Language of document : ECLI:EU:T:2012:604





Digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Novembru 2012 – Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-341/12 R)

“Proċeduri għal miżuri provviżorji — Kompetizzjoni — Pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tikkonstata ksur tad-dispożizzjonijiet li jipprojbixxu l-akkordji — Ċaħda tat-talba għal trattament kunfidenzjali ta’ informazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni b’applikazzjoni tal-avviż tagħha dwar il-kooperazzjoni — Ibbilanċjar tal-interessi — Urġenza — Fumus boni juris”

1.                     Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Fumus boni juris — Urġenza — Dannu gravi u irreparabbli — Natura kumulattiva — Ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni — Ordni ta’ eżami u metodu ta’ verifika — Setgħa diskrezzjonali tal-Imħallef għal miżuri provviżorji (Artikoli 256(1) TFUE, 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 104(2)) (ara l-punti 14-17)

2.                     Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Kundizzjonijiet għall-għoti — Ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar it-trattament kunfidenzjali ta’ ċerta informazzjoni msemmija f’waħda minn dawn id-deċiżjonijiet — Neċessità li tinżamm l-effettività tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rikors prinċipali (Artikolu 278 TFUE) (ara l-punti 19-24)

3.                     Drittijiet fundamentali — Rispett tal-ħajja privata — Kunċett ta’ ħajja privata — Applikazzjoni għall-impriżi — Portata (Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 7) (ara l-punt 27)

4.                     Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Urġenza — Dannu gravi u irreparabbli — Riskju ta’ preġudizzju gravi u irreparabbli għad-drittijiet fundamentali (Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE) (ara l-punt 28)

5.                     Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Kundizzjonijiet għall-għoti — Fumus boni juris — Eżami prima facie tal-motivi invokati insostenn tar-rikors prinċipali — Rikors kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni li tinsab f’waħda mid-deċiżjonijiet tagħha li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Motivi li huma relatati mal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kkomunikata abbażi tal-Avviż tagħha dwar il-kooperazzjoni — Motivi li huma infondati prima faciae (Artikoli 278 TFUE u 339 TFUE; Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 7) (ara l-punti 29, 30, 40, 41, 50)

Suġġett

Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 3534 finali, tal-24 ta’ Mejju 2012, li tirrigwarda ċ-ċaħda tat-talba ppreżentata mir-rikorrenti għat-trattament kunfidenzjali ta’ informazzjoni (Każ COMP/38.620 — Perossidu tal-idroġenu u perborat) u talba għal miżuri provviżorji intiża li tordna ż-żamma tal-kunfidenzjalità dwar ċerta informazzjoni li tirrigwarda lir-rikorrenti fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni ta’ verżjoni iktar iddettaljata tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/903/KE, tat-3 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/C.38.620 — Perossidu tal-idroġenu u perborat) (ĠU L 353, p. 54).

Dispożittiv

1)

Is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 3534 finali, tal-24 ta’ Mejju 2012, li tirrigwarda ċ-ċaħda tat-talba ppreżentata minn Evonik Degussa GmbH, skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni, tat-13 ta’ Ottubru 2011, dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (Każ COMP/F/C.38.620 — Perossidu tal-idroġenu u perborat).

2)

Il-Kummissjoni hija ordnata tastjeni milli tippubblika fuq is-sit tal-internet tagħha u x’imkien ieħor jew li tagħmel aċċessibbli għal terzi verżjoni tad-Deċiżjoni tagħha Nru 2006/903/KE, tat-3 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kontra Akzo Nobel NV, Akzo Nobel Chemicals Holding AB, Eka Chemicals AB, Degussa AG, Edison SpA, FMC Corporation, FMC Foret S.A., Kemira OYJ, L’Air Liquide SA, Chemoxal SA, Snia SpA, Caffaro Srl, Solvay SA/NV, Solvay Solexis SpA, Total SA, Elf Aquitaine SA u Arkema SA (Każ COMP/F/C.38.620 — Perossidu tal-idroġenu u perborat), li hija iktar iddettaljata, sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti, minn dik li ġiet ippubblikata f’Settembru 2007 fis-sit tal-internet tad-Direttorat Ġenerali tagħha tal-Kompetizzjoni.

3)

L-ispejjeż huma rriżervati.