Language of document : ECLI:EU:T:2023:650

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

18 ta’ Ottubru 2023 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-etilen – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE – Koordinazzjoni fuq element tal-prezz tax-xiri – Proċedura ta’ riżolviment – Multa – Aġġustament tal-ammont bażiku tal-multa – Paragrafu 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi – Reċidiva – Paragrafu 28 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi – Ġurisdizzjoni sħiħa – Kontrotalba għal żieda tal-ammont tal-multa”

Fil-Kawża T‑590/20,

Clariant AG, stabbilita f’Muttenz (l-Isvizzera),

Clariant International AG, stabbilita f’Muttenz,

irrappreżentati minn F. Montag u M. Dreher, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Boitos, I. Rogalski u J. Szczodrowski, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn M. van der Woude, President, G. De Baere (Relatur), G. Steinfatt, K. Kecsmár u S. Kingston, Imħallfin,

Reġistratur: I. Kurme, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑24 ta’ Novembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħhom, ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Clariant AG u Clariant International AG, jitolbu, b’mod prinċipali, l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 4817 final tal‑14 ta’ Lulju 2020 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE (AT.40410 - Etilen) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”) u, sussidjarjament, it-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom “konġuntament u in solidum” fl-imsemmija deċiżjoni. Il-Kummissjoni Ewropea tagħmel kontrotalba għaż-żieda tal-ammont tal-imsemmija multa.

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża

A.      Ilproċedura amministrattiva

2        Fid‑29 ta’ Ġunju 2016, waħda mill-erba’ impriżi li pparteċipaw fil-kuntatti ta’ natura kollużorja marbuta max-xiri ta’ etilen talbet l-immunità mill-multi bis-saħħa tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 2016, C 144, p. 23, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni”).

3        Bejn it‑23 ta’ Mejju u t‑3 ta’ Lulju 2017, it-tliet impriżi l-oħra li pparteċipaw f’dawn il-kuntatti ta’ natura kollużorja wkoll talbu l-immunità mill-multi jew, sussidjarjament, il-possibbiltà li jibbenefikaw minn tnaqqis fl-ammont tal-multa taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

4        Fl‑10 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura prevista fl-Artikolu 11(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), kontra l-erbat impriżi li kienu suġġetti għall-proċedura (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“parteċipanti fl-akkordju”) bil-għan li jibdew diskussjonijiet sabiex jaslu għal riżolviment, konformement mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-mod ta’ proċedimenti ta’ riżolviment ta’ tilwim bil-għan li jiġu adottati Deċiżjonijiet skond l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 fil-każijiet tal-kartelli (ĠU 2008, C 167, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment ta’ tilwim”).

5        Permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Lulju 2018, ir-rikorrenti kkonfermaw lill-Kummissjoni r-rieda tagħhom li jibdew diskussjonijiet bil-għan li jaslu għal riżolviment.

6        Waqt dawn id-diskussjonijiet, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bl-ilmenti li kellha l-intenzjoni tqajjem fir-rigward tagħhom u żvelatilhom il-provi prinċipali tal-fajl li fuqhom kienet ibbażat ruħha biex tistabbilixxi dawn l-ilmenti. Hija kkomunikatilhom ukoll stima tal-firxa tal-multa li kellha l-intenzjoni timponilhom.

7        Fl‑20 ta’ Novembru 2019, ir-rikorrenti ressqu l-proposta tagħhom ta’ riżolviment konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas‑7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-[Artikoli 101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81) li permezz tagħha huma rrikonoxxew ir-responsabbiltà tagħhom “konġunta u in solidum” fil-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur. Huma indikaw ukoll l-ammont massimu tal-multa li kienu jaċċettaw fil-kuntest tal-proċedura ta’ riżolviment, jiġifieri EUR 159 663 000.

8        Fis‑7 ta’ Frar 2020, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fl‑24 ta’ Frar 2020, ir-rikorrenti kkonfermaw li din kienet debitament tirrifletti l-proposta tagħhom ta’ riżolviment u li kienu qegħdin jibqgħu għalkollox impenjati jkomplu bil-proċedura ta’ riżolviment.

B.      Iddeċiżjoni kkontestata

9        Fl‑14 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

1.      Deskrizzjoni talksur

10      Il-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti kienu pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu li kien jikkonsisti fl-iskambju ta’ informazzjoni tariffarja u kummerċjali sensittiva u fl-iffissar ta’ element ta’ prezz marbut max-xiri ta’ etilen, fit-territorju Belġjan, Ġermaniż, Franċiż u tal-Pajjiżi l-Baxxi, għall-perijodu mis‑26 ta’ Diċembru 2011 sad‑29 ta’ Marzu 2017 (Artikolu 1(c) tad-Deċiżjoni kkontestata).

11      L-aġir inkriminat kien jikkonċerna x-xiri ta’ etilen fis-suq ħieles, bl-esklużjoni tal-etilen prodott għal finijiet ta’ suq kaptiv, jiġifieri l-etilen prodott u użat mill-produtturi nnifishom.

12      L-etilen kien jinxtara ġeneralment fuq il-bażi ta’ ftehimiet ta’ provvista fuq terminu twil. Sabiex jirriflettu r-riskju ta’ volatilità tal-prezzijiet ta’ xiri tal-etilen, dawn il-ftehimiet ta’ provvista ta’ spiss jirreferu għall-Prezz tal-Kuntratt Mensili (iktar ’il quddiem il-“PKM”). Biex jiġi stabbilit il-PKM għax-xahar segwenti, kellhom jiġu konklużi żewġ ftehimiet bilaterali distinti, iżda identiċi, komunement imsejħa “tranżazzjonijiet”, bejn żewġ pari differenti ta’ fornituri u ta’ xerrejja. Ladarba tkun ġiet konkluża l-ewwel tranżazzjoni, il-partijiet setgħu jinnotifikaw il-ftehim tagħhom lil organu ta’ notifika privat u indipendenti li kien jippubblika din l-ewwel tranżazzjoni fuq il-kuntratt. Hekk kif par ieħor ta’ fornituri u ta’ xerrejja kien jikkonkludi tranżazzjoni bi prezz identiku, dan il-prezz kien jiġi ppubblikat mill-organi ta’ notifika bħala PKM għax-xahar segwenti.

13      Il-Kummissjoni enfasizzat li l-PKM ma kienx prezz nett, iżda element varjabbli tal-metodi ta’ tarifikazzjoni użati f’ċerti kuntratti ta’ provvista. Għalhekk il-PKM kellu impatt dirett fuq il-prezz ta’ xiri effettiv tal-etilen konkluż fil-kuntest ta’ dawn il-kuntratti ta’ provvista u fil-kuntest ta’ ċerti tranżazzjonijiet fis-suq spot.

14      Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-parteċipanti fl-akkordju kienu kkoordinaw l-aġir tagħhom fis-suq permezz ta’ kuntatti bilaterali li jikkonċernaw il-PKM billi ftehmu, minn naħa, dwar il-prezzijiet immirati li kellhom l-intenzjoni jużaw waqt proċeduri ta’ negozjar tal-PKM mal-bejjiegħa ta’ etilen u, min-naħa l-oħra, dwar il-PKMs definittivi li riedu jiksbu u li kienu bbażati fuq evalwazzjoni komuni tal-fatturi ta’ tarifikazzjoni u tal-analiżijiet pubbliċi. L-imsemmija parteċipanti ftehmu wkoll dwar il-pożizzjonijiet futuri tagħhom fil-proċeduri ta’ negozjar ta’ tranżazzjonijiet max-xerrejja ta’ etilen. Fl-aħħar nett, huma skambjaw informazzjoni dwar it-tendenzi tas-suq.

15      L-għan tal-aġir inkwistjoni kien li jiġu influwenzati n-negozjati dwar il-PKM sabiex jinkiseb l-iktar prezz tax-xiri baxx possibbli fil-kuntest tal-proċeduri ta’ tranżazzjoni max-xerrejja ta’ etilen.

16      Il-Kummissjoni kkonludiet li l-aġir inkwistjoni kellu l-karatteristiċi ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE li għandu bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tax-xiri tal-etilen. Għaldaqstant ma kienx neċessarju li jiġu eżaminati l-effetti ta’ dan l-aġir fuq is-suq u lanqas li jiġi vverifikat jekk il-parteċipanti fl-akkordju kienx finalment irnexxielhom jiksbu l-PKM mixtieq.

17      Fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur, il-Kummissjoni tosserva, minn naħa, li t-tieni rikorrenti, Clariant International, kienet aċċettat mingħajr riżervi r-responsabbiltà tagħha għall-parteċipazzjoni diretta tagħha fil-ksur imwettaq matul il-perijodu mis‑26 ta’ Diċembru 2011 sad‑29 ta’ Marzu 2017 u, min-naħa l-oħra, li l-ewwel rikorrenti, Clariant, kienet aċċettat mingħajr riżervi r-responsabbiltà tagħha “konġunta u in solidum” għall-parteċipazzjoni tas-sussidjarja tagħha 100 % miżmuma minnha fil-ksur imwettaq għall-perijodu mis‑26 ta’ Diċembru 2011 sad‑29 ta’ Marzu 2017. Għalhekk hija kkonstatat ir-responsabbiltà “konġunta u in solidum” tat-tieni rikorrenti għall-parteċipazzjoni diretta tagħha, u tal-ewwel rikorrenti, inkwantu kumpannija omm tat-tieni rikorrenti, fil-ksur għall-perijodu kkonċernat.

2.      Kalkolu talammont talmulta imposta fuq irrikorrenti

18      Ġiet imposta fuq ir-rikorrenti, “konġuntament u in solidum”, multa li tammonta għal EUR 155 769 000 (Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni kkontestata).

19      F’dan ir-rigward, l-ewwel, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, il-valur tax-xiri tal-etilen miksub matul il-perijodu li jkopri l-aħħar sena kompleta ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur – jiġifieri l-2016.

20      Skont il-Kummissjoni, ma kienx xieraq li jintuża l-valur tal-bejgħ tal-prodotti downstream bħala punt inizjali tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, sa fejn il-ksur kien jikkonċerna akkordju fuq xiri u l-partijiet kollha ma kinux preżenti fuq l-istess suq (jew swieq) downstream.

21      Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni biss, minn naħa, il-valur tax-xiri mwettaq bis-saħħa tal-ftehimiet ta’ provvista ta’ etilen bl-użu ta’ metodu ta’ tarifikazzjoni bbażat fuq il-PKM u, min-naħa l-oħra, il-valur tax-xiri mwettaq fis-suq spot tal-etilen u bbażat fuq il-PKM.

22      It-tieni, għad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-gravità tal-ksur u tat-tul tiegħu kif ukoll tal-ħtieġa ta’ dissważjoni.

23      Qabel kollox, peress li l-ksur kien jikkonsisti f’tarifikazzjoni orizzontali, li jaqa’, min-natura tiegħu stess, taħt l-iktar restrizzjonijiet gravi tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ffissat il-koeffiċjent ta’ gravità għal 15 %.

24      Sussegwentement, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti kienu pparteċipaw fil-ksur mis‑26 ta’ Diċembru 2011 sad‑29 ta’ Marzu 2017, jiġifieri tul 1 921 ġurnata, li kien jikkorrispondi għal koeffiċjenti multiplikatur ta’ 5.25 għal dan it-tul ta’ żmien.

25      Finalment, il-Kummissjoni ffissat ammont addizzjonali ta’ 15 % applikat għal finijiet dissważivi fir-rigward tal-gravità tal-ksur.

26      It-tielet, il-Kummissjoni wettqet aġġustamenti tal-ammont bażiku tal-multa.

27      Minn naħa, b’applikazzjoni tal-paragrafu 28 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi imposti b’applikazzjoni tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi”), il-Kummissjoni żiedet b’50 % l-ammont bażiku tal-multa minħabba li r-rikorrenti diġà kienu wettqu ksur simili tal-Artikolu 101 TFUE. Il-Kummissjoni rreferiet, f’dan ir-rigward, għad-Deċiżjoni tagħha C(2004) 4876 final, tad‑19 ta’ Jannar 2005, dwar proċedura skont l-Artikolu [101 TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (COMP/E-1/37.773 – AMKA) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni AMKA”), li permezz tagħha l-ewwel rikorrenti u s-sussidjarja tagħha Clariant GmbH tqiesu li kienu responsabbli għal akkordju fis-suq tal-aċdu monokloroaċetiku (iktar ’il quddiem l-“akkordju AMKA”).

28      Il-Kummissjoni qieset ukoll li ma kinux jeżistu ċirkustanzi attenwanti li jiġġustifikaw tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa.

29      Min-naħa l-oħra, konformement mal-paragrafu 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċitajiet tal-każ u tal-ħtieġa li jintlaħaq ammont suffiċjentement dissważiv tal-multa, il-Kummissjoni żiedet b’10 % l-ammont bażiku tal-multa.

30      Ir-raba’, il-Kummissjoni żgurat ruħha li l-multa ma teċċedix 10% tad-dħul mill-bejgħ totali tar-rikorrenti fl-2019, konformement mal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

31      Il-ħames, il-Kummissjoni pproċediet ulterjorment għal tnaqqis tal-multa għal raġunijiet ta’ klemenza. Ir-rikorrenti għalhekk ingħataw tnaqqis ta’ 30 % bis-saħħa tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

32      Is-sitt, l-ammont tal-multa tnaqqas b’10 % biex ir-rikorrenti jiġu ppremjati għall-kooperazzjoni tagħhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ riżolviment.

II.    Ittalbiet talpartijiet

33      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tipprevedi l-impożizzjoni ta’ multa b’ammont ogħla minn EUR 94 405 800;

–        sussidjarjament, tnaqqas għal ammont proporzjonali l-multa li ġiet imposta fuqhom bis-saħħa tal-Artikolu 2(c) tal-imsemmija deċiżjoni;

–        tiċħad it-talba tal-Kummissjoni li l-multa li ġiet imposta fuqhom tiġi miżjuda għal EUR 181 731 000;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

34      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tiffissa l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fl-Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni kkontestata għal EUR 181 731 000;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Iddritt

A.      Fuq ittalbiet għal annullament u għattnaqqis talammont talmulta

35      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi, fejn l-ewwel tnejn tqajmu insostenn tat-talba għal annullament u t-tielet wieħed insostenn tat-talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa. Permezz tal-ewwel motiv, huma jallegaw li l-Kummissjoni żiedet b’mod żbaljat l-ammont bażiku tal-multa taħt il-paragrafu 28 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi. Permezz tat-tieni motiv, huma jsostnu li l-Kummissjoni żiedet b’mod żbaljat l-ammont bażiku tal-multa taħt il-paragrafu 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi. It-tielet motiv għandu bħala bażi n-natura sproporzjonata tal-ammont tal-multa fir-rigward tal-gravità tal-ksur imwettaq.

1.      Fuq lewwel motiv, li huwa bbażat fuq lallegazzjoni li lKummissjoni żiedet b’mod żbaljat lammont bażiku talmulta taħt ilparagrafu 28 talLinji Gwida għallkalkolu talmulti

36      Preliminarjament, għandu jitfakkar li mill-punti 107 sa 113 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-multa ġiet imposta lir-rikorrenti bis-saħħa tal-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003 konformement mal-Artikolu 10a(3) tar-Regolament Nru 773/2004.

37      L-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, hemm lok li minbarra l-gravità tal-ksur jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tiegħu.

38      F’dan ir-rigward, reċidiva eventwali tinsab fost l-elementi eventwali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta ssir l-analiżi tal-gravità tal-ksur inkwistjoni (sentenzi tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il‑Kummissjoni, C‑413/08 P, EU:C:2010:346, punt 63, u tat‑12 ta’ Diċembru 2014, Eni vs Il‑Kummissjoni, T‑558/08, EU:T:2014:1080, punt 276; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 91).

39      Iċ-ċirkustanza aggravanti tar-reċidiva hija ddefinita mill-ewwel inċiż tal-paragrafu 28 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi bħala l-kontinwazzjoni jew ir-repetizzjoni ta’ ksur identiku jew simili wara li l-Kummissjoni jew awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tkun ikkonstatat li l-impriża inkwistjoni kienet kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101 TFUE jew tal-Artikolu 102 TFUE. F’tali każ, l-ammont bażiku tal-multa jista’ jiġi miżjud sakemm jilħaq 100 % għal kull ksur ikkonstatat.

40      L-ewwel motiv huwa mifrux fi tliet partijiet, l-ewwel, fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ amministrazzjoni tajba sa fejn il-Kummissjoni naqset mid-dmir tagħha ta’ evalwazzjoni, it-tieni, fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li r-rikorrenti kienu reċidivisti u, it-tielet, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

a)      Fuq lewwel parti talewwel motiv, ibbażat fuq innuqqas ta’ eżerċizzju, millKummissjoni, tassetgħa ta’ evalwazzjoni tagħha

41      Ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli ma ħaditx suffiċjentement inkunsiderazzjoni ċirkustanzi partikolari li wasslu għall-konstatazzjoni ta’ ksur fil-kuntest tal-akkordju AMKA. Il-Kummissjoni llimitat ruħha, fil-premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-konstatazzjoni li ċ-ċirkustanzi li kienu ġġustifikaw in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multa fil-kuntest tal-imsemmi akkordju ma kinux rilevanti f’dan il-każ.

42      Ir-rikorrenti jesponu numru ta’ ċirkustanzi li l-Kummissjoni missha eżaminat. Huma jsostnu li d-deċiżjoni dwar l-akkordju AMKA kienet indirizzata lill-ewwel rikorrenti fuq il-bażi tar-responsabbiltà tagħha bħala kumpannija omm. L-imsemmi akkordju ġie stabbilit, b’mod partikolari, minn kumpannija li l-ewwel rikorrenti sussegwentement akkwistat. Meta seħħ l-akkwist, dan l-akkordju kien diġà ilu minn tal-inqas erbatax-il sena li ġie stabbilit. Barra minn hekk, iż-żewġ impjegati tal-kumpannija msemmija iktar ’il fuq akkwistata mill-ewwel rikorrenti, li kienu responsabbli mill-attivitajiet ikkonċernati mill-imsemmi akkordju, komplew jipparteċipaw fih b’mod sigriet u ebda persuna oħra fi ħdan l-ewwel rikorrenti ma kienet involuta. Din tal-aħħar skopriet l-akkordju inkwistjoni permezz ta’ miżuri interni ta’ konformità u ġibdet l-attenzjoni dwaru, raġuni għalfejn il-Kummissjoni tatha immunità totali minn multi. Fir-rigward tal-ksur inkwistjoni f’dan il-każ, kien biss impjegat iżolat li pparteċipa fih, mingħajr l-għarfien tal-impjegati l-oħra kollha jew tad-diretturi tar-rikorrenti. Issa, din il-persuna ma kinitx impjegata mill-ewwel rikorrenti fil-mument tal-prattiki kontenzjużi fis-suq tal-aċdu monokloroaċetiku u aġixxiet minkejja l-miżuri meħuda mill-ewwel rikorrenti fir-rigward tal-konformità.

43      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jargumentaw li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta ffissat ir-rata ta’ żieda tal-multa. Peress li l-paragrafu 28 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi jipprevedi firxa ta’ żieda ta’ bejn 0 u 100 % f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha d-dmir, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li tevalwa fejn tinsab il-gravità tal-ksur repetut f’din il-firxa. Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata madankollu ma tispjegax ir-raġuni għalfejn il-gravità tal-ksur repetut kienet tiġġustifika żieda ta’ 50 %.

44      Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni użat l-istess kriterji biex tiġġustifika simultanjament il-konstatazzjoni ta’ ksur repetut u l-għażla tar-rata ta’ żieda, meta dawn huma aspetti distinti li jirrikjedu evalwazzjoni distinta. Barra minn hekk, il-kriterji applikati mill-Kummissjoni huma komuni għall-każijiet kollha ta’ reċidiva u ma jistgħux jiġu invokati biex tiġi ġġustifikata żieda speċifika f’każ ta’ reċidiva partikolari.

45      Għandu jingħad ukoll li, mill-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni jirriżulta li, minn naħa, l-uniku fattur meħud inkunsiderazzjoni biex tiġi ddeterminata ż-żieda fil-multa minħabba reċidiva huwa n-numru ta’ ksur preċedenti u li, min-naħa l-oħra, ma jittiħidx inkunsiderazzjoni n-nofs inferjuri tal-firxa ta’ żieda. Għalhekk il-Kummissjoni tmur kontra l-obbligu tagħha li timponi sanzjoni xierqa li tirrifletti l-gravità ta’ ksur partikolari.

46      Billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ewwel nofs tal-firxa ta’ żieda tal-multi prevista mill-paragrafu 28 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi u billi applikat l-istess żieda ġenerali ta’ 50 % għall-każijiet kollha tal-ewwel reċidiva, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali.

47      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

48      Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha setgħa ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-għażla tal-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont ta’ multi, bħal, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-kuntest tiegħu u l-portata dissważiva tal-multi, u mingħajr ma jkun neċessarju li tirreferi għal lista vinkolanti jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom obbligatorjament jittieħdu inkunsiderazzjoni. Il-konstatazzjoni u l-evalwazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ reċidiva jagħmlu parti mill-imsemmija setgħa tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, C‑3/06 P, EU:C:2007:88, punti 37 u 38, u tad‑29 ta’ Settembru 2021, Nec vs Il‑Kummissjoni, T-341/18, EU:T:2021:634, punti 103 u 104).

49      It-teħid inkunsiderazzjoni tar-reċidiva huwa intiż li jħeġġeġ lill-impriżi li jkunu wrew it-tendenza li jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni sabiex ibiddlu l-aġir tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’, f’kull każ, tieħu inkunsiderazzjoni l-indizji li jistgħu jwasslu għall-konferma ta’ tali tendenza, inkluż, pereżempju, iż-żmien li jkun għadda bejn il-każijiet ta’ ksur inkwistjoni (sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2011, Arkema France et vs Il‑Kummissjoni, T‑217/06, EU:T:2011:251, punt 294, u tad‑29 ta’ Settembru 2021, Nec vs Il‑Kummissjoni, T‑341/18, EU:T:2021:634, punti 77 u 104).

50      Fir-rigward tan-natura proporzjonata ta’ żieda tal-multa minħabba r-reċidiva, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali tista’ tkun meħtieġa tivverifika jekk il-Kummissjoni osservatx il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta, minħabba r-reċidiva, żiedet il-multa imposta u, b’mod partikolari, jekk tali żieda kinitx meħtieġa b’mod partikolari minħabba ż-żmien li għadda bejn il-ksur inkwistjoni u n-nuqqas ta’ osservanza preċedenti tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenzi tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il‑Kummissjoni, C‑413/08 P, EU:C:2010:346, punt 70, u tad‑29 ta’ Settembru 2021, Nec vs Il‑Kummissjoni, T‑341/18, EU:T:2021:634, punt 117).

51      F’dan il-każ, il-Kummissjoni imponiet fuq ir-rikorrenti żieda ta’ 50 % tal-ammont tal-multa minħabba reċidiva. Hija kkonstatat li, fil-mument meta twettaq il-ksur inkwistjoni, l-ewwel rikorrenti diġà nżammet responsabbli għal aġir antikompetittiv fid-deċiżjoni dwar l-akkordju AMKA.

52      Iktar preċiżament, fil-premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat l-elementi li ħadet inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ reċidiva. Hija kkonstatat li:

–        l-aġir inkriminat f’dan il-każ kien beda, fir-rigward tar-rikorrenti, fis‑26 ta’ Diċembru 2011, jiġifieri wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-akkordju AMKA fid‑19 ta’ Jannar 2005;

–        perijodu limitat iddekorra bejn l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni u l-bidu tal-aġir inkriminat f’dan il-każ;

–        iż-żewġ ksur kellhom jiġu kkunsidrati bħala “simili” fis-sens tal-paragrafu 28 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi inkwantu kienu jikkostitwixxu t-tnejn li huma ksur tal-Artikolu 101 TFUE;

–        l-ewwel rikorrenti kienet il-kumpannija omm ta’ Clariant GmbH, li kienet ipparteċipat direttament fil-ksur, u kienet tifforma ma’ din tal-aħħar impriża waħda matul il-perijodu ta’ ksur; l-aġir tal-imgħoddi tal-impriża kellu jittieħed inkunsiderazzjoni, u mhux biss dak ta’ Clariant GmbH;

–        iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-ksur stabbilit f’din id-deċiżjoni u li kienu ġġustifikaw li r-rikorrenti jiġu eżentati minn multa ma kinux rilevanti għall-eżami tan-nuqqas tar-rikorrenti għar-regoli tal-kompetizzjoni wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni.

53      Minn din il-premessa jirriżulta li l-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha, identifikat l-indizji li jippermettulha tevalwa r-reċidiva tar-rikorrenti.

54      B’mod partikolari, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ewwel rikorrenti darbtejn kienet wettqet ksur tal-Artikolu 101 TFUE sseparati minn żmien relattivament qasir, li huwa biżżejjed biex iservi bħala xhieda ta’ propensità ta’ evitar tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, C‑3/06 P, EU:C:2007:88, punt 40).

55      Fir-rigward tal-għażla tar-rata ta’ żieda, ir-rikorrenti b’mod żbaljat isostnu li l-Kummissjoni ma setgħetx tiġġustifika l-għażla ta’ din ir-rata billi tibbaża ruħha fuq l-istess elementi bħal dawk imsemmija għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ reċidiva. Fil-fatt, biex tagħżel ir-rata ta’ żieda minħabba reċidiva, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-indizji li jippermettu li tali reċidiva tiġi kkaratterizzata u, b’mod partikolari, iż-żmien li jkun għadda bejn il-ksur inkwistjoni u n-nuqqas ta’ konformità preċedenti mar-regoli tal-kompetizzjoni, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 50 iktar ’il fuq.

56      Għalkemm huwa permess li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni indizji oħra għall-finijiet tal-analiżi tar-reċidiva u tal-għażla tar-rata ta’ żieda, tali teħid inkunsiderazzjoni jaqa’ taħt is-setgħa tagħha ta’ evalwazzjoni, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 48 sa 50 iktar ’il fuq. F’dan il-każ, billi kkunsidrat li ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-ksur li huma s-suġġett tad-deċiżjoni dwar l-akkordju AMKA, esposti mir-rikorrenti, ma kinux rilevanti, il-Kummissjoni għaldaqstant eżerċitat is-setgħa tagħha ta’ evalwazzjoni.

57      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw b’mod utli l-fatt li l-Kummissjoni ma ddeterminatx ir-rata ta’ żieda ta’ 50 % skont il-gravità partikolari tal-ksur. Fil-fatt, din tal-aħħar ħadet preċiżament inkunsiderazzjoni l-perijodu limitat li għadda bejn l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-akkordju AMKA u l-bidu tal-aġir inkriminat f’dan il-każ. Issa, l-evalwazzjoni taż-żmien li għadda bejn il-konstatazzjoni ta’ ksur preċedenti u l-ksur il-ġdid tiddependi mis-sitwazzjoni inkwistjoni, fejn għalhekk dan l-indizju jippermetti lill-Kummissjoni tanalizza l-gravità partikolari tar-reċidiva f’kull każ speċifiku.

58      Sa fejn ir-rikorrenti jsostnu li l-premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix raġunament espliċitu li jiġġustifika r-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni kkunsidrat li ċerti ċirkustanzi madwar il-ksur imwettaq fil-kuntest tal-akkordju AMKA ma kinux rilevanti, għandu jiġi kkonstatat, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li dan l-argument huwa intiż għall-invokazzjoni ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant dan ser jiġi analizzat fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel motiv.

59      Ir-rikorrenti jsostnu ulterjorment, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, sa fejn mill-prassi deċiżjonali tagħha dwar ir-reċidiva jirriżulta li hija tieħu inkunsiderazzjoni biss numru ta’ ksur preċedenti u timponi rata ta’ żieda ta’ 50 % fuq il-każijiet kollha tal-ewwel reċidiva, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-ewwel nofs tal-firxa ta’ żieda prevista fil-paragrafu 28 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi. Il-mod ta’ aġir tal-Kummissjoni ma jippermettix evalwazzjoni każ b’każ tal-gravità partkolari ta’ ksur.

60      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument jistrieħ fuq analiżi tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament iddeċidiet li l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix bħala kuntest ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni u li d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw kawżi oħra huma ta’ natura purament indikattiva f’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Zucchetti Rubinetteria vs Il‑Kummissjoni, C‑618/13 P, EU:C:2017:48, punt 38).

61      Fi kwalunkwe każ, l-ewwel, ġie kkonstatat li, minkejja li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ indizji oħra ma huwiex eskluż, iż-żmien li għadda bejn żewġ ksur identiċi jew simili jippermetti lill-Kummissjoni tevalwa r-reċidiva ta’ impriża f’każ partikolari u b’hekk li tiddetermina r-rata ta’ żieda xierqa, konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

62      It-tieni, fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2020, Prysmian u Prysmian Cavi e Sistemi vs Il‑Kummissjoni, C‑601/18 P, EU:C:2020:751, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata). Peress li r-rikorrenti jinvokaw il-ksur tal-imsemmi prinċipju, huwa importanti għalihom li jippreċiżaw u li juru liema hija s-sitwazzjoni paragunabbli għal sitwazzjoni oħra li ġiet ittrattata b’mod differenti jew liema hija s-sitwazzjoni differenti meta mqabbel ma’ oħra li ġiet ittrattata b’mod identiku (sentenza tat‑12 ta’ April 2013, Du Pont de Nemours (Franza) et vs Il‑Kummissjoni, T‑31/07, mhux ippubblikata, EU:T:2013:167, punt 311; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Agrochem‑Maks vs Il‑Kummissjoni, T‑574/18, EU:T:2020:226, punt 105 (mhux ippubblikata)). Issa, ir-rikorrenti jirreferu għal deċiżjonijiet tal-Kummissjoni mingħajr ma jispjegaw jekk iċ-ċirkustanzi ta’ dawn il-każijiet kinux jixbhu dawk ta’ dan il-każ jew jekk kinux differenti.

63      It-tielet, fir-rigward tal-ksur tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, jeħtieġ sempliċement li jiġi rrilevat li dawn l-allegazzjonijiet ma humiex issostanzjati.

64      Fid-dawl tal-punti preċedenti, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni eżerċitat is-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha meta kkonstatat ir-reċidiva u ddeċidiet li żżid l-ammont bażiku tal-multa b’50 %. Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ dan l-eżerċizzju, hija ma marritx kontra l-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali.

65      Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

b)      Fuq ittieni parti talewwel motiv, ibbażat fuq ilkunsiderazzjoni żbaljata tarrikorrenti bħala reċidivisti

66      Ir-rikorrenti jsostnu li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ reċidiva hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi u f’dan ir-rigward, essenzjalment, iressqu erba’ lmenti, li l-Kummissjoni tikkontesta.

1)      Fuq lewwel ilment, dwar lassenza ta’ xebh bejn ilksur imwettaq filkuntest talakkordju AMKA u lksur inkwistjoni f’dan ilkaż

67      Ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi kkonstatat li l-ksur imwettaq fil-kuntest tal-akkordju AMKA u l-ksur inkwistjoni f’dan il-każ kienu jikkostitwixxu ksur identiċi jew simili fis-sens tal-paragrafu 28 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi.

68      Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni missha pproċediet għal paragun iddettaljat taż-żewġ ksur inkwistjoni, li n-natura u l-karatteristiċi tagħhom huma kunsiderevolment differenti. L-akkordju AMKA kien jikkonsisti f’akkordju fuq bejgħ intiż għall-implimentazzjoni ta’ żidiet fil-prezzijiet ta’ bejgħ downstream, permezz ta’ dikjarazzjonijiet miftiehma tal-prezz ta’ bejgħ finali. L-għan prinċipali tal-imsemmi akkordju kien li jinżammu ishma mis-suq tal-parteċipanti tagħhom permezz ta’ sistema ta’ tqassim tal-volumi u tal-klijenti, flimkien ma’ mekkaniżmu ta’ tpaċija biex tiġi ggarantita l-osservanza fil-prattika tal-kwoti ta’ volum miftiehma. L-iskambju ta’ informazzjoni fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ kien aċċessorju fir-rigward tal-għan prinċipali ta’ dan l-akkordju.

69      Min-naħa l-oħra, l-akkordju inkwistjoni f’dan il-każ jirrigwarda x-xiri upstream ta’ materja prima. Kuntrarjament għall-akkordju AMKA, ix-xiri ta’ etilen kien suġġett għal proċedura ta’ negozjar fis-suq ħieles li matulha l-bejjiegħa setgħu jagħżlu minn fost numru kbir ta’ xerrejja. L-aġir inkriminat ma kien inkluda ebda element ta’ tqassim tas-suq jew tal-klijenti u l-parteċipanti fl-akkordju ma kellhom ebda kuntatt fir-rigward tal-attivitajiet tagħhom ta’ bejgħ downstream rispettivi. Barra minn hekk, l-aġir li jikkostitwixxi ksur inkwistjoni f’dan il-każ ġie fis-seħħ minn ċirkustanzi uniċi, differenti minn dawk tal-akkordju AMKA. Pereżempju, dan l-aġir irriżulta minn kooperazzjoni legali fil-qasam tax-xiri li kienet teżisti bejn tlieta mill-imsemmija parteċipanti minħabba rabtiet strutturali u kuntrattwali.

70      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li ż-żewġ ksur inkwistjoni li għalihom l-ewwel rikorrenti u s-sussidjarji tagħha nżammu responsabbli kienu jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 101 TFUE, fejn għalhekk huma kellhom jitqiesu bħala simili fis-sens tal-paragrafu 28 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi.

71      Huwa eskluż li hemm żball f’din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, ksur ikunu simili, jew tal-istess tip, għall-finijiet tal-konstatazzjoni ta’ reċidiva, meta dawn ikunu jikkonsistu fi ksur tal-Artikolu 101 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2007, BASF u UCB vs Il‑Kummissjoni, T‑111/05, EU:T:2007:380, punt 64, u tat‑30 ta’ Settembru 2009, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, T‑161/05, EU:T:2009:366, punt 147).

72      Ċertament, il-ksur imwettaq fil-kuntest tal-akkordju AMKA kien jikkonsisti f’akkordju fuq bejgħ intiż għall-implimentazzjoni ta’ żidiet fil-prezzijiet ta’ bejgħ downstream, filwaqt li l-ksur inkwistjoni f’dan il-każ kien jikkonsisti f’akkordju fuq xiri intiż li jinkiseb livell baxx tal-prezz ta’ xiri ta’ materja prima, jiġifieri l-etilen. Madankollu, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li, fiż-żewġ każijiet, l-ewwel rikorrenti u s-sussidjarji tagħha pparteċipaw f’akkordju pprojbit mill-Artikolu 101 TFUE.

73      Barra minn hekk, kif issostni l-Kummissjoni, iż-żewġ ksur inkwistjoni effettivament għandhom karatteristiċi komuni. Fil-fatt, id-dispożittiv tad-deċiżjoni dwar l-akkordju AMKA jiddikjara li l-ewwel rikorrenti tinżamm bħala responsabbli minn ksur tal-Artikolu 101 TFUE, b’mod partikolari, billi żiedet il-prezzijiet b’mod miftiehem u billi skambjat informazzjoni dwar il-volumi ta’ bejgħ u l-prezzijiet. Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jsemmi li r-rikorrenti kisru l-Artikolu 101 TFUE minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fi ksur li jikkonsisti, b’mod partikolari, fl-iffissar ta’ element ta’ prezz u fl-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva u relatata mal-iffissar ta’ prezzijiet. Minn din l-aħħar deċiżjoni jirriżulta wkoll li l-għan tal-aġir li jikkostitwixxi ksur kien li jiġu influwenzati n-negozjati bil-għan li jsiru tranżazzjonijiet fir-rigward tal-PKM sabiex jinkiseb l-iktar prezz tax-xiri baxx possibbli tal-etilen. Għaldaqstant il-prattiki ta’ ffissar ta’ prezzijiet jew ta’ element ta’ prezz b’mod miftiehem u ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq il-prezzijiet jinsabu fiż-żewġ akkordji li fihom ipparteċipaw l-ewwel rikorrenti u s-sussidjarji tagħha.

74      Barra minn hekk, fir-rigward tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 71 iktar ’il fuq, il-fatt li l-aġir inkriminat f’dan il-każ irriżulta minn ċirkustanzi uniċi u, b’mod partikolari, minn kooperazzjoni illegali bejn ċerti parteċipanti huwa nieqes minn rilevanza għall-evalwazzjoni tar-repetizzjoni ta’ ksur simili.

75      Għalhekk, il-Kummissjoni ma wettqitx żball billi kkonstatat ir-repetizzjoni ta’ ksur simili fis-sens tal-paragrafu 28 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi.

2)      Fuq ittieni lment, dwar iżżmien li jissepara żżewġ ksur

76      Ir-rikorrenti jqisu li l-punt inizjali li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biex jiġi ddeterminat iż-żmien li għadda bejn il-ksur inkwistjoni f’dan il-każ u l-ksur preċedenti huwa l-mument fejn Clariant GmbH attivament u b’inizjattiva tagħha stess temmet il-ksur imwettaq fil-kuntest tal-akkordju AMKA u talbet il-klemenza. Skont din il-loġika, għaddew iktar minn tnax‑il sena bejn iż-żewġ ksur, fejn b’hekk ir-rikorrenti ma wrewx tendenza partikolari li jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni.

77      B’mod partikolari mis-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il‑Kummissjoni (C‑413/08 P, EU:C:2010:346) jirriżulta li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-mument tal-ksur effettiv bħala l-punt inizjali biex tiddetermina ż-żmien li għadda bejn iż-żewġ ksur pjuttost milli l-mument tal-ewwel konstatazzjoni tal-ksur. Għal raġunijiet ta’ ekwità u ta’ proporzjonalità, it-tul tal-proċedura amministrattiva relatata mal-ksur preċedenti ma kellux jittieħed inkunsiderazzjoni.

78      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-aġir tar-rikorrenti li jikkostitwixxi ksur kien beda fis‑26 ta’ Diċembru 2011, jiġifieri wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni AMKA fid‑19 ta’ Jannar 2005, u li għalhekk kien għadda perijodu ta’ żmien limitat bejn dawn iż-żewġ dati.

79      Huwa eskluż li hemm żball f’din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 49 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, pereżempju, iż-żmien li għadda bejn iż-żewġ ksur bħala indizju tar-reċidiva.

80      B’mod partikolari, ġie deċiż li żmien ta’ mill-inqas għaxar snin bejn iż-żewġ każijiet ta’ ksur jixhed il-propensità ta’ impriża li ma tislitx il-konsegwenzi xierqa minn konstatazzjoni fir-rigward tagħha ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, C‑3/06 P, EU:C:2007:88, punt 40), u tad‑29 ta’ Settembru 2021, Nec vs Il‑Kummissjoni, T‑341/18, EU:T:2021:634, punt 105).

81      Peress li l-aġir tar-rikorrenti, fir-rigward tal-akkordju inkwistjoni f’dan il-każ, beda kważi seba’ snin wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni AMKA, il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat li dan iż-żmien, pjuttost qasir, jixhed propensità tar-rikorrenti li ma jisiltux il-konsegwenzi xierqa tal-konstatazzjoni tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni li jinsabu f’din id-deċiżjoni.

82      Ir-rikorrenti jsostnu li l-punt inizjali li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biex jiġi ddeterminat iż-żmien li għadda bejn il-ksur inkwistjoni f’dan il-każ u preċedenti huwa l-mument fejn Clariant GmbH attivament u b’inizjattiva tagħha stess temmet il-ksur imwettaq fil-kuntest tal-akkordju AMKA u talbet il-klemenza l-ksur.

83      Madankollu, għandu jitfakkar li t-teħid inkunsiderazzjoni tar-reċidiva huwa ġġustifikat mill-ħtieġa ta’ dissważjoni supplimentari li jixhed il-fatt li konstatazzjoni ta’ ksur preċedenti ma kienx biżżejjed sabiex tiġi prekluża r-repetizzjoni ta’ ksur. B’hekk, ir-reċidiva hija neċessarjament ikkostitwita wara l-konstatazzjoni u s-sanzjoni tal-ewwel ksur, peress li tispjega ruħha mill-fatt li din is-sanzjoni ma kinitx dissważiva biżżejjed (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il‑Kummissjoni, T‑53/03, EU:T:2008:254, punt 392, u tas‑7 ta’ Ġunju 2011, Arkema France et vs Il‑Kummissjoni, T‑217/06, EU:T:2011:251, punt 299).

84      Barra minn hekk, mill-formulazzjoni tal-paragrafu 28 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi jirriżulta li r-reċidiva hija kkostitwita mill-kontinwazzjoni jew ir-repetizzjoni ta’ ksur identiku jew simili wara li l-Kummissjoni jew awtorità nazzjonali ta’ kompetizzjoni “kkonstatat” li l-impriża kkonċernata kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE. Għalkemm, ċertament, il-linji gwida ma jikkostitwixxux il-bażi legali ta’ deċiżjoni li timponi multi, peress li din tal-aħħar hija bbażata fuq ir-Regolament Nru 1/2003, huma jiddeterminaw, b’mod ġenerali u astratt, il-metodoloġija li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multi imposti minn din id-deċiżjoni u jiżguraw, konsegwentement, iċ-ċertezza legali tal-impriżi (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2011, Romana Tabacchi vs Il‑Kummissjoni, T‑11/06, EU:T:2011:560, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      Għaldaqstant huwa mingħajr ma wettqet żball li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni d-data tad-deċiżjoni AMKA li permezz tagħha hija kkonstatat li l-ewwel rikorrenti u Clariant GmbH kienu wettqu ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, bħala punt inizjali biex tevalwa ż-żmien li għadda mill-konstatazzjoni tal-ewwel ksur.

86      Jeħtieġ ulterjorment li jiġi rrilevat li, sabiex jissostanzjaw l-ilment tagħhom, ir-rikorrenti jibbażaw lilhom innifishom fuq interpretazzjoni żbaljata tal-punt 70 tas-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il‑Kummissjoni (C‑413/08 P, EU:C:2010:346). F’dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qorti tal-Unjoni setgħet tiġi msejħa tivverifika “jekk il-Kummissjoni [kinitx osservat] [il-]prinċipju [ta’ proporzjonalità] meta [kienet] żiedet, minħabba r-reċidiva, il-multa imposta, u, b’mod partikolari, jekk it-tali żieda ġietx imposta b’mod partikolari minħabba ż-żmien li għadda bejn il-ksur inkwistjoni u l-ksur preċedenti tar-regoli tal-kompetizzjoni”. Issa, mill-kliem “ksur preċedenti tar-regoli tal-kompetizzjoni” r-rikorrenti jiddeduċu b’mod żbaljat it-tifsira li l-punt inizjali li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni taż-żmien li għadda bejn iż-żewġ każijiet ta’ ksur huwa l-mument tal-implimentazzjoni tal-aġir preċedenti li jikkostitwixxi ksur. Fil-fatt, fil-punt 86 tas-sentenza msemmija iktar il-fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[l]-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li tipprovdi li, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tikkunsidra r-reċidiva, [kien] biżżejjed li l-impriża tinstab [li hija] ħatja ta’ ksur tal-istess tip, anki jekk id-deċiżjoni [kienet] għadha suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju, [kienet], għalhekk legalment fondata”. Minn dan l-aħħar punt jirriżulta li hija l-konstatazzjoni tar-responsabbiltà ta’ impriża għal ksur preċedenti li hija determinati għall-analiżi tar-reċidiva.

87      Barra minn hekk, il-mument fejn Clariant GmbH temmet il-ksur imwettaq fil-kuntest tal-akkordju AMKA u talbet il-klemenza ma jistax jitqies li huwa ekwivalenti għal konstatazzjoni ta’ ksur preċedenti, sa fejn il-Kummissjoni la kienet għadha ddeċidiet, f’dan l-istadju, dwar in-natura antikompetittiva tal-aġir inkwistjoni, u lanqas dwar ir-responsabbiltà tal-ewwel rikorrenti u ta’ Clariant GmbH. Fil-fatt, talba għal immunità sempliċement tippermetti l-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni finali tagħha (ara l-paragrafi 8 u 11 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2016, DHL Express (Italy) u DHL Global Forwarding (Italy), C‑428/14, EU:C:2016:27, punt 54).

88      Fl-aħħar nett, iċ-ċirkustanza li l-proċedura amministrattiva dwar il-ksur preċedenti damet numru ta’ snin hija nieqsa minn rilevanza fir-rigward tal-konstatazzjoni ta’ reċidiva f’dan il-każ, sa fejn il-punt inizjali li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għal din il-konstatazzjoni huwa dak tad-deċiżjoni dwar l-akkordju AMKA.

89      Għaldaqstant il-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet li kien għadda perijodu ta’ żmien limitat bejn l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-akkordju AMKA u l-bidu tal-aġir inkriminat f’dan il-każ.

3)      Fuq ittielet ilment, dwar lassenza ta’ impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja preċedenti

90      Ir-rikorrenti jsostnu li r-raġuni wara żieda fil-multa minħabba reċidiva hija intrinsikament marbuta mal-falliment tal-effett dissważiv ta’ sanzjoni pekunjarja preċedenti. Għalhekk in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ multa preċedenti għandha tittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-eżami taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ każ u tal-livell ta’ dissważjoni neċessarja. Ir-rikorrenti ma humiex impriżi li kienu suġġetti għal sanzjoni pekunjarja. L-ammont bażiku tal-multa imposta huwa fih innifsu dissważiv biżżejjed, mingħajr ma hija meħtieġa żieda.

91      F’dan ir-rigward, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li, skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ “reċidiva” ma jinvolvix neċessarjament il-konstatazzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja preċedenti iżda biss dik ta’ ksur preċedenti tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, T‑38/02, EU:T:2005:367, punt 363, u tat‑8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il‑Kummissjoni, T‑53/03, EU:T:2008:254, punt 387).

92      Fil-fatt, it-teħid inkunsiderazzjoni tar-reċidiva huwa intiż li jħajjar lill-impriżi li jkunu wrew propensità li jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni jibdlu l-aġir tagħhom, peress li jirriżulta li konstatazzjoni ta’ ksur preċedenti min-naħa tagħha ma kinitx biżżejjed sabiex tipprevjeni r-repetizzjoni ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur. Għaldaqstant, l-element determinanti tar-reċidiva ma huwiex l-impożizzjoni preċedenti ta’ multa, u a fortiori l-ammont tagħha, iżda l-konstatazzjoni preċedenti ta’ ksur (sentenza tat-8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il‑Kummissjoni, T‑53/03, EU:T:2008:254, punt 388).

93      Għalhekk, il-fatt ma ġietx imposta multa fuq ir-rikorrenti fid-deċiżjoni dwar l-akkordju AMKA ma huwiex tali li jqiegħed inkwistjoni l-applikazzjoni tal-paragrafu 28 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi fir-rigward tagħhom.

4)      Fuq irraba’ lment, dwar lassenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi oħra

94      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni u l-qrati tal-Unjoni diġà ħadu ċirkustanzi oħra inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-propensità ta’ impriża li tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni. Fil-fehma tagħhom, li kieku tali ċirkustanzi ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, din tal-aħħar ma kinitx tikkwalifikahom bħala reċidivisti.

95      Madankollu, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, il-konstatazzjoni u l-evalwazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ reċidiva jagħmlu parti minn setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni. Din tal-aħħar setgħet, ġustament, tillimita ruħha għall-konstatazzjoni li r-rikorrenti kienu wettqu ksur darbtejn, li jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 101 TFUE, isseparati minn żmien relattivament qasir, u għall-kunsiderazzjoni li ċ-ċirkustanzi esposti mir-rikorrenti ma kinux rilevanti.

96      Peress li l-ilmenti invokati mir-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda, it-tieni parti tal-ewwel motiv ma jistax jintlaqa’.

c)      Fuq ittielet parti talewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

97      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni applikat żieda standard ta’ 50 % tal-ammont bażiku tal-multa mingħajr ma tat motivazzjoni għall-għażla ta’ din ir-rata u billi injorat l-argumenti ddettaljati li huma kienu ssottomettew matul il-proċedura amministrattiva.

98      Ir-rikorrenti jirreferu għas-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il‑Kummissjoni (T‑95/15, EU:T:2016:722, punt 55), u tal‑24 ta’ Settembru 2019, HSBC Holdings et vs Il‑Kummissjoni (T‑105/17, EU:T:2019:675, punt 351), li fihom il-Qorti Ġenerali ordnat lill-Kummissjoni timmotiva l-ammont preċiż tal-aġġustamenti li kienet wettqet.

99      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

100    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivokabbli r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att inkriminat, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti tal-Unjoni twettaq l-istħarriġ tagħha. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, inkwantu l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tagħha iżda wkoll tal-kuntest tagħha u tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tat‑2 April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 63; tal‑10 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Icap et, C‑39/18 P, EU:C:2019:584, punt 23, u tas‑16 ta’ Ġunju 2022, Sony Optiarc u Sony Optiarc America vs Il‑Kummissjoni, C‑698/19 P, EU:C:2022:480, punt 79).

101    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni esponiet, b’mod iddettaljat, fil-premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li wassluha tiddeċiedi li kien hemm reċidiva fir-rigward tar-rikorrenti (ara l-punt 52 iktar ’il fuq).

102    Fuq kollox, dawn il-kunsiderazzjonijiet ippermettew lir-rikorrenti jsiru jafu r-raġunament tal-Kummissjoni u li jikkontestawh quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll lil din tal-aħħar tivverifika l-fondatezza tagħha.

103    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kellhiex tispjega, b’riżultat tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, għalfejn, fost ir-rati differenti ta’ żieda possibbli, hija kienet għażlet rata ta’ żieda għal reċidiva ta’ 50 % (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2014, Evonik Degussa u AlzChem vs Il‑Kummissjoni, T‑391/09, mhux ippubblikata, EU:T:2014:22, punt 164 u l-ġurisprudenza ċċitata).

104    Ulterjorment, kif osservat ġustament il-Kummissjoni, is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il‑Kummissjoni (T‑95/15, EU:T:2016:722), u tal‑24 ta’ Settembru 2019, HSBC Holdings et vs Il‑Kummissjoni (T‑105/17, EU:T:2019:675), ma humiex rilevanti. Fil-fatt, fl-ewwel minn dawn is-sentenzi, il-Qorti Ġenerali kkonstatat nuqqas ta’ motivazzjoni madwar l-applikazzjoni ta’ rata ta’ tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multi, li kienu differenti skont l-impriżi kkonċernati, billi enfasizzat li l-Kummissjoni ma applikatx il-metodu ġenerali tagħha espost fil-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi u li għaldaqstant l-obbligu ta’ motivazzjoni kien wisq iżjed neċessarju. Fit-tieni minn dawn is-sentenzi, hija kkonstatat nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ fattur ta’ tnaqqis, billi enfasizzat li, mingħajr ma qagħdet lura milli tapplika l-metodu ġenerali, il-Kummissjoni kienet madankollu għażlet valur ta’ sostituzzjoni speċifiku sabiex tiddetermina l-valur tal-bejgħ fis-sens komuni tal-kelma.

105    Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni applikat il-paragrafu 28 tal-Linji Gwida dwar il-Kalkolu tal-Multi, mingħajr ma evitat il-kriterji li kienu previsti fihom u billi applikat rata ta’ żieda li tinsab fil-firxa espliċitament imsemmija fl-imsemmi paragrafu. Għaldaqstant ma tista’ tinsilet ebda analoġija rilevanti mas-sentenzi ċċitati fil-punt 104 iktar ’il fuq.

106    Għaldaqstant, hemm lok li t-tielet parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda u, għalhekk, dan il-motiv kollu kemm hu.

2.      Fuq ittieni motiv, li huwa bbażat fuq lallegazzjoni li lKummissjoni żiedet b’mod żbaljat lammont bażiku talmulta taħt ilparagrafu 37 talLinji Gwida għallkalkolu talmulti

107    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, skont il-paragrafi 9 sa 12 u 19 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi, “[b]la ħsara għall-[paragrafu] 37 [tal-imsemmija linji gwida], il-Kummissjoni ser tuża l-metod[u] li ġej, li jinvolvi żewġ stadji, għall-iffissar tal-multa li għandha tiġi imposta lill-impriżi” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fl-“ewwel lok, il-Kummissjoni għandha tiddetermina ammont bażiku għal kull impriża” u, fit-“tieni lok, hija tista’ taġġusta dan l-ammont bażiku ’l fuq jew l-isfel”, fejn għandu jiġi speċifikat li l-ammont bażiku tal-multa għandu jkun “marbut ma’ proporzjon tal-valur tal-bejgħ, iddeterminat skont il-grad ta’ gravità tal-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

108    Il-paragrafu 13 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi jipprevedi li, “[s]abiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni ser tuża l-valur tal-bejgħ ta’ oġġetti jew servizzi, iġġenerat mill-impriża, b’konnessjoni diretta jew indiretta […] mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat fit-territorju taż-[Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

109    Il-paragrafu 13 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi għandu bħala għan li jieħu, bħala prinċipju, bħala punt inizjali għall-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq impriża, ammont li jirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur u l-piż relattiv ta’ din l-impriża fih (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ottubru 2015, AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni, C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 64, u tas‑26 ta’ Jannar 2017, Zucchetti Rubinetteria vs Il‑Kummissjoni, C‑618/13 P, EU:C:2017:48, punt 57).

110    Skont, il-paragrafu 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi, “[g]ħalkemm [l-imsemmija linji] gwida jesponu l-metodoloġija ġenerali għall-iffissar tal-multi, in-natura partikolari ta’ każ speċifiku jew il-ħtieġa li jintlaħaq livell dissważiv f’każ partikolari jistgħu jiġġustifikaw li l-Kummissjoni ma timxix ma’ din il-metodoloġija” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

111    It-tieni motiv huwa mifrux fi tliet partijiet ibbażati, l-ewwel, fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ amministrazzjoni tajba minħabba li l-Kummissjoni ma eżerċitatx id-dmir tagħha ta’ evalwazzjoni meta applikat il-paragrafu 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi, it-tieni, fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali bl-applikazzjoni żbaljata ta’ żieda bis-saħħa tal-imsemmi paragrafu u, it-tielet, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

a)      Fuq lewwel parti tattieni motiv, li huwa bbażat fuq innuqqas ta’ eżerċizzju, millKummissjoni, tassetgħa ta’ evalwazzjoni tagħha

112    Ir-rikorrenti jikkritikaw, essenzjalment, lill-Kummissjoni talli applikat il-paragrafu 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi b’mod mekkaniku, mingħajr ma eżerċitat is-setgħa diskrezzjonali tagħha.

113    Ir-rikorrenti jsostnu li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq ipoteżi ġenerali u mhux ipprovata li skontha ftit huwa probabbli li l-valur tax-xiri jirrifletti l-impatt ekonomiku tal-akkordji ta’ xiri. Huma jiddikjaraw li, matul il-proċedura amministrattiva, huma wara kollox ipproduċew numru ta’ provi li juru li, minħabba ċirkustanzi speċifiċi tal-każ u tas-suq ikkonċernat, qatt ma kien hemm perspettiva plawżibbli li l-aġir inkriminat ikollu l-iċken effett sinjifikattiv fuq dan is-suq. Madankollu, ma jidhirx li l-Kummissjoni ħadet dawn il-provi inkunsiderazzjoni.

114    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli ħadet ħsieb tirreferi għall-prassi preċedenti tagħha filwaqt li l-paragrafu 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi ġie applikat biss f’każ wieħed dwar ksur f’suq tax-xiri – li l-fatti tiegħu kienu kunsiderevolment differenti minn dawk tal-kawża preżenti. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma aġixxietx b’reqqa u b’imparzjalità konformement mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u ma eżerċitatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha.

115    Ir-rikorrenti jsostnu li n-nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni jinkludi wkoll l-għażla tar-rata ta’ żieda tal-multa, inkwantu hija ma spjegatx din l-għażla u sempliċement semmiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li żieda ta’ 10 % kienet konformi mal-prassi preċedenti tagħha, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni n-natura partikolari tal-każ ikkonċernat.

116    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

117    Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni tgawdi minn setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-multi fil-każ ta’ ksur tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni. Dan il-metodu fih diversi elementi ta’ flessibbiltà li jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita s‑setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha b’mod konformi mad‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 23(2) u (3) tar‑Regolament Nru 1/2003 (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Daimler (Akkordji – Trakkijiet għall-ġbir tal-iskart domestiku), C‑588/20, EU:C:2022:607, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

118    Għalkemm l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jħalli marġni ta’ evalwazzjoni f’idejn il-Kummissjoni, madankollu dan jillimita l-eżerċizzju ta’ din il-marġni billi jistabbilixxi kriterji oġġettivi li magħhom għandha tikkonforma ruħha l-Kummissjoni. B’hekk, b’mod partikolari, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ta’ evalwazzjoni huwa limitat mir-regoli ta’ aġir li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Daimler (Akkordji – Trakkijiet għall-ġbir tal-iskart domestiku), C‑588/20, EU:C:2022:607, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

119    F’dan il-kuntest, mill-punti 107 sa 110 iktar ’il fuq jirriżulta li, fil-kuntest tal-metodu ġenerali ffissat mil-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi, il-Kummissjoni tuża l-valur tal-bejgħ bħala punt inizjali għall-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq impriża, sabiex tistabbilixxi, bħala prinċipju, ammont li jirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur u l-piż korrispettiv ta’ din l-impriża fih. Dan premess, il-paragrafu 37 tal-imsemmija linji gwida jippermettilu ma japplikax il-metodu ġenerali meta n-natura partikolari ta’ każ speċifiku jew il-ħtieġa li jintlaħaq livell dissważiv f’każ partikolari jiġġustifikaw dan.

120    F’dan il-każ, fil-premessi 116 sa 118 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li, peress li l-ksur relatat mal-etilen kien jikkostitwixxi akkordju fuq xiri u li l-parteċipanti ma kinux kollha preżenti fuq l-istess suq (jew swieq) downstream, kien meħtieġ, fil-fehma tagħha, li tikkalkola l-ammont bażiku tal-multa mill-valur tax-xiri pjuttost milli mill-valur tal-bejgħ tal-prodotti mibjugħa fis-swieq downstream.

121    Fil-premessi 141 sa 148 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni qieset li żieda tal-ammont bażiku tal-multa kien iġġustifikat taħt il-paragrafu 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi. Hija indikat li ġej:

–        skont il-paragrafu 5 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi, sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ effett dissważiv speċifiku u ta’ effett dissważiv ġenerali, kien xieraq li wieħed jirreferi, għad-determinazzjoni tal-multi, għall-valur tal-bejgħ ta’ oġġetti jew ta’ servizzi marbuta mal-ksur (premessa 141 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        il-mekkaniżmu previst mill-metodu ġenerali għall-iffissar tal-ammont tal-multi kien tali li iktar ma akkordju fuq bejgħ kien implimentat b’suċċess, iktar il-valur tal-bejgħ kien għoli u, għaldaqstant, l-ammont tal-multa. Skont il-paragrafu 6 tal-imsemmija linji gwida, il-valur tal-bejgħ li huwa s-suġġett tal-ksur ikkombinat mat-tul tiegħu tqies bħala valur ta’ sostituzzjoni adegwat sabiex jiġu riflessi l-importanza ekonomika tal-ksur kif ukoll il-piż relattiv ta’ kull impriża li tipparteċipa fil-ksur (premessa 142 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        issa, il-ksur inkwistjoni f’dan il-każ ma kienx jikkonċerna akkordju fuq il-prezzijiet tal-bejgħ iżda fuq il-prezzijiet tax-xiri. L-għan interenti ta’ tali akkordju ma kienx li tinkiseb żieda fil-prezz (tax-xiri), iżda, għall-kuntrarju, li jinkiseb tnaqqis tiegħu jew li tiġi prekluża ż-żieda tiegħu; l-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur tax-xiri kien iwassal għal sitwazzjoni li fiha l-ammont tal-multa kien inversament proporzjonali għall-għan tal-kartell: iktar ma tali akkordju kien jiġi implimentat b’suċċess, inqas l-ammont tal-valur tax-xiri kien għoli u, għaldaqstant, l-ammont tal-multa (premessa 143 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant kien inerenti għall-fatt li l-akkordju inkwistjoni huwa akkordju fuq xiri li l-valur tax-xiri ma kienx fih innifsu tali li seta’ jikkostitwixxi valur ta’ sostituzzjoni adegwat biex tiġi riflessa l-importanza ekonomika tal-ksur. Dan kien ukoll dovut għall-fatt li, normalment, għal impriża fin-negozju, ix-xiri jkun inqas għoli mill-bejgħ f’termini ta’ valur, li jagħti lok għal punt inizjali sistematikament inferjuri għad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-ammont bażiku tal-multa (premessa 144 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        għalhekk, l-applikazzjoni tal-metodu ġenerali previst minn dawn il-linji gwida mingħajr ma jsir l-inqas aġġustament ma kinitx tippermetti li jiġi żgurat effett dissważiv suffiċjenti – li ma kienx biss neċessarju sabiex jiġu ssanzjonati l-impriżi kkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata (dissważjoni speċifika) iżda wkoll sabiex jiġi prekluż li impriżi oħra ma jipprattikawx l-istess tip ta’ aġir (dissważjoni ġenerali) premessa 145 tad-Deċiżjoni kkontestata);

–        sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni din il-karatteristika u sabiex jiġi żgurat effett dissważiv suffiċjenti, kien xieraq li tiġi applikata, konformement mal-prassi preċedenti, żieda fil-multa ta’ 10 % għall-impriżi kollha kkonċernati (premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        konformement mal-ġurisprudenza, iż-żieda tal-multa skont il-paragrafu 37 tal-istess linji gwida ma kinitx suġġetta għat-turija preċedenti ta’ effetti reali eventwali tal-aġir inkriminat fis-suq (premessa 147 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        ittieħdet inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni speċifika ta’ kull parti kemm waqt id-determinazzjoni tal-ammont bażiku, peress li l-valur tax-xiri kien differenti għal kull parti, kif ukoll waqt il-kalkolu tat-tul tal-parteċipazzjoni tagħhom (premessa 148 tad-deċiżjoni kkontestata).

122    Il-Kummissjoni għalhekk eżerċitat debitament is-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha. Fil-fatt, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 120 u 121 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li kien neċessarju, fid-dawl ta’ din is-setgħa, li tapplika l-paragrafu 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi fil-każ inkwistjoni u li żżid l-ammont bażiku tal-multa b’10 %.

123    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni n-natura partikolari tal-każ, jiġifieri l-fatt li l-akkordju inkwistjoni kien akkordju fuq xiri u li l-valur tax-xiri, meħud inkunsiderazzjoni minflok il-valur tal-bejgħ, ma kienx fih innifsu tali li jikkostitwixxi valur ta’ sostituzzjoni adegwat biex tiġi riflessa l-importanza ekonomika tal-ksur. Hija ħadet inkunsiderazzjoni wkoll il-ħtieġa li jintlaħaq ammont dissważiv tal-multa billi kkonstatat li, kieku l-metodu ġenerali kellu jiġi applikat mingħajr l-iċken aġġustament, allura l-effett dissważiv ma jiġix żgurat.

124    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma għamlitx użu mis-setgħa diskrezzjonali tagħha, sa fejn hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ effetti tal-aġir inkriminat fis-suq.

125    Madankollu, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ġustament fakkret li ż-żieda fil-multa skont il-paragrafu 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi ma kinitx suġġetta għat-turija preċedenti ta’ effetti reali eventwali tal-aġir inkriminat fis-suq (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Campine u Campine Recycling vs Il‑Kummissjoni, T‑240/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:778, punt 345).

126    Fil-fatt, il-paragrafu 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi għandu bħala għan li jippermetti lill-Kummissjoni ma tapplikax il-metodu ġenerali li xi drabi jista’ jirriżulta li ma huwiex adattat għaċ-ċirkustanzi partikolari ta’ każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ottubru 2015, AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni, C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 65 sa 67, u tal‑10 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Icap et, C‑39/18 P, EU:C:2019:584, punt 27). Għall-applikazzjoni tiegħu, l-imsemmi paragrafu jipprevedi li n-natura partikolari ta’ każ speċifiku jew il-ħtieġa li jintlaħaq effett dissważiv suffiċjenti jiġġustifikaw li ma jiġix applikat il-metodu ġenerali. Issa, dawn il-kriterji ma jistriħux neċessarjament fuq analiżi tal-effetti tal-ksur fis-suq.

127    Għaldaqstant ir-rikorrenti ma jistgħux validament jikkritikaw lill-Kummissjoni talli ma għamlitx użu mis-setgħa diskrezzjonali tagħha billi ma wettqitx l-analiżi tal-effetti tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-parteċipanti fl-akkordju dwar il-prezz tal-etilen.

128    Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni segwiet l-istess approċċ bħal dak implimentat fid-Deċiżjoni C(2017) 900 final tal-Kummissjoni tat‑8 ta’ Frar 2017, li jirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE (Każ AT.40018 – Riċiklaġġ ta’ Batteriji ta’ Vetturi) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni dwar ir-riċiklaġġ ta’ batteriji ta’ vetturi”), eżaminata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi tat‑23 ta’ Mejju 2019, Recyclex et vs Il‑Kummissjoni (T‑222/17, EU:T:2019:356), u tas‑7 ta’ Novembru 2019, Campine u Campine Recycling vs Il‑Kummissjoni (T‑240/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:778), ma jikkostitwixxix nuqqas ta’ eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u lanqas ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma ħaditx ħsieb tirreferi għal din id-deċiżjoni jew għal dawn is-sentenzi iżda esponiet li dawn kienu l-karatteristiċi tal-każ speċifiku u li fiha dawn il-karatteristiċi ma kinux jippermettu li jintlaħaq effett dissważiv suffiċjenti.

129    L-istess jgħodd fir-rigward tal-għażla tar-rata ta’ żieda applikata. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma ssodisfatx ruħha bil-konstatazzjoni li ż-żieda ta’ 10 % kienet konformi mal-prassi preċedenti tagħha, iżda esponiet il-karatteristiċi tal-każ speċifiku u l-ħtieġa li tilħaq effett dissważiv suffiċjenti li wassalha taġġusta l-ammont bażiku tal-multa billi żżidha b’10 % b’applikazzjoni tal-paragrafu 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi. B’hekk hija għamlet użu mis-setgħa diskrezzjonali tagħha.

130    Sa fejn ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-Kummissjoni ma spjegatx suffiċjentement l-għażla tar-rata ta’ żieda, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa intiż li jinvoka nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u għandha tiġi miċħuda għar-raġunijiet esposti fil-kuntest tat-tielet parti tat-tieni motiv.

131    Fuq il-bażi tal-punti preċedenti, jeħtieġ li tiġi miċħuda l-ewwel parti tat-tieni motiv.

b)      Fuq ittieni parti tattieni motiv, li huwa bbażat fuq lapplikazzjoni żbaljata tażżieda bissaħħa talparagrafu 37 talLinji Gwida għallkalkolu talmulti

132    Għandu jitfakkar li, fl-oqsma fejn il-Kummissjoni żammet marġni ta’ evalwazzjoni, l-istħarriġ tal-legalità mwettaq fuq dawn l-evalwazzjonijiet jillimita ruħu għal dak tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni (sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2005, Scandinavian Airlines System vs Il‑Kummissjoni, T‑241/01, EU:T:2005:296, punti 64 u 79, u tad‑19 ta’ Mejju 2010, IMI et vs Il‑Kummissjoni, T‑18/05, EU:T:2010:202, punt 120).

133    Ir-rikorrenti jsostnu li l-evalwazzjoni dwar l-aġġustament tal-ammont bażiku tal-multa taħt il-paragrafu 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi, esposta fil-premessi 141 sa 148 tad-deċiżjoni kkontestata, hija vvizzjata bi żbalji u f’dan ir-rigward iressqu ħames ilmenti – li l-Kummissjoni tikkontesta.

1)      Fuq lewwel ilment, li huwa bbażat fuq ilfatt li lvalur taxxiri ma jirriflettix sottostima talimportanza ekonomika talksur f’din ilkawża

134    Ir-rikorrenti jsostnu li qatt ma kien hemm perspettiva plawżibbli li l-aġir li jikkostitwixxi ksur inkwistjoni jista’ jkollu l-iċken effett sinjifikattiv fuq il-valur ta’ xiri tal-etilen – liema fatt huwa muri minn analiżi ekonomika pprovduta mill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva.

135    B’mod partikolari, mill-analiżi ekonomika inkwistjoni jirriżulta, qabel kollox, li, fid-dawl tan-numru ogħla ta’ xerrejja milli ta’ fornituri fis-suq tal-etilen, grupp żgħir ta’ xerrejja ma jkunx f’qagħda li jikkontrolla r-riżultat tat-tranżazzjonijiet fuq il-PKM. Sussegwentement, il-prezz tal-etilen ma segwiex sempliċement dak tan-nafta, li jikkostitwixxi l-fattur prinċipali tal-ispiża tal-etilen, iżda żdied b’mod kostanti matul is-snin, inkluż matul il-perijodu tal-ksur. Fl-aħħar nett, it-tranżazzjonijiet fuq il-PKM isegwu ġeneralment il-previżjonijiet ippubblikati minn wieħed mill-organi ta’ notifika privati u indipendenti. Il-fatt li t-tranżazzjonijiet finali fuq il-PKM kważi dejjem ikunu jinsabu fil-firxa prevista minn dan l-organu juri li dawn it-tranżazzjonijiet ġew konklużi f’ammonti oġġettivament xierqa u konformi mad-data tas-suq.

136    Fid-dawl ta’ dawn il-punti, ir-rikorrenti jqiegħdu inkwistjoni l-bażi tar-raġunament tal-Kummissjoni, sa fejn hija kkonstatat li l-valur tax-xiri kien jissottostima l-importanza ekonomika tal-ksur inkwistjoni f’dan il-każ.

137    Madankollu, dan l-ilment huwa mislut minn interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata.

138    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 120 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ksur inkwistjoni f’dan il-każ kien jikkostitwixxi akkordju fuq xiri u li kien meħtieġ li jiġi kkalkolat l-ammont bażiku tal-multa mill-valur tax-xiri – liema fatt ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti.

139    Kif jirriżulta, essenzjalment, mill-punt 121 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni sussegwentement ikkonstatat li ma tantx kien probabbli li l-valur tax-xiri jikkostitwixxi, fih innifsu, valur ta’ sostituzzjoni xieraq li jirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur. F’dan ir-rigward, hija spjegat, minn naħa, li l-għan ta’ akkordju fuq xiri kien li jinkiseb tnaqqis fil-prezz tax-xiri jew li tiġi prekluża ż-żieda ta’ dan tal-aħħar, u għalhekk it-teħid inkunsiderazzjoni tal-valur tax-xiri kien wassal għal sitwazzjoni fejn l-ammont tal-multa jkun inversament proporzjonali mal-għan tal-kartell. Min-naħa l-oħra, hija kkonstatat li, għal impriża fin-negozju, ix-xiri bħala prinċipju jkun inqas għoli mill-bejgħ f’termini ta’ valur, li jagħti lok għal punt inizjali sistematikament inferjuri għad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa.

140    Għalhekk, ir-raġunament tal-Kummissjoni ma jibbażax ruħu fuq il-fatt li l-akkordju inkwistjoni kellu suċċess u ppermetta li jitnaqqas il-prezz tax-xiri tal-etilen, fejn għalhekk it-teħid inkunsiderazzjoni tal-valur tax-xiri ma kienx jikkostitwixxi parametru xieraq għall-kalkolu tal-ammont tal-multa. Huwa jibbaża ruħu fuq il-fatt li, indipendentement mill-effetti tal-ksur fis-suq, huwa inerenti għall-akkordji fuq xiri li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-valur tax-xiri ma jistax jikkostitwixxi, fih innifsu, valur li jippermetti li tiġi riflessa l-importanza ekonomika tal-ksur. Il-konklużjoni li l-valur tax-xiri kien jissottostima tal-importanza ekonomika tal-ksur inkwistjoni f’dan il-każ għaldaqstant ma tistrieħx fuq l-effetti tal-aġir li jikkostitwixxi ksur fis-suq, iżda fuq in-natura imperfetta tal-valur tax-xiri, meħud inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa.

141    Din l-evalwazzjoni hija konformi mal-ġurisprudenza li skontha l-Kummissjoni ma hijiex obbligata, għall-applikazzjoni tal-paragrafu 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi, tieħu inkunsiderazzjoni effetti reali eventwali tal-aġir inkriminat fuq is-suq (ara l-punt 125 iktar ’il fuq). L-analiżi ekonomika pprovduta mir-rikorrenti, intiża li tikkonstata li l-akkordju inkwistjoni ma kienx effikaċi u li l-parteċipanti fl-akkordju ma waslux jinfluwenzaw it-tranżazzjonijiet fuq il-PKM, ma tistax għaldaqstant tqiegħed inkwistjoni l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-valur tax-xiri jagħti lok għal sottostima tal-importanza ekonomika tal-ksur. L-argumenti tar-rikorrenti għandhom għalhekk jitqiesu li huma ineffettivi.

2)      Fuq ittieni lment, li huwa bbażat fuq largument li żżieda talammont talmulta ma kinitx neċessarja biex jiġi żgurat effett dissważiv

142    Ir-rikorrenti jsostnu li, peress li l-prattiki inkwistjoni ma setgħux jiġġeneraw benefiċċji, il-multa li ġiet imposta fuqhom, mingħajr iż-żieda ta’ 10 % applikata bis-saħħa tal-paragrafu 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi, diġà tilħaq ammont ogħla minn dak ta’ gwadann ipotetiku li setgħu raġonevolment jiksbu mill-ksur. Barra minn hekk, peress li l-Kummissjoni diġà żiedet il-multa bi 15 % taħt il-paragrafu 25 ta’ dawn il-linji gwida, hija ma tistax timponi b’mod mekkaniku żieda addizzjonali ta’ 10 % bis-saħħa tal-paragrafu 37 tal-imsemmija linji gwida.

143    Kif jirriżulta mill-punt 121 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkonstatat li, kieku kellu jiġi applikat il-metodu ġenerali previst mil-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi, ibbażat fuq il-valur tal-bejgħ, mingħajr ma jsir l-iċken aġġustament, dan ma jkunx jippermetti li jiġi żgurat effett dissważiv suffiċjenti tal-multa. Madankollu, dan l-effett dissważiv kien neċessarju sabiex jiġu ssanzjonati l-impriżi kkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata (dissważjoni speċifika) u wkoll biex jiġi evitat li impriżi oħra jinvolvu ruħhom fl-istess tip ta’ aġir (dissważjoni ġenerali), konformement mal-paragrafu 4 tal-imsemmija linji gwida. Din il-konklużjoni kienet tirriżulta, essenzjalment, min-natura imperfetta tal-valur tax-xiri biex tiġi riflessa l-importanza ekonomika tal-ksur.

144    Kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxu r-rikorrenti, ir-raġunament tal-Kummissjoni għaldaqstant ma tistrieħx fuq l-ipoteżi li l-akkordju inkwistjoni kien vantaġġuż u ġġenera benefiċċji għar-rikorrenti, iżda fuq il-konstatazzjoni li l-valur tax-xiri, fih innifsu, ma kienx jippermetti li jiġi żgurat effett dissważiv suffiċjenti.

145    Għaldaqstant il-benefiċċji eventwali li r-rikorrenti setgħu jisiltu mill-akkordju ma humiex rilevanti. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li jkun xieraq li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni n-natura ineffiċjenti tal-akkordju u għaldaqstant l-assenza ta’ profitti miġbura mill-parteċipanti fih fi stadju ieħor tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, b’mod partikolari waqt l-iffissar tal-koeffiċjenti ta’ gravità. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, fost il-provi ta’ natura li jidħlu fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, l-aġir ta’ kull waħda mill-impriżi, ir-rwol li kull waħda minnhom kellha fl-istabbiliment tal-akkordju, il-profitt li setgħu jisiltu minnu, id-daqs tagħhom u l-valur tal-merkanzija kkonċernata kif ukoll ir-riskju li l-ksur ta’ dan it-tip jirrappreżenta għall-għanijiet tal-Unjoni (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Roca Sanitario vs Il‑Kummissjoni, C‑636/13 P, EU:C:2017:56, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

146    Fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni diġà applikat perċentwali għal finijiet ta’ dissważjoni taħt il-paragrafu 25 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi, fejn għalhekk ma jistax jiġi ġġustifikat li din tapplika żieda supplimentari bis-saħħa tal-paragrafu 37 ta’ dawn il-linji gwida, għandu jitfakkar li dawn iż-żewġ punti għandhom għanijiet differenti u jistgħu jiġu applikati b’mod simultanju.

147    Fil-fatt, il-paragrafu 25 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi jipprevedi l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tapplika ammont addizzjonali bil-għan li tiddisswadi lill-impriżi milli jipparteċipaw fi ftehimiet orizzontali ta’ ffissar tal-prezz, ta’ tqassim tas-suq u ta’ limitazzjon ta’ produzzjoni, jew ukoll ksur ieħor, u dan indipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur. Dan il-mekkaniżmu huwa intiż li jiddisswadi lill-impriżi milli jiksru d-dritt tal-kompetizzjoni, anki jekk għal perijodu qasir. Fir-rigward tal-paragrafu 37 tal-imsemmija linji gwida, dan għandu bħala għan li jagħti lill-Kummissjoni ċerta flessibbiltà biex tiggarantixxi li l-ammont globali tal-multa hija suffiċjentement għolja biex tkun dissważiva fid-dawl tan-natura partikolari tal-każ (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Campine u Campine Recycling vs Il‑Kummissjoni, T‑240/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:778, punt 346).

3)      Fuq ittielet motiv, li huwa bbażat fuq ilfatt li żieda applikata għallakkordji kollha fuq xiri tagħti lok għal dissważjoni eċċessiva sistematika

148    Ir-rikorrenti jsostnu li, fil-kuntest ta’ akkordji fuq bejgħ, il-metodu applikat mill-Kummissjoni jwassal għal sitwazzjoni li fiha l-multa imposta għall-akkordji ineffikaċi huwa awtomatikament inferjuri għal din imposta għall-akkordji effikaċi. Fil-fehma tagħhom, dan il-mekkaniżmu jiggarantixxi li l-akkordji ineffikaċi ma jiġux issanzjonati b’multi sproporzjonati. Huma jsostnu li l-istess mekkaniżmu għandu jiġi applikat għall-akkordji fuq xiri ineffikaċi. Issa, l-approċċ tal-Kummissjoni li jikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ żieda ta’ 10 % għall-akkordji fuq xiri jwassal għal sitwazzjoni li fiha l-akkordji fuq xiri li jkunu ineffikaċi jiġu sistematikament ittrattati inqas sew mill-akkordji fuq bejgħ li jkunu ineffikaċi.

149    Għandu jiġi kkonstatat li l-paragun mal-akkordji fuq bejgħ ineffikaċi ma huwiex rilevanti. Ċertament, fir-rigward ta’ akkordji fuq bejgħ, dawn tal-aħħar iwasslu, bħala prinċipju, għad-determinazzjoni ta’ ammont bażiku tal-multa li hija marbuta mal-kisba tal-għan tal-ksur.

150    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, b’differenza għal dak li huwa l-każ għal akkordju fuq bejgħ, il-kisba tal-għan ta’ akkordju fuq xiri jagħti lok għal valur tax-xiri inqas minn dak li jirriżulta fl-assenza tal-ksur, b’tali mod li l-multa ma jkollhiex effett dissważiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Campine u Campine Recycling vs Il‑Kummissjoni, T‑240/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:778, punt 345). Fil-fatt, kif osservat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, iktar ma tali akkordju jiġi implimentat b’suċċess, inqas l-ammont tal-valur tax-xiri u, għalhekk, l-ammont tal-multa, ikunu għoljin. B’hekk, il-valur tax-xiri ma huwiex punt inizjali li jista’ jirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 109 iktar ’il fuq.

151    Min-naħa l-oħra, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-valur tax-xiri, anki meta l-akkordju ma kienx effikaċi, ma jirriflettix ġeneralment l-importanza ekonomika tal-ksur. F’dan ir-rigward, kif osservat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, għal impriża fin-negozju, ix-xiri huwa, bħala prinċipju, inqas għoli mill-bejgħ f’termini ta’ valur. Bi tweġiba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni ppreċiżat, ġustament, li attur ekonomiku razzjonali ġeneralment jiffissa l-prezz tal-bejgħ ta’ prodott fuq livell ogħla mill-prezz ta’ xiri ta’ dan il-prodott jew mill-prezz ta’ xiri tal-materja prima użata fil-każ ta’ bejgħ ta’ prodott integrat. Għalhekk, il-valur tax-xiri huwa, bħala prinċipju, b’mod mekkaniku inferjuri għal dak tal-bejgħ, li jiġġustifika li, jekk ikun il-każ, jiġi applikat aġġustament bis-saħħa tal-paragrafu 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi.

4)      Fuq irraba’ lment, li huwa bbażat fuq lassenza ta’ rilevanza taddeċiżjoni dwar irriċiklaġġ ta’ batteriji ta’ vetturi minħabba li lakkordju inkwistjoni kien jikkonċerna biss element minuri talprezz

152    Ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli għamlet riferiment għad-deċiżjoni dwar ir-riċiklaġġ ta’ batteriji ta’ vetturi biex tiġġustifika l-impożizzjoni ta’ żieda ta’ 10 % tal-ammont tal-multa bis-saħħa tal-paragrafu 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi, filwaqt li ċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ huma kunsiderevolment differenti minn dawk inkwistjoni. L-aġir inkwistjoni jikkonċerna biss parti estremament żgħira tal-valur globali tax-xiri ta’ etilen, filwaqt li, fil-każ li kien is-suġġett ta’ deċiżjoni dwar ir-riċiklaġġ ta’ batteriji ta’ vetturi, l-impriżi kkonċernati ddeterminaw konġuntament il-prezzijiet ta’ xiri reali mħallsa lill-fornituri. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat, f’dan l-aħħar każ, li x-xerrejja kienu komposti minn numru limitat ta’ impriżi li għandhom setgħa kunsiderevoli fis-suq, filwaqt li, fil-każ inkwistjoni, is-setgħa fis-suq u l-influwenza fuq l-iffissar tal-prezzijiet kienu biss jeżistu min-naħa tal-bejjiegħa. Skont ir-rikorrenti, il-fatt li l-istess żieda ta’ 10 % ġiet applikata fiż-żewġ każijiet, li huma madankollu differenti, juri li l-multa li ġiet imposta fuqhom ma hijiex proporzjonali għall-ksur.

153    Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni dwar ir-riċiklaġġ ta’ batteriji ta’ vetturi, li kienet is-suġġett tas-sentenzi tat‑23 ta’ Mejju 2019, Recylex et vs Il‑Kummissjoni (T‑222/17, EU:T:2019:356), u tas‑7 ta’ Novembru 2019, Campine u Campine Recycling vs Il‑Kummissjoni (T‑240/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:778), il-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, il-valur tax-xiri minflok il-valur tal-bejgħ u kienet applikat żieda ta’ 10 % tal-ammont bażiku tal-multa taħt il-paragrafu 37 tal-Linji Gwida dwar il-Kalkolu tal-Multi. Sabiex timmotiva din iż-żieda, hija kienet esponiet, minn naħa, kunsiderazzjonijiet dwar in-natura partikolari tal-każ, jiġifieri dwar il-fatt li dan kien akkordju fuq xiri li fil-kuntest tiegħu l-parteċipanti kellhom bħala għan li jżommu l-prezzijiet tax-xiri baxxi kemm jista’ jkun u li fir-rigward tiegħu l-valur tax-xiri kellu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, kif ukoll, min-naħa l-oħra, kunsiderazzjonijiet dwar il-ħtieġa li jiġi żgurat effett dissważiv.

154    Għaldaqstant il-każ li kien is-suġġett tad-deċiżjoni dwar ir-riċiklaġġ ta’ batteriji ta’ vetturi u dan il-każ għandhom karatteristiċi komuni. Għalhekk ir-riferiment li l-Kummissjoni tagħmel għalih fid-deċiżjoni kkontestata huwa rilevanti.

155    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jistgħux jisiltu argument minn paragun tal-parti reali tal-prezz li l-parteċipanti setgħu influwenzaw fil-każ li huwa s-suġġett tad-deċiżjoni dwar ir-riċiklaġġ ta’ batteriji ta’ vetturi u f’dan il-każ. Fil-fatt, dan il-paragun ma huwiex rilevanti peress li ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati l-effetti reali tal-ksur fuq is-suq sabiex jiġi applikat il-paragrafu 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi (ara l-punt 125 iktar ’il fuq).

5)      Fuq ilħames ilment, li huwa bbażat fuq largument li gwadann potenzjali talakkordji fuq xiri huwa inqas importanti minn gwadann talakkordji fuq bejgħ

156    Ir-rikorrenti jsostnu li l-ħtieġa ta’ dissważjoni hija intrinsikament marbuta mal-vantaġġi potenzjali li impriża tista’ tistenna mill-parteċipazzjoni tagħha fi ksur. Fil-fehma tagħhom, il-gwadann potenzjali li impriża tista’ ipotetikament tislet mill-parteċipazzjoni tagħha f’akkordju fuq xiri huwa, bħala definizzjoni, iżgħar milli fl-akkordji fuq bejgħ u ma jistax jiġġustifika żieda supplimentari għal finijiet dissważivi. Huma jikkritikaw il-loġika tal-Kummissjoni li l-multi kollha imposti, inkluż għall-akkordji fuq bejgħ, għandhom jiġu aġġustati bis-saħħa tal-paragrafu 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi sabiex tiġi evitata dissważjoni eċċessiva jew insuffiċjnti skont il-valur tal-prodotti meħuda inkunsiderazzjoni.

157    Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 144 iktar ’il fuq, ir-raġunament tal-Kummissjoni ma jistrieħx fuq il-fatt li l-akkordju inkwistjoni kien vantaġġuż u ġġenera benefiċċji għar-rikorrenti, iżda fuq il-konstatazzjoni li l-valur tax-xiri, fih innifsu, ma kienx jippermetti li jiġi żgurat effett dissważiv suffiċjenti. Għaldaqstant, il-paragun ta’ gwadanni potenzjali li l-partijiet f’akkordju fuq xiri, minn naħa, u l-partijiet f’akkordju fuq bejgħ, min-naħa l-oħra, jistgħu eventwalment jiksbu mill-imsemmija akkordji ma huwiex rilevanti.

158    Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti li, skont il-loġika tal-Kummissjoni, kull multa, inkluża dik imposta fil-kuntest ta’ akkordji fuq bejgħ, għandha sistematikament tiġi aġġustata bis-saħħa tal-paragrafu 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi paragrafu ma japplikax meta ma jkunx hemm lok li jiġi applikat il-metodu ġenerali previst mill-imsemmija linji gwida, b’mod partikolari meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ fil-kuntest ta’ akkordju fuq bejgħ, konformement mal-paragrafu 13 ta’ dawn il-linji gwida. Il-paragrafu 37 tal-imsemmija linji gwida jiġi applikat biss meta jiġi kkonstatat li l-metodu ġenerali ma huwiex adattat u meta jkun meħtieġ li ma jiġix applikat, sa fejn dan ikun meħtieġ min-natura partikolari ta’ każ speċifiku jew mill-ħtieġa li jintlaħaq livell dissważiv f’każ partikolari. Għaldaqstant ma jistax jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni għandha sistematikament taġġusta l-ammont tal-multa f’dan ir-rigward.

159    Mill-punti preċedenti jirriżulta li l-ilmenti intiżi li jinvokaw żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni waqt l-applikazzjoni tal-paragrafu 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi għandhom jiġu miċħuda. Dawn l-argumenti lanqas ma jistgħu juru li ż-żieda tal-multa b’10 % kienet sproporzjonata fir-rigward tal-effett dissważiv li għandu jintlaħaq.

160    Ir-rikorrenti jsostnu ulterjorment, impliċitament fl-argumenti tagħhom, li l-impożizzjoni ta’ żieda standard għall-akkordji fuq xiri bis-saħħa tal-paragrafu 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi tmur kontra l-għan u l-formulazzjoni tal-imsemmi punt u għaldaqstant hija kuntrarja għall-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali. Madankollu għandu jiġi kkonstatat li dawn l-allegazzjonijiet ma humiex issostanzjati.

161    Għalhekk, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

c)      Fuq ittielet parti tattieni motiv, li hija bbażata fuq ksur talobbligu ta’ motivazzjoni

162    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni marret kontra d-dmir tagħha ta’ motivazzjoni billi ma spjegatx, fid-deċiżjoni kkontestata, għalfejn in-natura partikolari ta’ dan il-każ tiġġustifika żieda fil-multa taħt il-paragrafu 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi u lanqas għalfejn ir-rata ta’ din iż-żieda kellha tiġi ffissata għal 10 %.

163    F’dan ir-rigward, l-ewwel, ir-rikorrenti jsostnu li l-premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata hija relatata biss mal-allegata ħtieġa ġenerali li tiġi applikata żieda bis-saħħa tal-paragrafu 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi sabiex jintlaħaq ammont dissważiv tal-multa, mingħajr ma jipprovdu spjegazzjoni dwar ir-rata ta’ żieda speċifika allegatament neċessarja biex dan jintlaħaq.

164    It-tieni, ir-riferiment, magħmul mill-Kummissjoni, fil-premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-prassi preċedenti tagħha, ma huwiex rilevanti, peress li, minn naħa, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta mal-prassi preċedenti tagħha u, min-naħa l-oħra, każ ieħor, li l-fatti tiegħu jkunu diverġenti minn dawk tal-każ preżenti, ma jistax jikkostitwixxi bażi valida biex tiġi ġġustifikata żieda fil-multa, li għandha tkun proporzjonali għall-gravità tal-ksur inkwistjoni f’dan il-każ.

165    It-tielet, ir-raġunament magħmul fil-premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata jikser l-obbligu ta’ motivazzjoni inkwantu l-Kummissjoni missha spjegat preċiżament b’liema mod hija kienet eżerċitat is-setgħa diskrezzjonali tagħha tant li kienet iddeċidiet li ma tapplikax il-metodu ġenerali tagħha u li taġġusta l-multa bis-saħħa tal-paragrafu 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi. Tali raġunament preċiż huwa imperattiv sa fejn l-imsemmi paragrafu ma jipprevedix firxa ta’ aġġustament speċifika li tillimita s-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni. Din tal-aħħar missha pprovdiet raġunijiet ċari u preċiżi li jispjegaw għalfejn ir-rata ta’ żieda magħżula kienet neċessarja fir-rigward tan-natura partikolari tal-każ sabiex jintlaħaq ammont dissważiv tal-multa u għalfejn rata inferjuri ma kinitx suffiċjenti.

166    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

167    Minbarra l-prinċipji mfakkra fil-punt 100 iktar ’il fuq, għandu jiġi osservat li, meta l-Kummissjoni tinvoka l-paragrafu 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi, hija għandha obbligu tesponi r-raġunijiet li jippermettulha tikkunsidra li n-natura partikolari tal-każ quddiemha jew il-ħtieġa li jintlaħaq livell dissważiv jiġġustifikaw il-fatt li ma tapplikax il-metodu indikat fl-imsemmija linji gwida (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Icap et, C‑39/18 P, EU:C::2019:584, punt 30). F’dan ir-rigward, ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni huma bil-wisq iktar meħtieġa (sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il‑Kummissjoni, T‑95/15, EU:T:2016:722, punt 48, u tat‑12 ta’ Lulju 2019, Hitachi‑LG Data Storage u Hitachi‑LG Data Storage Korea vs Il‑Kummissjoni, T‑1/16, EU:T:2019:514, punt 80).

168    F’dan il-każ, il-Kummissjoni esponiet, fid-dettall, fil-premessi 141 sa 148 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li wassluha tikkunsidra li n-natura partikolari tal-każ u n-neċessità li jintlaħaq ammont dissważiv tal-multa kienu jiġġustifikaw il-fatt li ma tapplikax il-metodu ġenerali u li żżid dan l-ammont bażiku b’10 % skont il-paragrafu 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi. Kif jirriżulta mill-punt 121 iktar ’il fuq, hija osservat li l-każ kien jirrigwarda akkordju fuq xiri li kien jeħtieġ it-teħid inkunsiderazzjoni tal-valur tax-xiri għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, fejn madankollu dan il-valur huwa ta’ natura imperfetta għall-finijiet tal-kalkolu ta’ ammont bażiku li jirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur.

169    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-kunsiderazzjonijiet ippermettew lir-rikorrenti jsiru jafu r-raġunament tal-Kummissjoni u li jikkontestawh quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll lil din tal-aħħar tivverifika l-fondatezza tagħha.

170    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jagħtu x’jifhmu r-rikorrenti, tali kunsiderazzjonijiet ma jikkostitwixxux “tħassib ġenerali” iżda jikkostitwixxu effettivament kunsiderazzjonijiet speċifiċi għall-kawża speċifika marbuta man-natura tal-akkordju inkwistjoni, jiġifieri akkordju fuq xiri.

171    Kif spjegat ġustament il-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u waqt is-seduta, il-karatteristiċi ta’ każ speċifiku fis-sens tal-paragrafu 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi jistgħu jkunu karatteristiċi marbuta mat-tip ta’ akkordju inkwistjoni u ma għandhomx neċessarjament ikunu ċirkustanzi uniċi għall-każ ikkonċernat.

172    Peress li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma suffiċjentement speċifiċi u ddettaljati, dawn huma għalhekk konformi mar-rekwiżit ta’ motivazzjoni msaħħa li għandha l-Kummissjoni għall-applikazzjoni tal-paragrafu 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi.

173    Fir-rigward tal-motivazzjoni tal-għażla tar-rata ta’ żieda ta’ 10 % applikata skont il-paragrafu 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi, mill-premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta, essenzjalment, li, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura partikolari tal-każ u sabiex jiġi żgurat effett dissważiv suffiċjenti, kien xieraq, għall-Kummissjoni, li tapplika, konformement mal-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha u, b’mod partikolari, mad-deċiżjoni dwar ir-riċiklaġġ ta’ batteriji ta’ vetturi, żieda tal-ammont tal-multa ta’ 10 % skont l-imsemmi paragrafu.

174    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ppreċiżat, bi tweġiba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u waqt is-seduta li, f’dan il-każ, hija kienet ikkunsidrat li żieda ta’ 10 % kienet xierqa, bħalma kienet iddeċidiet fid-deċiżjoni dwar ir-riċiklaġġ ta’ batteriji ta’ vetturi, peress li l-applikazzjoni tal-paragrafu 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi għal akkordju fuq xiri kienet prattika pjuttost reċenti, fejn wara din id-deċiżjoni dan il-paragrafu ġie applikat għat-tieni darba biss fil-każ inkwistjoni.

175    Madankollu dawn il-preċiżazzjonijiet ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni sa fejn dawn ma jinsabux fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata skont l-elementi ta’ informazzjoni li r-rikorrenti jkollha fil-mument tal-preżentata tar-rikors tagħha u l-motivazzjoni tista’ tiġi esposta għall-ewwel darba u a posteriori quddiem il-qorti biss jekk ikun hemm ċirkustanzi eċċezzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (KLM; Covid-19), T‑643/20, EU:T:2021:286, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

176    Madankollu l-assenza ta’ tali preċiżazzjonijiet ma tistax tagħti lok għal nuqqas ta’ motivazzjoni tal-għażla tar-rata ta’ żieda.

177    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxu r-rikorrenti, fil-premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma rreferietx fil-qosor għad-deċiżjoni dwar ir-riċiklaġġ ta’ batteriji ta’ vetturi sabiex tiġġustifika l-għażla tar-rata ta’ żieda, iżda rreferiet ukoll, u fuq kollox, għan-natura partikolari tal-każ u għall-ħtieġa li jintlaħaq livell dissważiv.

178    F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni tissodisfa l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni meta tesponi, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettwelha tiżen il-gravità u t-tul tal-ksur. Minkejja li ma għandhiex obbligu tindika ċ-ċifri kollha relattivi għal kull stadju intermedju tal-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-multa mogħtija, madankollu hija għandha l-obbligu li tispjega l-piż mogħti u l-evalwazzjoni li għamlet tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Icap et, C‑39/18 P, EU:C:2019:584, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Kif jirriżulta mill-punt 168 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni spjegat debitament l-elementi li hija ħadet inkunsiderazzjoni sabiex tiddetermina li żieda ta’ 10 % tal-ammont bażiku tal-multa kienet xierqa taħt il-paragrafu 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi. Kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxu r-rikorrenti, peress li l-Kummissjoni ma għandhiex obbligu tindika ċ-ċifri dwar kull wieħed mill-istadji tal-metodu ta’ kalkolu, hija ma kellhiex obbligu tipprovdi spjegazzjoni supplimentari dwar ir-rata ta’ żieda speċifika magħżula.

179    Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li, waqt il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni kienet ikkomunikat lir-rikorrenti l-intenzjoni tagħha li żżid l-ammont bażiku skont il-paragrafu 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi. B’mod partikolari, mill-aħħar laqgħa ta’ riżolviment tad‑29 ta’ Ottubru 2019 jirriżulta li l-Kummissjoni indikat b’mod ċar lir-rikorrenti li l-applikazzjoni tal-metodu ġenerali għal akkordju fuq xiri kienet twassal għal sottostima tal-importanza ekonomika tal-ksur u biex il-multa ma tkunx wisq dissważiva, fejn għal dan il-għan hija kellha l-intenzjoni li tapplika żieda ta’ 10 % bis-saħħa tal-imsemmi paragrafu. Konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 100 iktar ’il fuq, dawn l-elementi jagħmlu parti mill-kuntest li fih tidħol id-deċiżjoni kontestata u li fir-rigward tagħha n-natura suffiċjentement motivata għandha tiġi evalwata.

180    Fir-rigward ta’ kulma jippreċedi, hemm lok li tiġi miċħuda t-tielet parti tat-tieni motiv u, għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

181    Peress li l-ewwel u t-tieni motiv ma jistgħux jintlaqgħu, it-talbiet għal annullament għandhom jiġu miċħuda. Issa jeħtieġ li jiġu eżaminati t-talbiet għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa mressqa sussidjarjament, li insostenn tagħhom huwa invokat it-tielet motiv.

3.      Fuq ittielet motiv, li huwa bbażat fuq innatura sproporzjonata talammont talmulta

182    Ir-rikorrenti jsostnu li, anki li kieku l-Qorti Ġenerali kellha tiċħad l-ewwel żewġ motivi bħala infondati, ikun hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-multa li ġiet imposta lilhom ma hijiex proporzjonata mal-gravità tal-ksur imwettaq. Huma jqisu li, jekk iċ-ċirkustanzi tal-każ jiġġustifikaw xi tip ta’ żieda, din għandha tkun b’rata għalkollox inferjuri għal 50 % fir-rigward tal-ksur repetut skont il-paragrafu 28 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi u b’rata kunsiderevolment inqas fir-rigward taż-żieda taħt il-paragrafu 37 tal-istess linji gwida.

183    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jenumeraw ċertu numru ta’ elementi li l-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni taħt il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jitolbu lil din tal-aħħar tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom.

184    Il-Kummissjoni tikkontesta l-elementi invokati u ssostni li t-talba tar-rikorrenti hija infondata.

185    Għandu jitfakkar li l-istħarriġ tal-legalità huwa kkompletat mill-ġurisdizzjoni sħiħa li l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, konformement mal-Artikolu 261 TFUE, jirrikonoxxi lill-qorti tal-Unjoni. Din il-ġurisdizzjoni tagħti s-setgħa lill-qorti tal-Unjoni, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjoni, li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni bl-evalwazzjoni tagħha, u konsegwentement, li tħassar, tnaqqas jew iżżid l-ammont tal-multa jew il-pagamenti ta’ penalità imposti (sentenzi tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 63, u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni, C‑606/18 P, EU:C:2020:571, punt 96).

186    Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa imposta, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tevalwa ċ-ċirkustanzi tal-każ u t-tip ta’ ksur inkwistjoni. Dan l-eżerċizzju jippreżumi, skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, li tittieħed inkunsiderazzjoni, għal kull impriża ssanzjonata, il-gravità tal-ksur inkwistjoni kif ukoll it-tul tiegħu, b’osservanza tal-prinċipji, b’mod partikolari, ta’ motivazzjoni, ta’ proporzjonalità, ta’ individwalizzazzjoni tas-sanzjonijiet u ta’ ugwaljanza fit-trattament, mingħajr ma l-Qorti Ġenerali tkun marbuta bir-regoli indikattivi ddefiniti mill-Kummissjoni fil-linji gwida tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punti 89 u 90, u tas‑16 ta’ Ġunju 2022, Sony Optiarc u Sony Optiarc America vs Il‑Kummissjoni, C‑698/19 P, EU:C:2022:480, punti 173 u 174).

a)      Fuq ittalba għal tnaqqis tarrata ta’ żieda skont ilparagrafu 28 talLinji Gwida għallkalkolu talmulti

187    Ir-rikorrenti jesponu, l-ewwel, li temmew l-akkordju AMKA u ġibdu l-attenzjoni dwaru iktar minn tnax-il sena qabel il-bidu tal-ksur inkwistjoni f’dan il-każ, it-tieni, li l-ksur imwettaq fil-kuntest tal-imsemmi akkordju u l-ksur inkwistjoni f’dan il-każ huma ta’ natura differenti, jirrigwardaw prodotti differenti u kienu jinvolvu entitajiet differenti, it-tielet, li dan l-akkordju ġie skopert permezz tal-miżuri interni tagħhom ta’ tqegħid f’konformità, ir-raba’, li Clariant GmbH nnifisha ma kinitx involuta fl-istabbiliment u l-funzjonament tal-istess akkordju, il-ħames, li l-aġir li jikkostitwixxi ksur inkwistjoni rriżulta minn kooperazzjoni li preċedentement tqieset li kienet legali ma’ parteċipanti oħra fl-akkordju inkwistjoni, is-sitt, li l-ksur dwar il-prezz tax-xiri ġeneralment għandu inqas tendenza li jipproduċi effetti dannużi għall-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, għall-konsumaturi, milli l-akkordji fuq bejgħ u, is-seba’, li żieda ta’ 50 % tal-ammont bażiku tal-multa għal reċidiva hija sproporzjonata fir-rigward ta’ kawżi oħra li fihom ġiet imposta żieda bl-istess rata meta l-każ ta’ reċidiva kien wisq iżjed gravi minn dak f’din il-kawża.

188    Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jtennu ċ-ċirkustanzi diġà esposti fil-kuntest tal-ewwel motiv sabiex jitolbu tnaqqis tal-multa. Issa, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 50 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li, indipendentement minn dawn iċ-ċirkustanzi, l-impożizzjoni ta’ rata ta’ żieda ta’ 50 % ma tidhirx li hija sproporzjonata fid-dawl taż-żmien relattivament qasir li għadda bejn il-konstatazzjoni tal-ewwel ksur tal-Artikolu 101 TFUE fid-deċiżjoni dwar l-akkordju AMKA u l-bidu tal-ksur tal-istess artikolu kkonċernat mid-deċiżjoni kkontestata.

189    Sussegwentement, l-argument tar-rikorrenti li r-rata ta’ żieda ta’ 50 % hija sproporzjonata fir-rigward ta’ kawżi oħra li fihom ġiet applikata żieda tal-istess rata għal reċidiva iktar gravi ma jistax iwassal għal tnaqqis tal-multa. F’dan ir-rigward jeħtieġ sempliċement li jiġi osservat li r-rikorrenti għamlu riferiment, fil-punt 60 tar-replika, għal 28 deċiżjoni li fihom il-Kummissjoni kienet applikat żieda ta’ 50 % f’każijiet tal-ewwel reċidiva, bħal f’dan il-każ.

190    Fl-aħħar nett, l-argument tar-rikorrenti li akkordju fuq xiri huwa inqas dannuż għall-kompetizzjoni milli akkordju fuq bejgħ ma huwiex ċirkustanza rilevanti biex jiġi evalwat jekk iż-żieda ta’ 50 % fir-rigward tal-ksur repetut skont il-paragrafu 28 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi huwa proporzjonat għall-gravità tal-ksur imwettaq. Fi kwalunkwe każ, f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel eżempju ta’ akkordju mogħti mill-Artikolu 101(1)(a) TFUE, iddikjarat espressament inkompatibbli mas-suq intern huwa preċiżament dak li jikkonsisti f’“l-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew ta’ kondizzjonijiet oħra tan-negozju”. Il-prassi li kienet is-suġġett tal-akkordju, jiġifieri koordinazzjoni fuq element tal-prezz tal-etilen, hija għalhekk espressament ipprojbita mill-Artikolu 101(1) TFUE peress li ġġib magħha restrizzjonijiet intrinsiċi għall-kompetizzjoni fis-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Campine u Campine Recycling vs Il‑Kummissjoni, T‑240/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:778, punt 297 u l-ġurisprudenza ċċitata).

b)      Fuq ittalba għal tnaqqis tarrata ta’ żieda skont ilparagrafu 37 talLinji Gwida għallkalkolu talmulti

191    Ir-rikorrenti jesponu, minn naħa, li l-analiżi ekonomika li huma pprovdew lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva turi li l-aġir inkwistjoni ma kienx tali li jkollu l-iċken effett sinjifikattiv fuq il-prezz tax-xiri tal-etilen u, min-naħa l-oħra, li t-teżi żviluppata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-każ dwar ir-riċiklaġġ ta’ batteriji tal-vetturi li skontha l-valur tax-xiri ma jikkostitwixxix raġuni adegwata għall-ammont bażiku tal-multa ma hijiex applikabbli f’dan il-każ.

192    Madankollu jeħtieġ li jiġi osservat, minn naħa, li, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 125 iktar ’il fuq, iż-żieda tal-ammont bażiku tal-multa skont il-paragrafu 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi ma hijiex suġġetta għat-turija minn qabel ta’ effetti reali eventwali tal-aġir inkriminat fuq is-suq, fejn għalhekk l-analiżi ekonomika intiża li turi l-assenza ta’ effett tal-aġir inkriminat fuq il-prezz ta’ xiri tal-etilen ma hijiex rilevanti u ma tistax twassal biex jitnaqqas l-ammont tal-multa. Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni ta’ rata ta’ 10 % bħala rimedju għan-natura imperfetta tal-valur tax-xiri, meħuda inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, ma tidhirx li hija sproporzjonata. Ir-rikorrenti ma jinvokaw ebda element ieħor rilevanti li huwa tali li jiġġustifika tnaqqis ta’ din ir-rata.

193    Konsegwentement, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

194    Mill-punti preċedenti kollha jirriżulta li t-talbiet għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa għandhom jiġu miċħuda u, għaldaqstant, li r-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

B.      Fuq ilkontrotalba talKummissjoni

195    Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali żżid il-multa, fil-qafas tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, billi ma tagħtix premju ta’ 10 % għall-kooperazzjoni tar-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva bis-saħħa tal-paragrafu 32 tal-Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment ta’ tilwim.

196    Il-Kummissjoni ssostni li, permezz tar-rikors preżenti, ir-rikorrenti jikkontestaw l-ammont tal-multa, li madankollu kienet tikkostitwixxi element essenzjali tal-proposta tagħhom ta’ riżolviment u li kienet suġġetta għal evalwazzjoni komuni.

197    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tindika li r-rikorrenti ma rtirawx mill-proċedura ta’ riżolviment minkejja li ma qablux mal-applikazzjoni tal-paragrafi 28 u 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi. Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti impenjaw ruħhom ikomplu bil-proċedura ta’ riżolviment billi ressqu l-proposta tagħhom ta’ riżolviment u billi rrikonoxxew li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet debitament tirrifletti l-portata ta’ dawn il-proposti.

198    Il-Kummissjoni żżid li hija l-eżistenza ta’ “evalwazzjoni komuni” tal-portata tal-ilmenti eventwali u tal-istima tal-firxa probabbli tal-multi li għandhom jiġu imposti li jwassluha tistieden lil impriża tressaq proposta ta’ riżolviment. Din il-firxa għandha tissemma fil-proposti ta’ riżolviment. Fil-fehma tagħha, sakemm l-ammont tal-multa indikata fid-deċiżjoni finali ma jeċċedix l-ammont massimu tal-firxa li kienet is-suġġett tad-diskussjonijiet li wasslu għall-proposta ta’ riżolviment, id-deċiżjoni finali għandha titqies li tirrifletti l-proposta ta’ riżolviment f’dan ir-rigward.

199    Issa, il-kontestazzjoni, mir-rikorrenti, ta’ element essenzjali tal-proposta ta’ riżolviment tikkomprometti l-għan tal-proċedura ta’ riżolviment.

200    F’dan ir-rigward, l-ewwel, il-Kummissjoni tesponi li l-proċedura ta’ riżolviment hija min-natura tagħha sinallagmatika. Il-partijiet għandhom il-possibbiltà, u għandhom saħansitra l-obbligu, li jiġbdu l-attenzjoni dwar kull ostakolu li jipprekludi li wieħed jasal evalwazzjoni komuni. Fil-fehma tagħha, l-approċċ adottat mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva kien purament strateġiku u kien sempliċement mezz biex jinkiseb tnaqqis tal-ammont tal-multa, biex sussegwentement tikkontesta d-deċiżjoni fuq il-bażi tal-istess elementi bħal dawk li kienu s-suġġett tal-evalwazzjoni komuni, b’tali mod li jinkiseb tnaqqis ġdid min-naħa tal-qorti tal-Unjoni.

201    It-tieni, il-Kummissjoni ssostni li l-gwadanni ta’ effikaċja mfittxija mill-proċedura ta’ riżolviment ma ntlaħqux f’dan il-każ. L-għan tal-proċedura ta’ riżolviment huwa li, minn naħa, hija tkun tista’ tipproċessa l-każijiet ta’ akkordju b’mod iktar veloċi u, min-naħa l-oħra, li tipproċessa numru ikbar ta’ każijiet ta’ akkordju filwaqt li tuża l-istess riżorsi. Issa, sa fejn riżorsi tal-Kummissjoni ntużaw kemm għall-fażi amministrattiva kif ukoll għall-fażi kontenzjuża ta’ din il-kawża, li b’hekk jagħtu lok għal żieda fil-ħidma, hija ma tinsabx f’qagħda li tipproċessa numru ikbar ta’ każijiet.

202    Għalkemm il-Kummissjoni tirrikonoxxi li bbenefikat mill-fatt li r-rikorrenti ma kkontestawx ċerti elementi marbuta mar-responsabbiltà tagħhom u mal-ksur u li ma talbux l-aċċess għad-dokumenti tal-fajl, madankollu hija tenfasizza li ddedikat riżorsi addizzjonali fl-organizzazzjoni ta’ numru ta’ laqgħat mal-partijiet dwar iż-żewġ żidiet fil-multa kontenzjużi. Barra minn hekk, hija ma ffrankatx riżorsi fir-rigward tal-motivazzjoni u tal-ġustifikazzjoni tal-kalkolu tal-ammont tal-multa li jinsab fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-deċiżjoni finali.

203    Il-Kummissjoni tenfasizza li ma huwiex possibbli li jiġi kkwantifikat a posteriori l-grad ta’ kooperazzjoni ta’ parti fil-proċedura ta’ riżolviment. Hija tindika li għalhekk ikun diffiċli għaliha li tiddetermina jekk hija impenjatx ruħha fi proċedura ta’ riżolviment kieku l-kooperazzjoni tal-impriżi kienet limitata, jew saħansitra ineżistenti, iżda li ċertu kisbiet ta’ effikaċja xorta setgħu isiru.

204    It-tielet, il-Kummissjoni tosserva li l-Qorti Ġenerali aċċettat, fis-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni (T‑236/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, EU:T:2004:118), li l-benefiċċju tat-tnaqqis fil-multa minħabba l-klemenza seta’ jiġi rtirat u li l-multa setgħet għalhekk tiżdied meta l-attitudni tar-rikorrent tinbidel u dan tal-aħħar jikkontesta għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali elementi li ma ġewx ikkontestati jew li ġew rikonoxxuti matul il-proċedura amministrattiva. Minbarra l-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali, f’kawżi oħra, eżaminat, bħala parti mill-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, jekk kienx meħtieġ li jiġi rtirat tnaqqis li l-partijiet fil-kawża kienu kisbu bi skambju tal-kooperazzjoni tagħhom waqt il-proċedura amministrattiva, anki jekk il-kundizzjonijiet għal dan l-irtirar ma kinux issodisfatti.

205    Ir-raba’, il-Kummissjoni tqis li d-dritt tar-rikorrenti għal stħarriġ ġudizzjarju ġie għalkollox irrispettat. Fil-fehma tagħha, l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ma jfissirx li r-rikors ma għandu ebda konsegwenza fuq il-multa. L-irtirar tat-tnaqqis ta’ 10 % mogħti taħt il-proċedura ta’ riżolviment ma jikkostitwixxix sanzjoni tar-rikorrenti talli eżerċitaw id-dritt tagħhom għal stħarriġ ġudizzjarju, iżda huwa sempliċi konsegwenza tal-fatt li r-rikorrenti jqiegħdu inkwistjoni elementi li huma kienu rrikonoxxew u kkonfermaw matul il-proċedura amministrattiva.

206    Konsegwentement, il-Kummissjoni ssostni li l-benefiċċju tat-tnaqqis tal-multa li kienet ingħatat lir-rikorrenti biex jiġu ppremjati għall-kooperazzjoni tagħhom għandu jiġi rtirat. Għalhekk hija titlob lill-Qorti Ġenerali żżid il-multa imposta lir-rikorrenti u li tiffissa l-ammont tagħha għal EUR 181 731 000.

207    Ir-rikorrenti jikkontestaw l-argumenti tal-Kummissjoni.

1.      Kunsiderazzjonijiet preliminari dwar ilproċedura għar-riżolviment

208    Il-proċedura għar-riżolviment ġiet stabbilita permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 622/2008 tat‑30 ta’ Ġunju 2008, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 773/2004, fir-rigward ta’ kif jitmexxew il-proċeduri għar-riżolviment f’każi ta’ kartelli (ĠU 2008, L 171, p. 3). Din il-proċedura ġiet ippreċiżata permezz tal-Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment ta’ tilwim.

209    Skont il-premessa 4 tar-Regolament Nru 622/2008, il-proċedura ta’ riżolviment tippermetti lill-Kummissjoni tipproċessa l-każijiet ta’ akkordju b’mod iktar veloċi u effikaċi. L-għan ta’ din il-proċedura huwa għalhekk li jiġu ssemplifikati u aċċelerati l-proċeduri amministrattivi bil-għan li l-Kummissjoni tkun tista’ tipproċessa iktar każijiet bl-istess riżorsi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2015, Timab Industries u CFPR vs Il‑Kummissjoni, T‑456/10, EU:T:2015:296, punt 60).

210    Essenzjalment, il-proċedura ta’ riżolviment tipprevedi li l-impriżi li jkunu suġġetti għal investigazzjonijiet, li quddiemhom jiġu prodotti provi kontra u li ddeċidew li jikkooperaw, jirrikonoxxu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur, jirrinunzjaw, taħt ċerti kundizzjonijiet, għad-dritt tagħhom ta’ aċċess għall-fajl amministrattiv u għad-dritt tagħhom li jinstemgħu u jaċċettaw li jirċievu d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni finali b’lingwa uffiċjali tal-Unjoni bi qbil bejniethom (Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment ta’ tilwim, paragrafu 20). Barra minn hekk, jekk id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tirrifletti l-proposti tagħhom ta’ riżolviment tat-tilwim, l-imsemmija impriżi għandhom l-obbligu li jwieġbu fit-terminu mogħti billi jikkonfermaw li l-imsemmija komunikazzjoni tikkorrispondi mal-portata tal-proposti tagħhom u li l-impenn tagħhom li jsegwu l-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim, għalhekk, ma hijiex imqiegħda inkwistjoni (Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment ta’ tilwim, paragrafu 26). Bħala korrispettiv, il-Kummissjoni tista’ tagħtihom tnaqqis ta’ 10 % mill-ammont tal-multa li tkun ġiet imposta fuqhom fi tmiem proċedura ordinarja billi tapplika l-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi kif ukoll il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni (Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment ta’ tilwim, paragrafi 30 sa 33) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2015, Timab Industries u CFPR vs Il‑Kummissjoni (T‑456/10, EU:T:2015:296, punti 61 u 62).

211    Mill-premessa 4 tar-Regolament Nru 622/2008 u mill-paragrafu 5 tal-Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment ta’ tilwim jirriżulta li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-probabbiltà li tasal, f’terminu raġonevoli, għal evalwazzjoni komuni fuq il-portata tal-ilmenti eventwali mal-partijiet inkwistjoni, billi tieħu inkunsiderazzjoni fatturi bħan-numru ta’ partijiet inkwistjoni, id-diverġenzi ta’ opinjoni prevedibbli fir-rigward tal-attribuzzjoni tar-responsabbiltajiet u l-portata tal-kontestazzjoni tal-fatti. Minn din il-premessa jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni fatturi oħra minbarra dawk li jikkonċernaw eventwali kisbiet ta’ effiċjenza, bħall-possibbiltà li jinħoloq preċedent. Għalhekk il-Kummissjoni għandha marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-każijiet li jistgħu jkunu idonei għal ftehim ta’ riżolviment tat-tilwim (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2015, Timab Industries u CFPR vs Il‑Kummissjoni (T‑456/10, EU:T:2015:296, punt 64).

212    Il-proċedura ta’ riżolviment essenzjalment tiżvolġi kif ġej. Din il-proċedura tinbeda mill-Kummissjoni bil-kunsens tal-impriżi kkonċernati (Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment ta’ tilwim, paragrafi 5, 6 u 11). Mill-mument li tinbeda l-proċedura, l-impriżi li huma suġġetti għal investigazzjonijiet u li jipparteċipaw fil-proċedura ta’ riżolviment jiġu informati mill-Kummissjoni, waqt diskussjonijiet bilaterali, dwar il-punti essenzjali “bħal mhuma l-fatti allegati, il-klassifikazzjoni ta’ dawn il-fatti, il-gravità ta’ l-allegat kartell u t-tul ta’ żmien li jkun ilu jeżisti, l-attribuzzjoni tar-responsabbiltajiet, l-istima tal-firxa tal-multi li x’aktarx jingħataw kif ukoll ix-xhieda miġjuba biex jiġu stabbiliti l-oġġezzjonijiet eventwali” (Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment ta’ tilwim, paragrafu 16). Dan id-dispożittiv jippermetti lill-partijiet isostnu l-fehma tagħhom dwar l-ilmenti li l-Kummissjoni tista’ tqajjem kontrihom u li jiddeċiedu, b’għarfien tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti, jekk għandhomx jikkonkludu riżolviment tat-tilwim jew le (Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment ta’ tilwim, paragrafu 16) (sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2015, Timab Industries u CFPR vs Il‑Kummissjoni, T‑456/10, EU:T:2015:296, punti 66 u 67).

213    Huwa wara l-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni li l-impriżi kkonċernati għandhom l-għażla li jmorru għall-proċedura ta’ riżolviment u li jressqu proposta ta’ riżolviment. Din il-proposta ta’ riżolviment għandha tinkludi, b’mod partikolari, rikonoxximent f’termini ċari u mingħajr ekwivoċi, mill-partijiet, tar-responsabbiltà tagħhom fil-ksur, indikazzjoni tal-ammont massimu tal-multi li l-partijiet jistennew li ser jiġi impost fuqhom mill-Kummissjoni u li huma jaċċettaw fil-kuntest ta’ proċedura ta’ riżolviment u konferma tal-fatt li huma ma għandhomx l-intenzjoni li jitolbu l-aċċess għall-fajl jew li jinstemgħu mill-ġdid, waqt seduta, sakemm id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma jirriflettux il-proposta tagħhom ta’ riżolviment (Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment ta’ tilwim, paragrafu 20) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2015, Timab Industries u CFPR vs Il‑Kummissjoni, T‑456/10, EU:T:2015:296, punt 68).

214    Wara dan ir-rikonoxximent ta’ responsabbiltà u tal-konfermi pprovduti mill-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni tittrażmettilhom id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u sussegwentement, tadotta deċiżjoni finali. Din essenzjalment tibbaża ruħha fuq il-fatt li l-partijiet irrikonoxxew mingħajr ekwivoku r-responsabbiltà tagħhom, ma kkontestawx id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u żammew l-impenn tagħhom li jaslu għal riżolviment tat-tilwima (Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment ta’ tilwim, paragrafi 23 sa 28) (sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2015, Timab Industries u CFPR vs Il‑Kummissjoni, T‑456/10, EU:T:2015:296, punt 69).

215    Jekk l-impriża kkonċernata tiddeċiedi li ma tipproċedix għal riżolviment, il-proċedura li twassal għad-deċiżjoni finali hija rregolata mid-dispożizzjonijiet ġenerali tar-Regolament Nru 773/2004, minflok mid-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ riżolviment. L-istess jgħodd jekk il-Kummissjoni tieħu l-inizjattiva li ttemm il-proċedura ta’ riżolviment (Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment ta’ tilwim, paragrafi 19, 27 u 29) (sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2015, Timab Industries u CFPR vs Il‑Kummissjoni, T‑456/10, EU:T:2015:296, punt 70).

216    Id-deċiżjonijiet finali adottati fi tmiem proċedura ta’ riżolviment, mogħtija bis-saħħa tal-Artikolu 7 u 23 tar-Regolament Nru 1/2003, huma suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju konformement mal-Artikolu 263 TFUE (Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment ta’ tilwim, paragrafu 41).

2.      Fuq liżvolġiment talproċedura ta’ riżolviment

217    Waqt diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti, bejn it‑18 ta’ Settembru 2018 u d‑29 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni indikat l-ilmenti li hija kellha l-intenzjoni li tqajjem fir-rigward tagħhom kif ukoll l-intenzjoni tagħha li żżid il-multa bis-saħħa tal-paragrafi 28 u 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi, rispettivament, b’50 % u b’10 %. Ir-rikorrenti setgħu jressqu l-osservazzjonijiet tagħhom.

218    Fl‑20 ta’ Novembru 2019, ir-rikorrenti ssottomettew proposta ta’ riżolviment li permezz tagħha huma, b’mod partikolari, irrikonoxxew ir-responsabbiltà tagħhom għall-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju inkwistjoni f’dan il-każ u ddikjaraw li qablu mal-impożizzjoni ta’ multa li ma tkunx ogħla minn EUR 159 663 000.

219    Il-Kummissjoni adottat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li fiha, b’mod partikolari, indikat iż-żidiet fl-ammont bażiku tal-multa bis-saħħa tal-paragrafi 28 u 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi, madankollu mingħajr ma indikat ir-rati preċiżi ta’ żieda li kellha l-intenzjoni li tapplika. Bi tweġiba għal din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti kkonfermaw li din tal-aħħar kienet debitament tirrifletti l-proposta tagħhom ta’ riżolviment u li kienu qegħdin jibqgħu għalkollox impenjati jkomplu bil-proċedura ta’ riżolviment.

3.      Fuq ilfondatezza talkontrotalba talKummissjoni

220    Kif tfakkar fil-punt 185 iktar ’il fuq, il-qorti tal-Unjoni għandha l-awtorità, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni, li tneħħi, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagament ta’ penalità bis-saħħa tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

221    Minkejja li l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa huwa ta’ sikwit mitlub mir-rikorrenti sabiex jinkiseb tnaqqis tal-ammont tal-multa, xejn ma jipprekludi li l-Kummissjoni tista’ wkoll tissottometti lill-qorti tal-Unjoni l-kwistjoni tal-ammont tal-multa u tressaq talba għaż-żieda tal-imsemmi ammont (sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff‑Technik vs Il‑Kummissjoni, T‑69/04, EU:T:2008:415, punt 244).

222    Għaldaqstant filwaqt li ma huwiex eskluż li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li żżid il-multa wara li tkun saret kontrotalba tal-Kummissjoni, madankollu din tal-aħħar għandha turi li ż-żieda tal-ammont tal-multa mitluba hija xierqa, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ fatti u ta’ ċirkustanzi li rriżultaw fil-mori tal-kawża u li dwarhom hija ma kellhiex għarfien meta adottat id-deċiżjoni tagħha. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma werietx li tali żieda kienet xierqa f’dan il-każ.

223    Fil-fatt, l-argumenti tal-Kummissjoni dwar il-benefiċċju ta’ 10 % għall-kooperazzjoni waqt il-proċedura amministrattiva jistrieħu fuq il-premessa żbaljata li r-rikorrenti jikkontestaw, permezz ta’ dan ir-rikors, elementi li kienu rrikonoxxew fil-proposta tagħhom ta’ riżolviment jew li aċċettaw waqt l-imsemmija proċedura.

224    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-paragrafu 16 tal-Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment ta’ tilwim jipprevedi li, waqt diskussjonijiet immexxija bil-għan li jaslu għal riżolviment, il-partijiet jiġu informati, b’mod partikolari, dwar l-“istima tal-firxa tal-multi li x’aktarx jingħataw”. Mill-paragrafu 17 tal-imsemmija komunikazzjoni jirriżulta li dan l-element għandu jkun is-suġġett ta’ “qbil komuni” fi tmiem diskussjonijiet bilaterali qabel ma l-Kummissjoni tagħti terminu lill-impriżi biex iressqu proposta ta’ riżolviment. Il-paragrafu 20 ta’ din il-komunikazzjoni jipprevedi, fir-rigward tal-ammont tal-multa, li l-proposti ta’ riżolviment jinkludu indikazzjoni ta’ l-ogħla ammont ta’ multa li l-partijiet jipprevedu li l- Kummissjoni ser twaħħalhom u li l-partijiet jaċċettaw fil-qafas tal-proċedura tar-riżolviment”.

225    Għaldaqstant ma huwiex meħtieġ li l-partijiet fil-proċedura ta’ riżolviment jaċċettaw l-ammont finali tal-multa u l-parametri kollha tagħha, bħall-aġġustamenti bis-saħħa tal-paragrafi 28 u 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi, sabiex jaslu għal riżolviment, iżda biss firxa probabbli jew ammont massimu tal-multa.

226    F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 218 iktar ’il fuq, fil-proposta tagħhom ta’ riżolviment, ir-rikorrenti aċċettaw biss ammont massimu tal-multa li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li timponilhom. Għaldaqstant iż-żidiet bis-saħħa tal-paragrafi 28 u 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi ma kinux jikkostitwixxu element essenzjali ta’ din il-proposta. Sussegwentement, il-konferma tar-rikorrenti li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet debitament tirrifletti l-proposta tagħhom ta’ riżolviment ma tistax tiġi interpretata fis-sens li ġew aċċettati ż-żidiet bis-saħħa tal-imsemmija paragrafi. Fil-fatt, l-imsemmija dikjarazzjoni ma kinitx tindika r-rati ta’ żieda li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tapplika.

227    L-argumenti tal-Kummissjoni li l-ammont massimu tal-multa kienet tinkludi ż-żidiet intiżi taħt il-paragrafi 28 u 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi ma jistgħux jintlaqgħu. Fil-fatt, kif jaffermaw ġustament ir-rikorrenti bi tweġiba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-fatt li aċċettaw ammont massimu tal-multa fil-proposta tagħhom ta’ riżolviment ma jistax jiġi ekwiparat għal turija li aċċettaw l-ammont eżatt finali tagħha, il-modalitajiet tal-kalkolu tagħha u r-raġunament li fuqu l-Kummissjoni bbażat ruħha sabiex tiddetermina dan l-ammont finali.

228    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni setgħet tiddeċiedi li ma żżidx l-ammont tal-multa taħt il-paragrafi 28 sa 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi jew ulterjorment setgħet tiddeċiedi li tapplika rati ta’ żieda inferjuri għal dawk finalment deċiżi. Għalhekk huwa biss wara li ħadu konjizzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha l-Kummissjoni ddeċidiet dwar l-ammont finali tal-multa konformement mal-paragrafu 30 tal-Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment ta’ tilwim, li r-rikorrenti setgħu utilment jikkontestaw il-parametri tal-kalkolu ta’ dan l-ammont, hekk kif isostnu bi tweġiba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

229    Barra minn hekk, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni nnifisha, għandu jitfakkar li d-diskussjonijiet bilaterali bil-għan ta’ riżolviment ma kinux ippermettew li jintlaħaq kunsens bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti fuq iż-żidiet applikati bis-saħħa tal-paragrafi 28 u 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi. Fil-fatt, mir-rimarki finali tal-minuti tal-aħħar laqgħa ta’ riżolviment, tad‑29 ta’ Ottubru 2019, jirriżulta li r-rappreżentant tar-rikorrenti kien tenna n-nuqqas ta’ qbil tiegħu fir-rigward tal-applikazzjoni taż-żewġ punti msemmija hawn fuq. Għaldaqstant ma jistax jiġi kkonstatat li dawn iż-żidiet kienu s-suġġett ta’ evalwazzjoni komuni bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti.

230    Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, iż-żidiet tal-multa applikati bis-saħħa tal-paragrafi 28 u 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi ma ġewx espressament ammessi mir-rikorrenti fil-proposta tagħhom ta’ riżolviment u ma kinux suġġetti għal evalwazzjoni komuni. Peress li, permezz tar-rikors preżenti, ir-rikorrenti jikkontestaw l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom billi jsostnu li l-applikazzjoni tal-imsemmija paragrafi hija żbaljata, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex turi li huwa ġġustifikat li ma tagħtihomx il-benefiċċju ta’ 10 % biex tippremjahom għall-kooperazzjoni tagħhom matul il-proċedura amministrattiva.

231    L-argumenti l-oħra mressqa mill-Kummissjoni ma jxejnux din il-konklużjoni.

232    L-ewwel, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma rtirawx ruħhom mill-proċedura ta’ riżolviment u ma indikawlhiex li, fil-fehma tagħhom, kien impossibbli li jaslu għal evalwazzjoni komuni, filwaqt li kellhom obbligu jiġbdu l-attenzjoni dwar kull ostakolu li jipprekludi li wieħed jasal għal tali evalwazzjoni. Hija tqis li l-approċċ adottat mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva kien purament strateġiku u kien sempliċement mezz biex jinkiseb tnaqqis tal-ammont tal-multa billi jikkooperaw, biex sussegwentement jippruvaw jiksbu tnaqqis ġdid mill-qorti tal-Unjoni.

233    Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 225 iktar ’il fuq, ma huwiex meħtieġ li l-partijiet fil-proċedura ta’ riżolviment jaċċettaw l-ammont finali tal-multa u l-parametri kollha tagħha, bħall-aġġustamenti bis-saħħa tal-paragrafi 28 u 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi, sabiex jaslu għal riżolviment. Mill-kumplament, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat, hekk kif ġie osservat fil-punt 229 iktar ’il fuq, li r-rikorrenti esprimew in-nuqqas ta’ qbil tagħhom fir-rigward tal-applikazzjoni tal-paragrafi 28 u 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi waqt id-diskussjonijiet bilaterali, fejn, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-Kummissjoni, din tal-aħħar ma ġietx żgwidata mir-rikorrenti.

234    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, kif issemma fil-punt 211 iktar ’il fuq, skont il-paragrafu 5 tal-Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment ta’ tilwim, il-Kummissjoni għandha setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa biex tidentifika l-każijiet li jistgħu jkunu idonei għall-konstatazzjoni tal-interess li l-partijiet ikollhom li jieħdu sehem f’diskussjonijiet ta’ riżolviment, biex tiddeċiedi li tibda dawn id-diskussjonijiet jew li ttemmhom jew li tasal għal riżolviment definittiv tal-każ. Għaldaqstant il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, fi kwalunkwe stadju tal-proċedura, li ttemm id-diskussjonijiet immexxija bil-għan ta’ riżolviment. F’dan il-każ, hija ma kkunsidratx li kien opportun li ttemm id-diskussjonijiet, meta kellha għarfien dwar in-nuqqas ta’ qbil tar-rikorrenti fir-rigward tal-applikazzjoni tal-paragrafi 28 u 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi.

235    It-tieni, il-Kummissjoni ssostni li l-gwadanni ta’ effikaċja mfittxija mill-proċedura ta’ riżolviment globalment mhux qegħdin jintlaħqu iżjed.

236    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-proċedura ta’ riżolviment hija intiża li tippermetti lill-Kummissjoni tipproċessa b’iktar ħeffa u b’iktar effikaċja l-każijiet ta’ akkordju u b’hekk tkun tista’ tipproċessa iktar każijiet filwaqt li tuża l-istess riżorsi (ara l-punt 209 iktar ’il fuq).

237    Issa, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni, din tal-aħħar irtirat il-vantaġġi proċedurali tat-tkomplija tal-proċedura ta’ riżolviment mar-rikorrenti. F’dan ir-rigward, minn naħa, hija setgħet tistabbilixxi verżjoni ssemplifikata tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tad-deċiżjoni kkontestata f’lingwa waħda biss. Min-naħa l-oħra, hija ma kinitx obbligata tistabbilixxi verżjoni mhux kunfidenzjali tal-imsemmija dikjarazzjoni, torganizza smigħ jew tipprovdi aċċess għall-fajl għar-rikorrenti. Għaldaqstant hija bbenefikat minn gwadanni ta’ effikaċja proċedurali li, bħalma josservaw korrettament ir-rikorrenti, jibqgħu tali, indipendentement mill-preżentata tar-rikors preżenti.

238    Fir-rigward tal-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi supplimentari għall-organizzazzjoni ta’ laqgħat mal-partijiet fir-rigward taż-żewġ żidiet kontenzjużi, din għandha tiġi kkunsidrata bħala mobilizzazzjoni ta’ riżorsi interenti għall-proċedura ta’ riżolviment.

239    Barra minn hekk, l-impossibbiltà li wieħed jipproċedi a posteriori għal kwantifikazzjoni tal-gwadanni li jistgħu jjinżammu matul il-proċedura amministrattiva ma hijiex rilevanti. Mill-paragrafu 17 tal-Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment ta’ tilwim jirriżulta li l-Kummissjoni tistieden lil impriża tressaq proposta ta’ riżolviment biss jekk hija “tieħu konsiderazzjoni preliminari li fid-dawl tal-progress li sar, din il-proċedura tkun iktar effikaċi”. Għaldaqstant hija għandha twettaq evalwazzjoni a priori tal-effikaċja tal-proċedura fir-rigward tad-diskussjinijiet mibdija mal-partijiet u għandha tiddeċiedi, fuq din il-bażi, jekk għandhiex tkompli jew le bil-proċedura ta’ riżolviment billi tagħmel użu mis-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha.

240    It-tielet, il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk tirrikonoxxi d-dritt tar-rikorrenti li jippreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata, l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ma jfissirx li r-rikors ma jkollu ebda konsegwenza fuq il-multa. B’mod partikolari, hija tagħmel riferiment għas-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni (T‑236/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, EU:T:2004:118), mogħtija fil-kuntest ta’ tnaqqis tal-multa taħt il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-non-impożizzjoni ta’ multi jew it-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-kawżi ta’ akkordji (ĠU 1996, C 207, p. 4), li fiha l-Qorti Ġenerali qieset li tali tnaqqis seta’ jiġi rtirat lir-rikorrenti.

241    Ċertament, fis-sentenza ċċitata fil-punt 240 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali laqgħet talba ta’ żieda tal-multa tal-Kummissjoni filwaqt li indikat li din, kontra kull aspettattiva li hija setgħet raġonevolment toħloq mill-kooperazzjoni oġġettiva tar-rikorrenti waqt il-proċedura amministrattiva, kienet obbligata telabora u tressaq difiża quddiem il-Qorti Ġenerali mmirata fuq il-kontestazzjoni ta’ fatti li jikkostitwixxu ksur fejn hija kienet ġustament ikkunsidrat li r-rikorrenti ma kinitx ser tqegħedhom iżjed inkwistjoni.

242    Madankollu, jeħtieġ li jiġi osservat li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti jikkontestaw iż-żidiet applikati bis-saħħa tal-paragrafi 28 u 37 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi, li ma jinsabux fil-proposta tagħhom ta’ riżolviment u li huma ma kinux aċċettaw waqt il-proċedura amministrattiva. Għalhekk il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq il-premessa li huma ma kinux qegħdin iqegħduhom iżjed inkwistjoni fil-kuntest ta’ rikors.

243    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-kontrotalba tal-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

 Fuq lispejjeż

244    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 134(3) tal-istess Regoli, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fir-rigward ta’ kap wieħed jew iktar, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, ikun jidher iġġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, parti tbati frazzjoni mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

245    F’dan il-każ, ir-rikors tar-rikorrenti ġie miċħud filwaqt li l-kontrotalba tal-Kummissjoni ġiet miċħuda. Peress li l-għan ta’ din tal-aħħar kien biss li żżid l-ammont tal-multi b’mod marġinali biss, għandu jiġi kkonstatat li essenzjalment huma r-rikorrenti li tilfu fir-rigward tat-talbiet u tal-motivi tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi deċiż li r-rikorrenti għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom u 90 % tal-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni, filwaqt li l-Kummissjoni għandha tbati 10 % tal-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-kontrotalba tal-Kummissjoni Ewropea hija miċħuda.

3)      Clariant AG u Clariant International AG għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom u 90 % tal-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni.

4)      Il-Kummissjoni għandha tbati 10 % tal-ispejjeż rispettivi tagħha.

van der Woude

De Baere

Steinfatt

Kecsmár

 

      Kingston

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑18 ta’ Ottubru 2023.

Firem


Werrej


I. Ilfatti li wasslu għallkawża

A. Ilproċedura amministrattiva

B. Iddeċiżjoni kkontestata

1. Deskrizzjoni talksur

2. Kalkolu talammont talmulta imposta fuq irrikorrenti

II. Ittalbiet talpartijiet

III. Iddritt

A. Fuq ittalbiet għal annullament u għattnaqqis talammont talmulta

1. Fuq lewwel motiv, li huwa bbażat fuq lallegazzjoni li lKummissjoni żiedet b’mod żbaljat lammont bażiku talmulta taħt ilparagrafu 28 talLinji Gwida għallkalkolu talmulti

a) Fuq lewwel parti talewwel motiv, ibbażat fuq innuqqas ta’ eżerċizzju, millKummissjoni, tassetgħa ta’ evalwazzjoni tagħha

b) Fuq ittieni parti talewwel motiv, ibbażat fuq ilkunsiderazzjoni żbaljata tarrikorrenti bħala reċidivisti

1) Fuq lewwel ilment, dwar lassenza ta’ xebh bejn ilksur imwettaq filkuntest talakkordju AMKA u lksur inkwistjoni f’dan ilkaż

2) Fuq ittieni lment, dwar iżżmien li jissepara żżewġ ksur

3) Fuq ittielet ilment, dwar lassenza ta’ impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja preċedenti

4) Fuq irraba’ lment, dwar lassenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi oħra

c) Fuq ittielet parti talewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

2. Fuq ittieni motiv, li huwa bbażat fuq lallegazzjoni li lKummissjoni żiedet b’mod żbaljat lammont bażiku talmulta taħt ilparagrafu 37 talLinji Gwida għallkalkolu talmulti

a) Fuq lewwel parti tattieni motiv, li huwa bbażat fuq innuqqas ta’ eżerċizzju, millKummissjoni, tassetgħa ta’ evalwazzjoni tagħha

b) Fuq ittieni parti tattieni motiv, li huwa bbażat fuq lapplikazzjoni żbaljata tażżieda bissaħħa talparagrafu 37 talLinji Gwida għallkalkolu talmulti

1) Fuq lewwel ilment, li huwa bbażat fuq ilfatt li lvalur taxxiri ma jirriflettix sottostima talimportanza ekonomika talksur f’din ilkawża

2) Fuq ittieni lment, li huwa bbażat fuq largument li żżieda talammont talmulta ma kinitx neċessarja biex jiġi żgurat effett dissważiv

3) Fuq ittielet motiv, li huwa bbażat fuq ilfatt li żieda applikata għallakkordji kollha fuq xiri tagħti lok għal dissważjoni eċċessiva sistematika

4) Fuq irraba’ lment, li huwa bbażat fuq lassenza ta’ rilevanza taddeċiżjoni dwar irriċiklaġġ ta’ batteriji ta’ vetturi minħabba li lakkordju inkwistjoni kien jikkonċerna biss element minuri talprezz

5) Fuq ilħames ilment, li huwa bbażat fuq largument li gwadann potenzjali talakkordji fuq xiri huwa inqas importanti minn gwadann talakkordji fuq bejgħ

c) Fuq ittielet parti tattieni motiv, li hija bbażata fuq ksur talobbligu ta’ motivazzjoni

3. Fuq ittielet motiv, li huwa bbażat fuq innatura sproporzjonata talammont talmulta

a) Fuq ittalba għal tnaqqis tarrata ta’ żieda skont ilparagrafu 28 talLinji Gwida għallkalkolu talmulti

b) Fuq ittalba għal tnaqqis tarrata ta’ żieda skont ilparagrafu 37 talLinji Gwida għallkalkolu talmulti

B. Fuq ilkontrotalba talKummissjoni

1. Kunsiderazzjonijiet preliminari dwar ilproċedura għar-riżolviment

2. Fuq liżvolġiment talproċedura ta’ riżolviment

3. Fuq ilfondatezza talkontrotalba talKummissjoni

Fuq l ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.