Language of document : ECLI:EU:T:2010:249

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

22 ta’ Ġunju 2010 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali JOSE PADILLA – Trade marks u sinjali preċedenti JOSE PADILLA – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Nuqqas ta’ trade mark magħrufa sew fis-sens tal-Artikolu 6 bis tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi u ta’ trade mark li għandha reputazzjoni – Artikolu 8(2)(ċ) u Artikolu 8(5) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li saru l-Artikolu 8(2)(c) u l-Artikolu 8(5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009] – Nuqqas ta’ sinjal preċedenti użat fil-kummerċ – Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009]”

Fil-Kawża T‑255/08,

Eugenia Montero Padilla, residenti f’Madrid (Spanja), irrappreżentata inizjalment minn G. Aguillaume Gandasegui u P. Linde Puelles, sussegwentement minn A. Salerno u M. Di Stefano, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn J. F. Crespo Carrillo, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali, huwa

José María Padilla Requena, residenti f’Santa Eulalia (Spanja), irrappreżentat minn J. F. Gallego Jiménez u J. R. Gil Cantons, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tal-1 ta’ Marzu 2008 (Każ R 516/2007‑2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Eugenia Montero Padilla u José María Padilla Requena,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President, K. Jürimäe u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Ġunju 2008,

wara li rat ir-risposta tal-UASI, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Ottubru 2008,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjent, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Novembru 2008,

wara li rat id-digriet tat-13 ta’ Lulju 2009, li ammetta li r-rikorrenti għall‑benefiċċju tal-għajnuna legali,

wara li rat li ma saritx talba għall-iffissar ta’ seduta ppreżentata mill‑partijiet fit-termini previsti, u għaldaqstant iddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal‑Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr ma tgħaddi għall-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-12 ta’ Settembru 2002, l-intervenjent, José María Padilla Requena ppreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal‑20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s‑sinjal verbali JOSE PADILLA.

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 9, 25 u 41 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall‑finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja: :

–        klassi 9: “Diski għal reġistrazzjoni tal-ħoss, kumpatti u manjetiċi; tejps manjetiċi, kassetts; tepjps tal-vidjo”;

–        klassi 25 : “Ħwejjeġ, żraben, kpiepel”;

–        klassi 41: “Edukazzjoni; taħriġ; divertiment; attivitajiet kulturali, b’mod speċifiku kitba, kompożizzjoni, reġistrazzjoni u attività mużikali”.

4        L-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil‑Bulettin tat-Trade Marks Komunitarji Nru 64/03, tal-4 ta’ Awwissu 2003.

5        Fl-4 ta’ Novembru 2003, ir-rikorrenti, Eugenia Montero Padilla, ressqet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, (li sar l‑Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra r-reġistrazzjoni tat‑trade mark li għaliha saret applikazzjoni għall-prodotti u s-servizzi msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq id-drittijiet preċedenti li ġejjin:

–        it-trade marks verbali Spanjoli JOSE PADILLA Nri 2427480 u 2476324, li l-applikazzjonijiet tagħhom għal reġistrazzjoni saru rispettivament fit-28 ta’ Settembru 2001 u fis-16 ta’ Mejju 2002, għal servizzi u għal prodotti li jaqgħu rispettivament fil-klassi 41 u fil-klassi 9;

–        it-trade mark li għandha reputazzjoni JOSE PADILLA;

–        it-trade mark magħrufa JOSE PADILLA;

–        id-drittijiet marbuta mas-sinjal JOSE PADILLA użat fil-kummerċ.

7        L-oppożizzjoni tirrigwarda l-prodotti u s-servizzi kollha koperti mill‑applikazzjoni għal trade mark.

8        Ir-raġunijiet invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk stabbiliti fl‑Artikolu 8(1)(a) u (b), fl-Artikolu 8(2)(ċ), u fl-Artikolu 8(4) u (5) tar‑Regolament Nru 40/94 [li saru l-Artikolu 8(1)(a) u (b), l‑Artikolu 8(2)(c), u l‑Artikolu 8(4) u (5) tar-Regolament Nru 207/2009].

9        Fid-9 ta’ Frar 2007, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l‑oppożizzjoni għar-raġuni li l-eżistenza ta’ trade marks Spanjoli preċedenti kif ukoll l‑użu tal-isem José Padilla bħala trade mark u r-reputazzjoni ta’ dan tal‑aħħar ma ġewx ipprovati u li d-drittijiet li fuqhom tibbaża ruħha r‑rikorrenti bħala sinjal preċedenti użat fil-kummerċ ma jistgħux jiġu invokati fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni.

10      Fl-4 ta’ April 2007, ir-rikorrenti appellat quddiem l-UASI, skont l‑Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/64 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009), mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal‑Oppożizzjoni.

11      Permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Marzu 2008 (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell ċaħad l-appell. B’mod partikolari, huwa kkunsidra li r-rikorrenti ma kinitx ipproduċiet il-prova tar-reġistrazzjoni tat-trade mark nazzjonali preċedenti, u lanqas il‑prova tal-użu, fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, li hija kellha tipproduċi, tad-drittijiet preċedenti invokati.

 It-talbiet tal-partijiet

12      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tirrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni għall-prodotti u s-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 9, 25 u 41.

13      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

14      L-intervenjent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors u tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

15      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq “effetti ġuridiċi tad-deċiżjoni kkontestata”, it-tieni nett, fuq ksur tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 7(1)(a), (b) u (ċ) tar‑Regolament Nru 40/94 [i saru l-Artikolu 4 u l-Artikolu 7(1)(a), (b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009], it-tielet nett, fuq ksur tal‑Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(f) tar‑Regolament Nru 207/2009], ir-raba’ nett, fuq ksur tal-Artikolu 8(1) u (5) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1) u (5) tar‑Regolament Nru 207/2009] u, il-ħames nett, fuq ksur tal‑Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(4) tar‑Regolament Nru 207/2009].

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq “effetti ġuridiċi tad-deċiżjoni kkontestata”

 L-argumenti tal-partijiet

16      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tippermetti lill-intervenjent jipprojbilha l‑użu tal-isem José Padilla fil-kuntest tal-użu tad-drittijiet tagħha ta’ proprjetà intellettwali.

17      Ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell li ma ħax biżżejjed inkunsiderazzjoni l-importanza tal-indikazzjoni tal-isem tal-awtur ta’ xogħol għall-użu ekonomiku ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Konsegwentement, il-Bord ta’ Appell kiser l-Artikolu 5 tad‑Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32), li jistabbilixxi preżunzjoni ta’ min għandu d-dritt tal-awtur. Skont ir-rikorrenti, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-użu tajjeb tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li hija għandha fuq ix-xogħol taz‑ziju tagħha huwa suġġett għall-indikazzjoni tal-isem José Padilla fuq il-mezzi fonografiċi u awdjoviżivi kollha, kif ukoll fir-reklamar jew fil‑programmi ta’ kunċert.

18      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tispeċifika li hija ma tistax tinvoka l‑Artikolu 12 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 12 tar‑Regolament Nru 207/2009) li huwa intiż, b’mod partikolari, għall‑protezzjoni tat-terzi li jużaw l-isem tiegħu fil-kummerċ, sa fejn l‑isem José Padilla huwa dak taz-ziju tagħha u mhux l-isem tagħhom.

19      L-UASI jsostni li d-Direttiva 2004/48 ġiet adottata wara d-data tal‑preżentata tal-oppożizzjoni u li dan il-motiv huwa inammissibbli skont l‑Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, moqri flimkien mal-Artikolu 135(4) tal-istess regolament, li jgħid li s‑sottomissjonijiet tal-partijiet ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal‑kontroversja quddiem il-Bord tal-Appell.

20      L-intervenjent iqis li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma jipprekludix l-użu tal-isem José Padilla mir‑rikorrenti, peress li din “tidentifika b’mod ċar” l-awtur tax‑xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal‑awtur li għandha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

21      Għandu jitfakkar illi rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 65(2) tar‑Regolament Nru 207/2009] huwa intiż li jistħarreġ il-legalità tad‑deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell. Fil-kuntest tal-imsemmi regolament, b’applikazzjoni tal-Artikolu 74 (li sar l-Artikolu 76 tar‑Regolament Nru 207/2009), dan l-istħarriġ għandu jsir fid-dawl tal‑kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża kif ġiet ippreżentata quddiem il-Bord tal‑Appell (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Frar 2005, SPAG vs UASI – Dann u Backer (HOOLIGAN), T‑57/03, Ġabra p. II‑287, punt 17, u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma tistax tannulla jew temenda d-deċiżjoni li hija s-suġġett tar‑rikors għal raġunijiet li jiġu esposti wara li din tkun ittieħdet (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Mejju 2006, Sunrider vs UASI, C‑416/04 P, Ġabra p. I‑4237, punt 55, u tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul, C‑29/05 P, Ġabra p. I‑2213, punt 53).

22      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura, is‑sottomissjonijiet tal-partijiet ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal‑kontroversja quddiem il-Bord tal-Appell.

23      Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti, meta allegat, għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, li r-reġistrazzjoni tat‑trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tippermetti lill‑intervenjent li jipprojbilha l-użu tal-isem José Padilla fil-kuntest tal‑użu tad-drittijiet tagħha ta’ proprjetà intellettwali, biddlitx is-suġġett tal-kontroversja.

24      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm xi argumenti dwar il-portata tad-dritt esklużiv mogħti lill-intervenjent fil-każ ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ġew invokati mir-rikorrenti fil-kuntest tal-appell tagħha quddiem il-Bord tal‑Appell, dawn ġew invokati fil-kuntest ta’ motivi bbażati fuq l‑eżistenza ta’ trade marks u ta’ sinjal preċedenti, imqajma insostenn ta’ appell li sar minn deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tad-9 ta’ Frar 2007. Fil‑fatt, kif intqal fil-punt 8 iktar ’il fuq, ir-raġunijiet invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(a) u (b), fl-Artikolu (8)(2)(ċ) u fl-Artikolu 8(4) u (5) tar-Regolament Nru 40/94.

25      Issa, minn dan il-motiv, ir-rikorrenti, essenzjalment, titlob lill-Qorti Ġenerali tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal‑Artikolu 9 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 9 tar‑Regolament Nru 207/2009).

26      Għaldaqstant, hemm lok li, skont id-dispożizzjonijiet tar‑Regolament 40/94 u tar-regoli tal-proċedura mfakkra fil-punti 21 u 22 iktar ’il fuq, l-ewwel aggravju jiġi miċħud bħala inammissibbli.

27      Għall-kompletezza, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk, kif tiddikjara r‑rikorrenti, l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l‑Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 207/2009) jippermetti lill‑intervenjent, fil-każ ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li jipprojbixxilha l-użu tal-isem ta’ José Padilla għall‑finijiet tal-użu tad-drittijiet tagħha ta’ proprjetà intellettwali, dan ma jistax jaffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, li tiċħad l‑oppożizzjoni tar-rikorrenti.

28      Fil-fatt, ir-raġunijiet li fuqhom oppożizzjoni tista’ tiġi bbażata, kif stabbiliti fl-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l‑Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 207/2009], huma biss ir-raġunijiet relattivi għal rifjut, kif jinsabu fl-Artikolu 8 tal-istess regolament (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ April 2003, Durferrit vs UASI – Kolene (NU-TRIDE), T‑224/01, Ġabra p. II‑1589, punt 72). Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 40/94 jiddefinixxi l-firxa tad‑dritt mogħti mit-trade mark Komunitarja u, għaldaqstant, l-effetti tar-reġistrazzjoni ta’ din l-imsemmija trade mark, iżda ma jirrigwardax il-kundizzjonijiet tar-reġistrazzjoni. Konsegwentement, l-imsemmi Artikolu 9 ma jagħmilx parti mill-kuntest ġuridiku li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-UASI meta jeżamina applikazzjoni għal reġistrazzjoni jew oppożizzjoni.

29      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, għalkemm l-ewwel motiv ma kienx inammissibbli f’dan il-każ, kien hemm lok li jiġi miċħud bħala inapplikabbli.

 Fuq it-tieni u t-tielet motivi, ibbażati rispettivament fuq ksur tal‑Artikolu 4 u tal-Artikolu 7(10(a), (b) u (ċ) tar-Regolament Nru 40/94 u fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

30      Ir-rikorrenti ssostni li l-isem Padilla ma għandux karattru suffiċjentement distint sabiex jippermetti lill-konsumaturi jiddistingwu l-prodotti u s-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 9 u 41 fis-suq, peress li huwa isem komuni fi Spanja. Konsegwentement, il-Bord tal-Appell kiser id‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94 li bih is‑sinjal użat għandu jippermetti li jiġi distint il-prodott jew is-servizz fis-suq, u dawk tal-Artikolu 7(1)(a), (b) u (ċ), li jipprojbixxu r‑reġistrazzjoni ta’ sinjali li ma humiex konformi mal-Artikolu 4 tal‑imsemmi regolament, ta’ trade marks li ma għandhomx karattru distintiv, kif ukoll ir-reġistrazzjoni ta’ trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali li jistgħu jservu sabiex jindikaw karatteristiċi tal‑prodotti jew tas-servizzi kkonċernati.

31      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tmur kontra l-ordni pubbliku sa fejn hija tillimita l-eżerċizzju tad‑drittijiet tal-awtur li l-istess rikorrenti għandha fuq ix-xogħlijiet taz‑ziju tagħha u li r-reġistrazzjoni tagħha, għaldaqstant, tmur kontra l‑Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 40/94.

32      L-UASI jqis li dawn il-motivi huma inammissibbli peress li ma tqajmux mir-rikorrenti quddiem id-Diviżjoni tal‑Oppożizzjoni, u lanqas quddiem il-Bord tal-Appell. Skont l-UASI, l-imsemmija motivi għandhom, konsegwentement, jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

33      L-intervenjenti ssostni li l-isem José Padilla jissodisfa l-kriterji kollha sabiex ikunu distinti l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni u li ma jistax jiġi kkwalifikat bħala isem ġeneriku.

34      Barra minn hekk, l-intervenjent jikkunsidra li r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba ma tmurx kontra l-ordni pubbliku u jispeċifika li l‑Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 40/94 ma huwiex applikabbli għall-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u barra minn hekk lanqas ma ġie invokat f’dan il-kuntest.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

35      Fir-rigward tat-tieni u t-tielet motivi, għandu jitfakkar li mill‑formulazzjoni tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 40/94, kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 42 u tal-Artikolu 43 tal-imsemmi regolament (li sar l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 207/2009), jirriżulta li r-raġunijiet assoluti għal rifjut li hemm fl-Artikolu 7 tal‑istess regolament (li sar l‑Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009) ma għandhomx jiġu eżaminati fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni. Fil-fatt, ir-raġunijiet li fuqhom oppożizzjoni tista’ tkun ibbażata, kif stabbiliti fl-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 40/94, huma biss ir-raġunijiet relattivi għal rifjut kif imsemmija fl-Artikolu 8 tal-istess regolament. Barra minn hekk, il-proċedura ta’ reġistrazzjoni hija kkaratterizzata minn stadji differenti li jistgħu jinġabru kif ġej. L‑ewwel nett, fil-kuntest tal-produra ta’ eżami, l-UASI jeżamina ex officio jekk raġuni assoluta għal rifjut tipprekludix ir-reġistrazzjoni tat‑trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, skont l-Artikolu 38(1) tar‑Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 37(1) tar-Regolament Nru 207/2009], u jekk dan ma huwiex il-każ, l-applikazzjoni għal trade mark tiġi ppubblikata skont l-Artikolu 38(1) u l-Artikolu 40(1) tar‑Regolament [li sar l-Artikolu 39(1) tar-Regolament Nru 207/2009]. Imbagħad, jekk titressaq oppożizzjoni f’terminu ta’ tliet xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni tat-trade mark, skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 40/94, l-UASI jeżamina, fil-kuntest tal‑proċedimenti ta’ oppożizzjoni, ir-raġunijiet relattivi għal rifjut invokati mill-opponent, skont l-Artikolu 74(1) in fine, tal-imsemmi regolament [li sar l‑Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009] [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali NU-TRIDE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72, u tat-30 ta’ Ġunju 2004, BMI Bertollo vs UASI – Diesel (DIESELIT), T‑186/02, Ġabra p. II‑1887, punt 71].

36      Għandu wkoll jiġi rrilevat li għalkemm l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 40(1) tar-Regolament Nru 207/2009] jippermetti lil terzi jressqu osservazzjonijiet quddiem l-UASI fir‑rigward, b’mod partikolari, tar-raġunijiet assoluti għal rifjut, jibqa’ l‑fatt li mill-proċess ma jirriżultax li r-rikorrenti kienet, f’dan il-każ, ippreżentat dawn l-osservazzjonijiet rigward l-Artikolu 7(1)(f) tal-istess regolament lill-UASI. Barra minn hekk, anki jekk dan kien il-każ, l‑effetti ta’ tali osservazzjonijiet ikunu limitati għal li l-UASI jevalwa jekk hemmx lok li tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura ta’ eżami sabiex tiġi vverifikata jekk ir-raġuni assoluta għal rifjut invokata mir-rikorrenti tipprekludix ir-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba. Minn dan isegwi li ma huwiex fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni li l-UASI għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet ta’ terzi ppreżentati skont l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 40/94, u dan jibqa’ hekk ukoll anki jekk dawn il-kummenti kienu ġew ippreżentati lilha (sentenza NU-TRIDE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 73).

37      Għaldaqstant, la l-Artikolu 4, la l-Artikolu 7(1)(a), (b) u (ċ) tar‑Regolament Nru 40/94, u lanqas l-Artikolu 7(1)(f) tal-istess regolament ma jinsabu fost id-dispożizzjonijiet li taħthom il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi evalwata.

38      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni u t-tielet motivi għandhom jiġu miċħuda

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1) u (5) tar‑Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

39      Ir-rikorrenti ssostni li l-isem José Padilla jikkostitwixxi trade mark preċedenti magħrufa, li r-rikorrenti stess hija l-proprjetarja tagħha, li għandha, konsegwentement, ikollha protezzjoni li tiġġustifika li applikazzjoni għal reġistrazzjoni tas-sinjal verbali JOSE PADILLA bħala trade mark tiġi miċħuda.

40      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tallega li l-Bord tal-Appell kien żbaljat meta kkunsidra li d-dokumenti pprovduti juru l-prestiġju, il-fama u r‑reputazzjoni li kien igawdi minnha l-kompożitur li miet, iżda bl-ebda mod ma juru r-“r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti”, li interpreta ħażin il-provi li hija kienet ipproduċiet rigward il-volum tal-bejgħ, it-tul, l-intensità jew il-portata ġeografika tal-użu tat-trade mark preċedenti u li ma analizzax fid-dettall id-dokumenti kollha għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, għalkemm l-imsemmija dokumenti setgħu juru r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti

41      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li teżisti identiċità perfetta bejn it‑trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti magħrufa, li ntużat kontinwament mill-ħolqien tax-xogħlijiet, kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment, fil-kummerċ, u għalhekk hemm probabbiltà ta’ konfużjoni.

42      L-UASI jqis li r-rikorrenti qed tikkonfondi r-reputazzjoni tal‑kompożitur, li huwa ma jikkontestax, mal-użu ta’ ismu bħala trade mark.

43      Skont l-UASI, anki jekk ix-xandir ta’ melodiji tal-kompożitur fuq ir‑radju, it-televiżjoni jew fiċ-ċinema jista’ jikkostitwixxi l-użu ta’ trade mark, huma biss il-melodija, it-titolu tal-kanzunetta jew l-isem tal‑artista ta’ din il-kanzunetta li huma marbuta mat-trade mark. Huwa jsostni li l-pubbliku jassoċja melodija mal-kompożitur tagħha b’mod eċċezzjonali biss, kif muri minn ċerti riċerki li saru fuq l-Internet. Għaldaqstant l-UASI jqis li r-rikorrenti ma pprovat ebda użu kummerċjali tal‑isem José Padilla bħala trade mark.

44      Barra minn hekk, l-UASI jirrikonoxxi li l-formulazzjoni dwar in-nuqqas ta’ eżami eżawrjenti tad-dokumenti prodotti mir-rikorrenti għal raġunijiet ta’ ekonomija proċedurali hija stramba u xi ftit konfuża, iżda din il-formulazzjoni ma tindikax kontradizzjoni jew nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn id-dokumenti ġew evalwati f’parametri definiti b’mod ċar, bħas-sehem mis-suq miżmum mit-trade mark, l-intensità, il‑firxa ġeografika u t-tul tal-użu tagħha u l-ammont ta’ investimenti li saru sabiex jippromwovuha. Peress li r-rikorrenti ma ressqet ebda dokument li għandu informazzjoni dwar l-imsemmija parametri, l-UASI jqis li l-użu tal-isem José Padilla bħala trade mark ma ntweriex. B’mod partikolari, la l-użu tal-imsemmi isem fil-krediti ta’ films, la l-qoxriet ta’ CD (diska kompatta), la listi ta’ muntaġġ ta’ sekwenzi mużikali (cue sheets), la l-bolol li għandhom wiċċ il-kompożitur, la l-ħolqien ta’ dar bħala mużew, u lanqas id-dikjarazzjoni ta’ interess universali tax-xogħol, tal-kompożitur li miet, mill-Organizzazzjoni għall-edukazzjoni, xjenza u kultura tan‑Nazzjonijiet Uniti (UNESCO) ma juru l-użu tal-isem José Padilla bħala trade mark. Konsegwentement, l-UASI jsostni li l-imsemmi isem għandu biss użu “istituzzjonali” mir-rikorrenti u mhux użu kummerċjali.

45      Fl-aħħar nett, l-UASI jsostni li l-isem José Padilla jintuża biss sabiex jidentifika l-awtur ta’ kompożizzjonijiet mużikali u mhux sabiex jiddistingwi l-oriġini kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni. Konsegwentement, ma tistax tiġi dedotta, mir-reputazzjoni tal‑kompożitur, l-eżistenza ta’ użu tal-isem tiegħu bħala trade mark magħrufa sew. Tali użu ma jirriżulta minn ebda wieħed mid-dokumenti prodotti mir-rikorrenti.

46      L-intervenjent jirrileva li r-rikorrenti ma pproduċietx il-prova tal‑eżistenza ta’ trade mark irreġistrata, li hija proprjetarja tagħha, lanqas ta’ trade mark preċedenti magħrufa sew.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

47      Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(5) tar‑Regolament Nru 40/94, sa fejn ir-rikorrenti kellha l-intenzjoni li tinvoka r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti JOSE PADILLA, fis‑sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jitfakkar li, skont il‑ġurisprudenza, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, li juża l-kliem “lil dawk li għalihom tkun reġistrata it-trade mark preċedenti”, jirriżulta illi din id-dispożizzjoni ma tapplikax għat‑trade marks preċedenti skont l-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-Regolament ħlief fejn dawn ikunu ġew irreġistrati [sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2007, Mülhens vs UASI – Minoronzoni (TOSCA BLU), T‑150/04, Ġabra p. II‑2353, punt 55 ; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Settembru 1999, General Motors, C‑375/97, Ġabra p. I‑5421, punt 23, u tat-23 ta’ Ottubru 2003, Adidas-Salomon u Adidas Benelux, C‑408/01, Ġabra p. I‑12537, punt 22].

48      Konsegwentement, kuntrarjament għall-Artikolu 8(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94, li jippermetti, fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu, l-oppożizzjoni bbażata fuq trade marks li għalihom ebda prova ta’ reġistrazzjoni ma tkun ġiet prodotta, iżda li huma magħrufa sew skont l-Artikolu 6 bis tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall‑Protezzjoni ta’ Proprjetà Industrijali, tal-20 ta’ Marzu 1883, kif irriveduta u emendata (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Pariġi”), l‑Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 jipproteġi biss, fir-rigward ta’ prodotti jew ta’ servizzi li ma jixxibhux, it-trade marks magħrufa sew skont l-Artikolu 6 bis tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi li għalihom tkun ġiet prodotta prova ta’ reġistrazzjoni (sentenza TOSCA BLU, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

49      F’dan il-każ, il-prova tar-reġistrazzjoni tat-trade mark preċedenti JOSE PADILLA, invokata mir-rikorrenti, ma ġietx madankollu prodotta. Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li r-rikorrenti ma bbażatx ruħha, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, fuq it-trade marks nazzjonali preċedenti registrati li hija kienet invokat quddiem l-UASI (ara l-punt 6 hawn fuq), iżda sempliċement qed issostni li t-trade mark JOSE PADILLA hija magħrufa sew.

50      Konsegwentement, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(5) tar‑Regolament Nru 40/94 huwa miċħud.

51      Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 40/94, għar-raġuni li l-Bord tal-Appell b’mod żbaljat ikkunsidra li d-dokumenti prodotti ma jurux ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti JOSE PADILLA, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 8(2)(ċ) tar‑Regolament Nru 40/94, għall-finijiet tal-Artikolu 8(2)(ċ) tal-istess regolament, “trade marks preċedenti” huma trade marks li, fid-data tal‑applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, jew, jekk ikun il-każ, fid-data tal-prijorità invokata insostenn tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, huma magħrufa sew fi Stat Membru fis-sens tal‑Artikolu 6 bis tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

52      Skont l-Artikolu 6 bis tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, l-Istati Membri ta’ din il-konvenzjoni jimpenjaw ruħhom kemm ex officio, jekk il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż tippermetti dan, kemm fuq talba tal-interessat, li jirrifjutaw jew jinvalidaw ir-reġistrazzjoni u li jipprojbixxu l-użu ta’ trade mark li tikkostitwixxi r-riproduzzjoni, l-imitazzjoni jew it-traduzzjoni, li tista’ toħloq konfużjoni, ta’ trade mark li l-awtorità kompetenti tal-pajjiż ta’ reġistrazzjoni jew ta’ użu tqis li hija magħrufa sew kif inhi diġà t-trade mark ta’ persuna aċċettata sabiex tibbenefika minn din il-konvenzjoni u użata għal prodotti identiċi jew li jixxiebhu.

53      Għalhekk huwa obbligu tar-rikorrenti li tipproduċi l-prova li, fid-data tal-preżentata tat-trade mark, it-trade mark preċedenti JOSE PADILLA invokata minnha kienet magħrufa sew fi Stat Membru u użata għal prodotti simili jew identiċi għal dawk indikati mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

54      Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma ressqitx provi li jistgħu jagħtu informazzjoni dwar l-użu tal-isem José Padilla bħala trade mark. Fil‑fatt, għalkemm id-dokumenti prodotti mir-rikorrenti jirriflettu s‑suċċess tal-mużika komposta minn José Padilla, kif ukoll ir‑reputazzjoni u l-fama tiegħu bħala kompożitur, jibqa’ l-fatt li ma dawn huma biss indikazzjonijiet ta’ natura artistika tax-xogħol mużikali tal-kompożitur li miet u mhux indikazzjonijiet dwar l-oriġini kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi li huma kkummerċjalizzati b’riferiment għall-isem José Padilla, inklużi films, DVD (Digital Versatile Disc) jew ta’ programmi tat-televiżjoni.

55      B’mod partikolari, l-eżempji ċċitati tal-“użu ekonomiku u kummerċjali kunsiderevoli” tax-xogħlijiet ta’ José Padilla skont ir-rikorrenti ma jistgħux jistabbilixxu użu ta’ dan l-isem bħala trade mark. Ir-rikorrenti ssostni li dan l-użu kien jikkonsisti fil-pubblikazzjoni ta’ wħud mill‑ispartiti tal-mużika ta’ dan il-kompożitur, l-interpretazzjoni tax‑xogħlijiet tiegħu fuq mezzi fonigrafiċi u awdjoviżivi (CD u DVD), l-inklużjoni tal-mużika tiegħu fil-kolonni sonori tal-films, il-produzzjoni ta’ prodotti tat-tessuti assoċjati ma’ José Padilla u l-mużew iddedikat lilu u l-ittikkettjar ta’ nbid bil-tikketta li għandha l-isem inkwistjoni. Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest ta’ dawn l-attivitajiet kollha, l‑użu tal-isem José Padilla ma sarx għall-finijiet li tiġi permessa l‑identifikazzjoni tal-oriġini kummerċjali ta’ dawn il-prodotti. Fil-fatt, il-pubbliku rilevanti ċertament ma ħasibx li s-CD, id-DVD, il‑prodotti tessili u l-inbid kienu prodotti minn José Padilla jew minn impriża li għandha dan l-isem, iżda jew li l-produtturi tas-CD u d-DVD għamlu riproduzzjoni ta’ xogħol ta’ Josè Padilla, jew li l-prodotti tessili u l-inbid li għandhom ismu jew immaġni tiegħu huwa ddestinati li jagħtuh unur. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma pproduċiet ebda prova li tista’ tistabbilixxi s-sehem mis-suq miżmum mill-allegata trade mark magħrufa JOSE PADILLA, l-intensità u l-firxa ġeografika tal-użu tagħha, kif ukoll l-ammont tal-investimenti li saru fil‑promozzjoni tagħha.

56      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma pprovatx l-użu tal-isem José Padilla bħala trade mark u li l-Bord tal-Appell, meta adotta, fil-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, seta’ jikkonkludi ġustament li d-dokumenti prodotti juru biss ir-reputazzjoni tal-kompożitur li miet u l-użu tal-isem tiegħu sabiex jiġi identifikat l-awtur ta’ kompożizzjonijiet mużikali, mhux l‑użu ta’ dan l-isem bħala trade mark.

57      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti dwar in-nuqqas mill-Bord tal‑Appell li jeżamina d-dokumenti kollha prodotti “għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju”, mill-punt 7 tad-deċiżjoni kkontestata, liema deċiżjoni tiġbor fil-qosor ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal‑Oppożizzjoni li l-Bord tal-Appell adotta, jirriżulta li l-Bord tal‑Appell evalwa d-dokumenti kollha sottomessi mir-rikorrenti qabel ma kkonkluda, ġustament, li dawn id-dokumenti ma kinux relatati mal‑użu tal-isem ta’ José Padilla bħala trade mark u għalhekk kienu irrilevanti. Għalhekk l-UASI ma jistax jiġi kkritikat li ma ħax debitament inkunsiderazzjoni l-provi prodotti mir-rikorrenti.

58      Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

59      Ir-rikorrenti ssostni li l-isem José Padilla huwa użat fil-kummerċ peress li l-isfruttament ta’ xogħol mużikali jikkostitwixxi attività ekonomika. F’dan il-każ, din l-attività hija ta’ portata internazzjonali u mhux purament lokali. Hija tqis, barra minn hekk, li d-drittijiet tal-awtur jistgħu jikkostiwixxu limitu għall-użu ta’ trade mark skont id-dritt Spanjol u d-dritt tal-Unjoni.

60      L-UASI jsostni li d-dritt għall-isem ma huwiex dritt preċedenti msemmi fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 u li jista’ jservi biss sabiex issir talba għal dikjazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark irreġistrata u mhux sabiex isiru proċedimenti ta’ oppożizzjoni. Barra minn hekk, id‑dritt Spanjol ma jirrikonoxxix it-trade marks mhux irreġistrati, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti.

61      Barra minn hekk, l-UASI jqis li l-interpretazzjoni li r-rikorrenti tat tal‑Artikolu 9(1) tal-Ley de marcas (Liġi Spanjola dwar it-Trade Marks), dwar il-projbizzjoni għal individwu milli juża l-isem ċivili tiegħu bħala trade mark, peress li dan l-isem jidentifika persuna oħra magħrufa mill‑pubbliku, huwa diffiċilment kompatibbli mal-fatt li l‑intervenjent huwa l-proprjetarju tat-trade mark Spanjola JOSE PADILLA, trade mark irreġistrata fl-1 ta’ Lulju 2000 bin‑numru 2272097, għal prodotti fil‑klassi 9.

62      L-intervenjent jenfasizza li r-rikorrenti ma pproduċietx il-prova tal‑karattru distintiv tal-isem José Padilla, peress li ġie użat għall-finijiet li jiġi indikat l-awtur ta’ kompożizzjonijiet mużikali u mhux bħala trade mark.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

63      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-protezzjoni tad-dritt għall-isem bħala sinjal użat fil-kummerċ u li l-portata tiegħu ma hijiex biss lokali, għandu jiġi kkonstatat li, kif enfasizzat ġustament ir-rikorrenti, l-isem José Padilla ma huwiex tagħha u li għalhekk hija ma għandhiex dritt fuq dak l-isem. Għaldaqstant, hija ma tistax tallega tali protezzjoni.

64      Minn dan isegwi li, sakemm ir-rikorrenti kellha l-intenzjoni tinvoka ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, skont id-dritt għall‑isem, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

65      Fir-rigward, insegwitu, tal-protezzjoni li għandha tingħata lid-drittijiet tal‑awtur li hija għandha fuq ix-xogħlijiet taz-ziju tagħha, għandu jiġi kkunsidrat li d-dritt tal-awtur ma jikkostitwixxix “sinjal [...] li huwa wżat fil-kummerċ”, fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94. Fil‑fatt, mill-istruttura tal-Artikolu 52 tar-Regolament (li sar l‑Artikolu 53 tar-Regolament Nru 207/2009) jirriżulta li dritt tal-awtur ma huwiex sinjal bħal dan. Din id-dispożizzjoni tipprovdi, fl-Artikolu 52(1)(ċ) [li sar l-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009], li trade mark Komunitarja tiġi ddikjarata invalida meta jeżisti d-dritt preċedenti msemmi fl-Artikolu 8(4) u li l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu jiġu sodisfatti. L-Artikolu 52(2)(ċ) [li sar l‑Artikolu 53(2)(c) tar-Regolament Nru 207/2009] jiddisponi li trade mark Komunitarja tiġi ddikjarata nulla wkoll jekk l-użu tagħha jista’ jiġi pprojbit taħt dritt “ieħor” preċedenti u b’mod partikolari taħt dritt tal‑awtur. Minn dan isegwi li d-dritt tal-awtur ma huwiex parti mid‑drittijiet preċedenti msemmija fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94.

66      F’dak li jirrigiwarda, fl-aħħar nett, l-użu tal-isem José Padilla fil-kuntest tal-bejgħ, mir-rikorrenti, ta’ tessuti u ta’ nbid li għandhom l-isem ta’ José Padilla, in-nuqqas totali ta’ provi li juru l-pożizzjoni u d-daqs ta’ attività ekonomika bħal din diġà ġie rrilevat fil-punt 55 iktar ’il fuq.

67      Għaldaqstant, l-argument ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(4) tar‑Regolament Nru 40/94 għandu jiġi miċħud.

68      Għall-kompletezza, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tar-rikorrenti dwar il-limitu li jikkostitwixxu, skont id-dritt nazzjonali u d-dritt tal‑Unjoni, id-drittijiet li hija għandha fir-rigward tal-użu ta’ trade mark iktar reċenti.

69      Minn naħa, ir-rikorrenti ma pprovatx li d-dritt Spanjol jippermetti lill‑proprjetarji ta’ drittijiet tal-awtur jipprojbixxu l-użu ta’ trade mark iktar reċenti. Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, għall-finijiet tal‑applikazzjoni tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli abbażi tar-riferiment li tagħmel din id-dispożizzjoni kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-qrati tal-Istat Membru kkonċernat [ara s‑sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Ġunju 2009, Last Minute Network vs UASI – Last Minute Tour (LAST MINUTE TOUR), T‑114/07 u T‑115/07, Ġabra p. II‑1919, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Marzu 2009, Moreira da Fonseca vs UASI – General Óptica (GENERAL OPTICA), T‑318/06 sa T‑321/06, Ġabra p. II‑663, punti 32 u 34]. Issa, f’dan il‑każ, mill-proċess jirriżulta li r-rikors għal invalidità ppreżentat mir‑rikorrenti kontra t-trade mark Spanjola JOSE PADILLA, li l‑intervenjent huwa proprjetarju tagħha kien ibbażat, inter alia, fuq id‑drittijiet tal-awtur li hija kellha. Dan ir-rikors kien ġie miċħud permezz tas-sentenza Nru 523/2002 tal-Juzgado de Primera Instancia de Palma de Mallorca (Qorti tal-ewwel istanza ta’ Palma de Mallorca, Spanja) tad-29 ta’ Ottubru 2004, liema sentenza saret finali.

70      Min-naħa l-oħra, fir-rigward id-dritt tal-Unjoni, huwa suffiċjenti f’dan il‑każ li jiġi rrilevat li, fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, id‑drittijiet tal-awtur ma jistgħux jiġu invokati sabiex issir oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, kif ġie spjegat fil‑punt 65 iktar ’il fuq.

71      Minn dan isegwi li d-drittijiet tal-awtur li għandha r-rikorrenti fuq ix‑xogħlijiet ta’ José Padilla ma jistgħux jostakolaw ir-reġistrazzjoni tat‑trade mark Komunitarja la taħt id-dritt Spanjol u lanqas taħt id-dritt Komunitarju.

72      Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

73      Għalhekk, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu, mingħajr ma jkun neċessarju li jkun hemm deċiżjoni fuq it-tieni kap tat-talbiet tar‑rikorrenti sa fejn il-Qorti Ġenerali hija mitluba tirrifjuta li tirreġistra t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti u s‑servizzi fil-klassijiet 9, 25 u 41.

 Fuq lspejjeż

74      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r‑rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI u mill-intervenjent.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Eugenia Montero Padilla għandha tbati l-ispejjeż tagħha, kif ukoll dawk tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) u ta’ José María Padilla Requena.

Pelikánová

Jürimäe

Soldevila Fragoso

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ Ġunju 2010.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.