KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CRUZ VILLALÓN
ippreżentati fis-6 ta’ Ottubru 2015 (1)
Kawżi Magħquda C‑443/14 u C‑444/14
Kreis Warendorf
vs
Ibrahim Alo
u
Amira Osso
vs
Region Hannover
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja)]
“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Direttiva 2011/95/UE – Regoli relatati mal-kontenut tal-protezzjoni internazzjonali – Status ta’ refuġjat u status mogħti għall-protezzjoni sussidjarja – Artikoli 29 u 33 – Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Konvenzjoni ta’ Genève – Moviment liberu fl-Istat Membru ospitanti – Obbligu ta’ residenza f’post iddeterminat – Restrizzjoni – Ġustifikazzjoni – Ħtieġa li jiġi żgurat tqassim ibbilanċjat tal-piżijiet ta’ assistenza soċjali bejn il-kollettivitajiet amministrattivi – Motivi relatati mal-politika tal-immigrazzjoni u tal-integrazzjoni”
1. Din il-kawża għandha l-oriġini tagħha f’żewġ deċiżjonijiet tar-rinviju li permezz tagħhom il-Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva federali Ġermaniża) tagħmel tliet domandi preliminari fir-rigward tal-Artikoli 29 u 33 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (2), li l-interpretazzjoni tagħhom qed tintalab għall-ewwel darba lill-Qorti tal-Ġustizzja (3).
2. Iż-żewġ deċiżjonijiet tar-rinviju, prattikament identiċi, joriġinaw mid-dubji tal-qorti nazzjonali fir-rigward tal-kompatibbiltà mal-imsemmija direttiva tal-impożizzjoni ta’ obbligu, previst fid-dritt nazzjonali, ta’ residenza f’post partikolari (li jissejjaħ “Wohnsitzauflage”) fir-rigward tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja li jirċievu benefiċċji soċjali.
3. Fil-qosor, u bl-iktar mod konċiż possibbli, din il-kawża tqajjem il-problema tal-livell ta’ rikonoxximent tad-dritt fundamentali li jiġi magħżul b’mod liberu il-post ta’ residenza fil-każ tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja u b’mod partikolari tal-legalità kemm ta’ restrizzjoni ta’ dan id-dritt idderivata mir-riċeviment ta’ għajnuna soċjali kif ukoll ta’ trattament differenti fir-rigward ta’ barranin oħra residenti legalment, kollox bil-għan li jitqassmu territorjalment il-piżijiet soċjali inerenti bejn l-awtoritajiet territorjali ta’ livell differenti u li tiġi żviluppata politika adegwata tal-immigrazzjoni u tal-integrazzjoni.
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt internazzjonali
1. Il-Konvenzjoni ta’ Genève
4. L-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”) (4), iddedikat għall-“Għajnuna pubblika” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jipprevedi li “l-Istati Kontraenti għandhom jagħtu lir-refuġjati li jinsabu legalment fit-territorju ta’ dawn l-Istati l-istess trattament bħaċ-ċittadini tagħhom fir-rigward tal-assistenza pubblika u tas-sokkors pubbliku.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
5. L-Artikolu 26 tal-istess konvenzjoni, intitolat “Libertà ta’ moviment” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jipprevedi li “kull Stat Kontraenti għandu jagħti lir-refuġjati li jinsabu legalment fit-territorju tiegħu, id-dritt li jagħżlu l-post tar-residenza tagħhom f’dak it-territorju u li jivvjaġġaw liberament fih, sakemm josservaw ir-regolamenti applikabbli fl-istess ċirkustanzi għall-barranin inġenerali”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
2. Il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi
6. L-Artikolu 12 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (5) jipprevedi kif ġej:
“1. Kull persuna li tinsab legalment fit-territorju ta’ Stat għandu jkollha d-dritt għal-libertà ta’ moviment fih u d-dritt għal-libertà li tagħżel ir-residenza tagħha fih.
[…]
3. Id-drittijiet imsemmijin hawn fuq ma jistgħux ikunu suġġetti għal restrizzjonijiet ħlief meta dawn ir-restrizzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, ikunu meħtieġa biex jipproteġu s-sigurtà nazzjonali, l-ordni pubbliku, is-saħħa pubblika jew il-moralità pubblika jew id-drittijiet u l-libertajiet ta’ terzi, u jkunu kompatibbli mad-drittijiet l-oħra rrikonoxxuti f’dan il-patt.
[…]”[traduzzjoni mhux uffiċjali]
3. Il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem
7. L-Artikolu 2 tal-Protokoll addizzjonali Nru 4 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), (6) taħt it-titolu “Libertà ta’ moviment” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jipprevedi kif ġej:
“1. Kull min ikun b’mod leġittimu fil-limiti tat-territorju ta’ xi Stat għandu, fil-limiti ta’ dak it-territorju, ikollu d-dritt għal-liberta` ta’ moviment u l-liberta` li jagħżel ir-residenza tiegħu.
[…]
3. Ma għandhom jitqiegħdu ebda restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet ħlief dawk li jkunu skont il-liġi u li jkunu meħtieġa f’soċjetà demokratika f’kull interess tas-sigurtà nazzjonali jew tas-sigurezza pubblika, għaż-żamma tal-ordni pubbliku, għall-prevenzjoni ta’ reati, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn.
4. Id-drittijiet stipulati fil-paragrafu 1 jistgħu jkunu wkoll suġġetti, f’żoni partikolari, għal restrizzjonijiet imposti skont il-liġi u li jkunu ġġustifikati bl-interess pubbliku f’soċjeta` demokratika.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
B – Id-dritt tal-Unjoni
8. L-Artikolu 78(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li: “l-Unjoni għandha tiżviluppa politika komuni dwar l-asil, il-protezzjoni sussidjarja u l-protezzjoni temporanja bil-għan li toffri status xieraq lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jeħtieġ protezzjoni internazzjonali u bil-għan li tassigura l-ħarsien tal-prinċipju ta’ non-refoulement. Din il-politika trid tkun konformi mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tat-28 ta’ Lulju 1951 u mal-Protokoll tal-31 ta’ Jannar 1967 dwar l-istatus tar-refuġjati, kif ukoll ma’ trattati oħra rilevanti.”
9. Il-premessi 4, 16, 17, 33, 39 u 45, tad-Direttiva 2011/95 huma fformulati kif ġej:
“(4) Il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u l-Protokoll jipprovdu l-pedament tar-reġim legali internazzjonali għall-protezzjoni ta’ refuġjati.
[…]
(16) Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [iktar ’il quddiem il-“Karta”]. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u d-dritt għall-ażil għal applikanti u għall-membri tal-familja li jakkompanjawhom u sabiex tippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 1, 7, 11, 14, 15, 16, 18, 21, 24, 34 u 35 ta’ dik il-Karta u għandha għalhekk tiġi implimentata kif meħtieġ.
(17) Fir-rigward tat-trattament ta’ persuni li jaqgħu fl-ambitu ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri huma marbuta b’obbligi taħt strumenti tal-liġi internazzjonali li tagħhom jagħmlu parti, inkluż partikolarment dawk li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni.
[…]
(33) Standards għad-definizzjoni u l-kontenut tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja għandhom jiġu stipulati wkoll. Il-protezzjoni sussidjarja għandha tkun kumplimentari u addizzjonali għall-protezzjoni tar-refuġjati stabbilita fil-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.
[…]
(39) Filwaqt li tiġi sodisfatta t-talba tal-programm ta’ Stokkolma għall-istabbiliment ta’ status uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u bl-eċċezzjoni tad-derogi li huma meħtieġa u ġustifikati b’mod oġġettiv, benefiċjarji ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja għandhom jingħataw l-istess drittijiet u benefiċċji bħal dawk li jgawdu refuġjati taħt din id-direttiva, u għandhom ikunu soġġetti għall-istess kondizzjonijiet ta’ eliġibilità.
[…]
(45) Sabiex tiġi evitata tbatija soċjali, huwa xieraq li l-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali jiġu pprovduti b’għajnuna soċjali u mezzi ta’ sussistenza adegwati, mingħajr diskriminazzjoni fil-kuntest tal-assistenza soċjali. Fir-rigward tal-assistenza soċjali, il-modalitajiet u d-dettall tal-provvista ta’ benefiċċji bażiċi lil benefiċjarji ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja għandhom jiġu determinati mil-liġi nazzjonali. Il-possibbiltà li tiġi limitata dik it-tip ta’ assistenza għal benefiċċji bażiċi trid tinftiehem li tkopri mill-inqas is-sostenn ta’ dħul minimu, għajnuna fil-każ ta’ mard, jew tqala u assistenza lill-ġenituri, safejn dawk il-benefiċċji jingħataw liċ-ċittadini nazzjonali skont il-liġi nazzjonali.”
10. L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/95 jistabbilixxi fil-punti (b), (f) u (g) tiegħu dawn id-definizzjonijiet:
“ b) “benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali” tfisser persuna li ngħatat status ta’ refuġjat jew ta’ protezzjoni sussidjarja kif definit f'punti (e) u (g);
[…]
f) “persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja” tfisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li ma tikkwalifikax bħala refuġjat imma rigward min intwerew raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li l-persuna interessata, jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, jew fil-każ ta’ persuna mingħajr stat, lejn il-pajjiż ta’ residenza abitwali ta’ qabel tagħha, tiffaċċja riskju veru li ssofri dannu serju kif definit fl-Artikolu 15, u li għaliha l-Artikolu 17(1) u (2) ma japplikax, u ma tistax, jew, minħabba f’dan ir-riskju, ma tixtieqx tapprofitta ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż;
g) “status ta’ protezzjoni sussidjarja” ifisser ir-rikonoxximent minn Stat Membru ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja;
[…].”
11. L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2011/95, li jifforma parti mill-Kapitolu VII tagħha, iddedikat għall-kontenut tal-protezzjoni internazzjonali, jipprevedi:
“1. Dan il-Kapitolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet preskritti fil-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.
2. Dan il-Kapitolu għandu japplika kemm għal refuġjati kif ukoll għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja minbarra jekk ikun indikat mod ieħor.
[…]”
12. L-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95, li huwa intitolat “Għajnuna soċjali” huwa fformulat kif ġej:
“1 L-Istati Membri għandhom jiżguraw li benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali jirċievu, fl-Istat Membru li jkun ta din il-protezzjoni, l-għajnuna [assistenza] soċjali meħtieġa, kif ipprovdut lil ċittadini nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru.
2. B’deroga mir-regola ġenerali stipulata fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-għajnuna soċjali mogħtija lil benefiċjarji bi status ta’ protezzjoni sussidjarja għal benefiċċji bażiċi li mbagħad jiġu provduti fl-istess livelli u bl-istess kondizzjonijiet ta’ eliġibilità bħalma jingħataw liċ-ċittadini nazzjonali.”
13. L-Artikolu 32 tad-Direttiva 2011/95, rigward l-aċċess għal akkomodazzjoni, jipprevedi:
“1. Stati Membri għandhom jiżguraw li benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali jkollhom aċċess għal akkomodazzjoni taħt kundizzjonijiet ekwivalenti għal ċittadini nazzjonali oħra ta’ pajjiż terz residenti legalment fit-territorji tagħhom.
2. Filwaqt li jippermettu prattiki nazzjonali ta’ dispersjoni ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri għandhom jippruvaw jimplimentaw politiki mmirati bil-għan li jipprevjenu diskriminazzjoni ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u sabiex jiżguraw opportunitajiet ugwali dwar aċċess għall-akkomodazzjoni.”
14. L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95, bit-titolu “Libertà ta’ moviment fi ħdan l-Istat Membru”, jipprevedi:
“L-Istati Membri għandhom jippermettu libertà ta’ moviment fit-territorju tagħhom għal benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, taħt l-istess kundizzjonijiet u restrizzjonijiet bħal dawk ipprovduti lil ċittadini nazzjonali ta’ pajjiż terz residenti legalment fit-territorji tagħhom.”
C – Id-dritt Ġermaniż
15. Il-punt 1 tal-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 5(3) tal-Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet (liġi li tirregola d-dritt ta’ residenza, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet irremunerati u l-integrazzjoni tal-barranin fit-territorju Federali; iktar ’il quddiem l-“AufenthG”) (7), jipprevedu dan li ġej:
“(1) Għall-għoti tal-permess ta’ residenza għandhom jiġu ssodisfatti, b’mod ġenerali, ir-rekwiżiti li ġejjin:
1. Ikun żgurat l-għajxien.
[…]
(3) Fil-każ li jingħata permess ta’ residenza skont l-[...] Artikolu 25(1) sa (3), [...],il-paragrafi 1 u 2 […] ma japplikawx.”
16. L-Artikolu 12 tal-AufenthG jipprevedi:
“(1) Il-permess ta’ residenza għandu jinħareġ b’validità għat-territorju nazzjonali kollu. Dan ma jaffettwax il-validità tiegħu, skont id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen, fir-rigward tar-residenza fit-territorju tal-Istati kontraenti.
(2) Il-viża u l-permess ta’ residenza jistgħu jinħarġu u jiġu estiżi taħt ċerti kundizzjonijiet. Barra minn hekk, jistgħu jiġu imposti obbligi fir-rigward tagħhom, anki b’mod retroattiv, partikolarment, restrizzjonijiet territorjali.”
17. L-Artikolu 25 tal-AufenthG, bit-titolu “Residenza għal raġunijiet umanitarji”, jipprevedi, fil-paragrafu (2) tiegħu, li “l-permess ta’ residenza għandu jingħata lil barrani jekk il-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge jkun tah l-istatus ta’ rifuġjat [...] jew protezzjoni sussidjarja [...]”.
18. Bis-saħħa tal-AufenthG, il-Bundesminister des Innern (Ministru tal-Affarijiet Interni), bl-approvazzjoni tal-Bundesrat, adotta l-linji gwida amministrattivi ġenerali fuq l-AufenthG, tas-26 ta’ Ottubru 2009 (Allgemeine Verwaltungsvorschrift zum AufenthG; iktar ’il quddiem, il-“linji gwida tal-2009”), li għandhom jiġu osservati mill-awtoritajiet kompetenti. Skont dawn il-linji gwida, jekk il-benefiċjarju jirċievi benefiċċji tas-sigurtà soċjali, il-permess ta’ residenza maħruġ għal raġunijiet li jirriżultaw mid-dritt internazzjonali, għal raġunijiet umanitarji jew għal raġunijiet politiċi skont it-Taqsima 5 tal-Kapitolu 2 tal-AufenthG għandu jkun suġġett għal obbligu relatat mal-post ta’ residenza (dak li jissejjaħ “Wohnsitzauflage”). Il-paragrafi rilevanti tal-imsemmija linji gwida jipprevedu kif ġej:
“12.2.5.2.1 L-obbligu relatat mal-post ta’ residenza jikkostitwixxi, b’mod partikolari, mezz xieraq sabiex permezz ta’ rabtiet reġjonali jiġi evitat piż fiskali sproporzjonat għal ċerti Länder u muniċipalitajiet minħabba l-benefiċċji soċjali tal-benefiċjarji barranin. Dawn it-tipi ta’ obbligi jistgħu wkoll jgħinu fil-prevenzjoni ta’ konċentrazzjoni ta’ barranin li jiddependu fuq is-sigurtà soċjali f’żoni konkreti, bil-ġenerazzjoni konsegwenti ta’ segregazzjoni soċjali u l-konsegwenzi negattivi tagħha għall-integrazzjoni tal-barranin. Miżuri bħal dawn huma ġġustifikati wkoll sabiex jorbtu lill-barranin bi bżonn speċjali ta’ integrazzjoni ma’ post partikolari ta’ residenza, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw fih mill-faċilitajiet eżistenti ta’ integrazzjoni.
12.2.5.2.2 Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandhom jiġu imposti u miżmuma obbligi relatati mal-post ta’ residenza fir-rigward tad-detenturi ta’ permessi ta’ residenza maħruġa skont it-Taqsima 5 tal-Kapitolu 2 tal-AufenthG jew tal-permessi ta’ stabbiliment maħruġa skont l-Artikolu 23(2), sa fejn u sakemm huma jirċievu benefiċċji taħt il-Ktieb II jew XII tas-Sozialgesetzbuch [kodiċi tas-sigurtà soċjali] jew taħt l-Asylbewerberleistungsgesetz [liġi dwar il-benefiċċji mogħtija lill-applikanti għall-ażil].”
II – It-tilwim nazzjonali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
A – Il-fatti
19. I. Alo u A. Osso huma ċittadini Sirjani li vvjaġġaw lejn il-Ġermanja fl-1998 u fl-2001 rispettivament, fejn ippreżentaw, mingħajr suċċess, applikazzjoni kull wieħed għall-ażil. L-awtoritajiet Ġermaniżi, madankollu, awtorizzaw kemm lil I. Alo kif ukoll lil A. Osso sabiex jibqgħu fil-Ġermanja. It-tnejn li huma ilhom jirċievu benefiċċji soċjali mill-bidu tal-proċeduri tagħhom ta’ eżami tal-applikazzjoni għall-ażil.
20. Wara li ż-żewġ applikanti ppreżentaw it-tieni applikazzjoni għall-ażil fl-2012, il-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (uffiċċju federali għall-immigrazzjoni u r-refuġjati, iktar ’il quddiem il-“Bundesamt”) ħareġ fiż-żewġ każijiet projbizzjoni ta’ tneħħija lejn is-Sirja, skont l-Artikolu 60(2) tal-AufenthG. Fuq il-bażi ta’ dawn id-deċiżjonijiet, I. Alo u A. Osso għandhom l-istatus ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja. Konsegwentement, il-Kreis Warendorf u r-reġjun ta’ Hannover taw lil I. Alo u lil A. Osso, rispettivament, il-permessi ta’ residenza korrispondenti, li fihom ġew imposti obbligi fir-rigward tal-post ta’ stabbiliment tar-residenza tagħhom, fuq il-bażi tal-paragrafi 12.2.5.2.1 u 12.2.5.2.2 tal-linji gwida tal-2009. B’mod partikolari, I. Alo kellu jistabbilixxi r-residenza tiegħu fil-belt ta’ Ahlen, filwaqt li A. Osso kienet obbligata tistabbilixxi r-residenza tagħha fir-reġjun ta’ Hannover, bl-eċċezzjoni tal-kapital tal-Land Niedersachsen. Iż-żewġ kundizzjonijiet ġew irripetuti fil-permessi ta’ residenza l-ġodda maħruġa fl-2014 liż-żewġ applikanti skont l-Artikolu 25(2) tal-AufenthG.
21. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kemm I. Alo kif ukoll A. Osso ppreżentaw, fi Frar 2013 u f’Lulju 2012 rispettivament, rikorsi għal annullament sabiex jikkontestaw dawn ir-restrizzjonijiet relatati mal-post ta’ residenza, li ġew miċħuda fl-ewwel istanza. Madankollu, il-qrati tal-appell waslu għal konklużjonijiet differenti. Fir-rigward ta’ I. Alo, l-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein Westfalen (qorti amministrattiva superjuri tal-Land Nordrhein Westfalen) annullat din il-kundizzjoni permezz ta’ sentenza tal-21 ta’ Novembru 2013, peress li qieset li din kienet tmur kontra l-Artikolu 28(1) flimkien mal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2004/83. Il-Kreis Warendorf ippreżenta appell ta’ kassazzjoni (Reviżjoni) kontra dik id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Fir-rigward ta’ A. Osso, in-,Niedersächsische Oberverwaltungsgericht (qorti amministrattiva superjuri tal-Land Niedersachsen), permezz ta’ sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2013, ċaħdet l-appell tagħha. A. Osso ippreżentat appell ta’ kassazzjoni kontra dik id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.
B – Id-domandi preliminari
22. Peress li r-riżoluzzjoni tat-tilwim kienet tiddependi fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2011/95, il-Bundesverwaltungsgericht iddeċidiet li tissospendi ż-żewġ proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, għal kull waħda mill-kawżi, id-domandi li ġejjin:
“1) L-obbligu li tiġi stabbilita residenza fi ħdan żona ġeografika limitata (muniċipalità, distrett, reġjun) tal-Istat Membru jirrestrinġi l-libertà ta’ moviment fis-sens tal-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95/UE, jekk, ħlief għal dan l-obbligu, il-persuna barranija tkun tista’ tiċċaqlaq u tgħix liberament fit-territorju tal-Istat Membru?
2) L-obbligu li tiġi stabbilita residenza fir-rigward ta’ persuni bi status ta’ protezzjoni sussidjarja huwa kompatibbli mal-Artikolu 33 u/jew mal-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95/UE, jekk dan ikun ibbażat fuq l-għan li tinkiseb distribuzzjoni ġusta tal-piżijiet tal-assistenza pubblika soċjali bejn l-aġenziji differenti kompetenti f’dan il-qasam fit-territorju nazzjonali?
3) L-obbligu li tiġi stabbilita residenza fir-rigward ta’ persuni bi status ta’ protezzjoni sussidjarja huwa kompatibbli mal-Artikolu 33 u/jew mal-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95/UE, jekk dan ikun ibbażat fuq raġunijiet ta’ politika ta’ [im]migrazzjoni jew ta’ integrazzjoni sabiex jipprevjenu li ċerti muniċipalitajiet jew distretti jiġu żvantaġġati soċjalment bil-wasla frekwenti ta’ barranin? Raġunijiet astratti ta’ politika ta’ migrazzjoni jew ta’ integrazzjoni huma biżżejjed jew dawn ir-raġunijiet għandhom jiġu
ddikjarati b’mod konkret?”
C – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
23. Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 2014, il-Kawżi C‑443/14, C‑444/14 u C-445/14 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura u għall-finijiet tas-sentenza. Permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ April 2015 il-Bundesverwaltungsgericht informat lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-irtirar tal-domandi preliminari fil-Kawża C‑445/14 minħabba t-tmiem tas-suġġett tal-proċedura prinċipali dovut għall-għoti, mill-awtoritajiet kompetenti, tal-istatus ta’ refuġjat lill-persuna kkonċernata. Din il-kawża tneħħiet mir-reġistru permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ April 2015. I. Alo, A. Osso, il-Kreis Warendorf, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Grieg u l-Kummissjoni Ewropea, li kollha, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Grieg, dehru fis-seduta orali tal-14 ta’ Lulju 2015, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, skont l-Artikolu 23(2) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.
III – Analiżi
24. It-tliet domandi suċċessivi li huma inkorporati f’dawn id-domandi preliminari huma marbutin mill-qrib. Filwaqt li l-ewwel waħda tistaqsi jekk l-obbligu ta’ residenza li huwa s-suġġett ta’ dawn il-kawżi jikkostitwixxix restrizzjoni għad-dritt ta’ moviment liberu msemmi fl-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95, it-tieni u t-tielet domandi jipproponu żewġ ġustifikazzjonijiet possibbli fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv.
25. L-eżami ta’ dawn il-ġustifikazzjonijiet jaqa’, barra minn hekk, fl-ambitu ta’ ċerti regoli tad-dritt sekondarju li jirrikonoxxu drittijiet b’riferiment għall-istandard applikabbli għal suġġetti oħra, permezz ta’ manifestazzjonijiet differenti tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Dan kollu bil-partikolarità li d-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju applikabbli jimplementaw id-drittijiet fundamentali tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, li jingħaqdu, min‑naħa tagħhom, mad-drittijiet speċifiċi rrikonoxxuti fil-Konvenzjoni ta’ Genève. Dan jagħmel inevitabbli l-fatt li l-analiżi tal-kompatibbiltà tal-miżura kkontestata mad-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju invokati mill-qorti tar-rinviju għandu jsir mingħajr ma jiġu minsija r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali.
A – Fuq l-ewwel domanda preliminari
26. Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-Bundesverwaltungsgericht tistaqsi jekk il-kundizzjoni ta’ stabbiliment tar-residenza f’żona ġeografika limitata, bħal muniċipalità, distrett, jew reġjun ta’ Stat Membru, tikkostitwixxix restrizzjoni għall-moviment liberu fis-sens tal-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95, jekk il-persuna kkonċernata, barra minn dan, hija libera li tiċċaqlaq fit-territorju kollu ta’ dak l-Istat Membru u li tibqa’ fih.
1. Osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
27. Filwaqt li I. Alo, A. Osso, il-Gvern Grieg u l-Kummissjoni jipproponu li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-Gvern Ġermaniż u l-Kreis Warendorf jargumentaw, għall-kuntrarju, li għandha tingħata risposta negattiva.
28. Kemm A. Osso, kif ukoll I. Alo u l-Gvern Grieg jikkunsidraw li l-kunċett ta’ moviment liberu li jinsab fl-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95 jinkludi d-dritt ta’ għażla tal-post ta’ residenza. A. Osso tqis li l-kunċetti ta’ “Bewegungsfreiheit” u ta’ “Freizügigkeit” ma jintużawx b’mod uniformi fid-dritt tal-Unjoni, u żżid li l-Artikolu 33 tad-Direttiva jipprevedi li lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja għandu jingħatalhom l-istess trattament bħar-refuġjati u li, fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, id-dritt nazzjonali ma jippermettix li jiġu stabbiliti obbligi ta’ residenza bbażati fuq it-tqassim tal-piż tal-għajnuna soċjali (8). I. Alo jinvoka r-Regolament Nru 1612/68 (9) biex isostni l-argument li l-kunċett ta’ moviment liberu jinkludi wkoll id-dritt ta’ għażla tal-post ta’ residenza. Bl-istess mod, il-Gvern Grieg iżid, filwaqt li jirreferi għall-Artikolu 21(1) tat-TFUE, għall-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Genève; għall-Artikolu 2(1) tal-Protokoll Nru 4 tal-KEDB, u għall-Artikolu 12(1) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-moviment liberu jinvolvi żewġ komponenti relatati mill-qrib: il-libertà ta’ ċaqliq ġewwa t-territorju u d-dritt ta’ residenza f’post magħżul b’mod liberu.
29. Il-Kummissjoni tqis li, għalkemm il-kliem tal-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95 ma huwiex konklużiv, interpretazzjoni skont l-Artikolu 26 tal‑Konvenzjoni ta’ Genève ma tħalli ebda dubju li dan l-artikolu tad-Direttiva jinkludi wkoll l-għażla libera tar-residenza.
30. Għall-kuntrarju, kemm il-Gvern Ġermaniż kif ukoll il-Kreis Warendorf jibbażaw ruħhom, l-ewwel nett, fuq il-kliem tad-dispożizzjoni, filwaqt li jinnotaw li dan jirreferi biss għall-moviment liberu, mingħajr ma jirreferi għal-libertà ta’ residenza. Huma jindikaw f’dan ir-rigward li dan huwa rilevanti peress li f’dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, meta kien mixtieq li tiġi inkluża l-libertà ta’ residenza, saret referenza diretta għaliha (10). Skont il-Gvern Ġermaniż, dispożizzjonijiet oħra tal-istess direttiva jsostnu din il-konklużjoni, b’mod partikolari, l-Artikolu 32 tagħha, li jippermetti espressament il-prattiki nazzjonali ta’ dispersjoni fir-rigward tal-akkomodazzjoni. L-analiżi tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Genève twassal għall-istess konklużjoni, peress li l-Artikolu 26 tagħha wkoll jirreferi b’mod speċifiku għal-libertà ta’ residenza. Il-Gvern Ġermaniż jenfasizza wkoll il-fatt li d-Direttiva 2011/95 ma tinkludix id-dispożizzjonijiet kollha tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Bl-istess mod, il-Kreis Warendorf jindika li l-Artikolu 20 tad-Direttiva jindika b’mod ċar li d-dispożizzjonijiet tagħha għandhom japplikaw bla ħsara għad-drittijiet tal-Konvenzjoni ta’ Genève, li tikkompleta d-Direttiva biss fir-rigward ta’ refuġjati rrikonoxxuti fejn, bħal fil-każ tal-Artikolu 33, din tipprovdi inqas protezzjoni minn dik offruta mill-garanziji tal-Konvenzjoni. Barra minn hekk, kemm il-Kreis Warendorf kif ukoll il-Gvern Ġermaniż jindikaw li l-kontenut tal-Artikolu 33 tad-Direttiva ma jaqbilx ma’ dak tal-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Genève.
2. Evalwazzjoni
31. Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda preliminari jeħtieġ li, l-ewwel nett, jiġi ddeterminat jekk il-kunċett ta’ “moviment liberu” li jinstab f’din id-dispożizzjoni jinkludix ukoll il-libertà tal-għażla tal-post tar-residenza, skont il-kriterji ta’ interpretazzjoni letterali, sistematika, teleoloġika u storika u, t-tieni nett, jekk il-miżura li tikkonsisti fl-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ residenza tikkostitwixxix restrizzjoni għal din il-libertà.
a) Fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “moviment liberu” tal-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95
i) Interpretazzjoni letterali
32. Kif ġie enfasizzat kemm mill-qorti tar-rinviju kif ukoll mill-Kummissjoni, is-sempliċi riferiment għall-kliem letterali ma huwiex biżżejjed sabiex tingħata interpretazzjoni definittiva tal-kunċett inkwistjoni.
33. L-ewwel nett, il-fatt li fil-verżjoni Ġermaniża t-titolu tal-Artikolu 33 tad-Direttiva juża t-terminu “Freizügigkeit” u t-test tiegħu juża t-terminu “Bewegungsfreiheit”, ma jistax jiġi kkunsidrat rilevanti, fid-dawl ta’ verżjonijiet lingwistiċi oħrajn, li jużaw prinċipalment terminu wieħed, dak tal-“liberà ta’ moviment”, li jikkoinċidi mat-terminu ġeneralment użat fil-kuntest tal-libertajiet fundamentali tal-Unjoni (11).
34. Huwa veru li fejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jirregolaw b’mod speċifiku d-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni, ħafna drabi dawn jirreferu espressament għad-dritt ta’ residenza (12). Madankollu, il-kunċett ta’ “moviment liberu”, b’mod partikolari fid-dritt tal-Unjoni, kif jammetti wkoll il-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, ma huwiex dejjem użat b’mod uniformi. Għalhekk, id-dritt tal-Unjoni ħafna drabi juża l-kunċett ta’ “moviment liberu” b’mod wiesa’ sabiex jirreferi b’mod ġeneriku għal sensiela ta’ drittijiet relatati mill-qrib, li fosthom hemm il-libertà ta’ ċaqliq u l-libertà ta’ residenza, (13) kif ukoll il-libertà li wieħed jitlaq mill-Istat tiegħu stess, drittijiet li kollha kemm huma, kif osserva sew l-Avukat Ġenerali Mayras fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Rutili, huma indiviżibbli (14).
35. L-Artikolu 202 TFUE jipprovdi eżempju tajjeb tal-użu tal-“moviment liberu” bħala kunċett li jinkludi kemm iċ-ċaqliq kif ukoll ir-residenza. Dan l-artikolu, li jaqa’ taħt il-kapitolu dwar l-assoċjazzjoni ta’ pajjiżi u territorji extra-Ewropej, jirreferi għall-atti li jirregolaw “il-moviment liberu ta’ ħaddiema mill-pajjiżi u t-territorji fi Stati Membri”, mingħajr ma jqajjem id-dubju li dawn ir-regoli jinkludu wkoll dispożizzjonijiet li jikkonċernaw id-dritt ta’ residenza.
36. Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “moviment liberu” jintuża spiss bħala intestatura li tinkorpora d-diversi drittijiet ta’ libertà ta’ ċaqliq u ta’ residenza (15). Bl-istess mod, kunċett wiesa’ ta’ moviment liberu jidher spiss f’espressjonijiet bħal dik ta’ “benefiċjarji tad-dritt ta’ moviment liberu” (16).
37. Barra minn hekk, ir-riferiment ċar mill-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95 għall-kunċett ta’ moviment liberu, li jagħmel sens fid-dritt tal-Unjoni, jikkuntrasta mal-kontenut tal-istrumenti intiżi li jirregolaw l-istatus taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li jużaw l-espressjoni “aċċess liberu” għat-territorju kollu ta’ Stat (17).
38. Addizzjonalment, ma jistax jiġi miċħud li kemm fil-letteratura speċjalizzata fuq id-dritt tal-Unjoni kif ukoll fid-dritt internazzjonali jintuża ġeneralment il-kunċett ta’ “moviment” bħala kunċett ġuridiku kumpless u magħmul minn ħafna aspetti li bl-ebda mod ma huma eżawriti permezz tal-identifikazzjoni tiegħu mal-libertà ta’ vvjaġġar jew ta’ ċaqliq (18).
39. Għal dawn ir-raġunijiet kollha nqis li s-sempliċi riferiment fit-test għal-“libertà ta’ moviment” mingħajr referenza espliċita għad-dritt ta’ residenza fl-imsemmi Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95 ma huwiex biżżejjed sabiex wieħed jifhem li dan id-dritt imsemmi l-aħħar ġie eskluż mill-portata ta’ din id-dispożizzjoni.
ii) Interpretazzjoni sistematika u teleoloġika
40. Il-konklużjoni preċedenti hija kkonfermata permezz ta’ interpretazzjoni sistematika u teleoloġika, li fil-kuntest tagħha kemm il-Konvenzjoni ta’ Genève kif ukoll id-drittijiet fundamentali huma partikolarment rilevanti.
41. B’mod partikolari, huwa essenzjali li jiġi enfasizzat hawnhekk li, kif jirriżulta mill-premessi 4, 23, 24 tagħha, id-Direttiva 2011/95, – bl-istess mod bħall-premessi korrispondenti ta’ dik ta’ qabilha, id-Direttiva 2004/83 –, ġiet adottata sabiex tiggwida lill-awtoritajiet nazzjonali fl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Genève, fuq il-bażi ta’ kunċetti u kriterji komuni, u li dik il-konvenzjoni tikkostitiwixxi l-pedament tas-sistema legali internazzjonali għall-protezzjoni tar-refuġjati (19). Konsegwentement, u kif ittenni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva “għandha [...] issir fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan tagħha, billi jiġu osservati l-imsemmija konvenzjoni u t-Trattati l-oħra rilevanti msemmija fl-Artikolu 78(1) TFUE (20).”
42. Huwa minnu li d-Direttiva 2011/95 ma tinkorporax id-drittijiet kollha tal-Konvenzjoni ta’ Genève (21) u li din tapplika bla ħsara għalihom(22). Madankollu, u minkejja li l-protezzjoni tal-imsemmija konvenzjoni ma tapplikax għalkollox għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja, il-Konvenzjoni ta’ Genève għandha tiġi kkunsidrata bħala strument ta’ riferiment obbligatorju għall-interpretazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva li fihom drittijiet li jikkoinċidu mad-drittijiet stabbiliti fiha. Ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi mal-Konvenzjoni ta’ Genève, li jirriżulta kemm mill-bażi legali u mill-oriġini tad-Direttiva, kif ukoll minn dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2011/95 (23), ma jispiċċax minħabba l-fatt li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva – bħal fil-każ tal-artikolu inkwistjoni – jirregolaw mingħajr distinzjoni d-drittijiet tar-refuġjati u dawk tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(2) tad-Direttiva.
43. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Genève huwa partikolarment importanti, artikolu li jirrikonoxxi flimkien, taħt l-intestatura tad‑dritt ta’ moviment liberu, id-dritt ta’ residenza u ta’ vvjaġġar b’mod liberu fit-territorju tal-Istat ospitanti (24).
44. Min-naħa l-oħra, il-premessa 16 tad-Direttiva tippprevedi li din “tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta” u li, b’mod partikolari, tfittex li “tiżgura rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem [...]”.
45. Huwa ċar li d-Direttiva għandha tiġi interpretata b’mod konformi mad-drittijiet fundamentali. Dan l-obbligu jestendi, kif ġie indikat b’mod ċar fis-sentenza Kamberaj (25), għad-determinazzjoni tal-portata u tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li tistabbilixxi drittijiet għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li kien meħtieġ li jiġu rrispettati d-drittijiet tal-Artikolu 34 tal-Karta sabiex jiġu ddeterminati l-miżuri ta’ sigurtà soċjali, ta’ assistenza u ta’ protezzjoni soċjali suġġetti għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fid-Direttiva 2003/109/KE, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (26).
46. Madankollu, għandu jiġi nnotat li, għalkemm l-Artikolu 45 tal-Karta jirreferi biss għad-dritt ta’ moviment liberu fl-Istati Membri mingħajr ebda riferiment speċifiku għall-moviment liberu u għar-residenza libera fit-territorju ta’ Stat (27), id-dimensjoni interna tal-moviment liberu tikkostitwixxi, skont l‑Artikolu 6(3) TUE, prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta kemm mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri kif ukoll mill-Artikolu 2 tal-Protokoll 4 tal-KEDB (28). Din id-dispożizzjoni, flimkien mal-Artikolu 12 tal-ICCPR, tappoġġja interpretazzjoni tal-kunċett ta’ moviment liberu li tinkludi b’mod interkonness u indiviżibbli l-elementi differenti relatati mal-mobbiltà tal-bniedem bħala elementi inseparabbli, b’tali mod li “ċ-ċaħda ta’ wieħed minnhom tirrendi l-affermazzjoni tal-oħrajn fantasija iktar milli realtà”(29).
47. Dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha essenzjalment huma marbutin mal-perċezzjoni ġenerali tal-libertà ta’ moviment bħala dritt li jinkorpora l-komponenti ta’ ċaqliq u ta’ residenza, peress li, altrimenti, l-effikaċja tal-Artikolu 33 tad-Direttiva diffiċilment tiġi mħarsa. Fil-qosor, id-dritt ta’ ċaqliq f’ċertu spazju territorjali, kif jirriżulta mill-predeċessuri “premoderni” tiegħu, għandu komponent strumentali qawwi, fis-sens li hija setgħa mmirata fil-parti l-kbira tagħha lejn l-għażla libera tal-post tar-residenza (30).
48. Il-fatt li l-Artikolu 32(2) tad-Direttiva 2011/95 aċċetta espressament il-prattika nazzjonali ta’ dispersjoni tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali fir-rigward tal-aċċess għall-akkomodazzjoni ma jwassalx, finalment, għal konklużjoni differenti. Fl-opinjoni tiegħi, din id-dikjarazzjoni tippermettti biss prattika eventwali ta’ dispersjoni tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali fil-kuntest tat-twettiq tal-obbligi tal-Istat Membru li jimplementa politiki pubbliċi maħsuba sabiex jipprevjenu d-diskriminazzjoni fl-aċċess għall-akkomodazzjoni. Fi kliem ieħor, it-twissija fil-bidu tal-Artikolu 32(2) tad-Direttiva għandha tinftiehem biss bħala mezz ta’ ħarsien tal-interess tal-Istati Membri li jipprevjenu l-konċentrazzjoni ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali permezz tal-artikulazzjoni tal-politika tagħhom stess ta’ offerta ta’ akkomodazzjoni.
iii) Interpretazzjoni storika
49. Fl-aħħar nett, għalkemm interpretazzjoni storika li tirreferi esklużivament għax-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2011/95 ma hijiex konklużiva (31), it-teħid inkunsiderazzjoni flimkien tax-xogħol preparatorju tad-Direttivi 2004/83 u 2003/9/KE, li jistabbilixxu standards minimi għall-akkoljenza tal-applikanti għall-ażil fl-Istati Membri (32), jikkonferma l-inklużjoni tal-libertà ta’ residenza fil-kunċett ta’ moviment liberu tal-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95.
50. Fil-fatt, il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza tal-applikanti għall-ażil fl-Istati Membri, li tat lok għad-Direttiva 2003/9 (33), kienet ippreċeduta minn xi konklużjonijiet tal-Kunsill li kien fihom linji gwida speċifiċi dwar ir-restrizzjonijiet possibbli għal-libertà ta’ residenza ta’ tali applikanti (34). Fuq il-bażi espliċita ta’ dawn l-istruzzjonijiet, il-proposta tal-Kummissjoni fl-Artikolu 7 tagħha tipprevedi restrizzjonijiet importanti. Madankollu, minkejja li, kif jirriżulta mill-artikolu msemmi u mill-ispjegazzjonijiet ta’ dan l-artikolu (35), dawn ir-restrizzjonijiet affettwaw b’mod ċar ir-residenza, il-lingwaġġ użat fil-proposta jirreferi b’mod ġeneriku għall-“moviment liberu”. B’mod konformi ma’ dan il-lingwaġġ, il-proposta tal-Kummissjoni, ippreżentata ftit xhur wara, li wasslet għad-Direttiva 2004/83 (36), kienet tirreferi biss għal-libertà ta’ moviment, espressjoni ripetuta mingħajr diskussjoni kemm fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 2004/83 kif ukoll fl-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95.
51. Għalhekk, ir-riferiment espliċitu għall-moviment liberu, minn naħa, u għar-restrizzjonijiet fir-rigward tar-residenza, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/9, li sar l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2013/33/UE (37), huwa preċiżament ir-riżultat tan-negozjati kumplessi li l-għan tagħhom kien li jirregolaw b’mod speċifiku r-restrizzjonijiet fir-rigward tal-komponenti differenti tal-moviment liberu li kienu ġew eżaminati flimkien fil-proposta tal‑Kummissjoni (38). Għall-kuntrarju, il-kunċett ta’ moviment liberu li kabbar it-test tad-direttiva inkwistjoni ma kienx is-suġġett ta’ dibattitu simili. Għalhekk, kif indikat il-Kummissjoni fis-seduta, altrimenti, hija kien ikollha tispjega espressament għaliex biss wieħed mill-komponenti tal-moviment liberu kien ġie inkluż fil-proposta tagħha.
52. Għalhekk, l-eżami flimkien tax-xogħol preparatorju tad-Direttivi 2003/9 u 2004/83, innegozjati, barra minn hekk, f’perijodu ta’ żmien li parzjalment jikkoinċidi u fuq il-bażi ta’ proposti li fihom il-Kummissjoni kienet użat lingwaġġ simili fir-rigward tal-moviment liberu, iwassal sabiex jitqies li l-libertà ta’ moviment tal-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95 tinkludi l-libertà ta’ residenza wkoll minbarra l-libertà ta’ ċaqliq. Fil-fatt, huwa diffiċli li jiġi immaġinat li, fil-kuntest ta’ żewġ direttivi nnegozjati fl-istess perijodu u li huma materjalment konnessi, il-leġiżlatur tal-Unjoni kien iddeċieda li jeskludi mingħajr ebda diskussjoni wieħed mill-komponenti essenzjali tal-moviment liberu fir-rigward tal-benefiċjarji rrikonoxxuti ta’ protezzjoni internazzjonali li kien ġie diskuss b’mod wiesa’ fir-rigward tal-applikanti għall-ażil.
53. Fil-qosor, nistgħu ngħidu, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li l-kunċett ta’ “libertà ta’ moviment” tal-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95 jinkludi kemm il-libertà ta’ ċaqliq kif ukoll il-libertà ta’ għażla tal-post ta’ residenza.
b) Fuq jekk l-obbligu ta’ residenza jikkostitwixxix restrizzjoni għall-moviment liberu
54. Ladarba ġiet stabbilita l-portata tal-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95, ma huwiex diffiċli li tingħata risposta fir-rigward tad-domanda dwar jekk il-kundizzjoni relatata mal-istabbiliment tar-residenza f’post partikolari tikkostitwixxix fiha nnifisha restrizzjoni għall-moviment liberu prevista f’din id-dispożizzjoni, dan kollu irrispettivament issa minn jekk din il-miżura tirrispettax ukoll ir-rekwiżit ta’ ugwaljanza fit-trattament ma’ ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi residenti legalment, li ser jiġi eżaminat fil-kuntest tal-evalwazzjoni tiegħi tat-tielet domanda preliminari.
55. F’dan ir-rigward, biżżejjed li jitqiesu n-natura tal-miżura u l-konsegwenzi tagħha. Il-miżura inkwistjoni, skont kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, timponi obbligu ta’ okkupazzjoni u ta’ użu ta’ akkomodazzjoni f’post speċifiku, mingħajr ma tiġi ristretta l-possibbiltà ta’ ċaqliq u ta’ residenza libera fit-territorju nazzjonali kollu. Barra minn hekk, kif iċċara l-Gvern Ġermaniż fis-seduta, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-obbligu jwassal għal sanzjonijiet li jistgħu jinvolvu l-impożizzjoni ta’ multa.
56. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-fatt li l-kontenut fundamentali tal-libertà ta’ residenza jikkonsisti preċiżament fil-libertà li jiġi deċiż il-post ta’ residenza, jirriżulta b’mod ċar li l-obbligu li r-residenza tiġi stabbilita f’post partikolari jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu minn perspettiva sostantiva irrispettivament minn jekk il-miżura inkwistjoni ma tippreġudikax il-possibbiltà ta’ vvjaġġar jew ta’ residenza għal ċertu żmien f’postijiet oħra u minn jekk kundizzjonijiet partikolari huma previsti għall-emenda ta’ dan l-obbligu (39)
57. Konsegwentement, nipproponi li l-ewwel domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju tingħata risposta fis-sens li kundizzjoni ta’ stabbiliment tar-residenza f’żona ġeografika limitata minn naħa ta’ Stat Membru tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu prevista fl-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95, indipendentement b’mod sħiħ minn jekk il-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali għandux il-libertà li jiċċaqlaq fit-territorju kollu tal-Istat Membru u li jirrisjedi fih.
B – Fuq it-tieni u t-tielet domandi preliminari
58. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda preliminari, il-Bundesverwaltungsgericht tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-kundizzjoni relatata mal-post ta’ residenza għal persuni bi status ta’ protezzjoni sussidjarja hijiex kompatibbli mal-Artikoli 33 u/jew 29 tad-Direttiva 2011/95/UE jekk din tkun ibbażata fuq l-għan li tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta tal-piżijiet tal-assistenza soċjali bejn il-korpi differenti tat-territorju (it-tieni domanda preliminari) jew fuq raġunijiet ta’ politika tal-immigrazzjoni jew tal-integrazzjoni, bħal li jiġi evitat li l-installazzjoni ta’ numru kbir ta’ barranin f’ċerti muniċipalitajiet jew distretti tiġġenera segregazzjoni soċjali (it-tielet domanda preliminari). F’dan l-aħħar rigward, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf ukoll jekk huwiex biżżejjed li jiġu invokati raġunijiet astratti ta’ politika tal-immigrazzjoni jew tal-integrazzjoni, jew jekk, għall-kuntrarju, dawn ir-raġunijiet għandhomx jiġu ddikjarati b’mod konkret.
59. Għal ftehim aħjar tat-tifsira u tal-implikazzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ domandi preliminari huwa meħtieġ li tissemma s-sentenza tal-istess qorti tar-rinviju, il-Bundesverwaltungsgericht, tal-15 ta’ Jannar 2008 (40), li permezz tagħha hija ddikjarat li kundizzjoni ta’ residenza bħal dik inkwistjoni f’dawn il-kawżi ma tistax tiġi applikata fil-każ tar-refuġjati rrikonoxxuti, peress li tmur kontra l-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, jekk din tkun iġġustifikata biss mill-ħtieġa li tiġi żgurata d-distribuzzjoni ġusta territorjali tal-piżijiet pubbliċi ta’ assistenza soċjali. Il-qorti tar-rinviju tiddubita madankollu, kemm huwa possibbli li jiġi applikat l-istess raġunament għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja, peress li l-Artikolu 29 tad-Direttiva – li jirreferi għall-“għajnuna [assistenza] soċjali meħtieġa, kif ipprovdut lil ċittadini nazzjonali” – ma jużax l-istess kliem bħall-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni ta’ Genève –, li jirreferi għall-“istess trattament” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, dejjem skont il-ġurisprudenza tal-Bundesverwaltungsgericht stess, din il-kundizzjoni ta’ residenza tista’ tiġi ġġustifikata għal raġunijiet ta’ politika tal-immigrazzjoni u tal-integrazzjoni inkluż għar-refuġjati rrikonoxxuti, għalkemm, għal dan il-għan, ma jkunx biżżejjed sempliċi riferiment astratt għal dawn ir-raġunijiet, iżda għall-kuntrarju huwa meħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jispeċifikaw ir-raġunijiet li b’mod konkret jimponu tali restrizzjoni.
1. Osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
60. Kemm I. Alo kif ukoll A. Osso u l-Kummissjoni jqisu li l-Artikoli 29 u 33 tad-Direttiva 2011/95 jopponu r-restrizzjoni dwar il-post ta’ residenza.
61. I. Alo jqis li l-obbligu ta’ residenza inkwistjoni jimponi restrizzjoni għall-moviment liberu fuq il-bażi tar-riċeviment ta’ għajnuna soċjali, li jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95. Huwa jikkunsidra wkoll li l-miżura kkontestata tmur kontra l-Artikolu 12(1) tal-ICCPR, peress li tikkostitwixxi restrizzjoni li la hija prevista mil-liġi u lanqas tista’ tiġi ġġustifikata skont il-kriterji tal-Artikolu 12(3). Skont A. Osso, l-Artikolu 33 tad-Direttiva jipprevedi l-ugwaljanza fit-trattament bejn ir-refuġjati u l-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja sabiex il-fatt li fil-Ġermanja, skont il-ġurisprudenza tal-Bundesverwaltungsgericht, ma huwiex permess, skont il-Konvenzjoni ta’ Genève, li jiġu imposti restrizzjonijiet fuq ir-refuġjati, ifisser li għandu jingħata l-istess trattament lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja. Barra minn hekk, minħabba li d-dritt Ġermaniż ma jippermettix li l-għajnuna soċjali liċ-ċittadini tagħha tingħaqad ma’ post ta’ residenza partikolari, l-obbligu ta’ residenza impost fuq il-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja wkoll imur kontra l-Artikolu 29 tad-Direttiva. Il-fatt li din id-dispożizzjoni tirreferi għall-“għajnuna [assistenza] soċjali meħtieġa” ma jippermettix li tiġi dedotta l-awtorizzazzjoni ta’ restrizzjonijiet territorjali. A. Osso ssostni li l-motivi ta’ immigrazzjoni u ta’ integrazzjoni msemmija fil-linji gwida tal-2009 jirreferu biss għall-barranin aċċettati minħabba raġunijiet umanitarji, politiċi jew tad-dritt internazzjonali, iżda mhux għar-residenti legali kollha, u għalhekk hemm differenza fit-trattament li tmur kontra l-Artikolu 33 tad-Direttiva. Barra minn hekk, hija tqis li l-awtoritajiet kompetenti ma stabbilixxewx li l-motivi ta’ interess ġenerali japplikaw fil-każ tagħha: ma ntweriex li l-għażla libera tagħha fir-rigward tar-residenza tista’ twassal għal piż sproporzjonat li jkun ta’ theddida għal reġjunijiet speċifiċi u lanqas li din tista’ tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ tensjonijiet soċjali. Barra minn hekk A. Osso tirrileva li l-allokazzjoni tar-residenza f’żoni speċifiċi tista’ twassal għal problemi fir-rigward tas-sejba ta’ impjieg u “tistigmatizza” lill-individwi kkonċernati.
62. Il-Kummissjoni tqis li restrizzjoni għall-moviment liberu fir-rigward tal-benefiċjarji tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja għandha tissodisfa żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel nett, din ma tistax twassal għal differenza fit-trattament bejn refuġjati u benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja, fatt li huwa impost mid-denominazzjoni kollettiva ta’ “benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali”. Differenzazzjoni, skont il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2011/95 hija permessa biss fir-rigward tal-Artikolu 29(2). It-tieni nett, l-Istati Membri ma jistgħux jirrestrinġu l-moviment liberu iktar milli fl-istess kundizzjonijiet bħal fir-rigward ta’ residenti legali oħrajn. Filwaqt li l-Kummissjoni tqis li huwa f’idejn il-qorti nazzjonali sabiex teżamina l-leġiżlazzjoni nazzjonali skont dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, hija tqis li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-regoli nazzjonali jwettqu diskriminazzjoni doppja, ipprojbita mill-Artikolu 33 tad-Direttiva. Barra minn hekk, hija tqis li l-Artikolu 29 ma huwiex rilevanti sabiex tiġi ġġustifikata restrizzjoni għall-moviment liberu. Fl-ipoteżi li restrizzjoni ma tkunx tapplika b’mod diskriminatorju, il-Kummissjoni tqis li l-motivi mressqa jistgħu jikkostitwixxu għanijiet leġittimi u li dawn jistgħu jkunu aċċettabbli sakemm jirrispettaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità u jikkonformaw mal-għanijiet tad-Direttiva.
63. Skont il-Gvern Grieg, l-Istat Membru għandu s-setgħa diskrezzjonali jiddetermina l-motivi li fuqhom jistgħu jiġu stabbiliti r-restrizzjonijiet għall-moviment liberu. Madankollu, dawn ir-restrizzjonijiet għandhom jiġu applikati fil-limiti u l-għanijiet tad-Direttiva, u f’konformità mal-prinċipji ġenerali u mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-kundizzjoni ta’ residenza tkun għalhekk mezz xieraq sabiex jiġu evitati piżijiet irraġonevoli għal xi kollettivitajiet u sabiex tiġi promossa l-integrazzjoni, u għalhekk tkun iġġustifikata.
64. Il-Gvern Ġermaniż u l-Kreis Warendorf, sussidjarjament, iqisu li fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-miżura li tikkonċerna r-restrizzjonijiet għall-kundizzjoni ta’ residenza ma tkunx tmur kontra l-Artikoli 29 u 33 tad-Direttiva. It-tnejn li huma jinsistu fuq id-differenza fil-kliem bejn l-Artikolu 29 tad-Direttiva u l-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni ta’ Genève , li turi li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jagħmel distinzjoni. Il-Gvern Ġermaniż jindika wkoll, fir-rigward tal-Artikolu 33 tad-Direttiva, li l-Artikolu 12(2) tal-AufenthG jipprevedi restrizzjonijiet fir-rigward tar-residenza applikabbli għall-barranin kollha u li l-fatt li dawn ma humiex imposti fuq ir-refuġjati ma jmurx kontra d-Direttiva, peress li din ma tistabbilixxix l-obbligu li jiġi applikat it-trattament tal-iktar nazzjon favorit. Fi kwalunkwe każ, il-kunsiderazzjonijiet fiskali u dawk relatati mal-politika tal-immigrazzjoni u tal-integrazzjoni jistgħu jiġġustifikaw obbligu li jirrestrinġi r-residenza, jekk dawn ikollhom għan leġittimu u jkunu jikkonformaw mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-Gvern Ġermaniż jindika wkoll li, jekk jitqies li wieħed miż-żewġ aspetti ma huwiex biżżejjed fih innifsu sabiex jiġġustifika obbligu ta’ residenza, huwa kruċjali li jiġi eżaminat jekk il-preżenza simultanja taż-żewġ aspetti tistax, minkejja dan, tiġġustifika dik il-miżura. Il-Kreis Warendorf ma jikkummentax fuq it-tielet domanda fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, peress li d-deċiżjoni tiegħu ma kinitx ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet ta’ immigrazzjoni jew ta’ integrazzjoni.
2. Evalwazzjoni
65. It-tieni u t-tielet domandi preliminari jqajmu l-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-obbligu ta’ residenza mal-Artikoli 29 u 33 tad-Direttiva, sakemm dan jista’ jkun iġġustifikat minn waħda miż-żewġ raġunijiet sussegwenti: ir-rabta mat-tqassim territorjali tal-piżijiet ta’ assistenza soċjali, u r-riżultat ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ politika tal-immigrazzjoni u tal-integrazzjoni.
66. Qabel nipproponi risposta għal kull waħda minn dawn id-domandi, nemmen li huwa meħtieġ li wieħed jinnota li, għalkemm il-qorti tar-rinviju għamlet id-domandi tagħha b’riferiment għal żewġ artikoli separati tad-Direttiva 2011/95, l-Artikoli 29 u 33, l-analiżi tiegħi se tiffoka fuq l-aħħar artikolu msemmi. Għalhekk, għalkemm huwa konċepibbli li l-obbligu ta’ residenza jista’ jirriżulta f’restrizzjoni tad-dritt għar-riċeviment ta’ assistenza soċjali “taħt l-istess kundizzjonijiet” bħaċ-ċittadini, minn ebda wieħed mill-elementi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ma jirriżulta li l-obbligu relatat mar-residenza jinvolvi restrizzjoni għall-aċċess għall-benefiċċji soċjali, fil-każ, pereżempju, ta’ ksur potenzjali tiegħu mill-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja. Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 29(2) jippermetti li jingħata trattament differenti lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja fir-rigward tal-benefiċċji kkunsidrati bħala mhux bażiċi, huwa ċar li dan l-aspett tad-dispożizzjoni m’għandux jaqa’ fl-analiżi tiegħi peress li ma ġiex stabbilit jekk l-Istat Membru użax din l-eċċezzjoni u jekk il-benefiċċji li jimmotivaw l-obbligu ta’ residenza jaqgħux fl-ambitu tal-benefiċċji bażiċi jew le.
67. Barra minn hekk, l-Artikolu 29 ma jgħinx sabiex neżaminaw il-kompatibbiltà tal-miżura ġġustifikata għar-raġunijiet mogħtija mad-dritt tal-Unjoni, peress li anki jekk din id-dispożizzjoni tippermetti differenza fit-trattament fir-rigward tal-applikanti għal protezzjoni sussidjarja fil-qasam ta’ aċċess għall-benefiċċji soċjali li ma humiex meqjusa bħala bażiċi, dan ma jfissirx li tista’ tiġi stabbilita differenza fit-trattament simili fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu tal-Artikolu 33 tad-Direttiva.
68. Fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 33 tad-Direttiva, għandu jiġi mfakkar li d-domandi preliminari jitqajmu wkoll fil-kuntest ta’ dritt relazzjonali, stabbilit b’riferiment għad-drittijiet li jgawdu minnhom kategoriji ta’ suġġetti oħra. Dan jimplika li r-raġunijiet mogħtija għandhom jiġu eżaminati mhux biss bħala ġustifikazzjonijiet potenzjali għal restrizzjoni għall-moviment liberu fi ħdan Stat minn perspettiva materjali, iżda huwa meħtieġ ukoll li jiġi analizzat jekk dawn jistgħux jiġġustifikaw differenza fit-trattament.
69. Qabel nibda neżamina l-ġustifikazzjonijiet imsemmija minn din il-perspettiva doppja, naħseb li huwa meħtieġ li jsiru xi kunsiderazzjonijiet dwar id‑dritt ta’ moviment liberu fi ħdan Stat fir-rigward tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.
70. F’dan ir-rigward, wieħed ma għandux jinsa li d-dritt fundamentali għal-libertà ta’ moviment għandu konnessjoni ċara mal-iżvilupp liberu tal-personalità (41), fiċ-ċirkustanzi tal-lum, fejn il-mobilità hija waħda mill-elementi fundamentali li jippermettu t-twettiq tal-għanijiet professjonali u personali tal-individwi li jgħixu fis-soċjetajiet dinamiċi tal-Istati Membri tal-Unjoni. Barra minn hekk, ma hemmx wisq bżonn li wieħed ifakkar il-valur enormi tal-mobilità personali fost il-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni. Issa, fil-każ tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, li kellhom ukoll jabbandunaw l-Istati tagħhom, u li jaffaċċjaw, kif huwa enfasizzat fil-premessa 41 tad-Direttiva 2011/95, sfidi partikolari ta’ integrazzjoni, il-moviment liberu fi ħdan l-Istat ospitanti għandu interess speċifiku li wieħed ma jistax jissottovaluta l-valur tiegħu.
a) Fuq id-dritt għal nondiskriminazzjoni fir-rigward tal-libertà ta’ moviment fi ħdan Stat
71. Irrispettivament mill-interazzjoni kkumplessa tad-dritt tar-refuġjati u tad-drittijiet tal-bniedem fid-dritt Internazzjonali, ma hemmx dubju li fid-dritt tal-Unjoni, kif irrikonoxxut fil-premessa 16 tad-Direttiva 2011/95, id-drittijiet fundamentali jikkostitwixxu l-qafas bażiku ta’ riferiment li fih jidħol l-istatus speċifiku tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VII tad-Direttiva 2011/95 jiddefinixxu l-istatus tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali permezz tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, permezz ta’ diversi dikjarazzjonijiet. Dan il-prinċipju jikkostitwixxi wkoll prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li llum jinsab fl-Artikolu 20 tal-Karta, li tiegħu l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 21(1) tal-Karta huwa espressjoni partikolari (42). Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, “jirriżulta li l-imsemmi prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat” (43).
72. F’dan il-kuntest, huwa ċar li dawn il-kawżi jqajmu żewġ sitwazzjonijiet possibbli differenti ta’ trattament mhux ugwali skont l-istatus ġuridiku ta’ migrant: dik tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja meta mqabblin mar-refuġjati, minn naħa, u dik tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali kollha meta mqabblin ma’ ċittadini residenti legali oħrajn ta’ pajjiżi terzi, min-naħa l-oħra.
73. Fil-fatt, id-differenza fit-trattament fir-rigward tar-refuġjati li jirċievu benefiċċji soċjali u li, għaldaqstant, jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, tista’ tkun ibbażata biss fuq l-istatus ġuridiku differenti.
74. Barra minn hekk, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, għalkemm l-AufenthG, fl-Artikolu 12(2) tagħha, tipprevedi li r-restrizzjonijiet territorjali jistgħu jiġu imposti fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’mod ġenerali, il-linji gwida amministrattivi tal-2009 jistabbilixxu biss li r-restrizzjoni ta’ residenza għandha tkun imposta fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ngħataw permess ta’ residenza għal raġunijiet ta’ dritt internazzjonali, umanitarji jew politiċi, li jirċievu benefiċċji soċjali. Għal din ir-raġuni, id-differenza fit-trattament ma’ barranin oħra li, barra minn hekk, jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli fir-rigward tar-riċeviment ta’ benefiċċji soċjali, hija bbażata biss fuq l-istatus ta’ immigrazzjoni. Il-fatt li l-ammissjoni ta’ barranin oħra hija kkundizzjonata, skont l-AufenthG, għad-dispożizzjoni ta’ riżorsi suffiċjenti, jew il-fatt li l-motivi li jiġġustifikaw ir-residenza tagħhom huma differenti, ma jippreġudikax il-possibbiltà li jsir paragun bejn il-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u l-barranin (44). Biżżejjed nindika li, f’dan ir-rigward, huwa l-Artikolu 33 tad-Direttiva, flimkien mal-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, li jistabbilixxi li l-konfini tal-paragun huwa kkostitwit minn residenti legali oħrajn, ċittadini ta’ pajjiżi terzi.(45)
75. Il-karatterizzazzjoni tal-istatus ġuridiku ta’ migrant bħala wieħed mill-motivi pprojbiti ta’ diskriminazzjoni ma tidhirx dubjuża. Minn naħa, għalkemm l-Artikolu 21 ma jirreferix għal dan il-motiv fost dawk li huma pprojbiti espressament “b’mod partikolari”, huwa paċifiku li l-lista li tinsab f’din id-dispożizzjoni ma hijiex eżawrjenti. Min-naħa l-oħra, u b’mod addizzjonali, ir-rikonoxximent tal-istatus ġuridiku ta’ migrant bħala motiv pprojbit ta’ diskriminazzjoni jirriżulta minn interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tal-Karta b’mod konformi mal-Artikolu 14 KEDB, li hija obbligatorja, sa fejn iż-żewġ dispożizzjonijiet jaqblu (46). Barra minn hekk il-QEDB irrikonoxxiet li l-istatus ta’ migrant huwa wieħed mill-kategoriji inklużi fil-kunċett ta’ “status ieħor” [traduzzjoni mhux uffiċjali] imsemmi fl-Artikolu 14 KEDB (47).
76. Barra minn hekk, il-fatt li s-sitwazzjoni tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali ma fihiex l-element ta’ għażla personali libera li hija preżenti f’tipi ta’ status ta’ migrant oħrajn ifisser li biss raġunijiet imperattivi jistgħu jiġu invokati sabiex jiġġustifikaw differenza fit-trattament, fatt li jeħtieġ livell strett ta’ skrutinju fl-eżami tal-proporzjonalità (48).
77. L-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tal-Karta b’riferiment għall-Artikolu 14 KEDB hija obbligatorja peress li d-differenza fit-trattament inkwistjoni sseħħ speċifikament fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ wieħed mid-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti taħt il-Konvenzjoni, b’mod partikolari, id-dritt ta’ moviment liberu fi ħdan Stat tal-Artikolu 2 tal-Protokoll 4 tal-KEDB. Dan id-dritt jifforma parti, bla dubju, kif diġà indikajt fil-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet, mid-drittijiet fundamentali tal-Unjoni, inkwantu prinċipju ġenerali.
78. Huwa veru li l-QEDB interpretat id-dritt ta’ moviment liberu fi ħdan Stat fis-sens li, billi jkopri biss ir-residenti legali, ma japplikax għall-barranin li jiksru l-kundizzjonijiet imposti fuq id-dħul tagħhom fl-Istat ikkonċernat, li jistgħu jinkludu kundizzjoni relatata mal-validità territorjali ta’ permess ta’ residenza (49). Madankollu, għandha tiġi ppreċiżata l-interpretazzjoni korretta ta’ din il-ġurisprudenza meta jiġi ddeterminat il-kontenut tad-dritt fundamentali ta’ moviment liberu fi ħdan Stat inkwantu prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.
79. Il-ġurisprudenza msemmija, fil-fatt, dejjem applikat f’każijiet relatati ma’ sitwazzjonijiet li fihom il-barranin ġew ammessi biss b’mod provviżorju, sakemm jistennew li tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil, jew minħabba li t-tkeċċija tagħhom ma setgħetx tiġi eżegwita. Madankollu, mhux talli ma ninstabux f’sitwazzjoni strettament provviżorja, fil-każijiet inkwistjoni, kemm I. Alo kif ukoll A. Osso għandhom status rikonoxxut ta’ benefiċarji ta’ protezzjoni sussidjarju u huma detenturi ta’ permessi ta’ residenza mogħtija lilhom skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2011/95, li jiġu mġedda perijodikament għal diversi snin.
80. Finalment, il-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/109 ġie estiż sabiex jirrendi l-istatus ta’ residenza fit-tul aċċessibbli għall-benefiċjarji kollha ta’ protezzjoni internazzjonali jagħti prova tan-nuqqas ta’ natura provviżorja tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja(50).
81. Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi immedjatament imfakkar, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod konformi mal-Artikolu 52(1), tal-Karta, li d-differenza fit-trattament tkun iġġustifikata biss jekk tkun ibbażata “fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri meta din tkun relatata ma’ għan legalment ammissibbli segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u meta din id-differenza tkun proporzjonali mal-għan imfittex mit-trattament ikkonċernat” (51).
82. Il-kundizzjoni relatata mal-obbligu ta’ residenza, l-ewwel nett, għandha l-bażi legali tagħha fit-tieni sentenza tal-Artikolu 12(2) tal-AufenthG, li fir-rigward tagħha l-linji gwida tal-2009 jillimitaw l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali amministrattiva (52).
83. Barra minn hekk, fir-rigward tal-marġni ta’ diskrezzjoni li f’dan ir-rigward tista’ tingħata lill-Istati Membri għall-evalwazzjoni tal-miżuri meħtieġa sabiex jiġu segwiti għanijiet ta’ natura differenti, it-tnejn li huma previsti b’mod espliċitu fil-linji gwida tal-2009 – jiġifieri, l-evitar ta’ piż baġitarju sproporzjonat għal ċerti Länder u muniċipalitajiet u l-prevenzjoni tas-segregazzjoni soċjali u l-konsegwenzi negattivi tagħha għall-integrazzjoni – jikkostitwixxu fihom infushom, kemm wieħed kif ukoll l-ieħor, għanijiet leġittimi. B’mod partikolari, il-promozzjoni tal-integrazzjoni hija wkoll għan irrikonoxxut b’mod espliċitu fid-Direttiva stess, li tistabbilixxi, fil-premessa 41 tagħha li, “[s]abiex jiġi mtejjeb l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet u l-benefiċċji stabbiliti f’din id-Direttiva mill-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali, hu neċċessarju li jiġu kkunsidrati l-bżonnijiet speċifiċi tagħhom u l-isfidi partikolari tal-integrazzjoni li magħhom jħabbtu wiċċhom”.
84. Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, fl-eżami ta’ jekk id-differenza fit-trattament hijiex, barra minn hekk, proporzjonali fir-rigward ta’ dawn l-għanijiet leġittimi, huwa neċessarju li jiġu esposti numru ta’ kunsiderazzjonijiet speċifiċi fuq kull waħda mill-ġustifikazzjonijiet issuġġeriti, rispettivament, fit-tieni u fit-tielet domandi preliminari.
b) Fuq l-obbligu ta’ residenza tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja ġġustifikat għal raġunijiet ta’ tqassim territorjali tal-piżijiet ta’ assistenza soċjali (it-tieni domanda preliminari)
85. Huwa diffiċli li tiġi difiża l-proporzjonalità ta’ differenza fit-trattament fl-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ residenza bbażat fuq l-għan ta’ tqassim territorjali bbilanċjat tal-piżijiet ta’ assistenza soċjali bejn, minn naħa, il-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja u, min-naħa l-oħra, ir-refuġjati, li kollha jirċievu, barra minn hekk, benefiċċji soċjali.
86. Inizjalment, jista’ jitqies li din ir-raġuni ma tidhirx li tissodisfa r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jiġifieri, mill-perspettiva tal-kontenut materjali tad-dritt ta’ moviment liberu. Fil-fatt, ma huwiex irraġonevoli li jiġi affermat li jeżistu miżuri inqas restrittivi fil-kuntest ta’ Stat federali, li fih huwa konċepibbli li jitfasslu mekkaniżmi ta’ tqassim mill-ġdid u ta’ kumpens territorjali fir-rigward tal-iżbilanċi baġitarji. Din il-kunsiderazzjoni waħedha diġà tippermetti li jiġi kkonfutat li miżura bħall-obbligu ta’ residenza kkunsidrata hawn tista’ tkun konformi mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
87. Issa, barra minn hekk, miżura ta’ dan it-tip, li bħala prinċipju tapplika biss għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja, u mhux għar-refuġjati li jirċievu l-istess tip ta’ benefiċċji soċjali, diffiċli tisssodisfa l-kriterju tal-adegwatezza fir-rigward tal-għan segwit. Fil-fatt, ma ġiex stabbilit sa liema punt jista’ jintlaħaq bilanċ tajjeb tad-distribuzzjoni territorjali tal-piżijiet ta’ assistenza soċjali meta l-obbligu ta’ residenza huwa impost, għal din ir-raġuni, biss fuq il-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja, u mhux fuq ir-refuġjati.
88. Barra minn hekk, differenza fit-trattament iġġustifikata minn motiv mhux ammissibbli fir-rigward tar-refuġjati rrikonoxxuti ma tkunx kompatibbli mal-kuntest leġiżlattiv speċifiku tad-Direttiva 2011/95, li jillimita b’mod konsiderevoli l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri meta jistabbilixxu kwalunkwe differenza fit-trattament bejn ir-refuġjati u l-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja.
89. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’diversi okkażjonijiet fir-rigward tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja, kif stabbilit fid-Direttiva 2004/38, il-predeċessura tad-Direttiva 2011/95, fejn indikat li “fil-kuntest tal-kunċett ta’ ‘protezzjoni internazzjonali’, [id-Direttiva 2004/83] tirregola żewġ sistemi distinti ta’ protezzjoni, jiġifieri, minn naħa, l-istatus ta’ refuġjat, u min-naħa l-oħra, l-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja, peress li l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva jipprovdi li l-persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja hija dik ‘li ma tikkwalifikax bħala refuġjat’” (53). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “l-protezzjoni sussidjarja prevista bid-Direttiva 2004/83 tikkostitwixxi fattur addizzjonali għall-protezzjoni tar-refuġjati stabbilita bil-Konvenzjoni ta’ Genève” (54) u li “l-istatus ta’ refuġjat jagħti protezzjoni iktar wiesgħa minn dik mogħtija mill-protezzjoni sussidjarja” (55). Dan jirriżulta wkoll, barra minn hekk, mid-dikjarazzjoni fl-Artikolu 20(1) tad-Direttiva, fis-sens li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VII tagħha ma għandhomx jaffettwaw id-drittijiet stabbiliti taħt il-Konvenzjoni ta’ Genève.
90. B’kunsiderazzjoni ta’ dan kollu, u bl-aċċettazzjoni li l-protezzjoni sussidjarja, bħala kunċett speċifiku, iżomm ċerta awtonomija, l-intenzjoni espliċita tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jtejjeb l-unifikazzjoni taż-żewġ status tikseb rilevanza partikolari. Fil-fatt, l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2011/95 speċifikament jipprevedi li d-drittijiet kollha li jinsabu fil-Kapitolu VII tad-Direttiva għandhom japplikaw bl-istess mod kemm għar-refuġjati kif ukoll għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja, sakemm ma jingħadx mod ieħor, u għalhekk jistabbilixxi l-ugwaljanza fit-trattament bħala regola ta’ prinċipju (56). B’dan il-mod, id-Direttiva tesprimi d-determinazzjoni ċara tal-leġiżlatur li jistabbilixxi status uniformi għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, billi tipprovdi li l-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja “għandhom jingħataw l-istess drittijiet u benefiċċji bħal dawk li jgawdu refuġjati taħt din id-direttiva, u għandhom ikunu soġġetti għall-istess kundizzjonijiet ta’ eliġibilità”, għalkemm “bl-eċċezzjoni tad-derogi li huma meħtieġa u ġustifikati b’mod oġġettiv” (57).
91. Issa, dawn l-eċċezzjonijiet ġew irregolati espliċitament mil-leġiżlatur tal-Unjoni li speċifika, fl-artikoli rilevanti tal-Kapitolu VII tad-Direttiva, il-każijiet partikolari li fihom differenza fit-trattament hija ammissibbli.
92. Barra minn hekk, wieħed lanqas ma għandu jinsa li, b’kuntrast mal-predeċessura tagħha, id-Direttiva 2011/95, kif enfasizzat mill-Avukat Ġenerali Bot (58), eliminat il-maġġoranza tad-differenzi eżistenti bejn id-drittijiet mogħtija lir-refuġjati u dawk mogħtija lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni, li jeżistu biss, u eċċezzjonalment, fir-rigward tal-permessi ta’ residenza u tad-dokumenti tal-ivvjaġġar, u fir-rigward tal-protezzjoni soċjali.
93. Konsegwentement, il-kontenut tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva li jistabbilixxu drittijiet mingħajr ebda distinzjoni ma jistax jiġi maqsum mill-ġdid skont jekk il-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali humiex koperti jew le mill-Konvenzjoni ta’ Genève. Fil-fatt, l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u l-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġu li l-interpretazzjoni mogħtija lil artikolu tkun l-istess fir-rigward tad-detenturi tad-drittijiet previsti fil-Kapitolu VII tad-Direttiva, meta d-dispożizzjonijiet rilevanti ma jipprevedu ebda distinzjoni. Fl-aħħar nett, ma jistax jiġi injorat il-fatt li l-Artikolu 78 TFUE stess jipprevedi li l-Unjoni għandha tiżviluppa “politika komuni dwar l-asil, il-protezzjoni sussidjarja u l-protezzjoni temporanja”, li għandha tkun “konformi” mal-Konvenzjoni ta’ Genève, u għalhekk jirrikonoxxi r-rwol tagħha bħala standard ta’ referenza komuni (59).
94. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jibqa’ biss li jiġi indikat li l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95, għall-kuntrarju tal-Artikolu 29 tagħha, ma jagħmel ebda distinzjoni bejn it-trattament mogħti lir-refuġjati u dak mogħti lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja meta jirreferi għall-“benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali” bħala d-detenturi tad-dritt li dan jirregola.
95. Bħala konklużjoni, inqis li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li obbligu relatat mal-post ta’ residenza għal persuni bi status ta’ protezzjoni sussidjarja kif previst fil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ibbażat fuq l-għan li tiġi żgurata distribuzzjoni territorjali adegwata tal-piżijiet tal-assistenza soċjali, ma jirriżultax li huwa kompatibbli mal-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95.
c) Fuq l-obbligu ta’ residenza tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja ġġustifikat għal raġunijiet relatati mal-politika tal-immigrazzjoni u tal-integrazzjoni (it-tielet domanda preliminari)
96. Fl-evalwazzjoni, minn perspettiva materjali, tal-proporzjonalità ta’ restrizzjoni bħal dik inkwistjoni mad-dritt ta’ moviment liberu fi ħdan Stat, mill-perspettiva ta’ ġustifikazzjoni eventwali bbażata fuq rekwiżiti tal-politika tal-immigrazzjoni u tal-integrazzjoni, jista’ jiġi faċilment aċċettat kemm li l-obbligu ta’ residenza huwa adegwat għall-għan imfittex, kif ukoll li huwa diffiċli li tiġi evitata l-konċentrazzjoni ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali permezz ta’ miżuri inqas restrittivi. F’dan l-aħħar rigward, huwa f’idejn il-qorti nazzjonali, li mingħajr dubju tinsab f’pożizzjoni aħjar sabiex tevalwa l-ispeċifiċità tal-kuntest soċjali partikolari, li teżamina d-disponibbiltà u l-adegwatezza ta’ miżuri bħall-inċentivar tal-istabbiliment tar-residenza f’postijiet differenti fil-kuntest tal-politiki diġà msemmija ta’ dispersjoni permezz tal-offerta pubblika ta’ akkomodazzjoni.
97. Fi kwalunkwe każ, meta jitwettaq l-eżami tal-proporzjonalità fis-sens strett ta’ miżura ta’ din in-natura mal-kontenut materjali tad-dritt ta’ moviment liberu, ikun il-kompitu tal-qorti tar-rinviju li teżamina l-miżura kkontestata filwaqt li tikkunsidra, fl-evalwazzjoni tagħha tal-interessi involuti, ir-rilevanza inkontestabbli tad-dritt ta’ moviment liberu fi ħdan Stat għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja, li diġà ġiet enfasizzata fil-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
98. Fid-dawl tal-piż tal-interess individwali u tal-ħtieġa tal-applikazzjoni ta’ livell strett ta’ skrutinju għall-evalwazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, motivi astratti relatati ma’ kunsiderazzjonijiet dwar l-immigrazzjoni u l-integrazzjoni ma jistgħux ikunu biżżejjed sabiex jiġġustifikaw miżura bħall-obbligu ta’ residenza. Huma biss raġunijiet imperattivi relatati ma’ kunsiderazzjonijiet konkreti ta’ immigrazzjoni u ta’ integrazzjoni li eventwalment jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja ta’ miżura bħal dik inkwistjoni. Raġunijiet ta’ dan it-tip jistgħu, b’mod partikolari, iseħħu f’ċirkustanzi speċifiċi ta’ tensjoni soċjali ċara, b’riperkussjoni fuq l-ordni pubbliku, b’riżultat, forsi, tal-konċentrazzjoni ta’ numru sinjifikattiv ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali li jirċievu benefiċċji soċjali.
99. Huwa meħtieġ ukoll, meta tiġi eżaminata l-proporzjonalità ta’ obbligu ta’ residenza, li jitqies it-tul tiegħu u anki l-estensjoni territorjali tiegħu, liema elementi għandhom jiġu eżaminati wkoll mill-qorti nazzjonali. Fir-rigward tat-tul tal-kundizzjoni ta’ residenza imposta, huwa diffiċli li miżura imposta għal żmien eċċessivament twil tkun kompatibbli mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Bl-istess mod, l-estensjoni territorjali tal-post li eventwalment isservi bħala referenza għal obbligu ta’ residenza – muniċipalità, distrett jew saħansitra Land –, hija bla dubju rilevanti.
100. Fl-aħħar nett, u bla ħsara għall-fatt li restrizzjoni għad-dritt ta’ moviment liberu bħal dik inkwistjoni tista’ tkun ammissibbli fiċ-ċirkustanzi li għadna kif semmejna, il-ġustifikazzjonijiet relatati mal-politika tal-immigrazzjoni u tal-integrazzjoni għandhom jiġu eżaminati, ukoll, mill-perspettiva tal-kompatibbiltà tagħhom mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.
101. L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95 jistabbilixxi, għal dan il-għan, espressjoni speċifika tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-moviment liberu fi ħdan Stat, billi jipprevedi li dan għandu jiġi stabbilit “taħt l-istess kundizzjonijiet u restrizzjonijiet bħal dawk ipprovduti lil ċittadini nazzjonali ta’ pajjiż terz residenti legalment fit-territorji tagħhom” mingħajr ma jispeċifika ebda possibbiltà ta’ deroga, għall-kuntrarju ta’ artikoli oħra tad-Direttiva.
102. Id-differenza fit-trattament inkwistjoni f’dawn il-każijiet hija dderivata mill-fatt li, għalkemm l-Artikolu 12 tal-AufenthG jipprevedi l-possibbiltà li jiġu stabbiliti restrizzjonijiet territorjali fir-rigward tar-residenza tal-barranin b’mod ġenerali, dawn ir-restrizzjonijiet ġew ikkonkretizzati biss permezz tal-linji gwida tal-2009 għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali.
103. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk, f’ċirkustanzi paragunabbli ma’ dawk deskritti hawn fuq, fejn restrizzjoni għad-dritt ta’ moviment liberu tista’ titqies iġġustifikata, l-ordinament ġuridiku nazzjonali, eżaminat fit-totalità tiegħu, ma jnaqqasx il-portata tar-restrizzjoni inkwistjoni għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali biss.
104. Barra minn hekk, u għall-kuntrarju ta’ dak li ntqal fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-kundizzjonijiet dwar il-post tar-residenza imposti għal raġunijiet ta’ politika tal-immigrazzjoni u tal-integrazzjoni ma humiex sostnuti, b’mod ġenerali, b’interpretazzjoni storika tal-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Fil-fatt, għalkemm il-ħtieġa li tiġi evitata l-konċentrazzjoni ta’ refuġjati f’żoni speċifiċi, partikolarment, fiż-żoni tal-fruntieri, kienet enfasizzata mid-delegati ta’ diversi Stati, il-kumitat responsabbli għall-abbozzar tal-konvenzjoni finalment ma inkludix din il-possibbiltà (60). Dan juri impenn sod li l-kundizzjonijiet relatati mal-moviment liberu tar-refuġjati li jinstabu legalment fit-territorju ta’ Stat jiġu assimilati ma’ dawk tal-barranin l-oħra inġenerali. L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95 jirrifletti dan l-impenn fir-rigward tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, mingħajr ma jista’ jintesa li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ meta jistabbilixxu restrizzjonijiet għall-moviment tal-applikanti għal din il-protezzjoni (61).
105. Bħala konklużjoni, inqis li r-risposta għat-tielet domanda preliminari għandha tkun li obbligu relatat mal-post ta’ residenza għal persuni bi status ta’ protezzjoni sussidjarja kif previst fil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iġġustifikat għal raġunijiet ta’ politika tal-immigrazzjoni jew tal-integrazzjoni, huwa biss kompatibbli mal-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95, skont l-Artikolu 21 tal-Karta fir-rigward tad-dritt fundamentali ta’ moviment liberu fi ħdan Stat, fil-każ li dawn ir-raġunijiet ikunu serji biżżejjed u jkunu marbutin ma’ sitwazzjonijiet ta’ fatt konkreti u fil-każ li, b’osservanza tar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-ordinament ġuridiku nazzjonali, eżaminat fit-totalità tiegħu, ma jnaqqasx il-portata tar-restrizzjoni inkwistjoni esklużivament għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, fatt li jeħtieġ li jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.
IV – Konklużjoni
106. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li r-risposta għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht għandha tkun kif ġej:
“1. Kundizzjoni ta’ stabbiliment tar-residenza f’żona ġeografika limitata minn naħa ta’ Stat Membru tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu previst fl-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, indipendentement b’mod sħiħ minn jekk il-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali għandux il-libertà li jiċċaqlaq fit-territorju kollu tal-Istat Membru u li jirrisjedi fih.
2. Obbligu relatat mal-post ta’ residenza għal persuni bi status ta’ protezzjoni sussidjarja kif previst fil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ibbażat fuq l-għan li tiġi żgurata distribuzzjoni territorjali adegwata tal-piżijiet tal-assistenza soċjali, ma jirriżultax li huwa kompatibbli mal-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95.
3. Obbligu relatat mal-post ta’ residenza għal persuni bi status ta’ protezzjoni sussidjarja kif previst fil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iġġustifikat għal raġunijiet ta’ politika tal-immigrazzjoni jew tal-integrazzjoni, huwa biss kompatibbli mal-Artikolu 33 tad-Direttiva 2011/95, skont l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-dritt fundamentali ta’ moviment liberu fi ħdan Stat, fil-każ li dawn ir-raġunijiet ikunu serji biżżejjed u jkunu marbutin ma’ sitwazzjonijiet ta’ fatt konkreti u fil-każ li, b’osservanza tar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-ordinament ġuridiku nazzjonali, eżaminat fit-totalità tiegħu, ma jnaqqasx il-portata tar-restrizzjoni inkwistjoni esklużivament għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, fatt li jeħtieġ li jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.”