Language of document : ECLI:EU:C:2013:536

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil-5 ta’ Settembru 2013 (1)

Kawża C‑302/12

X

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Tassazzjoni — Taxxa ta’ reġistrazzjoni ta’ vetturi bil-mutur — Libertà ta’ stabbiliment — Direttiva 83/182/KEE — Djar u użu permanenti ta’ vettura f’żewġ Stati Membri”





I –    Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari għall-darba oħra tirrigwarda l-kuntest tat-taxxa Olandiża fuq il-vetturi privati u l-muturi li l-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat f’diversi okkażjonijiet dawn l-aħħar snin (2).

2.        Din it-taxxa Olandiża ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi bil-mutur qed tintalab f’din il-kawża mingħand ċittadina tal-Unjoni li għandha dar mhux biss fil-Pajjiżi l-Baxxi imma wkoll fil-Belġju u tuża l-vettura tagħha fiż-żewġ Stati Membri. Iż-żewġ Stati Membri għalhekk it-tnejn jippretendu li jiġbru t-taxxa tagħhom tar-reġistrazzjoni tal-vetturi bil-mutur. Għaldaqstant f’din il-kawża hemm lok li jiġi ppreċiżat sa fejn dan il-ġbir doppju ta’ taxxa ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi bil-mutur għandu jiġi rrikonċiljat mad-dritt tal-Unjoni.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

3.        L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 83/182/KEE, tat-28 ta’ Marzu 1983, dwar eżenzjonijiet mit-taxxa ġewwa l-Komunità għal ċerti mezzi ta’ trasport temporanjament importati fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor (3) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 83/182”) jgħid, fit-titolu “Għan”:

“L-Istati Membri għandhom, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti hawn taħt, jeżentaw importazzjonijiet temporanji minn Stat Membru ieħor ta’ vetturi tat-triq bil-mutur […] minn:

–        turnover tax, taxxi tas-sisa u taxxi oħrajn fuq il-konsum,

–        it-taxxi elenkati fl-Anness t’hawnhekk.”

4.        L-eżenzjonijiet fiskali għall-vetturi huma rregolati mill-Artikoli 3 sa 5 tad-Direttiva 83/182 u dejjem jirreferu għar-“residenza normali” tal-individwu li jimporta l-vettura jew l-utent.

5.        L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 83/182 jiddefinixxi residenza normali kif ġej fis-silta li tinteressana:

“1.      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ‘residenza normali’ tfisser il-post fejn persuna tgħix normalment, jiġifieri għall-inqas għal 185 jum f’kull sena kalendarja, minħabba rabtiet personali u ta’ xogħol, jew, fil-każ ta’ persuna li ma jkollhiex rabtiet ta’ xogħol, minħabba r-rabtiet personali li juru rabtiet mill-qrib bejn dik il-persuna u l-post fejn tgħix.

[…]”

B –    Leġiżlazzjoni nazzjonali

6.        Fis-sena kkontestata, Il-Pajjiżi l-Baxxi ġabru taxxa ta’ reġistrazzjoni fuq vetturi privati u fuq muturi skont il-Wet op de belasting van personenauto’s en motorrijwielen 1992 (iktar ’il quddiem it-“taxxa VM”).

7.        Kif ikkunsidrat il-Qorti tal-Ġustizzja f’kawżi oħra (4), il-fatt taxxabbli tat-taxxa VM huwa r-reġistrazzjoni ta’ vettura jew ta’ mutur fir-reġistru tar-reġistrazzjonijiet Olandiż kif ukoll it-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni fin-netwerk ta’ toroq Olandiż ta’ vettura privata jew ta’ mutur mhux irreġistrata jew mhux irreġistrat fil-Pajjiżi l-Baxxi meta din il-vettura titqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ persuna fiżika jew ġuridika, residenti jew stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi.

III – Il-kawża prinċipali u l-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

8.        Is-suġġett tal-kawża prinċipali huwa kont tat-taxxa nnotifikat lil X skont it-taxxa VM ta’ vettura mixtrija u rreġistrata l-Belġju fl-2004.

9.        X hija ċittadina Belġjana li għandha dar kemm fil-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll fil-Belġju li hija tuża alternattivament matul is-sena. Hija teżerċita wkoll attività ta’ ortodontista fil-Pajjiżi l-Baxxi.

10.      Fl-2006, l-awtoritajiet fiskali Olandiżi kkonstataw li X kellha r-residenza tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi u kienet issuq fin-netwerk ta’ toroq Olandiż vettura privata li kienet irreġistrata biss fil-Belġju. Għalhekk huma talbu lill-persuna taxxabbli taxxa VM fl-ammont ta’ EUR 17 315. Preċedentement X kienet diġà ħallset taxxa Belġjana ta’ EUR 4 957 biex tirreġistra l-vettura tagħha fir-reġistru tar-reġistrazzjonijiet fil-Belġju.

11.      X kkontestat it-taxxa VM quddiem l-awtoritajiet u l-qrati Olandiżi. Il-Hoge Raad der Nederlanden, li quddiemha tinsab bħalissa l-kawża, tikkunsidra, fid-dawl tal-fatti kkonstatati, li X għandha residenza kemm fil-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll fil-Belġju u tuża l-vettura permanentement fiż-żewġ Stati Membri. F’dan il-kuntest, hija għamlet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 267 TFUE, id-domandi li ġejjin:

“1)      L-eżerċizzju ta’ kompetenzi fiskali minn żewġ Stati Membri, b’mod partikolari l-impożizzjoni ta’ taxxa ta’ reġistrazzjoni fuq vettura bil-mutur, huwa bla limitu meta ċittadin tal-Unjoni jirrisjedi, skont leġiżlazzjonijiet nazzjonali, f’żewġ Stati Membri, u juża b’mod effettiv u fit-tul, f’dawn iż-żewġ Stati Membri, vettura bil-mutur li hija proprjetà tiegħu?

2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija negattiva, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jista’ jkollu effett korrettiv fuq l-impożizzjoni ta’ taxxa ta’ reġistrazzjoni fil-każ bħal f’din il-kawża u, f’każ affermattiv, dan il-prinċipju jimplika li Stat Membru jew iż-żewġ Stati Membri għandhom jimponu limiti fl-eżerċizzju tal-kompetenzi fiskali tagħhom u b’liema mod?”

12.      Fil-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn X, mir-Repubblika Ellenika, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Kummissjoni.

IV – Il-kunsiderazzjonijiet legali

13.      Biż-żewġ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix il-ġbir ta’ taxxa ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi għat-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ vettura minn ċittadina tal-Unjoni li titqies li tirrisjedi f’żewġ Stati Membri fid-dawl tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u li tuża b’mod permanenti l-vettura tagħha fiż-żewġ Stati Membri, filwaqt li hija diġà kienet irreġistrata u ntaxxata fl-Istat Membru l-ieħor.

14.      Għalkemm id-domandi ma jindikawx id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għandhom jiġu interpretati, il-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju juru li l-qorti tar-rinviju trid interpretazzjoni tad-dritt primarju (punt 2 iktar ’il quddiem). Madankollu nikkunsidra, bi qbil mal-Kummissjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina wkoll l-interpretazzjoni tad-Direttiva 83/182 (punt 1 iktar ’il quddiem) biex tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta utli għas-soluzzjoni tal-kawża (5).

1.      L-eżenzjonijiet fiskali tad-Direttiva 83/182

15.      L-ewwel nett għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tistax tibbenefika minn eżenzjoni fiskali prevista fid-Direttiva 83/182, mit-taxxa VM Olandiża.

a)      Il-kamp ta’ applikazzjoni

16.      L-ewwel nett dan jippresupponi li taxxa ta’ reġistrazzjoni bħat-taxxa VM inkwistjoni f’din il-kawża tabilħaqq taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 83/182.

17.      Skont l-Artikolu 1(1) tagħha, l-imsemmija Direttiva tapplika għat-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, dazji tas-sisa u kull taxxa oħra fuq il-konsum kif ukoll għat-taxxi msemmija fl-anness tad-direttiva, filwaqt li l-VAT implementata mid-dritt tal-Unjoni hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 91/680/KEE (6).

18.      L-anness isemmi biss għall-Pajjiżi l-Baxxi l-Motorrijtuigenbelasting (taxxa fuq il-vetturi bil-mutur) tal-Wet op de Motorrijtuigenbelasting (Liġi dwar it-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur) tal-21 ta’ Lulju 1966, li hija taxxa annwali differenti mit-taxxa VM (7).

19.      Għalkemm it-taxxa VM ma hijiex taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ fis-sens tad-dritt tal-Unjoni għas-sempliċi fatt li din tikkonċerna biss vetturi bil-mutur u għalhekk ma għandhiex portata ġenerali (8), hija tista’ madankollu tikkostitwixxi dazju tas-sisa jew taxxa oħra fuq il-konsum fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 83/182.

20.      Sfortunatament, id-direttiva ma tiddefinixxix dawn il-kunċetti u sal-lum ma hemm l-ebda definizzjoni fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

21.      Il-kunċett tat-taxxa fuq il-konsum ma jistax jinftiehem, fil-kuntest tad-Direttiva 83/182, fis-sens li jirrigwarda biss taxxi li jaffettwaw oġġetti għall-konsum immedjat, jiġifieri li ma jdumux (9). Fil-fatt is-suġġett esklużiv tad-direttiva huwa mezzi ta’ trasport li jistgħu jintużaw b’mod permanenti. Għalhekk jidher li t-taxxi li ġeneralment tinġabar direttament fuq vettura wara l-importazzjoni tagħha, li fosthom tista’ tingħadd ukoll, bħala prinċipju, taxxa fuq ir-reġistrazzjoni tal-vetturi (10), huma taxxi fuq il-konsum fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 83/182.

22.      Meta wieħed jistaqsi jekk taxxa ta’ dan it-tip għandhiex titqies li hija taxxa fuq il-konsum fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 83/182, wieħed għandu, madankollu, jiddistingwi d-diversi fatti taxxabbli ta’ taxxa ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi. It-taxxa VM fil-fatt tkopri kemm ir-reġistrazzjoni ta’ vettura fir-reġistru tar-reġistrazzjonijiet kif ukoll l-użu tagħha fin-netwerk ta’ toroq Olandiż mingħajr reġistrazzjoni nazzjonali. Meta taxxa ta’ reġistrazzjoni ta’ vetturi bil-mutur tkun ibbażata fuq it-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ vettura fin-netwerk ta’ toroq nazzjonali, il-fatt taxxabbli marbut mal-użu tal-vettura bil-mutur iseħħ hekk kif din taqsam il-fruntiera. F’tali każ, it-tassazzjoni tirriżulta direttament mill-importazzjoni tal-vettura.

23.      F’żewġ rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, dwar taxxa ta’ reġistrazzjoni fuq l-użu ta’ vetturi rreġistrati diġà fi Stat Membru ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, f’dan l-ispirtu, li kien hemm ksur tal-obbligi tad-Direttiva 83/182 (11). Il-konstatazzjoni ta’ tali ksur tippresupponi li d-Direttiva 83/813 hija intiża li tapplika għal taxxi ta’ reġistrazzjoni ta’ vetturi bil-mutur sa fejn dawn ikunu bbażati fuq l-użu tan-netwerk ta’ toroq. Barra minn hekk, f’rikors ieħor għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma segwietx lill-Avukat Ġenerali li kien ikkonkluda li t-taxxi fuq il-konsum u t-taxxi ta’ reġistrazzjoni kienu fundamentalment differenti (12).

24.      Il-ġurisprudenza li l-Qorti tal-Ġustizzja ddedikat għad-Direttiva 83/183/KEE (13) adottata simultanjament lanqas ma tipprekludi l-applikazzjoni tad-Direttiva 83/182 għal taxxi ta’ reġistrazzjoni ta’ vetturi bil-mutur miġbura mat-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ vettura. Bla dubju, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 83/183/KEE, li jikkunsidra wkoll it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, id-dazji tas-sisa u kull taxxa oħra fuq il-konsum, ma jikkonċernax taxxi li ma jinġabrux minħabba l-importazzjoni bħala tali imma unikament minħabba r-reġistrazzjoni jew l-użu ta’ vettura (14). Imma l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 83/183/KEE juri li l-kunċett tat-taxxa fuq il-konsum jista’ jkopri bħala prinċipju taxxi ta’ reġistrazzjoni ta’ vetturi, peress li jeskludi espressament mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva, taxxi li jirrigwardaw l-użu ta’ proprjetà, bħat-taxxi miġbura mar-reġistrazzjoni ta’ vetturi bil-mutur. Il-kunċett restrittiv tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-taxxi fuq il-konsum fis-sens tad-Direttiva 83/183/KEE jista’ għalhekk jiġi spjegat biss għaliex l-Artikolu 1(1) tagħha jinkludi espressament biss taxxi “normalment” miġbura mal-importazzjoni. Madankollu t-taxxi ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi bil-mutur ma jinġabrux fl-Istati Membri kollha (15).

25.      Fl-aħħar nett, ma hemm xejn fil-proċess leġiżlattiv li wassal għad-direttiva li jagħti l-wieħed x’jifhem li t-taxxi ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi bil-mutur ma jistgħux jiġu inklużi fil-kunċett tat-taxxa fuq il-konsum fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 83/182 sa fejn huma bbażati fuq it-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ vettura fin-netwerk ta’ toroq nazzjonali. Huwa veru li, fil-proposta tagħha, il-Kummissjoni kienet l-ewwel nett estendiet espliċitament il-kamp ta’ applikazzjoni għat-taxxi ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi bil-mutur (16), iżda dan ma huwiex rifless fid-direttiva adottata. Madankollu, minn naħa wieħed jista’ jara f’dan kollu r-rieda tal-Kunsill li, dak iż-żmien, ma xtaqx jinkludi t-taxxa klassika ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi bil-mutur ibbażata biss fuq ir-reġistrazzjoni ta’ vettura bil-mutur fir-reġistri. Min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 1(1) u (2) tagħha, proposta oħra tal-Kummissjoni tikklassifika espressament it-taxxi ta’ reġistrazzjoni bħala taxxi fuq il-konsum (17).

26.      Skont l-Artikolu 1(1) tagħha d-Direttiva 83/182 tkopri għalhekk taxxa ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi bil-mutur bħat-taxxa VM Olandiża, sa fejn din tintaxxa t-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni fin-netwerk ta’ toroq nazzjonali.

b)      Rekwiżiti għal eżenzjoni fiskali

27.      Għandu jiġi eżaminat ukoll jekk, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, X tistax tibbenefika minn eżenzjoni prevista fid-Direttiva 83/182.

28.      L-eżenzjonijiet fiskali kollha li d-Direttiva 83/182 tipprevedi fl-Artikoli 3 sa 5 tagħha għall-vetturi privati jippresupponu li l-persuna li timporta l-vettura għandu jkollha r-residenza normali tagħha fi Stat Membru li ma jkunx dak tal-importazzjoni temporanja (18). Biex tkun tista’ tibbenefika minn xi waħda mill-eżenzjonijiet fiskali f’dan il-każ, X għandu jkollha għalhekk ir-residenza normali tagħha barra mill-Pajjiżi l-Baxxi.

29.      Skont il-fatti kkonstatati mill-qorti tar-rinviju, X, madankollu, għandha residenza kemm fil-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll fil-Belġju. U billi t-taxxa tolqot t-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni, irid ikollha wkoll residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi biex tinġabar it-taxxa VM.

30.      Madankollu, dawn il-konstatazzjonijiet magħmula għall-finijiet tat-taxxa VM ma humiex deċiżivi għar-residenza normali li hija rekwiżit għall-eżenzjonijiet fiskali tad-Direttiva 83/182. Għandu jiġi enfasizzat hawnhekk li tista’ teżisti biss residenza normali waħda skont id-Direttiva 83/182, li hija ddefinita b’mod uniformi fl-Unjoni (19) permezz tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 83/182. Dan jirriżulta minn naħa mid-definizzjoni ta’ residenza normali li tidher fl-Artikolu 7(1) innifsu, u, min-naħa l-oħra mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 83/182 li, “sabiex tkun evitata tassazzjoni doppja”, jipprekludi li jiġu kkunsidrati żewġ residenzi li jistgħu jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ regoli speċjali favur ir-Renju tad-Danimarka. Mill-bqija, l-eżistenza ta’ residenza waħda fis-sens tad-direttiva tirrispondi preċiżament għall-ispirtu u l-għan tad-Direttiva 83/182 evokati fl-ewwel żewġ premessi tagħha, fejn din trid telimina l-ostakoli fiskali għall-moviment liberu. Kif indikat diġà l-Qorti tal-Ġustizzja, ir-residenza normali fis-sens tad-direttiva sservi biex jiġu delimitati l-kompetenzi fiskali tal-Istati Membri (20).

31.      Għalkemm għall-finijiet tat-taxxa VM, X għandha fid-dritt nazzjonali r-residenza tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi wkoll, il-benefiċċju li eventwalment tista’ tikseb minn eżenzjoni fiskali tad-Direttiva 83/182 jinneċessita li jiġi eżaminat jekk ir-residenza normali tagħha fis-sens tal-Artikolu 7(1) hijiex barra mill-Pajjiżi l-Baxxi.

32.      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel dan l-eżami fuq abbażi tal-elementi ta’ fatt kollha ta’ dan il-każ li jimmeritaw li jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (21). Għalhekk, biex jiġi ddeterminat il-post tar-residenza normali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm ir-rabtiet professjonali u personali tal-persuna kkonċernata f’post partikolari kif ukoll it-tul tagħhom (22).

33.      Jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata li X għandha fil-Pajjiżi l-Baxxi r-residenza normali tagħha fis-sens tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 83/182, kull eżenzjoni fiskali taħt din id-direttiva tkun eskluża. Fin-nuqqas ta’ dan, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika kull wieħed mir-rekwiżiti l-oħra tal-eżenzjonijiet fiskali tal-Artikoli 3 sa 5 tad-Direttiva billi X tista’ fi kwalunkwe każ tinvoka direttament id-direttiva (23).

c)      Konklużjoni provviżorja

34.      Għalhekk, ir-risposta li għandha, għall-ewwel, tingħata għad-domanda preliminari hija li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi l-ġbir ta’ taxxa ta’ reġistrazzjoni ta’ vetturi bil-mutur abbażi tat-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ vettura fil-każ fejn ċittadin tal-Unjoni jitqies li jirrisjedi f’żewġ Stati Membri, skont leġiżlazzjonijiet nazzjonali, u juża b’mod permanenti fiż-żewġ Stati Membri l-vettura tiegħu, irreġistrata u ntaxxata diġà fl-Istat Membru l-ieħor, meta r-residenza normali tiegħu fis-sens tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 83/182 ma tkunx fil-pajjiż u meta r-rekwiżiti l-oħra għal eżenzjoni fiskali jkunu sodisfatti.

2.      Id-dritt primarju

35.      Jekk il-qorti tar-rinviju jkollha tiddetermina fil-kawża prinċipali li r-rekwiżiti għal eżenzjoni fiskali skont id-Direttiva 83/182 ma humiex sodisfatti jew li għandhom jagħtu lok biss għal eżenzjoni parzjali (24), id-domanda li tqum ukoll fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni hija jekk ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jkunx ġustifikat li jiġbor it-taxxa VM meta r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tkun diġà ħallset taxxa ta’ reġistrazzjoni fil-Belġju.

36.      Ċertament it-tassazzjoni tal-vetturi bil-mutur, bħala prinċipju, taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri madankollu huma għandhom jeżerċitawha b’osservanza tad-dritt primarju tal-Unjoni (25). Din l-osservanza li l-Istati Membri għandu jkollhom lejn id-dritt primarju diġà tat lok għal ġurisprudenza abbundanti ħafna tal-Qorti tal-Ġustizzja li dan l-aħħar ingħatat speċjalment permezz ta’ digrieti.

37.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li Stat Membru, meta l-persuna kkonċernata tistabbilixxi r-residenza normali tagħha fit-territorju tiegħu, jeżiġi l-ħlas ta’ dritt ta’ reġistrazzjoni tal-vettura, indipendentement minn jekk dritt ta’ reġistrazzjoni simili tħallasx diġà fi Stat Membru ieħor (26), ma jmurx kontra l-Artikolu 90 KE (li sar l-Artikolu 110 TFUE).

38.      Madankollu, fil-passat u f’diversi drabi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ksur, min-naħa tal-Istati Membri, tal-libertajiet fundamentali fil-ġbir ta’ taxxi ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi bil-mutur (27). Għalhekk, iktar ’il-quddiem ser neżamina jekk il-ġbir ta’ taxxa, bħat-taxxa VM Olandiża, jiksirx libertà fundamentali meta l-persuna kkonċernata tkun diġà ħallset taxxa ta’ reġistrazzjoni fi Stat Membru ieħor.

39.      Peress li l-ġbir tat-taxxa VM iseħħ fil-kuntest tal-eżerċizzju, min-naħa ta’ X, ta’ xogħol għal rasha bħala ortodontista fil-Pajjiżi l-Baxxi, ser neżamina dan fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment prevista fl-Artikolu 43 KE (li sar l-Artikolu 49 TFUE).

a)      Restrizzjoni

40.      L-Artikolu 43 KE jipprojbixxi r-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment taċ-ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Skont it-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, il-libertà ta’ stabbiliment tinkludi l-eżerċizzju ta’ attività professjonali minn persuna li taħdem għal rasha. Bħala ċittadina Belġjana, X hija għalhekk protetta bil-libertà ta’ stabbiliment fl-eżerċizzju tal-attività tagħha bħala ortodontista fil-Pajjiżi l-Baxxi.

41.      Bħala prinċipju għandhom jiġu kkunsidrati bħala restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment il-miżuri li jipprojbixxu, ifixklu jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment (28). Il-fatt li X għandha tħallas it-taxxa VM minħabba l-użu tan-netwerk ta’ toroq Olandiżi jikkostitwixxi bħala prinċipju restrizzjoni ta’ dan it-tip.

42.      Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja ddeterminat f’diversi okkażjonijiet, partikolarment fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema previst fl-Artikolu 39 KE, li t-trasferiment ta’ attività lejn Stat Membru ieħor ma għandux ikun neċessarjament newtrali f’kwistjonijiet ta’ tassazzjoni. Bħala prinċipju, żvantaġġ eventwali, fil-konfront tas-sitwazzjoni ta’ qabel it-trasferiment, ma jiksirx l-Artikolu 39 KE, jekk din il-leġiżlazzjoni ma tiżvantaġġax lil dan il-ħaddiem meta mqabbel mal-persuni taxxabbli li kienu diġà suġġetti għaliha preċedentement (29). Għalhekk isegwi li l-eżistenza ta’ restrizzjoni minħabba t-tassazzjoni fi Stat ospitanti għandha tiġi kkonstatata biss fil-każ ta’ diskriminazzjoni fir-rigward ta’ sitwazzjoni purament interna paragunabbli. L-Artikoli 39 u 43 KE jiżguraw l-istess protezzjoni legali (30), dan jgħodd ukoll għal-libertà ta’ stabbiliment li trid tiġi applikata hawnhekk.

43.      Skont ġurisprudenza stabbilita, Stat Membru jista’ jissuġġetta għal taxxa ta’ reġistrazzjoni vettura bil-mutur irreġistrata fi Stat Membru ieħor meta dik il-vettura hija intiża biex essenzjalment tintuża fit-territorju tal-ewwel Stat Membru b’mod permanenti jew effettivament tintuża b’dan il-mod (31). Filwaqt li fil-ġurisprudenza l-antika ġie kkunsidrat li dan kien jiġġustifika r-restrizzjoni ta’ libertà fundamentali (32), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat riċentement, ġustament, li, f’tali każ, fin-nuqqas ta’ trattament mhux ugwali, ma jkunx hemm diskriminazzjoni għaliex fil-fatt il-persuni kollha li jużaw, bi jew mingħajr ir-reġistrazzjoni tal-pajjiż, vettura b’mod permanenti fil-pajjiż, huma ttrattati b’mod ugwali (33).

44.      F’dan il-kuntest, il-ġbir tat-taxxa VM ma jikkostitwixxix restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment ta’ X jekk, kif fil-fatt diġà ġie kkonstatat mill-qorti tar-rinviju kompetenti f’dan ir-rigward (34), hija tuża b’mod permanenti l-vettura tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi. Billi l-użu ta’ vettura minn X ma huwiex limitat ratione temporis b’kuntratt ta’ kiri (35), bil-ġbir tat-taxxa mingħandha hija tiġi trattata l-istess bħal persuni li jużaw, fil-Pajjiżi l-Baxxi, vettura b’mod permanenti għaliex irreġistrata hemmhekk.

45.      Il-fatt, ikkonstatat mill-qorti tar-rinviju, li X tuża wkoll il-vettura tagħha b’mod permanenti fil-Belġju ma jikkontradixxix dan. Skont il-ġurisprudenza, ma għandux għalfejn ikun hemm rabta obbligatorja bejn ir-residenza ta’ persuna u l-post ta’ użu permanenti (36). Għalhekk, lanqas użu essenzjalment permanenti fi Stat Membru ma jfisser użu li jkun esklużiv u kostanti. Fil-fatt il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat użu essenzjalment permanenti fi Stat Membru pereżempju jekk il-persuna kkonċernata tmur f’kull jum tax-xogħol bil-vettura tagħha fil-post tax-xogħol tagħha fi Stat Membru ieħor u għalhekk tuża regolarment in-netwerk ta’ toroq li ssib hemmhekk (37).

46.      Fl-aħħar nett, il-prinċipju ta’ proporzjonalità ma jillimitax ġbir doppju ta’ taxxi ta’ reġistrazzjoni ta’ vetturi bil-mutur minn żewġ Stati Membri, bħal f’dan il-każ f’ċerti kundizzjonijiet. Jekk effettivament jiġi kkonstatat użu essenzjalment permanenti mingħajr limitazzjoni ratione temporis fil-pajjiż, ma hemmx prinċipju ta’ proporzjonalità x’jiġi osservat kuntrarjament għal dak li tgħid fuq hekk il-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tar-rinviju. Skont il-ġurisprudenza dan għandu jkun hekk biss jekk il-ġbir tat-taxxa jeħtieġ ġustifikazzjoni għaliex vettura ma tintużax essenzjalment b’mod permanenti fil-pajjiż (38) jew għaliex l-użu huwa suġġett għal żmien limitat (39). Imma jekk hemm użu permanenti mingħajr limitu ta’ żmien, sempliċiment ma hemmx, kif għedt (40), restrizzjoni jekk ma jkunx hemm ksur tal-ugwaljanza fit-trattament b’tali mod li l-proporzjonalità tat-taxxa ma għandhiex għalfejn tiġi evalwata.

47.      Dawn il-prinċipji ddettati mill-ġurisprudenza fuq il-kompatibbiltà ta’ taxxi ta’ reġistrazzjoni ta’ vetturi bil-mutur mal-libertajiet fundamentali jistgħu jwasslu sabiex ċittadin tal-Unjoni jiġi suġġett għal tassazzjoni doppja ta’ taxxi ta’ reġistrazzjoni ta’ vetturi bil-mutur. Għalhekk f’dan il-każ jista’ jiġri li minbarra t-taxxa mħallsa fil-Belġju għar-reġistrazzjoni, X ikollha tħallas fil-Pajjiżi l-Baxxi wkoll taxxa għall-użu tan-netwerk ta’ toroq Olandiżi, b’mod partikolari jekk hija għandha hemmhekk ir-residenza normali tagħha fis-sens tad-Direttiva 83/182.

48.      Indipendentement mill-fatt li tassazzjoni doppja ta’ din in-natura tista’ tkun ġustifikata bl-użu doppju tan-netwerks tat-toroq nazzjonali, huwa konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita li l-iżvantaġġi li jistgħu jirriżultaw mill-eżerċizzju parallel tal-kompetenzi fiskali tad-diversi Stati Membri, sakemm tali eżerċizzju ma jkunx diskriminatorju, ma jikkostitwixxux restrizzjonijiet fuq il-libertajiet ta’ moviment (41). Isegwi li anki t-tassazzjoni doppja legali hija bħala prinċipju kompatibbli mal-libertajiet fundamentali, jiġifieri t-tassazzjoni tal-istess operazzjoni minn żewġ Stati Membri (42). Għalhekk għandu jkun iktar u iktar possibbli li l-Istati Membri japplikaw tassazzjoni li tirriżulta unikament f’tassazzjoni doppja ekonomika, hawnhekk għall-użu ta’ vettura, minn żewġ Stati Membri differenti. Dan il-każ speċifiku ma jikkonċernax, fil-fatt, tassazzjoni doppja legali għaliex it-taxxa tinġabar fil-Pajjiżi l-Baxxi għall-użu tan-netwerk ta’ toroq Olandiżi u fil-Belġju għar-reġistrazzjoni lokali.

49.      Madankollu d-dritt tal-Unjoni joffri bid-Direttiva 83/182, kif rajna (43), ċerta limitazzjoni fuq tassazzjoni doppja li titwieled mit-taxxi ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi bil-mutur. Sa fejn il-vettura hija rreġistrata fl-Istat Membru tar-residenza normali fis-sens ta’ din id-direttiva, it-tassazzjoni skont l-użu tal-vettura fi Stat Membru ieħor għandha tiġi eskluża regolarment mill-eżenzjonijiet fiskali ta’ din id-direttiva.

50.      Bħala konklużjoni, it-taxxa VM Olandiża mitluba mingħand X ma tirrestrinġix id-dritt tal-istabbiliment li l-Artikolu 43 KE jiggarantilha.

b)      Konklużjoni provviżorja

51.      Għaldaqstant, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dritt primarju ma jipprekludix lil Stat Membru milli jiġbor taxxa bħat-taxxa VM minkejja li l-persuna taxxabbli tkun diġà ħallset taxxa ta’ reġistrazzjoni fi Stat Membru ieħor.

V –    Konklużjoni

52.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari tal-Hoge Raad der Nederlanden:

Id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix il-ġbir ta’ taxxa ta’ reġistrazzjoni ta’ vetturi bil-mutur abbażi tat-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ vettura fil-każ fejn ċittadin tal-Unjoni jkollu dar f’żewġ Stati Membri u juża, b’mod permanenti fiż-żewġ Stati Membri, il-vettura tiegħu, irreġistrata u ntaxxata diġà fl-Istat Membru l-ieħor, ħlief meta r-residenza normali tiegħu fis-sens tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 83/182 ma tkunx fil-pajjiż u meta r-rekwiżiti l-oħra għal eżenzjoni fiskali jkunu sodisfatti.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Ara, f’dan ir-rigward id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ April 2012, Notermans-Boddenberg, C-114/11; is-sentenza tas-26 ta’ April 2012, van Putten, C‑578/10 sa C‑580/10; id-digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 2010, VAV‑Autovermietung, C‑91/10; tat-22 ta’ Mejju 2008, Ilhan, C‑42/08; u tas-27 ta’ Ġunju 2006, van de Coevering, C‑242/05, Ġabra p. I‑5843.


3 ?      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap. 9, Vol. 1, p. 112.


4 – Ara, speċifikament, is-sentenza tas-26 ta’ April 2012, van Putten (C‑578/10 sa C‑580/10, punt 6).


5 – Ara, fuq din il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, pereżempju s-sentenzi tal-20 ta’ Marzu 1986, Tissier, 35/85, Ġabra p. 1207, punt 9; u tat-30 ta’ Mejju 2013, Worten, C-342/12, punt 30.


6 – Direttiva tal-Kunsill 91/680/KEE, tas-16 ta’ Diċembru 1991, li tissuplimenta s-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud u temenda d-Direttiva 77/388/KEE bil-ħsieb li tneħħi l-fruntieri fiskali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 160).


7 – Ara s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑297/05, Ġabra p. I‑7467, punt 12).


8 – Ara l-punti 112 et seq tal-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-5 ta’ Settembru 2013 fil-kawża Hervis Sport- es Divatkereskedelmi, C‑385/12 dwar l-Artikolu 401 tad-Direttiva 2006/112/KE.


9 – F’dan is-sens, il-punti 43 et seq tal-konklużjonijiet li l-avukat ġenerali Mischo ppreżenta fis-27 ta’ April 1989 fil-kawża Wisselink et (sentenza tat-13 ta’ Lulju 1989, Wisselink et, 93/88 u 94/88, Ġabra p. 2671).


10 – Ara, f’dan is-sens, il-punt 56 tal-konklużjonijiet li l-avukat ġenerali Stix-Hackl ippreżentat fl-4 ta’ Marzu 2004 (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Lindfors, C-365/02, Ġabra p. I-7183).


11 – Ara s-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-156/04, Ġabra p. I‑4129); u tal-4 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C‑144/08).


12 – Ara l-punti 75 et seq tal-konklużjonijiet li l-Avukat Ġenerali Jacobs ippreżenta fl-20 ta’ Jannar 2005 (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id‑Danimarka, C-464/02, Ġabra p. I‑7929).


13 – Direttiva tal-Kunsill 83/183/KEE, tat-28 ta’ Marzu 1983, dwar eżenzjonijiet mit-taxxa applikabbli għal importazzjonijiet permanenti minn xi Stat Membru tal-proprjetà personali ta’ individwi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 117).


14 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Weigel (C-387/01, Ġabra p. I‑4981, punt 47); u tas-26 ta’ April 2007, Alevizos (C‑392/05, Ġabra p. I-3505, punt 49); ara wkoll il-punti 50 sa 56 u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk tal-konklużjonijiet li jiena ppreżentajt fil-25 ta’ Jannar 2007 fil-kawża Alevizos, iċċitata iktar ’il fuq.


15 – Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, tal-14 ta’ Diċembru 2012, Insaħħu s-suq uniku billi nneħħu x-xkiel fiskali transkonfinali għall-karozzi, COM (2012) 756 finali, p. 5.


16 – L-ewwel artikolu tal-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-eżenzjonijiet fiskali applikabbli ġewwa l-Komunità, fir-rigward ta’ importazzjoni temporanja ta’ ċerti mezzi ta’ trasport, tat-30 ta’ Ottubru 1975 (ĠU C 267, p. 8).


17 – Artikolu 1(1) u (2) tal-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar it-trattament fiskali ta’ vetturi bil-mutur privati ttrasferiti definittivament fi Stat Membru ieħor fil-kuntest ta’ trasferiment ta’ residenza jew użati temporanjament fi Stat Membru ieħor minbarra dak fejn ikunu rreġistrati, tal-10 ta’ Frar 1998 (ĠU C 108, p. 75).


18 – Ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 3(a)(aa), 4(1)(a)(aa), u 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 83/182.


19 – Ara s-sentenza tat-2 ta’ Awwissu 1993, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑9/92, Ġabra p. I-4467, punt 8).


20 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ April 1991, Ryborg (C‑297/89, Ġabra p. I-1943, punti 13 sa 16).


21 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑156/04, Ġabra p. I‑4129, punt 46).


22 – Ara, f’dan ir-rigward b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23 – Ara s-sentenza tad-29 ta’ Mejju 1997, Klattner (C‑389/95, Ġabra p. I-2719, punt 35), fuq l-Artikolu 3 tad-Direttiva 83/182.


24 – Ara, f’dan ir-rigward b’mod partikolari, ir-regoli fil-bidu tal-Artikolu 3 u fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 83/182.


25 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Van Putten (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27 – Ara, riċentement, id-digriet tad-29 ta’ Settembru 2010, VAV‑Autovermietung (C‑91/10).


28 ‒ Ara s-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, DKV Belgium (C‑577/11, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata)


29 – Sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Weigel (C-387/01, Ġabra p. I-4981, punt 55); tas-26 ta’ April 2007, Alevizos (C-392/05, Ġabra p. I-3505, punt 76); u tal-15 ta’ Settembru 2011, Schulz-Delzers u Schulz (C-240/10, Ġabra p. I-8531, punt 42).


30 – Sentenza tal-5 ta’ Frar 1991, Roux (C-363/89, Ġabra p. I-273, punt 23) fuq l-Artikoli 48 u 52 KEE.


31 – Sentenza Van Putten (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).


32 – Ara s-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2005, Nadin u Nadin-Lux (C-151/04 u C-152/04, Ġabra p. I-11203, punt 41); u tal-23 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C‑232/03, punti 44 sa 47; kif ukoll id-digriet tas-27 ta’ Ġunju 2006, van de Coevering (C-242/05, Ġabra p. I-5843, punti 21 sa 24).


33 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Van Putten (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 50); u d-digriet tas-27 ta’ April 2012, Notermans‑Boddenberg (C-114/11, punt 27); b’mod simili wkoll is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 78).


34 – Ara s-sentenza Nadin u Nadin-Lux (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 42).


35 – Ara, f’dan ir-rigward, id-digriet VAV‑Autovermietung (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).


36 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Nadin u Nadin-Lux (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32); u Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32); kif ukoll id-digriet tal-24 ta’ Ottubru 2008, Vandermeir (C‑364/08, Ġabra p. I‑8087).


37 – Ara d-digriet Notermans‑Boddenberg (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, punti 29 et seq).


38 – Ara d-digriet van de Coevering (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punti 26 et seq).


39 – Ara d-digriet tat-22 ta’ Mejju 2008, Ilhan (C-42/08, punti 18 et seq).


40 – Ara, iktar ’il fuq, il-punti 43 et seq.


41 – Ara biss is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C-157/10, Ġabra p. I -13023, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


42 – Ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Damseaux (C-128/08, Ġabra p. I‑6823, punti 26 et seq).


43 – Ara, iktar ’il fuq, il-punti 15 et seq.