Language of document : ECLI:EU:T:2015:612


Kawża T‑82/13

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Panasonic Corp.

u

MT Picture Display Co. Ltd

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq dinji tat-tubi katodiċi għas-settijiet tat-televiżjoni u għall-moniters tal-kompjuter – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Ftehimiet u prattiki miftiehma fir-rigward ta’ prezzijiet, ta’ tqassim tas-swieq, ta’ kapaċitajiet u ta’ produzzjoni – Drittijiet tad-difiża – Prova tal-parteċipazzjoni fl-akkordju – Ksur uniku u kontinwat – Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 – Proporzjonalità – Multi – Ġurisdizzjoni sħiħa”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tad-9 ta’ Settembru 2015

1.      Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Stħarriġ ġudizzjarju – Ġurisdizzjoni sħiħa – Portata – Limitu – Osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

(Artikoli 101 TFUE u 261 TFUE)

2.      Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Iffissar tal-ammont bażiku – Determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ – Użu tal-aħjar data disponibbli – Metodu ta’ kalkolu ddefinit mil-linji gwida – Obbligu tal-Kummissjoni li tapplika l-linji gwida b’osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi li ma jorbotx lill-qrati tal-Unjoni bl-istess mod fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħhom

(Artikoli 101 TFUE u 261 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punti 13 u 15)

1.      F’dak li jirrigwarda l-istħarriġ imwettaq mill-qorti tal-Unjoni fuq id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-ġurisdizzjoni sħiħa tawtorizza lil din il-qorti tirriforma l-att ikkontestat, anki fl-assenza ta’ annullament, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha, sabiex tibdel, pereżempju, l-ammont tal-multa.

Madankollu, l-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa ma jistax iwassal, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, għal diskriminazzjoni bejn l-impriżi li jkunu pparteċipaw fi ftehim li jmur kontra l-Artikolu 101(1) TFUE. Jekk il-qorti tal-Unjoni tkun trid titbiegħed speċifikament, fir-rigward ta’ waħda minn dawn l-impriżi, mill-metodu ta’ kalkolu segwit mill-Kummissjoni u li hija ma qegħditx fid-dubju, huwa neċessarju li tispjega dan fis-sentenza.

(ara l-punti 155, 156)

2.      Skont il-punt 13 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex tiddetermina l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni għandha tuża l-valur tal-bejgħ ta’ prodotti jew ta’ servizzi, imwettaq mill-impriża, b’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat fi ħdan it-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea. F’dan il-kuntest, il-punt 15 tal-Linji gwida jipprovdi li, sabiex tiddetermina l-valur tal-bejgħ ta’ impriża, il-Kummissjoni hija obbligata tuża l-aħjar data disponibbli ta’ din l-impriża.

Il-linji gwida jistabbilixxu regola ta’ kondotta indikattiva tal-prassi li għandha tiġi segwita, li l-Kummissjoni ma tistax titbiegħed minnha, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, billi tadotta tali regoli ta’ kondotta u billi tħabbar permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom li hija ser tapplikahom minn dak iż-żmien ’il quddiem għall-każijiet ikkonċernati minnhom, l-istituzzjoni inkwistjoni tillimita lilha nfisha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax titbiegħed minn dawn ir-regoli mingħajr ma tiġi ssanzjonata, jekk ikun il-każ, għal ksur ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt, bħalma huma l-ugwaljanza fit-trattament jew il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

Madankollu, għalkemm il-Kummissjoni hija obbligata tosserva l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi meta tapplika r-regoli indikattivi li hija tkun imponiet fuqha nfisha, dan il-prinċipju ma jistax jorbot lill-qrati tal-Unjoni bl-istess mod inkwantu huma ma jipprevedux li japplikaw metodu ta’ kalkolu speċifiku tal-ammont tal-multi fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħhom, iżda jeżaminaw każ b’każ is-sitwazzjonijiet li jitressqu quddiemhom billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi relatati magħhom.

(ara l-punti 157, 167, 168)