzjoni dwar insider dealing, li abbażi tagħha nfetħu wkoll dawn il-proċeduri, ma kinux stabbiliti.

26      F’dan ir-rigward, hemm lok jiġi rrilevat li l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/6, moqri flimkien mal-Artikoli 2 u 3 tagħha, jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu sanzjonijiet amministrattivi effettivi, proporzjonati u dissważivi għall-ksur tal-projbizzjoni ta’ insider dealing. Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva huwa limitat li jobbliga lill-Istati Membri li jipprevedu sanzjonijiet amministrattivi b’tali karatteristiċi, mingħajr ma jeżiġi mill-Istati Membri li jistabbilixxu wkoll sanzjonijiet kriminali fil-konfront tal-awturi ta’ insider dealing (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2009, Spector Photo Group u Van Raemdonck, C‑45/08, EU:C:2009:806, punt 42), xorta jibqa’ l-fatt li l-Istati Membri jistgħu wkoll jipprevedu kumulu ta’ sanzjonijiet kriminali u amministrattivi, b’osservanza, madankollu, tal-limiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, ta’ dawk li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ne bis in idem iggarantit fl-Artikolu 50 tal-Karta, liema limiti tal-aħħar huma imposti, skont l-Artikolu 51(1) tagħha, fl-implementazzjoni ta’ dan id-dritt.

27      Madankollu, l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi effettivi, proporzjonati u dissważivi, li jipprevedi l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/6 fil-każ ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ insider dealing, tippresupponi li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jikkonstataw fatti li jistabbilixxu l-eżistenza, fil-każ inkwistjoni, ta’ tali abbuż li jista’ jiġġustifika l-impożizzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva.

28      Issa, bħalma jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, fil-kuntest tal-kawżi prinċipali, ġie kkonstatat, wara proċeduri kriminali kontradittorji, permezz ta’ sentenza kriminali finali li għandha l-awtorità ta’ res judicata, li l-elementi li jikkostitwixxu insider dealing ma kinux stabbiliti.

29      Il-kwistjoni tqum, għaldaqstant, f’dan il-kuntest, dwar jekk l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/6 jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 654 tal-KPP, li jestendi għall-proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja l-awtorità ta’ res judicata ta’ dawn il-konstatazzjonijiet fattwali magħmula fil-kuntest tal-proċeduri kriminali.

30      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li la dan l-Artikolu 14(1) u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2003/6 ma jippreċiżaw l-effetti ta’ sentenza kriminali finali ta’ skaġunar fuq il-proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja.

31      Barra minn hekk, fid-dawl tal-importanza li għandu l-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix l-obbligu li ma jiġux applikati r-regoli ta’ proċedura nazzjonali li jagħtu l-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, f’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti, C‑213/13, EU:C:2014:2067, punti 58 u 59, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Târşia, C‑69/14, EU:C:2015:662, punti 28 u 29).

32      F’dan il-każ, ebda ċirkustanza partikolari tal-kawżi prinċipali, bħal dawk deskritti fil-proċess fid-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma tiġġustifika approċċ differenti minn dak użat fil-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li l-Artikolu 654 tal-KPP jestendi l-effetti tar-res judicata li tirriżulta minn proċeduri kriminali għall-proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja, mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, kif ippreċiżat fid-deċiżjoni tar-rinviju, jirriżulta li l-awtorità ta’ res judicata hija limitata għall-konstatazzjonijiet fattwali magħmula minn sentenza kriminali mogħtija wara proċedura kontradittorja.

33      Issa, skont l-Artikolu 187j tat-TUF, il-Consob għandha l-fakultà li tipparteċipa fil-proċeduri kriminali, b’mod partikolari billi tkun parti ċivili, u barra minn hekk hija obbligata, skont l-Artikolu 187i tat-TUF, tittrażmetti lill-awtoritajiet ġudizzjarji d-dokumentazzjoni miġbura fl-eżerċizzju tal-attività ta’ verifika tagħha. Fid-dawl ta’ dawn il-modalitajiet, jidher li l-Consob tista’ effettivament tiżgura li sentenza kriminali ta’ kundanna jew, bħal fil-kawżi prinċipali, ta’ skaġunar tingħata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-provi kollha fid-dispożizzjoni ta’ din l-awtorità sabiex timponi sanzjoni amministrattiva pekunjarja skont l-Artikolu 187a tat-TUF.

34      Għaldaqstant, l-awtoritàta’ res judicata li dispożizzjoni nazzjonali tagħti għall-konstatazzjonijiet fattwali ta’ tali sentenza kriminali fil-konfront tal-proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja ma tipprekludix li ksur tal-leġiżlazzjoni dwar insider dealing ikun jista’ jiġi kkonstatat u ssanzjonat b’mod effettiv, fl-ipoteżi li, skont din is-sentenza kriminali, il-fatti inkwistjoni huma stabbiliti.

35      Fl-ipoteżi kuntrarja, l-obbligu impost fuq l-Istati Membri mill-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/6, li jipprevedu sanzjonijiet amministrattivi effettivi, proporzjonati u dissważivi ma jistax, fid-dawl ta’ dak li tfakkar fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, iwassal sabiex titneħħa l-awtoritàta’ res judicata li għandha sentenza kriminali ta’ skaġunar, skont dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 654 tal-KPP, fil-konfront ta’ proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva li tirrigwarda l-istess fatti bħal dawk li l-imsemmija sentenza qieset mhux stabbiliti. Tali evalwazzjoni hija bla ħsara għall-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 4(2) tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB, li jinfetħu mill-ġdid, jekk ikun il-każ, il-proċeduri kriminali meta fatti ġodda jew li ġew skopruti reċentement jew difett fundamentali fil-proċedura preċedenti jkunu ta’ natura li jaffettwaw is-sentenza kriminali mogħtija.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/6 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

37      Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 50 tal-Karta.

38      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-fatti li E. Di Puma u A. Zecca huma akkużati bihom fil-kuntest tal-proċeduri ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja inkwistjoni fil-kawżi prinċipali huma l-istess bħal dawk li abbażi tagħhom inbdew il-proċeduri kriminali kontrihom quddiem it-Tribunale di Milano (il-Qorti Distrettwali ta’ Milan). Barra minn hekk, is-sanzjonijiet amministrattivi pekunjarji inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jistgħu, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fil-proċess fid-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jilħqu, skont l-Artikolu 187a tat-TUF, ammont ugwali għal għaxar darbiet il-prodott jew il-profitt mill-ksur. Jidher għaldaqstant li dawn għandhom għan repressiv u grad għoli ta’ severità u, għaldaqstant, huma ta’ natura kriminali fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ llum, Garlsson Real Estate, C‑537/16, punti 34 u 35), fatt li hija madankollu l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

39      Hemm lok jiżdied li, skont il-kliem stess tal-imsemmi Artikolu 50, il-protezzjoni mogħtija mill-prinċipju ta’ ne bis in idem ma hijiex limitata għas-sitwazzjoni li fiha l-persuna kkonċernata tkun diġà ġiet ikkundannata b’sentenza li saret res judicata, iżda testendi wkoll għal dik li fiha din il-persuna nstabet mhux ħatja.

40      Għaldaqstant jidher li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, it-tkomplija ta’ proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ natura kriminali, ibbażata fuq l-istess fatti, tikkostitwixxi limitazzjoni tad-dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 50 tal-Karta (ara, b’analoġija, is-sentenzi ta’ llum, Menci, C‑524/15, punt 39, u Garlsson Real Estate, C‑537/16, punt 41).

41      Tali limitazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem tista’ madankollu tiġi ġġustifikata abbażi tal-Artikolu 52(1) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Mejju 2014, Spasic, C‑129/14 PPU, EU:C:2014:586, punti 55 u 56; kif ukoll is-sentenzi ta’ llum, Menci, C‑524/15, punt 40, u Garlsson Real Estate, C‑537/16, punt 42).

42      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-għan li tiġi protetta l-integrità tas-swieq finanzjarji u l-fiduċja tal-pubbliku fl-istrumenti finanzjarji huwa ta’ natura li jiġġustifika kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali kif previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, meta dawn il-proċeduri u dawn is-sanzjonijiet ifittxu, sabiex jintlaħaq tali għan, għanijiet komplementari li jirrigwardaw, skont il-każ, aspetti differenti tal-istess aġir li jikkostitwixxi ksur ikkonċernat, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ llum, Garlsson Real Estate, C‑537/16, punt 46).

43      Madankollu, it-tkomplija ta’ proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ natura kriminali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, wara li l-proċeduri kriminali jingħalqu b’mod finali, hija suġġetta għall-osservanza stretta tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ llum, Garlsson Real Estate, C‑537/16, punt 48). F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, b’differenza għas-sitwazzjoni li wasslet għas-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105), li fiha l-proċeduri kriminali kienu nbdew wara l-impożizzjoni ta’ sanzjoni fiskali, il-kawżi prinċipali jqajmu l-kwistjoni dwar jekk proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ natura kriminali tistax titkompla fil-każ li sentenza kriminali finali ta’ skaġunar tkun ikkonstatat li l-fatti li jistgħu jikkostitwixxu ksur tal-leġiżlazzjoni dwar insider dealing, li abbażi tiegħu kienet infetħet ukoll din il-proċedura, ma kinux stabbiliti.

44      Issa, f’sitwazzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, it-tkomplija ta’ proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ natura kriminali taqbeż b’mod manifest dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, peress li teżisti sentenza kriminali finali ta’ skaġunar li tikkonstata l-assenza ta’ elementi li jikkostitwixxu l-ksur li l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/6 huwa intiż li jissanzjona.

45      Fil-fatt, fid-dawl ta’ tali konstatazzjoni, li għandha l-awtoritàta’ res judicata anki fil-konfront ta’ tali proċedura, it-tkomplija ta’ din tal-aħħar tidher li hija infondata. L-Artikolu 50 tal-Karta għaldaqstant jipprekludi, f’tali sitwazzjoni, it-tkomplija ta’ proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ natura kriminali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, bla ħsara għall-possibbiltà, imfakkra fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, li jinfetħu mill-ġdid, jekk ikun il-każ, il-proċeduri kriminali meta fatti ġodda jew li ġew skopruti reċentement jew difett fundamentali fil-proċedura preċedenti jkunu ta’ natura li jaffettwaw is-sentenza kriminali mogħtija.

46      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/6, moqri fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ natura kriminali ma tistax titkompla wara sentenza kriminali finali ta’ skaġunar li tkun ikkonstatat li l-fatti li jistgħu jikkostitwixxu ksur tal-leġiżlazzjoni dwar insider dealing, li abbażi tagħha nfetħu wkoll dawn il-proċeduri, ma kinux stabbiliti.

 Fuq it-tieni domanda

47      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

48      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat28 ta’ Jannar 2003, dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq), moqri fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ natura kriminali ma tistax titkompla wara sentenza kriminali finali ta’ skaġunar li tkun ikkonstatat li l-fatti li jistgħu jikkostitwixxu ksur tal-leġiżlazzjoni dwar insider dealing, li abbażi tagħha nfetħu wkoll dawn il-proċeduri, ma kinux stabbiliti.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.