Language of document :

Appell ippreżentat fis-27 ta’ Novembru 2023 mir-Renju ta’ Spanja mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) fis-26 ta’ Lulju 2023 fil-Kawża T-776/20, Stockdale vs Il-Kunsill et

(Kawża C-728/23 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Ir-Renju ta’ Spanja (rappreżentant: M. Morales Puerta, aġent)

Partijiet oħra fil-proċedura: Robert Stockdale, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-Kummissjoni Ewropea, Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, Ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Bosnja-Ħerzegovina (“RSUE”)

Talbiet

Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2023, Stockdale vs Il-Kunsill et (T-776/20, EU:T:2023:422) sa fejn tikkonċerna l-konstatazzjoni dwar il-kwalità ta’ konvenut b’rabta mal-ewwel talba, u tiddikjara li l-ewwel talba hija ammissibbli fir-rigward tal-Kunsill u inammissibbli fir-rigward tar-RSUE.

Aggravji u argumenti prinċipali

Ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta s-sentenza sa fejn il-Qorti Ġenerali tat deċiżjoni “[f]uq l‑eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà relatati mal‑identifikazzjoni tal‑konvenut jew konvenuti”, fil-kuntest tal-ewwel talba intiża għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ xoljiment u għall-kumpens tad-dannu li jirriżulta minnha.

Ir-Renju ta’ Spanja jinvoka żewġ aggravji insostenn tal-appell tiegħu.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikoli 4 u 6 tad-Deċiżjoni (PESK) 2019/1340 1 , moqrija flimkien mal-Artikolu 33 TUE u mal-Artikolu 28(1) TUE, sa fejn id-deċiżjoni ta’ xoljiment tal-kuntratt ta’ Robert Stockdale ma setgħetx tiġi attribwita lir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea minħabba li, apparti l-fatt li dan tal-aħħar kien adotta din id-deċiżjoni f’isem l-istituzzjoni li jirrappreżenta, din id-deċiżjoni ma kinitx tirriżulta mir-rieda tiegħu u kienet ittieħdet b’eżekuzzjoni tal-istruzzjonijiet li kien qiegħed isegwi bħala rappreżentant tal-Unjoni Ewropea fil-Bosnja‑Ħerzegovina u, fl-aħħar mill-aħħar, b’eżekuzzjoni tal-mandat mogħti lilu mill-Kunsill, b’tali mod li huwa biss dan tal-aħħar li għandu jitqies li għandu l-kwalità ta’ konvenut fir-rigward tal-ewwel talba ta’ R. Stockdale intiża għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ xoljiment u għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 393 850.08 bħala kumpens.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni sa fejn is-sentenza appellata kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni meta kkonkludiet li r-RSUE kellu jitqies li għandu l-kwalità ta’ konvenut fir-rigward tal-ewwel talba tar-rikorrent fl-ewwel istanza, b’tali mod li ngħatat deċiżjoni li ma ssegwix is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, H vs Il-Kunsill et (C-455/14 P, EU:C:2016:569), fejn id-deċiżjoni adottata mill-Kap tal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea f’Sarajevo (il-Bosnja‑Ħerzegovina) kienet attribwita lill-Kunsill, minkejja li dawn kienu kawżi sostanzjalment identiċi.

____________

1     Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1340 tat-8 ta’ Awwissu 2019 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina Décision (ĠU 2019, L 209, p. 10).