Language of document : ECLI:EU:T:2010:249

Kawża T-255/08

Eugenia Montero Padilla

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali JOSE PADILLA — Trade marks u sinjali preċedenti JOSE PADILLA — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Nuqqas ta’ trade mark magħrufa sew fis-sens tal-Artikolu 6 bis tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi u ta’ trade mark li għandha reputazzjoni — Artikolu 8(2)(ċ) u Artikolu 8(5) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li saru l-Artikolu 8(2)(c) u l-Artikolu 8(5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009] — Nuqqas ta’ sinjal preċedenti użat fil-kummerċ — Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009]”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah li hija magħrufa sew fi Stat Membru

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1) u (2)(ċ))

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah li għandha reputazzjoni — Protezzjoni tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni estiża lil prodotti jew servizzi li ma jixxibhux

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(5))

3.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark mhux irreġistrata jew ta’ sinjal ieħor li huwa użat fil-kummerċ

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(4))

1.      Ma ġietx prodotta l-prova tal-użu tal-isem José Padilla bħala trade mark invokata fil-kuntest tal-oppożizzjoni magħmula kontra r-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali JOSE PADILLA bħala trade mark Komunitarja għal prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 9, 25 u 41 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice. Fil-fatt, id-dokumenti prodotti juru biss ir-reputazzjoni tal-kompożitur li miet u l-użu tal-isem tiegħu sabiex jiġi identifikat l-awtur ta’ kompożizzjonijiet mużikali, mhux l‑użu ta’ dan l-isem bħala trade mark. B’hekk ma ġietx prodotta l-prova li, fid-data tal-preżentata tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, is-sinjal JOSE PADILLA kien magħruf sew bħala trade mark fi Stat Membru u użat għal prodotti simili jew identiċi għal dawk indikati mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

(ara l-punti 53, 56)

2.      Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, li juża l-kliem “lil dawk li għalihom tkun reġistrata t-trade mark preċedenti”, jirriżulta illi din id-dispożizzjoni ma tapplikax għat-trade marks preċedenti skont l-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament ħlief fejn dawn ikunu ġew irreġistrati.

Konsegwentement, kuntrarjament għall-Artikolu 8(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, li jippermetti, fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu, l-oppożizzjoni bbażata fuq trade marks li għalihom ebda prova ta’ reġistrazzjoni ma tkun ġiet prodotta, iżda li huma magħrufa sew skont l-Artikolu 6 bis tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall‑Protezzjoni ta’ Proprjetà Industrijali, l‑Artikolu 8(5) tal-imsemmi regolament jipproteġi biss, fir-rigward ta’ prodotti jew ta’ servizzi li ma jixxibhux, it-trade marks magħrufa sew skont l-Artikolu 6 bis tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi li għalihom tkun ġiet prodotta prova ta’ reġistrazzjoni.

(ara l-punti 47, 48)

3.      Id-dritt tal-awtur ma jikkostitwixxix “sinjal [...] li huwa wżat fil-kummerċ”, fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, dwar it-trade mark Komunitarja. Fil‑fatt, mill-istruttura tal-Artikolu 52 tar-Regolament jirriżulta li dritt tal-awtur ma huwiex sinjal bħal dan. L-Artikolu 52(1)(ċ) jiddisponi li trade mark Komunitarja tiġi ddikjarata invalida meta jeżisti d-dritt preċedenti msemmi fl‑Artikolu 8(4) u li l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu jiġu sodisfatti. L‑Artikolu 52(2)(ċ) jiddisponi li trade mark Komunitarja tiġi ddikjarata nulla wkoll jekk l-użu tagħha jista’ jiġi pprojbit taħt dritt “ieħor” preċedenti u b’mod partikolari taħt dritt tal‑awtur. Minn dan isegwi li d-dritt tal-awtur ma huwiex parti mid‑drittijiet preċedenti msemmija fl-Artikolu 8(4) tal-imsemmi regolament.

(ara l-punt 65)