Language of document : ECLI:EU:C:2021:333

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

29 ta’ April 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport – Liċenzja tas-sewqan – Rikonoxximent reċiproku – Irtirar tal-liċenzja fit-territorju ta’ Stat Membru differenti mill-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja – Inklużjoni ta’ indikazzjoni fuq il-liċenzja tas-sewqan li tindika l-assenza ta’ validità tagħha fit-territorju ta’ dan l‑Istat Membru”

Fil-Kawża C‑56/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg (il-Qorti Amministrattiva Suprema ta’ Baden-Württemberg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Jannar 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Frar 2020, fil-proċedura

AR

vs

Stadt Pforzheim,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, L. Bay Larsen, C. Toader, M. Safjan u N. Jääskinen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal AR, minn B. Ehrle, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u M. Winkler‑Unger, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Pethke u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-Liċenzji tas-Sewqan (ĠU 2006, L 403, p. 18), kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2011/94/UE tat‑28 ta’ Novembru 2011 (ĠU 2011, L 314, p. 31) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2006/126”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn AR, ċittadin Awstrijak detentur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa fl-Awstrija, u l-iStadt Pforzheim (il-belt ta’ Pforzheim, il-Ġermanja), dwar l-inklużjoni mill-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi, fuq il-liċenzja tas-sewqan Awstrijaka tiegħu, ta’ indikazzjoni li tipprojbixxi s-sewqan fit-territorju Ġermaniż.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessa 4 tad-Direttiva 2006/126 tistipula:

“Sabiex jiġi evitat li l-mudell singolu Ewropew ta’ liċenzja tas-sewqan isir mudell addizzjonali għall-110 mudelli li hemm diġà fiċ-ċirkolazzjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex joħorġu dan il-mudell singolu lid-detenturi kollha ta’ liċenzja.”

4        Il-premessa 16 ta’ din id-direttiva hija fformulata kif ġej:

“Il-mudell ta’ liċenzja tas-sewqan kif stabbilit fid-Direttiva [tal-Kunsill] 91/439/KEE [tad‑29 ta’ Lulju 1991 dwar il-liċenzji tas-sewqan (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 317] għandu jiġi sostitwit b’mudell singolu fil-forma ta’ karta tal-plastik. […]”.

5        L-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jintroduċu liċenzja tas-sewqan nazzjonali bbażata fuq il-mudell Komunitarju stabbilit fl-Anness I, skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. L-emblema fil-paġna 1 tal-mudell Komunitarju tal-liċenzji tas-sewqan għandu jinkludi l-marka distintiva ta’ l-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja.”

6        Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/126:

“1.      Il-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri għandhom jingħataw rikonoxximent reċiproku.

2.      Fejn detentur ta’ liċenzja nazzjonali valida tas-sewqan mingħajr il-perjodu amministrattiv ta’ validità stabbilit fl-Artikolu 7(2) jagħmel ir-residenza normali tiegħu fi Stat Membru divers minn dak fejn tkun inħarġet il-liċenzja, l-Istat Membru ospitanti jista’ japplika lil-liċenzja l-perjodi amministrattivi ta’ validità stabbiliti f’dak l-Artikolu billi jġedded il-liċenzja tas-sewqan, minn sentejn wara d-data li fiha d-detentur ikun għamel ir-residenza normali tiegħu fit-territorju tiegħu.”

7        L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.      Il-liċenzji tas-sewqan għandhom jinħarġu biss lil dawk l-applikanti:

(a)      li jkunu għaddew minn test ta’ ħila u ta’ komportament u minn test teoriku u li jissodisfaw l-istandards mediċi, skond il-dispożizzjonijiet ta’ l-Annessi II u III;

[…]

(e)      li jkollhom ir-residenza normali tagħhom fit-territorju ta’ l-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja, jew li jkunu jistgħu jipproduċu prova li kienu ilhom jistudjaw hemmhekk għal mill-inqas sitt xhur.

[…]

3.      It-tiġdid tal-liċenzji tas-sewqan meta tiskadi l-validità amministrattiva tagħhom għandu jkun suġġett għal dawn li ġejjin:

(a)      il-kontinwazzjoni tal-konformità ma’ l-istandards minimi ta’ kapaċità fiżika u mentali għas-sewqan kif previst fl-Anness III għal-liċenzji tas-sewqan fil-Kategoriji C, CE, C1, C1E, D, DE, D1, D1E; u

(b)      residenza normali fit-territorju ta’ l-Istat Membru li ħareġ il-liċenzja, jew prova li l-applikanti kienu qegħdin jistudjaw hemmhekk għal mill-inqas sitt xhur.

[…]”

8        L-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.      Fejn id-detentur ta’ liċenzja nazzjonali valida tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru jkun għamel ir-residenza normali tiegħu fi Stat Membru ieħor, huwa jista’ jitlob li l-liċenzja tas-sewqan tiegħu tiġi sostitwita minn liċenzja ekwivalenti. Għandha tkun ir-responsabbiltà ta’ l-Istat Membru li jwettaq is-sostituzzjoni sabiex jikkontrolla għal liema kategorija il-liċenzja preżentata tkun fil-fatt għadha valida.

2.      Suġġett għall-osservanza tal-prinċipju tat-territorjalità tal-liġijiet kriminali u tal-pulizija, l-Istat Membru tar-residenza normali jista’ japplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu dwar ir-restrizzjoni, is-sospensjoni, l-irtirar jew il-kanċellament tad-dritt tas-sewqan lid-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor u, jekk meħtieġ, jissostitwixxi l-liċenzja għal dak il-għan.

[…]

4.      Stat Membru għandu jirrifjuta li joħroġ liċenzja tas-sewqan lil applikant li jkollu l-liċenzja tas-sewqan tiegħu ristretta, sospiża jew irtirata fi Stat Membru ieħor.

Stat Membru għandu jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ kull liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor lil persuna li l-liċenzja tas-sewqan tiegħu ġiet ristretta, sospiża jew irtirata fit-territorju ta’ l-Istat preċedenti.

Stat Membru jista’ wkoll jirrifjuta li joħroġ liċenzja tas-sewqan lil applikant li li jkollu l-liċenzja tas-sewqan tiegħu kanċellata fi Stat Membru ieħor.

5.      Is-sostituzzjoni ta’ liċenzja tas-sewqan li, per eżempju, tkun intilfet jew insterqet, tista’ tinkiseb biss mingħand l-awtoritàjiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li fih id-detentur ikollu r-residenza normali tiegħu; dawk l-awtoritàjiet għandhom jipprovdu s-sostituzzjoni fuq il-bażi tat-tagħrif fil-pussess tagħhom jew, fejn xieraq, fuq il-prova mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li jkun ħareġ il-liċenzja oriġinali.

[…]”

9        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/126 jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ‘residenza normali’ tfisser il-post fejn persuna tgħix normalment, jiġifieri għall-inqas għal 185 jum f’kull sena kalendarja, minħabba rabtiet personali u ta’ xogħol, jew, fil-każ ta’ persuna li ma jkollhiex rabtiet ta’ xogħol, minħabba r-rabtiet personali li juru rabtiet mill-qrib bejn dik il-persuna u l-post fejn tgħix.”

10      L-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jassistu lil xulxin fl-implementazzjoni ta’ din id-Direttiva u għandhom jiskambjaw tagħrif dwar il-liċenzji li jkunu ħarġu, skambjaw, issostitwixxu, ġeddu jew ikkanċellaw. Huma għandhom jużaw in-network ta’ liċenzji tas-sewqan ta’ l-UE stabbilit għal dawn il-finijiet, hekk kif dan in-network isir operattiv.”

11      L-Anness I tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dispożizzjonijiet dwar il-mudell tal-Unjoni Ewropea tal-liċenzja tas-sewqan”, jipprevedi, fil-punt 3 tiegħu:

“Il-liċenzja għandha jkollha żewġ naħat.

Il-paġna 1 għandha jkollha:

(a)      il-kliem ‘Liċenzja tas-sewqan’ stampati b’tipa kbira bl-ilsien jew l-ilsna ta’ l-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja;

(b)      l-isem ta’ l-Istat Membru li jkun qiegħed joħroġ il-liċenzja (fakultattiv);

(c)      il-marka distintiva tal-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja, stampata fin-negattiv f’rettangolu ikħal u mdawwar b’ċirku ta’ tnax-il stilla safra; il-marki distintivi għandhom ikunu kif ġejjin:

[…]

Il-paġna 2 għandha jkollha:

a) […]

13.      fl-implementazzjoni tat-Taqsina 4(a) ta’ dan l-Anness, l-ispazju riżervat għal xi iskrizzjoni possibbli mill-Istat Membru ospitanti ta’ tagħrif essenzjali għall-amministrazzjoni tal-liċenzja;

14.      spazju riżervat għal xi iskrizzjoni possibbli mill-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja ta’ informazzjoni essenzjali għall-amministrazzjoni tal-liċenzja jew relatata mas-sigurtà fuq it-triq (fakultattiv). Jekk l-informazzjoni jkollha x’taqsam ma’ xi wieħed mill-intestaturi definiti f’dan l-Anness, għandha tkun preċeduta min-numru ta’ l-intestatura msemmija;

Bil-ftehim speċifiku bil-miktub tad-detentur, informazzjoni li ma tkunx relatata ma’ l-amministrazzjoni tal-liċenzja tas-sewqan jew mas-sigurtà fuq it-triq tista’ tiġi miżjuda wkoll f’dan l-ispazju; żieda bħal din ma għandiex tbiddel b’xi mod l-użu tal-mudell bħala liċenzja tas-sewqan;

[…]”

12      Il-punt 4(a) tal-imsemmi anness jipprovdi:

“Fil-każ li detentur ta’ liċenzja tas-sewqan, maħruġa minn Stat Membru skond dan l-Anness, għandu r-residenza normali tiegħu fi Stat Membru ieħor, dak l-Istat Membru jista’ jdaħħal fil-liċenzja informazzjoni li hija neċessarja għall-finijiet ta’ amministrazzjoni, sakemm idaħħal ukoll din it-tip ta’ informazzjoni fil-liċenzji li huwa joħroġ u sakemm jibqa’ biżżejjed spazju għal dan il-għan.”

 Id-dritt Ġermaniż

13      L-Artikolu 3 tal-Istraßenverkehrsgesetz (il-Liġi dwar it-Traffiku fit-Triq, iktar ’il quddiem is-“StVG”) jipprovdi:

“(1)      Meta persuna titqies li ma għandhiex il-ħila jew il-kapaċità għas-sewqan tal-vetturi bil-mutur, l-awtorità inkarigata mill-ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan għandha tirtiralha l-liċenzja tas-sewqan tagħha. Fil-każ ta’ liċenzja tas-sewqan barranija, l-irtirar – anki meta jseħħ skont dispożizzjonijiet oħra – għandu l-effett ta’ rifjut ta’ rikonoxximent tad-dritt li jsir użu minn din l-awtorizzazzjoni tas-sewqan fit-territorju nazzjonali. […]

(2)      L-irtirar itemm l-awtorizzazzjoni ta’ sewqan. Fil-każ ta’ liċenzja tas-sewqan barranija, l-irtirar itemm id-dritt ta’ sewqan tal-vetturi bil-mutur fit-territorju nazzjonali. Wara l-irtirar, il-liċenzja tas-sewqan għandha tingħata lill-awtorità inkarigata mill-ħruġ tal-liċenzji tas-sewqan jew tiġi ppreżentata lilha għal reġistrazzjoni tad-deċiżjoni ta’ rtirar. […]”

14      L-Artikolu 46 tal-Verordnung über die Zulassung von Personen zum Straßenverkehr – Fahrerlaubnis-Verordnung (ir-Regolament dwar l-Aċċess tal-Persuni għat-Traffiku fit-Triq) tat‑13 ta’ Diċembru 2010 (BGBl. 2010 I, p. 1980), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“FeV”,), jipprevedi:

“1)      Jekk id-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan jinsab li ma għandux il-ħila għas-sewqan ta’ vetturi bil-mutur, l-awtorità inkarigata mill-ħruġ tal-liċenzji tas-sewqan għandha tirtira l-liċenzja tiegħu. […]

[…]

5)      Fil-każ ta’ liċenzja tas-sewqan barranija, l-irtirar għandu l-effett ta’ rifjut ta’ rikonoxximent tad-dritt tal-użu ta’ din l-awtorizzazzjoni tas-sewqan fit-territorju nazzjonali.

6)      L-irtirar itemm l-awtorizzazzjoni ta’ sewqan. Fil-każ ta’ liċenzja tas-sewqan barranija, l-irtirar itemm id-dritt ta’ sewqan tal-vetturi bil-mutur fit-territorju nazzjonali.”

15      L-Artikolu 47 tal-FeV huwa fformulat kif ġej:

“(1)      Wara l-irtirar, il-liċenzji tas-sewqan nazzjonali u internazzjonali maħruġa minn amministrazzjoni Ġermaniża għandhom jingħataw mingħajr dewmien lill-amministrazzjoni li tkun adottat id-deċiżjoni jew, fil-każ ta’ limitazzjonijiet jew kundizzjonijiet, jiġu ppreżentati lilha sabiex dawn jiġu rreġistrati. […]

(2) Wara l-irtirar jew il-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ dritt ta’ sewqan, jew fil-każ ta’ limitazzjonijiet jew kundizzjonijiet, il-liċenzji tas-sewqan barranin u internazzjonali maħruġa barra mill-pajjiż għandhom jiġu ppreżentati mingħajr dewmien lill-amministrazzjoni li tkun adottat id-deċiżjoni […]. Wara l-irtirar jew il-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ dritt ta’ sewqan, ikun indikat fuq il-liċenzja tas-sewqan li l-persuna kkonċernata ma hijiex awtorizzata tuża l-awtorizzazzjoni tas-sewqan fit-territorju nazzjonali. Din l-indikazzjoni tikkonsisti, bħala regola ġenerali, fit-tqegħid ta’ “D” ħamra maqtugħa djagonalment f’żona rriżervata tal-liċenzja tas-sewqan, jiġifieri, fir-rigward ta’ kard ta’ liċenzja tas-sewqan tal-Unjoni Ewropea, taħt l-intestatura 13, u, għal-liċenzji tas-sewqan internazzjonali, li timtela l-formola prevista għal dan l-għan. Fil-każ ta’ restrizzjonijiet jew kundizzjonijiet, dawn għandhom jiddaħħlu fil-liċenzja tas-sewqan. L-awtorità li tkun adottat id-deċiżjoni għandha tinforma lill-awtorità li tkun ħarġet il-liċenzja tas-sewqan, permezz tal-Kraftfahrt-Bundesamt (l-Uffiċċju Federali għat-traffiku tal-vetturi bil-mutur, il-Ġermanja), bir-rifjut ta’ rikonoxximent tad-dritt ta’ sewqan jew bil-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ dritt ta’ sewqan fil-Ġermanja. […]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16      AR huwa ċittadin Awstrijak li r-residenza normali tiegħu, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/126, tinsab fl-Awstrija. Fid‑29 ta’ Awwissu 2008, huwa kiseb fl-Awstrija liċenzja tas-sewqan tal-kategoriji A u B.

17      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Awwissu 2015, l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-liċenzji tas-sewqan tal-belt ta’ Pforzheim irtirat lil AR l-awtorizzazzjoni ta’ sewqan fuq it-territorju Ġermaniż, għar-raġuni li huwa kien saq, fis‑26 ta’ Ġunju 2014, vettura fil-Ġermanja taħt l-influwenza ta’ drogi narkotiċi. Din l-awtorità ordnatlu wkoll jippreżenta mingħajr dewmien il-liċenzja tas-sewqan Awstrijaka tiegħu sabiex l-invalidità ta’ din il-liċenzja għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja tiġi indikata fuq dan id-dokument permezz tal-inklużjoni ta’ “D” ħamra maqtugħa djagonalment. Permezz tal-istess deċiżjoni, hija ordnat l-eżekuzzjoni immedjata ta’ dawn il-miżuri, taħt piena, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ preżentazzjoni tal-liċenzja tas-sewqan tiegħu sa mhux iktar tard mit‑28 ta’ Awwissu 2015, ta’ żamma temporanja ta’ din tal-aħħar, filwaqt li ppreċiżat li din kellha tingħata lura lilu wara l-inklużjoni tal-indikazzjoni ta’ invalidità tagħha fit-territorju Ġermaniż.

18      AR ressaq ilment kontra din id-deċiżjoni, u sussegwentement rikors kontenzjuż li t-tnejn li huma ġew miċħuda. Sussegwentement huwa ressaq appell mis-sentenza tal-ewwel istanza quddiem il-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Baden-Württemberg, il-Ġermanja), li permezz tiegħu huwa jikkontesta d-deċiżjoni tal‑10 ta’ Awwissu 2015 inkwantu, minn naħa, din tobbligah jippreżenta l-liċenzja tas-sewqan tiegħu sabiex fuqha tiġi inkluża indikazzjoni li tinvalidaha għat-territorju Ġermaniż u, min-naħa l-oħra, hija tissanzjona n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu ta’ preżentazzjoni permezz taż-żamma temporanja ta’ din il-liċenzja. L-imsemmija deċiżjoni għalhekk saret definittiva sa fejn tirrigwarda r-rifjut tar-rikonoxximent, fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tal-validità tal-awtorizzazzjoni ta’ sewqan ibbażata fuq il-liċenzja tas-sewqan Awstrijaka.

19      Insostenn tar-rikors tiegħu, AR isostni, essenzjalment, li, konformement mad-Direttiva 2006/126, il-ħruġ u kull emenda sussegwenti tal-liċenzja tas-sewqan jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istat Membru ta’ residenza normali, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, tad-detentur ta’ din il-liċenzja. Għal dan l-għan ma tingħata ebda kompetenza lill-Istat Membru ta’ residenza temporanja tad-detentur, u dan l-Istat Membru ma jistax, b’mod partikolari, jinkludi indikazzjonijiet fuq il-liċenzja tas-sewqan, bħal indikazzjoni li tipprojbixxi s-sewqan. Fil-fatt, AR iqis li tali kompetenza tmur kontra l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan u l-għan tal-imsemmija direttiva, li jikkonsisti fil-ħolqien ta’ mudell ta’ liċenzja tas-sewqan uniku fl-Unjoni Ewropea.

20      Barra minn hekk, huwa jqis ukoll li mill-formulazzjoni u mill-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-punti 3 u 4(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2006/126 isegwi wkoll li huwa biss l-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja tas-sewqan li jista’ jinkludi indikazzjonijiet fuq il-liċenzja tas-sewqan. Bl-istess mod, id-dispożizzjonijiet iddettaljati dwar il-miżuri ta’ protezzjoni kontra l-falsifikazzjoni tal-liċenzja tas-sewqan fil-forma ta’ kard tal-plastik, previsti b’mod partikolari fl-Artikolu 3 u fil-punti 1 u 2 tal-Anness I ta’ din id-direttiva, jeskludu, fid-dawl tas-sens u tal-iskop tagħhom, li d-data tal-kard tal-plastik protetta kontra l-falsifikazzjoni tista’ tinbidel, billi tiġi inkluża data oħra b’mod durabbli jew fil-forma ta’ stikers (li jistgħu faċilment jitneħħew), mill-Istat Membru ta’ residenza temporanja. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li, skont l-imsemmija direttiva, it-titolu 13 tal-liċenzji tas-sewqan huwa rriżervat għall-iskrizzjonijiet imwettqa mill-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja u li indikazzjoni mniżżla minn dan l-Istat Membru ma tistax tkun sempliċement “koperta” minn oħra.

21      AR isostni wkoll li l-eżekuzzjoni tal-obbligu li jippreżenta l-liċenzja tas-sewqan tiegħu sabiex tiġi inkluża fuqha indikazzjoni li tinvalidaha fit-territorju Ġermaniż tippreġudika l-libertà ta’ moviment tiegħu u tista’ sussegwentement twassal fil-prattika għal problemi kunsiderevoli ta’ trasparenza, fl-ipoteżi, pereżempju, fejn, waqt kontroll fit-triq fi Stat Membru ieħor, il-forzi tal-ordni ma jkunux jafu bin-natura ta’ indikazzjoni li tidher fuq il-kard tal-liċenzja tas-sewqan tal-Unjoni, u dan jista’ jqajjem konfużjoni. Minħabba dawn il-limitazzjonijiet u dawn l-inkonvenjenzi, f’dan ir-rigward kienet neċessarja regola espressa fid-Direttiva 2006/126.

22      Skont AR, id-Direttiva 2006/126 tipprevedi li huma biss l-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja kompetenti jew l-Istat Membru ospitanti li jistgħu, permezz tal-assistenza reċiproka prevista fl-Artikolu 15 tagħha, jagħmlu tali indikazzjoni fuq il-liċenzja tas-sewqan u joħorġu liċenzja tas-sewqan ġdida.

23      Barra minn hekk, ikun faċli għall-Istat Membru ta’ residenza temporanja li jivverifika b’mod elettroniku, fil-każ ta’ kontroll tat-triq fit-territorju tiegħu, jekk il-persuna kkonċernata hijiex awtorizzata ssuq vettura bil-mutur f’dan it-territorju.

24      Min-naħa tagħha, il-belt ta’ Pforzheim tqis, essenzjalment, li, billi ma tagħtix kompetenza lill-Istat Membru ta’ residenza temporanja sabiex jinkludi indikazzjonijiet fuq liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor, wara deċiżjoni ta’ rifjut ta’ rikonoxximent tal-validità ta’ din il-liċenzja fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, id-Direttiva 2006/126 tippreżenta lakuna regolamentari li għandha timtela b’applikazzjoni b’analoġija għall-Istat Membru ta’ residenza temporanja tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva dwar l-Istat Membru ta’ residenza normali.

25      Hija tqis li l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fis-sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Aykul (C‑260/13, EU:C:2015:257), li l-Istat Membru ta’ residenza temporanja tad-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor għandu f’ċerti ċirkustanzi d-dritt li jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ din il-liċenzja, tista’ tiġi trasposta għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Skont din il-ġurisprudenza, l-Istat Membru ta’ residenza temporanja għandu wkoll ikollu l-possibbiltà li jieħu miżuri dwar l-amministrazzjoni tal-liċenzja, bħall-inklużjoni ta’ indikazzjonijiet fuq din tal-aħħar. Din hija miżura indispensabbli, li għandha importanza kbira għall-eżekuzzjoni effettiva ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ rikonoxximent tal-validità tal-liċenzja tas-sewqan barranija, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126. L-awtoritajiet superviżorji għandhom ikunu jistgħu jivverifikaw b’mod sħiħ u immedjat, waqt kontroll, l-istat tal-awtorizzazzjoni tas-sewqan tad-detentur tal-liċenzja.

26      Għalhekk, peress li d-Direttiva 2006/126 tippermetti lill-Istat Membru ta’ residenza tad-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor jindika, fil-każ ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ rikonoxximent tal-validità ta’ din il-liċenzja, l-indikazzjoni korrispondenti ta’ projbizzjoni tas-sewqan fuq l-imsemmija liċenzja, fil-forma, pereżempju, ta’ stiker, din il-miżura dwar l-amministrazzjoni tal-liċenzji għandha wkoll tiġi aċċettata meta d-detentur tal-liċenzja tas-sewqan imsemmi minn tali deċiżjoni ta’ rifjut ta’ rikonoxximent ma jkollux ir-residenza tiegħu fi Stat Membru li fih huwa ġie kkontrollat.

27      Barra minn hekk, peress li l-imsemmija direttiva tipprevedi l-possibbiltà għall-Istat Membru ospitanti, skont l-intestatura 13 tal-inċiż (a) tat-tielet sentenza tal-punt (3), u l-punt 4(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2006/126, li jemenda l-liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor, tali emenda, b’mod partikolari permezz tal-inklużjoni ta’ stiker, ma tmurx kontra d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni kontra l-falsifikazzjoni.

28      Fl-aħħar nett, il-belt ta’ Pforzheim tirrileva li peress li AR innifsu kien fl-oriġini, bl-imġiba tiegħu, tar-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni li ċċaħħdu mid-dritt tas-sewqan fil-Ġermanja, għandha tiġi miċħuda l-allegazzjoni tiegħu bbażata fuq effett stigmatizzanti ta’ din l-indikazzjoni fir-rigward tal-għan segwit minnha li jikkonsisti fiż-żamma tas-sigurtà fit-toroq.

29      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kwistjoni jekk Stat Membru li adotta, bħal fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Aykul (C‑260/13, EU:C:2015:257), deċiżjoni ta’ rifjut ta’ rikonoxximent tal-validità ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa fi Stat Membru ieħor, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126, minħabba l-aġir li jikkostitwixxi ksur mid-detentur ta’ din il-liċenzja, li seħħ fit-territorju tiegħu wara l-ħruġ tal-imsemmija liċenzja, huwiex awtorizzat ukoll li jagħmel fuq din l-istess liċenzja indikazzjoni li tipprojbixxi s-sewqan fit-territorju tiegħu, meta l-imsemmi detentur ma jkunx stabbilixxa r-residenza normali tiegħu hemmhekk, fis-sens tal-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva.

30      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Baden-Württemberg) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva [2006/126], jipprekludi dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jipprovdu li, meta tiġi adottata deċiżjoni ta’ rifjut ta’ rikonoxximent tal-validità skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126, il-liċenzja tas-sewqan Komunitarja maħruġa minn Stat Membru ieħor lil persuna li ma għandhiex ir-residenza normali tagħha fit-territorju nazzjonali għandha tiġi ppreżentata immedjatament lill-awtorità nazzjonali li adottat id-deċiżjoni msemmija sabiex din issemmi fuq il-liċenzja tas-sewqan tal-persuna kkonċernata li din ma hijiex awtorizzata ssuq fit-territorju nazzjonali, fejn in-nota (dwar il-projbizzjoni tas-sewqan) normalment tkun tikkonsisti, għal liċenzja tas-sewqan Komunitarja, fit-twaħħil ta’ “D” ħamra maqtugħa djagonalment fit-taqsima 13 (pereżempju permezz ta’ stiker)?”

 Fuq id-domanda preliminari

31      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2006/126 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li Stat Membru li jkun adotta, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) ta’ din id-direttiva, deċiżjoni li tirrifjuta li tirrikonoxxi l-validità ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor minħabba aġir li jikkostitwixxi ksur mid-detentur tagħha, li jseħħ waqt residenza temporanja fit-territorju tal-ewwel Stat Membru wara l-ħruġ ta’ din il-liċenzja, jinkludi wkoll fuq l-imsemmija liċenzja indikazzjoni li tipprojbixxi, għal dan id-detentur, li jsuq fl-imsemmi territorju, filwaqt li l-imsemmi detentur ma stabbilixxiex ir-residenza normali tiegħu, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, fit-territorju tiegħu.

32      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-punt 71 tas-sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Aykul (C‑260/13, EU:C:2015:257), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Artikolu 2(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 kellhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li Stat Membru, li fit-territorju tiegħu d-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor jirrisjedi temporanjament, jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ din il-liċenzja tas-sewqan minħabba aġir li jikkostitwixxi ksur mid-detentur tagħha li seħħ f’dan it-territorju sussegwentement għall-ħruġ tal-imsemmija liċenzja tas-sewqan u li, konformement mal-liġi nazzjonali tal-ewwel Stat Membru, huwa ta’ natura li jwassal għall-inkapaċità għas-sewqan ta’ vetturi bil-mutur.

33      Barra minn hekk, mill-punti 59 u 60 ta’ dik is-sentenza jsegwi li l-Istat Membru ta’ residenza normali huwa awtorizzat, skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2006/126, li jikkorrispondi għall-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/439, li ġiet issostitwita bid-Direttiva 2006/126, li jadotta miżuri ta’ restrizzjoni, ta’ sospensjoni, ta’ rtirar jew ta’ tħassir ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor, li għandhom l-effetti tagħhom fl-Istati Membri kollha. Min-naħa l-oħra, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 jippermetti biss lill-Istat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ residenza normali, li jieħu, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu u minħabba l-aġir li jikkostitwixxi ksur, fit-territorju tiegħu, mid-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan miksuba preċedentement fi Stat Membru ieħor, miżuri li l-portata tagħhom hija ristretta għal dan it-territorju u li l-effett tagħhom huwa limitat għar-rifjut li jirrikonoxxi, fih, il-validità ta’ din il-liċenzja.

34      Konsegwentement, id-Direttiva 2006/126 ma tipprekludix li Stat Membru ta’ residenza temporanja, bħar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-kawża prinċipali, jirrifjuta, abbażi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik prevista fl-Artikolu 3(1) tas-StVG u fl-Artikolu 46(6) tal-FeV, milli jirrikonoxxi d-dritt li tintuża l-liċenzja tas-sewqan maħruġa lil persuna minn Stat Membru ieħor billi jtemm id-dritt ta’ din il-persuna li ssuq vetturi bil-mutur fit-territorju nazzjonali. Madankollu, l-Istat Membru ta’ residenza temporanja ma jistax madankollu jwaħħal fuq tali liċenzja tas-sewqan, li l-mudell tagħha, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/126 moqri fid-dawl tal-premessa 16 tagħha, huwa armonizzat, fil-forma ta’ kard tal-plastik, permezz tal-imsemmija direttiva 2006/126, indikazzjoni, bħal dik imsemmija fl-Artikolu 47(2) tal-FeV, li tipprojbixxi s-sewqan fit-territorju tiegħu.

35      Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2006/126 fiha regoli ddettaljati għal dak li jikkonċerna l-kompetenza tal-Istati Membri għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan, għall-modifiki li jaffettwawha u għall-indikazzjonijiet li jistgħu jsiru hemmhekk.

36      Issa, minn dawn ir-regoli jirriżulta li kemm il-ħruġ u l-emendi sussegwenti ta’ liċenzja tas-sewqan kif ukoll l-indikazzjonijiet li jinsabu fiha jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istat Membru ta’ residenza normali tad-detentur ta’ din il-liċenzja.

37      Għalhekk, l-Artikolu 2(2), l-Artikolu 7(1)(e) u (3)(b), l-Artikolu 11(1), (2) u (5) tad-Direttiva 2006/126 kif ukoll l-intestaturi 13 u 14 tal-inċiż (a) tat-tielet sentenza tal-punt (3), u l-punt 4(a) tal-Anness I, jirregolaw b’mod iddettaljat is-sitwazzjonijiet li fihom dan l-Istat Membru huwa kompetenti sabiex joħroġ, jissostitwixxi, iġedded jew jiskambja liċenzja tas-sewqan jew sabiex jagħmel indikazzjonijiet fiha.

38      Għalkemm l-Istat Membru ta’ residenza normali huwa, bħala regola ġenerali, dak li fih inħarġet il-liċenzja tas-sewqan, l-Istat Membru li fih id-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan ikun ittrasferixxa r-residenza normali tiegħu wara l-ħruġ tal-liċenzja tiegħu fi Stat Membru jista’ wkoll isir, bħalma jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2006/126, l-Istat Membru ta’ residenza normali, fis-sens ta’ din id-direttiva. Il-punt (4)(a) tal-Anness I ta’ din id-direttiva jippermetti għalhekk lill-Istat Membru ta’ residenza normali l-ġdid li jdaħħal fil-liċenzja l-indikazzjonijiet indispensabbli għall-amministrazzjoni tagħha, sakemm idaħħal ukoll dan it-tip ta’ indikazzjonijiet fil-liċenzji li huwa joħroġ u sakemm jibqa’ biżżejjed spazju għal dan l-għan.

39      Min-naħa l-oħra, ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2006/126 ma tagħti lill-Istat Membru li fih id-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan jirrisjedi b’mod temporanju xi tip ta’ kompetenza sabiex iwettaq reġistrazzjonijiet fuq il-liċenzja tas-sewqan, bħal dik imsemmija, b’mod partikolari, fl-Artikolu 47 tal-FeV.

40      Issa, kif enfasizzat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ebda element ma jindika li l-assenza ta’ dispożizzjonijiet f’dan is-sens fid-Direttiva 2006/126 tikkostitwixxi lakuna normattiva mhux intenzjonata tal-leġiżlatur tal-Unjoni li għandha timtela billi jiġu applikati b’analoġija d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva dwar il-kompetenzi tal-Istat Membru ta’ residenza normali.

41      Għall-kuntrarju, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet iddettaljati tad-Direttiva 2006/126, jidher li l-emendi formali tal-liċenzja tas-sewqan jistgħu jsiru biss mill-Istat Membru ta’ residenza normali tad-detentur ta’ din il-liċenzja b’mod li tiġi żgurata l-apparenza uniformi ta’ dan id-dokument żgurata mid-Direttiva 2006/126, kif jirriżulta mill-premessi 4 u 16 tagħha.

42      Għandu jitfakkar ukoll, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm id-Direttiva 2006/126 tistabbilixxi biss armonizzazzjoni minima tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet li taħthom tista’ tinħareġ liċenzja tas-sewqan, din id-direttiva twettaq, min-naħa l-oħra, armonizzazzjoni eżawrjenti tad-dokumenti li jipprovaw l-eżistenza ta’ dritt ta’ sewqan li għandhom jiġu rrikonoxxuti mill-Istati Membri konformement mal-Artikolu 2(1) tagħha (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, I, C‑195/16, EU:C:2017:815, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Minn dan isegwi li dawn id-dokumenti jistgħu jiġu emendati biss konformement mad-dispożizzjonijiet previsti għal dan l-għan mid-Direttiva 2006/126.

44      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/126, l-Istati Membri għandhom jassistu lil xulxin fl-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva u għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar il-liċenzji li jkunu ħarġu, skambjaw, issostitwixxew, ġeddew jew irtiraw, billi jużaw in-network tal-liċenzji tas-sewqan tal-Unjoni stabbilit għal dawn il-finijiet, meta dan in-network ikun operattiv.

45      Issa, l-assistenza reċiproka prevista minn din id-dispożizzjoni tippermetti li tiġi żgurata l-eżekuzzjoni effettiva ta’ deċiżjoni li permezz tagħha l-Istat Membru ta’ residenza temporanja, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126, jirrifjuta lid-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor id-dritt tas-sewqan fit-territorju tiegħu.

46      Fil-fatt, f’tali ipoteżi, l-Istat Membru ta’ residenza normali jista’, fuq talba tal-Istat Membru ta’ residenza temporanja u b’mod konformi mal-intestaturi 13 u 14 tal-inċiż (a) tat-tielet sentenza tal-punt (3) tal-Anness I, kif ukoll mal-punt 4(a) ta’ din id-direttiva, jirreġistra fuq il-liċenzja tas-sewqan eventwali indikazzjonijiet ta’ projbizzjoni tas-sewqan fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar.

47      Barra minn hekk, ma jidhirx eskluż, għall-Istat Membru ta’ residenza temporanja, li jivverifika, b’mod partikolari b’mod elettroniku, fil-każ ta’ kontroll fit-triq fit-territorju tiegħu, jekk il-persuna kkonċernata kinitx is-suġġett ta’ miżura li ċċaħħadha mid-dritt tagħha ta’ sewqan f’dan it-territorju skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) ta’ din id-direttiva.

48      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-Direttiva 2006/126 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li Stat Membru li jkun adotta, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) ta’ din id-direttiva, deċiżjoni ta’ rifjut ta’ rikonoxximent tal-validità ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor minħabba aġir li jikkostitwixxi ksur mid-detentur tagħha, li seħħ matul residenza temporanja fit-territorju tal-ewwel Stat Membru wara l-ħruġ ta’ din il-liċenzja, jagħmel ukoll fuq l-imsemmija liċenzja indikazzjoni li tipprojbixxi lil dan id-detentur milli jsuq fl-imsemmi territorju, filwaqt li l-imsemmi detentur ma stabbilixxiex ir-residenza normali tiegħu, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, fit-territorju tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

49      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-Liċenzji tas-Sewqan, kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2011/94/UE tat28 ta’ Novembru 2011, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li Stat Membru li jkun adotta, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) ta’ din id-direttiva, kif emendata bid-Direttiva 2011/94, deċiżjoni ta’ rifjut ta’ rikonoxximent tal-validità ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor minħabba aġir li jikkostitwixxi ksur mid-detentur tagħha, li seħħ matul residenza temporanja fit-territorju tal-ewwel Stat Membru wara l-ħruġ ta’ din il-liċenzja, jagħmel ukoll fuq l-imsemmija liċenzja indikazzjoni li tipprojbixxi lil dan id-detentur milli jsuq fl-imsemmi territorju, filwaqt li l-imsemmi detentur ma stabbilixxiex ir-residenza normali tiegħu, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/126, kif emendata bid-Direttiva 2011/94, fit-territorju tiegħu.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.