Language of document : ECLI:EU:C:2022:97

Kawża C‑156/21

L‑Ungerija

vs

Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Seduta Plenarja) tas16 ta’ Frar 2022

“Rikors għal annullament – Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 – Reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni fil-każ ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fi Stat Membru – Bażi legali – Artikolu 322(1)(a) TFUE – Evitar allegat tal-Artikolu 7 TUE u tal-Artikolu 269 TFUE – Ksur allegat tal-Artikolu 4(1), tal-Artikolu 5(2) u tal-Artikolu 13(2) TUE kif ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati”

1.        Proċedura ġudizzjarja – Proċedura mħaffa – Kundizzjonijiet – Ċirkustanzi li jiġġustifikaw trattament mgħaġġel – Importanza fundamentali tal-kawża għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni – Kawża li tirrigwarda l-kompetenzi tal-Unjoni sabiex tiddefendi l-baġit tagħha kontra ksur li jista’ jirriżulta minn ksur tal-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE – Ammissibbiltà tal-użu ta’ din il-proċedura

(Artikolu 2 TFUE; Artikolu 263 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 133(1))

(ara l-punti 30, 31)

2.        Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta' aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-pariri legali – Interess pubbliku superjuri ta’ trasparenza li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokumenti – Kunċett – Obbligu għall-istituzzjoni li tibbilanċja l-interessi inkwistjoni – Żvelar u produzzjoni legali tal-pariri legali dwar proċessi leġiżlattivi – Obbligu għall-istituzzjoni li timmotiva kwalunkwe deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess b’mod iddettaljat – Interess proprju tar-rikorrent għall-produzzjoni ġudizzjarja tal-parir legali inkwistjoni – Assenza ta’ effett

(Artikolu 10(3) TUE; Artikolu 15(1) u Artikolu 298(1) TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2); Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937, Artikolu 6(2))

(ara l-punti 50-52, 55, 56, 58, 60, 62-64)

3.        Atti tal-istituzzjonijiet – Għażla tal-bażi legali – Kriterji – Regolament 2020/2092 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni – Skop – Protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni kontra preġudizzju li jirriżulta minn ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fi Stat Membru – Kontenut – Mekkaniżmu ta’ kondizzjonalità li jissuġġetta l-benefiċċju ta’ finanzjament mill-baġit tal-Unjoni għall-osservanza, minn Stat Membru, tal-valur tal-Istat tad-dritt – Adozzjoni abbażi tal-Artikolu 322(1) (a) TFUE – Ammissibbiltà – Mekkaniżmu ta’ kondizzjonalità orizzontali li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ regoli finanzjarji fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni

(Artikolu 2, Artikolu 5(2) u Artikolu 49 TUE; Artikoli 7, 310, 315 sa 317 u Artikolu 322(1)(a) TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2020/2092, premessi 5 u 13 u Artikolu 1, Artikolu 2(a), Artikolu 3, Artikolu 4(1) u (2), Artikolu 5(1) u Artikolu 6(1))

(ara l-punti 98–101, 104, 107, 108, 110, 111, 114, 116, 118–120, 122, 124–133, 139–141, 144–147, 150–153)

4.        Baġit tal-Unjoni Ewropea – Adozzjoni mill-Parlament u mill-Kunsill tar-regoli finanzjarji li jistabbilixxu l-modalitajiet dwar l-istabbiliment u l-implementazzjoni tal-baġit u l-preżentazzjoni u l-verifika tal-kontijiet – Bażi legali – Artiklu 322(1) – Kunċett ta’ regoli finanzjarji – Regoli li jiddefinixxu l-mod kif għandhu jiġu implumentat l-infiq inkluż fil-baġit – Regoli li jistabbilixxu l-obbligi ta’ kontroll u ta’ verifika li għandhom l-Istati Membri fil-każ ta’ implimentazzjoni tal-baġit b’kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, kif ukoll ir-responsabbiltajiet li jirriżultaw minnhom – Inklużjoni – Regoli li għandhom l-għan li jiżguraw l-osservanza tal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba

(Artikolu 322(1)(a) TFUE)

(ara l-punti 105, 151, 186)

5.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Prinċipju ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri – Solidarjetà baġitarja bbażata fuq il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri – Fiduċja reċiproka bbażata fuq l-osservanza, mill-Istati Membri, tal-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE, fosthom dak tal-Istat tad-dritt

(Artikolu 2 TUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2020/2092, premessa 5)

(ara l-punt 129)

6.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Valuri u għanjiet tal-Unjoni – Valuri – Osservanza tal-Istat tad-dritt – Portata – Regolament 2020/2092 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni – Regolament li jawtorizza lill-Kummissjoni u l-Kunsill li tikkontrolla l-osservanza, mill-Istati Membri, tal-Istat tad-dritt – Kontroll limitat għall-eżami tal-aġiri tal-awtoritajiet nazzjonali relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni – Regolament li jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkontrolla, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-legalità tad-deċijonijiet tal-Kunsill meħuda fuq din il-bażi – Evitar, bl-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, tal-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE u l-kompetenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja bl-Artikolu 269 TFUE – Preġudizzju għall-ekwilibriju istituzzjonali – Assenza

(Artikoli 2, 7, Artikolu 13(2) u Artikolu 19 TUE; Artikoli 8, 10, Artikolu 19(1), Artikolu 153(1)(i), Artikolu 157(1) u Artikolu 269 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2020/2092)

(ara l-punti 156-164, 167, 172, 179, 182, 192-197)

7.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Ċertezza legali – Leġiżlazzjoni tal-Unjoni – Rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ prevedibbiltà – Regolament 2020/2092 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni – Regolament li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ kondizzjonalità marbut mal-osservanza, mill-Istati Membri, tal-Istat tad-dritt – Kunċett ta’ Stat tad-dritt – Riferiment għall-valur tal-Unjoni stabbilit fl-Artikolu 2 TUE – Prinċipji tal-Istat tad-dritt li jsibu is-sors tagħhom fil-valuri komuni għall-Istati Membri – Preċiżjoni suffiċjenti tal-imsemmija prinċipji

(Artikolu 2, Artikolu 4(2) u Artikolu 19 TUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2020/2092, premessa 3, Artikolu 2(a) u Artikolu 4(1))

(ara l-punti 223-229, 231-237, 240)

8.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Ċertezza legali – Portata – Regolament 2020/2092 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni – Regolament li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ kondizzjonalità marbut mal-osservanza, mill-Istati Membri, tal-Istat tad-dritt – Rabta bejn id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament li jistabbilixxu dan il-mekkaniżmu suffiċjentement preċiż – Użu ta’ kunċetti ddefiniti f’dispożizzjonijiet oħra tar-regola kkontestata jew tad-dritt tal-Unjoni – Għoti ta’ marġni ta’ diskrezzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill fir-rigward tal-għażla tal-azzjoni msemmija mill-miżura ta’ protezzjoni tal-baġit li għandha tiġi adottata – Ammissibbiltà

(Artikolu 2 u Artikolu 4(2) TUE; Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2018/1046, Artikolu 63(2)(d), u 2020/2092, Artikolu 2(a), Artikolu 3 u Artikolu 4(2)(h))

(ara l-punti 242, 243, 248-250, 252, 254, 259)

9.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Ċertezza legali – Portata – Regolament 2020/2092 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni – Miżuri ta’ protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni – Kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ miżuri meħuda f’każ ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt – Preġudizzju jew riskju serju ta’ preġudizzju għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni – Rekwiżiti marbuta mat-twettiq ta’ dan ir-riskju suffiċjentement preċiżi – Natura u estensjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni suffiċjentement iddefiniti – Rabta bejn il-ksur ikkonstatat ta’ prinċipju tal-Istat tad-dritt u l-miżuri adottati miżmuma – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

(L-ewwel paragrafi tal-Artikolu 317 TFUE; Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2018/1046, il-punt 59 tal-Artikolu 2 u Artikolu 63(2)(d), u 2020/2092, Artikolu 4(1) u (2), u Artikolu 5(1) u (3))

(ara l-punti 261-263, 267, 275, 279, 333, 341-345)

10.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Ċertezza legali – Portata – Regolament 2020/2092 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni – Kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-miżuri meħuda fil-każ ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt – Evalwazzjoni tal-Kummissjoni, tal-preġudizzju jew tar-riskju serju li tippreġudika l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni – Responsabbiltà tal-Kummissjoni għar-rilevanza tal-informazzjoni użata u l-affidabbiltà tas-sorsi użati

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2020/2092, Artikolu 4, Artikolu 5(3) u Artikolu 6(1) sa (9))

(ara l-punti 280, 282, 284, 287, 289, 354-359)

11.      Rikors għal annullament – Sentenza ta’ annullament – Portata – Annullament parzjali ta’ att tad-dritt tal-Unjoni – Natura separabbli ta’ elementi annullabbli tal-att ikkontestat – Regolament 2020/2092 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni – Natura mhux separabbli ta’ dispożizzjoni tar-regolament li jippreċiża l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni li jistgħu jiġu adottati

(Artikolu 264 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2020/2092, Artikolu 4(1) u Artikolu 5(1)(a))

(ara l-punti 293-295)

12.      Rikors għal annullament – Rikors tal-Istati Membri – Rikors dirett kontra regolament li jistitwixxi reġim ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni – Motivi – Motiv ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar id-dejn pubbliku u l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati– Miżuri meħuda taħt dan ir-regolament li ma jibdlux l-obbligi preeżistenti tal-Istati Membri li jirriżultaw b’mod partikolari mil-leġiżlazzjoni settorjali u finanzjarja applikabbli – Regolament li ma jimponix obbligu ġdid fuq l-Istati Membri – Motiv infondat

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2020/2092, Artikolu 5(2))

(ara l-punti 312-317)

Sunt

Ir-Regolament 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2020 (1) stabbilixxa “mekkaniżmu ta’ kondizzjonalità orizzontali” intiż għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni Ewropea fil-każ ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fi Stat Membru. Għal dan il-għan, dan ir-regolament jippermetti lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fuq proposta tal-Kummissjoni Ewropea, li jadotta, taħt il-kundizzjonijiet li huwa jiddefinixxi, miżuri ta’ protezzjoni xierqa bħas-sospensjoni tal-pagamenti mill-baġit tal-Unjoni jew is-sospensjoni tal-approvazzjoni ta’ programm wieħed jew diversi koperti minn dan il-baġit. Ir-Regolament ikkontestat jissuġġetta l-adozzjoni ta’ tali miżuri għall-produzzjoni ta’ elementi konkreti li jistgħu jistabbilixxu mhux biss l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, iżda wkoll l-effett ta’ din tal-aħħar fuq l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

Ir-Regolament ikkontestat huwa estensjoni ta’ serje ta’ inizjattivi li jirrigwardaw, b’mod iktar ġenerali, il-protezzjoni tal-Istat tad-dritt fl-Istati Membri (2) u li kienu intiżi li jagħtu risposti, fil-livell tal-Unjoni, għat-tħassib dejjem jikber dwar l-osservanza minn diversi Stati Membri tal-valuri komuni tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE (3).

L-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja (4), ippreżentat rikors intiż, prinċipalment, għall-annullament tar-Regolament ikkontestat, u, sussidjarjament, għall-annullament ta’ wħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu. Insostenn tat-talbiet tagħha, hija sostniet, essenzjalment, li dan ir-regolament, għalkemm formalment ippreżentat bħala att li jaqa’ taħt ir-regoli finanzjarji msemmija fl-Artikolu 322(1)(a) TFUE, huwa intiż, fir-realtà, sabiex jissanzjona, bħala tali, kwalunkwe preġudizzju minn Stat Membru għall-prinċipji tal-Istat tad-dritt, li r-rekwiżiti tiegħu jkunu, fi kwalunkwe każ, insuffiċjentement preċiżi. L-Ungerija għaldaqstant tibbaża r-rikors tagħha, b’mod partikolari, fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Unjoni sabiex tadotta tali regolament, kemm minħabba nuqqas ta’ bażi legali, kif ukoll minħabba l-evitar tal-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE, kif ukoll fuq il-ksur tar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

B’hekk imsejħa sabiex tiddeċiedi dwar il-kompetenzi tal-Unjoni sabiex tiddefendi l-baġit tagħha u l-interessi finanzjarji tagħha kontra preġudizzju li jista’ jirriżulta minn ksur tal-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li din il-kawża għandha importanza fundamentali li tiġġustifika l-attribuzzjoni tagħha lis-seduta plenarja. Għal dawn l-istess raġunijiet, intlaqgħet it-talba tal-Parlament Ewropew li din il-kawża tiġi ttrattata skont il-proċedura mħaffa. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad fl-intier tiegħu r-rikors għal annullament ippreżentat mill-Ungerija.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Qabel l-eżami tal-mertu tar-rikors, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar it-talba tal-Kunsill li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni diversi siltiet tar-rikors tal-Ungerija, sa fejn dawn huma bbażati fuq elementi bbażati fuq opinjoni kunfidenzjali tas-servizz legali tal-Kunsill hekk żvelat mingħajr l-awtorizzazzjoni rikjesta. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma li, bħala prinċipju, huwa possibbli għall-istituzzjoni kkonċernata li tissuġġetta l-produzzjoni fi proċeduri legali ta’ tali dokument intern għal awtorizzazzjoni minn qabel. Madankollu, fil-każ fejn il-parir legali inkwistjoni jirrigwarda proċedura leġiżlattiva, bħal f’dan il-każ, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ trasparenza, peress li l-iżvelar ta’ tali parir huwa tali li jżid it-trasparenza u l-ftuħ tal-proċess leġiżlattiv. B’hekk, l-interess pubbliku superjuri marbut mat-trasparenza u mal-ftuħ tal-proċess leġiżlattiv jipprevali, bħala prinċipju, fuq l-interess tal-istituzzjonijiet, f’dak li jirrigwarda l-iżvelar ta’ parir legali intern. F’dan il-każ, peress li l-Kunsill ma ġġustifikax in-natura partikolarment sensittiva tal-parir ikkonċernat jew ta’ portata partikolarment wiesgħa li tmur lil hinn mill-kuntest tal-proċess leġiżlattiv inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad, konsegwentement, it-talba tal-Kunsill.

Fir-rigward tal-mertu, il-Qorti tal-Ġustizzja twettaq, fl-ewwel lok, l-eżami tal-motivi invokati insostenn tat-talbiet prinċipali intiżi għall-annullament totali tar-Regolament ikkontestat, ibbażati, minn naħa, fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Unjoni sabiex tadotta dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

Fir-rigward, minn naħa, tal-bażi legali tar-Regolament ikkontestat, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li l-proċedura prevista minn dan ir-regolament tista’ tinbeda biss meta jkun hemm motivi raġonevoli sabiex jitqies mhux biss li jkun qed iseħħ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fi Stat Membru, iżda fuq kollox li dan il-ksur ikun qed jippreġudika jew ikun fih riskju serju li jaffettwa, b’mod suffiċjentement dirett, il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tiegħu. Barra minn hekk, il-miżuri li jistgħu jiġu adottati skont ir-Regolament ikkontestat jirrelataw esklużivament mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni u huma kollha tali li jillimitaw il-finanzjamenti minn dan il-baġit skont l-effett fuqu ta’ tali preġudizzju jew tali riskju serju. Għaldaqstant, ir-Regolament ikkontestat huwa intiż li jipproteġi l-baġit tal-Unjoni minn preġudizzju li jirriżulta b’mod suffiċjentement dirett minn ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, u mhux li jissanzjona, fih innifsu, tali ksur.

Bi tweġiba għall-argumenti tal-Ungerija, li regola finanzjarja ma jistax ikollha l-għan li tippreċiża l-portata tar-rekwiżiti inerenti għall-valuri msemmija fl-Artikolu 2 TUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-osservanza mill-Istati Membri tal-valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, li ġew identifikati u kondiviżi minnhom u li jiddefinixxu l-identità stess tal-Unjoni bħala ordinament ġuridiku komuni ta’ dawn l-Istati, inkluż l-Istat tad-dritt u s-solidarjetà, jiġġustifika l-fiduċja reċiproka bejn dawn l-Istati. Peress li din l-osservanza b’hekk tikkostitwixxi kundizzjoni għat-tgawdija tad-drittijiet kollha li jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-Trattati għal Stat Membru, l-Unjoni għandha tkun tista’, fil-limiti tas-setgħat tagħha, tiddefendi dawn il-valuri.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika fuq dan il-punt, minn naħa waħda, li l-osservanza ta’ dawn il-valuri ma tistax tkun biss obbligu li miegħu Stat kandidat jintrabat sabiex jissieħeb fl-Unjoni u li minnu jkun jista’ jinħeles wara s-sħubija tiegħu. Min-naħa l-oħra, hija tenfasizza li l-baġit tal-Unjoni huwa wieħed mill-istrumenti ewlenin sabiex tingħata espressjoni konkreta, fil-politiki u l-azzjonijiet tal-Unjoni, lill-prinċipju fundamentali ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, u li l-implimentazzjoni ta’ dan il-prinċipju, permezz ta’ dan il-baġit, hija bbażata fuq il-fiduċja reċiproka li dawn tal-aħħar għandhom fl-użu responsabbli tar-riżorsi komuni mdaħħla fl-imsemmi baġit.

Issa, il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni u l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jistgħu jiġu kompromessi serjament minn ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt imwettaq fi Stat Membru. Fil-fatt, dan il-ksur jista’ jkollu l-konsegwenza, b’mod partikolari, tal-assenza ta’ garanzija li l-ispejjeż koperti mill-baġit tal-Unjoni jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament previsti mid-dritt tal-Unjoni u, għalhekk, li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mill-Unjoni meta tiffinanzja tali nefqa.

Għaldaqstant, “mekkaniżmu ta’ kondizzjonalità” orizzontali, bħal dak stabbilit mir-Regolament ikkontestat, li jissuġġetta l-benefiċċju ta’ finanzjament mill-baġit tal-Unjoni għall-osservanza minn Stat Membru tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, jista’ jaqa’ fil-kompetenza mogħtija mit-Trattati dwar l-Unjoni sabiex jistabbilixxu “regoli finanzjarji” relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li jagħmlu parti integrali minn tali mekkaniżmu, bħala elementi kostituttivi tiegħu, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ikkontestat li jidentifikaw dawn il-prinċipji, li jipprovdu lista ta’ każijiet li jistgħu jindikaw il-ksur tal-imsemmija prinċipji, li jippreċiżaw is-sitwazzjonijiet jew l-aġiri li għandhom ikunu kkonċernati minn tali ksur u li jiddefinixxu n-natura u l-portata tal-miżuri ta’ protezzjoni li jistgħu, jekk ikun il-każ, jiġu adottati.

Sussegwentement, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq allegata evitar tal-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 269 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-argumenti tal-Ungerija li jgħidu li hija biss il-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE li tagħti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni l-kompetenza sabiex jeżaminaw, jikkonstataw u, jekk ikun il-każ, jissanzjonaw il-ksur tal-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE fi Stat Membru. Fil-fatt, minbarra l-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE, diversi dispożizzjonijiet tat-Trattati, spiss ikkonkretizzati minn diversi atti tad-dritt sekondarju, jagħtu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni l-kompetenza li jeżaminaw, jikkonstataw u, jekk ikun il-każ, li jissanzjonaw ksur tal-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE mwettaq fi Stat Membru.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva li l-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE għandha l-għan li tippermetti lill-Kunsill jissanzjona ksur serju u persistenti ta’ kull wieħed mill-valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni u li jiddefinixxu l-identità tagħha, bil-għan, b’mod partikolari, li tordna lill-Istat Membru kkonċernat itemm dan il-ksur. Min-naħa l-oħra, ir-Regolament ikkontestat għandu l-għan li jipproteġi l-baġit tal-Unjoni, u dan biss fil-każ ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fi Stat Membru li jippreġudika jew ikun ta’ riskju serju li jippreġudika l-implimentazzjoni ta’ dan il-baġit. Barra minn hekk, il-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE u dik istitwita mir-Regolament ikkontestat huma differenti fir-rigward tal-għan tagħhom, tal-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tagħhom, mill-kundizzjonijiet għall-adozzjoni u għat-tneħħija tal-miżuri previsti kif ukoll min-natura ta’ dawn tal-aħħar. Konsegwentement, dawn iż-żewġ proċeduri għandhom għanijiet differenti u kull wieħed minnhom għandu għan nettament distint. Barra minn hekk, minn dan isegwi li l-proċedura stabbilita mir-Regolament ikkontestat lanqas ma tista’ titqies li hija intiża sabiex tevita l-limitazzjoni tal-kompetenza ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja, prevista mill-Artikolu 269 TFUE, peress li l-formulazzjoni tiegħu tirrigwarda biss l-istħarriġ tal-legalità ta’ att adottat mill-Kunsill Ewropew jew mill-Kunsill skont l-Artikolu 7 TUE.

Fl-aħħar nett, peress li r-Regolament ikkontestat jippermetti biss lill-Kummissjoni u lill-Kunsill li jeżaminaw biss sitwazzjonijiet jew aġir li jkunu attribwibbli lill-awtoritajiet ta’ Stat Membru u li jidhru rilevanti għall-implimentazzjoni xierqa tal-baġit tal-Unjoni, is-setgħat mogħtija lil dawn l-istituzzjonijiet minn dan ir-regolament ma jeċċedux il-limiti tal-kompetenzi attribwiti lill-Unjoni.

Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-eżami tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-argumenti żviluppati mill-Ungerija huma nieqsa minn kwalunkwe bażi, fir-rigward tan-nuqqas ta’ preċiżjoni li bih huwa vvizzjat ir-Regolament ikkontestat, kemm fir-rigward tal-kriterji relatati mal-kundizzjonijiet ta’ bidu tal-proċedura kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-għażla u l-portata tal-miżuri li għandhom jiġu adottati. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva qabel kollox li l-prinċipji li jinsabu fir-Regolament ikkontestat, bħala elementi kostitwenti tal-kunċett ta’ “Stat tad-dritt”(5), ġew żviluppati b’mod abbondanti fil-ġurisprudenza tagħha, li dawn il-prinċipji jsibu s-sors tagħhom fil-valuri komuni rrikonoxxuti u applikati wkoll mill-Istati Membri fl-ordinamenti ġuridiċi tagħhom stess, u li jirriżultaw minn kunċett ta’ “Stat tad-dritt” li l-Istati Membri jikkondividu u li jaderixxi magħhom, bħala valur komuni għat-tradizzjonijiet kostituzzjonali tagħhom. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw bi preċiżjoni suffiċjenti il-kontenut essenzjali kif ukoll ir-rekwiżiti li jirriżultaw minn kull wieħed minn dawn il-prinċipji.

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-kriterji relatati mal-kundizzjonijiet ta’ bidu tal-proċedura u tal-għażla u tal-portata tal-miżuri li għandhom jiġu adottati, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li r-Regolament ikkontestat jirrikjedi, għall-adozzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni previsti minnu, li tiġi stabbilita rabta reali bejn ksur ta’ prinċipju tal-Istat tad-dritt u preġudizzju jew riskju serju ta’ preġudizzju għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-Unjoni jew għall-interessi finanzjarji tagħha u li tali ksur għandu jkun relatat ma’ sitwazzjoni jew aġir imputabbli lil awtorità ta’ Stat Membru u rilevanti għall-implimentazzjoni tajba tal-baġit tal-Unjoni. Barra minn hekk, hija tosserva li l-kunċett ta’ “riskju serju” huwa speċifikat fil-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-Unjoni u tfakkar li l-miżuri ta’ protezzjoni li jistgħu jiġu adottati għandhom ikunu strettament proporzjonati mal-effett tal-ksur ikkonstatat fuq il-baġit tal-Unjoni. B’mod partikolari, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa biss sal-punt strettament meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi protett dan il-baġit kollu kemm hu li dawn il-miżuri jistgħu ikunu intiżi għal azzjonijiet u programmi għajr dawk milquta minn tali ksur. Fl-aħħar nett, peress li tikkonstata li l-Kummissjoni għandha tosserva, taħt l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, rekwiżiti proċedurali stretti li jimplikaw b’mod partikolari diversi konsultazzjonijiet tal-Istat Membru kkonċernat, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li r-regolament jissodisfa r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina t-talbiet sussidjarji intiżi għall-annullament parzjali tar-Regolament ikkontestat. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li l-annullament tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament ikkontestat ikollu l-effett li jbiddel is-sustanza ta’ dan ir-regolament, peress li din id-dispożizzjoni tippreċiża l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jiġu adottati miżuri ta’ protezzjoni previsti minn dan ir-regolament, b’tali mod li t-talbiet intiżi għall-annullament ta’ din id-dispożizzjoni biss għandhom jitqiesu bħala inammissibbli. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis infondati l-ilmenti li jirrigwardaw serje ta’ dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament ikkontestat, ibbażati fuq nuqqas ta’ bażi legali kif ukoll fuq ksur kemm tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar id-dejn pubbliku kif ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati. Hija għalhekk tiċħad it-talbiet sussidjarji fl-intier tagħhom, kif ukoll ir-rikors fit-totalità tiegħu ppreżentat mill-Ungerija.


1      Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (ĠU 2020, L 433I, p. 1, rettifika fil-ĠU 2021, L 373, p. 94).


2      Ara, b’mod partikolari, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tas‑17 ta’ Lulju 2019, “It-tisħiħ tal-istat tad-dritt fl-Unjoni – Pjan ta’ azzjoni” COM (2019) 343 finali, wara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2014, “Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt”, COM (2014) 158 finali.


3      Il-valuri fundaturi tal-Unjoni u komuni għall-Istati Membri, stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, jinkludu dawk tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, tal-libertà, tad-demokrazija, tal-ugwaljanza, tal-Istat tad-dritt, kif ukoll tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, f’soċjetà kkaratterizzata mill-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.


4      Ir-Repubblika tal-Polonja wkoll ippreżentat rikors intiż għall-annullament tar-Regolament 2020/2092 (Kawża C‑157/21).


5      Skont l-Artikolu 2(a) tar-Regolament ikkontestat, il-kunċett ta’ “Stat ta’ dritt” jinkludi “l-prinċipji ta’ legalità li jimplika proċess trasparenti, responsabbli, demokratiku u pluralistiku għat-tfassil tal-liġijiet; taċ-ċertezza legali; tal-projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat eżekuttivi; tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, inkluż l-aċċess għall-ġustizzja, minn qrati indipendenti u imparzjali, anke fir-rigward tad-drittijiet fundamentali; tas-separazzjoni tas-setgħat; u n-nondiskriminazzjoni u tal-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi.”.