Language of document : ECLI:EU:T:2014:885

Kawżi magħquda T‑208/11 u T‑508/11

Liberation Tigers of Tamil Eelam (LTTE)

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Politika barranija u ta’ Sigurtà Komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu — Iffriżar ta’ fondi — Applikabbiltà tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 għas-sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat — Possibbiltà għal awtorità ta’ Stat terzi li tiġi kklassifikata bħala awtorità kompetenti fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK — Bażi fattwali ta’ deċiżjonijiet ta’ ffriżar ta’ fondi — Riferiment għal atti terroristiċi — Neċessità għal deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla Estiża) tas-16 ta’ Ottubru 2014

1.      Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu — Iffriżar ta’ fondi — Regolament Nru 2580/2001 — Kamp ta’ applikazzjoni — Kunflitt armat fis-sens tad-dritt umanitarju internazzjonali — Inklużjoni

(Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931; Regolament tal-Kunsill Nru 2580/2001)

2.      Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu — Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi –Adozzjoni jew żamma fuq il-bażi ta’ deċiżjoni nazzjonali li tagħti bidu ta’ investigazzjonijiet jew ta’ prosekuzzjonijiet — Awtorità kompetenti sabiex tadotta l-imsemmija deċiżjoni nazzjonali — Kunċett — Awtorità amministrattiva — Inklużjoni — Kundizzjonijiet

(Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931, Artikolu 1(4))

3.      Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu — Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi — Adozzjoni jew żamma fuq il-bażi ta’ deċiżjoni nazzjonali li tagħti bidu ta’ investigazzjonijiet jew ta’ prosekuzzjonijiet — Assenza ta’ obbligu għal deċiżjoni nazzjonali li tittieħed fil-kuntest ta’ proċedura kriminali stricto sensu — Kundizzjonijiet

(Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931, Artikolu 1(4))

4.      Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu — Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi –Adozzjoni jew żamma fuq il-bażi ta’ deċiżjoni nazzjonali li tagħti bidu ta’ investigazzjonijiet jew ta’ prosekuzzjonijiet — Obbligu ta’ kooperazzjoni leali — Inapplikabbiltà fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati terzi — Assenza ta’ impatt fuq il-klassifikazzjoni tal-awtoritajiet ta’ Stat terz bħala awtoritajiet kompetenti

(Artikolu 4(3) TFUE; Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931, Artikolu 1(4); Regolament tal-Kunsill Nru 2580/2001, Artikolu 2(3))

5.      Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu — Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi –Adozzjoni jew żamma fuq il-bażi ta’ deċiżjoni nazzjonali li tagħti bidu ta’ investigazzjonijiet jew ta’ prosekuzzjonijiet — Awtorità kompetenti sabiex tiġi adottata l-imsemmija deċiżjoni nazzjonali — Awtorità ta’ Stat terz — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet — Verifika mill-Kunsill tal-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet imposti fuq l-awtoritajiet kompetenti fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931

(Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931, Artikolu 1(4))

6.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi meħuda fil-konfront ta’ ċerti persuni u entitajiet issuspettati li wettqu attivitajiet terroristiċi –Deċiżjoni li tirrigwarda person jew entità li wettqet fil-passat ta’ atti ta’ terroriżmu — Rekwiżiti minimi — Bażi fattwali tad-deċiżjoni li għandha tibbaża fuq elementi konkretament eżaminati u adottati fid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti

(Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931)

7.      Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu — Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi –Adozzjoni jew żamma fuq il-bażi ta’ deċiżjoni nazzjonali li tagħti bidu ta’ investigazzjonijiet jew ta’ prosekuzzjonijiet — Eżami mill-ġdid għall-finijiet li tiġi ġġustifikata ż-żamma fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar tal-fondi — Obbligu ta’ motivazzjoni huwa taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill — Portata

(Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931, Artikolu 1(4); Regolament tal-Kunsill Nru 2580/2001)

8.      Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu — Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi –Adozzjoni jew żamma fuq il-bażi ta’ deċiżjoni nazzjonali li tagħti bidu ta’ investigazzjonijiet jew ta’ prosekuzzjonijiet — Eżami mill-ġdid għall-finijiet li tiġi ġġustifikata ż-żamma fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar tal-fondi — Kooperazzjoni bejn il-Kunsill u l-awtoritajiet kompetenti — Portata

(Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931, Artikolu 1(4); Regolament tal-Kunsill Nru 2580/2001)

9.      Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu — Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi — Persuni jew entitajiet li wettqet fil-fatt atti ta’ terroriżmu — Inklużjoni — Kundizzjonijiet

(Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931; Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001)

10.    Rikors għal annullament — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Limitazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja — Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu — Effikaċja tad-deċiżjoni ta’ annullament tar-Regolament li tibda’ mill-iskadenza tat-terminu ta’ appell jew taċ-ċaħda tiegħu — Applikazzjoni ta’ dan it-terminu għall-effikaċja tal-annullament tad-deċiżjoni

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 60; Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 790/2014)

1.      L-applikabbiltà tad-dritt umanitarju internazzjonali għal sitwazzjoni ta’ kunflitt armat u għall-fatti mwettqa f’dan il-kuntest ma timplikax l-inapplikabbiltà għal dawn il-fatti ta’ leġiżlazzjoni fuq it-terroriżmu.

L-ewwel lok, l-eżistenza ta’ kunflitt armat fis-sens tad-dritt umanitarju internazzjonali ma teskludix l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar it-terroriżmu għall-eventwali atti terroristiċi mwettqa f’dan il-kuntest. Fil-fatt, minn naħa, il-Pożizzjoni Komuni 2001/931, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, ma tagħmel ebda distinzjoni għal dak li jikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha li jipprovdi li l-att inkwistjoni huwiex jew le mwettaq fil-kuntest ta’ kunflitt armat fis-sens tad-dritt umanitarju internazzjonali. Min-naħa l-oħra, l-għanijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha huwa l-ġlieda kontra t-terroriżmu irrispettivament mill-forom li jistgħu jieħdu, skont l-għanijiet tad-dritt internazzjonali fis-seħħ.

Fit-tieni lok, il-perpetrazzjoni ta’ atti terroristiċi mill-partijiet involuti f’kunflitt armat hija espressament prevista u kkundannata bħala tali mid-dritt umanitarju internazzjonali. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ kunflitt armat fis-sens tad-dritt umanitarju internazzjonali ma tidhirx li teskludi, fil-każ ta’ att terroristiku mwettaq fil-kuntest ta’ dan il-kunflitt, l-applikazzjoni, lil hinn mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmi dritt umanitarju fuq il-ksur tad-dritt tal-gwerra, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali speċifikament dwar it-terroriżmu.

(ara l-punti 56-58, 62, 63)

2.      Anki jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu jinkludi preferenza għad-deċiżjonijiet minn awtoritajiet ġudizzjarji, bl-ebda mod ma jeskludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ deċiżjonijiet minn awtoritajiet amministrattivi, meta, minn naħa, dawn l-awtoritajiet huma effettivament investiti, fid-dritt nazzjonali, bil-kompetenza li jadottaw deċiżjonijiet restrittivi kontra gruppi involuti fit-terroriżmu u, min-naħa l-oħra, meta dawn l-awtoritajiet, għalkemm biss amministrattivi, jistgħu madankollu jitqiesu bħala “ekwivalenti” għall-awtoritajiet ġudizzjarji.

(ara l-punt 107)

3.      Il-Pożizzjoni Komuni 2001/931, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, ma teħtieġx li d-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti tittieħed fil-kuntest ta’ proċedura kriminali stricto sensu, anki jekk dan huwa ħafna drabi l-każ. Madankollu, fid-dawl tal-għanijiet tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, fil kuntest tal-implementazzjoni tar Riżoluzzjoni tal Kunsill tas‑Sigurtà Nru 1373 (2001) mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet, il-proċedura nazzjonali inkwistjoni għandha jkollha bħala għan il-ġlieda kontra t-terroriżmu f’sens wiesa’.

Barra minn hekk, sabiex tkun validament invokata mill-Kunsill, deċiżjoni ta’ “bidu ta’ investigazzjonijiet jew ta’ prosekuzzjonijiet” fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 għandha, sabiex tkun tista’ tiġi invokata mill-Kunsill b’mod validu, tittieħed fil-kuntest ta’ proċeduri nazzjonali intiżi direttament u prinċipalment sabiex jimponu miżura ta’ tip preventiv jew ripressiv kontra l parti kkonċernata bħala parti mill ġlieda kontra t terroriżmu u minħabba l-involviment tagħha fih.

(ara l-punti 113, 114)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 132-136)

5.      Ma jistax jiġi eskluż li awtorità ta’ Stat terz ma tistax tiġi kklassifikata bħala awtorità kompetenti fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. Għalhekk huwa l-Kunsill li għandu l-obbligu li, qabel jibbaża ruħu fuq deċiżjoni ta’ awtorità ta’ Stat terz, li jivverifika b’attenzjoni li l-leġiżlazzjoni rilevanti ta’ dan l-Istat tiżgura protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ekwivalenti għal dik iggarantita fil-livell tal-Unjoni. Barra minn hekk, ma jistax ikun hemm elementi li juru li l-Istat terz fil-prattika naqas milli japplika din il-leġiżlazzjoni. Jekk dan kien il-każ, l-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni li tissodisfa formalment il-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ma tippermettix madankollu l-konklużjoni li d-deċiżjoni kienet waħda ta’ awtorità kompetenti fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

Mingħajr ekwivalenza bejn il-livell ta’ protezzjoni żgurat mil-leġiżlazzjoni tal-Istat terz u dak żgurat fil-livell tal-Unjoni, jiġi rikonoxxut lil awtorità nazzjonali ta’ Stat terz il-kwalità ta’ awtorità kompetenti fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jimplika differenza ta’ trattament bejn il-persuni msemmija fil-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi tal-Unjoni, skont jekk id-deċiżjonijiet nazzjonali sottostanti dawn il-miżuri jirriżultawx minn awtoritajiet ta’ Stati terzi jew minn awtoritajiet ta’ Stati Membri.

(ara l-punti 135, 139, 140)

6.      Il-Pożizzjoni Komuni 2001/931, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, teħtieġ, għall-protezzjoni tal-persuni kkonċernati u fid-dawl tal-assenza ta’ mezzi ta’ investigazzjoni proprji tal-Unjoni, li l-bażi fattwali ta’ deċiżjoni tal-Unjoni ta’ ffriżar ta’ fondi fil-qasam tat-terroriżmu tibbaża mhux fuq elementi li Kunsill kiseb mill-istampa jew mill-internet, iżda fuq elementi konkretament eżaminati u adottati fid-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

Huwa biss fuq tali bażi fattwali affidabbli li sussegwentement il-Kunsill għandu jeżerċita l-marġni diskrezzjonali wiesa’ tiegħu fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ ffriżar ta’ fond fil-livell tal-Unjoni, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-kunsiderazzjonijiet ta’ opportunità li fuqhom tali deċiżjonijiet huma bbażati.

(ara l-punti 187, 188)

7.      Għalkemm id-domanda prinċipali waqt eżami mill-ġdid hija dik dwar jekk, mill-inklużjoni tal-persuna kkonċernata fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi jew mill-eżami mill-ġdid preċedenti, is-sitwazzjoni fattwali nbidlitx b’tali mod li ma għadux iktar possibbli li tinsilet l-istess konklużjoni li tikkonċerna l-implikazzjoni ta’ din il-persuna f’attivitajiet terroristiċi, bil-konsegwenza li l-Kunsill jista’, skont il-każ u fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu, jiddeċiedi li jżomm persuna fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi fin-nuqqas ta’ tibdil fis-sitwazzjoni fattwali, xorta waħda jibqa’ l-fatt li kull att terroristiku ġdid li l-Kunsill jinkludi fil-motivazzjoni tiegħu matul dan l-eżami mill-ġdid, għall-finijiet li tiġi ġġustifikata ż-żamma tal-persuna kkonċernata fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi, għandu, fis-sistema deċiżjonali ta’ żewġ livelli tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u minħabba l-assenza ta’ mezzi ta’ investigazzjoni tal-Kunsill, ikun is-suġġett ta’ eżami u ta’ deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti fis-sens ta’ din il-pożizzjoni komuni. L-obbligu tal-Kunsill li jibbaża fuq id-deċiżjonijiet ta’ ffriżar ta’ fondi tiegħu fil-qasam ta’ terroriżmu fuq bażi fattwali li tirriżulta minn deċiżjonijiet kompetenti jirriżulta direttament mis-sistema ta’ żewġ livelli stabbilita mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Dan l-obbligu ma huwiex għalhekk suġġett għall-aġir tal-persuna jew tal-grupp ikkonċernat. Il-Kunsill għandu, skont l-obbligu ta’ motivazzjoni, li huwa formalità sostanzjali, jiddikjara, fil-motivi tad-deċiżjonijiet ta’ ffriżar ta’ fondi tiegħu, id-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti li konkretament eżaminaw u adottaw il-fatti ta’ terroriżmu li huwa juża bħala bażi fattwali tad-deċiżjonijiet tiegħu stess.

(ara l-punti 204, 206)

8.      Fis-sistema ta’ żewġ livelli tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u għall-finijiet li tiġi żgurata l-effikaċja tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, huma l-Istati Membri li għandhom jittrażmettu regolarment lill-Kunsill, u huwa l-Kunsill li għandu jiġbor, id-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti adottati fl-imsemmija Stati Membri, kif ukoll il-motivi ta’ dawn id-deċiżjonijiet. Jekk, minkejja din it-trażmissjoni ta’ informazzjoni, il-Kunsill ma jkollux għad-dispożizzjoni tiegħu deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti li tikkonċerna fatt partikolari li jista’ jikkostitwixxi att terroristiku, huwa l-Kunsill li għandu, fl-assenza ta’ mezzi ta’ investigazzjoni tiegħu stess, jitlob l-evalwazzjoni ta’ awtorità nazzjonali kompetenti fuq dan il-fatt, bil-ħsieb ta’ deċiżjoni minn din l-awtorità. Għal dan il-għan, il-Kunsill jista’ jikkuntattja lit-28 Stat Membru tal-Unjoni u b’mod iktar partikolari, fosthom, lill-Istati Membri li diġà eżaminaw is-sitwazzjoni tal-persuna jew tal-grupp ikkonċernat. Huwa jista’ jikkuntattja wkoll lil Stat terz li jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa f’termini ta’ protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Id-deċiżjoni inkwistjoni, li għandha tkun, skont it-termini tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, “bidu ta’ investigazzjonijiet jew ta’ prosekuzzjonijiet […], jew kundanna”, ma għandhiex neċessarjament tkun id-deċiżjoni nazzjonali ta’ eżami mill-ġdid perijodiku tal-inklużjoni tal-persuna jew tal-grupp ikkonċernat fil-lista nazzjonali ta’ ffriżar ta’ fondi. Madankollu, anki f’dan il-każ tal-aħħar, l-eżistenza tal-livell nazzjonali ta’ ritmu rationae temporis ta’ eżami mill-ġdid perijodiku differenti minn dak fis-seħħ fil-livell tal-Unjoni ma tistax tiġġustifika li l-Istat Membru kkonċernat jiddiferixxi l-eżami, mitlub mill-Kunsill, tal-fatt inkwistjoni. Fid-dawl kemm tal-istruttura fiż-żewġ livelli tas-sistema stabbilita mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931 kif ukoll tad-doveri reċiproċi ta’ kooperazzjoni leali li jeżistu bejn l-Istati Membri u l-Unjoni, l-Istati Membri mitluba mill-Kunsill għandhom jirrispondu mingħajr dewmien għall-mistoqsijiet tal-Kunsill intiżi sabiex tinkiseb evalwazzjoni u, skont il-każ, deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, fuq fatt li jista’ jikkostitwixxi att terroristiku.

(ara l-punti 210, 212, 213)

9.      L-assenza ta’ kull att terroristiku fir-rigward ta’ perijodu ta’ kull sitt xhur partikolari bl-ebda mod ma jimplika li l-Kunsill għandu jneħħi l-persuna jew il-grupp ikkonċernat mil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi. Fil-fatt, xejn fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2580/2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, u tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu ma jipprekludi l-impożizzjoni jew iż-żamma ta’ miżuri restrittivi kontra persuni jew entitajiet li fil-passat wettqu atti terroristiċi, minkejja l-assenza ta’ elementi li jipprovaw li huma qed iwettqu fil-preżent tali atti jew jipparteċipaw fihom, jekk iċ-ċirkustanzi jiġġustifikawh. Għalhekk, l-obbligu jagħmel imputazzjonijiet ġodda ta’ atti terroristiċi biss fuq il-bażi ta’ deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti bl-ebda mod ma jipprekludi d-dritt tal-Kunsill li jżomm il-persuna kkonċernata fil-lista li tirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi, anki wara t-tmiem tal-attività terroristika fis-sens proprju, jekk iċ-ċirkustanzi jiġġustifikawh.

(ara l-punt 215)

10.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 228, 229)