Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta' Mejju 2009 - Astrim u Elyo Italia vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-216/09)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Astrim SpA (Roma, l-Italja), Elyo Italia (Sesto San Giovanni, l-Italja) (rappreżentant: M. Brugnoletti, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

Prinċipalment: tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkunsidra mhux kompleta l-offerta magħmula mill-grupp tar-rikorrenti bħala risposta għas-sejħa għal offerti1 għall-għoti tas-servizz ta' manutenzjoni taċ-Ċentru Komuni ta' Riċerka Nru 2008 - C04 005, ikkomunikata b'ittra tas-27 ta' Marzu 2009 u kkompletata b'komunikazzjoni tat-3 ta' April 2009, kif ukoll id-deċiżjonijiet kollha suċċessivi u relatati, inkluż dik li tilqa' l-offerta ta' impriża oħra.

Sussidjarjament: tannulla l-punt 17 tas-sejħa għal offerti Nru 2008 - C04 005, fil-parti fejn kien stabbilit kriterju ġeneriku ta' esklużjoni mis-sejħa għal offerti.

tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż legali.

Motivi u argumenti prinċipali

F'din il-kawża r-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni ċaħdet l-offerta tagħhom magħmula bħala risposta għas-sejħa għal offerti għall-għoti tas-servizz ta' manutenzjoni taċ-Ċentru Komuni ta' Riċerka Nru 2008 - C04 005 u tagħtu lil impriża oħra.

Ir-rikorrenti jibbażaw it-talbiet tagħhom fuq tlett motivi:

Bl-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-punt 17 tas-sejħa għal offerti, l-Artikoli 92 u 89 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 20022, kif ukoll il-prinċipji ta' trasparenza u ta' trattament ugwali, minħabba li ddeċidiet li tiċħad l-offerta tar-rikorrenti billi kkunsidrat b'mod żbaljat li din kienet mhux kompluta minħabba li kellha partijiet neqsin, filwaqt li l-grupp tar-rikorrenti ried intenzjonalment joffri prezz ekwivalenti għal żero.

Bit-tieni motiv, ir-rikorrenti jinvokaw nuqqas ta' motivazzjoni tad-deċiżjoni taċ-ċaħda minħabba li l-Artikolu 17 tas-sejħa għal offerti ma jipprevediex iċ-ċaħda awtomatika fil-każ fejn tkun tħalliet barra parti mill-offerta ekonomika, imma jikkunsidra ċ-ċaħda bħala sempliċi eventwalità, filwaqt li jħalli lill-Kummissjoni d-diskrezzjoni li tiddeċiedi jekk teskludiex jew le lir-rikorrenti, deċiżjoni li minħabba li hija diskrezzjonali, għandha tkun ibbażata fuq motivazzjoni adegwata; li hija nieqsa mid-deċiżjoni taċ-ċaħda adottata mill-Kummissjoni.

Bit-tielet motiv u biss fil-każ fejn il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tilqax iż-żewġ motivi l-oħrajn, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tal-punt 17 tas-sejħa għal offerti peress li jikser l-Artikoli 92 u 89 tar-Regolament tal-Kunsill 1605/2002, iċċitat qabel, minħabba li l-imsemmi punt 17 jinkludi kriterju ġeneriku ta' esklużjoni.

____________

1 - ĠU 2008/S 2008-274999 tal-25 ta' Ottubru 2008.

2 - Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej