Language of document : ECLI:EU:C:2015:576

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

10 ta’ Settembru 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent u protezzjoni saħħa tal-bniedem –Regolament (KE) Nru 1907/2006 (Regolament REACH) – Artikoli 7(2) u 33 – Sustanzi ta’ tħassib serju ħafna preżenti f’oġġetti – Obbligi ta’ notifika u ta’ informazzjoni – Kalkolu tal-limitu ta’ 0.1 % piż b’piż”

Fil-Kawża C‑106/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Frar 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Marzu 2014, fil-proċedura

Fédération des entreprises du commerce et de la distribution (FCD),

Fédération des magasins de bricolage et de l’aménagement de la maison (FMB)

vs

Ministre de l’Écologie, du Développement durable et de lʼÉnergie,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, C. Toader, E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Jannar 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Fédération des entreprises du commerce u de la distribution (FCD) u għall-Fédération des magasins de bricolage et de l’aménagement de la maison (FMB), minn A. Gossement u A.-L. Vigneron, avukati,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u S. Menez kif ukoll minn S. Ghiandoni, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn J. Van Holm u C. Pochet kif ukoll minn T. Materne, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn C. Thorning u M. Wolff, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u K. Petersen, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn E. Creedon u G. Hodge kif ukoll minn T. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn B. Kennedy, SC, u G. Gilmore, BL,

–        għall-Gvern Grieg, minn K. Paraskevopoulou u V. Stroumpouli, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, U. Persson u N. Otte Widgren kif ukoll minn L. Swedenborg, E. Karlsson u F. Sjövall, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Norveġiż, minn K. B. Moen u K. E. Bjørndal Kloster, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J.-P. Keppenne u K. Talabér-Ritz, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Frar 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 7(2) u 33 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1), kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 366/2011, tal-14 ta’ April 2011 (ĠU L 101, p. 12, iktar ’il quddiem, ir-“Regolament REACH”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, il-Fédération des entreprises du commerce et de la distribution (FCD) u l-Fédération des magasins de bricolage et de l’aménagement de la maison (FMB) u, min-naħa l-oħra, il-ministre de l’Écologie, du Développement durable et de l’Énergie (il-Ministru għall-Ambjent, l-Iżvilupp Sostenibbli u l-Enerġija) rigward il-validità tal-Komunikazzjoni lill-operaturi ekonomiċi dwar l-obbligu ta’ żvelar ta’ informazzjoni dwar sustanzi f’oġġetti skont l-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1907/2006 (REACH) – Interpretazzjoni tal-limitu msemmi fl-Artikolu 7(2) u fl-Artikolu 33 ta’ 0.1 % piż b’piż (JORF tat-8 ta’ Ġunju 2011, p. 9763, iktar ’il quddiem, il-“Komunikazzjoni tat-8 ta’ Ġunju 2011”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi tar-Regolament REACH jipprevedu:

“(1)      Dan ir-Regolament għandu jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent kif ukoll il-moviment liberu ta’ sustanzi, waħedhom, fi preparati u f’oġġetti, filwaqt li jiġu mtejba l-kompetittività u l-innovazzjoni. [...]

(2)      Il-funzjonament effiċjenti tas-suq intern tas-sustanzi jista’ jinkiseb biss jekk ir-rekwiżiti għas-sustanzi ma jvarjawx b’mod sinifikattiv minn Stat Membru għal ieħor.

(3)      Għandu jkun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent flapprossimazzjoni tal-leġislazzjoni dwar is-sustanzi, bil-għan li jinkiseb żvilupp sostenibbli. Dik il-leġislazzjoni għandha tkun applikata b’mod non-diskriminatorju kemm jekk is-sustanzi jkunu kummerċjalizzati fis-suq intern kif ukoll jekk internazzjonalment skond l-impenji internazzjonali tal-Komunità.

[...]

(12)      Objettiv importanti tas-sistema l-ġdida li għandha tiġi stabbilita b’dan ir-Regolament huwa l-inkoraġġiment u f’ċerti każijiet l-assigurazzjoni tas-sostituzzjoni eventwali ta’ sustanzi li jħassbu serjament b’sustanzi jew teknoloġiji anqas perikolużi fejn ikun hemm disponibbli alternattivi ekonomikament u teknikament vijabbli. [...]

[...]

(21)      Għalkemm l-informazzjoni mogħtija dwar is-sustanzi permezz tal-valutazzjoni għandha tintuża l-ewwel mill-manifatturi u l-importaturi sabiex jimmaniġġaw ir-riskji relatati mas-sustanzi tagħhom, tista’ tintuża wkoll sabiex jinbdew il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ restrizzjonijiet taħt dan ir-Regolament jew il-proċeduri ta’ l-immaniġġar ta’ riskji taħt xi liġi Komunitarja oħra. Għaldaqstant għandu jkun żgurat li din l-informazzjoni tkun disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti u tkun tista’ tintuża minnhom għall-iskop ta’ tali proċeduri.

[...]

(29)      Ladarba l-produtturi u l-importaturi ta’ l-oġġetti għandhom ikunu responsabbli mill-oġġetti tagħhom, jixraq li jiġi impost rekwiżit ta’ reġistrazzjoni fuq sustanzi li huma maħsuba li jiġu rilaxxati minn oġġetti u li ma kienux reġistrati għal dak l-użu. L-Aġenzija [Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)] għandha tiġi notifikata fil-każ ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna li jkunu preżenti f’oġġetti ‘l fuq minn limiti operattivi ta’ tunnellaġġ u ta’ konċentrazzjoni, fejn l-espożizzjoni għas-sustanza ma tistax tiġi eskluża u fejn is-sustanza ma tkunx ġiet reġistrata minn xi persuna għal dan l-użu. [...]

[...]

(34)      Ir-rekwiżiti għall-ġenerazzjoni ta’ l-informazzjoni dwar sustanzi għandhom ikunu gradati skond il-volumi tal-manifattura jew l-importazzjoni ta’ sustanza, għaliex dawn jagħtu indikazzjoni tal-potenzjal għall-espożizzjoni tal-bniedem u ta’ l-ambjent għas-sustanzi, u għandhom ikunu deskritti fid-dettall. Sabiex jitnaqqas l-impatt eventwalment possibbli fuq sustanzi ta’ volum baxx, l-informazzjoni tossikoloġika u ekotossikoloġika ġdida għandha tkun meħtieġa biss għal sustanzi ta’ prijorità bejn 1 u 10 tunnellati metriċi. Għal sustanzi oħra f’dik il-firxa ta’ kwantità għandu jkun hemm inċentivi li jħeġġu lill-manifatturi u lill-importaturi jipprovdu din l-informazzjoni.

[...]

(56)      Parti mir-responsabbiltà tal-manifatturi jew importaturi għall-immaniġġar tar-riskji ta’ sustanzi hija l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar dawn is-sustanzi lil professjonisti oħra bħall-utenti ‘downstream’ jew id-distributuri. Addizzjonalment, il-produtturi jew importaturi ta’ oġġetti għandhom jipprovdu informazzjoni dwar l-użu sikur ta’ oġġetti lill-utenti industrijali u professjonali, u lill-konsumaturi meta din tiġi mitluba. Din ir-responsabbiltà importanti għandha tapplika wkoll tul il-katina ta’ provvista kollha sabiex l-atturi kollha jkunu jistgħu jissodisfaw ir-responsabbiltà tagħhom fir-rigward ta’ l-immaniġġar ta’ riskji li jkunu ġejjin mill-użu ta’ sustanzi.

[...]

(58)      Sabiex ikun hemm katina ta’ responsabbiltajiet, l-utenti ‘downstream’ għandhom ikunu responsabbli għall-istima tar-riskji li jkunu ġejjin mill-użu tagħhom tas-sustanzi jekk dak l-użu ma jkunx kopert minn skeda ta’ data ta’ sigurtà li tasal mingħand il-fornituri tagħhom, ħlief jekk l-utent ‘downstream’ konċernat jieħu aktar miżuri protettivi minn dawk rakkomandati mill-fornitur tiegħu jew jekk il-fornitur tiegħu ma kienx obbligat li jagħmel stima ta’ dawk ir-riskji jew jagħtih l-informazzjoni dwar dawk ir-riskji. Għall-istess raġuni, l-utenti ‘downstream’ għandhom jimmaniġġaw ir-riskji li jiġu mill-użu tagħhom tas-sustanzi. Barra minn hekk, huwa xieraq li kwalunkwe produttur jew importatur ta’ oġġett li jkun fih sustanza ta’ tħassib serju ħafna għandu jipprovdi informazzjoni suffiċjenti sabiex jippermetti użu mingħajr periklu ta’ tali oġġett.

[...]

(63)      Jeħtieġ ukoll li jkun żgurat li l-ġenerazzjoni ta’ informazzjoni tkun imfassla għall-bżonnijiet ta’ l-informazzjoni reali. [...] F’koperazzjoni ma’ l-Istati Membri, l-Aġenzija għandha tagħti prijorità lil ċerti sustanzi, per eżempju dawk li dwarhom jista’ jkun hemm tħassib serju ħafna.

[...]

(69)      Sabiex jiġi żgurat livell suffiċjentement għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, inkluża l-kunsiderazzjoni ta’ gruppi relevanti ta’ popolazzjonijiet umani u possibbilment ta’ ċerti sub-popolazzjonijiet vulnerabbli, u ta’ l-ambjent, is-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna għandhom, konformement mal-prinċipju tal-prekawzjoni, ikunu suġġetti għal attenzjoni bir-reqqa. L-awtorizzazzjoni għandha tingħata fejn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li japplikaw għal awtorizzazzjoni juru lill-awtorità awtorizzanti li r-riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent li jirriżultaw mill-użu tas-sustanza huma kontrollati tajjeb. Inkella, tista’ xorta waħda tingħata l-awtorizzazzjoni għall-użu jekk jintwera li l-benefiċċji soċjo-ekonomiċi huma akbar mir-riskju li jkun ġej mill-użu tas-sustanza u li ma jkunx hemm sustanzi jew teknoloġiji alternattivi li jkunu ekonomikament jew teknikament vijabbli. B’kont meħud tal-funzjonament korrett tas-suq intern, jixraq li l-Kummissjoni tkun l-awtorità awtorizzanti.

(70)      Għandhom ikunu impediti l-effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent minn sustanzi li jkunu ta’ tħassib kbir ħafna permezz ta’ l-applikazzjoni ta’ miżuri adegwati ta’ mmaniġjar tar-riskji sabiex ikun żgurat li kwalunkwe riskji mill-użu ta’ sustanza ikunu kontrollati b’mod xieraq, u bil-għan li ssir sostituzzjoni gradwali ta’ dawn is-sustanzi b’sustanza aktar sikura u adegwata. Għandhom ikunu applikati miżuri ta’ l-immaniġjar tar-riskji sabiex ikun żgurat, meta sustanzi jkunu manifatturati, mqiegħda fis-suq u użati, li l-espożizzjoni għal dawn is-sustanzi, inklużi tnixxijiet, emissjonijiet u telf, matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu, ikunu inqas minn dawk il-limiti li jekk jinqabżu, iseħħu effetti ħżiena. [...]

[...]

(117) Iċ-ċittadini ta’ l-UE għandhom ikollhom aċċess għall-informazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi li jistgħu jkunu esposti għalihom, sabiex jippermetulhom jagħmlu deċiżjonijiet informati dwar l-użu, minnhom, tas-sustanzi kimiċi. Mezz trasparenti sabiex isir dan ikun li jingħataw aċċess liberu u faċli għad-data bażika miżmuma fid-database ta’ l-Aġenzija, inklużi profili fil-qosor ta’ proprjetajiet perikolużi, ir-rekwiżiti ta’ l-ittikkettar u l-leġislazzjoni Komunitarja relevanti inkluż l-użu awtorizzat u l-miżuri ta’ l-immaniġġar tar-riskji. [...]

[...]

(130) Peress li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu stabbiliti regoli għal sustanzi u li tiġi stabbilita Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentement mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.”

4        L-Artikolu 1 tar-Regolament REACH, intitolat “Għan u Kamp ta’ Applikazzjoni”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent, inkluż il-promozzjoni ta’ metodi alternattivi għall-istima ta’ perikli ta’ sustanzi kif ukoll il-moviment liberu tas-sustanzi fis-suq intern filwaqt li tittejjeb il-kompetittività u l-innovazzjoni.”

5        L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Applikazzjoni”, jipprevedi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-iskart kif definit fid-[Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2006, dwar l-iskart (ĠU L 114, p. 9),] mhuwiex sustanza, preparat jew oġġett fis-sens ta’ l-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.”

6        L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

1)      Sustanza: tfisser element kimiku u l-komposti tiegħu fl-istat naturali jew miksub bi kwalunkwe proċess ta’ manifattura, inkluż kwalunkwe addittiv meħtieġ sabiex jippriżerva l-istabbiltà tiegħu u kwalunkwe impurità li tiġi mill-proċess użat, iżda eskluż kwalunkwe solvent li jista’ jiġi separat mingħajr ma tkun milquta l-istabbiltà tas-sustanza jew tinbidel il-kompożizzjoni tagħha;

2)      Preparat: tfisser taħlita jew soluzzjoni komposta minn żewġ sustanzi jew aktar;

3)      Oġġett: tfisser prodott li waqt il-produzzjoni jingħata forma, wiċċ jew disinn speċjali li jiddeterminaw il-funzjoni tiegħu sa grad akbar milli tagħmel il-kompożizzjoni kimika tiegħu;

4)      Produttur ta’ oġġett: tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tipproduċi jew timmonta oġġett fi ħdan il-Komunità;

[...]

7)      Reġistrant: tfisser il-manifattur jew l-importatur ta’ sustanza jew il-produttur jew l-importatur ta’ oġġett li jippreżenta reġistrazzjoni għal sustanza;

[...]

10)      Importazzjoni: tfisser l-introduzzjoni fiżika fit-territorju doganali tal-Komunità;

11)      Importatur: tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fil-Komunità li tkun responabbli għall-importazzjoni;

12)      Tqegħid fis-suq: tfisser li tipprovdi jew li tagħmel disponibbli lil terzi, kemm bi ħlas jew mingħajr ħlas. L-importazzjoni għandha titqies bħala tqegħid fis-suq;

[...]

33)      Fornitur ta’ oġġett: tfisser kwalunkwe produttur jew importatur ta’ oġġett, distributur jew attur ieħor fil-katina ta’ forniment li jqiegħdu oġġett fuq is-suq.

[...]

35)      Riċevitur ta’ oġġett: tfisser utent industrijali jew professjonali jew distributur li jiġi fornut b’oġġett iżda ma jinkludix il-konsumaturi.

[...]”

7        L-Artikolu 6 tar-Regolament REACH, intitolat “Obbligu ġenerali sabiex ikunu reġistrati sustanzi waħedhom jew fi preparati”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Ħlief fejn dan ir-Regolament jgħid mod ieħor, kull manifattur jew importatur ta’ sustanza, waħidha jew fi preparat wieħed jew aktar, fi kwantitajiet ta’ tunnellata metrika jew aktar kull sena għandu jippreżenta reġistrazzjoni lill-Aġenzija.”

8        L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Reġistrazzjoni u notifika ta’ sustanzi f’oġġetti”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Kull produttur jew importatur ta’ oġġetti għandu jippreżenta reġistrazzjoni lill-Aġenzija għal kull sustanza li jkun hemm f’dawk l-oġġetti, jekk ikunu sodisfatti ż-żewġ kondizzjonijiet li ġejjin:

a)      is-sustanza tkun preżenti f’dawk l-oġġetti fi kwantitajiet li jikkostitwixxu total ta’ aktar minn tunnellata metrika kull produttur jew importatur kull sena;

b)      is-sustanza tkun intiża li tiġi rilaxxata taħt kondizzjonijiet ta’ l-użu li jkunu normalment jew raġonevolment prevedibbli.

Il-preżentazzjoni għal reġistrazzjoni għandha tkun akkumpanjata mill-ħlas meħtieġ skond it-Titolu IX.

2.      Kull produttur jew importatur ta’ oġġetti għandu jinnotifika lill-Aġenzija, skond il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, jekk sustanza tissodisfa l-kriterji fl-Artikolu 57 u tkun identifikata skond l-Artikolu 59(1), jekk ikunu sodisfatti ż-żewġ kondizzjonijiet li ġejjin:

a)      is-sustanza tkun preżenti f’dawk l-oġġetti fi kwantitajiet li jikkostitwixxu total ta’ aktar minn tunnellata metrika kull produttur jew importatur kull sena;

b)      is-sustanza tkun preżenti f’dawk l-oġġetti f’konċentrazzjoni ta’ aktar minn 0,1 % piż b’piż (w/w).

3.      Il-paragrafu 2 ma għandux japplika fejn il-produttur jew importatur jista’ jeskludi l-espożizzjoni għall-bnedmin jew għall-ambjent taħt kondizzjonijiet ta’ l-użu li jkunu normalment jew raġonevolment prevedibbli inkluż ir-rimi. F’dawn il-każijiet, il-produttur jew importatur għandu jipprovdi istruzzjonijiet adatti lir-riċevitur ta’ l-oġġett.

[...]

6.      Il-paragrafi 1 sa 5 ma għandhomx japplikaw għal sustanzi li diġà ġew reġistrati għal dak l-użu.

[...]”

9        L-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament jelenka l-informazzjoni li għandha tintbagħat għal finijiet ġenerali ta’ reġistrazzjoni.

10      Skont l-Artikolu 33 tar-Regolament REACH, intitolat “L-obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar sustanzi f’oġġetti”:

“1.      Kwalunkwe fornitur ta’ oġġett li jkollu fih sustanza li tissodisfa l-kriterji fl-Artikolu 57 u identifikata skond l-Artikolu 59(1) f’konċentrazzjoni ta’ aktar minn 0,1 % piż b’piż (w/w) għandu jipprovdi lil min jirċievi l-oġġett b’informazzjoni suffiċjenti, li tkun disponibbli għall-fornitur, sabiex l-oġġett ikun jista’ jintuża b’mod sikur inkluż, bħala minimu, l-isem ta’ dik is-sustanza.

2.      Fuq talba ta’ konsumatur, kwalunkwe fornitur ta’ oġġett li jkollu fih sustanza li tissodisfa l-kriterji fl-Artikolu 57 u identifikata skond l-Artikolu 59(1) f’konċentrazzjoni ta’ aktar minn 0.1 % piż b’piż (w/w) għandu jipprovdi lill-konsumatur b’informazzjoni suffiċjenti, li tkun disponibbli għall-fornitur, sabiex l-oġġett ikun jista’ jintuża b’mod sikur inkluż, bħala minimu, l-isem ta’ dik is-sustanza.

L-informazzjoni relevanti għandha tingħata, mingħajr ħlas, fi żmien 45 ġurnata minn meta tkun ġiet riċevuta t-talba.”

11      L-Artikolu 55 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-iskop ta’ l-awtorizzazzjoni u kunsiderazzjonijiet dwar sostituzzjoni”, jipprevedi:

“L-iskop ta’ dan it-Titolu huwa li jiżgura l-funzjonament korrett tas-suq intern filwaqt li jiżgura li r-riskji mis-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna jiġu kontrollati tajjeb u li dawn is-sustanzi eventwalment jiġu sostitwiti progressivament minn sustanzi jew teknoloġiji alternattivi adatti fejn dawn ikunu ekonomikament u teknikament vijabbli. Għal dan l-iskop il-manifatturi, l-importaturi u l-utenti ‘downstream’ kollha li japplikaw għal awtorizzazzjoni għandhom janalizzaw jekk hemmx alternattivi u jikkunsidraw ir-riskji tagħhom u kemm is-sostituzzjoni tista’ tkun ekonomikament vijabbli.”

12      L-Artikolu 57 tal-imsemmi regolament, intitolat “Sustanzi li għandhom jiġu inklużi fl-Anness XIV”, jipprevedi:

“Is-sustanzi li ġejjin jistgħu jiġu inklużi fl-Anness XIV skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 58:

a)      sustanzi li jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni fil-klassi ta’ periklu ta’ karċinoġeniċità kategorija 1A jew 1B skond it-taqsima 3.6 ta’ l-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, p. 1)];

b)      sustanzi li jissodisfaw il-kriterji għal klassifikazzjoni fil-klassi ta’ periklu mutaġeniċità għaċ-ċelloli ġerminali kategorija 1A jew 1B skond it-taqsima 3.5 ta’ l-Anness I għar-Regolament [...] Nru 1272/2008;

c)      sustanzi li jissodisfaw il-kriterji għal klassifikazzjoni fil-klassi ta’ periklu tossiċità riproduttiva kategorija 1A jew 1B, effettiv negattivi fuq il-funzjonament sesswali u l-fertilità jew fuq l-iżvilupp skond it-taqsima 3.7 ta’ l-Anness I għar-Regolament [...] Nru 1272/2008;

d)      sustanzi li jkunu persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi skond il-kriterji previsti fl-Anness XIII ta’ dan ir-Regolament;

e)      sustanzi li jkunu persistenti ħafna u bijoakkumulattivi ħafna skond il-kriterji previsti fl-Anness XIII ta’ dan ir-Regolament;

f)      sustanzi – bħal dawk li jkollhom proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrina jew dawk li jkollhom proprjetajiet persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi jew proprjetajiet persistenti ħafna u bijoakkumulattivi ħafna, li ma jissodisfawx il-kriterji fil-punti (d) jew (e) – li dwarhom ikun hemm provi xjentifiċi ta’ probabbiltà ta’ effetti serji fuq is-saħħa tal-bniedem jew fuq l-ambjent li jagħtu lok għal livell ta’ tħassib ekwivalenti għal dak relatat ma’ sustanzi oħrajn elenkati fil-punti (a) sa (e) u li jkunu identifikati fuq bażi każ b’każ skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 59.”

13      L-Artikolu 59 tal-istess regolament jipprevedi proċedura għall-identifikazzjoni tas-sustanzi msemmija fl-Artikolu 57.

14      Skont l-Artikolu 77 tar-Regolament REACH, intitolat “Kompiti”:

“1      L-Aġenzija għandha tipprovdi lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-Komunità bl-aqwa parir xjentifiku u tekniku possibbli għal kwistjonijiet dwar sustanzi kimiċi li jaqgħu fl-ambitu tal-mandat tagħha u li jiġu riferiti lilha skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

2.      Is-Segretarjat għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin:

[...]

g)      jipprovdi gwida u strumenti tekniċi u xjentifiċi fejn ikun meħtieġ għall-funzjonament ta’ dan ir-Regolament b’mod partikolari sabiex jassisti l-iżvilupp ta’ rapporti ta’ sigurtà kimika (skond l-Artikolu 14, l-Artikolu 31(1) u l-Artikolu 37(4)) u għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 10(a)(viii), l-Artikolu 11(3) u l-Artikolu 19(2) mill-industrija u b’mod speċjali mill-SMEs; u gwida teknika u xjentifka għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7 mill-produtturi u l-importaturi ta’ oġġetti;

h)      jipprovdi gwida teknika u xjentifika dwar il- funzjonament ta’ dan ir-Regolament għall-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri u jipprovdi appoġġ liċ-ċentri ta’ assistenza stabbiliti taħt it-Titolu XIII;

i)      jipprovdi gwida għall-partijiet interessati inklużi l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri dwar il-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ informazzjoni dwar ir-riskji u l-użu sikur ta’ sustanzi, waħedhom, f’taħlitiet jew f’oġġetti;

[...]

k)      jipprepara informazzjoni ta’ spjegazzjoni dwar dan ir-Regolament għal partijiet interessati oħra;

[...]

m)      iżomm Manwal ta’ Deċiżjonijiet u Opinjonijiet ibbażati fuq il-konklużjonijiet tal-Kumitat ta’ l-Istati Membri dwar l-interpretazzjoni u l-implementazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

[...]”

 In-nota tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Frar 2011

15      Minn dokument CA/26/2011 tad-dipartimenti tal-Kummissjoni Ewropea, tal-4 ta’ Frar 2011, intitolat “Aġġornament tal-opinjoni tal-Kummissjoni – Sustanzi f’oġġetti”, indirizzat lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jirriżulta li “il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-oġġetti, li, f’ċertu stadju fiċ-ċiklu ta’ ħajja tagħhom, jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ oġġett fis-sens tar-Regolament REACH, ma jibqgħux oġġetti individwali u jsiru komponenti ladarba jiġi mmontati f’oġġett ieħor. Din hija r-raġuni għalfejn l-obbligi msemmija fl-Artikoli 7(2) u 33 japplikaw biss fir-rigward ta’ tali oġġetti mmontati u mhux fir-rigward tal-komponenti individwali tagħhom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Gwida tal-ECHA

16      Il-Gwida ta’ rekwiżiti għal sustanzi f’oġġetti, ippubblikata mill-ECHA, tal-1 ta’ April 2011 (iktar ’il quddiem, il-“Gwida tal-ECHA”), fil-Kapitolu 4 tagħha, tittratta d-determinazzjoni tal-konċentrazzjoni ta’ sustanza ta’ tħassib serju ħafna inkluża fil-lista tas-sustanzi kandidati, li tinsab f’oġġetti b’diversi komponenti.

17      It-taqsima 4.4 tal-Gwida tal-ECHA, intitolata “Determinazzjoni tal-konċentrazzjoni ta’ sustanza [ta’ tħassib serju ħafna] inkluża fil-lista tas-sustanzi kandidati, li tinsab f’oġġetti b’diversi komponenti”, hija redatta kif ġej:

“Sustanza ta’ tħassib serju ħafna fil-Lista ta’ Kandidati tista’ tkun f’konċentrazzjonijiet differenti f’komponenti differenti fl-istess oġġett, pereżempju konċentrazzjoni waħda fix-chassis ta’ laptop u konċentrazzjoni oħra fit-transformer. Biex japplikaw obbligi skont l-Artikoli 7(2) u 33, il-konċentrazzjoni ta’ din is-sustanza [ta’ tħassib serju ħafna] għandha tkun aktar minn 0.1 % (w/w) fl-oġġett kollu kif ġie identifikat fil-Kapitolu 2. Sabiex tiġi vverifikata din il-kundizzjoni fl-ewwel lok, għandu jiġi stabbilit għal kull komponent jekk jinkludix jew le s-sustanza [ta’ tħassib serju ħafna] f’konċentrazzjoni ta’ aktar minn 0.1 % (w/w) (jekk din l-informazzjoni tkun għadha ma hijiex disponibbli, tista’ tinkiseb b’diversi mezzi kif jiddeskrivi l-Kapitolu 5).”

 Id-dritt Franċiż

18      Skont il-Komunikazzjoni tat-8 ta’ Ġunju 2011:

“B’referenza għall-pubblikazzjoni tal-1 ta’ April 2011, fuq il-websajt tal-[ECHA] (http://guidance.echa.europa.eu/docs/guidance_document/articles_en.pdf), tal-Gwida riveduta dwar l-applikazzjoni tar-[Regolament REACH] għal sustanzi fi prodotti u b’mod iktar partikolari l-avviż tad-Direttur f’din il-Gwida, li ma ntlaħaq l-ebda konsensus dwar din il-Gwida bejn l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea/taż-Żona Ekonomika Ewropea, l-awtoritajiet Franċiżi, b’din il-komunikazzjoni, jinformaw lill-operaturi ekonomiċi bl-interpretazzjoni adottata fi Franza għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 33 tar-[Regolament REACH].

Dawn jispeċifikaw li t-terminu ‘oġġett’ jinkludi kull oġġett li jikkorrispondi mad-definizzjoni tat-terminu ‘oġġett’ fis-sens tar-[Regolament REACH], jiġifieri, ‘prodott li waqt il-produzzjoni jingħata forma, wiċċ jew disinn speċjali li jiddeterminaw il-funzjoni tiegħu sa grad akbar milli tagħmel il-kompożizzjoni kimika tiegħu’ [Artikolu 3(3)]. Konsegwentement oġġett jista’ jkun kompost minn oġġett wieħed jew iktar li jikkorrispondu mad-definizzjoni tat-terminu ‘oġġett’, u b’hekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 33 japplikaw għal kull wieħed minn dawn l-oġġetti.

[...]

Huwa abbażi ta’ dawn l-elementi li l-awtoritajiet Franċiżi ser japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 33. Ser jiġu implementati b’mod progressiv kontrolli sabiex tiġi vverifikata l-osservanza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet f’approċċ pragmatiku u proporzjonat mal-implikazzjonijiet għas-saħħa u għall-ambjent.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

19      Permezz ta’ att tal-5 ta’ Diċembru 2011, FCD u FMB ippreżentaw rikors quddiem il-Conseil d’État kontra l-Komunikazzjoni tat-8 ta’ Ġunju 2011. Huma sostnew li din il-komunikazzjoni hija bbażata fuq interpretazzjoni tal-kunċett ta’ oġġett li ma hijiex konformi man-nota tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Frar 2011 u lanqas mal-Gwida tal-ECHA. Din il-qorti tqis li r-risposta għall-motivi mqajma minn FCD u FMB tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk, fil-preżenza ta’ oġġett kompost minn diversi elementi li jikkorrispondu huma nfushom mad-definizzjoni tal-oġġett mogħtija mir-Regolament REACH, l-obbligi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 7(2) u 33 ta’ dan ir-regolament japplikawx biss fir-rigward tal-oġġett immontat jew jekk humiex imposti għal kull wieħed minn dawn l-elementi.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 7(2) u mill-Artikolu 33 tar-Regolament [REACH] huma applikabbli, meta ‘oġġett’ fis-sens ta’ dan ir-regolament ikun kompost minn diversi elementi li jissodisfaw huma stess id-definizzjoni tal-‘oġġett’ li huwa jipprovdi, biss fir-rigward tal-oġġett immontat jew fir-rigward ta’ kull wieħed mill-elementi li jissodisfaw id-definizzjoni tal-‘oġġett’?”

 Osservazzjonijiet preliminari

 Fuq is-suġġett ta’ din il-proċedura

21      FCD u FMB jenfasizzaw li t-tilwima fil-kawża prinċipali toriġina mill-interpretazzjoni mhux konformi tar-Regolament REACH adottata mir-Repubblika Franċiża fil-komunikazzjoni tagħha tat-8 ta’ Ġunju 2011. Wara l-pubblikazzjoni ta’ din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni eżaminat l-eżistenza ta’ eventwali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu min-naħa ta’ dan l-Istat Membru. Fi tmiem l-analiżi tagħha, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Franċiża ittra ta’ intimazzjoni fil-21 ta’ Ġunju 2012 fil-kuntest tal-proċedura 2012/2109.

22      Fix-xahar ta’ Lulju 2013, il-Gvern Franċiż, dak Belġjan, dak Daniż, dak Ġermaniż, dak Svediż u dak Norveġiż ippubblikaw gwida intiża għall-fornituri ta’ oġġetti. Minn din il-gwida jirriżulta li l-istess informazzjoni rigward il-preżenza ta’ sustanzi inklużi fil-lista tas-sustanzi kandidati għall-awtorizzazzjoni għandha tiġi pprovduta, kemm jekk l-oġġett jinbiegħ b’mod separat kemm jekk bħala parti minn oġġett immontat permezz ta’ diversi oġġetti. Il-gwida tispeċifika (nota 3, p. 6) li l-Istati koawturi, kif ukoll ir-Repubblika tal-Awstrija, ma jaċċettawx l-interpretazzjoni tal-imsemmi regolament mogħtija mill-ECHA fil-gwida tagħha.

23      FCD u FMB iqisu li l-interpretazzjoni li tinsab fil-Komunikazzjoni tat-8 ta’ Ġunju 2011 tmur manifestament kontra dik imressqa, sa mis-sena 2007, mill-Kummissjoni u mill-ECHA. Ir-regoli stabbiliti permezz tar-Regolament REACH jeħtieġu li jiġu ddefiniti u applikati fuq il-livell tal-Unjoni. Dan ir-regolament ta, b’mod espliċitu, lill-Kummissjoni u lill-ECHA l-missjoni li jaġixxu għall-implementazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet stabbiliti minnu. F’dan ir-rigward, FCD u FMB ifakkru li l-Artikolu 77 tal-imsemmi regolament jipprevedi b’mod espliċitu li l-ECHA tista’ tipprovdi gwida teknika u xjentifika lill-produtturi u lill-importaturi ta’ oġġetti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7 tal-istess regolament u tipprepara informazzjoni ta’ spjegazzjoni dwar dan l-artikolu għal partijiet interessati. L-interpretazzjoni mhux konformi tal-awtoritajiet Franċiżi tikkostitwixxi ostakolu għall-implementazzjoni uniformi tar-Regolament REACH u tippreġudika ċ-ċertezza legali, kif ukoll il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u l-kompetizzjoni leali bejn operaturi ekonomiċi.

24      Il-Kummissjoni ssostni li d-diverġenzi ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament mir-Repubblika Franċiża u minn xi wħud mill-Istati Membri l-oħra jikkompromettu l-unità tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u jippreġudikaw il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi kif ukoll il-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Il-Kummissjoni tosserva b’dan il-mod li l-Artikolu 33 tal-istess regolament jarmonizza b’mod eżawrjenti fuq il-livell tal-Unjoni l-obbligu li tiġi kkomunikata informazzjoni fuq is-sustanzi li jinsabu f’oġġetti. Sabiex tkun tista’ ssir deroga minn din id-dispożizzjoni, l-awtoritajiet Franċiżi għandhom iġibu l-prova tal-eżistenza ta’ ġustifikazzjonijiet marbuta ma’ raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika u/jew tal-ambjent, skont l-Artikolu 114(4) sa (9) TFUE.

25      Minn dawn l-osservazzjonijiet jirriżulta li FCD u FMB kif ukoll il-Kummissjoni jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq il-konformità tal-Komunikazzjoni tat-8 ta’ Ġunju 2011 mad-dritt tal-Unjoni. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma hijiex din tal-aħħar li għandha tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ proċedura mressqa skont l-Artikolu 267 TFUE, fuq il-kompatibbiltà ta’ normi tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni u lanqas li tinterpreta liġijiet jew regolamenti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Vueling Airlines, C‑487/12, EU:C:2014:2232, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tagħti lill-qorti tar-rinviju l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jidħlu fl-ambitu tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jippermettulha tevalwa tali konformità sabiex tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha (sentenza Transportes Urbanos y Servicios Generales, C‑118/08, EU:C:2010:39, punt 23 u l-ġurisprudenza).

26      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba mhux biex tiddeċiedi fuq il-kompatibbiltà tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, iżda sabiex tagħti lill-qorti tar-rinviju elementi ta’ interpretazzjoni tar-Regolament REACH, sabiex tippermetti lil din tal-aħħar tevalwa jekk, skont id-dritt tal-Unjoni, hijiex marbuta tibqa’ lura mill-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali dwar l-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex adita bil-kwistjoni dwar jekk, billi adottaw il-Komunikazzjoni tat-8 ta’ Ġunju 2011, l-awtoritajiet Franċiżi kisrux l-obbligi tagħhom fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.

27      Barra minn hekk, il-fatt li l-interpretazzjoni tal-imsemmi regolament mogħtija mill-awtoritajiet Franċiżi fil-Komunikazzjoni tat-8 ta’ Ġunju 2011 tmur kontra dik adottata mill-ECHA fil-gwida tagħha kif ukoll kontra dik ikkomunikata mill-Kummissjoni lill-Istati Membri l-ewwel darba matul is-sena 2007, imbagħad, it-tieni darba, matul is-sena 2011, ma huwiex rilevanti għall-finijiet ta’ din il-proċedura skont l-Artikolu 267 TFUE.

28      Huwa minnu li l-Artikolu 77(2) tar-Regolament REACH jagħti lis-segretarjat tal-ECHA l-kompitu, fost l-oħrajn, li “jipprovdi gwida u strumenti tekniċi u xjentifiċi fejn ikun meħtieġ għall-funzjonament ta’ dan ir-Regolament b’mod partikolari [...] gwida teknika u xjentifka għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7 mill-produtturi u l-importaturi ta’ oġġetti” u li “jipprepara informazzjoni ta’ spjegazzjoni dwar [l-imsemmi regolament] għal partijiet interessati oħra”. Fid-dawl ta’ din l-intenzjoni tal-leġiżlatur, dokument bħalma huwa l-Gwida tal-ECHA jista’ jagħmel parti mill-elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-istess regolament. Madankollu, fin-nuqqas tan-natura xjentifika u teknika tal-aspetti marbuta mas-sustanzi kimiċi li huma rregolati mir-Regolament REACH, dokument ta’ dan it-tip jibqa’ purament spjegattiv. L-interpretazzjoni li huwa jagħti tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament hija nieqsa minn kwalunkwe portata normattiva. Fil-fatt, dan id-dokument imfassal mill-ECHA ma jinsabx fost l-atti legali tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 288 TFUE u ma jistax ikun ta’ natura ġuridikament vinkolanti (ara, b’mod analogu, is-sentenza Chemische Fabrik Kreussler, C‑308/11, EU:C:2012:548, punt 23).

29      Din l-assenza ta’ natura ġuridikament vinkolanti tirriżulta barra minn hekk b’mod espliċitu minn punt preliminari tal-Gwida tal-ECHA, intitolat “Parir legali”. Dan il-punt jispeċifika li “t-test tar-regolament ta’ REACH huwa l-unika referenza legali awtentika u li l-informazzjoni f’dan id-dokument ma tikkostitwixxix parir legali” u li “[l-ECHA] tiċħad kull responsabbiltà rigward il-kontenut tiegħu”. Barra minn hekk, minn “nota lill-qarrej” jirriżulta li din il-gwida “ma ġietx sostnuta b’mod sħiħ mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri [...] ikkonsultati fl-istadju tal-konsultazzjoni finali tagħha [u li] konsegwentement, l-impriżi jistgħu jiltaqgħu ma’ prattiki ta’ implementazzjoni diverġenti f’dak li jirrigwarda xi wħud mill-aspetti ta’ dan id-dokument”.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE, għandha tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari sabiex tiżgura interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-imsemmi regolament.

 Fuq ir-Regolament REACH

31      Qabel ma jiġu eżaminati d-dispożizzjonijiet li l-interpretazzjoni tagħhom intalbet mill-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament REACH jirriżulta li huwa intiż sabiex jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, inkluż il-promozzjoni ta’ metodi alternattivi għall-evalwazzjoni tal-perikli marbuta mas-sustanzi, kif ukoll il-moviment liberu tas-sustanzi fis-suq intern filwaqt li tittejjeb il-kompetittività u l-innovazzjoni.

32      Għal dan l-għan, l-imsemmi regolament jistabbilixxi sistema integrata ta’ kontroll tas-sustanzi kimiċi li tinkludi r-reġistrazzjoni tagħhom, l-evalwazzjoni tagħhom, kif ukoll l-awtorizzazzjoni tagħhom u eventwali restrizzjonijiet għall-użu tagħhom. Il-prinċipji fundamentali li jirregolaw dawn l-elementi ġew ippreżentati mill-Kummissjoni fl-introduzzjoni tal-proposta tagħha ta’ regolament COM(2003) 644 finali, tad-29 ta’ Ottubru 2003, li tiddeskrivi s-“sistema REACH” bħala waħda li tinkludi, qabel kollox, ir-reġistrazzjoni li għaliha “l-industrija hija mitluba tikseb informazzjoni rilevanti dwar is-sustanzi li hija tipproduċi u tuża din l-informazzjoni sabiex tiżgura ġestjoni sigura tal-imsemmija sustanzi”, imbagħad “l-evalwazzjoni, li tippermetti li jiġi vverifikat li l-industrija twettaq l-obbligi tagħha”, u l-awtorizzazzjoni, għas-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna li “r-riskji marbuta mal-użu [tagħhom] [...] huma kkontrollati b’mod xieraq, jew li l-vantaġġi soċjo-ekonomiċi [tagħhom] ikunu ikbar mir-riskji [jekk ma] jeżistux sustanzi jew teknoloġiji ta’ sostituzzjoni bħala soluzzjoni alternattiva xierqa”. Fl-aħħar nett, “il-proċedura ta’ restrizzjonijiet toffri xibka ta’ sigurtà li tippermetti l-ġestjoni tar-riskji li ma humiex koperti b’mod adegwat minn dispożizzjonijiet oħra tas-sistema REACH”.

33      Skont dawn l-għanijiet, ir-Regolament REACH iqiegħed l-oneru tal-analiżi tas-sustanzi kimiċi fuq l-industrija. Huwa jistabbilixxi, għal dan l-għan, diversi mekkaniżmi ta’ informazzjoni intiżi sabiex jikkontribwixxu, tul il-katina ta’ provvista, għall-identifikazzjoni tal-proprjetajiet perikolużi tagħhom u għall-ġestjoni tar-riskji sabiex jiġu evitati l-effetti dannużi fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent.

34      Mill-proposta ta’ regolament COM(2003) 644 finali jirriżulta li fis-sena 1981 kienu jeżistu iktar minn 100 000 sustanza u li kważi 3 000 sustanza ġdida ġew, sussegwentement, imqiegħda fis-suq. Fost dawn is-sustanzi kollha, ir-Regolament REACH jagħti attenzjoni partikolari lil dawk meqjusa li huma ta’ tħassib serju ħafna, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessi 63, 69 u 70 ta’ dan ir-regolament.

35      Is-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna huma dawk imsemmija, minn naħa, fl-Artikolu 57(a) sa (e) tal-imsemmi regolament minħabba l-proprjetajiet ta’ karċinoġeniċità, ta’ mutaġeniċità jew ta’ tossiċità riproduttiva, jew minħabba li jkunu persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi jew persistenti ħafna u bijoakkumulattivi ħafna, u, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 57(f) tal-istess regolament, jiġifieri s-sustanzi kollha “li dwarhom ikun hemm provi xjentifiċi ta’ probabbiltà ta’ effetti serji fuq is-saħħa tal-bniedem jew fuq l-ambjent li jagħtu lok għal livell ta’ tħassib ekwivalenti għal dak relatat ma’ sustanzi oħrajn elenkati fil-punti (a) sa (e)”.

36      L-Artikolu 59 tar-Regolament REACH jistabbilixxi proċedura ta’ identifikazzjoni ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna li tagħti lok għall-istabbiliment ta’ lista ta’ sustanzi msejħa “kandidati” intiżi, eventwalment, sabiex jiġu inklużi fl-Anness XIV tal-istess regolament li jinkludi l-lista tas-sustanzi suġġetti għal awtorizzazzjoni. Kif ikkonstatat l-Avukat Ġenerali fil-punt 22 tal-konklużjonijiet tagħha, fid-data tas-16 ta’ Ġunju 2014, 155 sustanza kienu inklużi f’din il-lista ta’ sustanzi kandidati.

37      Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament REACH, il-produttur jew l-importatur ta’ oġġetti għandu jinnotifika lill-ECHA jekk sustanza fil-lista ta’ kandidati f’dawn l-oġġetti tkun tinsab fi kwantitajiet li jikkostitwixxu total ta’ iktar minn tunnellata metrika għal kull produttur jew importatur kull sena kif ukoll f’konċentrazzjoni ta’ iktar minn 1.1 % piż b’piż (w/w).

38      Skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament REACH, l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament ma huwiex applikabbli “fejn il-produttur jew importatur jista’ jeskludi l-espożizzjoni għall-bnedmin jew għall-ambjent taħt kondizzjonijiet ta’ l-użu li jkunu normalment jew raġonevolment prevedibbli inkluż ir-rimi”. Din id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar lanqas ma tapplika, skont l-Artikolu 7(6) tal-imsemmi regolament, “għal sustanzi li diġà ġew reġistrati għal dak l-użu”.

39      Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 7(2) tal-istess regolament jitlob li jiġu ssodisfatti b’mod kumulattiv l-erba’ kundizzjonijiet li ġejjin:

–        l-użu tas-sustanza ta’ tħassib serju ħafna ma jkunx ġie diġà rreġistrat;

–        ir-riskju ta’ espożizzjoni tal-bniedem u tal-ambjent ma jistax jiġi eskluż;

–        il-kwantità tas-sustanza inkwistjoni taqbeż tunnellata metrika kull sena għal kull produttur jew importatur, u

–        il-konċentrazzjoni ta’ din is-sustanza taqbeż il-limitu ta’ 0.1 % piż b’piż fl-oġġett inkwistjoni.

40      Fir-rigward tal-Artikolu 33 tar-Regolament REACH, huwa jagħmel parti mit-Titolu IV ta’ dan ir-regolament, intitolat “Informazzjoni fil-katina tal-provvista”. Huwa jistabbilixxi obbligu li tiġi kkomunikata informazzjoni dwar is-sustanzi f’oġġetti. B’dan il-mod, huwa jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[k]walunkwe fornitur ta’ oġġett li jkollu fih [sustanza identifikata bħala ta’ tħassib serju ħafna] f’konċentrazzjoni ta’ iktar minn 0.1 % piż b’piż (w/w) għandu jipprovdi lil min jirċievi l-oġġett b’informazzjoni suffiċjenti, li tkun disponibbli għall-fornitur, sabiex l-oġġett ikun jista’ jintuża b’mod sikur inkluż, bħala minimu, l-isem ta’ dik is-sustanza”. Il-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu jimponi obbligu analogu ta’ komunikazzjoni, fuq it-talba ta’ konsumatur, fir-rigward ta’ kwalunkwe fornitur ta’ oġġett li jissodisfa l-istess kundizzjonijiet.

 Fuq id-domanda preliminari

41      Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk għal prodott kompost minn diversi oġġetti fis-sens tal-Artikolu 3, punt 3 tar-Regolament REACH, l-Artikoli 7(2) u 33 ta’ dan ir-regolament għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-limitu ta’ konċentrazzjoni ta’ sustanza ta’ tħassib serju ħafna ta’ 0.1 % piż b’piż previst minn dawn id-dispożizzjonijiet għandu jiġi stabbilit b’rabta mal-piż totali ta’ dan il-prodott.

42      FCD, FMB, l-Irlanda, il-Gvern Grieg kif ukoll il-Kummissjoni jqisu li r-risposta għal din id-domanda għandha tkun fl-affermattiv. Il-Gvern Franċiż, dak Belġjan, dak Daniż, dak Ġermaniż, dak Awstrijak, dak Svediż u dak Norveġiż iqisu, min-naħa tagħhom, li din id-domanda titlob risposta fin-negattiv.

43      Sabiex tingħata risposta għad-domanda, għandu jiġi eżaminat il-kunċett ta’ “oġġett” kif iddefinit fl-Artikolu 3, punt 3 tar-Regolament REACH, imbagħad, l-obbligi ta’ notifika u ta’ informazzjoni previsti rispettivament fl-Artikoli 7(2) u 33 ta’ dan ir-regolament.

 Fuq il-kunċett ta’ “oġġett”, fis-sens tal-Artikolu 3, punt 3 tar-Regolament REACH

44      FCD u FMB isostnu li l-klassifikazzjoni ta’ “oġġett” fis-sens tal-Artikolu 3, punt 3 tar-Regolament REACH hija intiża biss sabiex tapplika għall-prodott finali magħmul minn oġġetti. L-interpretazzjoni bil-kontra timplika konsegwenzi serji, b’mod partikolari:

–        l-obbligu għall-fornituri u għall-importaturi li jiddeterminaw il-konċentrazzjoni ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna fil-prodott finali ffabbrikat, importat jew imqiegħed fis-suq, permezz ta’ testijiet jew abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-fornituri tagħhom, li jagħti lok, għalhekk, għal proċess kumpless u oneruż, u

–        id-diffikultà kbira, għall-importaturi, li jiksbu informazzjoni ddettaljata dwar is-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna li jinsabu fil-komponenti kollha li jikkostitwixxu prodotti kumplessi min-naħa tal-fabbrikanti stabbiliti barra mill-Unjoni.

45      Il-Gvern Franċiż iqis li l-Artikolu 3, punt 3 tar-Regolament REACH jiddefinixxi oġġett bħala prodott li waqt il-produzzjoni jingħata forma li tipprevali fuq il-kompożizzjoni kimika tiegħu sabiex tiġi ddeterminata l-funzjoni tiegħu. L-ebda oġġett ma jista’ jiġi eskluż minn din id-definizzjoni ladarba jkun ingħata forma, wiċċ jew disinn speċjali waqt il-produzzjoni tiegħu u ladarba dawn tal-aħħar jiddeterminaw iktar il-funzjoni ta’ dan l-oġġett mill-kompożizzjoni kimika tiegħu. L-Artikoli 7(2) u 33 ta’ dan ir-regolament ma jipprevedux li għandha tiġi adottata interpretazzjoni tal-kunċett ta’ oġġett li tkun iktar restrittiva minn dik prevista fl-Artikolu 3, punt 3 tal-imsemmi regolament.

46      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-kunċett ta’ oġġett huwa ddefinit minn din id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar bħala “prodott li waqt il-produzzjoni jingħata forma, wiċċ jew disinn speċjali li jiddeterminaw il-funzjoni tiegħu sa grad akbar milli tagħmel il-kompożizzjoni kimika tiegħu”.

47      Minn din id-definizzjoni jirriżulta li l-klassifikazzjoni inkwantu oġġett fis-sens tar-Regolament REACH tiġi ddeterminata minn tliet elementi. L-ewwel nett, il-kunċett ta’ oġġett jirreferi biss għal dawk li għaddew minn “[proċess ta’] produzzjoni”. Għaldaqstant dan il-kunċett jirrigwarda biss oġġetti mmanifatturati, b’differenza minn dawk eżistenti fl-istat naturali. It-tieni nett, dan il-proċess ta’ produzzjoni għandu jagħti lill-prodott inkwistjoni “forma, wiċċ jew disinn speċjali”, bl-eċċezzjoni ta’ proprjetajiet oħra, b’mod partikolari fiżiċi jew kimiċi. It-tielet nett, din il-forma, wiċċ jew disinn, li jirriżultaw mill-proċess ta’ produzzjoni, għandhom ikunu iktar determinanti għall-funzjoni tal-prodott inkwistjoni mill-kompożizzjoni kimika tiegħu.

48      Is-sitwazzjoni prevista mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda prodott imsejjaħ “kumpless” minħabba li huwa kompost minn diversi prodotti mmanifatturati li jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 3, punt 3 tar-Regolament REACH. Tali sitwazzjoni tqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-klassifikazzjoni ta’ oġġett għandhiex tiġi applikata fuq il-livell tal-prodott meħud fl-intier tiegħu kif ukoll, fl-istess waqt, għal kull wieħed mill-oġġetti li jidħlu fil-kompożizzjoni tiegħu.

49      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament REACH ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni li tirregola b’mod speċifiku s-sitwazzjoni ta’ prodott kumpless li jinkludi diversi oġġetti. Dan is-silenzju għandu jinftiehem fid-dawl tal-għan prinċipali segwit mill-imsemmi regolament, li ma huwiex li jiġu rregolati l-prodotti mmanifatturati kollha, iżda li jiġu kkontrollati s-sustanzi kimiċi, meta dawn ikunu preżenti inkwantu tali jew f’taħlit, kif ukoll, f’ċerti każijiet, b’mod partikolari dawk elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 7 tal-istess regolament, meta jkunu jinsabu f’oġġetti.

50      Għaldaqstant, fl-assenza ta’ kwalunkwe dispożizzjoni speċifika, ma hemmx lok li ssir distinzjoni mhux prevista mir-Regolament REACH bejn is-sitwazzjoni tal-oġġetti inkorporati inkwantu komponent ta’ prodott kumpless u dik tal-oġġetti li jippreżentaw ruħhom b’mod iżolat. Il-punt dwar jekk prodott kumpless jistax minnu nnifsu jiġi kklassifikat bħala oġġett jiddependi għaldaqstant esklużivament mill-verifika tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 3, punt 3 ta’ dan ir-regolament.

51      Għaldaqstant huwa biss jekk il-proċess ta’ produzzjoni ta’ prodott minn taħlita ta’ diversi oġġetti jwassal sabiex jagħti lil dan il-prodott forma, wiċċ jew disinn speċjali li jiddeterminaw il-funzjoni tiegħu sa grad ikbar milli tagħmel il-kompożizzjoni kimika tiegħu, li dan il-prodott jista’ jiġi kklassifikat bħala oġġett. B’mod differenti minn sempliċi mmontar, dan il-proċess ta’ produzzjoni għandu għaldaqstant iwassal sabiex jibdel il-forma, il-wiċċ jew id-disinn tal-oġġetti użati bħala komponenti.

52      Madankollu, dan ma jfissirx li l-oġġetti użati matul il-proċess ta’ produzzjoni jitilfu neċessarjament, minħabba dan il-fatt, il-kwalità tagħhom ta’ oġġett. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 2(2) tar-Regolament REACH jipprevedi li “[l]-iskart kif definit fid-Direttiva [2006/12] mhuwiex sustanza, taħlita jew oġġett fis-sens [tal-imsemmi regolament]”. Għaldaqstant prodott li jissodisfa l-kriterji msemmija fl-Artikolu 2(2) tal-istess regolament jieqaf ikun “oġġett” għall-finijiet tar-Regolament REACH meta jsir skart, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni (sentenza Commune de Mesquer, C‑188/07, EU:C:2008:359, punt 40). Minbarra din id-dispożizzjoni, dan ir-regolament ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni skont liema prodott li jikkorrispondi mad-definizzjoni ta’ oġġett fis-sens tal-Artikolu 3, punt 3 tal-imsemmi regolament jista’ jitlef ulterjorment din il-kwalità.

53      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta, kif l-Avukat Ġenerali osservat fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tagħha, li prodott mmanifatturat li jissodisfa l-kriterji msemmija fl-Artikolu 3, punt 3 tar-Regolament REACH ma jitlifx il-kwalità tiegħu ta’ oġġett meta jiġi mmontat jew jingħaqad ma’ prodotti oħra sabiex jikkomponi ma’ dawn tal-aħħar prodott kumpless. F’tali sitwazzjoni, dan il-prodott immanifatturat jibqa’ “oġġett” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Huwa jżomm din il-kwalità sakemm iżomm forma, wiċċ jew disinn speċjali li jiddeterminaw il-funzjoni tiegħu sa grad akbar milli tagħmel il-kompożizzjoni kimika tiegħu jew sakemm isir skart fis-sens tad-Direttiva 2006/12.

54      Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni ta’ oġġett tibqa’ applikabbli għall-prodotti kollha li jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 3, punt 3 tar-Regolament REACH li jidħlu fil-kompożizzjoni ta’ prodott kumpless, sakemm, wara l-proċess ta’ produzzjoni, dan il-prodott ma jsirx skart jew jitlef il-forma, il-wiċċ jew id-disinn li jgħinu iktar sabiex jiddeterminaw il-funzjoni tiegħu milli tagħmel il-kompożizzjoni kimika tiegħu.

 Fuq l-Artikolu 7(2) tar-Regolament REACH

55      L-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament REACH huwa indirizzat kemm lill-importaturi kif ukoll lill-produtturi ta’ oġġetti, u dawn tal-aħħar huma ddefiniti fl-Artikolu 3, punt 4, ta’ dan ir-regolament bħala “kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tipproduċi jew timmonta oġġett fi ħdan [l-Unjoni]”. Minn din id-definizzjoni jirriżulta li l-kunċett ta’ produttur ta’ oġġett tirreferi esklużivament għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jiżguraw huma nfushom il-produzzjoni jew l-immontar ta’ oġġett fit-territorju tal-Unjoni. Għaldaqstant huwa biss jekk persuna tipproduċi jew timmonta fit-territorju tal-Unjoni prodott li jikkorrispondi mad-definizzjoni ta’ oġġett fis-sens tal-Artikolu 3, punt 3 tal-imsemmi regolament li din il-persuna tkun suġġetta, fil-kwalità ta’ produttur, għar-rekwiżiti tal-Artikolu 7(2) tal-istess regolament. Għaldaqstant, minn qari flimkien tal-Artikoli 3, punt 4, u 7(2) tar-Regolament REACH jirriżulta li l-obbligu ta’ notifika impost fuq il-produttur jirrigwarda biss l-oġġetti li huwa nnifsu jiżgura l-produzzjoni jew l-immontar tiegħu.

56      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata permezz tal-premessa 29 tal-imsemmi regolament, li tgħid “[l]adarba l-produtturi u l-importaturi ta’ oġġetti għandhom ikunu responsabbli mill-oġġetti tagħhom, jixraq li jiġi impost rekwiżit ta’ reġistrazzjoni fuq sustanzi li huma maħsuba li jiġu rilaxxati minn oġġetti u li ma kienux reġistrati għal dak l-użu”, u li żżid li “[l-ECHA] għandha tiġi notifikata fil-każ ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna li jkunu preżenti f’oġġetti ’l fuq minn limiti operattivi ta’ tunnellaġġ u ta’ konċentrazzjoni, fejn l-espożizzjoni għas-sustanza ma tistax tiġi eskluża u fejn is-sustanza ma tkunx ġiet reġistrata minn xi persuna għal dan l-użu”. Billi uża l-aġġettiv possessiv “tagħhom”, il-leġiżlatur wera l-intenzjoni tiegħu li jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi ta’ reġistrazzjoni u ta’ notifika previsti rispettivament fl-Artikolu 7(1) u fl-Artikolu 7(2) tal-istess regolament biss għall-oġġetti li l-produtturi tagħhom jiżguraw personalment il-produzzjoni jew l-immontar tagħhom.

57      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-obbligu ta’ notifika fuq il-produttur ta’ oġġetti skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament REACH ma huwiex applikabbli għal oġġett li, minkejja li ntuża minn dan il-produttur bħala fattur ta’ produzzjoni, ġie ffabbrikat minn terz.

58      Din l-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 7(2)tar-Regolament REACH hija konformi mal-għan segwit permezz tal-obbligu ta’ notifika u, b’mod iktar ġenerali, mal-istruttura ġenerali tar-Regolament li jagħmel parti minnha. Għandu fil-fatt jitfakkar li, mill-premessa 21 ta’ dan ir-regolament jirriżulta, essenzjalment, li r-reġistrazzjoni u l-evalwazzjoni huma intiżi sabiex tiġi kkompletata l-informazzjoni dwar is-sustanzi u, fejn xieraq, sabiex “jinbdew il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ restrizzjonijiet taħt [l-imsemmi regolament] jew il-proċeduri ta’ l-immaniġġar ta’ riskji taħt xi liġi Komunitarja oħra”.

59      Skont dan l-għan ġenerali, l-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament REACH huwa intiż sabiex l-ECHA tiġi informata fir-rigward ta’ ċerti sustanzi ta’ tħassib serju ħafna li ma ġewx irreġistrati. Meta jkunu inklużi f’oġġetti, tali sustanzi ma jaqgħux taħt l-obbligu ġenerali ta’ reġistrazzjoni ta’ sustanzi inkwantu tali jew inklużi f’taħlit previst fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament u taħt l-obbligu korrelattiv li tintbagħat għal finijiet ġenerali ta’ reġistrazzjoni l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament.

60      Huwa għaldaqstant sabiex jiġi evitat defiċit ta’ informazzjoni rigward l-użu ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna f’oġġetti li l-Artikolu 7(2) tal-istess regolament jimponi fuq il-produtturi u fuq l-importaturi ta’ dawn l-oġġetti l-obbligu li jinnotifikaw ċerta informazzjoni lill-ECHA. Skont l-Artikolu 7(4)(e) tar-Regolament REACH, din in-notifika tinkludi “deskrizzjoni fil-qosor ta’ l-użu/i tas-sustanza jew sustanzi fl-oġġett kif speċifikat fit-Taqsima 3.5 ta’ l-Anness VI u ta’ l-użi ta’ l-oġġett jew oġġetti”.

61      Fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 7(2) tar-Regolament REACH, il-produttur huwa għaldaqstant marbut li jinnotifika lill-ECHA bil-preżenza ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna fl-oġġett li huwa jipproduċi jew jimmonta. Meta, sussegwentement, dan l-oġġett jintuża downstream minn tieni produttur bħala fattur fil-produzzjoni ta’ prodott kumpless, dan it-tieni produttur ma huwiex marbut li jinnotifika min-naħa tiegħu lill-ECHA l-preżenza tas-sustanza inkwistjoni f’dan l-oġġett. Fil-fatt, tali notifika tirdoppja dik magħmula mill-produttur ta’ dan l-oġġett. Huwa diffiċli li tali piż żejjed u inutli jiġi kkonċiljat mal-prinċipju ta’ proporzjonalità li l-osservanza tiegħu hija madankollu mfakkra fil-premessa 130 tal-imsemmi regolament.

62      Għaldaqstant, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tal-istess regolament, huwa l-produttur li għandu jiddetermina jekk sustanza ta’ tħassib serju ħafna hijiex preżenti f’konċentrazzjoni ta’ iktar minn 0.1 % piż b’piż ta’ kull oġġett li huwa jipproduċi.

63      Il-premessi preċedenti jistgħu jiġu trasposti, mutatis mutandis, għall-obbligu ta’ notifika impost fuq l-importaturi skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament REACH.

64      Il-kunċett ta’ “importatur” huwa ddefinit fl-Artikolu 3, punt 11 tal-imsemmi regolament bħala “kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita [fl-Unjoni] li tkun responabbli għall-importazzjoni”, u din l-operazzjoni hija, hija nnifisha, iddefinita fl-Artikolu 3, punt 10 tal-istess regolament bħala “l-introduzzjoni fiżika fit-territorju doganali tal-[Unjoni]”.

65      Fid-dawl ta’ din id-definizzjoni, l-importatur ta’ prodott li fil-kompożizzjoni tiegħu jidħlu prodott jew prodotti li jikkorrispondu mad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “oġġett”, fis-sens tal-Artikolu 3, punt 3 tar-Regolament REACH, għandu wkoll jitqies bħala l-importatur ta’ dan l-oġġett jew oġġetti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament.

66      Għandu jiġi enfasizzat, kif jirriżulta mill-punt 49 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, li l-obbligu ta’ notifika impost fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament REACH fuq il-produtturi u fuq l-importaturi huwa intiż sabiex jiggarantixxi lill-ECHA l-aħjar informazzjoni possibbli rigward l-użi ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna f’oġġetti. L-obbligu ta’ notifika fuq l-importaturi jippermetti wkoll li l-ECHA tiġi informata bil-kwantitajiet li fihom sustanzi ta’ tħassib serju ħafna jitqiegħdu fis-suq. Kif jirriżulta mill-premessa 34 ta’ dan ir-regolament, “dawn [il-kwantitajiet] jagħtu indikazzjoni tal-potenzjal għall-espożizzjoni tal-bniedem u ta’ l-ambjent għas-sustanzi”.

67      Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tagħha, interpretazzjoni bil-kontra għandha mnejn toħloq sitwazzjoni fejn l-ECHA ma tkunx informata bl-użu u bil-kwantitajiet ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna mqiegħda fis-suq intern. Tali sitwazzjoni ma tkunx konformi mal-għan tal-imsemmi regolament li jikkonsisti fil-garanzija fuq livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent.

68      Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni semmiet il-fatt li jista’ jkun diffiċli, għall-importaturi, li jiksbu mill-fornituri tagħhom stabbiliti f’pajjiżi terz l-informazzjoni mitluba. Madankollu, diffikultajiet ta’ din in-natura ma humiex tali li jibdlu l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tal-istess regolament.

69      Għaldaqstant, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament REACH, huwa l-importatur ta’ prodott kompost minn diversi oġġetti, li għandu jiddetermina għal kull oġġett jekk sustanza ta’ tħassib serju ħafna hijiex preżenti f’konċentrazzjoni ta’ iktar minn 0.1 % piż b’piż ta’ dan l-oġġett.

 Dwar l-Artikolu 33 tar-Regolament REACH

70      L-Artikolu 33(1) tar-Regolament REACH jipprevedi li “[k]walunkwe fornitur ta’ oġġett li jkollu fih sustanza [identifikata bħala ta’ tħassib serju ħafna] f’konċentrazzjoni ta’ aktar minn 0,1 % piż b’piż (w/w) għandu jipprovdi lil min jirċievi l-oġġett b’informazzjoni suffiċjenti, li tkun disponibbli għall-fornitur, sabiex l-oġġett ikun jista’ jintuża b’mod sikur inkluż, bħala minimu, l-isem ta’ dik is-sustanza”. L-Artikolu 33(2) ta’ dan ir-regolament jimponi obbligu analogu fuq kull fornitur ta’ oġġett li jissodisfa l-istess kundizzjonijiet, fuq it-talba ta’ konsumatur.

71      Il-kunċett ta’ “fornitur ta’ oġġett” huwa ddefinit fl-Artikolu 3, punt 33, tal-imsemmi regolament bħala “kwalunkwe produttur jew importatur ta’ oġġett, distributur jew attur ieħor fil-katina ta’ forniment li jqiegħdu oġġett fis-suq”.

72      Il-kunċett ta’ tqegħid fis-suq huwa, min-naħa tiegħu, iddefinit fl-Artikolu 3, punt 12 tal-istess regolament fit-termini li ġejjin: “li tipprovdi jew li tagħmel disponibbli lil terzi, kemm bi ħlas jew mingħajr ħlas. L-importazzjoni għandha titqies bħala tqegħid fis-suq”.

73      Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-obbligu previst fl-Artikolu 33 tar-Regolament REACH huwa applikabbli għall-persuni kollha li jagħmlu parti mill-katina ta’ provvista ladarba tali persuni jqiegħdu oġġett fid-dispożizzjoni ta’ terz.

74      Dan l-obbligu huwa distint mill-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament taħt diversi aspetti.

75      Qabel kollox, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tiegħu huwa ħafna iktar vast minn dak tal-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament. Filwaqt li din id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar tirreferi biss għall-produtturi u għall-importaturi, l-Artikolu 33 tal-istess regolament jimponi obbligu ta’ informazzjoni fuq l-operaturi kollha fil-katina ta’ provvista. Filwaqt li l-ECHA hija l-unika li tibbenefika mill-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament REACH, jeżisti numru kbir ta’ persuni li jibbenefikaw mill-obbligu ta’ informazzjoni previst f’dan l-Artikolu 33. B’dan il-mod, fil-kuntest tal-imsemmi Artikolu 33(1), l-informazzjoni għandha tiġi indirizzata lil kull “min jirċievi l-oġġett”, jiġifieri, skont l-Artikolu 3, punt 35 tal-istess regolament, lil kull persuna li hija “utent industrijali jew professjonali jew distributur li jiġi fornut b’oġġett iżda ma jinkludix il-konsumaturi”. L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33(2) tar-Regolament REACH għandha tiġi indirizzata lill-konsumaturi kollha li jagħmlu talba f’dan is-sens.

76      Imbagħad, l-obbligu previst fl-Artikolu 33 tar-Regolament REACH huwa distint minn dak previst fl-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament rigward il-kundizzjonijiet ta’ applikabbiltà tiegħu. Kif ġie enfasizzat fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, l-applikazzjoni tal-obbligu ta’ notifika teżiġi li jiġu ssodisfatti erba’ kundizzjonijiet kumulattivi, fost liema dik rigward il-limitu ta’ konċentrazzjoni ta’ sustanza ta’ tħassib serju ħafna ta’ 0.1 % piż b’piż. Bil-kontra, din il-kundizzjoni hija l-unika li hija mitluba fl-Artikolu 33 tal-imsemmi regolament.

77      Fl-aħħar nett, il-mekkaniżmi ta’ notifika u ta’ informazzjoni huma differenti rigward l-iskop tagħhom. L-obbligu ta’ notifika huwa intiż sabiex l-ECHA tiġi informata bl-użu ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna f’oġġetti sabiex titħejja l-adozzjoni, mill-awtoritajiet kompetenti, ta’ eventwali miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji b’mod konformi mal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni u ta’ restrizzjoni stabbiliti permezz tar-Regolament REACH. L-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 33 ta’ dan ir-regolament, filwaqt li jagħmel parti wkoll mill-għan ġenerali li jiġu evitati l-effetti dannużi fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent, huwa intiż, kif jirriżulta, essenzjalment, mill-premessi 56 u 58 tal-imsemmi regolament, sabiex jippermetti lill-operaturi kollha tal-katina ta’ provvista jieħdu, fuq il-livell tagħhom, il-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji li jirriżultaw mill-preżenza ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna fl-oġġetti sabiex jiġi ggarantit l-użu ta’ dawn tal-aħħar b’mod l-iktar sigur.

78      L-obbligu ta’ informazzjoni huwa intiż, indirettament, sabiex jippermetti lil dawn l-operaturi kif ukoll lill-konsumaturi jiddeterminaw l-għażla ta’ provvista tagħhom b’għarfien sħiħ tal-karatteristiċi tal-prodotti, inklużi tal-oġġetti li jidħlu fil-kompożizzjoni tagħhom. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-premessa 12 tar-Regolament REACH jirriżulta li “[o]bjettiv importanti tas-sistema l-ġdida li għandha tiġi stabbilita b’dan ir-Regolament huwa l-inkoraġġiment u f’ċerti każijiet l-assigurazzjoni tas-sostituzzjoni eventwali ta’ sustanzi li jħassbu serjament b’sustanzi jew teknoloġiji anqas perikolużi fejn ikun hemm disponibbli alternattivi ekonomikament u teknikament vijabbli”, u dan l-għan huwa rifless fl-Artikolu 55 tal-imsemmi regolament, li jipprevedi b’mod espliċitu li s-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna “eventwalment jiġu sostitwiti progressivament minn sustanzi jew teknoloġiji alternattivi adatti fejn dawn ikunu ekonomikament u teknikament vijabbli”.

79      L-għaqda ta’ dawn id-diversi karatteristiċi tindika għaldaqstant favur interpretazzjoni li tiggarantixxi l-effettività tal-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 33 tal-istess regolament tul il-katina ta’ provvista sal-konsumatur finali. L-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq l-operaturi li jintervjenu suċċessivament tul il-katina ta’ provvista huwa għaldaqstant intiż sabiex isegwi l-oġġett li huwa marbut miegħu sal-konsumatur finali.

80      Ikun inkompatibbli ma’ tali obbligu jekk jitqies li l-inklużjoni ta’ oġġett bħala fattur tal-produzzjoni fi prodott kumpless tista’ tinterrompi t-trażmissjoni ta’ dan l-obbligu ta’ informazzjoni fuq kull wieħed mill-operaturi fil-katina ta’ provvista, ladarba l-imsemmi obbligu huwa marbut direttament mal-preżenza, f’dan l-oġġett, ta’ sustanza ta’ tħassib serju ħafna.

81      Rigward il-biża’ msemmija minn ċerti partijiet li ssottmettew osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja rigward il-kompatibbiltà ta’ tali sistema mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi enfasizzat li l-obbligu ta’ informazzjoni jiżviluppa mill-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament REACH, filwaqt li jikkompletah billi jorganizza favur l-operaturi kollha tal-katina ta’ provvista sal-konsumatur finali t-trażmissjoni ta’ informazzjoni essenzjali rigward il-preżenza ta’ sustanza ta’ tħassib serju ħafna. Madankollu, il-portata tiegħu hija limitata permezz tal-Artikolu 33 ta’ dan ir-regolament li jispeċifika li “informazzjoni suffiċjenti, li tkun disponibbli għall-fornitur, sabiex l-oġġett ikun jista’ jintuża b’mod sikur” għandha, mill-inqas, tinkludi l-isem ta’ din is-sustanza. Min-natura minima tiegħu, dan ir-rekwiżit ma jistax għaldaqstant jitqies li jimponi oneru eċċessiv.

82      Għaldaqstant l-Artikolu 33 tar-Regolament REACH għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, huwa l-fornitur ta’ prodott kompost minn oġġett wieħed jew diversi oġġetti li jinkludu sustanza ta’ tħassib serju ħafna identifikata skont l-Artikolu 59(1) ta’ dan ir-regolament f’konċentrazzjoni ta’ iktar minn 0.1 % piż b’piż għal kull oġġett, li għandu jinforma lil min jirċievi l-oġġett u, fuq talba f’dan is-sens, lill-konsumatur, dwar il-preżenza ta’ din is-sustanza billi jikkomunikalhom, mill-inqas, l-isem tas-sustanza inkwistjoni.

83      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tingħata bil-mod li ġej:

–        L-Artikolu 7(2) tar-Regolament REACH għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, huwa l-produttur li għandu jiddetermina jekk sustanza ta’ tħassib serju ħafna identifikata skont l-Artikolu 59(1) ta’ dan ir-regolament hijiex preżenti f’konċentrazzjoni ta’ iktar minn 0.1 % piż b’piż ta’ kull oġġett li huwa jipproduċi u, huwa l-importatur ta’ prodott kompost minn diversi oġġetti, li għandu jiddetermina għal kull oġġett jekk tali sustanza hijiex preżenti f’konċentrazzjoni ta’ iktar minn 0.1 % piż b’piż ta’ dan l-oġġett.

–        L-Artikolu 33 tar-Regolament REACH għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, huwa l-fornitur ta’ prodott kompost minn oġġett wieħed jew diversi oġġetti li jinkludu sustanza ta’ tħassib serju ħafna identifikata skont l-Artikolu 59(1) ta’ dan ir-regolament f’konċentrazzjoni ta’ iktar minn 0.1 % piż b’piż għal kull oġġett, li għandu jinforma lil min jirċievi l-oġġett u, fuq talba f’dan is-sens, lill-konsumatur, dwar il-preżenza ta’ din is-sustanza billi jikkomunikalhom, mill-inqas, l-isem tas-sustanza inkwistjoni.

 Fuq l-ispejjeż

84      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni, kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 366/2011, tal-14 ta’ April 2011, għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, huwa l-produttur li għandu jiddetermina jekk sustanza ta’ tħassib serju ħafna identifikata skont l-Artikolu 59(1) ta’ dan ir-regolament, kif emendat, hijiex preżenti f’konċentrazzjoni ta’ iktar minn 0.1 % piż b’piż ta’ kull oġġett li huwa jipproduċi u, huwa l-importatur ta’ prodott kompost minn diversi oġġetti, li għandu jiddetermina għal kull oġġett jekk tali sustanza hijiex preżenti f’konċentrazzjoni ta’ iktar minn 0.1 % piż b’piż ta’ dan l-oġġett.

L-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1907/2006, kif emendat, għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, huwa l-fornitur ta’ prodott kompost minn oġġett wieħed jew diversi oġġetti li jinkludu sustanza ta’ tħassib serju ħafna identifikata skont l-Artikolu 59(1) ta’ dan ir-regolament f’konċentrazzjoni ta’ iktar minn 0.1 % piż b’piż għal kull oġġett, li għandu jinforma lil min jirċievi l-oġġett u, fuq talba f’dan is-sens, lill-konsumatur, dwar il-preżenza ta’ din is-sustanza billi jikkomunikalhom, mill-inqas, l-isem tas-sustanza inkwistjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.