Language of document : ECLI:EU:T:2023:561

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

20 ta’ Settembru 2023 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna implimentata mill-Belġju – Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u illegali u li tordna l-irkupru tal-għajnuna mħallsa – Deċiżjoni fiskali bil-quddiem (tax ruling) – Profitti taxxabbli – Eżenzjoni tal-profitti eċċessivi – Vantaġġ – Natura selettiva – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Irkupru”

Fil-Kawża T‑131/16 RENV,

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn C. Pochet u M. Jacobs, bħala aġenti, assistiti minn M. Segura u M. Clayton, avukati,

rikorrent,

sostnut minn

L-Irlanda, irrappreżentata minn M. Browne, A. Joyce, D. O’Reilly u J. Quaney, bħala aġenti, assistiti minn P. Gallagher, M. Collins, C. Donnelly, SC, B. Doherty u D. Fennelly, barristers,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Stromsky, P.‑J. Loewenthal u F. Tomat, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),

komposta minn A. Marcoulli, Presidenta, S. Frimodt Nielsen, V. Tomljenović (Relatriċi), R. Norkus u W. Valasidis, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li rat is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju u Magnetrol International (C‑337/19 P, EU:C:2021:741),

wara s-seduta tat‑8 ta’ Frar 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-Renju tal-Belġju jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1699 tal‑11 ta’ Jannar 2016 dwar l-iskema ta’ għajnuna li tirrigwarda l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv SA.37667 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Belġju (ĠU 2016, L 260, p. 61, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Il-fatti li wasslu għall-kawża kif ukoll il-kuntest ġuridiku relatat magħha ġew esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 1 sa 28 tas-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2019, Il‑Belġju u Magnetrol International vs Il‑Kummissjoni (T‑131/16 u T‑263/16, EU:T:2019:91), kif ukoll mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 1 sa 24 tas-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju u Magnetrol International (C‑337/19 P, EU:C:2021:741). Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, dawn jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

3        Permezz ta’ deċiżjoni bil-quddiem adottata mid-“Dipartiment tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem” tas-service public fédéral des finances belge (is-Servizz Pubbliku Federali tal-Finanzi Belġjan), abbażi tal-Artikolu 185(2)(b) tal-code des impôts sur les revenus 1992 (il-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul tal‑1992, iktar ’il quddiem iċ-“CIR 92”), moqri flimkien mal-Artikolu 20 tal-loi du 24 décembre 2002 modifiant le régime des sociétés en matière d’impôts sur les revenus et instituant un système de décision anticipée en matière fiscale (il-Liġi tal‑24 ta’ Diċembru 2002, li Temenda s-Sistema tat-Taxxa fuq id-Dħul tal-Kumpanniji u li Tistabbilixxi Sistema ta’ Deċiżjonijiet bil-Quddiem fil-Qasam Fiskali) (Moniteur belge tal‑31 ta’ Diċembru 2002, p. 58817, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑24 ta’ Diċembru 2002”), il-kumpanniji residenti Belġjani li jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali u l-istabbilimenti permanenti Belġjani ta’ kumpanniji residenti barranin li jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali setgħu jnaqqsu l-bażi taxxabbli tagħhom fil-Belġju billi jnaqqsu l-profitti, meqjusa bħala “eċċessivi”, mill-profitti li huma kienu rreġistraw. Permezz ta’ din is-sistema, parti mill-profitti li saru mill-entitajiet Belġjani li jibbenefikaw minn deċiżjoni bil-quddiem ma kinitx intaxxata fil-Belġju. Skont l-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani, dawn il-profitti eċċessivi kienu jirriżultaw minn sinerġiji, minn ekonomiji ta’ skala jew minn benefiċċji oħra li jirriżultaw mill-fatt li jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali u għalhekk ma kinux imputabbli lill-entitajiet Belġjani inkwistjoni.

4        Wara proċedura amministrattiva li bdiet fid‑19 ta’ Diċembru 2013, permezz ta’ ittra li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea talbet lir-Renju tal-Belġju jipprovdilha informazzjoni dwar is-sistema ta’ deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem, dwar il-profitti eċċessivi, li kienu bbażati fuq l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata fil‑11 ta’ Jannar 2016.

5        Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-iskema ta’ eżenzjoni tal-profitti eċċessivi, li kienet ibbażata fuq l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, li abbażi tiegħu r-Renju tal-Belġju kien ħareġ deċiżjonijiet bil-quddiem favur entitajiet Belġjani ta’ gruppi multinazzjonali ta’ impriżi, li jagħtu lill-imsemmija entitajiet eżenzjoni għal parti mill-profitti li huma kienu jagħmlu, kienet tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna mill-Istat, li tagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarji tagħha, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li kienet inkompatibbli mas-suq intern.

6        Għalhekk, il-Kummissjoni sostniet, prinċipalment, li l-iskema inkwistjoni kienet tagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarji tad-deċiżjonijiet bil-quddiem, sa fejn l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi tagħhom applikata mill-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani kienet tidderoga mis-sistema komuni tat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Belġju. Sussidjarjament, il-Kummissjoni qieset li l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi setgħet tagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarji tad-deċiżjonijiet bil-quddiem, sa fejn tali eżenzjoni kienet titbiegħed mill-prinċipju ta’ distakkament.

7        Peress li kkonstatat li l-iskema inkwistjoni kienet ġiet implimentata bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, il-Kummissjoni ordnat l-irkupru tal-għajnuna hekk mogħtija mingħand il-benefiċjarji tagħha, li l-lista definittiva tagħhom kellha sussegwentement tiġi stabbilita mir-Renju tal-Belġju.

A.      Fuq issentenza inizjali

8        Wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Renju tal-Belġju u diversi impriżi, identifikati mill-imsemmija deċiżjoni jew li bbenefikaw minn deċiżjoni bil-quddiem bis-saħħa tal-iskema inkwistjoni, ippreżentaw rikorsi intiżi għall-annullament ta’ dik id-deċiżjoni.

9        Permezz tas-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2019, Il‑Belġju u Magnetrol International vs Il‑Kummissjoni (T‑131/16 u T‑263/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza inizjali”, EU:T:2019:91), fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala infondati l-motivi bbażati, essenzjalment, fuq ksur mill-Kummissjoni tal-kompetenzi tagħha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u fuq indħil fil-kompetenzi esklużivi tar-Renju tal-Belġju fil-qasam tat-tassazzjoni diretta.

10      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali qieset li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet ikkonstatat b’mod żbaljat l-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna, bi ksur tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9), u, konsegwentement, annullat id-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma qieset li kien neċessarju li teżamina l-motivi l-oħra li kienu tqajmu kontriha.

B.      Fuq issentenza talappell

11      Wara l-appell ippreżentat mis-sentenza inizjali, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha tas‑16 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju u Magnetrol International (C‑337/19 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-appell”, EU:C:2021:741).

12      Fis-sentenza tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li s-sentenza inizjali kienet ivvizzjata bi żbalji ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali kienet ikkunsidrat li l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet b’mod żbaljat li f’dan il-każ kien hemm skema ta’ għajnuna.

13      Abbażi ta’ dawn l-iżbalji li nstabu mill-Qorti tal-Ġustizzja, is-sentenza inizjali ġiet annullata.

14      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tiddeċiedi definittivament fuq il-motivi li hija kkunsidrat li kienu fi stat li jiġu deċiżi, jiġifieri dawk li jikkonċernaw l-indħil tal-Kummissjoni fil-kompetenzi esklużivi tar-Renju tal-Belġju fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, minn naħa, u dawk relatati mal-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna, min-naħa l-oħra.

15      Għalhekk, qabel kollox u bħall-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet il-motivi dwar l-indħil tal-Kummissjoni fil-kompetenzi esklużivi tar-Renju tal-Belġju fil-qasam tat-tassazzjoni diretta.

16      Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-iskema ta’ eżenzjoni tal-profitti eċċessivi setgħet titqies bħala skema ta’ għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, u li, konsegwentement, il-motivi dwar l-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna kellhom jiġu miċħuda bħala infondati.

17      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-motivi l-oħra ta’ annullament invokati mir-Renju tal-Belġju, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li t-tilwima ma kinitx fi stat li tiġi deċiża u rrinvijat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar l-imsemmija motivi.

II.    Ilproċedura u ttalbiet talpartijiet

18      Wara s-sentenza tal-appell u skont l-Artikolu 216(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, fl‑20 ta’ Ottubru 2021, din il-kawża ġiet assenjata lit-Tieni Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali.

19      Skont l-Artikolu 217(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-partijiet ippreżentaw in-noti ta’ osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub fit-termini stabbiliti. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 217(3) tal-istess regoli, ġew ippreżentati noti addizzjonali ta’ osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet prinċipali.

20      Ir-Renju tal-Belġju jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla l-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

21      L-Irlanda titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-deċiżjoni kkontestata, kif jitlob ir-Renju tal-Belġju.

22      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Renju tal-Belġju għall-ispejjeż.

III. Iddritt

23      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-Renju tal-Belġju jqajjem ħames motivi. Wara s-sentenza tal-appell, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fuq l-ewwel żewġ motivi, relatati, l-ewwel, mal-indħil tal-Kummissjoni fil-kompetenzi esklużivi tar-Renju tal-Belġju u, it-tieni, mal-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi mill-ġdid dwar it-tielet sal-ħames motiv, dwar, it-tielet, il-klassifikazzjoni żbaljata tal-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, ir-raba’, l-identifikazzjoni żbaljata tal-benefiċjarji tal-allegata għajnuna u, il-ħames, il-ksur tal-prinċipji ta’ legalità u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, sa fejn l-irkupru tal-allegata għajnuna kien ġie ordnat b’mod żbaljat.

A.      Fuq ilmotiv ibbażat fuq ilksur talArtikolu 107 TFUE u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, sa fejn ilKummissjoni qieset li ssistema ta’ profitti eċċessivi kienet tikkostitwixxi miżura ta’ għajnuna millIstat

24      Ir-Renju tal-Belġju jsostni, essenzjalment, li l-fatt li l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi, bħala prassi amministrattiva stabbilita, tikkostitwixxi skema, ma jimplikax li jiġi konkluż li din tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha elenkati fl-Artikolu 107(1) TFUE sabiex miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Għalhekk, insostenn ta’ dan il-motiv, ir-Renju tal-Belġju jippreżenta argumenti, organizzati f’diversi partijiet u subpartijiet, li permezz tagħhom huwa jikkontesta l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-imsemmija kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 107(1) TFUE, jiġifieri l-finanzjament tal-iskema inkwistjoni permezz ta’ riżorsi tal-Istat, l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv u l-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni.

25      Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-motiv invokat mir-Renju tal-Belġju għandu jiġi miċħud.

1.      Fuq ilfinanzjament taliskema inkwistjoni permezz ta’ riżorsi talIstat

26      Ir-Renju tal-Belġju, sostnut f’dan ir-rigward mill-Irlanda, isostni, essenzjalment, li Stat jista’ jirrinunzja t-tassazzjoni tad-dħul biss jekk ikollu d-dritt li jiġbor il-kontribuzzjonijiet korrispondenti. F’dan il-każ, il-profitti eċċessivi jikkorrispondu għall-profitti ġġenerati mill-gruppi ta’ impriżi kkonċernati u għalhekk ma jistgħux jiġu imputati lil entitajiet Belġjani. Għal din ir-raġuni, dawn il-profitti ma jaqgħux taħt il-kompetenza fiskali tar-Renju tal-Belġju, li ma jistax jintaxxahom.

27      Għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li l-kunċett ta’ “għajnuna” huwa iktar ġenerali minn dak ta’ sussidju peress li ma jinkludix biss prestazzjonijiet pożittivi, bħalma huma s-sussidji stess, iżda jinkludi wkoll interventi tal-Istat li, f’forom differenti, itaffu l-ispejjeż li normalment jaffettwaw il-baġit ta’ impriża u li, għalhekk, mingħajr ma jkunu sussidji fil-veru sens tal-kelma, ikunu tal-istess natura u jkollhom effetti identiċi għalihom. Għaldaqstant, miżura li permezz tagħha l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu lil ċerti impriżi trattament fiskali vantaġġuż li, għalkemm ma tinkludix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, tqiegħed lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli mill-kontribwenti l-oħra tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir‑Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punti 71 u 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      L-ewwel, fil-premessa 114 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet li l-iskema inkwistjoni kienet tinvolvi l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi, li kien jikkostitwixxi tnaqqis tat-taxxa dovuta mill-impriżi li jibbenefikaw mill-imsemmija skema u, għaldaqstant, telf ta’ dħul fiskali li r-Renju tal-Belġju kien normalment ikollu. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju tal-Belġju, il-Kummissjoni effettivament identifikat ir-riżorsi tal-Istat involuti fl-allegata skema ta’ għajnuna, jiġifieri d-dħul fiskali li r-Renju tal-Belġju, skont il-Kummissjoni, kien ikollu fl-assenza tal-imsemmija skema.

29      It-tieni, bis-saħħa tal-Artikolu 185(1) taċ-CIR 92, l-ammont totali tal-profitti rreġistrati tal-kumpanniji residenti huwa taxxabbli fil-Belġju. Għaldaqstant, dawn il-profitti għandhom jitqiesu li jaqgħu taħt il-kompetenza fiskali tar-Renju tal-Belġju anki jekk jistgħu jkunu s-suġġett ta’ aġġustamenti, preċiżament skont ir-regoli fiskali Belġjani applikabbli, bħall-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92.

30      It-tielet, sa fejn dan il-każ jikkonċerna tnaqqis ta’ piżijiet fiskali li kienu mogħtija mid-Dipartiment tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem, minkejja li skont prassi amministrattiva, iżda biss wara talba magħmula mill-benefiċjarju, ma jistax jiġi sostnut li l-profitti eżentati kienu, fundamentalment, profitti mhux taxxabbli fil-Belġju. Fil-fatt, fl-assenza ta’ talba f’dan ir-rigward, dawn il-profitti kienu jiġu ntaxxati fil-Belġju. Għaldaqstant, ir-Renju tal-Belġju ma jistax isostni li dawn il-profitti ma jaqgħux taħt il-kompetenza fiskali tiegħu.

31      Ir-raba’, kuntrarjament għal dak sostnut mill-Irlanda, għandu jiġi rrilevat li r-raġuni li għaliha l-Kummissjoni kkunsidrat li dan kien każ li jinvolvi r-riżorsi tal-Istat hija bbażata preċiżament fuq il-fatt li, skont is-sistema komuni ta’ tassazzjoni tal-profitti tal-kumpanniji fil-Belġju, li minnha jagħmel parti l-Artikolu 185(1) taċ-CIR 92, l-ammont totali tal-profitti rreġistrati mill-kumpanniji residenti huwa, fundamentalment, taxxabbli fil-Belġju. Għalhekk, huwa billi ħadet inkunsiderazzjoni l-għażla magħmula mil-leġiżlatur Belġjan, fl-eżerċizzju tal-kompetenza fiskali li minnha jibbenefika r-Renju tal-Belġju, li l-Kummissjoni setgħet tikkonkludi li, sa fejn il-profitti eċċessivi ma kinux intaxxati, filwaqt li kienu, fundamentalment, profitti taxxabbli, tali nuqqas ta’ tassazzjoni rriżulta f’telf ta’ riżorsi li kienu jappartjenu lil dan l-Istat.

32      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-Renju tal-Belġju, sostnut mill-Irlanda, li jikkontestaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar il-finanzjament tal-iskema inkwistjoni permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

2.      Fuq leżistenza ta’ vantaġġ selettiv mogħti milliskema inkwistjoni

33      Ir-Renju tal-Belġju jikkontesta l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti mill-iskema inkwistjoni kif ukoll dwar is-selettività tagħha. B’mod iktar partikolari, fir-rigward tas-selettività, billi jibbaża ruħu fuq il-ġurisprudenza dwar l-analiżi għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura fiskali bħala “selettiva”, ir-Renju tal-Belġju jikkontesta l-identifikazzjoni mill-Kummissjoni tas-sistema ta’ referenza, jiġifieri s-sistema fiskali komuni jew “normali” applikabbli, l-evalwazzjoni tagħha li skontha l-iskema inkwistjoni tidderoga mill-imsemmija sistema ta’ referenza u ċ-ċaħda mill-Kummissjoni tal-ġustifikazzjoni tal-iskema mressqa mir-Renju tal-Belġju, ibbażata fuq in-natura u l-istruttura ġenerali tas-sistema fiskali Belġjana.

34      F’dan il-każ, għandhom jiġu eżaminati, qabelxejn, l-argumenti tar-Renju tal-Belġju li jikkontestaw l-identifikazzjoni tas-sistema ta’ referenza li fir-rigward tagħha għandha tiġi analizzata l-eżistenza, jew nuqqas ta’ eżistenza, ta’ vantaġġ kif ukoll is-selettività possibbli tagħha. Sussegwentement, ser jiġu indirizzati l-argumenti tar-Renju tal-Belġju li jikkontestaw l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar kemm l-eżistenza ta’ vantaġġ kif ukoll in-natura selettiva ta’ dan il-vantaġġ minħabba l-eżistenza ta’ deroga mis-sistema ta’ referenza u, ukoll, l-assenza ta’ ġustifikazzjoni bbażata fuq in-natura u l-istruttura ġenerali tas-sistema fiskali Belġjana.

a)      Fuq lidentifikazzjoni tassistema ta’ referenza

35      Ir-Renju tal-Belġju jqis, essenzjalment, li l-Kummissjoni identifikat b’mod żbaljat is-sistema ta’ referenza, peress li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-imsemmija sistema kienet tinkludi wkoll l-iskema ta’ profitti eċċessivi. Barra minn hekk, ir-Renju tal-Belġju jsostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta invokat l-Artikolu 24 taċ-CIR 92, dwar id-dħul taxxabbli tal-persuni fiżiċi, li, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-profitti taxxabbli, ma huwiex kompletament applikabbli għall-kumpanniji li jagħmlu parti minn grupp internazzjonali.

36      L-Irlanda ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-regoli applikabbli fil-Belġju, filwaqt li s-sistema ta’ referenza ma tistax testendi lil hinn mis-sistema fiskali nazzjonali u kull Stat jiddefinixxi b’mod sovran il-bażi fiskali fi ħdan is-sistema tiegħu. Għaldaqstant, huwa irrilevanti t-trattament tal-profitti li jirriżultaw minn tranżazzjoni f’sistemi fiskali oħra.

37      Għandu jitfakkar li d-determinazzjoni tas-sistema ta’ referenza għandha importanza ikbar fil-każ ta’ miżuri fiskali peress li l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tista’ tiġi stabbilita biss meta mqabbla ma’ tassazzjoni msejħa “normali”. Għalhekk, id-determinazzjoni tal-impriżi kollha li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli tiddependi mid-definizzjoni minn qabel tas-sistema legali li fid-dawl tal-għan tagħha għandha, jekk ikun il-każ, tiġi eżaminata n-natura komparabbli tas-sitwazzjoni fattwali u legali rispettiva tal-impriżi ffavoriti mill-miżura inkwistjoni u ta’ dawk li ma humiex (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Fiat Chrysler Finance Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑885/19 P u C‑898/19 P, EU:C:2022:859, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      F’dan il-kuntest, ġie deċiż li d-determinazzjoni tas-sistema ta’ referenza, li għandha ssir wara dibattitu kontradittorju mal-Istat Membru kkonċernat, għandha tirriżulta minn eżami oġġettiv tal-kontenut, mir-rabta u mill-effetti konkreti tar-regoli applikabbli skont id-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, World Duty Free Group u Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑51/19 P u C‑64/19 P, EU:C:2021:793, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, għalkemm l-Istati Membri għandhom għalhekk jastjenu milli jadottaw kwalunkwe miżura fiskali li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern, xorta jibqa’ l-fatt li, f’oqsma li ma humiex oqsma li fihom id-dritt fiskali tal-Unjoni huwa s-suġġett ta’ armonizzazzjoni, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jiddetermina, permezz tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u b’osservanza tal-awtonomija fiskali tiegħu, il-karatteristiċi li jikkostitwixxu t-taxxa, li jiddefinixxu, bħala prinċipju, is-sistema ta’ referenza jew is-sistema fiskali “normali”, li abbażi tagħha għandha tiġi analizzata l-kundizzjoni dwar is-selettività. Dan japplika b’mod partikolari għad-determinazzjoni tal-bażi taxxabbli u tal-fatt taxxabbli (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Fiat Chrysler Finance Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑885/19 P u C‑898/19 P, EU:C:2022:859, punti 65 u 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Minn dan isegwi li huwa biss id-dritt nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi identifikata s-sistema ta’ referenza fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, fejn din l-identifikazzjoni hija, min-naħa tagħha, prerekwiżit indispensabbli, mhux biss sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ vantaġġ, iżda wkoll sabiex tiġi evalwata l-kwistjoni dwar jekk dan il-vantaġġ għandux natura selettiva.

41      Barra minn hekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura fiskali tatx vantaġġ selettiv lil impriża, il-Kummissjoni għandha twettaq paragun mas-sistema ta’ tassazzjoni normalment applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat, wara eżami oġġettiv tal-kontenut, tal-interazzjoni u tal-effetti konkreti tar-regoli applikabbli skont id-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat. Għaldaqstant, fl-eżami tal-eżistenza ta’ vantaġġ fiskali selettiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u sabiex jiġi stabbilit il-piż fiskali li normalment għandha ġġorr impriża, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni parametri u regoli esterni għas-sistema fiskali nazzjonali inkwistjoni, sakemm din tal-aħħar ma tagħmilx riferiment espliċitu għalihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Fiat Chrysler Finance Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑885/19 P u C‑898/19 P, EU:C:2022:859, punti 92 u 96).

42      F’dan il-każ, fil-premessi 121 sa 129 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet il-pożizzjoni tagħha dwar is-sistema ta’ referenza.

43      Għalhekk, fil-premessi 121 u 122 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li s-sistema ta’ referenza kienet is-sistema tad-dritt komuni ta’ tassazzjoni tal-profitti tal-kumpanniji, prevista mis-sistema tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji fil-Belġju, li l-għan tagħha kien l-intaxxar tal-profitti tal-kumpanniji kollha suġġetti għat-taxxa fil-Belġju. Il-Kummissjoni rrilevat li s-sistema tat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Belġju kienet tapplika għall-kumpanniji residenti fil-Belġju kif ukoll għall-fergħat Belġjani ta’ kumpanniji mhux residenti. Skont l-Artikolu 185(1) taċ-CIR 92, il-kumpanniji residenti fil-Belġju kienu obbligati jħallsu t-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji fuq l-ammont totali tal-profitti li huma kienu jagħmlu, ħlief meta kien japplika ftehim kontra t-taxxa doppja. Barra minn hekk, skont l-Artikoli 227 u 229 taċ-CIR 92, il-kumpanniji mhux residenti kienu suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji biss għal ċertu tip ta’ dħul speċifiku li joriġina mill-Belġju. Barra minn hekk, il-Kummissjoni enfasizzat li, fiż-żewġ każijiet, it-taxxa Belġjana fuq il-kumpanniji kienet dovuta fuq il-profitt totali, li kien stabbilit skont ir-regoli dwar il-kalkolu tal-profitti kif kienu ddefiniti fl-Artikolu 24 taċ-CIR 92. Skont l-Artikolu 185(1) taċ-CIR 92, moqri flimkien mal-Artikoli 1, 24, 183, 227 u 229 taċ-CIR 92, il-profitt totali kien jikkorrispondi għad-dħul tal-kumpanniji, li minnhom kienu jitnaqqsu l-ispejjeż deduċibbli li kienu ġeneralment irreġistrati fil-kontabbiltà, b’tali mod li l-profitt fil-fatt irreġistrat kien jikkostitwixxi l-punt ta’ tluq tal-kalkolu tal-profitt totali taxxabbli, bla ħsara għall-applikazzjoni sussegwenti tal-aġġustamenti pożittivi u negattivi previsti mis-sistema tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji fil-Belġju.

44      Fil-premessi 123 sa 128 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li l-iskema ta’ eżenzjoni tal-profitti eċċessivi applikata mill-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani ma kinitx tagħmel parti integrali mis-sistema ta’ referenza.

45      B’mod iktar preċiż, fil-premessa 125 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li tali eżenzjoni ma kienet preskritta minn ebda dispożizzjoni taċ-CIR 92. Fil-fatt, l-Artikolu 185(2)(a) taċ-CIR 92 kien jippermetti lill-amministrazzjoni tat-taxxa Belġjana twettaq aġġustament unilaterali primarju tal-profitti ta’ kumpannija, fil-każ li tranżazzjonijiet jew arranġamenti ma’ kumpanniji assoċjati kienu jsiru f’kundizzjonijiet li kienu differenti minn dawk ta’ distakkament. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 kien jipprevedi l-possibbiltà li jsiru aġġustamenti negattivi tal-profitti ta’ kumpannija, iġġenerati minn tranżazzjoni jew minn arranġament fi ħdan il-grupp, bil-kundizzjoni supplimentari li l-profitt li kellu jiġi aġġustat kien ġie inkluż fil-profitt tal-kontroparti barranija għal din it-tranżazzjoni jew għal dan l-arranġament.

46      Barra minn hekk, fil-premessa 126 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fakkret li s-sistema tat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Belġju kienet intiża sabiex tintaxxa l-impriżi suġġetti għat-taxxa, fuq il-profitti reali tagħhom, indipendentement mill-forma ġuridika tagħhom, mid-daqs tagħhom jew mill-appartenenza tagħhom jew le għal grupp multinazzjonali ta’ impriżi.

47      Barra minn hekk, fil-premessa 127 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-profitti taxxabbli, il-kumpanniji li jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali kienu obbligati jiffissaw il-prezzijiet li għandhom jiġu applikati għat-tranżazzjonijiet tagħhom fi ħdan il-gruppi minflok ma jużaw prezzijiet iddettati direttament mis-suq, li hija r-raġuni għalfejn il-leġiżlazzjoni fiskali Belġjana kienet tipprevedi dispożizzjonijiet partikolari applikabbli għall-gruppi, li kienu ġeneralment intiżi sabiex iqiegħdu l-kumpanniji li ma jagħmlux parti minn grupp u l-entitajiet ekonomiċi strutturati fil-forma ta’ gruppi fuq l-istess livell.

48      Fil-premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-sistema ta’ referenza li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni kienet is-sistema tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji fil-Belġju, li l-għan tagħha kien li jiġu ntaxxati bl-istess mod il-profitti tal-kumpanniji kollha residenti jew attivi permezz ta’ stabbiliment permanenti fil-Belġju. Din is-sistema kienet tinkludi l-aġġustamenti applikabbli, skont is-sistema tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji fil-Belġju, li kienu jiddeterminaw il-profitt taxxabbli tal-kumpannija għall-finijiet tal-ġbir tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji fil-Belġju.

49      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-partijiet jaqblu fuq il-punt ta’ tluq li s-sistema tad-dritt komuni tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji fil-Belġju tikkostitwixxi s-sistema ta’ referenza.

50      Għall-kuntrarju, ir-Renju tal-Belġju jikkontesta l-portata tal-imsemmija sistema tad-dritt komuni adottata mill-Kummissjoni, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-profitti taxxabbli, ir-rilevanza tal-Artikolu 24 taċ-CIR 92, il-possibbiltà li jsiru aġġustamenti fuq il-profitti rreġistrati mill-kumpanniji taxxabbli u l-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija sistema tinkludix l-iskema ta’ eżenzjoni tal-profitti eċċessivi applikata mill-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani.

1)      Fuq itteħid inkunsiderazzjoni taddritt nazzjonali

51      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, sabiex jiġi stabbilit liema hija s-sistema fiskali komuni jew “normali” applikabbli fil-Belġju, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq id-dispożizzjonijiet legali applikabbli, jiġifieri b’mod partikolari ċ-CIR 92, kif jirriżulta mill-punti 42 sa 48 iktar ’il fuq. Fil-fatt, abbażi tal-informazzjoni trażmessa mir-Renju tal-Belġju fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni ddeskriviet il-qafas leġiżlattiv applikabbli u esponiet, b’mod partikolari fil-premessi 23 sa 28 tad-deċiżjoni kkontestata, is-sistema tat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Belġju, kif prevista miċ-CIR 92. B’mod iktar partikolari, kif ġie rrilevat fil-punt 43 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni rreferiet espliċitament għall-Artikoli 1, 24, 183 u 185 taċ-CIR 92.

52      Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Irlanda, għall-finijiet tal-identifikazzjoni tas-sistema ta’ referenza, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq ir-regoli applikabbli fil-Belġju fil-qasam fiskali.

2)      Fuq iddeterminazzjoni talprofitti taxxabbli talkumpanniji u rrilevanza talArtikolu 24 taċCIR 92

53      Fir-rigward tal-argumenti tar-Renju tal-Belġju li jikkontestaw il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar id-determinazzjoni tal-profitti taxxabbli tal-kumpanniji fil-Belġju u r-rilevanza tal-Artikolu 24 taċ-CIR 92, għandu jitfakkar li, fil-premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-profitt totali kien iffissat skont ir-regoli dwar il-profitti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet dwar il-kalkolu tal-profitti taxxabbli, kif iddefiniti fl-Artikolu 24 taċ-CIR 92.

54      L-Artikolu 24 taċ-CIR 92 jipprevedi li d-dħul taxxabbli tal-kumpanniji industrijali, kummerċjali u agrikoli jinkludi d-dħul kollu li jirriżulta mill-attivitajiet imprenditorjali, bħall-profitti li jiġu minn “kull operazzjoni mwettqa mill-istabbilimenti ta’ dawn il-kumpanniji jew permezz tagħhom”, u minn “kull żieda fil-valur tal-assi […] u minn kull tnaqqis fil-valur tal-obbligazzjonijiet […] meta dan il-qligħ jew telf ikun ġie rrealizzat jew espress fil-kontabbiltà jew fil-kontijiet annwali”.

55      Minn dan jirriżulta li l-profitti taxxabbli, għall-finijiet tal-applikazzjoni taċ-CIR 92, huma kkostitwiti, fundamentalment, mill-profitti kollha rreġistrati mill-impriżi suġġetti għat-taxxa fil-Belġju, sa fejn dawn jikkostitwixxu l-punt ta’ tluq għall-kalkolu tal-imsemmija taxxa.

56      Huwa minnu li l-Artikolu 24 taċ-CIR 92 jagħmel parti mit-Titolu II tal-imsemmi kodiċi, li jikkonċerna t-taxxa tal-persuni fiżiċi, fi ħdan il-Kapitolu II tiegħu, li jikkonċerna l-bażi taxxabbli, u, b’mod iktar preċiż, huwa integrat fis-Subtaqsima I tat-Taqsima IV tal-imsemmi kapitolu, li tirrigwarda d-dħul taxxabbli. Madankollu, skont l-Artikolu 183 taċ-CIR 92, li jirrigwarda l-bażi taxxabbli għall-kumpanniji, “id-dħul suġġett għat-taxxa fuq il-kumpanniji jew eżentat mill-imsemmija taxxa huwa, fir-rigward tan-natura tiegħu, l-istess bħal dak previst fil-qasam tat-taxxa tal-persuni fiżiċi[,] [fejn] l-ammont tiegħu [huwa] ddeterminat skont ir-regoli applikabbli għall-profitti”. Din id-dispożizzjoni ma tintroduċi l-ebda distinzjoni fir-rigward tal-kumpanniji li jagħmlu parti minn gruppi multinazzjonali ta’ impriżi.

57      Għaldaqstant, iċ-CIR 92 jirreferi, fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji, b’mod partikolari għall-finijiet tal-istabbiliment tal-bażi taxxabbli, għad-dispożizzjonijiet previsti għat-taxxa fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi.

58      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-Renju tal-Belġju li jikkontestaw l-invokazzjoni mill-Kummissjoni tal-Artikolu 24 taċ-CIR 92 għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-profitti taxxabbli tal-kumpanniji fil-Belġju fil-kuntest tal-eżami tagħha tat-tassazzjoni normali tal-kumpanniji fil-Belġju.

3)      Fuq ilpossibbiltà li jsiru aġġustamenti fuq ilprofitti rreġistrati millkumpanniji taxxabbli

59      Ir-Renju tal-Belġju jikkritika lill-Kummissjoni talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-profitti rreġistrati kienu jikkostitwixxu biss il-punt ta’ tluq għall-kalkolu tal-profitti taxxabbli.

60      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-preċiżazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fil-premessa 123 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li hija ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-bażi għall-kalkolu tal-profitt taxxabbli kienet ikkostitwita mill-profitt totali rreġistrat tal-entità inkwistjoni, li fuqu saru l-aġġustamenti, negattivi u pożittivi, previsti mis-sistema tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji fil-Belġju.

61      B’mod iktar speċifiku, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 125 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-aġġustamenti pożittivi u negattivi, previsti fl-Artikolu 185(2)(a) u (b) taċ-CIR 92, kienu jikkostitwixxu dispożizzjonijiet fiskali partikolari applikabbli għal sitwazzjonijiet li fihom il-kundizzjonijiet stabbiliti għal tranżazzjoni jew għal arranġament kienu differenti minn dawk li kienu jiġu miftiehma bejn kumpanniji indipendenti.

62      Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jallega r-Renju tal-Belġju, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li, fis-sistema fiskali applikabbli fil-Belġju, speċifikament fir-rigward tal-bażi taxxabbli għat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji, kienet teżisti l-possibbiltà li jsiru aġġustamenti pożittivi u negattivi fuq il-profitti rreġistrati. Għal dawn l-istess raġunijiet, ma jistgħux jirnexxu l-ilmenti tar-Renju tal-Belġju bbażati fuq allegat nuqqas ta’ osservanza mill-Kummissjoni tal-eżistenza, fis-sistema fiskali Belġjana, ta’ differenza bejn il-profitt kontabbli u l-profitt taxxabbli.

4)      Fuq innuqqas ta’ inklużjoni taliskema ta’ profitti eċċessivi fissistema ta’ referenza

63      Ir-Renju tal-Belġju jsostni li l-Kummissjoni eskludiet b’mod żbaljat l-iskema ta’ profitti eċċessivi mis-sistema ta’ referenza.

64      Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni ma eskludietx l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 mis-sistema ta’ referenza. Għall-kuntrarju, hija kkunsidrat li l-iskema ta’ profitti eċċessivi applikata mill-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani ma kinitx prevista minn din id-dispożizzjoni u, għaldaqstant, ma kinitx tagħmel parti mis-sistema ta’ referenza. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju tal-Belġju, ma hemmx kontradizzjoni bejn il-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna bbażata fuq l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 u l-konstatazzjoni li l-iskema ta’ profitti eċċessivi ma tagħmilx parti mis-sistema ta’ referenza.

65      Fit-tieni lok, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni kkonkludietx korrettament li l-iskema ta’ profitti eċċessivi ma kinitx prevista mill-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, għandha tiġi eżaminata, minn naħa, il-portata ta’ din id-dispożizzjoni u, min-naħa l-oħra, l-iskema tal-profitti eċċessivi kif inhi applikata mill-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani.

i)      Fuq ilportata talArtikolu 185(2) taċCIR 92

66      Għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni bbażat l-analiżi tagħha tal-Artikolu 185(2) taċ-CIR 92 abbażi tal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u tat-testi li jakkumpanjaw id-dħul fis-seħħ tagħha. Fil-fatt, fil-premessi 29 sa 38 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeskriviet b’mod iddettaljat, l-ewwel, it-test tal-Artikolu 185(2) taċ-CIR 92, introdott bil-loi du 21 juin 2004, modifiant le CIR 92 et la loi du 24 décembre 2002 (Moniteur belge tad‑9 ta’ Lulju 2004, p. 54623) (il-Liġi tal‑21 ta’ Ġunju 2004, li temenda ċ-CIR 92 u l-Liġi tal‑24 ta’ Diċembru 2002, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑21 ta’ Ġunju 2004”), it-tieni, il-memorandum ta’ spjegazzjoni li tinsab fl-abbozz tal-imsemmija liġi, ippreżentata fit‑30 ta’ April 2004 mill-Gvern Belġjan lill-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Belġju (iktar ’il quddiem il-“Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-Liġi tal‑21 ta’ Ġunju 2004”) u, it-tielet, iċ-ċirkulari tal‑4 ta’ Lulju 2006 dwar l-Artikolu 185(2) taċ-CIR 92 (iktar ’il quddiem iċ-“Ċirkulari Amministrattiva tal‑4 ta’ Lulju 2006”).

67      Ir-Renju tal-Belġju, fi ħdan l-argumenti tiegħu fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ibbaża ruħu huwa stess fuq dawn it-testi li jagħmlu parti mill-proċess tal-kawża.

68      Qabelxejn, fil-verżjoni tiegħu applikabbli f’dan il-każ, l-Artikolu 185(2) taċ-CIR 92, li għalih tirreferi l-premessa 29 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa fformulat kif ġej:

“Bla ħsara għas-subparagrafu 2, għal żewġ kumpanniji li jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali ta’ kumpanniji assoċjati u fir-rigward tar-relazzjonijiet transkonfinali reċiproċi tagħhom:

[…]

(b)      meta, fil-profitti ta’ kumpannija jkunu inklużi profitti li jkunu inklużi wkoll fil-profitti ta’ kumpannija oħra, u meta l-profitti hekk inklużi jkunu profitti li kienu jiġu ġġenerati minn din il-kumpannija l-oħra li kieku l-kundizzjonijiet miftiehma bejn iż-żewġ kumpanniji kienu dawk li kienu jiġu miftiehma bejn kumpanniji indipendenti, il-profitti tal-ewwel kumpannija għandhom jiġu aġġustati b’mod xieraq.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika b’deċiżjoni fiskali bil-quddiem bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni tat-Taxxa Doppja f’Każ ta’ Aġġustament tal-Profitti tal-Impriżi Assoċjati (90/436) tat‑23 ta’ Lulju 1990 u l-konvenzjonijiet internazzjonali sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja.”

69      Sussegwentement, il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-Liġi tal‑21 ta’ Ġunju 2004, li tirreferi għalih il-premessa 34 tad-deċiżjoni kkontestata, jindika li l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 jipprevedi aġġustament korrelattiv xieraq sabiex tiġi evitata jew eliminata taxxa doppja (possibbli) u li għandu jsir aġġustament korrelattiv biss jekk l-amministrazzjoni tat-taxxa jew id-Dipartiment tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem iqisu li l-aġġustament primarju huwa ġġustifikat bħala prinċipju u fir-rigward tal-ammont tiegħu.

70      Barra minn hekk, il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-Liġi tal‑21 ta’ Ġunju 2004 jippreċiża li l-imsemmija dispożizzjoni ma tapplikax jekk il-profitt li sar fl-Istat assoċjat jiżdied b’tali mod li jkun ogħla minn dak li jinkiseb fil-każ ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ distakkament, peress li l-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani ma humiex obbligati jaċċettaw il-konsegwenzi ta’ aġġustament arbitrarju jew unilaterali fl-Istat assoċjat.

71      Fl-aħħar nett, iċ-Ċirkulari Amministrattiva tal‑4 ta’ Lulju 2006, li tirreferi għaliha l-premessa 38 tad-deċiżjoni kkontestata, ittenni l-konstatazzjoni li tali aġġustament negattiv ma japplikax meta l-aġġustament pożittiv primarju mwettaq minn qorti oħra jkun eċċessiv. Barra minn hekk, l-imsemmija ċirkulari tirriproduċi fil-parti l-kbira t-test tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-Liġi tal‑21 ta’ Ġunju 2004, sa fejn tfakkar li l-aġġustament negattiv korrelattiv jagħmel sens mill-prinċipju ta’ distakkament, li għandu l-għan li jevita jew li jneħħi taxxa doppja (possibbli) u li għandu jsir b’mod xieraq, jiġifieri li l-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani jistgħu jwettqu dan l-aġġustament biss jekk dan tal-aħħar ikun iġġustifikat bħala prinċipju u fir-rigward tal-ammont tiegħu.

72      Għaldaqstant, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 jirriżulta li l-aġġustament negattiv huwa previst fil-kuntest tar-relazzjonijiet transkonfinali bejn żewġ kumpanniji assoċjati u li dan għandu jkun korrelattiv, fis-sens li huwa applikabbli biss bil-kundizzjoni li l-profitti li huma s-suġġett tal-aġġustament jiġu wkoll inklużi fil-profitti tal-kumpannija l-oħra u li dawn il-profitti hekk inklużi jkunu profitti li kienu jsiru minn din il-kumpannija l-oħra li kieku l-kundizzjonijiet miftiehma bejn iż-żewġ kumpanniji kienu dawk li kienu jiġu miftiehma bejn kumpanniji indipendenti.

73      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-Renju tal-Belġju stess iddikjara, fil-punt 95 tar-rikors, li l-Artikolu 185(2) taċ-CIR 92 kien intiż sabiex jiddetermina l-profitti tal-entità Belġjana taxxabbli fil-Belġju u dawk li ma jaqgħux taħt il-kompetenza tagħha, abbażi ta’ tqassim ta’ dawn il-profitti bejn l-entità Belġjana u l-kumpanniji assoċjati kkonċernati mir-relazzjonijiet fi ħdan il-gruppi transkonfinali inkwistjoni.

74      Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata kemm mill-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-Liġi tal‑21 ta’ Ġunju 2004 kif ukoll miċ-Ċirkulari Amministrattiva tal‑4 ta’ Lulju 2006, li jenfasizzaw li l-aġġustament korrelattiv għandu jkun xieraq, bħala prinċipju u fir-rigward tal-ammont tiegħu, u li ma jsirx dan l-aġġustament jekk il-profitti li saru fi Stat ieħor jiżdiedu b’mod li jsiru ogħla minn dawk li kienu jinkisbu b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ distakkament. Fil-fatt, dawn it-testi jindikaw li l-aġġustament negattiv previst mill-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 jeħtieġ korrelazzjoni bejn il-profitti aġġustati ’l isfel fil-Belġju u l-profitti inklużi f’kumpannija oħra tal-grupp stabbilita fi Stat ieħor.

ii)    Fuq liskema ta’ profitti eċċessivi

75      L-iskema ta’ profitti eċċessivi, kif applikata mill-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani, hija deskritta mill-Kummissjoni, fil-premessi 13 sa 22 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, fil-premessi 39 sa 42 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni t-tweġibiet tal-Ministru għall-Finanzi Belġjan għall-mistoqsijiet parlamentari dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 tat‑13 ta’ April 2005, tal‑11 ta’ April 2007 u tas‑6 ta’ Jannar 2015. Dawn it-tweġibiet jispjegaw il-prassi amministrattiva tal-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani dwar il-profitti eċċessivi.

76      Minn dawn ir-risposti jirriżulta li, fil-kuntest tal-iskema ta’ profitti eċċessivi applikata mill-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani, l-aġġustament negattiv tal-profitti li jippermetti li jitnaqqsu mill-bażi taxxabbli l-imsemmija profitti eċċessivi ma kienx ikkundizzjonat mill-fatt li l-profitti eżentati ġew inklużi fil-profitti ta’ kumpannija oħra u li dawn il-profitti kienu profitti li kienu jsiru minn din il-kumpannija l-oħra li kieku l-kundizzjonijiet miftiehma bejniethom kienu dawk li kienu jiġu miftiehma bejn kumpanniji indipendenti. Ir-Renju tal-Belġju kkonferma dan l-aspett tal-iskema inkwistjoni waqt is-seduta.

77      Barra minn hekk, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-Renju tal-Belġju, kif inhuma riprodotti b’mod partikolari fil-premessi 15 sa 20 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-eżenzjoni applikata mill-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani, taħt l-iskema inkwistjoni, kienet ibbażata fuq perċentwali ta’ eżenzjoni, ikkalkolata abbażi ta’ profitt medju ipotetiku għall-entità Belġjana, miksub minn indikatur tal-livell ta’ profitt li jirriżulta minn paragun mal-profitti tal-impriżi awtonomi komparabbli u ffissat bħala valur li jinsab fil-medda interkwartili tal-imsemmi indikatur tal-livell ta’ profitt magħżul għal grupp ta’ impriżi awtonomi komparabbli. Din il-perċentwali ta’ eżenzjoni kienet applikabbli għal diversi snin, jiġifieri matul il-perijodu ta’ validità tad-deċiżjoni bil-quddiem. Għalhekk, it-tassazzjoni tal-entitajiet Belġjani li kienet tirriżulta minn dan ma kinitx tieħu bħala punt ta’ tluq it-totalità tal-profitti fil-fatt irreġistrati, fis-sens tal-Artikoli 1, 24, 183 u 185(1) taċ-CIR 92, li għalihom kienu jiġu applikati l-aġġustamenti legalment previsti fil-każ ta’ gruppi ta’ impriżi, skont l-Artikolu 185(2) taċ-CIR 92, iżda pjuttost profitt ipotetiku li jeskludi l-profitt totali li sar mill-entità Belġjana inkwistjoni u l-aġġustamenti legalment previsti.

78      Barra minn hekk, il-fatt li l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tiġi evitata taxxa doppja possibbli, kif ġie enfasizzat mir-Renju tal-Belġju, ma jistax jelimina l-kundizzjoni prevista b’mod espliċitu, relatata mal-fatt li l-profitti li għandhom jiġu aġġustati għandhom ikunu ġew inklużi wkoll fil-profitti ta’ kumpannija oħra u li dawn il-profitti jkunu profitti li kienu jsiru minn din il-kumpannija l-oħra li kieku l-kundizzjonijiet miftiehma bejniethom kienu dawk li kienu jiġu miftiehma bejn kumpanniji indipendenti. Fil-fatt, huwa preċiżament meta l-profitti ta’ entità Belġjana jiġu inklużi wkoll fil-profitti ta’ kumpannija oħra, stabbilita fi Stat ieħor, li tista’ teżisti l-possibbiltà ta’ taxxa doppja.

iii) Konklużjoni fuq innuqqas ta’ inklużjoni taliskema ta’ profitti eċċessivi fissistema ta’ referenza

79      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, filwaqt li l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 jeħtieġ, għall-finijiet ta’ aġġustament negattiv, li l-profitti li għandhom jiġu aġġustati jkunu ġew inklużi wkoll fil-profitti ta’ kumpannija oħra u li jkunu profitti li kienu jsiru minn din il-kumpannija l-oħra li kieku l-kundizzjonijiet miftiehma bejn iż-żewġ kumpanniji kienu dawk li kienu jiġu miftiehma bejn kumpanniji indipendenti, l-iskema ta’ profitti eċċessivi kienet applikata mill-awtoritajiet Belġjani mingħajr ma dawn il-kundizzjonijiet ittieħdu inkunsiderazzjoni.

80      Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju tal-Belġju, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi, applikata mill-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani taħt l-iskema inkwistjoni, ma kinitx tagħmel parti mis-sistema ta’ referenza.

81      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti kollha tar-Renju tal-Belġju li jikkontestaw l-identifikazzjoni tas-sistema ta’ referenza mwettqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

b)      Fuq leżistenza ta’ vantaġġ minħabba liskema inkwistjoni

82      Ir-Renju tal-Belġju jikkritika, essenzjalment, lill-Kummissjoni talli ma eżaminatx b’mod distint il-kwistjoni dwar jekk is-sistema ta’ profitti eċċessivi kinitx tinvolvi l-għoti ta’ vantaġġ ekonomiku lill-benefiċjarji. Barra minn hekk, ir-Renju tal-Belġju jikkritika lill-Kummissjoni talli la eżaminat u lanqas identifikat liema kien il-vantaġġ fiskali li minnu bbenefikaw l-entitajiet Belġjani li jagħmlu parti minn grupp internazzjonali meta mqabbla mal-kumpanniji awtonomi kompetituri l-oħra.

1)      Fuq lidentifikazzjoni talvantaġġ mogħti milliskema inkwistjoni

83      Preliminarjament, kif ġie rrilevat fil-punti 45 sa 47 iktar ’il fuq, għandu jitfakkar li, fil-premessa 125 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi applikata mill-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani ma kinitx prevista mis-sistema tat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Belġju. Barra minn hekk, fil-premessa 126 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat il-fatt li din l-eżenzjoni kienet ikkalkolata billi ġew esklużi l-profitti totali fil-fatt irreġistrati mill-entità Belġjana u l-aġġustamenti legalment previsti. Fil-premessa 127 tad-deċiżjoni kkontestata, hija enfasizzat li minkejja li s-sistema Belġjana pprevediet dispożizzjonijiet partikolari applikabbli għall-gruppi, dawn kienu pjuttost intiżi sabiex iqiegħdu fuq l-istess livell l-entitajiet li jagħmlu parti minn gruppi multinazzjonali u l-entitajiet awtonomi.

84      F’dan il-kuntest, fil-premessa 133 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li, skont is-sistema tat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Belġju, l-entitajiet ta’ kumpanniji residenti jew attivi permezz ta’ stabbiliment permanenti fil-Belġju kienu ntaxxati abbażi tal-profitti fil-fatt irreġistrati tagħhom, u mhux abbażi ta’ livell ipotetiku ta’ profitti, u għalhekk l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi kienet tagħti vantaġġ lill-entitajiet Belġjani ta’ grupp li jibbenefika mill-iskema inkwistjoni.

85      Fil-premessa 135 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fakkret il-ġurisprudenza li tipprovdi li vantaġġ ekonomiku jista’ jingħata billi jitnaqqas il-piż fiskali ta’ impriża u, b’mod partikolari, billi titnaqqas il-bażi taxxabbli jew l-ammont tat-taxxa dovuta. Għalhekk, hija kkunsidrat li, f’dan il-każ, l-iskema inkwistjoni kienet tippermetti lill-kumpanniji benefiċjarji tad-deċiżjonijiet bil-quddiem li jnaqqsu t-taxxa dovuta billi jnaqqsu profitt imsejjaħ “eċċessiv” mill-profitt fil-fatt irreġistrat tagħhom. Dan il-profitt eċċessiv kien ikkalkolat permezz ta’ stima tal-profitt medju ipotetiku ta’ impriżi awtonomi komparabbli, b’tali mod li d-differenza bejn il-profitt fil-fatt irreġistrat u dan il-profitt medju ipotetiku kienet tirriżulta f’perċentwali ta’ eżenzjoni li kienet il-bażi tal-kalkolu tal-bażi taxxabbli mogħtija għall-ħames snin li matulhom id-deċiżjoni bil-quddiem kienet applikabbli. Sa fejn din il-bażi taxxabbli, ikkalkolata b’dan il-mod abbażi tad-deċiżjonijiet bil-quddiem mogħtija skont l-iskema inkwistjoni, kienet inqas mill-bażi taxxabbli fl-assenza tal-imsemmija deċiżjonijiet bil-quddiem, kien jirriżulta vantaġġ minn dan.

86      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata tipprovdi l-elementi li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni sabiex tikkunsidra l-eżistenza ta’ vantaġġ. Fil-fatt, il-premessi enfasizzati, b’mod partikolari fil-punti 83 sa 85 iktar ’il fuq, jippermettu li jinftiehem li l-vantaġġ adottat mill-Kummissjoni kien jikkonsisti fin-nuqqas ta’ tassazzjoni tal-profitti eċċessivi tal-kumpanniji benefiċjarji u fit-tassazzjoni tal-profitti ta’ dawn tal-aħħar ikkalkolati abbażi ta’ profitt medju ipotetiku li jinjora l-profitt totali li sar minn dawn il-kumpanniji u l-aġġustamenti legalment previsti, skont id-deċiżjonijiet bil-quddiem taħt l-iskema inkwistjoni. Skont il-Kummissjoni, tali tassazzjoni kienet tirrappreżenta tnaqqis tal-piż fiskali sostnut mill-benefiċjarji tal-iskema, meta mqabbel ma’ dak li kien jirriżulta minn tassazzjoni normali, taħt is-sistema tat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Belġju, li kienet tkopri l-profitti kollha fil-fatt irreġistrati, wara l-applikazzjoni tal-aġġustamenti legalment previsti.

2)      Fuq lanaliżi konġunta millKummissjoni talkriterju talvantaġġ u dak tasselettività

87      Qabel kollox, għandu jitfakkar li s-selettività u l-vantaġġ jikkostitwixxu żewġ kriterji distinti. Fir-rigward tal-vantaġġ, il-Kummissjoni trid turi li l-miżura ttejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja tal-benefiċjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 1974, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, 173/73, EU:C:1974:71, punt 33). Għall-kuntrarju, fir-rigward tas-selettività, il-Kummissjoni għandha turi li l-vantaġġ ma jibbenefikax lil impriżi oħra f’sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli ma’ dik tal-benefiċjarju fir-rigward tal-għan tas-sistema ta’ referenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Paint Graphos et, C‑78/08 sa C‑80/08, EU:C:2011:550, punt 49).

88      F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza, ir-rekwiżit ta’ selettività li joħroġ mill-Artikolu 107(1) TFUE għandu jinżamm b’mod ċar distint mill-għarfien konkorrenti ta’ vantaġġ ekonomiku sa fejn, meta l-Kummissjoni tistabbilixxi l-preżenza ta’ vantaġġ, fis-sens wiesa’, li jirriżulta direttament jew indirettament minn miżura partikolari, hija għandha tistabbilixxi, barra minn hekk, li dan il-vantaġġ jibbenefika speċifikament impriża jew diversi impriżi (sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Il‑Kummissjoni vs MOL, C‑15/14 P, EU:C:2015:362, punt 59).

89      Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dawn iż-żewġ kriterji jistgħu jiġu eżaminati flimkien, bħala “tielet kundizzjoni” prevista fl-Artikolu 107(1) TFUE, dwar l-eżistenza ta’ “vantaġġ selettiv” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑270/15 P, EU:C:2016:489, punt 32).

90      Fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunament tal-Kummissjoni dwar il-vantaġġ jinsab fil-kuntest tal-analiżi dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv, jiġifieri l-punt 6.3, intitolat “Eżistenza ta’ vantaġġ selettiv”. F’dan il-kuntest, kif għadu kif ġie rrilevat fil-punti 83 sa 85 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni effettivament eżaminat il-kriterju tal-vantaġġ. Sussegwentement, l-analiżi vera u proprja tas-selettività ta’ dan il-vantaġġ tinsab fil-premessi 136 sa 141 tad-deċiżjoni kkontestata, fi ħdan il-punt 6.3.2.1, fir-rigward tar-raġunament dwar is-selettività, imressaq prinċipalment mill-Kummissjoni, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ deroga mis-sistema komuni tat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Belġju. Barra minn hekk, is-selettività hija analizzata wkoll fil-premessi 152 sa 170 tad-deċiżjoni kkontestata, fi ħdan il-punt 6.3.2.2, fir-rigward tar-raġunament dwar is-selettività, imressaq sussidjarjament mill-Kummissjoni, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ deroga mill-prinċipju ta’ distakkament.

91      Għaldaqstant, il-fatt li, minn perspettiva formali, l-analiżi tal-vantaġġ iddaħħlet f’taqsima li tkopri wkoll l-eżami tas-selettività ma jurix l-assenza ta’ eżami fil-mertu taż-żewġ kunċetti, sa fejn l-eżistenza ta’ vantaġġ, minn naħa, u l-eżistenza tan-natura selettiva tiegħu, min-naħa l-oħra, huma effettivament analizzati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi et vs Il‑Kummissjoni, T‑760/15 u T‑636/16, EU:T:2019:669, punt 129).

3)      Fuq leżistenza ta’ vantaġġ li jiffavorixxi lillbenefiċjarji taliskema inkwistjoni

92      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għandhom jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat l-interventi li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament l-impriżi, jew li għandhom jiġu kkunsidrati bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Deutsche Post, C‑399/08 P, EU:C:2010:481, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2014, Ministerio de Defensa u Navantia, C‑522/13, EU:C:2014:2262, punt 21).

93      Fil-każ ta’ miżuri fiskali, l-eżistenza nnifisha ta’ vantaġġ tista’ tiġi stabbilita biss billi tiġi mqabbla ma’ tassazzjoni msejħa “normali” (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2006, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑88/03, EU:C:2006:511, punt 56). Għaldaqstant, tali miżuri jagħtu vantaġġ ekonomiku lill-benefiċjarji tagħhom peress li jnaqqsu l-piżijiet li normalment jaqgħu fuq il-finanzi ta’ impriża u, għal din ir-raġuni, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi (sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2014, Ministerio de Defensa u Navantia, C‑522/13, EU:C:2014:2262, punt 22).

94      Konsegwentement, sabiex jiġi ddeterminat jekk jeżistix vantaġġ fiskali, is-sitwazzjoni tal-benefiċjarju li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni għandha titqabbel mas-sitwazzjoni tiegħu fl-assenza ta’ din il-miżura u b’applikazzjoni tar-regoli normali ta’ tassazzjoni (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi et vs Il‑Kummissjoni, T‑760/15 u T‑636/16, EU:T:2019:669, punt 147 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      Barra minn hekk, fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni għandha biss tipprova li s-sistema fiskali inkwistjoni hija ta’ natura li tiffavorixxi lill-benefiċjarji tagħha, billi tivverifika li din, meħuda globalment, tista’, fid-dawl tal-karatteristiċi tagħha stess, twassal, fil-mument tal-adozzjoni tagħha, għal tassazzjoni inqas minn dik li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-iskema ta’ tassazzjoni ġenerali (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Spanja et vs Il‑Kummissjoni, C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2023:60, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96      F’dan il-każ, kif ġie indikat fil-punti 83 sa 86 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni rrilevat fil-premessi 125 sa 127 u 133 sa 135 tad-deċiżjoni kkontestata li, wara d-deċiżjonijiet bil-quddiem, adottati taħt l-iskema inkwistjoni, l-entitajiet Belġjani li kienu jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali u li kienu ressqu t-talba għal dan l-għan setgħu jnaqqsu t-taxxa dovuta tagħhom fil-Belġju, billi mill-bażi taxxabbli tagħhom inaqqsu perċentwali mill-profitti tagħhom, bħala profitti msejħa “eċċessivi”, u dan għall-ħames snin ta’ validità tal-imsemmija deċiżjonijiet bil-quddiem.

97      Qabel kollox, ma huwiex ikkontestat li l-iskema inkwistjoni kienet maħsuba bħala sistema li kienet tikkonsisti fin-nuqqas ta’ tassazzjoni ta’ parti mill-profitti rreġistrati minn entitajiet Belġjani li kienu jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali. Huwa stabbilit ukoll li, skont l-Artikolu 2 tal-Liġi tal‑21 ta’ Ġunju 2004, huwa biss permezz ta’ deċiżjoni bil-quddiem adottata mid-Dipartiment tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem wara talba mressqa mill-entitajiet Belġjani kkonċernati li parti mill-profitti ta’ dawn l-entitajiet setgħet tiġi kklassifikata bħala eċċessiva, skont l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, u li l-perċentwali ta’ eżenzjoni inkwistjoni setgħet tiġi applikata għall-bażi taxxabbli ta’ dawn l-entitajiet, b’tali mod li parti biss minn din il-bażi taxxabbli kienet intaxxata.

98      Sussegwentement, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 185(1) taċ-CIR 92 jirriżulta li l-kumpanniji residenti fil-Belġju huma taxxabbli fuq l-ammont totali tal-profitti tagħhom. Barra minn hekk, mill-Artikolu 24 taċ-CIR 92, kif inhu eżaminat fil-punt 54 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-profitti taxxabbli tal-impriżi huma, fundamentalment, il-profitti kollha magħmula jew espressi fil-kontabbiltà.

99      Fl-aħħar nett, kif ġie indikat fil-punti 66 sa 74 iktar ’il fuq, mill-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 jirriżulta li jista’ jsir aġġustament negattiv tal-bażi taxxabbli, meta l-profitti tal-kumpannija inkwistjoni jiġu inklużi wkoll fil-profitti ta’ kumpannija oħra tal-istess grupp u meta jkunu profitti li kienu jsiru minn din il-kumpannija l-oħra li kieku l-kundizzjonijiet miftiehma bejniethom kienu dawk li kienu jiġu miftiehma bejn kumpanniji indipendenti.

100    Għaldaqstant, konformement mar-regoli normali ta’ tassazzjoni fil-Belġju, l-entitajiet Belġjani kienu ntaxxati fuq il-profitti kollha tagħhom li saru, kif espressi fil-kontabbiltà tagħhom, jekk ikun il-każ billi jsiru aġġustamenti bħal dak previst fl-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92. Issa, peress li l-iskema inkwistjoni kienet tikkonsisti f’eżenzjoni tal-profitti msejħa “eċċessivi” li, kif ġie rrilevat fil-punt 80 iktar ’il fuq, ma kinitx prevista fl-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, l-imsemmija skema setgħet twassal għal tnaqqis mit-taxxa li l-entitajiet li talbu dawn id-deċiżjonijiet kien ikollhom normalment iħallsu, skont ir-regoli dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Belġju.

101    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li kkonstatat li s-sistema fiskali inkwistjoni kienet ta’ natura li tiffavorixxi lill-benefiċjarji tagħha, sa fejn din is-sistema, meħuda globalment u fid-dawl tal-karatteristiċi tagħha stess, setgħet twassal għal tassazzjoni inqas meta mqabbla ma’ dik li tirriżulta mill-applikazzjoni tar-regoli normali ta’ tassazzjoni tal-kumpanniji fil-Belġju.

102    L-ebda wieħed mill-argumenti l-oħra tar-Renju tal-Belġju u tal-Irlanda ma huwa ta’ natura li jqiegħed din il-konstatazzjoni f’dubju.

103    L-ewwel, fir-rigward tal-argument tar-Renju tal-Belġju bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma identifikatx il-vantaġġ fiskali li minnu l-entitajiet Belġjani li jagħmlu parti minn grupp internazzjonali kienu jibbenefikaw meta mqabbla ma’ kumpanniji awtonomi kompetituri oħra, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 94 iktar ’il fuq, li l-kunċett ta’ “vantaġġ ekonomiku” jimplika li għandha titqabbel is-sitwazzjoni tal-benefiċjarju li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni mas-sitwazzjoni tiegħu fl-assenza ta’ din il-miżura u b’applikazzjoni tar-regoli normali ta’ tassazzjoni. Għalhekk, fl-istadju tal-analiżi tal-vantaġġ, il-Kummissjoni ma kellhiex twettaq il-paragun tal-pożizzjoni tal-benefiċjarji tad-deċiżjonijiet bil-quddiem ma’ dik tal-impriżi awtonomi. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jallega r-Renju tal-Belġju, fil-kuntest tal-eżami tal-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti minn skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni la kellha twettaq analiżi tas-sitwazzjoni individwali ta’ kull benefiċjarju u lanqas tikkalkola d-differenza bejn il-piż fiskali sostnut mill-entitajiet Belġjani li kisbu deċiżjoni bil-quddiem u dak li kien jiġi impost fuqhom fl-assenza ta’ tali deċiżjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

104    It-tieni, fir-rigward tal-argument li jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-vantaġġ jirriżulta mid-differenza bejn il-profitti taxxabbli, ibbażati fuq il-prinċipju ta’ distakkament li jirriżulta mill-Artikolu 107 TFUE, adottat mill-Kummissjoni, u dawk iddeterminati bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ distakkament kif previst mil-leġiżlazzjoni Belġjana, għandu jiġi rrilevat li huwa biss fil-kuntest tal-analiżi tas-selettività tal-iskema inkwistjoni li l-Kummissjoni eżaminat, sussidjarjament, sa fejn din l-iskema kienet tidderoga mill-prinċipju ta’ distakkament. Dan l-argument huwa, għaldaqstant, irrilevanti fil-kuntest tal-eżami tal-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ.

105    It-tielet, l-Irlanda ssostni li d-deċiżjonijiet bil-quddiem sempliċement japplikaw id-dritt għall-fatti ta’ kull talba u, għaldaqstant, ma jistgħux iqiegħdu lill-persuna taxxabbli f’sitwazzjoni ekonomika aħjar minn dik li kellha titqiegħed fiha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li huwa minnu li, skont l-Artikolu 20 tal-Liġi tal‑24 ta’ Diċembru 2002, is-Servizz Pubbliku Federali tal-Finanzi Belġjan jiddeċiedi permezz ta’ deċiżjoni bil-quddiem dwar kull talba dwar l-applikazzjoni tal-liġijiet fiskali għal sitwazzjoni jew għal tranżazzjoni partikolari li għadha ma pproduċietx effetti fuq il-livell fiskali u li, skont l-Artikolu 2 tal-Liġi tal‑21 ta’ Ġunju 2004, l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 jista’ jiġi applikat biss permezz ta’ deċiżjoni bil-quddiem. Madankollu, l-iskema ta’ profitti eċċessivi ma kinitx prevista mill-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 u huwa fil-prattika li, billi tbiegħed mill-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmija dispożizzjoni, id-Dipartiment tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem implimenta l-iskema inkwistjoni. F’dan il-kuntest, abbażi tat-talbiet għal deċiżjonijiet bil-quddiem, id-Dipartiment tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem ivvalida l-kalkolu tal-profitti eċċessivi propost fl-imsemmija talbiet u ddetermina l-perċentwali ta’ eżenzjoni li setgħet tiġi applikata mill-entitajiet Belġjani inkwistjoni, matul il-perijodu ta’ validità tad-deċiżjonijiet bil-quddiem. Konsegwentement, id-deċiżjonijiet bil-quddiem koperti mill-iskema inkwistjoni ma jistgħux jitqiesu li huma limitati għall-applikazzjoni tad-dritt għall-fatti għal kull talba.

106    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-Renju tal-Belġju dwar l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-konstatazzjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ minħabba l-iskema inkwistjoni.

c)      Fuq innatura selettiva talvantaġġ minħabba leżistenza ta’ deroga missistema ta’ referenza li tintroduċi differenzazzjonijiet bejn operaturi li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli

107    Ir-Renju tal-Belġju jsostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li s-sistema ta’ profitti eċċessivi kienet tagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarji tagħha sa fejn din kienet tikkostitwixxi deroga mis-sistema ta’ referenza, mifhuma bħala s-sistema ġenerali tat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Belġju.

108    Minn naħa, ir-Renju tal-Belġju jsostni li l-iskema ta’ profitti eċċessivi hija bbażata fuq l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, li hija dispożizzjoni li tagħmel parti mis-sistema tat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Belġju, u, għaldaqstant, li l-imsemmija skema ma tistax titqies li tidderoga mis-sistema ta’ referenza kif inhi adottata mill-Kummissjoni.

109    Min-naħa l-oħra, ir-Renju tal-Belġju jsostni li l-iskema ta’ eżenzjoni tal-profitti eċċessivi ma twassalx għal inugwaljanza fit-trattament bejn kumpanniji li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli, fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq mis-sistema ta’ referenza.

110    F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza li tgħid li, fil-kuntest tal-eżami tas-selettività ta’ miżura fiskali, wara li tkun identifikat u eżaminat, fl-ewwel lok, is-sistema fiskali komuni jew “normali” applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat, jiġifieri s-sistema ta’ referenza, għandha, fit-tieni lok, tiġi evalwata u stabbilita n-natura possibbilment selettiva tal-vantaġġ mogħti mill-miżura fiskali inkwistjoni billi jintwera li din il-miżura tidderoga mill-imsemmija sistema komuni, sa fejn tiddistingwi bejn l-operaturi li, fid-dawl tal-għan marbut mas-sistema fiskali ta’ dan l-Istat Membru, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Paint Graphos et, C‑78/08 sa C‑80/08, EU:C:2011:550, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

111    Fid-deċiżjoni kkontestata (punt 6.3.2.1), il-Kummissjoni qieset, prinċipalment, li l-iskema Belġjana ta’ eżenzjoni tal-profitti eċċessivi kienet tagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarji tagħha sa fejn kienet tidderoga mis-sistema komuni tat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Belġju, peress li din kienet tipprevedi li l-kumpanniji jiġu ntaxxati abbażi tal-profitt totali tagħhom, jiġifieri l-profitt fil-fatt irreġistrat tagħhom, u mhux abbażi ta’ profitt medju ipotetiku li jeskludi l-profitt totali li sar minn dawn il-kumpanniji u l-aġġustamenti legalment previsti.

112    Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 136 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, invokat mir-Renju tal-Belġju bħala bażi għall-iskema inkwistjoni, la kellu s-sens, u lanqas l-effett irrakkomandat mill-imsemmija skema u, għaldaqstant, li din l-iskema kienet pjuttost tikkostitwixxi deroga mir-regola ġenerali prevista mid-dritt fiskali Belġjan li tgħid li l-profitt fil-fatt irreġistrat huwa intaxxat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni enfasizzat li tali skema ma kinitx aċċessibbli għall-entitajiet kollha li jinsabu f’sitwazzjoni legali u fattwali simili, fid-dawl tal-għan tas-sistema tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji fil-Belġju, li jiġu ntaxxati l-profitti tal-kumpanniji kollha suġġetti għat-taxxa fil-Belġju.

113    Sussegwentement, fil-premessi 137 sa 141 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żviluppat ir-raġunijiet li għalihom hija kkunsidrat li l-iskema inkwistjoni kienet tintroduċi differenzazzjonijiet bejn operaturi li jinsabu, fid-dawl tal-għan mogħti lis-sistema fiskali Belġjana, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli.

1)      Fuq leżistenza ta’ deroga missistema ta’ referenza

114    Qabel kollox, għandu jitfakkar li dak li l-Kummissjoni kkunsidrat bħala li ma jagħmilx parti mis-sistema ta’ referenza u għaldaqstant li jidderoga minnha hija l-iskema ta’ profitti eċċessivi, jiġifieri l-aġġustament negattiv, kif inhu magħmul mill-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani fuq parti mill-profitti taxxabbli, imsejħa “eċċessivi”.

115    Issa, kif ġie indikat fil-punti 79 u 80 iktar ’il fuq, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, l-aġġustament negattiv tal-profitti taxxabbli huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-profitti li għandhom jitnaqqsu għal kumpannija partikolari jkunu ġew inklużi wkoll fil-profitti ta’ kumpannija oħra u li dawn il-profitti jkunu profitti li kienu jsiru minn din il-kumpannija l-oħra li kieku l-kundizzjonijiet miftiehma bejniethom kienu dawk li kienu jiġu miftiehma bejn kumpanniji indipendenti. Għall-kuntrarju, ma hijiex prevista fl-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 il-prassi tal-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani li tikkonsisti fit-twettiq ta’ aġġustament negattiv unilaterali mingħajr il-bżonn li jiġi stabbilit li l-profitti li għandhom jiġu aġġustati ġew inklużi fil-profitti ta’ kumpannija oħra u li huma profitti li kienu jsiru minn din il-kumpannija l-oħra li kieku t-tranżazzjonijiet ikkonċernati kienu saru bejn kumpanniji indipendenti.

116    Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju tal-Belġju u kif ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-appell, minkejja li d-deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem invokaw formalment l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, l-iskema ta’ eżenzjoni tal-profitti eċċessivi, ikklassifikata mill-Kummissjoni bħala skema ta’ għajnuna mill-Istat, kienet ibbażata fuq il-prassi amministrattiva stabbilita tal-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani. Issa, kif għadu kif ġie kkonstatat fil-punt 115 iktar ’il fuq, din il-prassi kienet differenti minn dak li kien previst fl-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92.

117    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament qieset li l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi, kif inhu mwettqa mill-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani, kienet tikkostitwixxi deroga mis-sistema ta’ referenza li hija kienet adottat, jiġifieri s-sistema tad-dritt komuni tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji fil-Belġju, li kienet tinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, kif ġie rrilevat fil-punt 64 iktar ’il fuq.

2)      Fuq leżistenza ta’ differenzazzjoni bejn operaturi ekonomiċi li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli minħabba dderoga missistema ta’ referenza

118    Fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-iskema inkwistjoni introduċiet differenzazzjoni bejn il-benefiċjarji tal-eżenzjonijiet u l-operaturi l-oħra li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ressqet, fil-premessi 138 sa 140 tad-deċiżjoni kkontestata, tliet motivi alternattivi sabiex issostni l-konklużjoni tagħha, li għandhom jiġu eżaminati suċċessivament għall-finijiet ta’ kompletezza.

i)      Fuq ittrattament iddifferenzjat talbenefiċjarji li jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali ta’ impriżi

119    Fil-premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni affermat li l-iskema kienet selettiva peress li kienet miftuħa biss għal entitajiet li jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali ta’ impriżi.

120    Huwa minnu li l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 huwa intiż li japplika għall-kumpanniji li jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali. Madankollu, kif isostni r-Renju tal-Belġju, l-iskop tal-Artikolu 185(2) taċ-CIR 92 huwa preċiżament li jqiegħed l-impriżi assoċjati u l-impriżi mhux assoċjati fuq l-istess livell.

121    F’dan ir-rigward, kif ġie indikat fil-punt 49 iktar ’il fuq, għandu jitfakkar li l-għan tas-sistema tad-dritt komuni tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji fil-Belġju, kif jirriżulta mill-premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa li jiġu ntaxxati l-profitti taxxabbli kollha tal-entitajiet suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji fil-Belġju, kemm jekk dawn ikunu awtonomi kif ukoll jekk jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali ta’ impriżi. Barra minn hekk, kif ġie indikat fil-punt 54 iktar ’il fuq, skont ir-regoli normali ta’ tassazzjoni fil-Belġju, il-profitti taxxabbli tal-impriżi huma, fundamentalment, il-profitti kollha magħmula jew espressi fil-kontabbiltà jew fil-kontijiet annwali tagħhom.

122    Għall-kuntrarju, l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi applikata mill-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani, sa fejn din tidderoga mill-Artikolu 185(2) taċ-CIR 92, tat tnaqqis fiskali lill-benefiċjarji kkonċernati, għar-raġuni li dawn kienu jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali ta’ impriżi, billi ġew permessi jnaqqsu parti tal-profitti rreġistrati tagħhom mill-bażi taxxabbli tagħhom, mingħajr ma dawn il-profitti eżentati kienu ġew inklużi fil-profitti ta’ kumpannija oħra tal-grupp.

123    Għaldaqstant, jeżisti trattament iddifferenzjat, bejn l-entitajiet li jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali, li bbenefikaw, bis-saħħa tal-iskema inkwistjoni, mill-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi, sa perċentwali ta’ eżenzjoni, ikkalkolat abbażi ta’ profitt medju ipotetiku li jinjora l-profitt totali magħmul minn dawn il-kumpanniji u l-aġġustamenti legalment previsti, u entitajiet oħra, kemm jekk ikunu awtonomi kif ukoll jekk jagħmlu parti minn grupp ta’ impriżi, li kienu jiġu ntaxxati konformement mar-regoli normali ta’ tassazzjoni tal-kumpanniji fil-Belġju fuq it-totalità tal-profitti tagħhom fil-fatt irreġistrati, jekk ikun il-każ, fir-rigward tal-entitajiet li jagħmlu parti minn grupp, wara l-applikazzjoni tal-aġġustament skont l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92, skont il-kundizzjonijiet previsti fih.

124    Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li sostniet li l-entitajiet li jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali li bbenefikaw mill-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi skont l-iskema inkwistjoni, li tikkostitwixxi aġġustament li ma hijiex bħala tali prevista mil-liġi, irċevew trattament iddifferenzjat meta mqabbla ma’ entitajiet oħra fil-Belġju li ma bbenefikawx minnu, meta dawn l-entitajiet kienu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli, fid-dawl tal-għan tas-sistema tad-dritt komuni tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji fil-Belġju, jiġifieri l-intaxxar tal-profitti taxxabbli kollha tal-kumpanniji kollha residenti jew attivi permezz ta’ stabbiliment permanenti fil-Belġju.

ii)    Fuq ittrattament iddifferenzjat meta mqabbla ma’ impriżi li ma għamlux investimenti, ma ħolqux impjiegi jew ma ċċentralizzawx attivitajiet filBelġju

125    Fil-premessa 139 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet li l-iskema inkwistjoni kienet selettiva sa fejn ma kinitx miftuħa għall-kumpanniji li ddeċidew li ma jagħmlux investimenti, li ma joħolqux impjiegi jew li ma jiċċentralizzawx attivitajiet fil-Belġju. Il-Kummissjoni rrilevat li l-Artikolu 20 tal-Liġi tal‑24 ta’ Diċembru 2002 kien jissuġġetta l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet bil-quddiem għall-eżistenza ta’ sitwazzjoni jew ta’ tranżazzjoni li ma pproduċietx effetti fuq il-livell fiskali u li deċiżjoni bil-quddiem kienet neċessarja sabiex tibbenefika mill-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi.

126    Il-Kummissjoni rrilevat ukoll li, fil-kampjun tad-deċiżjonijiet bil-quddiem li jagħtu eżenzjoni tal-profitti eċċessivi li hija analizzat, kull deċiżjoni bil-quddiem kienet issemmi investimenti kbar, iċ-ċentralizzazzjoni ta’ attivitajiet jew il-ħolqien ta’ impjiegi fil-Belġju. Minħabba f’hekk, hija qieset li l-obbligu relatat mas-“sitwazzjoni l-ġdida”, li għalih kienu suġġetti t-talbiet għal deċiżjonijiet bil-quddiem għall-benefiċċju mill-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi, kien jagħti lok għal trattament iddifferenzjat tal-gruppi multinazzjonali li biddlu l-mudell ta’ negozju tagħhom billi stabbilixxu attivitajiet ġodda fil-Belġju meta mqabbla mal-operaturi ekonomiċi l-oħra kollha, inklużi l-gruppi multinazzjonali, li komplew isegwu l-mudell ta’ negozju tagħhom eżistenti fil-Belġju.

127    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-punti 142 sa 144 tas-sentenza tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-għażla ta’ kampjun ta’ 22 deċiżjoni bil-quddiem, adottati matul l‑2005, l‑2007, l‑2010 u l‑2013, kienet xierqa u suffiċjentement rappreżentattiva.

128    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 20 tal-Liġi tal‑24 ta’ Diċembru 2002 jiddefinixxi d-deċiżjoni bil-quddiem bħala l-att legali li permezz tiegħu d-Dipartiment Pubbliku Federali tal-Finanzi jiddetermina, konformement mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ, kif il-liġi ser tiġi applikata għal sitwazzjoni jew għal tranżazzjoni partikolari li jkunu għadhom ma kellhomx effetti fuq livell fiskali. Barra minn hekk, l-Artikolu 22 ta’ din l-istess liġi jippreċiża li deċiżjoni bil-quddiem ma tistax tiġi adottata, b’mod partikolari, meta t-talba tkun tirrigwarda sitwazzjonijiet jew tranżazzjonijiet identiċi għal dawk li diġà kellhom effetti fiskali fir-rigward ta’ min iressaq it-talba.

129    Huwa minnu li, mill-qari tad-dispożizzjonijiet indikati fil-punt 128 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi dedott li t-twettiq ta’ investimenti, il-ħolqien ta’ impjiegi jew iċ-ċentralizzazzjoni ta’ attivitajiet fil-Belġju jikkostitwixxu kundizzjonijiet espliċitament meħtieġa għall-kisba ta’ deċiżjoni bil-quddiem.

130    Madankollu, mill-kampjun tad-deċiżjonijiet bil-quddiem analizzat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li dawn id-deċiżjonijiet effettivament ingħataw wara proposti ta’ dawk li ressqu talba li jagħmlu investimenti fil-Belġju, li jirrilokaw ċerti funzjonijiet fil-Belġju jew li joħolqu ċertu numru ta’ impjiegi hemmhekk. Fil-fatt, it-tliet eżempji deskritti fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 80 tad-deċiżjoni kkontestata, li fihom dawk li ressqu talba għad-deċiżjonijiet bil-quddiem inkwistjoni ddeskrivew il-pjanijiet tagħhom ta’ investiment u ta’ ċentralizzazzjoni mill-ġdid ta’ attivitajiet fil-Belġju, juru li, fil-prattika, il-kundizzjoni għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni bil-quddiem, dwar l-eżistenza ta’ sitwazzjoni li ma pproduċietx effetti fiskali, kienet ġiet issodisfatta minn investimenti, miċ-ċentralizzazzjoni ta’ attivitajiet jew mill-ħolqien ta’ impjiegi fil-Belġju.

131    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, f’dan il-każ, hija preċiżament il-prassi amministrattiva tal-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani, li tikkonsisti fl-eżenzjoni tal-profitti permezz ta’ deċiżjonijiet bil-quddiem, li tqieset bħala derogatorja għal dak li huwa previst fl-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92. Issa, bis-saħħa tal-imsemmija deċiżjonijiet bil-quddiem, il-benefiċjarji tagħhom kisbu vantaġġ li jikkonsisti fit-tnaqqis tal-bażi taxxabbli tagħhom, minħabba l-eżenzjoni tal-profitti msejħa “eċċessivi”. Għall-kuntrarju, l-entitajiet li ma kinux ipproċedew għal bidla fil-mudell ta’ negozju tagħhom, sabiex joħolqu sitwazzjonijiet fiskali ġodda li, fid-dawl ta’ tali prassi, kienu jikkonsistu sistematikament f’investimenti, fiċ-ċentralizzazzjoni ta’ attivitajiet jew fil-ħolqien ta’ impjiegi fil-Belġju, u, għaldaqstant, li ma kinux talbu deċiżjoni bil-quddiem kienu ġew intaxxati fuq il-profitti taxxabbli kollha tagħhom. Għaldaqstant, l-iskema inkwistjoni tat lok għal trattament iddifferenzjat tal-kumpanniji li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli, fid-dawl tal-għan tas-sistema tad-dritt komuni tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji fil-Belġju.

132    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li sostniet, fil-premessa 139 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sistema inkwistjoni kienet selettiva peress li ma kinitx miftuħa għal kumpanniji li kienu ddeċidew li ma jagħmlux investimenti fil-Belġju, li ma jiċċentralizzawx l-attivitajiet fil-Belġju u li ma joħolqux impjiegi hemmhekk.

iii) Fuq ittrattament iddifferenzjat meta mqabbla ma’ impriżi li jagħmlu parti minn grupp ta’ daqs żgħir

133    F’dan il-każ, il-Kummissjoni sostniet, fil-premessa 140 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-iskema inkwistjoni kienet selettiva sa fejn huma biss l-entitajiet Belġjani li jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali kbir jew ta’ daqs medju li setgħu effettivament jibbenefikaw mill-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi.

134    Fil-fatt, fil-premessa 140 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li huma biss l-entitajiet li jagħmlu parti minn grupp multinazzjonali suffiċjentement kbir li kienu mħeġġa jiksbu deċiżjoni bil-quddiem, peress li kien biss fi ħdan il-gruppi kbar ta’ impriżi li setgħu jiġu ġġenerati profitti miksuba minn sinerġiji, minn ekonomiji ta’ skala u minn vantaġġi oħra, ta’ livell sinjifikattiv li jiġġustifika t-talba għal deċiżjoni bil-quddiem. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat li l-proċess ta’ kisba ta’ tali deċiżjoni kien jeħtieġ talba ddettaljata li tippreżenta s-sitwazzjoni l-ġdida li kienet tiġġustifika l-eżenzjoni kif ukoll studji dwar il-profitti eċċessivi, li kien ikun iktar restrittiv għall-gruppi żgħar ta’ kumpanniji milli għall-kbar.

135    F’dan ir-rigward, ma huwiex ikkontestat li, fi ħdan il-kampjun ta’ 22 deċiżjoni bil-quddiem taħt l-iskema inkwistjoni eżaminata mill-Kummissjoni, kif deskritt fil-premessa 65 tad-deċiżjoni kkontestata u li ġie kklassifikat bħala xieraq u rappreżentattiv fil-punti 142 sa 144 tas-sentenza tal-appell, l-ebda waħda minn dawn id-deċiżjonijiet ma kienet tikkonċerna entitajiet li jagħmlu parti minn gruppi ta’ impriżi ta’ daqs żgħir.

136    Barra minn hekk, kif huwa indikat fil-premessa 66 tad-deċiżjoni kkontestata, ma huwiex ikkontestat li, matul il-proċedura amministrattiva, wara li saret tali konstatazzjoni mill-Kummissjoni abbażi tal-kampjun ta’ 22 deċiżjoni bil-quddiem u bħala tweġiba għal talba mressqa minnha f’dan ir-rigward, ir-Renju tal-Belġju ma rnexxilux isostni l-allegazzjoni tiegħu li l-eżenzjoni kienet ingħatat ukoll lil impriżi li jagħmlu parti minn gruppi ta’ impriżi ta’ daqs żgħir.

137    Għaldaqstant, fid-dawl tal-prassi amministrattiva msemmija mill-Kummissjoni, huma impriżi li jagħmlu parti minn gruppi ta’ daqs kbir u medju li invokaw l-iskema ta’ eżenzjoni tal-profitti eċċessivi, bl-esklużjoni tal-impriżi li jagħmlu parti minn grupp ta’ impriżi ta’ daqs żgħir.

138    Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed f’dubju mill-argumenti tar-Renju tal-Belġju. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju tal-Belġju, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt li operatur wieħed biss ikun invoka miżura statali ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita n-natura selettiva ta’ din il-miżura, peress li tali ċirkustanza tista’ tirriżulta b’mod partikolari mill-assenza ta’ interess min-naħa ta’ kwalunkwe operatur ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Il‑Kummissjoni vs MOL, C‑15/14 P, EU:C:2015:362, punt 91). Issa, miċ-ċirkustanzi tal-każ jirriżulta li huwa preċiżament abbażi ta’ kampjun xieraq u rappreżentattiv li l-Kummissjoni kkonkludiet li d-deċiżjonijiet bil-quddiem kienu ġew adottati sistematikament fir-rigward ta’ impriżi li jagħmlu parti minn grupp ta’ daqs kbir jew ta’ daqs medju.

139    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li sostniet, fil-premessa 140 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sistema inkwistjoni kienet selettiva peress li ma kinitx miftuħa għal impriżi li jagħmlu parti minn grupp ta’ daqs żgħir.

140    Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni adottat, b’mod żbaljat, tali raġuni dwar it-trattament iddifferenzjat meta mqabbla mal-impriżi li jagħmlu parti minn grupp ta’ daqs żgħir, dan ma jaffettwax il-validità taż-żewġ motivi l-oħra mressqa mill-Kummissjoni u eżaminati, rispettivament, fil-punti 119 sa 124 u 125 sa 132 iktar ’il fuq.

3)      Konklużjoni dwar irraġunament prinċipali talKummissjoni

141    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni ma kkonstatatx b’mod żbaljat, wara li ppreżentat ir-raġunament prinċipali tagħha, minn naħa, li l-iskema ta’ eżenzjoni tal-profitti eċċessivi kienet tidderoga mis-sistema komuni tat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Belġju. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma kkunsidratx b’mod żbaljat li l-iskema inkwistjoni ma kinitx aċċessibbli għall-entitajiet kollha li jinsabu f’sitwazzjoni legali u fattwali simili, fid-dawl tal-għan tas-sistema tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji fil-Belġju, li kienet li tintaxxa l-profitti tal-kumpanniji kollha suġġetti għat-taxxa fil-Belġju.

142    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-fondatezza tal-argumenti tar-Renju tal-Belġju kontra r-raġunament sussidjarju dwar is-selettività, żviluppat mill-Kummissjoni fil-punt 6.3.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata.

d)      Fuq leżistenza ta’ ġustifikazzjoni bbażata fuq innatura u listruttura ġenerali tassistema fiskali Belġjana

143    Ir-Renju tal-Belġju jsostni, essenzjalment, li s-sistema ġenerali tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji fil-Belġju għandha l-għan li tintaxxa l-profitti tal-kumpanniji kollha suġġetti għat-taxxa fil-Belġju, bl-esklużjoni tal-profitti li ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu. L-eżenzjoni ta’ dawn tal-aħħar hija intiża għalhekk sabiex tevita t-taxxa doppja potenzjali. Għaldaqstant, anki jekk jitqies li s-sistema ta’ eżenzjoni tal-profitti eċċessivi hija selettiva, din hija ġġustifikata min-natura u mill-istruttura ġenerali tas-sistema fiskali.

144    Għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessi 173 sa 181 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet, essenzjalment, li r-Renju tal-Belġju ma kienx irnexxielu jistabbilixxi li l-miżuri inkwistjoni kienu verament intiżi sabiex jilħqu l-għan li tiġi evitata t-taxxa doppja. Skont il-Kummissjoni, sa fejn l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 kien jipprevedi aġġustament negattiv tal-profitti ta’ kumpannija li kieku dawn kienu ġew inklużi fil-profitti ta’ kumpannija oħra, l-eżenzjoni applikata mill-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani, mingħajr ma kien neċessarju li jiġi pprovat li l-profitti eċċessivi li kellhom jiġu eżentati kienu jiġu inklużi fil-bażi taxxabbli ta’ kumpannija oħra, ma setgħetx tiġi ġġustifikata mill-istruttura ġenerali tas-sistema. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-eżenzjoni unilaterali inkwistjoni ma kinitx tindirizza b’mod neċessarju u proporzjonat is-sitwazzjonijiet ta’ taxxa doppja.

145    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, miżura li tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-applikazzjoni tas-sistema fiskali ġenerali tista’ tkun iġġustifikata jekk l-Istat Membru kkonċernat jirnexxielu juri li din il-miżura tirriżulta direttament mill-prinċipji fundamentali jew prinċipali tas-sistema fiskali tiegħu. F’dan ir-rigward, huwa neċessarju li ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-għanijiet assenjati lil sistema fiskali partikolari u li huma esterni għaliha u, min-naħa l-oħra, il-mekkaniżmi inerenti għas-sistema fiskali fiha nnifisha li huma neċessarji sabiex jintlaħqu tali għanijiet. Għaldaqstant, eżenzjonijiet fiskali li jirriżultaw minn għan li ma jkunx relatat mas-sistema ta’ tassazzjoni li jagħmlu parti minnha ma jistgħux jaħarbu mir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 107(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Paint Graphos et, C‑78/08 sa C‑80/08, EU:C:2011:550, punti 64, 65, 69 u 70).

146    F’dan il-każ, ġie kkonstatat, b’mod partikolari fil-punt 115 iktar ’il fuq, li l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi applikata mill-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani ma kinitx suġġetta għall-kundizzjoni li jiġi pprovat li dawn kienu ġew inklużi fil-profitti ta’ kumpannija oħra. Lanqas ma kien meħtieġ li dawn il-profitti eċċessivi kienu effettivament is-suġġett ta’ tassazzjoni fi Stat ieħor. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-miżuri inkwistjoni ma kinux ikkundizzjonati mill-eżistenza ta’ sitwazzjonijiet ta’ taxxa doppja fiskali reali jew possibbli.

147    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi sostnut li l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi, kif inhi applikata mill-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani, kienet intiża sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja, reali jew possibbli. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet li tali eżenzjoni ma kinitx tindirizza b’mod neċessarju u proporzjonat is-sitwazzjonijiet ta’ taxxa doppja.

148    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti tar-Renju tal-Belġju li l-istruttura ġenerali tas-sistema fiskali Belġjana tippermetti li jiġu ntaxxati biss il-profitti li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu. Fil-fatt, kif ġie kkonstatat fil-punti 114 sa 117 iktar ’il fuq, l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi mill-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani ma kinitx prevista mis-sistema tad-dritt komuni tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji fil-Belġju. Għaldaqstant, minkejja l-eżenzjoni tagħhom taħt l-iskema inkwistjoni, dawn il-profitti kienu, fundamentalment, taxxabbli fil-Belġju, abbażi tal-imsemmija sistema, u għalhekk ma jistgħux jitqiesu li ma jaqgħux taħt il-kompetenza fiskali tar-Renju tal-Belġju.

149    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġu miċħuda l-argumenti tar-Renju tal-Belġju bbażati fuq l-allegata evalwazzjoni żbaljata tal-Kummissjoni dwar l-ineżistenza ta’ ġustifikazzjoni bbażata fuq in-natura u l-istruttura ġenerali tas-sistema fiskali Belġjana kif ukoll l-argumenti kollha tar-Renju tal-Belġju li jikkontestaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata li l-iskema inkwistjoni setgħet tagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarji tagħha.

3.      Fuq leżistenza ta’ distorsjoni talkompetizzjoni

150    Permezz ta’ din il-parti, ir-Renju tal-Belġju jitlob li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li kienet teżisti distorsjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-miżuri inkwistjoni.

151    Fil-premessi 187 u 188 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat li l-iskema inkwistjoni kienet tagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarji tagħha kif ukoll lill-gruppi multinazzjonali li kienu jagħmlu parti minnhom u li dan il-vantaġġ kien wassal għal tnaqqis tal-ispejjeż li normalment kellhom jaqgħu fuq il-benefiċjarji fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset li l-iskema inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna għat-tħaddim għall-benefiċjarji tagħha kif ukoll għall-gruppi multinazzjonali li minnhom huma jagħmlu parti. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-iskema inkwistjoni kienet toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u setgħet taffettwa l-kummerċ fi ħdan l-Unjoni.

152    F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza dwar il-kundizzjoni relatata mad-distorsjoni tal-kompetizzjoni, li tgħid li l-għajnuna intiża li teħles lil impriża mill-ispejjeż li hija jkollha normalment issostni fil-kuntest tal-ġestjoni ta’ kuljum jew tal-attivitajiet normali tagħha bħala prinċipju toħloq distorsjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2016, Orange vs Il‑Kummissjoni, C‑211/15 P, EU:C:2016:798, punt 66).

153    B’mod partikolari, mill-ġurisprudenza jirriżulta li kull għajnuna mogħtija lil impriża li teżerċita l-attivitajiet tagħha fis-suq intern tista’ tikkawża distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara s-sentenza tat‑22 ta’ April 2016, L‑Irlanda u Aughinish Alumina vs Il‑Kummissjoni, T‑50/06 RENV II u T‑69/06 RENV II, EU:T:2016:227, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata).

154    L-ewwel, f’dan il-każ, kif ġie kkonstatat fil-punti 100 u 101 iktar ’il fuq, l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi tal-kumpanniji benefiċjarji ta’ deċiżjonijiet bil-quddiem, prevista mill-miżuri inkwistjoni, kienet tikkostitwixxi vantaġġ li kien iqiegħed lil dawn il-kumpanniji f’pożizzjoni ekonomika iktar favorevoli minn dik li kien ikollhom fl-assenza ta’ deċiżjoni bil-quddiem.

155    It-tieni, ġie kkonstatat, fil-punt 141 iktar ’il fuq, li, sa fejn dawn il-miżuri kienu jidderogaw mis-sistema ta’ referenza, dawn kienu jirrappreżentaw vantaġġ miftuħ biss għall-benefiċjarji tad-deċiżjonijiet bil-quddiem u, għaldaqstant, kienu selettivi.

156    It-tielet, għandu jiġi kkonstatat li l-profitti eċċessivi li l-eżenzjoni tagħhom hija s-suġġett tal-miżuri inkwistjoni kienu ġejjin minn entitajiet Belġjani li jagħmlu parti minn gruppi multinazzjonali li jwettqu tranżazzjonijiet ma’ kumpanniji oħra tal-grupp, stabbiliti fi Stati oħra. Għaldaqstant, f’dan il-każ, l-għajnuna inkwistjoni neċessarjament ħolqot distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern. Fil-fatt, is-sistema ta’ eżenzjoni tal-profitti eċċessivi setgħet tibdel l-attivitajiet ta’ dawn l-entitajiet Belġjani u tal-kumpanniji fi ħdan il-gruppi ta’ impriżi kkonċernati, b’mod partikolari f’termini ta’ investimenti, ta’ lokalizzazzjoni ta’ attivitajiet u ta’ ħolqien ta’ impjiegi, kif ukoll ta’ fluss ta’ tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp. Issa, fi ħdan dawn il-gruppi ta’ impriżi, tali deċiżjonijiet setgħu jittieħdu sabiex l-entità Belġjana tagħmel profitti li sussegwentement jiġu eżentati fil-Belġju. Għaldaqstant, tali dinamika setgħet toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern.

157    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli kkunsidrat li l-għajnuna mogħtija mill-iskema inkwistjoni kienet ta’ natura li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li twassal għal distorsjoni jew għal theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni.

158    Għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-Renju tal-Belġju, invokati fil-kuntest tar-raba’ parti tat-tielet motiv, dwar l-ineżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni f’dan il-każ.

4.      Konklużjoni dwar ilmotiv ibbażat fuq ilksur talArtikolu 107 TFUE u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni taliskema inkwistjoni bħala miżura ta’ għajnuna millIstat

159    Mill-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 32, 81, 106, 141, 149 u 157 iktar ’il fuq jirriżulta li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni la wettqet żball ta’ liġi, u lanqas żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-iskema inkwistjoni kienet iffinanzjata permezz tar-riżorsi tal-Istat, li s-sistema ta’ referenza kienet is-sistema tad-dritt komuni ta’ tassazzjoni tal-profitti tal-kumpanniji u li din ma kinitx tinkludi l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi applikata mill-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani, li l-iskema inkwistjoni kienet tagħti lill-benefiċjarji tagħha vantaġġ selettiv, li ma kienx iġġustifikat min-natura u mill-istruttura ġenerali tas-sistema fiskali Belġjana, u li l-imsemmija skema kienet ħolqot distorsjoni tal-kompetizzjoni.

160    Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107 TFUE u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni qieset li s-sistema ta’ profitti eċċessivi kienet tikkostitwixxi miżura ta’ għajnuna mill‑Istat.

B.      Fuq ilmotiv ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni mwettaq millKummissjoni firrigward talidentifikazzjoni talbenefiċjarji talallegata għajnuna

161    Ir-Renju tal-Belġju jsostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta identifikat bħala benefiċjarji tal-allegata skema ta’ għajnuna kemm l-entitajiet Belġjani li kisbu deċiżjoni bil-quddiem kif ukoll il-gruppi multinazzjonali li minnhom huma kienu jagħmlu parti.

162    Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-motiv invokat mir-Renju tal-Belġju għandu jiġi miċħud.

163    F’dan il-każ, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 183 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-entitajiet Belġjani li kisbu deċiżjoni bil-quddiem li tippermettilhom inaqqsu l-profitti kkunsidrati bħala eċċessivi, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-profitt taxxabbli tagħhom, kienu l-benefiċjarji tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni.

164    Barra minn hekk, fil-premessa 184 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fakkret li, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, entitajiet legali distinti setgħu jitqiesu bħala li jikkostitwixxu unità ekonomika waħda, li setgħet titqies bħala benefiċjarja tal-għajnuna. Għalhekk hija kkunsidrat li, f’dan il-każ, l-entitajiet Belġjani li bbenefikaw mill-għajnuna inkwistjoni kienu operaw bħala imprendituri ċentrali għall-benefiċċju ta’ entitajiet oħra fi ħdan il-gruppi ta’ impriżi tagħhom li huma kienu jikkontrollaw ta’ spiss. Hija rrilevat ukoll li l-entitajiet Belġjani kienu, min-naħa tagħhom, ikkontrollati mill-entità li tmexxi lill-grupp kollu ta’ impriżi. Għalhekk, minn dan il-Kummissjoni ddeduċiet li l-grupp multinazzjonali kollu seta’ jitqies bħala l-benefiċjarju tal-miżura ta’ għajnuna.

165    Barra minn hekk, fil-premessa 185 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat li kien il-grupp kollu kemm hu, indipendentement mill-fatt li huwa organizzat f’entitajiet legali differenti, li ddeċieda li jiċċentralizza ċerti attivitajiet fil-Belġju u li jwettaq l-investimenti neċessarji hemmhekk sabiex jibbenefika mid-deċiżjonijiet bil-quddiem.

166    Huwa għalhekk li, fil-premessa 186 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkonkludiet li, minbarra l-entitajiet Belġjani li ġew ammessi sabiex jibbenefikaw mill-iskema inkwistjoni, il-gruppi multinazzjonali li kienu jagħmlu parti minnhom dawn l-entitajiet kellhom jitqiesu bħala benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

167    Qabel kollox, għandu jitfakkar li f’deċiżjoni dwar skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni ma hijiex meħtieġa twettaq analiżi tal-għajnuna mogħtija f’kull każ individwali abbażi ta’ tali skema. Huwa biss fl-istadju tal-irkupru tal-għajnuna li huwa neċessarju li tiġi vverifikata s-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Marzu 2002, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑310/99, EU:C:2002:143, punti 89 u 91; tad‑9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 63, u tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Copebi, C‑505/18, EU:C:2019:500, punti 28 sa 33).

168    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-Kummissjoni għandha setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa meta hija tkun imsejħa tiddetermina, fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat, jekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tagħhom b’mod partikolari, entitajiet legali distinti jikkostitwixxux unità ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2010, AceaElectrabel Produzione vs Il‑Kummissjoni, C‑480/09 P, EU:C:2010:787, punt 63, u tal‑25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il‑Kummissjoni, T‑371/94 u T‑394/94, EU:T:1998:140, punt 314).

169    Għalhekk, ġie deċiż li l-Kummissjoni setgħet tqis, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-benefiċjarji ta’ għajnuna mill-Istat u tal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn deċiżjoni li tordna l-irkupru tagħha, li kienet teżisti unità ekonomika bejn diversi entitajiet legali distinti, b’mod partikolari meta dawn kienu marbuta b’relazzjonijiet ta’ kontroll (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il‑Kummissjoni, 323/82, EU:C:1984:345, punt 11, u tas‑16 ta’ Diċembru 2010, AceaElectrabel Produzione vs Il‑Kummissjoni, C‑480/09 P, EU:C:2010:787, punt 64).

170    Fil-premessi 184 sa 186 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat il-fatt li, fil-kuntest tal-iskema inkwistjoni, kienu jeżistu rabtiet ta’ kontroll bejn l-entità Belġjana u l-entitajiet l-oħra tal-grupp li jagħmlu parti minnu. Għalhekk, minn naħa, il-Kummissjoni rrilevat il-fatt li l-entità Belġjana kienet teżerċita funzjonijiet ċentrali għal entitajiet oħra tal-grupp, li ta’ spiss kienu kkontrollati mill-imsemmija entità. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni enfasizzat il-fatt li d-deċiżjonijiet fi ħdan il-gruppi multinazzjonali ta’ impriżi fir-rigward tal-istrutturi li taw lok għall-eżenzjonijiet inkwistjoni, jiġifieri ċ-ċentralizzazzjoni ta’ attivitajiet fil-Belġju jew l-investimenti mwettqa fil-Belġju, ittieħdu minn entitajiet fi ħdan il-grupp, neċessarjament minn entitajiet li kkontrollawh. Barra minn hekk, mid-deskrizzjoni tal-iskema ta’ profitti eċċessivi mogħtija mir-Renju tal-Belġju, kif inhi riprodotta b’mod partikolari fil-premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-profitti eċċessivi eżentati kellhom ikunu ġġenerati minn sinerġiji u ekonomiji ta’ skala minħabba l-appartenenza tal-entitajiet Belġjani inkwistjoni għal grupp multinazzjonali ta’ impriżi.

171    Minn dan isegwi li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat elementi li jippermettulha tikkonkludi li jeżistu, bħala prinċipju, rabtiet ta’ kontroll fi ħdan gruppi multinazzjonali ta’ impriżi li kienu jagħmlu parti minnhom l-entitajiet Belġjani li kisbu deċiżjonijiet bil-quddiem. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi tal-iskema inkwistjoni, ma jistax jiġi konkluż li l-Kummissjoni marret lil hinn mill-marġni ta’ evalwazzjoni tagħha meta qieset li l-imsemmija gruppi kienu jikkostitwixxu unità ekonomika ma’ dawn l-entitajiet, li bbenefikaw minn għajnuna mill-Istat taħt din l-iskema, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

172    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi miċħud il-motiv ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-benefiċjarji tal-għajnuna.

C.      Fuq ilmotiv, invokat sussidjarjament, ibbażat fuq ilksur talprinċipju ġenerali ta’ legalità u talArtikolu 16(1) tarRegolament 2015/1589, sa fejn ilKummissjoni ordnat lirkupru talgħajnuna allegatament mogħtija

173    Ir-Renju tal-Belġju jenfasizza li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jimplika li l-applikazzjoni tiegħu għandha tiġi kkombinata ma’ dik tal-prinċipju ta’ legalità. F’dan ir-rigward, huwa jsostni li l-irkupru ordnat mid-deċiżjoni kkontestata ma huwa bbażat fuq l-ebda bażi legali u, għaldaqstant, jikser il-prinċipju ta’ legalità u l-Artikolu 16(1) tar-Regolament 2015/1589.

174    Ir-Renju tal-Belġju jsostni, essenzjalment, minn naħa, nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-gruppi multinazzjonali li minnhom jagħmlu parti l-entitajiet Belġjani bħala benefiċjarji kif ukoll fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammonti li għandhom jiġu rkuprati u, min-naħa l-oħra, il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ legalità minħabba l-irkupru ordnat mingħand l-imsemmija gruppi.

175    Fir-rigward tal-ilmenti dwar in-nuqqas ta’ motivazzjoni, għandha titfakkar il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 167 iktar ’il fuq, li tgħid li, fil-kuntest ta’ deċiżjonijiet li jirrigwardaw skemi ta’ għajnuna, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata twettaq analiżi tal-għajnuna mogħtija f’kull każ individwali abbażi ta’ tali skema. Huwa biss fl-istadju tal-irkupru tal-għajnuna li huwa neċessarju għall-Istati Membri li jivverifikaw is-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata. Madankollu, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tkun suffiċjentement motivata sabiex tippermetti l-implimentazzjoni tagħha mill-awtoritajiet nazzjonali.

176    F’dan il-każ, kif ġie espost fil-punt 163 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 183 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni identifikat il-benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni bħala l-entitajiet Belġjani li naqqsu l-profitti eċċessivi mill-profitti taxxabbli tagħhom abbażi ta’ deċiżjoni bil-quddiem. Barra minn hekk, kif ġie espost fil-punti 164 sa 166 iktar ’il fuq, fil-premessi 184 sa 186 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat ir-raġunijiet li għalihom hija qieset li kienet teżisti unità ekonomika fformata minn dawn l-entitajiet Belġjani u l-kumpanniji assoċjati magħhom fi ħdan il-gruppi li minnhom huma kienu jagħmlu parti, fid-dawl tal-ġurisprudenza.

177    Barra minn hekk, fir-rigward tal-ammonti li għandhom jiġu rkuprati, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessi 207 sa 211 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni pprovdiet spjegazzjonijiet dwar il-metodu ta’ kalkolu tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata. Għalhekk, il-Kummissjoni indikat li kien hemm lok li jiġi kkalkolat l-ammont tat-taxxa li kien ikollha titħallas li kieku ma ngħatatx l-eżenzjoni tal-profitti eċċessivi, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-ammont tat-taxxa mfaddla minħabba d-deċiżjonijiet bil-quddiem kollha adottati favur il-benefiċjarju kkonċernat u l-interess akkumulat fuq dan l-ammont, ikkalkolat mid-data tal-għoti tal-għajnuna, jiġifieri d-data li fiha l-ammont imfaddal kellu jitħallas, għal kull sena fiskali, fl-assenza ta’ deċiżjoni bil-quddiem. Barra minn hekk, ġew inklużi kjarifiki sabiex isiru l-aġġustamenti korrispondenti għad-diversi tnaqqis applikabbli. Fl-aħħar nett, issemma l-fatt li l-ammont li kellu jiġi rkuprat kien għadu jista’ jiġi ppreċiżat, sussegwentement, waqt l-iskambji bejn ir-Renju tal-Belġju u l-Kummissjoni.

178    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni pprovdiet spjegazzjonijiet li jippermettu lir-Renju tal-Belġju jivverifika s-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata f’dak li jirrigwarda, minn naħa, il-benefiċjarji li mingħandhom kellha tiġi rkuprata l-għajnuna u, min-naħa l-oħra, l-ammont li kellu jiġi rkuprat. Barra minn hekk, fid-dawl tal-ilmenti fformulati fil-kuntest ta’ dan ir-rikors u tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni pprovdiet spjegazzjonijiet suffiċjenti sabiex tippermetti lir-Renju tal-Belġju jsir jaf ir-raġunament li jiġġustifika d-deċiżjoni tal-Kummissjoni u lill-Qorti Ġenerali li teżerċita l-istħarriġ tagħha.

179    Fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ legalità, ir-Renju tal-Belġju jibbaża ruħu fuq il-fatt li l-irkupru kien ġie ordnat mingħand il-gruppi multinazzjonali li minnhom kienu jagħmlu parti l-entitajiet Belġjani li kisbu deċiżjoni bil-quddiem, filwaqt li l-imsemmija entitajiet Belġjani biss setgħu jibbenefikaw mill-eżenzjonijiet inkwistjoni.

180    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkru l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 163 sa 170 iktar ’il fuq u l-konklużjoni ppreżentata fil-punt 171 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni ġustament qieset li l-gruppi multinazzjonali li minnhom kienu jagħmlu parti l-entitajiet Belġjani kienu jikkostitwixxu unità ekonomika ma’ dawn tal-aħħar li bbenefikaw minn għajnuna mill-Istat skont din l-iskema fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

181    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi miċħud il-ħames motiv invokat mir-Renju tal-Belġju, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ legalità u tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament 2015/1589, sa fejn il-Kummissjoni ordnat l-irkupru tal-għajnuna mogħtija mill-iskema inkwistjoni.

182    Peress li l-ebda wieħed mill-motivi mqajma mir-Renju tal-Belġju ma huwa fondat, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

IV.    Fuq lispejjeż

183    Skont l-Artikolu 219 tar-Regoli ta’ Proċedura, fid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali mogħtija wara annullament u rinviju, din għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż dwar, minn naħa, il-proċeduri mibdija quddiemha u, min-naħa l-oħra, il-proċedura tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Billi, fis-sentenza tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja rriżervat l-ispejjeż, għandha tkun il-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi wkoll fuq l-ispejjeż relatati mal-proċedura tal-appell.

184    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Renju tal-Belġju tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni fil-proċedura inizjali quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawża T‑131/16 kif ukoll f’din il-proċedura ta’ rinviju fil-Kawża T‑131/16 RENV, konformement mat-talbiet tal-Kummissjoni.

185    Fir-rigward tal-ispejjeż relatati mal-proċedura tal-appell, fid-dawl tal-fatt li din kienet tirrigwarda s-sentenza inizjali fil-Kawżi magħquda T‑131/16 u T‑263/16, ir-Renju tal-Belġju għandu jiġi kkundannat ibati nofs l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura tal-appell fil-Kawża C‑337/19 P.

186    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li jintervjenu f’kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant, l-Irlanda għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Renju tal-Belġju għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, inklużi dawk sostnuti fil-kuntest tal-proċedura inizjali quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawża T131/16, dawk sostnuti fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ rinviju fil-Kawża T131/16 RENV u nofs dawk sostnuti fil-kuntest tal-proċedura tal-appell fil-Kawża C337/19 P.

3)      L-Irlanda għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Marcoulli

Frimodt Nielsen

Tomljenović

Norkus

 

      Valasidis

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑20 ta’ Settembru 2023.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.