Language of document : ECLI:EU:T:2017:542

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

21 ta’ Lulju 2017 (*)

“Proċeduri għal miżuri provviżorji – Suq intern tal-gass naturali – Direttiva 2009/73/KE – Talba tal-Bundesnetzagentur intiża sabiex jinbidlu l-kundizzjonijiet ta’ deroga għar-regoli tal-Unjoni għall-operar tal-pipeline OPAL – Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-bidla fil-kundizzjonijiet ta’ deroga għar-regoli tal-Unjoni – Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Nuqqas ta’ urġenza”

Fil-Kawża T-883/16 R,

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, M. Kawnik u K. Rudzińska, bħala aġenti,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Repubblika tal-Litwanja, irrappreżentata minn D. Kriaučiūnas u R. Krasuckaitė, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn O. Beynet u K. Herrmann, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze u R. Kanitz, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikoli 278 u 279 TFUE u intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 6950 finali tat-28 ta’ Ottubru 2016, dwar il-bdila fil-kundizzjonijiet ta’ deroga tal-pipeline OPAL għar-regoli dwar l-aċċess ta’ terzi u għar-regolamentazzjoni tariffarja stabbilita mid-Direttiva 2003/55/KE,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

jagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz tad-Deċiżjoni C(2009) 4694 tat-12 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni tal-Komunità Ewropea talbet lill-Bundesnetzagentur (BNetzA, aġenzija federali tan-netwerks, il-Ġermanja), skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 230), u li tbiddel id-deċiżjoni tagħha tal-25 ta’ Frar 2009 li teskludi l-kapaċità ta’ trasport tal-proġett tal-pipeline Ostseepipeline-Anbindungsleitung (OPAL), li hija l-parti terrestri, fil-Lvant, tal-pipeline Nord Stream 1, li l-punt tad-dħul tiegħu jinsab qrib il-lokalità ta’ Lubmin, qrib Greifswald, fil-Ġermanja, u l-punt ta’ ħruġ fil-lokalità ta’ Brandov, fir-Repubblika Ċeka, tal-applikazzjoni tar-regoli ta’ aċċess ta’ terzi previsti fl-Artikolu 18 tal-imsemmija direttiva u tar-regoli tariffarji previsti fl-Artikolu 25(2) sa (4) tagħha.

2        Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Ġunju 2009 tistabilixxi l-kundizzjonijiet li ġejjin:

“(a)      Mingħajr preġudizzjoni għar-regola li tinsab fil-punt (b), impriża dominati fuq wieħed jew diversi swieq kbar tal-gass naturali upstream jew downstream li jkopri r-Repubblika Ċeka ma hijiex awtorizzata li tirriżerva, matul sena, iktar minn 50 % tal-kapaċità ta’ trasport tal-pipeline OPAL għall-fruntiera Ċeka. Iir-riżervazzjonijiet ta’ impriżi li jappartjenu għall-istess grupp, bħal Gazprom u Wingas, għandhom jiġu eżminati flimkien. Iir-riżervazzjonijiet ta’ impriża dominanti/ta’ gruppi ta’ impriżi dominanti li kkonkludew kuntratti kbar fit-tul ta’ provvista ta’ gass għandhom jiġu eżaminati b’mod aggregat […]

(b)      Il-limitu ta’ 50 % tal-kapaċità jista’ jinqabeż jekk l-impriża kkonċernata ċċedi lis-suq volum ta’ 3 biljuni m³ ta’ gass fuq il-pipeline OPAL, skont proċedura miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja (‘programm ta’ trasferiment ta’ gass’). il-kumpannija li tamministra il-pipeline jew l-impriża obbligata twettaq il-programm għandha tiżgura d-disponibbiltà tal-kapaċità ta’ trasport korrispondenti u l-għażla libera tal-punt ta’ ħruġ (‘programm ta’ rilaxx tal-kapaċità’). il-forma tal-programmi ta’ ‘trasferiment ta’ gass’ u ta’ ‘rilaxx ta’ kapaċità’ huwa suġġett għall-approvazzjoni tal-BNetzA.”

3        Fis-7 ta’ Lulju 2009, il-BNetzA rriformat id-deċiżjoni tagħha tal-25 ta’ Frar 2009 billi adattata għall-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq previsti fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Ġunju 2009. Id-deroga għar-regoli ngħatat mill-BNetzA għal perijodu ta’ 22 sena.

4        Il-pipeline OPAL iddaħħal fis-servizz fit-13 ta’ Lulju 2011 u għandu kapaċità ta’ madwar 36 biljun m³. Skont id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Ġunju 2009 u tal-BNetzA tal-25 ta’ Frar 2009, kif emendata bid-deċiżjoni tagħha tas-7 ta’ Lulju 2009, il-kapaċità tal-pipeline OPAL kienet kompletament eżentata mill-applikazzjoni tar-regoli dwar l-aċċess rregolat ta’ terzi u mir-regoli tariffarji abbażi tad-Direttiva 2003/55.

5        Il-50 % mhux irriżervat tal-kapaċità ta’ dan il-pipeline qatt ma ġie użat, peress li Gazprom ma implementax il-programm ta’ trasferiment ta’ gass imsemmi fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Ġunju 2009. Il-kapaċità ta’ dħul tal-pipeline qrib ta’ Greifswald huwa biss ta’ interess għall-partijiet terzi li jistgħu jdaħħlu l-gass f’dan il-punt tal-pipeline. Fil-konfigurazzjoni teknika attwali, il-gass naturali jista’ jiġi fornit f’dan il-punt ta’ dħul biss mill-pipeline Nord Stream 1, użat mill-grupp Gazprom sabiex jittrasporta l-gass li ġej mill-ġjaċimenti Russi, b’tali mod li hija biss 50 % tal-kapaċità ta’ trasport tal-pipeline OPAL li tidher a priori li qed tintuża.

6        Fit-13 ta’ Mejju 2016, il-BNetzA nnotifikat lill-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55 (ĠU 2009, L 211, p. 94), l-intenzjoni tagħha li temenda ċerti dispożizzjonijiet tad-deroga mogħtija fl-2009 li jirrigwardaw il-parti tal-pipeline OPAL ġestit minn Opal Gastransport GmbH& Co. KG (iktar ’il quddiem “OGT”).

7        Fit-28 ta’ Ottubru 2016, il-Kummissjoni adottat, abbażi tal-Artikolu 36(9) tad-Direttiva 2009/73, id-Deċiżjoni C(2016) 6950 finali dwar il-bdila fil-kundizzjonijiet ta’ deroga tal-pipeline OPAL għar-regoli dwar l-aċċess ta’ terzi u għar-regolamentazzjoni tariffarja stabbilita mid-Direttiva 2003/55/KE (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li hija indirizzata lill-BNetzA.

8        Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet l-eżenzjoni tar-regoli ta’ aċċess ta’ terzi mogħtija lill-pipeline OPAL għall-parti li tinkludi l-punt ta’ dħul li jinsab qrib Greifswald u l-punt ta’ ħruġ li jinsab fi Brandov għall-massimu ta’ 50 % tal-kapaċità, li hija kienet diġà approvat fid-deċiżjoni tagħha tat-12 ta’ Ġunju 2009. Min-naħa l-oħra, il-50 % li jkun baqa’ tal-kapaċità f’din il-parti – ma kienx intuża qabel minħabba n-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-programm ta’ trasferiment ta’ gass minn Gazprom – ġie rilaxxat, jiġifieri suġġett għar-regoli ta’ aċċess ta’ terzi. Dan ir-rilaxx għandu jitwettaq taħt forma ta’ tqassim ta’ kapaċità ta’ trasport, li l-amministratur tal-pipeline għandu jagħti fil-kuntest ta’ irkantar trasparenti u mhux diskriminatorju.

9        Dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni mhux diskriminatorju u trasparenti ta’ kapaċità ta’ trasport hekk irrilaxxat li huwa intiż ukoll, de facto, għall-użu tiegħu minn Gazprom eksport, il-Kummissjoni, bil-għan li tiżgura ruħha li t-terzi jistgħu effettivament ikollhom aċċess għall-kapaċità “rilaxxata”, irrilevat il-pjattaforma proposta mill-BNetzA li tirrigwarda l-kapaċità ta’ interkonnessjoni ta’ tip FZK (feste frei zuordenbare Kapazitäten, kapaċità kostanti liberament allokabbli) fil-punt ta’ ħruġ tal-pipeline. Għalhekk, l-amministratur tal-pipeline OPAL huwa obbligat li jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-utenti l-oħra għajr il-kumpannija dominanti fis-suq Ċek tal-gass naturali, fil-kuntest ta’ irkantar, kapaċità ta’ interkonnessjoni FZK b’volum inizjali ta’ 3.2 miljun kWh. Madankollu, jekk ikun jidher, matul l-irkantar annwali, li d-domanda ta’ kapaċità ta’ tip FZK fil-punt ta’ ħruġ ta’ Brandov hija għola minn 90 % tal-kapaċità offruta, il-BNetzA hija obbligata li żżid b’1.6 miljun kWh il-kwantità ta’ kapaċità FZK disponibbli matul l-irkantar annwali segwenti. Il-kapaċità FZK disponibbli tista’ eventwalment tilħaq volum ta’ 6.4 miljun kWh, jew 20 % tal-kapaċità totali tal-pipeline OPAL.

10      Barra minn hekk, minħabba n-natura axxendenti tal-irkantar u sabiex u sabiex tiġi evitata eskalazzjoni fl-irkantar min-naħa tal-entità dominanti fis-suq Ċek, il-Kummissjoni daħħlet kundizzjoni addizzjonali skont liema tali entità tkun tista’ tressaq l-offerta tagħha, fil-kuntest tal-irkantar ta’ kapaċità FZK, biss għall-prezz bażiku tal-kapaċità, li b’hekk ikun jimplika li l-prezz propost ma jkunx jista’ jeċċedi l-prezz medju tat-tariffa rregolata fin-network ta’ trasport taż-żona kummerċjali ta’ Gaspool fil-Ġermanja lejn ir-Republika Ċeka għal prodotti komparabbli f’dik l-istess sena.

11      Fit-28 ta’ Novembru 2016, il-BNetzA bidlet id-deroga mogħtija lill- amministratur tal-pipeline OPAL permezz tad-deċiżjoni tagħha tal-25 ta’ Frar 2009 konformement mad-deċiżjoni kkontestata.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

12      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Diċembru 2016, ir-Repubblika tal-Polonja ressqet kawża għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

13      B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti ressqet din it-talba għal miżuri provviżorji, li fiha hija titlob, essenzjalment, li l-President tal-Qorti Ġenerali jogħġbu:

–        jissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, sal-għoti tas-sentenza li ttemm il-kawża prinċipali;

–        jordna li l-Kummissjoni timponi fuq il-BNetzA li din tal-aħħar tissospendi l-implementazzjoni tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni, esposta fid-deċiżjoni kkontestata;

–        jordna li l-Kummissjoni timponi fuq il-BNetzA li din tal-aħħar tieħu l-miżuri legali kollha possibbli sabiex tissospendi, sal-għoti tas-sentenza li ttemm il-kawża prinċipali, l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni, ta’ tranżazzjoni, ta’ ftehim irregolat mid-dritt pubbliku jew ta’ kwalunkwe miżura oħra ta’ applikazzjoni li tbiddel, tikkompleta, tħassar jew taffettwa b’xi mod ieħor id-deċiżjoni tal-BNetzA tal-25 ta’ Frar 2009, fil-verżjoni tagħha tas-7 ta’ Lulju 2009;

–        jordna li l-Kummissjoni timponi fuq l-OGT li din tal-aħħar tastjeni, sal-għoti tas-sentenza li ttemm il-kawża prinċipali, li tagħti aċċess għall-kapaċità ta’ trasport tal-pipeline OPAL suġġett għall-kundizzjonijiet li ma humiex dawk iddeterminati mid-deċiżjoni tal-BNetzA tal-25 ta’ Frar 2009, fil-verżjoni tagħha tas-7 ta’ Lulju 2009;

–        jeżamina din it-talba qabel it-23 ta’ Diċembru 2016, b’applikazzjoni tal-Artikol 157(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

14      Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar it-talba għal miżuri provviżjori, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni essenzjalment titlob li l-President tal-Qorti Ġenerali jogħġbu:

–        jiċħad din it-talba;

–        ir-Repubblika tal-Polonja tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

15      Permezz ta’ digriet tat-23 ta’ Diċembru 2016, Il-Polonja vs Il-Kummissjoni (T‑883/16 R), il-President tal-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 157(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, issospenda l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sal-adozzjoni tad-digriet li jtemm dawn il-proċeduri għal miżuri provviżorji. Barra minn hekk, hija għamlet serje ta’ domndi lill-partijiet, li ngħataw risposta fit-13 ta’ Jannar 2017 għar-Repubblika tal-Polonja u fis-16 ta’ Jannar 2017 għall-Kummissjoni. F’din l-okkażjoni, ir-Repubblika tal-Polonja ressqet ukoll talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li fuqha l-Kummissjoni ppreżentat osservazzjonijiet fl-20 ta’ Jannar 2017 intiżi għaċ-ċaħda tal-imsemmija talba.

16      Fit-2 ta’ Frar 2017, il-president tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba għal intervent tar-Repubblika Federali tal‑Ġermanja, ippreżentata fid-19 ta’ Jannar 2017, li fir-rigward tagħha kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Polonja ma esprimewx l-oġġezzjoni tagħhom fl-osservazzjonijiet tagħhom ippreżentati rispettivament fit-30 u fil-31 ta’ Jannar 2017. In-nota ta’ intervent tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni ġiet irreġistrata mir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Frar 2017. Fit-3 ta’ Marzu 2017, il-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din in-nota.

17      Fl-1 ta’ Marzu 2017, ir-Repubblika tal-Polonja ppreżentat sottomissjonijiet komplementari kif ukoll żewġ ittri, rispettivament tat-30 ta’ Awwissu u tad-9 ta’ Diċembru 2016, indirizzati mill-ministru tal-enerġija tal-Federazzjoni Russa lill-ministru tal-enerġija tar-Repubblika tal-Polonja.

18      Fil-5 ta’ Mejju 2017, ir-Repubblika tal-Litwanja ġiet awtorizzata tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Polonja fil-kawża prinċipali. In-nota ta’ intervent tagħha f’din il-kawża ġiet ippreżentata fit-22 ta’ Mejju 2017. Fid-9 ta’ Ġunju 2017, ir-Repubblika tal-Polonja u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din in-nota.

19      Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Ġunju 2017, il-partijiet ġew mistiedna għal seduta, iffissata għall-5 ta’ Lulju 2017, bil-għan li jesponu l-argumenti tagħhom fir-rigward il-kundizzjonijiet dwar l-urġenza u l-ibbilanċjar tal-interessi. F’din l-okkażjoni, il-Kummissjoni u l-intervenjenti ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq in-nota addizzjonali ppreżentata mir-Repubblika tal-Polonja fl-1 ta’ Marzu 2017, li magħha ġew annessi l-provi addizzjonali insostenn tat-talba tagħha.

20      Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Ġunju 2017, ir-Repubblika tal-Litwanja informat lill-Qorti Ġenerali li hija mhux se tipparteċipa għas-seduta.

21      Waqt is-seduta tal-5 ta’ Lulju 2017, ir-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentaw l-argumenti tagħhom u rrispondew għad-domandi magħmula mill-president tal-Qorti Ġenerali.

 Id-dritt

 Kunsiderazzjonijiet ġenerali

22      Meta jinqraw flimkien l-Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE, minn naħa, u l-Artikolu 256(1) TFUE, min-naħa l-oħra, jirriżulta li l-Imħallef għal miżuri provviżorji jista’, jekk jikkunsidra li ċ-ċirkustanzi hekk jeħtieġu, jordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-att ikkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali jew jippreskrivi l-miżuri provviżorji meħtieġa, u dan skont l-Artikolu 156 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Madankollu, l-Artikolu 278 TFUE jistabbilixxi l-prinċipju tan-natura mhux sospensiva tar-rikorsi, peress li l-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ legalità. Għalhekk, huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li l-Imħallef għal miżuri provviżorji jista’ jordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ att ikkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali jew jippreskrivi miżuri provviżorji (ara d-digriet tas-19 ta’ Lulju 2016, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, T-131/16 R, EU:T:2016:427, punt 12).

23      Barra minn hekk, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 156(4) tar-Regoli tal-Proċedura “jispeċifikaw is-suġġett tal-kawża, iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza, kif ukoll il-motivi ta’ fatt u ta’ liġi li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura provviżorja mitluba”.

24      Għalhekk, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni u l-miżuri provviżorji l-oħra jistgħu jingħataw mill-Imħallef għal miżuri provviżorji jekk jiġi stabbilit li l-adozzjoni tagħhom tkun prima facie ġġustifikata fil-fatt u fil-liġi (fumus boni juris) u li jkunu urġenti, fis-sens li jkun neċessarju, sabiex jiġi evitat li jiġi kkawżat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tal-parti li tkun talbithom, li jiġu adottati u li jipproduċu l-effetti tagħhom sa minn qabel id-deċiżjoni fil-kawża prinċipali. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’tali mod li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jiġu miċħuda meta waħda minnhom ma tkunx issodisfatta. L-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jipproċedi wkoll, jekk ikun il-każ, għall-ibbilanċjar tal-interessi preżenti quddiemu (ara d-digriet tat-2 ta’ Marzu 2016, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni, C-162/15 P-R, EU:C:2016:142, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Fil-kuntest ta’ dan l-eżami ġenerali, il-qorti għal miżuri provviżorji għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa u tibqa’ libera li tiddetermina, fid-dawl tal-aspetti partikolari tal-każ, il-mod kif dawn il-kundizzjonijiet differenti għandhom jiġu vverifikati kif ukoll l-ordni ta’ dan l-eżami, ladarba l-ebda dispożizzjoni legali ma timponilha skema ta’ analiżi stabbilita minn qabel sabiex tevalwa l-ħtieġa li tiddeċiedi b’mod provviżorju (ara d-digriet tad-19 ta’ Lulju 2012, Akhras vs Il-Kunsill, C-110/12 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2012:507, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata].

26      Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, qabel xejn għandu jiġi evalwat jekk il-kundizzjoni relatata mal-urġenza hijiex issodisfatta.

 Fuq l-urġenza

27      Sabiex jiġi vverifikat jekk il-miżuri provviżorji mitluba humiex urġenti, għandu jitfakkar li l-għan tal-proċeduri għal miżuri provviżorji huwa li tiġi żgurata l-effikaċja sħiħa tad-deċiżjoni definittiva futura, sabiex jiġi evitat li jkun hemm lakuna fil-protezzjoni ġuridika żgurata mill-qorti tal-Unjoni. Huwa sabiex jintlaħaq dan l-għan li l-urġenza għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-bżonn li tingħata deċiżjoni provviżorja sabiex jiġi evitat li jiġi kkawżat dannu gravi u irreparabbli lill-parti li qed titlob il-miżura provviżorja. Hija din il-parti li għandha tipproduċi l-prova li hija ma tistax tistenna t-tmiem tal-proċedura dwar il-rikors fuq il-mertu mingħajr ma ssofri dannu gravi u irreparabbli (ara d-digriet tal-14 ta’ Jannar 2016, AGC Glass Europe et vs Il-Kummissjoni, C-517/15 P-R, EU:C:2016:21, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      F’dan il-każ, ir-Repubblika tal-Polonja tibża’ li ssofri preġudizzju gravi u irreparabbli fil-każ ta’ ċaħda tat-talba għal miżuri provviżorji sa fejn l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li għandha bħala effett iż-żieda tal-kapaċità ta’ trasport permezz tal-pipeline OPAL, twassal neċessarjament għal tnaqqis ta’ trasport tal-gass permezz tal-pipelines Yamal-Europe u Fraternité, u, minħabba f’dan il-fatt, thedded is-sigurtà tal-provvista tal-gass fil-Polonja.

29      Preliminarjament, għandu jiġi nnutat li ma huwiex ikkontestat li l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata jwasslu għal użu ikbar tal-kapaċità tal-pipeline OPAL.

30      F’dak li jirrigwarda l-ġuntura bejn l-estensjoni tal-kapaċità ta’ trasport tal-gass permezz tal-pipeline OPAL, it-tnaqqis tat-trasport ta’ gass permezz tal-pipelines Yamal-Europe u Fraternité u t-theddida għas-sigurtà ta’ provvista tal-gass fil-Polonja, ir-Repubblika tal-Polonja tqis li, essenzjalment, jirriżulta mill-kombinazzjoni ta’ żewġ serje ta’ avvenimenti konkomitanti.

31      Minn naħa, ir-Repubblika tal-Polonja tiddikjara li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tippermetti lil Gazprom li tirriżerva 90 % tal-kapaċità ta’ trasport tal-pipeline OPAL. Id-deċiżjoni kkontestata torganizza l-irkantar ta’ 50 % tal-kapaċità totali ta’ trasport tal-pipeline OPAL. Madankollu, skont ir-Repubblika tal-Polonja, il-kundizzjonijiet regolatorji stabbiliti fid-deċiżjoni kkontestata għandhom bħala konsegwenza li jippermetti lil Gazprom li tieħu mill-inqas 80 % tal-kapaċità ta’ trasport parzjalment irregolata tal-pipeline OPAL suġġetta għall-irkantar. Sa fejn il-50 % tal-kapaċità ta’ trasport tal-pipeline OPAL huma esklużi mid-dritt tal-Unjoni kif ukoll ir-regoli dwar l-aċċess ta’ terzi, u mogħtija totalment lil Gazprom, din tal-aħħar tista’ fir-realtà tibbenefika minn aċċess iggarantit ta’ mill-inqas 90 % tal-kapaċità totali ta’ trasport tal-pipeline OPAL.

32      Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika tal-Polonja tiddikjara li din il-possibbiltà għal Gazprom li żżid l-użu tagħha tal-kapaċità ta’ trasport offerta mill-pipeline OPAL tippermettilha li tbiddel l-istrateġija kummerċjali tagħha li timmira għal tnaqqis sostanzjali jew għal interruzzjoni sħiħa tal-provvista ta’ gass minn din l-impriża fis-suq Ġermaniż permezz tal-pipeline Yamal-Europe u għal allokazzjoni sostanzjali tal-kundizzjonijiet tal-provvista ta’ gass fis-suq Pollakk permezz tal-pipelines Yamal-Europe u Fraternité. Qabelxejn, dan it-tnaqqis, jew dan l-abbandun, tal-operar minn Gazprom għandu bħala konsegwenza, b’mod partikolari, l-ewwel nett, li jinqassmu l-ispejjeż ta’ funzjonament tal-pipelineYamal-Europe skont volum inqas ta’ gass, li timplika żieda sostanzjali tal-prezz ta’ trasport li jissarraf fl-impossibbiltà għall-operaturi kkonċernati li jaċċedu għal din l-infrastruttura fil-livell ta’ konnessjoni frontaliera ikbar li tkun ġejja mill-Punent [punt ta’ interkonnessjoni ta’ Mallnow (il-Ġermanja)]; it-tieni nett, it-tnaqqis tal-possibbiltà għall-parteċipanti fis-suq li jibbenefikaw mis-servizzi ta’ inverżjoni virtwali fuq il-pipeline Yamal-Europe, billi jillimitaw b’hekk l-aċċess għas-suq Pollakk tal-gass għall-fornituri alternattivi li jkunu jridu jibiegħu l-gass mixtri fil-Ġermanja fir-rigward ta’ Gazprom u, it-tielet nett, żieda tal-ispejjeż ta’ provvista ta’ gass lil punti oħra ta’ konnessjoni bejn il-Polonja u l-Unjoni minħabba l-fatt taż-żieda tad-domanda ta’ kapaċità oħra transfrontaliera. Sussegwentement, minħabba l-interruzzjoni tal-provvista ta’ gass li tkun ġejja mill-Punent, Gazprom tista’ tibbenefika mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq Pollakk u tiddeċiedi liberament fuq il-prezz tal-provvista ta’ gass lejn il-Polonja, fatt li jirriżulta f’żieda ta’ prezzijiet għall-klijenti finali. Fl-aħħar nett, skont ir-Repubblika tal-Polonja, l-aċċess għall-kapaċità addizzjonali għall-pipeline OPAL jippermetti lil Gazprom li jsegwi orjentament mill-ġdid tat-trasport ta’ gass mit-territorju tal-Ukrajna lejn il-pipeline Nord Stream 1, li jirrendi impossibbli b’hekk, li tinżamm il-provvista fit-territiorju tal-Polonja permezz tar-ramifikazzjoni tal-pipeline Fraternité fil-punt Drozdowicze, mal-fruntiera bejn il-Polonja u l-Ukraina, dan se jkollu l-effett li jhedded is-sigurtà enerġetika tal-Polonja, sal-punt li jkun impossibbli li jiggarantixxi l-kontinwità tal-provvista lill-klijenti tal-Lbiċ tal-Polonja, peress li dawn tal-aħħar jiġu forniti direttament mill-Ukraina.

33      Mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu evalwati, minn naħa, in-natura eventwalment ipotetika ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ serje ta’ avvenimenti, li għalihom ir-Repubblika tal-Polonja tipproduċi ċertu numru ta’ informazzjoni u dokumenti intiżi li jippruvaw il-grad suffiċjenti ta’ ċertezza, ikkontestati madankollu mill-Kummissjoni u mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, u, min-naħa l-oħra, ir-realtà tar-rabta ta’ kawżalità bejn iż-żewġ serje ta’ avvenimenti u d-deċiżjoni kkontestata, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li l-imminenza tad-dannu allegat f’dan il-każ hija nieqsa.

34      Kif ġie mfakkar fil-punt 27 iktar ’il fuq, skont ġurisprudenza stabbilita n-natura urġenti ta’ talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi evalwata fid-dawl tan-neċessità ta’ deċiżjoni provviżorja sabiex jiġi evitat li jiġi kkawżat dannu serju u irreparabbli lill-parti li qiegħda titlob il-miżura provviżorja, sakemm tiġi deċiża it-talba prinċipali għall-annullament u hija din il-parti li għandha tipproduċi l-prova solida li hija ma tistax tistenna l-eżitu tal-proċedura relatata mar-rikors prinċipali mingħajr ma jkollha ġġarrab personalment dannu ta’ din in-natura.

35      Madankollu, f’dan il-każ, mill-elementi tal-atti tal-proċess jirriżulta, mhux ikkontestati mir-Repubblika tal-Polonja, li tapplika attwalment għal kuntratt ta’ trasport konkluż ma’ Gazprom għat-trasport tal-gass naturali (sa 32.3 biljun m³ ta’ gass) mill-parti Pollakk tal-pipeline Yamal-Europe għall-finijiet tal-provvista lis-swieq tal-Ewropa tal-Lvant, inkluża l-Polonja, sal-2020 kif ukoll kuntratt konkluż fl-1996 bejn PGNiG S.A. u Gazprom għal konsenji ta’ gass naturali (sa 10.2 biljuni m³ ta’ gass), li jiskadi fl-aħħar tas-sena 2022.

36      Din l-informazzjoni, nieqsa mit-talba inizjali tar-Repubblika tal-Polonja u kkomunikata għall-ewwel darba mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha tat-23 ta’ Diċembru 2016, għandha importanza determinanti fl-evalwazzjoni mill-imħallef għal miżuri provviżorji l-kundizzjoni relatata mal-urġenza. Fil-fatt, minn dawn il-kuntratti jirriżulta li l-operar tal-kapaċità ta’ trasport tal-parti Pollakka tal-pipeline Yamal-Europe huwa, prima facie, iggarantit ta’ mill-inqas sal-aħħar tas-sena 2019 u li l-konsenji ta’ gassprom għas-suq Pollakk huma ggarantiti sal-2022. F’dan ir-rigward, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn l-obbligi kuntrattwali jiftaħ mezzi legali speċifiċi li r-Repubblika tal-Polonja jkollha l-obbligu li timplementa jekk ikun il-każ. Barra minn hekk, f’dan il-kuntest, huwa fattibbli għar-Repubblika tal-Polonja li tadixxi lill-imħallef għal miżuri provviżorji konformement mal-Artikolu 160 tar-Regoli tal-Proċedura.

37      Konsegwentement u prima facie, anki fl-ipoteżi fejn in-natura ċerta tad-dannu allegat mir-Repubblika tal-Polonja tiġi suffiċjentement murija, din tal-aħħar tkun tista’ biss isseħħ mhux iktar kmieni mill-iskadenza tal-imsemmija kuntratti, barra minn hekk jekk dawn tal-aħħar ma jkunux suġġetti għal tiġdid. Madankollu, fl-osservazzjonijiet tagħha tat-3 ta’ Marzu 2017 fuq in-nota tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Polonja tqis li s-sentenza dwar il-mertu f’din il-kawża hija probabbli li tingħata f’terminu ta’ sentejn, jew matul is-sena 2019. Għalhekk, għandu jiġi osservat li r-Repubblika tal-Polonja ma pproduċietx prova serja li hija ma tistax tistenna l-eżitu tal-proċedura relatata mar-rikors prinċipali mingħajr ma tkun personalment ġarrbet dannu gravi u irreparabbli.

38      F’dan ir-rigward, madankollu, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika tal-Polonja annettiet man-nota addizzjonali tagħha tal-1 ta’ Marzu 2017 żewġ ittri, rispettivament tat-30 ta’ Awwissu u tad-9 ta’ Diċembru 2016, indirizzati mill-ministru tal-enerġija tal-Federazzjoni Russa lill-ministru tal-enerġija tar-Repubblika tal-Polonja. L-ewwel ittra hija dwar id-deċiżjoni tal-Urząd Regulacji Energetyki (uffiċċju tar-regolamentazzjoni tal-enerġija, il-Polonja) tad-19 ta’ Mejju 2015 dwar l-għoti lil Gaz-System ta’ ċertifikat ta’ indipendenza f’dak li jirrigwarda l-eżerċizzju tal-funzjoni ta’ amministratur tal-parti Pollakka tal-pipeline Yamal-Europe, li l-ministru Russu jsostni li tikser il-ftehim tal-25 ta’ Ottubru 2010 dwar l-obbligi tal-operatur inkarigat mis-segment Pollakk ta’ dan il-pipeline, li huwa nnifsu huw abbażat fuq il-ftehim Russu-Pollakk tal-25 ta’ Awwissu 1993 dwar il-bini ta’ pipelines għat-trasport ta’ gass Russu mit-territorju Pollakk. It-tieni ittra hija intiża li tinforma lill-ministru Pollakk bid-diffikultajiet li ġew iffaċċjati fl-Ukraina minn Gazprom, li ġiet imposta fuqha multa mill-amministrazzjoni Ukraina. Il-ministru Russu informa għalhekk lill-omologu tiegħu li dawn id-diffikultajiet huma ta’ natura, jekk ma jiġux riżolti, li jikkawżaw tnaqqis ta’ konsenja ta’ gass minn Gazprom. Għalhekk, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, essenzjalment, li dawn id-dokumenti juru r-realtà tar-riskju ta’ restrizzjoni jew ta’ interruzzjoni tal-konsenja ta’ gass, permezz tal-pipeline Yamal-Europe, fit-territorju Pollakk, restrizzjoni li issa saret possibbli mill-kundizzjonijiet ġodda ta’ operar tal-pipeline OPAL li jirriżultaw mid-deċiżjoni kkontestata.

39      Qabelxejn, għandu jiġi nnutat li, minkejja n-natura oriġinali li r-Repubblika tal-Polonja tidher li tattribwixxi lil dawn il-provi addizzjonali, billi dawn tal-aħħar huma assenti mit-talba għal miżuri provviżorji mressqa fis-16 ta’ Diċembru 2016. Sussegwentement, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni, f’dan l-istadju, dwar l-eżistenza ta’ rabta bejn il-kontenut ta’ dawn id-dokumenti u d-deċiżjoni kkontestata, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li t-theddid allegat huwa, prima facie, ikkundizzjonat mill-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tal-uffiċċju regolatorju tal-enerġija tad-19 ta’ Mejju 2015 li għandha sseħħ l-iktar tard fix-xahar ta’ Mejju 2017. Waqt is-seduta, ir-Repubblika tal-Polonja informat lill-president tal-Qorti Ġenerali li din l-implementazzjoni għadha ma seħħitx. Għalhekk, jekk dawn l-azzjonijiet repressivi se jikkonkretizzaw ruħhom wara din l-implementazzjoni, dawn se jikkostitwixxu, b’kull probbabiltà, elementi ġodda li ma jippermettux lir-Repubblika tal-Polonja li tadixxi lill-imħallef għal miżuri provviżorji, konformement mal-Artikolu 160 tar-Regoli tal-Proċedura, li mbagħad ikun jista’ jieħu miżura ġdida ta’ sospensjoni inaudita altera parte, skont l-Artikolu 157(2) tar-Regoli tal-Proċedura, bil-għan li jistabbilixxi mill-ġdid b’mod provviżorju r-regolamentazzjoni applikabbli qabel l-istabbiliment tas-sistema prevista mid-deċiżjoni kkontestata sakemm jiddeċiedi fuq il-fondatezza tat-talba l-ġdida fid-dawl tal-fatti ġodda.

40      Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li, peress li l-imminenza tad-dannu allegat ma ġiex ippruvat, ir-Repubblika tal-Polonja ma ssodisfatx il-kundizzjoni skont liema hija ma tistax, mingħajr ma jitwettaq id-dannu allegat, tistenna l-eżitu tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fil-kawża prinċipali.

41      Kienet tkun sitwazzjoni differenti kieku l-avvenimenti kellhom jiġru issa, billi jirrendu s-sitwazzjoni dannuża allegata irriversibbli. Madankollu, ir-Repubblika tal-Polonja tidher li tqis li l-fatti f’din il-kawża jwasslu għall-konklużjoni li tali konstatazzjoni, minħabba l-fatt tal-possibbiltà għal Gazprom li twettaq matul l-irkantar annwali li jmiss, fir-rigward tal-50 % tal-kapaċità ta’ trasport liberu permezz tad-deċiżjoni kkontestata, prenotazzjonijiet fit-tul li għandhom bħala effett l-iffriżar tas-sitwazzjoni b’tali mod li l-portata tal-effetti legali tad deċiżjoni kkontestata sa fejn jaqbżu bil-kbir it-tul tal-eżistenza legali tagħha.

42      Fl-ewwel lok, ir-Repubblika tal-Polonja tenfasizza li ir-riżervazzjonijiet tal-kapaċità ta’ trasport irkantata konformement għall-kundizzjonijiet ġodda ta’ użu tal-pipeline OPAL se jkun għal perijodu ta’ ħmistax-il sena. Madankollu hija tiddikjara li huwa mistenni li Gazprom se tipprenota l-parti l-kbira tal-kapaċità ta’ trasport għal dan it-tul, u b’hekk tiffriża s-sitwazzjoni, kif deskrit fil-punt 32, għall-ħmistax-il sena li ġejjin.

43      Fit-tieni lok, hija tispeċifika li ir-riżervazzjonijiet, li jieħdu l-forma ta’ ftehim irregolati mid-dritt privat, isiru mbagħad sorsi ta’ drittijiet u ta’ obbligi għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi, suġġetti għall-protezzjoni, indipendentement mir-riżultat tar-rikors prinċipali. Fil-fehma tagħha, lanqas l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma jkun jista’ jannulla l-kuntratti ta’ trasport jew ta’ provvista ta’ gass permezz tal-pipeline OPAL. Hija tenfasizza wkoll li dawn il-kuntratti ta’ trasport se jkollhom bħala konsegwenza parallela l-konklużjoni ta’ kuntratti kummerċjali ta’ negozju tal-gass, għaldaqstant joħloq ostaklu addizzjonali għax-xoljiment ta’ kuntratti ta’ trasport.

44      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li din l-analiżi hija bbażata fuq għarfien żbaljat tal-funzjonament tal-ordinament ġuridiku adegwat stabbilit mit-trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 1964, Costa, 6/64, EU:C:1964:66, p. 1158). F’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata, il-kundizzjonijiet ta’ użu tal-pipeline OPAL, kif awtorizzati permezz ta’ din id-deċiżjoni, ma japplikawx iktar. Konsegwentement, l-ebda att ta’ dritt privat ibbażat fuq dawn il-kundizzjonijiet ma jkun jista’ jiġi implementat. Kemm il-Kummissjoni kif ukoll ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja enfasizzaw, ġustament, dan l-aspett kemm fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom kif ukoll waqt is-seduta tal-5 ta’ Lulju 2017.

45      F’dan ir-rigward, flimkien mal-ostakli legali, li l-eżistenza tagħhom ma tistax tiġi aċċettata, kif tfakkar fil-punt 44 iktar ’il fuq, ir-Repubblika tal-Polonja qajmet l-eżistenza ta’ diffikultajiet prattiċi fl-implementazzjoni tal-effetti ta’ tali annullament. Madankollu, din l-oġġezzjoni għandha tiġi miċħuda wkoll. Fil-fatt, tenfasizza l-Kummissjoni fir-risposti tagħha tas-16 ta’ Jannar 2017 għad-domandi magħmula fit-23 ta’ Diċembru 2016 mill-president tal-Qorti Ġenerali, jekk il-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kkontestata, il-prenotazzjoni tal-prodotti ta’ kapaċità annwali għall-perijodu sussegwenti għad-deċiżjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali għandha tiġi invalidata, peress li hija tikkonċerna prodotti annwali distinti, li ma jistgħux jiġi pprenotati għal perijodu sa 15-il sena li jakkumulaw ma’ oħrajn, u li huma għaldaqstant prodotti indipendenti wieħed milli-ieħor. Barra minn hekk, mill-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt applikabbli għat-trasport ta’ gass mill-pipeline OPAL, ipprovduti mill-Kummissjoni, jirriżulta li l-kuntratt ta’ trasport konkluż bejn l-utenti tan-network u OGT f’dak li jirrigwarda l-akkwist ta’ prodotti ta’ kapaċità permezz ta’ irkantar jista’ jiġi xolt immedjatament għal raġunijiet importanti, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata mill-Qorti Ġenerali bla dubju ta’ xejn jinsabu fost dawn ir-raġunijiet. Il-Kummissjoni żżid, ġustament, li dan l-annullament jikkostitwixxi ċirkustanza fortuwita li għandha konsegwenzi legali fuq il-kuntratt, fis-sens li tiġġustifika l-adattament tal-kundizzjonijiet tal-imsemmi kuntratt. Barra minn dan, dawn il-kundizzjonijiet ġenerali jawtorizzaw lil OGT li tbiddel il-kundizzjonijiet tal-kuntratt fil-futur jekk in-neċessità li tittieħed inkunsiderazzjoni tal-bidla tas-sitwazzjoni legali timponiha, pereżempju fil-preżenza ta’ sentenza mogħtija minn qorti internazzjonali. Barra minn hekk, jidher li mhux eskluż a priori li, fid-dawl tal-kawża pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali, li tiġi inserita klawżola ta’ salvagwardja fil-kuntratti kollha ffirmati li tirrigwarda l-irkantar futur (pereżempju, kuntratti downstream minn operaturi involuti fit-trasport, id-distribuzzjoni u l-konsenja ta’ gass ipprovdut minn Gazprom, iżda wkoll il-kuntratti kummerċjali ta’ kummerċ tal-gass), bil-għan li jiġu previsti l-konsegwenzi ta’ sospensjoni eventwali ġdida tad-deċiżjoni kkontestata jew annullament ta’ din tal-aħħar. Fi kwalunkwe każ, sa fejn tressqu l-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni kkontestata, jeżista bla dubju riskju kummerċjali li ma jkunx jista’ jiġi injorat mill-atturi fis-suq.

46      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jirriżulta li, anki jekk in-natura ċerta tagħhom ġiet murija, il-konsegwenzi kollha marbuta mal-kombinazzjoni ta’ żewġ serje ta’ avvenimenti deskritti fil-punti 31 u 32 iktar ’il fuq, ’il bogħod milli jkopru perijodu ta’ ħmistax-il sena, ikunu, fil-fatt limitati għall-perijodu li jippreċedi d-data tad-deċiżjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali li ttemm il-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrimarkat li, anki jekk ir-Repubblika tal-Polonja ma qiesitx utli li tressaq talba għal proċedura mħaffa fil-kuntest tar-rikors prinċipali tagħha, ma huwiex eskluż li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi ex officio li tiddeċiedi din il-kawża skont din il-proċedura, skont l-Artikolu 151(2) tar-Regoli tal-Proċedura. Fin-nuqqas ta’ dan, huwa dejjem fattibbli, jekk iċ-ċirkustanzi jirrikjedu dan, li din il-kawża tiġi deċiża b’mod prijoritarju, konformement mal-Artikolu 67(2) tal-istess regoli. Min-naħa l-oħra, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Polonja tenfasizza li d-dannu subit minnha jirriżulta qabel kollox mill-bidliet possibbli tal-mezzi ta’ trasport ta’ gass lejn l-Unjoni. Madankollu, kif ġie indikat fil-punti 35 u 36 iktar ’il fuq, ma humiex biss l-istrumenti legali attwalment fis-seħħ, li jostakolaw it-twettiq ta’ din l-ipoteżi sal-2020 minn tal-inqas, iżda, barra minn hekk, l-eżistenza ta’ mezzi legali speċifiċi, li bihom ikun hemm il-possibbiltà li jiġi adit l-Imħallef għal miżuri provviżorji abbażi ta’ fatti ġodda, li jiggarantixxu lir-Repubblika tal-Polonja protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-kuntest tal-kawża tagħha quddiem il-qorti f’każ ta’ ksur ta’ dawn l-istrumenti. Għalhekk, hija biss l-ipoteżi deskritta fil-punt 31 iktar ’il fuq, ikkontemplata mir-Repubblika tal-Polonja, li tista’ eventwalment timmaterjalizza ruħha matul il-perijodu li jippreċedi l-adozzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali li ttemm il-kawża prinċipali. Madankollu, din l-ipoteżi, li tikkonsisti fl-użu ta’ 90 % tal-kapaċità ta’ trasport tal-pipeline OPAL minn Gazprom, ma jikkostitwixxix fih innifsu id-dannu allegat mir-Repubblika tal-Polonja, jiġifieri t-theddida għas-sigurtà ta’ provvista tal-gass fil-Polonja. Konsegwentement, anki jekk l-effetti ta’ din l-ipoteżi jkunu irriversibbli, ir-rekwiżit tal-prova ta’ dannu serju u irreparabbli għar-Repubblika tal-Polonja li jiġġustifika l-adozzjoni tal-miżuri provviżorji mitluba ma huwiex sodisfatt.

47      Għalhekk, mill-iżviluppi ta’ hawn fuq jirriżulta li r-Repubblika tal-Polonja ma pproduċietx il-prova li hija ma tistax tistenna l-eżitu tal-proċedura dwar ir-rikors prinċipali mingħajr ma tissubixxi personalment dannu serju u irreparabbli minħabba l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

48      Minn dan isegwi li l-kundizzjoni relatata mal-urġenza ma hijiex issodisfatta, b’tali mod li din it-talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi miċħuda, mingħajr ma hemm bżonn li tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ fumus boni juris jew li jitwettaq ibbilanċjar tal-interessi.

 Fuq it-talba ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura

49      Permezz tat-talba tagħha għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mressqa fit-13 ta’ Jannar 2017, ir-Repubblika tal-Polonja titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi informazzjoni dwar:

–        L-effetti prodotti mill-applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, billi tagħti attenzjoni partikolari lil numru u lil tip ta’ irkantar li jirrigwarda l-kapaċità ta’ trasport fuq il-pipeline OPAL li ġew organizzati matul l-applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll ir-riżultati tal-irkantar u l-livell ta’ żieda (fil-volum u fil-perċentwali) tal-fluss tal-gass li jgħaddi mill-pipeline OPAL fir-rigward tal-perijodu preċedenti;

–        Il-modalitajiet tal-implementazzjoni tad-Digriet tat-23 ta’ Diċembru 2016, Il-Polonja vs Il-Kummissjoni (T-883/16 R), li jordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, billi jispjega r-raġunijiet għall-organizzazzjoni irkanti fuq il-kapaċità ta’ trasport fuq il-pipeline OPAL wara d-data tad-deċiżjoni tal-imsemmi digriet u billi jindika l-livell taż żieda (fil-volum u fil-perċentwali) tal-flussi tal-gass li jgħaddu mill-pipeline OPAL li jseħħ wara d-data tad-deċiżjoni tad-digriet.

50      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, li minkejja li jistgħu jsiru mistoqsijiet leġittimi fir-rigward tal-fatti dwar l-użu tal-kapaċità ta’ trasport fuq il-pipeline OPAL li segwew l-adozzjoni tad-Digriet tat-23 ta’ Diċembru 2016, Il-Polonja vs Il-Kummissjoni (T-883/16 R), mill-elementi tal-atti tal-proċess jirriżulta li, minn naħa, l-użu attwali ta’ dan il-pipeline huwa rregolat skont il-kundizzjonijiet applikabbli qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, l-irkantar previst fis-6 ta’ Marzu 2017, li għalih ir-Repubblika tal-Polonja qieset partikolarment importanti l-kjarifika ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, ma seħħewx.

51      It-tieni nett, jekk, waqt is-seduta tal-5 ta’ Lulju 2017, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkonfermat li ċerti kuntratti, marbuta mal-irkantar organizzat qabel l-adozzjoni tad-Digriet tat-23 ta’ Diċembru 2016, Il-Polonja vs Il-Kummissjoni (T‑883/16 R), ġew eżegwiti bi ksur tal-effetti ta’ sospensjoni deċiża mill-Imħallef għal miżuri provviżorji f’dan id-digriet, hija madankollu enfasizzat il-konfużjoni li kellha taffronta f’din is-sitwazzjoni. Fil-fatt, wara l-adozzjoni tal-imsemmi digriet, inbdiet proċedura quddiem l-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti superjuri reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) li wasslet għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Diċembru 2016 li tissospendi l-ftehim li ġie konkluż bejn OGT u l-BNetzA fit-28 ta’ Novembru 2016. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għalhekk, ikkunsidrat, b’mod żbaljat hi rrikonoxxiet waqt is-seduta, li hija biss l-organizzazzjoni ta’ irkantar għall-futur li kienet koperta mid-digriet tat-23 ta’ Diċembru 2016, Il-Polonja vs Il-Kummissjoni (T-883/16 R), li jeskludi kwalunkwe effett dwar l-eżekuzzjoni ta’ kuntratti relatati ma’ irkantar imgħoddi. Fir-rigward ta’ kummerċ li seħħ sussegwentement fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li tali interpretazzjoni żbaljata ma tistax tiġi riprodotta fl-eventwalità kemm ta’ sospensjoni ġdida deċiża mill-Imħallef għal miżuri provviżorji kif ukoll f’dik ta’ annullament mill-Qorti Ġenerali tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, hija ppreċiżat li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża tatha setgħat ta’ ordni fil-konfront tal-BNetzA li huma suffiċjenti sabiex jiżguraw l-effett sħiħ tad-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali u tal-Imħallef għal miżuri provviżorji tagħha.

52      Konsegwentement, ma jidhirx li huwa neċessarju li tinkiseb l-informazzjoni msemmija mill-imsemmija talba, li għandha għalhekk tiġi miċħuda.

53      Skont l-Artikolu 158(5) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

jordna:

1)      It-talba għal miżuri provviżorji tiġi miċħuda.

2)      Id-Digriet tat-23 ta’ Diċembru 2016, Il-Polonja vs Il-Kummissjoni (T-883/16 R), huwa rrevokat.

3)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Magħmul fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Lulju 2017.

Ir-Reġistratur

 

Il-President

E. Coulon

 

M. Jaeger


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.