Language of document : ECLI:EU:T:2014:885

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

16 ta’ Ottubru 2014 (*)

“Politika barranija u ta’ Sigurtà Komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu — Iffriżar ta’ fondi — Applikabbiltà tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 għas-sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat — Possibbiltà għal awtorità ta’ Stat terzi li tiġi kklassifikata bħala awtorità kompetenti fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK — Bażi fattwali ta’ deċiżjonijiet ta’ ffriżar ta’ fondi — Riferiment għal atti terroristiċi — Neċessità għal deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931”

Fil-Kawżi magħquda T‑208/11 u T‑508/11,

Liberation Tigers of Tamil Eelam (LTTE), stabbilita fi Herning (id-Danimarka), irrappreżentata minn V. Koppe, A. M. van Eik u T. Buruma, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn G. Étienne u E. Finnegan, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat, fil-Kawża T‑208/11, inizjalment minn M. Bulterman, N. Noort u C. Schillemans, sussegwentement, kif ukoll fil-Kawża T‑508/11, minn C. Wissels, M. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

intervenjenti fil-Kawżi T‑208/11 u T‑508/11,

minn

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat inizjalment minn S. Behzadi-Spencer, H. Walker u S. Brighouse, sussegwentement minn S. Behzadi-Spencer, H. Walker u E. Jenkinson bħala aġenti, assistiti minn M. Gray, barrister,

intervenjenti fil-Kawża T‑208/11,

u minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn F. Castillo de la Torre u S. Boelaert, sussegwentement minn M. Castillo de la Torre u É. Cujo, bħala aġenti,

intervenjenti fil-Kawża T‑208/11 u T‑508/11,

li għandha bħala suġġett inizjali, fil-Kawża T‑208/11, talba għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 83/2011, tal-31 ta’ Jannar 2011, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 610/2010, u, fil-Kawża T‑508/11, talba għal annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 687/2011, tat-18 ta’ Lulju 2011, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 610/2010 u (UE) Nru 83/2011 (ĠU L 188, p. 2), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża),

komposta minn F. Dehousse (Relatur), Aġent President, I. Wiszniewska-Białecka, E. Buttigieg, A. M. Collins u I. Ulloa Rubio, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara s-seduta tas-26 ta’ Frar 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura

1        Fis-27 ta’ Diċembru 2001, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 207), kif ukoll id-Deċiżjoni 2001/927/KE li tistabbilixxi l-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 (ĠU L 344, p. 83).

2        Fid-29 ta’ Mejju 2006, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2006/379/KE li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li tħassar id-Deċiżjoni 2005/930/KE (ĠU L 294M, 25.10.2006, p. 169 sa 171). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kunsill inkluda r-rikorrenti, il-Liberation Tigers of Tamil Eelam (LTTE), fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 (iktar ’il quddiem il-“lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi”). Sussegwentement, ir-rikorrenti baqgħet inkluża f’din il-lista.

3        Fil-31 ta’ Jannar 2011, il‑Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 83/2011 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 610/2010 (ĠU L 28, p. 14). Ir-rikorrenti nżammet fil-lista annessa mar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 83/2011.

4        Permezz ta’ att ippreżentat fil-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ April 2011, ir-rikorrenti ppreżentat rikors, irreġistrat bħala T-208/11, intiż għall-annullament tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 83/2011, sa fejn dan l-att kien jikkonċernaha.

5        Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Mejju 2011, il-Kunsill bagħat lir-rikorrenti r-raġunijiet għaliex huwa kellu l-intenzjoni jżomm isimha fil-lista meta jkun imiss li hija tiġi eżaminata mill-ġdid.

6        Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Kummissjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq talbu, permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Lulju, tat-2 u tat-3 ta’ Awwissu 2011 rispettivament, li jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill, fil-Kawża T‑208/11. Wara li nstemgħu l-partijiet, permezz ta’ digriet tas-16 ta’ Settembru 2011, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dawn it-talbiet.

7        Fit‑18 ta’ Lulju 2011, il‑Kunsill adotta r‑Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 687/2011, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001, u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 610/2010 u (UE) Nru 83/2011 (ĠU L 188, p. 2). Ir-rikorrenti nżammet fil-lista annessa mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 687/2011.

8        Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Lulju 2011, il-Kunsill bagħat lir-rikorrenti r-raġunijiet għaliex huwa kellu l-intenzjoni jżomm isimha f’din il-lista.

9        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Settembru 2011 u rrettifikat fid-19 ta’ Ottubru 2011, ir-rikorrenti ppreżentat rikors, irreġistrat bħala T‑501/11, intiż għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 687/2011, sa fejn dan l-att kien jikkonċernaha.

10      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni talbu, permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 u fis-17 ta’ Jannar 2012 rispettivament, li jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill fil-Kawża T‑509/11. Wara li nstemgħu l-partijiet, permezz ta’ digriet tad-9 ta’ Marzu 2012, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali, laqa’ dawn it-talbiet.

11      Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Novembru 2011, il-Kunsill bagħat lir-rikorrenti r-raġunijiet għaliex huwa kellu l-intenzjoni jżomm jżomm isimha fil-lista meta jkun imiss li hija tiġi eżaminata mill-ġdid.

12      Fit-22 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1375/2011 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li jħassar ir-Regolament Nru 687/2011 (ĠU L 343, p. 10). Ir-rikorrenti nżammet fil-lista annessa mar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1375/2011.

13      Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Jannar 2012, il-Kunsill bagħat lir-rikorrenti r-raġunijiet għaliex huwa kellu l-intenzjoni jżomm isimha f’din il-lista.

14      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Frar 2012, ir-rikorrenti talbet li l-Kawżi T‑208/11 u T‑508/11 jingħaqdu, talbet l-adattament tat-talbiet ta’ dawn ir-rikorsi sabiex japplikaw għar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1375/2011 u ppreżentat offerti ta’ prova.

15      Permezz ta’ atti tal-24 u tal-25 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni, il-Kunsill u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreżentaw l-osservazzjoni tagħhom fuq it-talba għall-adattament tat-talbiet u l-offerti ta’ prova.

16      Wara li nstemgħu l-partijiet, permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Ġunju 2012, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali, għaqqad il-Kawżi T‑208/11 u T‑508/11.

17      Fil-25 ta’ Ġunju 2012, il‑Kunsill adotta Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 542/2012 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1375/2011 (ĠU L 165, p. 12). Ir-rikorrenti nżammet fil-lista annessa mar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 542/2012.

18      Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Ġunju 2012, il-Kunsill bagħat lir-rikorrenti r-raġunijiet għaliex huwa kellu l-intenzjoni jżomm isimha f’din il-lista.

19      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Lulju 2012, ir-rikorrenti talbet l-adattament tat-talbiet ifformulati f’dawn ir-rikorsi sabiex japplikaw għar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 542/2012.

20      Peress li l-ittri tas-27 ta’ Frar u tad-19 ta’ Lulju 2012 żdiedu mal-fajl bħala talbiet għall-adattament tat-talbiet, ir-rikorrenti, fuq it-talba tal-Qorti Ġenerali, fit-2 ta’ Awwissu 2012, ippreżentat nota li tirrigwarda l-adattament tat-talbiet ifformulati f’dawn ir-rikorsi sabiex japplikaw għar-Regolamenti ta’ Implementazzjoni Nri 1375/2011 u 542/2012.

21      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 u fis-6 ta’ Settembru 2012, ir-Renju Unit, il-Kummissjoni u l-Kunsill ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq in-nota li tirrigwarda l-adattament tat-talbiet.

22      Fl-10 ta’ Diċembru 2012, il‑Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1169/2012, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 542/2011 (ĠU L 337, p. 2). Ir-rikorrenti nżammet fil-lista annessa mar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1169/2012.

23      Fis-7 ta’ Frar 2013, ir-rikorrenti ppreżentat nota li tirrigwarda l-adattament tat-talbiet ifformulati f’dawn ir-rikorsi kontra r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1169/2012.

24      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Frar, fit-12 u fit-13 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni, il-Kunsill u r-Renju Unit ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din in-nota li tirrigwarda l-adattament tat-talbiet.

25      Fit‑25 ta’ Lulju 2013, il‑Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 714/2013, tal-25 ta’ Lulju 2013, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1169/2012 (ĠU L 201, p. 10). Ir-rikorrenti nżammet fil-lista annessa mar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 714/2013.

26      Fit-22 ta’ Awwissu 2013, ir-rikorrenti ppreżentat nota li tirrigwarda l-adattament tat-talbiet ifformulati f’dawn ir-rikorsi sabiex japplikaw kontra r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 714/2013.

27      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9, fis-17 u fil-25 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju Unit u l-Kunsill ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din in-nota li tirrigwarda l-adattament tat-talbiet.

28      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti tal-Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla.

29      Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Novembru 2013, il-Qorti Ġenerali rrinvijat dawn il-kawżi quddiem is-Sitt Awla Estiża.

30      Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Jannar 2014, il-Qorti Ġenerali talbet lill-partijiet jirrispondu għal ċerti domandi. Il-partijiet ikkonformaw ruħhom ma’ din it-talba permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Frar 2014.

31      Fl-10 ta’ Frar 2014, il‑Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 125/2014, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 714/2013 (ĠU L 40, p. 9). Ir-rikorrenti nżammet fil-lista annessa mar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 125/2014.

32      Fit-18 ta’ Frar 2014, ir-rikorrenti ppreżentat nota li tirrigwarda l-adattament tat-talbiet f’dawn ir-rikorsi sabiex japplikaw għar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 125/2014.

33      Fil-25 ta’ Frar 2014, peress li membru tal-Awla ma setax jassumi postu, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, imħallef ieħor sabiex jikkompleta l-Awla.

34      Waqt is-seduta tas-26 ta’ Frar 2014, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju Unit, il-Kunsill u l-Kummissjoni ddikjaraw li ma kellhomx oġġezzjonijiet għall-adattament tat-talbiet mitluba fit-18 ta’ Frar 2014.

35      Fit-22 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 790/2014 li jimplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 125/2014 (ĠU L 217, p. 1). Ir-rikorrenti nżammet fil-lista annessa mar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 790/2014, fuq il-bażi ta’ motivi emendati.

36      Fl-20 ta’ Awwissu 2014, ir-rikorrenti ppreżentat nota li tirrigwarda l-adattament tat-talbiet ta’ dawn ir-rikorsi kontra r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 790/2014.

37      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 u fil-25 ta’ Settembru 2014, il-Kunisll u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din in-nota li tirrigwardda l-adattament tal-konklużjonijiet.

 It-talbiet tal-partijiet

38      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-Regolamenti ta’ Implementazzjoni Nri 83/2011, 687/2011, 1375/2011, 542/2012, 1169/2012, 714/2013, u 125/2014 u 790/2014 (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti kkontestati”), sa fejn jikkonċernawha;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

39      Il-Kunsill, sostnut, fil-Kawża T‑208/11, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, mir-Renju Unit u mill-Kummissjoni, u, fil-Kawża T‑508/11, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, u mill-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti Ġenerali joġgħobha:

–        tiċħad ir-rikorsi bħala infondati;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

40      Ir-rikorrenti tqajjem, essenzjalment, seba’ motivi, fosthom sitta fil-Kawżi T‑208/11 u T‑508/11 u wieħed fil-Kawża T‑508/11.

41      Is-sitt motivi komuni għaż-żewġ rikorsi huwa bbażati, l-ewwel, fuq l-inapplikabbiltà tar-Regolament Nru 2580/2011 għall-kunflitt bejn ir-rikorrenti u l-Gvern tas-Sri Lanka, it-tieni fuq il-klassifikazzjoni żbaljata tar-rikorrenti bħala organizzazzjoni terroristika fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, it-tielet fuq in-nuqqas ta’ kwalunkwe deċiżjoni meħuda minn awtorità kompetenti, ir-raba’, fuq l-assenza ta’ eżami mill-ġdid meħtieġ mill-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-ħames, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, is-sitt, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrenti. Is-seba’ motiv, imqajjem biss fir-Rikors T‑508/11, huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ sussidjarità.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-inapplikabbiltà tar-Regolament Nru 2580/2001 għall-kunflitt bejn ir-rikorrenti u l-Gvern tas-Sri Lanka

 L-argumenti tal-partijiet

42      Ir-rikorrenti ssostni li r-Regolament Nru 2580/2001 ma japplikax għas-sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat, peress li dawn il-kunflitti — u għaldaqstant l-atti mwettqa fil-kuntest tagħhom — jistgħu, fil-fehma tagħha, jaqgħu biss taħt id-dritt umanitarju internazzjonali.

43      Madankollu, kif jirriżulta mill-fatti storiċi, ir-rikorrenti kienet involuta f’kunflitt armat kontra l-forzi armati tal-Gvern tas-Sri Lanka, intiż għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu Tamil u tal-“liberazzjoni [tiegħu] kontra l-oppressjoni” minn dan il-gvern. Fid-dawl tal-organizzazzjoni u tal-funzjonament tal-forzi armati tar-rikorrenti, il-membri ta’ dawn il-forzi kienu ssodisfaw ir-rekwiżiti kollha tad-dritt internazzjonali għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ ġellieda. Dan l-istatus tahom immunità fir-rigward tal-atti ta’ gwerra li kienu legali skont id-dritt tal-kunflitti armati u, li fl-eventwalità ta’ atti legali, huma jkunu suġġetti biss għal dan id-dritt, bl-esklużjoni ta’ kull leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-ġlieda kontra t-terroriżmu. Peress li l-atti ta’ gwerra leġittimi ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala illegali taħt id-dritt nazzjonali, dawn ma jaqgħux taħt il-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li, kif ipprovdut fl-Artikolu 1(30 tagħha, ma tapplikax għal atti li ma jikkostitwixxux ksur taħt id-dritt nazzjonali.

44      L-inklużjoni tar-rikorrenti fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi tikkostitwixxi għaldaqstant l-indħil minn Stat terz f’kunflitt armat, kuntrarju għall-prinċipju ta’ nuqqas ta’ indħil taħt id-dritt umanitarju internazzjonali.

45      Fir-repliki tagħha, ir-rikorrenti ssostni li għandha ssir distinzjoni ċara bejn kunflitt armat u terroriżmu. L-ewwel domanda hija mhux jekk avveniment għandux il-karatteristiċi ta’ att terroristiku, iżda jekk hemmx kunflitt armat fis-seħħ, li f’liema każ l-uniku dritt li japplika huwa d-dritt umanitarju. Id-dritt umanitarju ma jipprekludix il-kunflitti armati u l-qtil imwettaq f’kuntest ta’ gwerra, iżda mingħajr ksur tad-dritt dwar kunflitti armati, huma skużabbli. Minn dan isegwi li jiġi kklassifikat att suwiċidju kontra kwartier ġenerali għadu, kif għamel il-Kunsill f’dan il-każ, huwa li jiġi kkriminalizzat att ta’ gwerra li madankollu huwa aċċettabbli taħt id-dritt umanitarju internazzjonali.

46      Ir-rikorrenti tinvoka, barra minn hekk, insostenn tal-argumenti tagħha sentenza tar-Rechtbank’s-Gravenhague (Tribunal tal-Ewwel Istanza tad-Den Haag, Il-Pajjiżi l-Baxxi), tal-21 ta’ Ottubru 2011, kif ukoll sentenza tat-Tribunale di Napoli (Qorti ta’ Napoli, l-Italja), tat-23 ta’ Ġunju 2011, li kienu kkonstataw li hija kienet parti minn kunflitt armat intern fis-sens tad-dritt Internazzjonali u li rrifjutat li taċċetta l-klassifikazzjoni ta’ terrorist fil-każ tagħha.

47      Il‑Kunsill, sostnut mill‑intervenjenti, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti. Huwa jfakkar li, taħt id-dritt internazzjonali, il-klassifikazzjoni ta’ kunflitt armat ma tipprekludix l-applikazzjoni, meta atti terroristiċi jitwettqu, ta’ regoli ġuridiċi internazzjonali li jirrigwardaw il-ġlieda kontra t-terroriżmu, ġlieda li għaliha l-Unjoni Ewropea tipparteċipa attivament insostenn ta’ miżuri adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem il-“Kunsill tas-Sigurtà”). Id-dritt umanitarju internazzjonali ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ konvenzjonijiet speċifiċi li jirrigwardaw il-ġlieda kontra t-terroriżmu. Id-definizzjoni ta’ att terroristiku fil-Pożizzjoni Komuni 2011/931 tibqa’ valida irrispettivament miċ-ċirkustanzi li fihom twettqu l-atti terroristiċi. Il-Kunsill jikkontesta li l-klassifikazzjoni mir-rikorrenti tas-sitwazzjoni fis-Sri Lanka tista’ teżentaha mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Internazzjonali li tirrigwarda l-ġlieda kontra t-terroriżmu.

48      Fil-kontrorepliki tiegħu, il-Kunsill iżomm il-pożizzjoni tiegħu. Fir-rigward tas-sentenza tar-Rechtbank’s-Gravenhague, huwa jirrileva li din is-sentenza ġiet appellata u li l-Qorti Ġenerali ma tistax torbot ma’ din is-sentenza l-konsegwenzi fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-dritt Ewropew li tallega r-rikorrenti.

49      Il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti tiżbalja rigward allegata inkompatibbilta bejn il-kunflitti armati u l-atti terroristiċi. Ma hemmx prinċipju ta’ immunità għal ġellieda għall-atti terroristiċi mwettqa fi żmien ta’ kunflitt armat. Ir-rikorrenti ma tissostanzjax id-dikjarazzjoni tagħha li tipprovdi li l-atti li hija akkużata bihom fl-espożizzjoni tal-motivi tar-regolament ikkontestati huma atti ta’ gwerra li huma legali. Hija tiżbalja li tallega li atti terroritiċi mwettqa fil-kuntest ta’ kunflitt armat ikunu suġġetti biss għad-dritt umanitarju. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward ta’ ġestjoni tar-relazzjonijiet estern tal-Unjoni u rigward l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni bil-għan tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi. L-Unjoni tagħmel lista tal-organizzazzjonijiet terroristiċi sabiex iċċaħħadhom mis-sorsi ta’ finanzjament tagħhom, u dan irrispettivament mill-eventwali status tagħhom ta’ partijiet f’kunflitt armat. Dan l-approċċ huwa konformi mal-perspettiva tal-Unjoni, li barra minn hekk il-bqija tad-dinja taqbel magħha, li tipprovdi li l-atti terroristiċi kollha huma ta’ min imaqdarhom u għandhom jiġu eradikati, irrispettivament jekk twettqux fi żmien ta’ paċi jew ta’ kunflitt armat.

50      Għaldaqstant, ma huwiex neċessarju li tiġi ddeterminata n-natura eżatta tal-kunflitt — armat jew le, intern jew internazzjonali, gwerra ta’ liberazzjoni jew le — bejn ir-rikorrenti u l-Gvern tas-Sri Lanka.

51      Rigward l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ ndħil, il-Kummissjoni tirrileva li dan il-prinċipju huwa stabbilit għall-benefiċċju tal-Istati u jista’ jiġi invokat minnhom biss, u mhux mill-“gruppi ribelli”. Il-fatt li r-rikorrenti biss u mhux il-Gvern tas-Sri Lanka hija inkluża fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi jikkostitiwixxi argument ta’ opportunità li ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali. Rigward ir-riferiment għall-Artikolu 6(5) tal-Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tat-12 ta’ Awwissu 1949, u dwar il-Protezzjoni tal-Vittmi ta’ Konflitti Armati Internazzjonali (Protokoll II), tat-8 ta’ Ġunju 1977, dan ma huwiex rilevanti.

52      Il-Kummissjoni, kif ukoll l-intervenjenti l-oħrajn, tikkontesta r-rilevanza jew il-fondatezza tar-riferimenti magħmula mir-rikorrenti għas-sentenzi tar-Rechtbank’s-Gravenhague u tat-Tribunale di Napoli.

53      Huwa ċar li l-kwistjoni dwar jekk attakk partikolari għandux natura terroristika ma jiddependix fuq il-kawża politika li f’isimha dan l-attakk tnied, iżda l-mezzi u l-metodi użati. Id-dritt li jirrigwarda l-kunflitti armati ma jipprovdi ebda eċċezzjoni għall-projbizzjoni ta’ atti ta’ terrur u ebda regola ta’ dritt umanitarju ma tipprojbixxi l-adozzjoni ta’ miżuri, bħall-iffriżar ta’ fondi, li huma intiżi sabiex iwaqqfu l-finanzjament tat-terroriżmu, kull fejn dan jitwettaq.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

54      Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni essenzjalment li, f’każ — bħal dan il-każ fil-fehma tagħha — ta’ kunflitt armat fis-sens tad-dritt umanitarju internazzjonali, dan id-dritt biss huwa applikabbli għall-eventwali atti illegali mwettqa fil-kuntest ta’ dan il-kunflitt, bl-esklużjoni tad-dritt li jorganizza l-protezzjoni u t-tneħħija tat-terroriżmu. Ir-rikorrent hija moviment ta’ liberazzjoni li wassal għal kunflitt armat kontra “gvern oppressiv”. L-inklużjoni tagħha fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ ndil taħt id-dritt umanitarju internazzjonali u l-Kunsill żbajla li applikalu d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirrigwardaw it-terroriżmu.

55      Ir-rikorrenti tippreżenta, insostenn tal-argumenti tagħha, diversi riferimenti għal testi tad-dritt internazzjonali u ta’ dritt tal-Unjoni.

56      Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-applikabbiltà tad-dritt umanitarju internazzjonali għal sitwazzjoni ta’ kunflitt armat u għall-fatti mwettqa f’dan il-kuntest ma timplikax l-inapplikabbiltà għal dawn il-fatti ta’ leġiżlazzjoni fuq it-terroriżmu. Dan huwa veru kemm għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikati f’dan il-każ, b’mod partikolari l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u r-Regolament Nru 2580/2001, kif ukoll għad-dritt internazzjonali invokat mir-rikorrenti.

57      L-ewwel lok, fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, għandu effettivament jiġi rrilevat li l-eżistenza ta’ kunflitt armat fis-sens tad-dritt umanitarju internazzjonali ma teskludix l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar it-terroriżmu għall-eventwali atti terroristiċi mwettqa f’dan il-kuntest.

58      Fil-fatt, minn naħa, il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma tagħmel ebda distinzjoni għal dak li jikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha li jipprovdi li l-att inkwistjoni huwiex jew le mwettaq fil-kuntest ta’ kunflitt armat fis-sens tad-dritt umanitarju internazzjonali. Min-naħa l-oħra, u kif ġustament jirrileva l-Kunsill, l-għanijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha huwa l-ġlieda kontra t-terroriżmu irrispettivament mill-forom li jistgħu jieħdu, skont l-għanijiet tad-dritt Internazzjonali fis-seħħ.

59      Huwa, b’mod partikolari, sabiex tiġi implimentata fil-livell tal-Unjoni r-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà, tat-28 ta’ Settembru 2001, li “jafferma mill-ġdid il-ħtieġa tal-ġlieda bil-mezzi kollha, skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, kontra t-theddid għall-paċi u għas-sigurtà Internazzjonali kkawżat mill-atti ta’ terroriżmu” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li l-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (ara l-premessi 5 sa 7 ta’ din il-pożizzjoni komuni), u sussegwentement, skont din il-pożizzjoni komuni, ir-Regolament Nru 2580/2001 (ara l-premessi 3, 5 u 6 ta’ dan ir-regolament).

60      Rigward, fit-tieni lok, id-dritt internazzjonali invokat mir-rikorrenti, għandu jiġi nnotat li, minbarra l-fatt li kunflitt armat jista’ b’mod inkontestabbli jagħti lok għal atti korrispondenti, bin-natura tagħhom, għal atti terroristiċi, id-dritt umanitarju internazzjonali jikklassifika espliċitament tali atti bħala “atti terroristiċi” kuntrarji għal dan id-dritt.

61      Il-Konvenzjoni ta’ Genève, tat-12 ta’ Awwissu 1949, dwar il-protezzjoni ta’ persuni ċivili fi żmien ta’ gwerra, tipprovdi espressament, fl-Artikolu 33 tagħha, li kull miżura terroristika hija pprojbita. F’dan l-istess sens, il-Protokolli Addizzjonali I u II għall-Konvenzjonijiet ta’ Genève, tat-12 ta’ Awwissu 1949, dwar il-protezzjoni ta’ vittmi ta’ kunflitti armati Internazzjonali jew mhux Internazzjonali, tat-8 ta’ Ġunju 1977, li huma intiżi sabiex jiżguraw l-aħjar protezzjoni għal dawn il-vittmi, jipprovdu li l-atti terroristiċi huma pprojbiti fi kwalunkwe ħin u fi kwalunkwe post (l-Artikolu 4(2) tal-Protokoll Addizzjonali II) u li l-atti jew theddid ta’ vjolenza li l-għan prinċipali tagħhom huwa li jxerdu t-terrur fost il-popolazzjoni ċivili huma pprojbiti (l-Artikolu 51(2) tal-Protokoll Addizzjonali I u l-Artikolu 13(2) tal-Protokoll Addizzjonali II).

62      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-perpetrazzjoni ta’ atti terroristiċi mill-partijiet involuti f’kunflitt armat hija espressament prevista u kkundannata bħala tali mid-dritt umanitarju internazzjonali.

63      Barra minn hekk, għandu jiżdied li l-eżistenza ta’ kunflitt armat fis-sens tad-dritt umanitarju internazzjonali ma tidhirx li teskludi, fil-każ ta’ att terroristiku mwettaq fil-kuntest ta’ dan il-kunflitt, l-applikazzjoni, lil hinn mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmi dritt umanitarju fuq il-ksur tad-dritt tal-gwerra, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali speċifikament dwar it-terroriżmu.

64      Għaldaqstant, il-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin tal-Finanzjament tat-Terroriżmu, iffirmata f’New York fid-9 ta’ Diċembru 1999 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ New York tal-1999”), tipprevedi espressament it-twettiq ta’ atti terroristiċi fil-kuntest ta’ kunflitt armat fis-sens tad-dritt internazzjonali. Fl-Artikolu 2(1)(b) tagħha hija tinkrimina “kull att intiż li joqtol jew iweġġa’ gravement pajżan, jew kull persuna oħra li ma tipparteċipax direttament għall-ostilitajiet f’sitwazzjoni ta’ kunflitt armat meta, bin-natura tiegħu jew fil-kuntest tiegħu, dan l-att huwa intiż li jbeżża’ popolazzjoni jew sabiex iġiegħel gvern jew organizzazzjoni internazzjonali sabiex iwettaq jew sabiex jastjeni milli jwettaq kwalunkwe att”.

65      Din il-konvenzjoni tikkonferma li, anki f’kunflitt armat fis-sens tad-dritt umanitarju internazzjonali, jista’ jkun hemm atti terroristiċi li jistgħu jiġu kkastigati bħala tali u mhux biss bħala delitti tal-gwerra. Dawn l-atti jinkludu dawk intiżi sabiex joqtlu jew iweġġgħu gravement il-pajżani.

66      L-argument a contrario tar-rikorrenti, li jipprovdi li l-Artikolu 2(1)(b) tal-Konvenzjoni ta’ New York tal-1999 jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni kull att dirett kontra persuni “li […] jipparteċ[ipaw …] direttament għall-ostilitajiet f’sitwazzjoni ta’ kunflitt armat”, bl-ebda mod ma jqiegħed inkwistjoni din il-konstatazzjoni.

67      Għaldaqstant ir-rikorrenti tiżbalja meta ssostni li, fid-dritt internazzjonali, il-kunċetti ta’ kunflitt armat u terroristiku huma inkompatibbli.

68      Rigward il-fatt eventwali li l-atti terroristiċi jirriżultaw minn “ġellieda għal-libertà” jew minn movimenti ta’ liberazzjoni involuti f’kunflitt armat kontra “gvern oppressiv”, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta wkoll li huwa irrilevanti. Tali eċċezzjoni għall-projbizzjoni ta’ atti terroristiċi fil-kunflitti armati ma tibbaża fuq ebda bażi ta’ dritt tal-Unjoni, jew ukoll ta’ dritt Internazzjonali. Fil-kundanna tagħhom ta’ atti terroristiċi, id-dritt Ewropew u d-dritt internazzjonali ma jiddistingwux bejn il-kwalità tal-awtur u l-għanijiet li jsegwi.

69      Rigward ir-riferiment tar-rikorrenti għall-prinċipju ta’ nuqqas ta’ ndħil, li, fl-opinjoni tagħha, il-Kunsill kiser meta inkludietha fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi, għandu jiġi rrilevat li dan il-prinċipju ta’ dritt umanitarju internazzjonali konswetudinarju, imsejjaħ ukoll prinċipju ta’ nuqqas ta’ intervent, jinvolvi d-dritt ta’ kull Stat sovran li jwettaq l-affarijiet tiegħu mingħajr indħil estern u jikkostitwixxi korollarju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza sovrana tal-Istati [sentenzi tal-Qorti Internazzjonali ta’ Ġustizzja, Attivitajiet Militarji u Paramilitarji fin-Nicaragua u kontrih (Nicaragua vs L-Istati Uniti tal-Amerika), tas-26 ta’ Novembru 1984, dwar il-kompetenza u l-ammissibbiltà, QIĠ Ġabra 194, p. 392, punt 73; u tas-27 ta’ Ġunju 1986, fuq il-mertu, QIĠ Ġabra 1986, p. 96, point 202]. Kif jirrileva l-Kunsill, dan il-prinċipju ta’ dritt internazzjonali huwa stabbilit għall-benefiċċju tal-Istati sovrani, u mhux għall-benefiċċju ta’ gruppi jew ta’ movimenti. L-inklużjoni fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi ta’ moviment — anki jekk inkun moviment ta’ liberazzjoni — f’sitwazzjoni ta’ kunflitt armat ma’ Stat sovran, minħabba l-involviment ta’ dan il-movimenti fit-terroriżmu, ma tikkostitwixxix għalhekk, kuntrarjament għal li ssostni r-rikorrenti, ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ ndħil.

70      Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-indħil tal-Unjoni jirriżulta min-natura diskriminatorja tal-pożizzjoni tal-Unjoni, li tikkonsisti fl-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi biss fir-rigward tar-rikorrenti u mhux fir-rigward tar-Repubblika Soċjalista Demokratika tas-Sri Lanka, ma jistax jintlaqa’.

71      Fil-att, il-legalità ta’ miżuri meħuda mill-Kunsill kontra grupp, abbażi tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, tiddependi fuq il-kwistjoni dwar jekk din l-istituzzjoni hijiex konformi, fid-deċiżjoni tagħha, mal-kundizzjonijiet u mar-rekwiżi ddefiniti f’din il-pożizzjoni komuni, u mhux fuq il-kwisjtoni dwar jekk partijiet oħrajn eventwalment jistgħux ikunu s-suġġett ta’ miżuri restrittivi. Il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u l-implementazzjoni tagħha mill-Kunsill ma hijiex intiża sabiex tiddetermina min, f’kunflitt bejn Stat u grupp, għandu raġun jew tort, iżda għall-ġlieda kontra t-terroriżmu. F’dan il-kuntest, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa rrikonoxxuta lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam ta’ ġestjoni tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 1982, Faust vs Il-Kummissjoni, 52/81, Ġabra, EU:C:1982:369, punt 27; tas-16 ta’ Ġunju 1998, Racke, C‑162/96, Ġabra, EU:C:1998:293, punt 52, u tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale, C‑351/04, Ġabra, EU:C:2007:547, punt 40 ; digriet tas-6 ta’ Settembru 2011, Mugraby vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑292/09, EU:T:2011:418, punt 60), ma hemmx lok, għall-finijiet ta’ din il-kawża, li jiġi eżaminat jekk miżuri restrittivi taħt id-dritt tal-Unjoni setgħux jiġu adottati fir-rigward tar-Repubblika Soċjalista Demokratika tas-Sri Lanka. Fi kwalunkwe każ, anki jekk ir-Repubblika Soċjalista Demokratika tas-Sri Lanka wettqet atti li jistgħu jagħtu lok għal kritika u għal stabbiliment ta’ azzjoni tal-Unjoni, għandu jiġi rrilevat li l-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jiġi rrikonċiljat mal-prinċipju ta’ legalità, li jipprovdi ħadd ma jista jinvoka, għall-vantaġġ tiegħu, illegalità mwettqa favur ħaddieħor (sentenzi tad-9 ta’ Lulju 2009, Melli Bank vs Il-Kunsill, T‑246/08 u T‑332/08, Ġabra, EU:T:2009:266, punt 75, u tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T‑390/08, Ġabra, EU:T:2009:401, punti 56 u 59).

72      Ir-rikorrenti tiżbalja wkoll li ssemmi, sabiex tikkontesta l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 2580/2001 għall-atti terroristiċi mwettqa fil-kuntest ta’ kunflitt armat, id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 18), u, b’mod iktar partikolari, il-premessa 11 ta’ din id-deċiżjoni kwadru, li tipprovdi li “[a]zzjonijiet mill-forzi armati matul il-perjodi ta’ kunflitt bl-armi, li huma rregolati mid-dritt umantiarju internazzjonali skond it-tifsira ta' dawn it-termini f'dik il-liġi, u sakemm dawn huma regolati minn regoli oħra tad-dritt [i]nternazzjonali”. Ir-rikorrenti żżid li d-Deċiżjoni Kwadru 2002/475 kienet akkumpanjata minn dikjarazzjoni tal-Kunsill li teskludi espliċitament ir-resistenza armata — bħal dik immexxija mill-movimenti ta’ resistenza Ewropej differenti matul it-Tieni Gwerra Dinjija — mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

73      Min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 2580/2001 ma ġiex adottat skont id-Deċiżjoni Kwadru 2002/475, li tikkonċerna d-dritt kriminali, iżda skont il-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Id-Deċiżjoni Kwadru 2002/475 ma tistax, għaldaqstant, tiddetermina l-portata tar-Regolament Nru 2580/2001.

74      Min-naħa l-oħra, il-Pożizzjoni Komuni 2001/931, l-istess bħar-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà li hija timplementa fil-livell tal-Unjoni, ma tinkludi ebda dispożizzjoni komparabbli għall-premessa 11 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475.

75      Minn dan isegwi li r-riferiment magħmul mir-rikorrenti għad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475 u għal dikjarazzjoni tal-Kunsill li takkumpanja din id-deċiżjoni kwadru hija irrilevanti.

76      Barra minn hekk, għandu jitqies, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li l-assenza, fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931, ta’ premessa komparabbli għall-premessa 11 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475, għandha, l-iktar, tiġi interpretata bħala li tesprimi l-volontà tal-Kunsill li ma jipprovdi ebda eċċezzjoni għall-applikazzjoni tad-dispożizzjoni tal-Unjoni meta jkun il-każ li tipprevjeni t-terroriżmu billi tiġġieled kontra l-finanzjament tiegħu. Din l-assenza ta’ eċċezzjoni hija konformi mal-Konvenzjoni ta’ New York tal-1999 li hija wkoll ma tinkludi ebda dispożizzjoni tat-tip bħal dik li tinsab fil-premessa 11 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475.

77      Rigward ir-riferiment magħmul mir-rikorrenti għar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew fuq l-irwol tal-Unjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu [2001/2016 (INI)] (ĠU 2002, C 72 E, p. 135), għandu jiġi rrilevat li hija tirreferi għal dokument li ma għandux forza vinkolanti. Barra minn hekk, din ir-rakkomandazzjoni ma tilleġittimizzax it-twettiq ta’ atti terroristiċi minn movimenti ta’ liberazzjoni. Fi premessa ta’ din ir-rakkomandazzjoni, il-Parlament sempliċement jagħmel distinzjoni bejn l-atti terroristiċi mwettqa fl-Unjoni — li l-Istati Membri tagħha huma rregolati mill-Istat ta’ dritt — u l-“atti ta’ resistenza f’pajjiżi terzi kontra strutturi Statali li huma stess jużaw metodi terroristiċi”.

78      Rigward ir-riferiment magħmul mir-rikorrenti fl-Artikolu 6(5) tal-Protokoll Addizzjonali II għall-Konvenzjonijiet ta’ Genève tat-12 ta’ Awwissu 1949 (ara l-punt 61 iktar ’il fuq), huwa irrilevanti. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni, tipprovdi li “[m]eta jieqaf il-ġlied [ostilitajiet interni], l-awtoritajiet fil-poter għandhom jippruvaw jagħtu amnestija kemm jista’ jkun wiesgħa għall-persuni li jkunu ħadu sehem fil-kunflitt armat […]”, tikkonċerna l-proċeduri kriminali li jistgħu jitressqu mill-Gvern ikkonċernat kontra, b’mod partikolari, membri ta’ gruppi armati li qabdu l-armi kontrih, filwaqt li r-Regolament Nru 2580/2001 ma jikkonċernax l-impożizzjoni ta’ tali proċeduri u ta’ sanzjonijiet kriminali, iżda t-teħid mill-Unjoni ta’ miżuri preventivi fil-qasam tat-terroriżmu.

79      Rigward l-espressjoni “[d]definit bħala offiża [taħt id-dritt nazzjonali]” li tinsab fl-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, espressjoni li minnha r-rikorrenti tiddeduċi r-rikonoxximent mill-Unjoni, fil-Pożizzjoni Komuni tagħha, ta’ immunità kontra l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi fil-każ ta’ atti ta’ gwerra li huma legali, għandu jiġi kkonstatat li din l-espressjoni tirrigwarda effettivament l-immunità tal-ġellieda fil-kunflitti armati għall-atti ta’ gwerra li huma legali, immunità li l-Protokolli Addizzjonali I u II (ara l-punt 69 iktar ’il fuq) jesprimi f’termini simili li ġejjin: ħadd ma jista’ jiġi kkundannat għal azzjonijiet jew omissjonijiet li ma jikkostitwixxux att kriminali skont id-dritt nazzjonali jew internazzjonali li huwa kien suġġett għalih fil-mument meta dawn twettqu [l-Artikolu 75(4)(c) tal-Protokoll Addizzjonali I u l-Artikolu 6(2)(c) tal-Protokoll Addizzjonali II].

80      Il-preżenza ta’ din l-espressjoni fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma tbiddilx għaldaqstant il-fatt li r-Regolament Nru 2580/2001 huwa applikabbli għall-atti terroristiċi, li għadhom jikkostitwixxu atti ta’ gwerra li huma legali meta jitwettqu fil-kuntest ta’ kunflitt armat.

81      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ir-Regolament Nru 2580/2001 huwa applikabbli għall-atti terroristiċi mwettqa fil-kuntest ta’ kunflitti armati.

82      Ir-rikorrenti ma tistax għaldaqstant tinvoka l-eżistenza ta’ allegat kunflitt armat bejnha u l-Gvern tas-Sri Lanka sabiex teskludi l-possibbiltà li l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 tista’ tiġi applikata lilha għal eventwali atti terroristiċi li hija wettqet f’dan il-kuntest.

83      Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ deċiżjoni meħuda minn awtorità kompetenti

 L-argumenti tal-partijiet

84      Ir-rikorrenti tirrileva li l-motivi tar-regolamenti kkontestati jinkludu, wara lista ta’ attakki imputati lilha, riferimenti għal deċiżjonijiet Brittaniċi u Indjani. Hija ssostni li ebda wieħed minn dawn il-motivi ma jista’ jikkostitwixxi d-deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

85      Rigward, l-ewwel nett, il-lista ta’ attakki imputati lir-rikorrenti, huwa ċar li din ma tikkostitwixxix deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti. Madankollu, dan ma jipprekludix l-osservazzjoni li din il-lista u l-imputazzjonijiet li hija tinkludi ma humiex sostnuti u li huma ma jistgħux għaldaqstant iservu bħala bażi sabiex isem ir-rikorrenti jinżamm fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi.

86      Rigward, it-tieni nett, deċiżjonijiet Brittaniċi invokati fil-motivi tar-regolamenti kkontestati, dawn ma humiex deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti. Peress li dawn id-deċiżjonijiet ma jinkludux kundanna għal atti rilevanti fil-kuntest tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, huma jistgħu jservu bħala bażi legali biss jekk jikkonċernaw il-bidu ta’ investigazzjonijiet jew ta’ prosekuzzjonijiet u jekk huma bbażati fuq provi jew indizji serji u kredibbli. Dan ma huwiex il-każ tad-deċiżjonijiet Brittaniċi, li huma deċiżjonijiet amministrattivi, pjuttost li kriminali, ta’ klassifikazzjoni tar-rikorrenti bħala terrorista u tal-iffriżar tal-fondi tagħha. Deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali biss jistgħu jintużaw bħala bażi għal deċiżjoni ta’ inklużjoni fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi. L-uniku każ ta’ deċiżjoni li ma hijiex kriminali aċċettat bħala bażi għal klassifikazzjoni fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi huwa dak ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà msemmija fl-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni.

87      Ir-rikorrenti żżid li l-awtoritajiet Brittaniċi inkwistjoni ma humiex awtoritajiet kompetenti, inkwantu ħadd minnhom ma huwa awtorità ġudizzjarja, għalkemm fir-Renju Unit hemm awtoritajiet ġudizzjarji li għandhom kompetenza f’dan il-qasam kopert mill-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

88      Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tqis li d-deċiżjonijiet Brittaniċi jammontaw għall-bidu ta’ investigazzjonijiet jew ta’ prosekuzzjonijiet jew għal kundanna għal att terroristiku, ir-rikorrenti ssostni li dawn id-deċiżjonijiet ma humiex ibbażati fuq provi jew indizji serji u kredibbli. F’dan ir-rigward, l-espożizzjonijiet tal-motivi tar-regolament ikkontestati bl-ebda mod ma jispeċifikaw liema huma l-bażijiet ta’ dawn id-deċiżjonijiet Brittaniċi. Ir-rikorrenti tinnota li l-klassifikazzjoni tagħha mill-awtoritajiet Brittaniċi ma saritx individwalment, iżda “kollettivament” ma’ 20 grupp ieħor.

89      Rigward, it-tielet nett, id-deċiżjonijiet Indjani, ir-rikorrent tqis, essenzjalment, li, fid-dawl tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, id-deċiżjonijiet ta’ awtorità nazzjonali ta’ Stat Membru biss jistgħu, bl-eċċezzjoni madankollu ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, jitqiesu bħala deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti. Li jiġi sostnut mod ieħor ifixkel is-sistema ta’ sanzjonijiet tal-Unjoni, billi “jiġi mminat” l-irwol prinċipali tal-Istati Membri u billi jwassal il-Kunsill li jserraħ fuq informazzjoni minn Stati terzi li ma humiex marbutin bil-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali u li d-deċiżjonijiet tagħhom il-Kunsill ma jistax jassumi li josservaw ir-regoli tal-Unjoni li jirrigwardaw protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża u ta’ dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

90      Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tqis li l-Kunsill seta’ bbaża ruħu fuq deċiżjoni ta’ awtorità ta’ Stat terz, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjonijiet Indjani inkwistjoni ma jistgħux jitqiesu bħala deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti. L-istess bħad-deċiżjonijiet Brittaniċi, huma jammontax għal bidu ta’ investigazzjonijiet jew ta’ prosekuzzjonijiet u lanqas għal kundanni, u hemm qrati Indjani li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jittrattaw it-terroriżmu.

91      Barra minn hekk, għalkemm id-dritt Indjan jipprovdi r-rinviju quddiem qorti għal kull assoċjazzjoni ddikjarata illegali, sabiex din il-qorti tiddeċiedi fuq il-fondatezza ta’ din id-dikjarazzjoni, ir-rikorrenti qatt ma ġiet irrinvijata għal qorti u l-motivi tad-deċiżjonijiet li isem ir-rikorrenti jinżamm fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi adottati mill-Unjoni ma jsemmu xejn f’dan ir-rigward, u lanqas, barra minn hekk, hemm ebda element li jiġġustifika li d-determinazzjonijiet tal-Gvern Indjan huma fil-fatt deċiżjonijiet adottati minn awtorità kompetenti fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni.

92      B’mod iktar sussidjarju, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tqis li d-deċiżjonijiet Indjani jammontaw għall-bidu ta’ investigazzjonijiet jew ta’ prosekuzzjonijiet jew għal kundanna għal att terroristiku, ir-rikorrenti ssostni li dawn id-deċiżjonijiet ma humiex ibbażati fuq provi jew indizji serji u kredibbli. F’dan ir-rigward, l-espożizzjonijiet tal-motivi tar-regolamenti kkontestati bl-ebda mod ma jispeċifikaw liema huma l-bażijiet ta’ dawn id-deċiżjonijiet Indjani. Il-Kunsill ma jistax sempliċement jinvoka deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali mingħajr ma jiggarantixxi li jikkostitwixxu deċiżjonijiet fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Dawn huwa iktar u iktar meħtieġ meta jirrigwarda deċiżjoni meħuda minn Stat li ma huwiex membru tal-Unjoni.

93      Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Indjani ma jistgħux jitqiesu bħala sors affidabbli ta’ informazzjoni, peress li huma adottaw “pożizzjoni partiġġjani” fil-kunflitt bejn ir-rikorrenti u l-Gvern tas-Sri Lanka.

94      Ir-rikorrenti ssostni li l-argument tad-difiża, li jipprovdi li hija r-rikorrenti li għandha tikkontesta, quddiem il-qrati nazzjonali, il-fatti stabbiliti fil-motivi tad-deċiżjonijiet li isemha jinżamm fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi jonqos li jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Kunsill innifsu ma joffri ebda evidenza kif id-deċiżjonijiet nazzjonali invokati eżaminaw u imputawlha l-imsemmija fatti. L-argument li jipprovdi li l-Kunsill ma għandux jipprovdi prova addizzjonali tal-fatt li l-miżura tal-Unjoni hija amministrattiva u mhux kriminali huwa infondat. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma hijiex obbligata tibda kawżi f’kull ordinament ġuridiku nazzjonali li fihom ittieħdu d-deċiżjonijiet li fuqhom il-Kunsill jibbaża id-deċiżjoni tiegħu.

95      Il‑Kunsill, sostnut mill‑intervenjenti, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

96      Rigward il-lista ta’ attakki inkluża fil-motivi tad-deċiżjonijiet li isem ir-rikorrenti jinżamm fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi, il-Kunsill jikkontesta li huwa għandu jipprovdi iktar provi li jikkonċernaw l-imputazzjoni ta’ dawn l-atti għar-rikorrenti. Il-Kunsill isostni li jekk ir-rikorrenti tixtieq tikkontesta l-materjalità tal-fatti imputati lilha, hija għandha tagħmel dan quddiem il-qrati nazzjonali tal-Istati li inizjalment adottaw miżuri kontriha.

97      Rigward id-deċiżjonijiet Brittaniċi, il-Kunsill jikkontesta l-argument li jipprovdi li dawn id-deċiżjonijiet ma jikkostitwixxux deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti peress li dawn ma jagħtu bidu għal ebda investigazzjoni, u lanqas prosekuzzjonijiet jew li ma humiex ibbażati fuq provi jew indizji serji u kredibbli. Huwa jikkontesta wkoll l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-awtoritajiet Brittaniċi inkwistjoni ma humiex awtoritajiet ġudizzjarji. Huwa jsostni li l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma teħtieġx li d-deċiżjoni nazzjonali tkun ta’ natura kriminali. Rigward l-evalwazzjoni ta’ provi u ta’ indizji li fuqha kienet ibbażata d-deċiżjoni nazzjonali, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali jinvolvi l-obbligu għall-Kunsill li jserraħ kemm jista’ jkun possibbli fuq l-evalwazzjoni tal-awtorità nazzjonali, peress li l-kunsiderazzjoni primarja għall-Kunsill hija l-perċezzjoni tagħha u l-evalwazzjoni tagħha tar-riskju li, fl-assenza ta’ miżura ta’ ffriżar ta’ fondi, il-fondi inkwistjoni jistgħu jintużaw għall-finanzjament tat-terroriżmu. Il-fatt li l-awtorità nazzjonali hija awtorità amministrattiva u mhux awtorità ġudizzjarja ma huwiex deċiżiv.

98      Iktar speċifikament, rigward id-deċiżjoni tas-Secretary of State for the Home Departement (Ministru tal-Intern, ir-Renju Unit, iktar ’il quddiem “Home Secretary”) tad-29 ta’ Marzu 2001, il-Kunsill fakkar li l-Qorti Ġenerali diġà kellha l-okkażjoni li tqis li din kienet deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Il-Kunsill fakkar li din id-deċiżjoni ġiet adottata mill-Home Secretary skont is-Sezzjoni 3(3)(a) tal-UK Terrorism Act 2000, li tagħtu l-kompetenza, wara li rċieva l-approvazzjoni mill-Parlament, sabiex jipprojbixxi kull organizzazzjoni li huwa jqis bħala “implikata fit-terroriżmu”.

99      Din id-deċiżjoni tal-Home Secretary hija suffiċjenti, waħedha, sabiex tkun il-bażi għad-deċiżjonijiet tal-Kunsill, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi eżaminata d-deċiżjoni tal-UK Treasury (Ministeru tal-Finanzi, ir-Renju Unit, iktar ’il quddiem il-“UK Treasury”,) tas-6 ta’ Diċembru 2001 fuq l-iffriżar ta’ fondi, deċiżjoni msemmija fil-motivi tal-15 ta’ Novembru 2010 li fuqha kien ibbażat ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 83/2011, u sussegwentement ma kienx inkluż peress li ma kienx għad hemm deċiżjoni separata ta’ ffriżar ta’ fondi fir-Renju Unit. Il-Kunsill jinnota li l-kontenut ta’ din id-deċiżjoni ġiet sussegwentement riprodotta f’deċiżjoni sussegwenti tas-7 ta’ Ottubru 2009 li kellha l-istess natura u l-istess effetti ta’ ffriżar ta’ fondi u jqis li, bħad-deċiżjoni tal-Home Secretary, hija deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

100    Dwar id-deċiżjoni adottata mill-Gvern Indjan fl-1992 fuq il-bażi tal-Unlawful Activities Act (Liġi dwar l-attivitajiet illegali) Indjana tal-1967, kif emendata fl-2004, il-Kunsill isostni li huwa kompetenti sabiex jadotta miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi fuq il-bażi ta’ deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat terz, jew fuq proposta ta’ Stat Membru magħmula f’dan is-sens wara eżami inizjali tal-każ ikkunsidrat, inkella fuq it-talba tal-Istat Membru kkonċernat stess. Il-Kunsill jindika li huwa għandu għalhekk jiżgura li d-deċiżjonijiet ikkonċernati ġew adottati billi ġew osservati l-prinċipju fundamentali li jirregolaw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat ta’ dritt, il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, id-dritt għal smigħ xieraq u d-dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat u jew ikkundannat darbtejn għall-istess delitt jew reat. Dan kien il-każ f’dan il-każ partikolari.

101    Fil-kontroreplika, il-Kunsill, filwaqt li essenzjalment żamm il-pożizzjoni tiegħu, jirreferi, fir-rigward ta’ deċiżjonijiet Brittaniċi, għall-informazzjoni pprovduta fin-nota ta’ intervent tar-Renju Unit. Huwa jżid li ħa inkunsiderazzjoni l-informazzjoni segwenti, li tipprovdi li r-rikorrenti kompliet, mingħajr interruzzjoni, tkun is-suġġett ta’ miżuri ta’ proskrizzjoni mill-awtoritajiet Indjani: l-aħħar deċiżjoni daħlet fis-seħħ fl-14 ta’ Mejju 2010 għal sentejn u kienet ikkonfermata fit-12 ta’ Novembru 2010 ġudizzjarjament. Ir-rikorrenti kompliet għalhekk tkun inkluża f’lista fl-Indja bħala organizzazzjoni terroristika.

102    Ir-Renju Unit isostni, fin-nota ta’ intervent tiegħu, li d-deċiżjonijiet tal-Home Secretary u tal-UK Treasury jissodisfaw ir-rekwiżiti neċessarji sabiex jiġu kklassifikati bħala deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti. Rigward id-deċiżjoni Indjana, ir-Renju Unit jaqbel mal-pożizzjoni tal-Kunsill li tipprovdi li din id-deċiżjoni għandha tiġi kklassifikata bħala deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

103    Apparti mill-ewwel kumment tagħha, li huwa korrett, li l-lista ta’ fatti li tinsab fil-bidu tal-motivi tar-regolamenti kkontestati ma tikkostitwixxix deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjonijiet Brittaniċi u Indjani invokati fil-motivi tar-regolamenti kkontestati ma humiex deċiżjonijiet ta’ awtorità kompetenti fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

104    Rigward l-oġġezzjoni ġenerali li tipprovdi li l-awtoritajiet Brittaniċi u Indjani inkwistjoni ma humiex awtoritajiet kompetenti, peress li ma humiex awtoritajiet ġudizzjarji għalkemm hemm awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti fil-qasam ta’ terroriżmu f’dan il-pajjiż, għandha tiġi miċħud għar-raġunijiet li ġejjin.

105    Il-Qorti Ġenerali diġà kellha l-okkażjoni li tqis, fil-każ ta’ deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva Olandiża [deċiżjoni ta’ sanzjonijiet (“Sanctieregeling ”) fil-qasam ta’ terroriżmu adottat mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin u tal-Finanzi Olandiżi], li l-fatt li din id-deċiżjoni tikkostitwixxi deċiżjoni amministrattiva u mhux ġudizzjarja ma kinitx determinanti fiha nfisha, sa fejn il-kliem stess tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 kien jipprovdi espliċitament li awtorità mhux ġudizzjarja setgħet tiġi kklassifikata wkoll bħala awtorità kompetenti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2010, Al-Aqsa vs Il-Kunsill, T‑348/07, Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza Al-Aqsa T‑348/07”, EU:T:2010:373, punt 88). Fis-sentenza tagħha mogħtija fuq appell kontra s-sentenza Al-Aqsa T‑348/07, iċċitata iktar ’il quddiem (EU:T:2010:373), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat, essenzjalment, li s-Sanctieregeling setgħet titqies bħala deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti (sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il-Kunsill, C‑539/10 P u C‑550/10 P, Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza Al-Aqsa C‑539/10 P”, EU:C:2012:711, punti 66 sa 77).

106    F’sentenza preċedenti, li tikkonċerna deċiżjoni tal-Home Secretary, il-Qorti Ġenerali qieset li din id-deċiżjoni kienet tidher fil-fatt, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, bħala deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali kompetenti li tissodisfa d-definizzjoni tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, T‑256/07, Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza PMOI T‑256/07”, EU:T:2008:461, punti 144 u 145, l-aħħar sentenza; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Al-Aqsa T‑348/07, punt 105 iktar ’il fuq, EU:T:2010:373, punt 89, in fine).

107    Għalhekk, anki jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jinkludi preferenza għad-deċiżjonijiet minn awtoritajiet ġudizzjarji, bl-ebda mod ma jeskludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ deċiżjonijiet minn awtoritajiet amministrattivi, meta, minn naħa, dawn l-awtoritajiet huma effettivament investiti, fid-dritt nazzjonali, bil-kompetenza li jadottaw deċiżjonijiet restrittivi kontra gruppi involuti fit-terroriżmu u, min-naħa l-oħra, meta dawn l-awtoritajiet, għalkemm biss amministrattivi, jistgħu madankollu jitqiesu bħala “ekwivalenti” għall-awtoritajiet ġudizzjarji.

108    Il-fatt allegat mir-rikorrenti li l-qrati Brittaniċi u Indjani għandhom kompetenzi fil-qasam ta’ tneħħija tat-terroriżmu ma jimplikax għaldaqstant li l-Kunsill ma setax jieħu inkunsiderazzjoni deċiżjonijiet tal-awtorità amministrattiva nazzjonali inkarigata mill-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-qasam ta’ terroriżmu.

109    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li r-rikorrenti ma allegatx li d-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet Brittaniċi u Indjani inkwistjoni kienu adottati minn awtoritajiet li ma humiex awtorizzati għal dan il-għan skont id-drittijiet nazzjonali tal-Istati kkonċernati.

110    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-oġġezzjoni ġenerali tar-rikorrenti (ara l-punt 105 iktar ’il fuq) għandha tiġi miċħuda.

111    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li peress li d-deċiżjonijiet nazzjonali msemmija fil-motivi tar-regolamenti kkontestati ma jinkludux kundanna, huma jistgħu jservu biss bħala bażi legali jekk huma jikkonċernaw il-bidu ta’ investigazzjonijiet jew ta’ prosekuzzjonijiet u jekk huma kienu bbażati fuq provi jew indizji serji u kredibbli. Dan ma huwiex il-każ ta’ dawn id-deċiżjonijiet nazzjonali, li huma amministrattivi, pjuttost li kriminali, ta’ klassifikazzjoni tar-rikorrenti bħala terrorista u ta’ ffriżar tal-fondi tagħha. Deċiżjonijiet biss meħuda fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali jistgħu jintużaw bħala bażi għal deċiżjonijiet ta’ inklużjoni fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi. L-uniku każ ta’ deċiżjoni mhux kriminali aċċetta bħala bażi ta’ klassifikazzjoni fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi huwa dak ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà msemmija fl-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

112    Permezz ta’ dawn l-argumenti, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li dawn id-deċiżjonijiet kriminali biss jistgħu jikkostitwixxu deċiżjonijiet ta’ awtorità kompetenti fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Barra minn hekk, hija tissuġġerixxi li sempliċi deċiżjonijiet ta’ klassifikazzjoni ma humiex suffiċjenti.

113    Għandu jitfakkar li l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma teħtieġx li d-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti tittieħed fil-kuntest ta’ proċedura kriminali stricto sensu, anki jekk dan huwa ħafna drabi l-każ. Madankollu, fid‑dawl tal‑għanijiet tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, fil‑kuntest tal‑implementazzjoni tar‑Riżoluzzjoni tal‑Kunsill tas‑Sigurtà Nru 1373 (2001), il‑proċedura nazzjonali inkwistjoni għandha jkollha bħala għan il‑ġlieda kontra t‑terroriżmu f’sens wiesa’. Dawn l-evalwazzjonijiet, magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza Al-Aqsa T‑348/07, punt 105 iktar ’il fuq (EU:T:2010:373, punti 98 u 100), ġew ikkonfermati, essenzjalment, fis-sentenza Al-Aqsa C‑539/10 P, punt 105 iktar ’il fuq (EU:C:2012:711, punt 70), peress li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-protezzjoni ta’ persuni kkonċernati ma kinitx ikkontestata jekk id-deċiżjoni meħuda mill-awtorità nazzjonali ma kinitx inkluża fil-kuntest ta’ proċedura intiża li timponi sanzjonijiet kriminali, iżda f’dak ta’ proċedura li kellha bħala għan miżuri ta’ tip preventiv.

114    Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, sabiex tkun validament invokata mill-Kunsill, deċiżjoni ta’ “bidu ta’ investigazzjonijiet jew ta’ prosekuzzjonijiet” għandha, sabiex tkun tista’ tiġi invokata mill‑Kunsill b’mod validu, tittieħed fil‑kuntest ta’ proċeduri nazzjonali intiżi direttament u prinċipalment sabiex jimponu miżura ta’ tip preventiv jew ripressiv kontra l‑parti kkonċernata bħala parti mill‑ġlieda kontra t‑terroriżmu u minħabba l‑involviment tagħha fih. Il‑Qorti Ġenerali ppreċiżat li dan ir‑rekwiżit ma huwiex issodisfatt minn deċiżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja nazzjonali li tiddeċiedi biss b’mod anċillari u inċidentali fuq l‑involviment possibbli tal‑parti kkonċernata f’attività bħal din, fil‑kuntest ta’ kontestazzjoni li tirrigwarda, pereżempju, id‑drittijiet u l‑obbligi ta’ natura ċivili (sentenza tat-30 ta’ Settembru 2009, Sison vs Il-Kunsill, T‑341/07, Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza Sison T‑341/07”, EU:T:2009:372, punt 111).

115    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm id-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet Brittaniċi (jiġifieri l-Home Secretary u l-UK Treasury) u Indjani ma jikkostitwixxux effettivament, strettament, deċiżjonijiet ta’ “bidu ta’ investigazzjoni jew ta’ prosekuzzjonijiet għal att ta’ terroriżmu” jew ta’ “kundanna għal tali fatti” fis-sens strett kriminali tat-terminu, xorta waħda jibqa’ l-fatt li dawn id-deċiżjonijiet iwasslu għall-projbizzjoni tar-rikorrenti fir-Renju Unit u l-iffriżar tal-fondi tagħha, kif ukoll il-proskrizzjoni tar-rikorrenti, u li huma għaldaqstant ittieħdu b’mod ċar fil-kuntest ta’ proċeduri nazzjonali intiżi, prinċipalment, għall-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ tip preventiv jew repressiv kontra r-rikorrenti, bħala parti mill-ġlieda kontra t-terroriżmu.

116    Sa dan il-punt, u kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi r-rikorrenti, il-fatt li d-deċiżjonijiet nazzjonali inkwistjoni ma jikkorrispondux eżattament għall-kliem tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, bl-ebda mod, fih innifsu, ma jwassal għall-konklużjoni li huma ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kunsill.

117    Għaldaqstant ir-rikorrenti tiżbalja meta tallega li l-uniku każ ta’ deċiżjoni mhux kriminali aċċettata bħala bażi ta’ klassifikazzjoni fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi huwa dak ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà msemmija fl-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. L-għan tal-aħħar sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(4) ta’ din il-pożizzjoni komuni huwa biss li toffri lill-Kunsill possibbiltà ta’ kompilazzjoni ta’ listi addizzjonali, flimkien ma’ kompilazzjoni ta’ listi li huwa jista’ jagħmel abbażi ta’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

118    Huwa minnu li l-attività tal-awtoritajiet amministrattivi inkwistjoni twassal, fl-aħħar, għal klassifikazzjoni f’lista. Madankollu, dan il-fatt ma jfissirx, fih innifsu, li dawn l-awtoritajiet ma wettqux evalwazzjoni individwali fuq kull wieħed mill-gruppi kkonċernati qabel l-inklużjoni tiegħu f’dawn il-listi, jew li dawn l-evalwazzjonijiet għandhom neċessarjament ikunu arbitrarji jew irrilevanti. Għalhekk, dak li huwa importanti ma huwiex li l-attività tal-awtorità inkwistjoni twassal għal klassifikazzjoni f’lista ta’ persuni, gruppi jew entitajiet involuti fit-terroriżmu, iżda li din l-attività tiġi eżerċitata b’garanziji suffiċjenti sabiex jippermettu lill-Kunsill sabiex jibbaża ruħu fuqha sabiex jibbaża d-deċiżjoni tiegħu ta’ inklużjoni.

119    Madankollu u lil hinn mill-oġġezzjonijiet ġenerali eżaminati iktar ’il fuq, jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk, speċifikament, l-awtoritajiet amministrattivi inkwistjoni f’dan il-każ, jiġifieri l-Home Secretary u l-UK Treasury, minn naħa, il-Gvern Indjan, min-naħa l-oħra, jistgħux jitqiesu bħala awtoritajiet kompetenti, fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

120    Rigward, qabel kollox, il-Home Secretary, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali diġà kellha l-okkażjoni li tqis, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, li din l-awtorità amministrattiva kienet awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (sentenza PMOI T‑256/07, punt 106 iktar ’il fuq, EU:T:2008:461, punt 144).

121    Lil hinn mill-argumenti ġenerali diġà msemmija u miċħuda mill-Qorti Ġenerali (ara l-punti 104 sa 118 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti ma ressqet ebda argument fis-sens kuntrarju, ħlief dak li tallega li l-klassifikazzjoni tagħha bħala organizzazzjoni terroristika fir-Renju Unit saret simultanjament ma’ 20 grupp ieħor u li l-House of Commons tar-Renju Unit allegatament ma kellha għażla oħra ħlief li taċċetta jew li tirrifjuta kompletament il-lista li kienet ippreżentata lilha mill-Home Secretary, mingħajr ma tista’ tittratta kull organizzazzjoni b’mod individwali.

122    Madankollu mill-estratt, prodott mir-rikorrenti, tad-dibattiti tal-House of Commons tat-13 ta’ Marzu 2001 dwar l-abbozz ta’ digriet ippreżentat għall-approvazzjoni tiegħu mill-Home Secretary fit-28 ta’ Frar 2001 ma jirriżultax li l-House of Commons kienet imċaħda mill-possibbiltà li teżamina individwalment is-sitwazzjoni ta’ kull organizzazzjoni li tinsab f’dan l-abbozz ta’ digriet. Minn naħa, il-membri kollha tal-House of Commons irċievew sommarju tal-fatti għal dak li jikkonċerna kull organizzazzjoni li tinsab fil-lista tal-abbozz ta’ digriet, li jimplika l-possibbiltà ta’ eżami individwali mill-House of Commons. Min-naħa l-oħra, id-dibattiti tal-House of Commons setgħu effettivament jirrigwardaw organizzazzjonijiet individwali, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-“Organizzazzjoni revoluzzjonarja tas-17 ta’ Novembru”. Fl-aħħar nett, rigward il-fatt li l-miżuri proposti għall-approvazzjoni tal-House of Commons ġew ippreżentati lillha fil-forma ta’ digriet uniku u mhux taħt dik ta’ numru ta’ digrieti għal kull organizzazzjoni kkonċernata, hija ma timplikax l-impossibbiltà ta’ eżami individwali effettiv, peress li l-House of Commons tibqa’ libera, fi kwalunkwe każ, li tirrifjuta li tapprova l-abbozz ta’ digriet.

123    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-kwalità ta’ awtorità kompetenti tal-Home Secretary ma hijiex ikkontestata mill-argumenti tar-rikorrenti.

124    Sussegwentement, l-istess japplika fir-rigward tal-UK Treasury, awtorità li l-Kunsill barra minn hekk, jirreferi għaliha biss fil-motivi tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 83/2011 u mhux iktar fil-motivi tar-Regolamenti sussegwenti. F’dawn ir-rikorsi, ir-rikorrenti ma tqajjem, barra minn hekk, ebda kontestazzjoni partikolari kontra l-kwalità ta’ awtorità kompetenti tal-UK Treasury, lil hinn mill-argumenti ġenerali msemmija fil-punti 104 sa 118 iktar ’il fuq, li diġà ġew miċħuda mill-Qorti Ġenerali.

125    Fl-aħħar nett, rigward il-Gvern Indjan, ir-rikorrenti ssostni, min-naħa l-oħra, argumenti ddettaljati. Prinċipalment, hija tqis li fid-dawl tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, li jeżisti biss bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, awtorità ta’ Stat terz ma jistax jiġi rrikonoxxut bħala awtorità kompetenti fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

126    Dan l-argument ta’ prinċipju, li jipprovdi li awtorità ta’ Stat terz ma tistax titqies bħala awtorità kompetenti fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, għandu jiġi miċħud, għar-raġunijiet li ġejjin.

127    Fl-ewwel lok, mill-premessi 5 u 7 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 li din ġiet adottata fil-kuntest u għall-finijiet tal-implementazzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1373 (2001), riżoluzzjoni li fiha l-Kunsill tas-Sigurtà ddeċieda li “l-Istati Membri kollha [kellhom ...] jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jipprevjenu t-twettiq ta’ atti terroristiċi, b’mod partikolari billi jiżguraw li l-Istati l-oħrajn jitwissew rapidament permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni” [punt 2(b) tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1373 (2001)], u “jipprovdi reċiprokament l-iktar miżura ta’ assistenza waqt l-investigazzjonijiet kriminali u proċeduri oħrajn li jirrigwardaw il-finanzjament ta’ atti terroristiċi jew is-sostenn ta’ atti terroristiċi, inkluż l-assistenza sabiex jinkisbu provi li jkunu fil-pussess tagħhom u li jkunu neċessarji għall-proċedura” [punt 2(f) tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1373(2001)] [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fir-riżoluzzjoni tiegħu, il-Kunsill tas-Sigurtà talab ukoll lill-“Istat kollha […] sabiex jagħmlu skambju ta’ informazzjoni skont id-dritt Internazzjonali u nazzjonlai u sabiex jikkooperaw fuq il-pjanijiet amministrattivi u ġudizzjarji sabiex jipprevjenu l-atti terroristiċi” [punti 3(b) tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1373 (2001)].

128    Għandu jitfakkar li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, għalkemm, minħabba l-adozzjoni ta’ tali att, l-Unjoni hija obbligata tieħu, fil-kuntest tat-Trattat, il-miżuri li din il-pożizzjoni komuni timponi, dan l-obbligu jimplika, fil-każ tal-implementazzjoni ta’ riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà adottata taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, li, fl-elaborazzjoni ta’ dawn il-miżuri, l-Unjoni għandha debitament tieħu inkunsiderazzjoni l-kliem u l-għanijiet tar-riżoluzzjoni kkonċernata kif ukoll l-obbligi rilevanti li jirriżultaw mill-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti dwar tali implementazzjoni (sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra, EU:C:2008:461, punt 296; ara wkoll is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2012, Melli Bank vs Il-Kunsill, C‑380/09 P, Ġabra, EU:C:2012:137, punt 55).

129    Fid-dawl tal-għanijiet tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1373 (2001), intiża għall-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-livell globali permezz tal-kooperazzjoni sistematika u mill-qrib tal-Istati kollha, kif ukoll għall-fatt li l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 kienet adottata sabiex timplementa din ir-riżoluzzjoni, it-teżi tar-rikorrenti, imressqa għalkemm din il-pożizzjoni komuni ma tipprovdi ebda limitazzjoni a priori rigward l-oriġini nazzjonali tal-awtoritajiet kompetenti, tinjora kemm il-kliem kif ukoll l-għan ta’ din il-pożizzjoni komuni u b’dan il-mod, tipprekludi l-implementazzjoni fil-livell tal-Unjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà.

130    Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-premessa 6 tar-Regolament Nru 2580/2001 tindika li “[d]an ir-Regolament huwa miżura meħtieġa fuq livell Komunitarju u komplimentarju għal proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji dwar organizzazzjonijiet terroristiċi fl-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi”.

131    Fit-tieni lok, għandu jitqies li l-argument tar-rikorrenti jibbaża fuq perċezzjoni ineżatta tal-funzjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali fil-kuntest tal-iskema maħluqa mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u mill-adozzjoni mill-Kunsill ta’ miżuri restrittivi.

132    Skont l-Artikolu 4(3) TUE, ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Komunitarji huma rregolati bi dmirijiet reċiproċi ta’ kooperazzjoni leali (sentenza Sison T‑341/07, punt 114 iktar ’il fuq, EU:T:2009:372, punt 94).

133    Kif tirrileva l-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali jinvolvi għall-Kunsill, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, l-obbligu li joqgħod, sa fejn possibbli, fuq l-evalwazzjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, tal-anqas fil-każ li din tkun awtorità ġudizzjarja, b’mod partikolari fir-rigward ”ta’ provi jew indizji serji u kredibbli” li fuqhom id‑deċiżjoni tagħha tkun ibbażata (sentenza Sison T‑341/07, punt 114 iktar ’il fuq, EU:T:2009:372, punt 95).

134    Dan il-prinċipju ma jikkonċernax għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi r-rikorrenti, il-kwistjoni tal-klassifikazzjoni ta’ awtorità nazzjonali bħala awtorità kompetenti fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, iżda biss il-portata tal-obbligi tal-Kunsill fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ta’ tali awtorità, meta din tal-aħħar tkun awtorità ta’ Stat Membru.

135    Il-fatt, li barra minn hekk huwa korrett, li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali japplika biss fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, ma għandux għalhekk bħala konsegwenza li awtorità ta’ Stat terz ma tistax tiġi kklassifikata bħala awtorità kompetenti fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u li l-Kunsill ma jistax, skont il-każ, joqgħod fuq l-evalwazzjonijiet ta’ din l-awtorità.

136    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argument prinċipali mressaq mir-rikorrenti, li jipprovdi li l-inapplikabbiltà tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati terzi, bħala prinċipju, li tiġi kklassifikata awtorità ta’ Stat terz bħala awtorità kompetenti, għandu jiġi miċħud. L-għan segwit mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931 twassal fil-fatt għall-konklużjoni opposta.

137    Madankollu, jibqa’ l-fatt li, kif il-Qorti Ġenerali kienet iddeduċiet mid-dispożizzjonijiet tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, peress li l-mekkaniżmu stabbilit minn din il-pożizzjoni komuni għandu l-effett li jippermetti lill-Kunsill li jinkludi persuna fuq lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi fuq il-bażi ta’ deċiżjoni meħuda minn awtorità nazzjonali, il-verifika tal-eżistenza ta’ deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali li tissodisfa d-definizzjoni tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 tidher bħala kundizzjoni preliminari essenzjali għall-adozzjoni mill-Kunsill, ta’ deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar ta’ fondi, filwaqt li l-verifika tal-konsegwenzi ta’ dik id-deċiżjoni fil-livell nazzjonali hija essenzjali fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sison T‑341/07, punt 114 iktar ’il fuq, EU:T:2009:372, punt 93).

138    Din il-kundizzjoni, li kienet stabbilita mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ deċiżjonijiet adottati minn awtoritajiet ta’ Stati Membri tal-Unjoni, tidher iktar importanti fil-każ ta’ deċiżjonijiet adottati minn awtoritajiet ta’ Stati terzi. Fil-fatt, bid-differenza ta’ Stati Membri, ħafna Stati terzi ma humiex marbutin bir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u ebda wieħed minnhom ma huwa suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

139    Għalhekk huwa l-Kunsill li għandu l-obbligu li, qabel jibbaża ruħu fuq deċiżjoni ta’ awtorità ta’ Stat terz, li jivverifika b’attenzjoni li l-leġiżlazzjoni rilevanti ta’ dan l-Istat tiżgura protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ekwivalenti għal dik iggarantita fil-livell tal-Unjoni. Barra minn hekk, ma jistax ikun hemm elementi li juru li l-Istat terz fil-prattika naqas milli japplika din il-leġiżlazzjoni. Fil-fatt, f’dan il-każ, l-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni li tissodisfa formalment il-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ma tippermettix għaldaqstant il-konklużjoni li d-deċiżjoni kienet waħda ta’ awtorità kompetenti fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

140    Għandu jiżdied li, mingħajr ekwivalenza bejn il-livell ta’ protezzjoni żgurat mil-leġiżlazzjoni tal-Istat terz u dak żgurat fil-livell tal-Unjoni, jiġi rikonoxxut lil awtorità nazzjonali ta’ Stat terz il-kwalità ta’ awtorità kompetenti fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jimplika differenza ta’ trattament bejn il-persuni msemmija fil-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi tal-Unjoni, skont jekk id-deċiżjonijiet nazzjonali sottostanti dawn il-miżuri jirriżultawx minn awtoritajiet ta’ Stati terzi jew minn awtoritajiet ta’ Stati Membri.

141    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, kif għamlet ir-rikorrenti, li l-motivi tar-regolamenti kkontestati ma jinkludu ebda element li jippermetti li jitqies li l-Kunsill wettaq tali verifika bir-reqqa tal-livell ta’ garanzija tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Indjana. Dawn il-motivi huma limitati, fir-Regolamenti ta’ Implementazzjoni Nri 83/2001 sa 125/2014 għall-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

“Fid-dawl tat-twettiq u tal-parteċipazzjoni tal-[LTTE] għal atti terroristiċi, il-Gvern Indjan ipprojbixxa lil LTTE fl-1992 skont l-Unlawful Activities Act 1967 (Liġi dwar l-attivitajiet illegali tal-1967) u sussegwentement inkludihom fil-lista ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi li jinsabu fl-anness tal-Unlawful Activities Prevention (Amendment) Act 2004 [Liġi dwar il-prevenzjoni ta’ attivitajiet illegali tal-2004 (emenda)].

Id-deċiżjonijiet li ttieħdu fir-rigward ta’ [LTTE] għaldaqstant ittieħdu minn awtoritajiet kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.”

142    Bil-kontra, fil-każ ta’ awtoritajiet Brittaniċi li huma awtoritajiet ta’ Stat Membru tal-Unjoni, il-Kunsill ħa ħsieb, wara r-riferiment għal-leġiżlazzjoni applikabbli, li jikkonstata li d-deċiżjonijiet ta’ dawn l-awtoritajiet kienu suġġetti għal reviżjoni perijodika minn Kummissjoni Governattiva (il-ħames paragrafu tal-motivi tar-regolamenti kkontestati differenti) jew għal azzjoni ġudizzjarja (is-sitt paragrafu tal-motivi tal-25 ta’ Awwissu u tal-15 ta’ Novembru 2010). Madankollu, rigward l-awtoritajiet Indjani (Stat terz), il-Kunsill ma jipprovdi ebda evalwazzjoni tal-livelli ta’ protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża u ta’ protezzjoni ġudizzjarja pprovduta mil-leġiżlazzjoni Indjana.

143    F’dan ir-rigward, il-Kunsill b’mod mhux konvinċenti ssuġġerixxa, waqt is-seduta, li l-assenza ta’ evalwazzjoni tal-livelli ta’ protezzjoni fir-rigward tal-awtoritajiet Indjani kienet tirriżulta mill-fatt li r-regolamenti kkontestati kienu jirrigwardaw l-eżamijiet mill-ġdid u mhux l-inklużjoni inizjali, li kienet, min-naħa tagħha, tagħti lok għal motivazzjoni iktar dettaljata li tirrifletti evalwazzjoni inizjali iktar fil-fond tal-leġiżlazzjoni Indjana.

144    L-ewwel nett, dan is-suġġeriment huwa kontradett mill-inserzjoni ripetuta ta’ motivazzjoni speċifika fir-rigward ta’ awtoritajiet Brittaniċi fir-regolamenti kkontestati suċċessivi kollha. It-tieni nett, il-Kunsill ma jipproduċix, insostenn tas-suġġeriment tiegħu, il-motivi allegatament iktar dettaljati tar-regolament ta’ inklużjoni inizjali, lanqas jallega, u saħansitra inqas jipprova, li kkomunikahom lir-rikorrenti. Jekk is-suġġeriment tal-Kunsill kien ipprovat, minn dan isegwi tal-inqas, mill-fatt tat-trażmissjoni lir-rikorrenti ta’ motivazzjoni għalhekk inkompleta, ksur tad-drittijiet tad-difiża. It-tielet nett, jeħtieġ jitfakkar li l-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi, minkejja n-natura preventiva tagħhom, huma miżuri li jistgħu jkollhom impatt negattiv importanti ħafna fuq il-persuni u l-gruppi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, Ġabra, EU:C:2013:518, punt 132, u ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, kemm l-adozzjoni kif ukoll il-proroga ta’ dawn il-miżuri għandhom jibbażaw fuq motivazzjoni suffiċjentement solida u espliċita.

145    Fir-rigwad tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 790/2014, il-motivi a żamma huma kkompletati permezz tal-indikazzjonijiet li s-Sezzjonijiet 36 u 37 tal-Unlawful Activities Act 1967 jinkludu dispożizzjonijiet għall-appell u għar-reviżjoni tal-lista u li d-deċiżjoni ta’ proskrizzjoni tal-LTTE bħala assoċjazzjoni illegali hija rreveduta perijodikament mill-Minstru tal-Intern tal-Indja. Il-Kunsill iżied li l-aħħar reviżjoni seħħet fl-14 ta’ Mejju 2012 u li, wara r-reviżjoni magħmula mit-Tribunal stabbilit skont l-Activities Act 1967, isem LTTE ġie kkonfermat mill-Ministru tal-Intern tal-Indja fil-11 ta’ Diċembru 2012. Il-Kunsill iddikjara li dan id-deċiżjonijiet ġew ippubblikati permezz ta’ notifika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Indja.

146    Fir-rigward ta’ Stat terz, fid-dawl tal-kunsiderazzjoni esposti fil-punti 138 sa 140 iktar’il fuq, huwa l-Kunsill, b’mod partikolari, li għandu jivverifika b’reqqa li l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Istat terz tiżgura protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ekwivalenti għal iggarantita fil-livell tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, is-sempliċi riferiment għal sezzjonijiet ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi u għal reviżjoni perijodiku mill-Ministru tal-Intern ma hijiex suffiċjenti sabiex tippermetti li jiġi konkluż li kien hemm eżami bir-reqqa tal-garanziji offruti mill-Istat terz inkwistjoni fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

147    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fid-dawl tal-motivi tar-regolamenti ikkontestati, il-Kunsill ma jistax jitqies li wettaq, qabel li isem ir-rikorrenti nżamm fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi, verifika bir-reqqa li l-Istat terz inkwistjoni kellu leġiżlazzjoni li tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, sal-punt ekwivalenti għal dik iggarantita fil-livell tal-Unjoni.

148    Dan huwa l-inqas il-każ peress li l-motivi tar-regolamenti kkontestati ma jagħmlu ebda riferiment għal dispożizzjonijiet Indjani, b’mod partikolari l-Prevention of Terrorism Act (POTA) (Liġi dwar il-prevenzjoni tat-terroriżmu). Id-difiża tindika, iżda a posteriori quddiem il-Qorti Ġenerali, li huma kienu rilevanti peress li kienu jiddeterminaw il-proċedura applikabbli għall-proskrizzjoni ta’ gruppi kkunsidrati bħala li jiksru l-liġijiet Indjani fuq l-attivitajiet illegali. Din il-lakuna fil-motivazzjoni tar-regolamenti kkontestati tikkonferma l-assenza tal-eżami bir-reqqa madankollu partikolarment importanti fil-każ ta’ deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet ta’ Stati terzi.

149    Din l-assenza ta’ eżami bir-reqqa fl-istadju tal-adozzjoni tar-regolamenti kkontestati, u l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta minnu, ma jistgħux jiġu koperti permezz tar-riferementi u tal-ispjegazzjonijiet tal-Kunsill magħmula għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali.

150    Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnotat, b’konnessjoni mal-kunsiderazzjonijiet espressi fit-tieni sentenza tal-punt 139 iktar ’il fuq, li la l-Kunsill — u lanqas ebda intervenjent insostenn tiegħu — ma jirrispondi għall-argumenti fir-rikors, li huma riprodotti fir-risposta, li jipprovdu li t-tħassir tal-POTA fl-2004 kien jirriżulta mill-fatt li dan it-test wassal għal detenzjonijiet arbitrarji, atti ta’ torturi, għajbien u eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, u li jipprovdu li l-emendi leġiżlattivi li saru wara dan it-tħassir ma solvewx il-problemi.

151    Konsegwentement, għalkemm l-awtoritajiet Brittaniċi msemmija fil-motivi tar-regolamenti kkontestati setgħu korrettament jiġu kklassifikati bħala awtoritajiet kompetenti mill-Kunsill, dan ma setax, tal-inqas fir-rigward tal-motivi tar-regolamenti kkontestati, ikun il-każ tal-awtoritajiet Indjani.

152    Għalhekk dan il-motiv għandu jintlaqa’ sa fejn jikkonċerna l-awtoritajiet Indjani u li jiġi miċħud sa fejn jikkonċerna l-awtoritajiet Brittaniċi.

153    Hemm lok li jitkompla l-eżami tar-rikors billi jiġi eżaminati l-kritiki tar-rikorrenti kontra l-approċċ segwit mill-Kunsill u l-motivi mogħtija minnu sabiex isimha jinżamm fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi u, b’mod partikolari, permezz tal-eżami tal-kritika bbażata fuq il-fatt li l-imputazzjoni tar-rikorrenti għal atti ta’ vjolenza msemmija fil-motivi ta’ regolamenti kkontestati ma tibbaża fuq ebda bażi legali u fattwali suffiċjenti.

154    Għal dan il-għan, għandhom jiġu eżaminati flimkien ir-raba u s-sitt motivi, meħuda flimkien mat-tieni motiv.

 Fuq ir-raba’ u s-sitt, meħuda flimkien mat-tieni motiv

 L-argumenti tal-partijiet

155    Ir-rikorrenti ssostni li, lil hinn milli jwettaq eżami serju tal-iżviluppi tal-proċeduri fil-livell nazzjonali, kif meħtieġ mill-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Kunsill ibbaża r-regolamenti kkontestati mhux tant fuq deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti iżda fuq lista ta’ atti imputati direttament minnu lir-rikorrenti. Din il-lista ma tikkostitwixxix deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti. L-imputazzjoni li hija tinkludi ma tibbaża fuq ebda bażi legali u fattwali suffiċjenti (it-tieni u r-raba’ motivi). Barra minn hekk, il-motivi tar-regolament ikkontestati għandhom ħafna lakuni sabiex jippermettu lir-rikorrenti li torganizza difiża effikaċja u sabiex tippermetti stħarriġ ġudizzjarju (il-ħames u s-sitt motivi).

156    Il-Kunsill, sostnut mill-intervenjenti, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u jsostni li wettaq eżami mill-ġdid dettaljat tal-mertu qabel iddeċieda, permezz tar-regolamenti kkontestati, li isem ir-rikorrenti jinżamm fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi. Għal dak li jikkonċerna r-riżultat ta’ dan l-eżami mill-ġdid, l-eżitu kien kwistjoni ta’ natura politika li għandha tiġi deċiża biss mil-leġiżlatur. Il-Kunsill igawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Rigward it-teħid inkunsiderazzjoni tiegħu tal-iżvilupp tal-proċeduri fil-livell nazzjonali, il-Kunsill jirreferi għal żewġ applikazzjonijiet għal tneħħija mil-lista ppreżentata mir-rikorrenti lill-Home Secretary fl-2007 u fl-2009, li ġew miċħuda. Il-Kunsill jikkontesta li ma ħax inkunsiderazzjoni b’mod indebitu l-iżvilupp tas-sitwazzjoni fis-Sri Lanka mill-waqgħa militari tar-rikorrenti fl-2009. Huwa jqis li osserva kompletament l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni u jikkontesta li d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti nkisru. Rigward il-fatti imputati lir-rikorrenti, kienet ir-rikorrenti li kellha tikkontestahom, skont il-każ, fil-livell nazzjonali. Barra minn hekk, dawn il-fatti jikkostitwixxu elementi materjali, ta’ notorjetà pubblika, li r-rikorrenti kienet taf bihom għal ħafna żmien, iżda hija tikkontesta biss quddiem il-Qorti Ġenerali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

157    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, wara l-adozzjoni, fuq il-bażi ta’ deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti, ta’ deċiżjoni ta’ inklużjoni ta’ persuna jew ta’ grupp fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi, il-Kunsill għandu, f’intervalli regolari, u tal-inqas kull sitt xhur, jiżgura li ż-żamma tal-persuna kkonċernata fil-lista inkwistjoni tibqa’ ġġustifikata.

158    Għalkemm il-verifika tal-eżistenza ta’ deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali li tissodisfa d-definizzjoni tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 tidher bħala prerekwiżit essenzjali għall-adozzjoni, mill-Kunsill, ta’ deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar ta’ fondi, il-verifika tal-konsegwenzi ta’ din id-deċiżjoni fuq il-livell nazzjonali tidher indispensabbli fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi (sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, T‑228/02, Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza OMPI T‑228/02”, EU:T:2006:384, punt 117, u tal-11 ta’ Lulju 2007, Sison vs Il-Kunsill, T‑47/03, EU:T:2007:207, punt 164). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjoni li hija importanti fl-eżami taż-żamma ta’ persuna fil-lista inkwistjoni hija dwar jekk, sa mill-inklużjoni tal-isem ta’ din il-persuna fl-imsemmija lista jew sa mill-eżami mill-ġdid preċedenti, is-sitwazzjoni fattwali tbiddlitx b’tali mod li din ma tippermettix iktar l-istess konklużjoni dwar l-implikazzjoni ta’ din il-persuna inkwistjoni f’attivitajiet terroristiċi (sentenza Al-Aqsa C‑539/10, punt 105 iktar ’il fuq, EU:C:2012:711, punt 82).

159    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u tal-kuntest li fih ġie adottat, għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tkun l-awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-partijiet kkonċernati li jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ ta’ legalità tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji jew kull persuna oħra kkonċernata direttament u individwalment mill-att jista’ jkollha li tirċievi spjegazzjonijiet (ara s-sentenza OMPI T‑228/02, punt 158 iktar ’il fuq, EU:T:2006:384, punt 141, u ġurisprudenza ċċitata).

160    Fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi skont ir-Regolament Nru 2580/2001, il-motivazzjoni tagħha għandha tiġi evalwata qabel kollox fir-rigward tal-kundizzjonijiet legali ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għal każ ineżami, kif huma msemmija fl-Artikolu 2(3) tiegħu u, b’riferiment, għall-Artikolu 1(4) jew għall-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, skont jekk din hijiex deċiżjoni inizjali jew deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi (sentenza OMPI T‑228/02, punt 158 iktar ’il fuq, EU:T:2006:384, punt 142).

161    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ma tistax taċċetta li l-motivazzjoni tista’ tikkonsisti biss f’formulazzjoni ġenerali u stereotipata, ibbażata fuq il-kliem tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u tal-Artikolu 1(4) jew (6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Skont il-prinċipji mfakkra iktar ’il fuq, il-Kunsill għandu l-obbligu li jsemmi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom tiddependi l-ġustifikazzjoni legali tad-deċiżjoni tiegħu u l-kunsiderazzjonijiet li wassluh sabiex jieħu l-imsemmija deċiżjoni. Għaldaqstant il-motivazzjoni ta’ tali miżura għandha tindika r-raġunijiet speċifiċi u konkreti għalfejn il-Kunsill iqis li l-leġiżlazzjoni rilevanti hija applikabbli għall-parti kkonċernata (ara s-sentenza OMPI T‑228/02, punt 158 iktar ’il fuq, EU:T:2006:384, punt 143, u ġurisprudenza ċċitata).

162    Għaldaqstant, kemm il-motivazzjoni għal deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar ta’ fondi, kif ukoll il-motivazzjoni għal deċiżjonijiet sussegwenti għandhom jitrattaw mhux biss il-kundizzjonijiet legali għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2580/2001, b’mod partikolari l-eżistenza ta’ deċiżjoni nazzjonali ta’ awtorità kompetenti, iżda wkoll ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li abbażi tagħhom il-Kunsill jikkunsidra, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, li l-parti kkonċernata għandha tkun suġġetta għal miżura ta’ ffriżar ta’ fondi (sentenza Sison T‑341/07, punt 114 iktar ’il fuq, EU:T:2009:372, punt 60).

163    Fit-tielet lok, rigward l-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali, din irrikonoxxiet li l-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati fil-dawl tal-adozzjoni ta’ sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji fuq il-bażi tal-Artikoli 75 TFUE, 215 TFUE u 352 TFUE, skont pożizzjoni komuni adottata abbażi tal-politika barranija u dwar sigurtà komuni. Din is-setgħa tikkonċerna, b’mod partikolari, l-kunsiderazzjonijiet ta’ opportunità li fuqhom tali deċiżjonijiet huma bbażati (ara s-sentenza Sison T-341/07, punt 114 iktar ’il fuq, EU:T:2009:372, punt 97, u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, għalkemm il-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi li l-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali f’dan il-qasam, dan ma jimplikax li hija għandha tibqa’ lura milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, minn din l-istituzzjoni, tal-informazzjoni rilevanti. Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni għandha b’mod partikolari tistħarreġ mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda wkoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni u jekk humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet dedotti minnhom. Madankollu, fil-kuntest ta’ dan l‑istħarriġ, ma huwiex il‑kompitu tagħha li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal‑opportunità tal‑miżuri magħmula mill‑Kunsill bl-evalwazzjoni tagħha (ara s-sentenza Sison T‑341/07, punt 114 iktar ’il fuq, EU:T:2009:372, punt 98, u ġurisprudenza ċċitata).

164    Fir-raba’ lok, rigward il-bażi legali u fattwali ta’ deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fond fil-qasam ta’ terroriżmu, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi għandha tinbena fuq il-bażi ta’ informazzjoni preċiża jew materjali fir-relevanza li turi deċiżjoni ttieħdet minn awtorità kompetenti fir-rigward ta’ nies, gruppi u entitajiet konċernati, irrispettivament minn jekk din tikkonċernax jew le x’ta bidu għall-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjonijiet għall-att terroristiku, attentat, tipparteċipa jew tiffaċilita dan it-tip ta’ att ibbażat fuq xhieda serja u kredibbli jew indikazzjonijiet jew kundanna għal dawn l-atti.

165    Il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha Al-Aqsa C‑539/10 P, punt 105 iktar ’il fuq, (EU:C:2012:711), fakkret li mir-riferiment għal deċiżjoni nazzjonali kif ukoll mir-riferiment għal “informazzjoni preċiża” u “xhieda serja u kredibbli jew indikazzjonijiet” jirriżulta li l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 għandu bħala għan li jipproteġi l-persuni kkonċernati billi jiġi żgurat li l-inklużjoni tagħhom fil-lista kontenzjuża sseħħ biss fuq bażi fattwali suffiċjentement solida, u li l-imsemmija Pożizzjoni Komuni għandha l-għan li tilħaq dan l-għan billi jkun hemm rekwiżit ta’ deċiżjoni meħuda minn awtorità nazzjonali (punt 68 tas-sentenza). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-Unjoni ma għandhiex il-mezzi sabiex twettaq l-investigazzjonijiet tagħha stess li jikkonċernaw l-involviment ta’ persuni f’atti terroristiċi (punt 69 tas-sentenza).

166    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandhom jiġu eżaminati l-motivi ppreżentati mill-Kunsill sabiex jibbaża r-regolamenti kkontestati.

167    Dawn il-motivi jibdew permezz ta’ paragrafu li fih il-Kunsill, l-ewwel nett, jiddeskrivi r-rikorrenti bħala “grupp terroristiku” fformat fl-1976 u jiġġieled għal Stat Tamil separat fit-Tramuntata u fil-Lvant tas-Sri Lanka, it-tieni nett, jiddikjara li r-rikorrenti wettqet “ċertu numru ta’ atti terroristiċi inklużi attakki u azzjonijiet ta’ intimidazzjoni ripetuti kontra ċivili, attakki frekwenti kontra għanijiet governattivi, diżordni ta’ proċessi politiċi, ħtif ta’ persuni u assassinji politiċi” u, it-tielet nett, jissottometti li, “minkejja li d-disfatta militari riċenti tal-LTTE dgħajfet sinjifikatament l-istruttura tagħha, l-intenzjoni probabbli ta’ din l-organizzazzjoni hija li tkompli l-attakki terroristiċi fis-Sri Lanka” (l-ewwel paragrafi tal-motivi tar-regolamenti kkontestati).

168    Sussegwentement, il-Kunsill jelenka f’lista l-“attivitajiet terroristiċi” li r-rikorrenti, fl-opinjoni tiegħu, wettqet, minn Awwissu 2005 sa April 2009, jew — skont ir-regolamenti kkontestati —, sa Ġunju 2010 (it-tieni paragrafi tal-motivi tar-regolamenti kkontestati).

169    Wara li qies li “dawn l-atti jaqgħu taħt l-Artikolu 1(3)(1)(a),( b), (c), (f) u (g), tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, u twettqu bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(3)(i) u (iii), tal-imsemmija pożizzjoni komuni”, u li l-“[l-LTTE] taqa’ taħt l-Artikolu 2(3)(ii) tar-Regolament Nru 2580/2001” (it-tielet u r-raba’ paragrafi tal-motivi tar-regolamenti kkontestati), il-Kunsill jirreferi għal deċiżjonijiet li l-awtoritajiet Brittaniċi u Indjani adottaw fl-1992 u fl-2004, kontra r-rikorrenti (il-ħames u s-sitt paragrafi tar-Regolamenti ta’ Implementazzjoni Nri 83/2011 sa 125/2014), kif ukoll fl-2012 (is-sitt u s-seba’ paragrafi tal-motivi tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 790/2014).

170    Rigward id-deċiżjonijiet Brittaniċi u — biss fil-motivi tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 790/2014 — deċiżjonijiet Indjani, il-Kunsill jirreferi għall-fatt li huma ġew irreveduti regolarment jew huma suġġetti għal reviżjoni jew appell.

171    Minn dawn il-kunsiderazzjoni, il-Kunsill jiddeduċi li “[i]d-deċiżjonijeit li ttieħdu fir-rigward ta’ [LTTE] kienu għaldaqtant ittieħdu minn awtoritajiet kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931” (is-seba’ paragrafi tal-motivi tar-regolamenti kkontestati).

172    Fl-aħħar nett, il-Kunsill “jikkonstata li d-deċiżjonijiet imsemmija iktar ’il fuq […] għadhom fis-seħħ u […] iqis li l-motivi li ġġustifikaw l-inklużjoni ta’ [LTTE] fil-lista [ta’ ffriżar ta’ fondi] jibqgħu validi” (it-tmien paragrafi tal-motivi tar-regolamenti kkontestati). Minn dan il-Kunsill jikkonkludi li r-rikorrenti għandhom ikomplu jidhru fil-lista (id-disa’ paragrafi tal-motivi tar-regolamenti kkontestati).

173    Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-lista ta’ fatti redatta mill-Kunsill fit-tieni paragrafi tal-motivi tar-regolamenti kkontestati għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni ta’ opportunità li jinżamm l-iffriżar ta’ fondi tar-rikorrenti, peress li din il-lista hija l-bażi għall-konstatazzjoni mill-Kunsill tal-eżistenza ta’ atti terroristiċi mwettqa mir-rikorrenti, ebda wieħed minn dawn il-fatti ma ġie eżaminat fid-deċiżjonijiet nazzjonali invokati fil-ħames u s-sitt paragrafi tal-motivi tar-Regolamenti ta’ Implementazzjoni Nri 83/2011 sa 125/2014 u fis-sitt u s-seba’ paragrafi tal-motivi tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 790/2014.

174    Fil-fatt, fir-rigward tar-Regolamenti ta’ Implementazzjoni Nri 83/2011 sa 125/2014, dawn il-fatti kollha huma sussegwenti għad-deċiżjonijiet nazzjonali u invokati fil-motivi ta’ dan ir-regolament. Huma ma jistgħux għalhekk jiġu eżaminati f’dawn id-deċiżjonijiet.

175    Il-motivi tar-Regolamenti ta’ Implementazzjoni Nri 83/2011 sa 125/2014, għalkemm jipprovdu li d-deċiżjonijiet nazzjonali li huma jsemmu baqgħu fis-seħħ, ma jinkludux, xorta waħda, ebda riferiment għal deċiżjonijiet nazzjonali iktar riċenti u wisq inqas il-motivi ta’ tali deċiżjonijiet.

176    Ikkonfrontat bil-kritiki tar-rikorrenti dwar dan is-suġġett, il-Kunsill ma jipproduċi ebda deċiżjoni iktar riċenti tal-awtoritajiet Brittaniċi jew Indjani li din tipprova li huwa kellu għad-dispożizzjoni tiegħu waqt l-adozzjoni tar-Regolamenti ta’ Implementazzjoni Nri 83/2011 sa 125/2014 u li minnha jirriżulta, b’mod konkret, li l-fatti elenkati fil-motivi kienu effettivament ġew eżaminati u adottati minn dawn l-awtoritajiet.

177    Rigward il-proċedura Brittanika, il-Kunsill ipproduċa biss id-deċiżjonijiet tal-2001 imsemmija fil-motivi tar-regolamenti kkontestati. Il-Kunsill ma jipproduċi ebda deċiżjoni Brittanika ulterjuri u wisq inqas il-motivi ta’ tali deċiżjoni. L-iktar, il-Kunsill jirreferi għal deċiżjoni tal-UK Treasury tas-7 ta’ Diċembru 2009 u għaċ-ċaħdiet ta’ żewġ applikazzjonijiet ta’ LTTE, ippreżentati fl-2007 u fl-2009, intiżi għat-tneħħija tagħha mil-lista Brittanika ta’ ffriżar ta’ fondi, iżda mingħajr ma pproduċihom jew ta ebda indikazzjoni preċiża fuq il-motivazzjoni konkreta tagħhom.

178    Rigward id-deċiżjoni ġudizzjarja Indjana tat-12 ta’ Novembru 2010 prodotta mill-Kunsill fl-istadju tal-kontrorepliki tiegħu u deċiżjoni ġudizzjarja Indjana tas-7 ta’ Novembru 2012, prodotta fir-risposta tal-Kunsill tas-6 ta’ Frar 2014 għad-domandi tal-Qorti Ġenerali, huma, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet tal-punti 138 sa 140 iktar ’il fuq, irrilevanti. Barra minn hekk u sussidjarjament, għandu jiġi rrilevat li dawn id-deċiżjonijiet ma jsemmux, u wisq inqas ma tiddeċiedux fuq, ebda wieħed mill-24, u sussegwentement 21, fatt speċifikament elenkati fil-motivi tar-Regolamenti ta’ Implementazzjoni Nri 83/2011 sa 125/2014.

179    Fir-rigwad tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 790/2014, l-istess kunsiderazzjonijiet bħal dawk esposti fil-punt 178 iktar ’il fuq japplikaw fir-rigward tad-deċiżjonijiet Indjani tal-2012 (fosthom id-deċiżjoni ġudizzjarja tas-7 ta’ Novembru 2012) imsemmija, għall-ewwel darba, fis-seba’ paragrafu tal-motivi ta’ dan ir-regolament.

180    Rigward iż-żewġ deċiżjonijiet Franċiżi tat-23 ta’ Novembru 2009 u tat-22 ta’ Frar 2012 (waħda tal-Ewwel Istanza u l-oħra tal-Appell) imsemmija mill-Kunsill fil-kontroreplika tiegħu fil-Kawża T‑508/11, u li, fil-fehma tiegħu, ħadu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatti elenkati fil-espożizzjoni tal-motivi tar-regolamenti kkontestati, għandu jiġi rrilevat is-segwenti.

181    L-ewwel nett, dawn id-deċiżjonijiet ma humiex imsemmija fil-motivi tar-regolamenti kkontestati adottati qabel il-kontroreplika. Huma jikkostitwixxu, għaldaqstant, tentattiv li tingħata motivazzjoni tardiva, inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 2012, North Drilling vs Il-Kunsill, T‑552/12, EU:T:2013:590, punt 26, u tat-12 ta’ Diċembru 2013, Nabipour et vs Il-Kunsill, T‑58/12, EU:T:2013:640, punti 36 sa 39).

182    It-tieni nett, u b’mod iktar fundamentali, dawn id-deċiżjonijiet Franċiżi lanqas huma msemmija fir-regolamenti kkontestati adottati wara l-kontroreplika (Regolamenti ta’ Implementazzjoni Nru 542/2012, 1169/2012, 714/2013, 125/2014 u 790/2014). Il-Kunsill ma jistax jiddikjara, bħala “elementi ta’ motivazzjoni” għall-miżuri restrittivi tiegħu, deċiżjonijiet li huwa ma invokax fil-motivi tar-regolamenti kkontestati sussegwenti għat-teħid inkunsiderazzjoni tiegħu tal-imsemmija deċiżjonijiet.

183    Il-kunsiderazzjonijiet ifformulati fil-punti 180 sa 182 iktar ’il fuq japplikaw ukoll fir-rigward ta’ deċiżjoni Ġermaniża msemmija mill-Kunsill, għall-ewwel darba, waqt is-seduta.

184    Madankollu, il-Kunsill isostni, fil-kontroreplika, li l-fatti elenkati fl-espożizzjonijiet tal-motivi “jaqgħu taħt il-kuntest, magħruf minn kulħadd [...] tal-kunflitt fis-Sirilanka u li għalih ir-rikorrenti kienet waħda mill-partijiet” u li “dawn l-elementi kuntestwali, ibbażati fuq avvenimenti ta’ notorjetà pubblika, intiżi sabiex jinformaw id-destinatarju liema miżuri kienu adottati tal-motivi li fuqhom il-Kunsill ibbaża l-evalwazzjoni tiegħu tal-minaċċja terroristika li hija tippreżenta”. Sabiex isostni r-riferiment tiegħu għal “elementi kuntestwali”, il-Kunsill jirreferi għall-punt 106 iktar ’il fuq tas-sentenza PMOI T‑256/07 (EU:T:2008:461, punt 90). Insostenn tal-argumenti tiegħu bbażat fuq in-notorjetà pubblika tal-fatti li huwa jimputa lir-rikorrenti, huwa jipprovdi riferimenti għal artikli tal-istampa mill-internet.

185    Il-Kunsill iżied li “din il-motivazzjoni fattwali ma hijiex intiża sabiex tissostitwixxi evalwazzjoni eventwali possibbli, b’awtorità ta’ res judicata, tar-responsabbiltà ċivili jew kriminali tal-awturi ta’ dawn l-atti jew l-allegazzjoni li dawn l-atti kienu twettqu minnhom”. Huwa jsostni li “dawn l-elementi mhux biss kienu pubbliċi iżda wkoll perfettament magħrufa mir-rikorrenti fid-data tal-adozzjoni tar-Regolament ikkontestati”.

186    Dawn l-argumenti, flimkien man-nuqqas ta’ kull riferiment, fil-motivi tar-regolamenti kkontestati, għal deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti iktar riċenti mill-fatti imputati u li jirreferu gaħll-imsemmija fattu, jixhdu b’mod ċar il-fatt li l-Kunsill bbaża r-regolamenti kkontestati mhux fuq evalwazzjonijiet inklużi fid-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti, iżda fuq informazzjoni li huwa kiseb mill-istampa jew mill-internet.

187    Madankollu, kif jirriżulta mill-elementi mfakkra fil-punti 164 u 165 iktar ’il fuq, il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 teħtieġ, għall-protezzjoni tal-persuni kkonċernati u fid-dawl tal-assenza ta’ mezzi ta’ investigazzjoni proprji tal-Unjoni, li l-bażi fattwali ta’ deċiżjoni tal-Unjoni ta’ ffriżar ta’ fondi fil-qasam tat-terroriżmu tibbaża mhux fuq elementi li Kunsill kiseb mill-istampa jew mill-internet, iżda fuq elementi konkretament eżaminati u adottati fid-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

188    Huwa biss fuq tali bażi fattwali affidabbli li sussegwentement il-Kunsill għandu jeżerċita l-marġni diskrezzjonali wiesa’ tiegħu fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ ffriżar ta’ fond fil-livell tal-Unjoni, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-kunsiderazzjonijiet ta’ opportunità li fuqhom tali deċiżjonijiet huma bbażati.

189    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kunsill ma osservax dawn ir-rekwiżiti tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

190    Il-motivazzjoni tar-regolamenti kkontestati turi, barra minn hekk, raġunament tal-Kunsill li huwa kuntrarju għal dak li teżiġi din il-pożizzjoni komuni.

191    Għalhekk, minflok jieħu, bħala bażi fattwali tal-evalwazzjoni tiegħu, deċiżjonijiet adottati minn awtoritajiet kompetenti li ħadu inkunsiderazzjoni fatti preċiżi u aġixxa fuq il-bażi tagħhom, u sussegwentement ivverifika li l-imsemmija fatti huma fil-fatt “atti terroristiċi” u l-grupp ikkonċernat fil-fatt “grupp”, fis-sens tad-definizzjonijiet tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, sabiex fl-aħħar nett jiddeċiedi, fuq din il-bażi u fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, li jadotta eventwalment deċiżjoni fil-livell tal-Unjoni, il-Kunsill għamel il-kontra fil-motivi tar-regolamenti kkontestati.

192    Huwa jibda permezz ta’ evalwazzjonijiet li huma, fir-realtà, tiegħu, li jikklassifikaw ir-rikorrenti bħala terrorista mill-ewwel sentenza tal-motivi — li jagħlaq il-kwistjoni li dawn il-motivi huma mistennija li jsolvu — u timputalha serje ta’ fatti ta’ vjolenza miksuba minnu mill-istampa u mill-internet (l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-motivi tar-regolamenti kkontestati).

193    Għandu jiġi nnotat, f’dan ir-rigward, li l-fatt li tirrigwarda eżami mill-ġdid tal-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fond, li hija għalhekk konsegwenti għal eżamijiet preċedenti, ma jistax jiġġustifika din il-klassifikazzjoni magħmula mill-bidu. Mingħajr ma jiġi injorat il-passat, l-eżami mill-ġdid ta’ miżura ta’ ffriżar ta’ fondi huwa, b’ipoteżi, miftuħ għall-possibbiltà li l-persuna jew il-grupp ikkonċernat ma jkunx għadu terrorist fil-mument tad-deċiżjoni tal-Kunsill. Għalhekk huwa biss fi tmiem ta’ dan l-eżami mill-ġdid li l-Kunsill jista’ jasal għall-konklużjoni tiegħu.

194    Il-Kunsill jikkonstata, sussegwentement, li l-fatti li huwa jimputa lir-rikorrenti jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ att terroristiku fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u li r-rikorrenti hija grupp fis-sens ta’ din il-pożizzjoni (it-tielet u r-raba’ paragrafi tal-motivi tar-regolamenti kkontestati).

195    Huwa biss fi tmiem ta’ dawn ir-rimarki, li l-Kunsill jirreferi għal deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali (il-ħames sat-tmien paragrafi tar-regolamenti kkontestati), li huma, madankollu, tal-inqas għar-Regolamenti ta’ Implementazzjoni Nri 83/2011 sa 125/2014, iseħħu qabel il-fatti imputati.

196    Il-Kunsill ma jipprovax jiġġustifika, fil-motivi ta’ dawn ir-regolamenti ta’ implementazzjoni tal-aħħar, li eventwali deċiżjonijiet nazzjonali ta’ eżami mill-ġdid sussegwenti, jew deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti oħrajn, ġew effettivament eżaminati u adottaw il-fatti konkreti li jinsabu fil-bidu tal-imsemmija motivi. Fil-motivi tar-Regolamenti ta’ Implementazzjoni Nri 83/2011 sa 125/2014, huwa sempliċement jiċċita d-deċiżjonijiet nazzjonali inizjali u li jindika, mingħajr xejn iżjed, li huma għadhom dejjem fis-seħħ. Huwa biss fil-motivi tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 790/2014 li l-Kunsill isemmi deċiżjonijiet nazzjonali sussegwenti għall-fatti konkretament imputati għar-rikorrenti, iżda wkoll f’dan il-każ mingħajr ma jiġġustifika li dawn id-deċiżjonijiet — barra minn hekk irrilevanti fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet tal-punti 138 sa 140 iktar’il fuq — ġew effettivament eżaminati u adottaw il-fatti konkreti li jinsabu fil-bidu tal-imsemmija motivi.

197    Dan il-każ huwa għaldaqstant sostanzjalment differenti mill-każijiet l-oħrajn li taw lok għal kontenzjuż dwar il-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi fil-qasam tat-terroriżmu quddiem il-Qorti Ġenerali wara l-adozzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (kawżi Al-Aqsa vs Il-Kunsill, Sison vs Il-Kunsill u People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill).

198    Fil-fatt, filwaqt li, f’dawn l-ewwel kawżi tal-kontenzjuż tal-Unjoni fil-qasam tat-terroriżmu, il-bażi fattwali tar-Regolamenti tal-Kunsill kellu l-oriġini tiegħu f’deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti, f’dan il-każ, il-Kunsill ma jibbażax iktar fuq fatti li kienu qabel kollox evalwati minn awtoritajiet nazzjonali, iżda huwa nnifsu jwettaq l-imputazzjonijiet fattwali indipendenti tiegħu fuq il-bażi tal-istampa jew tal-internet. Billi jagħmel dan, il-Kunsill jeżerċita l-funzjonijiet tal-“awtorità kompetenti” fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment osservat, ma hijiex madankollu, la fil-kompetenza tagħha skont din il-pożizzjoni komuni, u lanqas fil-mezzi tagħha.

199    Għaldaqstant huwa għalxejn li l-Kunsill (ara l-punt 184 iktar ’il fuq) jirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenza PMOI T‑256/07, punt 106 iktar ’il fuq (EU:T:2008:461, punt 90). Fil-fatt, f’din il-kawża, l-atti elenkati fil-motivi ta’ ffriżar ta’ fondi mibgħuta mill-Kunsill lill-People’s Mojahedin Organization of Iran (iktar ’il quddiem il-“PMOI”) ma kinux ibbażati fuq evalwazzjonijiet awtonomi tal-Kunsill, iżda fuq evalwazzjonjiet tal-awtorità nazzjonali kompetenti. Kif jirriżulta mill-punt 90 tas-sentenza PMOI T‑256/07, punt 106 iktar ’il fuq (EU:T:2008:461), l-espożizzjoni tal-motivi tat-30 ta’ Jannar 2007 mibgħuta lill-grupp ikkonċernat (il-PMOI) kienet tinkludi atti terroristiċi li għalihom l-PMOI kienet inżammet responsabbli u ddikjarat li, “minħabba dawn l-atti, deċiżjoni ttieħdet minn awtorità nazzjonali kompetenti”. L-atti elenkati fil-motivi tal-Kunsill tat-30 ta’ Jannar 2007 mibgħuta lill-PMOI kienu għalhekk ġew eżaminati u adottati kontra dan il-grupp mill-awtorità nazzjonali kompetenti. Kuntrarjament għal dan il-każ, il-kompilazzjoni tagħhom ma kinitx tirriżulta minn evalwazzjonijiet awtonomi tal-Kunsill.

200    Bl-istess mod, fil-Kawża T‑348/07, Al-Aqsa vs Il-Kunsill, il-Qorti Ġenerali kellha t-test tad-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti invokati fil-motivi tar-regolamenti kkontestati u hija analizzathom fid-dettall. Hija kkonkludiet li l-Kunsill ma wettaq ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni billi qieset li r-rikorrenti kienet taf li l-fondi li kienet qed tiġbor kienu ser jintużaw għall-finijiet ta’ terroriżmu (sentenza Al-Aqsa T‑348/07, punt 105 iktar ’il fuq, EU:T :2010 :373, punti 121 sa 133). Skont il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, il-bażi fattwali li fuqha l-Kunsill kien qed jaħdem kienet għalhekk bażi fattwali pjuttost b’saħħitha, li tirriżulta direttament mill-konstatazzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Fis-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2007, Al-Aqsa vs Il-Kunsill (T‑327/03, EU:T:2007:211), jirriżulta wkoll b’mod ċar mill-motivi (il-punti 17 sa 20 tas-sentenza) li l-evalwazzjonijiet fuq il-bażi tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi tal-Unjoni kienu jirriżultaw minn konstatazzjonijiet fattwali li ma kinux speċifiċi għall-Kunsill, iżda li kienu oriġinaw minn deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

201    Bl-istess mod, fil-Kawża T‑341/07, Sison vs Il-Kunsill, l-evalwazzjonijiet fuq il-bażi tal-miżura ta’ ffriżar ta’ fondi kienu jirriżultaw minn konstatazzjonijiet fattwali li ma kinux speċifiċi għall-Kunsill, iżda li kienu oriġinaw minn deċiżjonijiet li għandhom awtorità ta’ res judicata u adottati minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti [Raad van State (Conseil d’État, Il-Pajjiżi l-Baxxi) u Rechtbank (Qorti, Il-Pajjiżi l-Baxxi)] (sentenza Sison T‑341/07, punt 114 iktar ’il fuq, EU:T:2009:372, punti 1, 88 u 100 sa 105).

202    Għandu jiżdied li, ċertament, il-motivazzjoni fattwali tar-regolamenti kkontestati, għalhekk il-lista ta’ fatti imputati mill-Kunsill lir-rikorrenti f’dan il-każ, ma tikkostitwixxix, sabiex jiġi rripetut l-argument tal-Kunsill (ara l-punt 185 iktar ’il fuq), “evalwazzjoni ġudizzjarja li għandha l-awtorità ta’ res judicata. Xorta waħda jibqa’ l-fatt li din il-motivazzjoni fattwali tar-regolamenti kkontestati tgawdi minn rwol determinanti fl-evalwazzjoni mill-Kunsill tal-opportunità li isem ir-rikorrenti jinżamm fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi u li l-Kunsill, lil hinn milli jistabbilixxi li huwa silet din il-motivazzjoni minn deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti, jattesta fir-realtà li bbaża fuq informazzjoni miksuba mill-istampa u mill-internet.

203    Il-Qorti Ġenerali tqis li dan l-approċċ jikkontravjeni s-sistema ta’ żewġ livelli stabbilita mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931 fil-qasam ta’ terroriżmu.

204    Għalkemm, kif tirrileva l-Qorti tal-Ġustizzja, id-domanda prinċipali waqt eżami mill-ġdid hija dik dwar jekk, mill-inklużjoni tal-persuna kkonċernata fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi jew mill-eżami mill-ġdid preċedenti, is-sitwazzjoni fattwali nbidlietx b’tali mod li ma għadux iktar possibbli li tinsilet l-istess konklużjoni li tikkonċerna l-implikazzjoni ta’ din il-persuna f’attivitajiet terroristiċi (sentenza Al-Aqsa C‑539/10, punt 105 iktar ’il fuq, EU:C:2012:711, punt 82), bil-konsegwenza li l-Kunsill jista’, skont il-każ u fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu, jiddeċiedi li jżomm persuna fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi fin-nuqqas ta’ tibdil fis-sitwazzjoni fattwali, xorta waħda jibqa’ l-fatt li kull att terroristiku ġdid li l-Kunsill jinkludi fil-motivazzjoni tiegħu matul dan l-eżami mill-ġdid, għall-finijiet li tiġi ġġustifikata ż-żamma tal-persuna kkonċernata fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi, għandu, fis-sistema deċiżjonali ta’ żewġ livelli tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u minħabba l-assenza ta’ mezzi ta’ investigazzjoni tal-Kunsill, ikun is-suġġett ta’ eżami u ta’ deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti fis-sens ta’ din il-pożizzjoni komuni.

205    Il-Kunsill u l-Kummissjoni għalxejn jissuġġerixxu li l-assenza ta’ riferiment, fil-motivi tar-regolamenti kkontestati, għal deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti speċifiċi li konkretament eżaminaw u adottaw il-fatti stabbiliti fil-bidu tal-imsemmija motivi, hija imputabbli lir-rikorrenti, li, skont il-Kunsill u l-Kummissjoni, setgħu u kellhom jikkontestaw il-miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tal-livell nazzjonali.

206    Minn naħa, l-obbligu tal-Kunsill li jibbaża fuq id-deċiżjonijiet ta’ ffriżar ta’ fondi tiegħu fil-qasam ta’ terroriżmu fuq bażi fattwali li tirriżulta minn deċiżjonijiet kompetenti jirriżulta direttament mis-sistema ta’ żewġ livelli stabbilita mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931, kif ikkonfermat mis-sentenza Al-Aqsa C‑539/10, punt 105 iktar ’il fuq (EU:C:2012:711, punti 68 u 69). Dan l-obbligu ma huwiex għalhekk suġġett għall-aġir tal-persuna jew tal-grupp ikkonċernat. Il-Kunsill għandu, skont l-obbligu ta’ motivazzjoni, li huwa formalità sostanzjali, jiddikjara, fil-motivi tad-deċiżjonijiet ta’ ffriżar ta’ fondi tiegħu, id-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti li konkretament eżaminaw u adottaw il-fatti ta’ terroriżmu li huwa juża bħala bażi fattwali tad-deċiżjonijiet tiegħu stess.

207    Min-naħa l-oħra, l-argument tal-Kunsill u tal-Kummissjoni sempliċement, fl-aħħar nett, jikkorrobora l-konstatazzjoni, li diġà saret fil-punt 186 iktar ’il fuq, li tipprovdi li l-Kunsill ibbaża ruħu, fir-realtà, mhux fuq evalwazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti, iżda fuq informazzjoni li huwa kiseb mill-istampa jew mill-internet. F’dan ir-rigward, jidher paradossali li l-Kunsill jikkritika lir-rikorrenti li ma kkontestatx fil-livell nazzjonali tal-imputazzjonijiet fattwali li huwa stess ma jasalx sabiex jagħmel konnessjoni ma’ kwalunkwe deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti speċifika.

208    Fl-aħħar nett, dan l-argument jidher tal-inqas problematiku sa fejn jissuġġerixxi li d-deċiżjonijiet nazzjonali ta’ ffriżar ta’ fondi li fuqhom il-Kunsill jiddeċiedi, fil-prattika konkreta tiegħu tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li jibbaża ruħu jekk jistgħu huma stess, sakemm ebda konstatazzjoni ma tqajmet mill-parti kkonċernata fil-livell nazzjonali, ma jkunux ibbażati fuq ebda att terroriżmu speċifiku.

209    Huwa wkoll għalxejn li l-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw l-obbligu li tinkiseb il-bażi fattwali tar-regolamenti ta’ ffriżar ta’ fondi minn deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti minħabba din tista’ twassal, fl-assenza ta’ tali deċiżjonijiet, għal tħassir inġustifikati ta’ persuni jew ta’ gruppi mil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi. Il-Kunsill u l-Kummissjoni jirreferu, b’mod partikolari, għad-differenzi ta’ ritmu rationae temporis ta’ eżami mill-ġdid li jistgħu jeżistu fl-Istati Membri għall-kuntrarju tar-ritmu ta’ kull sitt xhur applikabbli fil-livell tal-Unjoni.

210    Minn naħa, mill-ġdid, din il-konstatazzjoni tmur kontra r-rekwiżit tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931), kif ikkonfermata mis-sentenza Al-Aqsa C‑539/10, punt 105 iktar ’il fuq (EU:C:2012:711, punti 68 u 69), li teħtieg, għall-protezzjoni tal-persuni kkonċernati u fid-dawl tal-assenza ta’ mezzi ta’ investigazzjoni li jappartjenu għall-Unjoni, li l-bażi fattwali ta’ deċiżjoni tal-Unjoni ta’ ffriżar ta’ fondi fil-qasam ta’ terroriżmu jibbaża fuq elementi konkretament eżaminati u adottati f’deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali komptenti fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, fis-sistema ta’ żewġ livelli ta’ din il-pożizzjoni komuni u għall-finijiet li tiġi żgurata l-effikaċja tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, huma l-Istati Membri li għandhom jittrażmetti regolarment lill-Kunsill, u huwa l-Kunsill li għandu jiġbor, id-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti adottati fl-imsemmija Stati Membri, kif ukoll il-motivi ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

211    Barra minn hekk, din it-trażmissjoni u l-ġabra, li huma neċessarji, ta’ deċiżjonijiet kompetenti li jikkorrispondu eżattament għaċ-ċirkulazzjoni ta’ informazzjoni prevista, b’mod partikolari, għall-punti 1, 2, 3, 8 u 24 tad-dokument bit-titolu “Working methods of the Working Party on implementation of Common Position 2001/931 on the application of specific measures to combat terrorism ” (Metodi ta’ xogħol tal-grupp ta’ ħidma fuq l-implementazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi għall-ġlieda kontra t-terroriżmu), li jinsab fl-AnnessII tad-Dokument tal-Kunsill, 10826/1/07 REV 1, tat-28 ta’ Ġunju 2007.

212    Jekk, minkejja din it-trażmissjoni ta’ informazzjoni, il-Kunsill ma jkollux għad-dispożizzjoni tiegħu deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti li tikkonċerna fatt partikolari li jista’ jikkostitwixxi att terroristiku, huwa l-Kunsill li għandu, fl-assenza ta’ mezzi ta’ investigazzjoni tiegħu stess, jitlob l-evalwazzjoni ta’ awtorità nazzjonali kompetenti fuq dan il-fatt, bil-ħsieb ta’ deċiżjoni minn din l-awtorità.

213    Għal dan il-għan, il-Kunsill jista’ jikkuntattja lit-28 Stat Membru tal-Unjoni u b’mod iktar partikolari, fosthom, lill-Istati Membri li diġà eżaminaw is-sitwazzjoni tal-persuna jew tal-grupp ikkonċernat. Huwa jista’ jikkuntattja wkoll lil Stat terz li jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa f’termini ta’ protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Id-deċiżjoni inkwistjoni, li għandha tkun, skont it-termini tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, “bidu ta’ investigazzjonijiet jew ta’ prosekuzzjonijiet […], jew kundanna”, ma għandhiex neċessarjament tkun id-deċiżjoni nazzjonali ta’ eżami mill-ġdid perijodiku tal-inklużjoni tal-persuna jew tal-grupp ikkonċernat fil-lista nazzjonali ta’ ffriżar ta’ fondi. Madankollu, anki f’dan il-każ tal-aħħar, l-eżistenza tal-livell nazzjonali ta’ ritmu rationae temporis ta’ eżami mill-ġdid perijodiku differenti minn dak fis-seħħ fil-livell tal-Unjoni ma tistax tiġġustifika li l-Istat Membru kkonċernat jiddiferixxi l-eżami, mitlub mill-Kunsill, tal-fatt inkwistjoni. Fid-dawl kemm tal-istruttura fiż-żewġ livelli tas-sistema stabbilita mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931 kif ukoll tad-doveri reċiproċi ta’ kooperazzjoni leali li jeżistu bejn l-Istati Membri u l-Unjoni, l-Istati Membri mitluba mill-Kunsill għandhom jirrispondu mingħajr dewmien għall-mistoqsijiet tal-Kunsill intiżi sabiex tinkiseb evalwazzjoni u, skont il-każ, deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, fuq fatt li jista’ jikkostitwixxi att terroristiku.

214    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argument li tipprovdi li r-rekwiżit ta’ deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti jista’ jwassal għal tħassir inġustifikat mil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi ma huwiex konvinċenti.

215    Barra minn hekk, għandu jiżdied li l-assenza ta’ kull att terroristiku fir-rigward ta’ perijodu ta’ kull sitt xhur partikolari bl-ebda mod ma jimplika li l-Kunsill għandu jneħħi l-persuna jew il-grupp ikkonċernat mil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi. Fil-fatt, kif il-Qorti Ġenerali diġà setgħet tikkonstata dan, xejn fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2580/2001 u tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma jipprekludi l-impożizzjoni jew iż-żamma ta’ miżuri restrittivi kontra persuni jew entitajiet li fil-passat wettqu atti terroristiċi, minkejja l-assenza ta’ elementi li jipprovaw li huma qed iwettqu fil-preżent tali atti jew jipparteċipaw fihom, jekk iċ-ċirkustanzi jiġġustifikawh (ara, f’dan is-sens, is-sentenza PMOI T‑256/07, punt 106 iktar ’il fuq, EU:T:2008:461, punti 107 sa 113). Għalhekk, l-obbligu jagħmel imputazzjonijiet ġodda ta’ atti terroristiċi biss fuq il-bażi ta’ deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti bl-ebda mod ma jipprekludi d-dritt tal-Kunsill li jżomm il-persuna kkonċernata fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi, anki wara t-tmiem tal-attività terroristika fis-sens proprju, jekk iċ-ċirkustanzi jiġġustifikawh.

216    Rigward il-possibbiltà, li kienet imsemmija wkoll mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, li deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti li huma inkompatibbli mad-deċiżjonijiet tal-Unjoni jistgħu jiġu adottati, ma tistax tikkostitwixxi motiv validu sabiex jiġi kkontestat l-obbligu li tinsilet, fl-interess tal-protezzjoni ta’ persuni u ta’ gruppi kkonċernati, il-bażi fattwali tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni mid-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti.

217    Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxu l-Kunsill u l-Kummissjoni, tali obbligu li tinsilet il-bażi fattwali tar-regolamenti ta’ ffriżar ta’ fondi minn deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti ma huwiex ta’ natura li jagħti lok, bil-kontra, għal riskju li tinżamm b’mod inġustifikat persuna jew ta’ grupp fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi.

218    Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 1(1) sa (4) u (6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jipprekludi l-Kunsill milli jadotta, fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni tiegħu ta’ inklużjoni jew ta’ żamma ta’ persuna jew ta’ grupp fil-lista ta’ ffriżar ta’ fondi, atti terroristiċi (inklużi t-tentattivi, il-parteċipazzjoni għal jew l-iffaċilitar ta’ tali atti) ma kinux is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti (bidu ta’ investigazzjonijiet, jew ta’ prosekuzzjonijiet, jew kundanna), il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma tinkludi ebda obbligu komparabbli fir-rigward ta’ nuqqas ta’ żamma mill-Kunsill ta’ persuna jew ta’ grupp fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fond. Dan in-nuqqas ta’ żamma, li huwa favorevoli għall-persuna jew għall-grupp ikkonċernat, ma huwiex suġġett għall-istess rekwiżiti proċedurali għalkemm, fil-parti l-kbira tal-każijiet, iseħħ fid-dawl ta’ deċiżjonijiet favorevoli adottati fil-livell nazzjonali, bħal abbandun jew klassifikazzjoni ta’ investigazzjoni jew prosekuzzjoni għal atti terroristiċi, liberazzjoni minn proċeduri kriminal jew ukoll it-tneħħija tal-persuna jew tal-grupp ikkonċernat mil-lista nazzjonali ta’ klassifikazzjoni.

219    Mill-kunsiderazzjoni jirriżulta li l-punti 209 sa 218 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kunsill u l-Kummissjoni jiżbaljaw meta jsostnu li l-obbligu għall-Kunsill li jislet il-bażi fattwali tad-deċiżjonijiet tagħha ta’ ffriżar ta’ fondi minn deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti huwa ta’ natura li jimmina l-politika tal-Unjoni tal-ġlieda kontra t-terroriżmu.

220    Għandu jiżdied li l-ebda waħda mill-konstatazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq ma teċċedi l-portata tal-istħarriġ limitat li għandha twettaq il-Qorti Ġenerali u jikkonsisti, mingħajr madankollu ma tikkontesta s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kunsill, li tikkontrolla l-osservanza tal-proċedura u l-eżattezza materjali tal-fatti. Barra minn hekk, fis-sentenza Sison T‑341/07, punt 114 iktar ’il fuq (EU:T:2009:372), il-Qorti Ġenerali tħeġġet sabiex tivverifika — u setgħet tikkonstata — l-allegazzjonijiet fattwali kontra s-Sur Sison li jinsabu fl-espożizzjoni ta motivi għaż-żamma tiegħu fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi kienu debitament sostnuti mill-konstatazzjonijiet ta’ fatt definittivament magħmula fid-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet Olandiżi (Raad van State u Rechtbank) invokati mill-Kunsill fl-istess motivi (sentenza Sison T‑341/07, punt 114 iktar ’il fuq, EU:T:2009:372, punti 87 u 88).

221    B’kuntrast, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex għad-dispożizzjoni tagħha, fil-motivi tar-regolamenti kkontestati, riferimenti għal ebda deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti li fuq il-motivi tagħhom hija tista’ tagħmel konnessjoni l-elementi fattwali adottati mill-Kunsill kontra r-rikorrenti.

222    Barra minn hekk, u dejjem fis-sentenza Sison T‑341/07, punt 114 iktar ’il fuq, (EU:T:2009:372), għandu jiġi rrilevat li, filwaqt li ġie kkonstatat li l-fatti li jinsabu fil-motivi tar-Regolamenti tal-Kunsill ġew fil-fatt minn żewġ deċiżjonijiet Olandiżi invokati f’dawn l-istess motivi, il-Qorti Ġenerali madankollu sussegwentement ċaħdet lil dawn id-deċiżjonijiet Olandiżi n-natura ta’ deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti, minħabba li dawn ma kinux intiżi għall-impożizzjoni ta’ miżura ta’ tip preventiv jew repressiv kontra l-persuna kkonċernata fir-rigward tal-ġlieda kontra t-terroriżmu (sentenza Sison T‑341/07, punt 114 iktar ’il fuq, EU:T:2009:372, punti 107 sa 115).

223    Jekk il-Qorti Ġenerali setgħet, għaldaqstant, teskludi konstatazzjonijiet ta’ fatt li minkejja jirriżultaw minn awtoritajiet kompetenti, minħabba li d-deċiżjonijiet ta’ dawn l-awtoritajiet ma kinux “kundanni, bidu ta’ investigazzjonijiet jew prosekuzzjonijiet”, dan jimplika li hija ma tistax, f’dan il-każ, tagħti lil artikli tal-istampa — li fi kwalunke każ ma humiex imsemmija fil-motivi tar-regolamenti kkontestati — l-istatus proċedurali u probatorju rreservat, mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931, biss għad-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti.

224    Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li tenfasizza l-importanza tal-garanziji offruti mid-drittijiet fundamentali f’dan il-kuntest (ara l-konklużjonijiet Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, Ġabra, EU:C:2011:482, punti 235 sa 238).

225    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, li minnhom jirriżulta, minn naħa, li r-Regolament Nru 2580/2001 huwa applikabbli fil-każ ta’ kunflitt armat u, min-naħa l-oħra, li l-Kunsill kiser kemm l-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 kif ukoll, fl-assenza ta’ riferiment fil-motivazzjoni għal deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti dwar il-fatti imputati lir-rikorrenti, l-obbligu ta’ motivazzjoni, għandhom jiġu annullati r-regolamenti kkontestati, sa fejn jikkonċernaw ir-rikorrenti.

226    Il-Qorti Ġenerali tenfasizza li dawn l-annullamenti, li huma sostnuti għal motivi fundamentali ta’ proċedura, ma jimplikaw ebda evalwazzjoni ta’ mertu fuq il-kwistjoni ta’ klassifikazzjoni tar-rikorrenti bħala grupp terroristiku fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

227    F’dak li jirrigwarda l-effetti ratione temporis ta’ dawn l-annullamenti, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’deroga għall-Artikolu 280 TFUE, id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jannullaw regolament ikollhom effett biss mid-data ta’ skadenza tat-terminu previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 56 ta’ dan l-Istatut jew, jekk jitressaq appell f’dak it-terminu, mid-data taċ-ċaħda tal-appell. Il-Kunsill għaldaqstant għandu, fi kwalunkwe każ, terminu ta’ xahrejn, miżjud b’għaxart ijiem għal raġunijiet ta’ distanza, li jibda jiddekorri min-notifika ta’ din is-sentenza, sabiex jirrimedja għall-ksur ikkonstatat billi jadotta, jekk ikun il-każ, miżura restrittiva ġdida fil-konfront tar-rikorrenti.

228    Madankollu, u fuq il-bażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti Ġenerali tista’ żżomm proviżorjament l-effetti tal-att annulla (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 128 iktar ’il fuq, EU:C:2008:461, punti 373 sa 376, u s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2011, Kadio Morokro vs Il-Kunsill, T‑316/11, EU:T:2011:484, punt 39).

229    Fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li, sabiex jiġi evitat ir-riskju li tiġi mminata b’mod serju u irreversibbli l-effikaċja tal-miżuri restrittivi, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt importanti tal-miżuri restrittivi inkwistjoni fuq id-drittijiet u l-libertajiet tar-rikorrenti, hemm lok, skont l-Artikolu 264 TFUE, li jinżammu l-effetti tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 790/2014 għal perijodu ta’ tliet xhur minn meta tingħata din is-sentenza.

 Fuq l-ispejjeż

230    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l‑Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti.

231    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Konsegwentement, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni għandhom isostnu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-Regolamenti ta’ Implementazzjoni (UE) tal-Kunsill Nru 83/2011, tal-31 ta’ Jannar 2011, Nru 687/2011, tat-18 ta’ Lulju 2011, Nru 1375/2011, tat-22 ta’ Diċembru 2011, Nru 542/2012, tal-25 ta’ Ġunju 2010, Nru 1169/2012, tal-10 ta’ Diċembru 2012, Nru 714/2013, tal-25 ta’ Lulju 2013, Nru 125/2014, tal-10 ta’ Frar 2014, u Nru 790/2014, tat-22 ta’ Lulju 2014, li jimplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nri 610/2010, 83/2011, 687/2011, 1375/2011, 542/2012, 1169/2012, 714/2013 u 125/2014, huma annullati sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw il-Liberation Tigers of Tamil Eelam (LTTE).

2)      L-effetti tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 790/2014 jinżammu għal tliet xhur minn meta tingħata din is-sentenza.

3)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, l-ispejjeż ta’ LTTE.

4)      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Dehousse

Wiszniewska-Białecka

Buttigieg

Collins

 

Ulloa Rubio

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Ottubru 2014.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura

It-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-inapplikabbiltŕ tar-Regolament Nru 2580/2001 għall-kunflitt bejn ir-rikorrenti u l-Gvern tas-Sri Lanka

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ deċiżjoni meħuda minn awtoritŕ kompetenti

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq ir-raba’ u s-sitt, meħuda flimkien mat-tieni motiv

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.