KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fl-20 ta’ Novembru 2014 (1)
Kawża C‑533/13
Auto- ja Kuljetusalan Työntekijäliitto AKT ry
vs
Öljytuote ry,
Shell Aviation Finland Oy
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Työtuomioistuin (il-Finlandja)]
“Xogħol temporanju – Direttiva 2008/104/KE – Artikolu 4(1) – Projbizzjonijiet u restrizzjonijiet rigward l-użu ta’ ħaddiema temporanji – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 28 – Dritt ta’ negozjar u azzjoni kollettiva – Stħarriġ tal-kompatibbiltà ta’ klawżola ta’ ftehim kollettiv mad-dritt tal-Unjoni – Rwol ta’ qorti nazzjonali – Kawża orizzontali”
I – Introduzzjoni
1. Din il-kawża tagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta għall-ewwel darba, id-Direttiva 2008/104/KE dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (2).
2. It-Työtuomioistuin (Qorti tax-xogħol, il-Finlandja) għandha quddiema rikors ippreżentat mis-sindakat Finlandiż tal-ħaddiema tat-trasport intiż sabiex impriża ta’ dan is-settur kif ukoll assoċjazzjoni ta’ persuni li jimpjegaw jiġu kkundannati bi ksur ta’ klawżola tal-ftehim kollettiv applikabbli, u b’mod partikolari tal-klawżola tiegħu li tirrigwarda l-użu tax-xogħol temporanju. Il-qorti Finlandiża tistaqsi dwar jekk dan tal-aħħar jikkostitwixxix restrizzjoni inġusta fir-rigward tal-użu ta’ ħaddiema temporanji li hija inkompatibbli mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/14, u jekk din il-klawżola għandhiex għalhekk tibqa’ mhux applikabbli.
3. Din il-kawża prinċipali tmiss ċerti aspetti sistematiċi tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa, hija timplika t-tfittxija ta’ ekwilibriju bejn id-dritt soċjali tal-Unjoni u l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha tiddeċiedi dwar l-effett dirett tad-Direttiva 2008/104 fil-kuntest ta’ kawża orizzontali bejn impriża u sindakat tal-impjegati.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
1. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea
4. L-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “il-Karta”), intitolat id-“[d]ritt ta’ negozjar u ta’ azzjoni kollettiva”, jipprovdi:
“Il-ħaddiema u dawk li jħaddmu, jew l-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom, għandhom, skond il-liġi ta’ l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali, id-dritt li jinnegozjaw u li jikkonkludu ftehim kollettivi fil-livelli xierqa u, fil-każ ta’ konflitti ta’ interess, li jieħdu azzjoni kollettiva, inkluż l-istrajk, sabiex jiddefendu l-interessi tagħhom”.
2. Id-Direttiva 2008/104
5. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/104, intitolat “Reviżjoni tar-restrizzjonijiet jew tal-projbizzjonijiet”, jipprovdi:
“1. Il-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija għandhom ikunu ġġustifikati biss għal reġunijiet ta’ interess ġenerali li għandhom x’jaqsmu b’mod partikolari mal-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, ir-rekwiżiti tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol jew il-ħtieġa li jkun żgurat li s-suq tax-xogħol jaħdem tajjeb u jiġu prevenuti l-abbużi.
2. Sal-5 ta’ Diċembru 2011, l-Istati Membri għandhom, wara li jikkonsultaw lill-imsieħba soċjali skond il-leġislazzjoni nazzjonali, l-istrumenti ta’ ftehim kollettivi u l-prattiki, jirrevedu kwalunkwe restrizzjoni jew projbizzjoni fuq l-użu ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija sabiex jivverifikaw jekk humiex iġġustifikati għar-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1.
3. Jekk dawn ir-restrizzjonijiet jew il-projbizzjonijiet huma stabbiliti bi strumenti ta’ ftehim kollettivi, ir-reviżjoni msemmija fil-paragrafu 2 tista’ titwettaq mill-imsieħba soċjali li jkunu nnegozjaw il-ftehim rilevanti.
[…]
5. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bir-riżultat tar-reviżjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 3 sal-5 ta’ Diċembru 2011”.
B – Id-dritt Finlandiż
1. L-Atti leġiżlattivi
6. Id-Direttiva 2008/104 kienet ittrasposta fid-dritt Finlandiż permezz ta’ emenda tal-liġijiet 55/2001 dwar il-kuntratt ta’ xogħol [työsopimuslaki (55/2001)] u 1146/1999 dwar il-ħaddiema kkollokati [lähetetyistä työntekijöistä annettu laki (1146/1999)].
7. Kif tindika l-qorti tar-rinviju, mill-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz ta’ liġi li temenda jirriżulta li l-Gvern Finlandiż ikkunsidra l-obbligu tar-reviżjoni previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/104 bħala rekwiżit amministrattiv speċifiku għar-reviżjoni tar-restrizzjonijiet u l-projbizzjonijiet li jirrigwardaw l-użu ta’ xogħol temporanju u l-bżonn li l-Kummissjoni tiġi informata bir-riżultat ta’ din ir-reviżjoni. Kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, skont dan l-abbozz, l-imsemmi Artikolu 4 ma jobbligax lill-Istati Membri jemendaw il-leġiżlazzjoni tagħhom, anki fil-każ fejn restrizzjoni tal-użu ta’ xogħol temporanju ma tistax tkun iġġustifikata minn raġunijiet ta’ interess ġenerali.
8. Fid-29 ta’ Novembru 2011, il-Gvern Finlandiż ikkomunika lill-Kummissjoni r-riżultati tar-reviżjoni prevista fl-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva 2008/104.
2. Il-ftehim kollettivi
9. Fl-Artikolu 8(3) tiegħu, il-ftehim kollettiv ġenerali konkluż fl-1997 bejn l-organizzazzjonijiet ċentrali li jirrappreżentaw rispettivament lil persuni li jimpjegaw u lis-sindakati (3) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ġenerali tal-1997ˮ) jistipula:
“L-impriżi għandhom jillimitaw l-użu ta’ xogħol temporanju għall-assorbiment ta’ żieda fix-xogħol jew ta’ xogħlijiet oħra, limitati ratione temporis jew fin-natura tagħhom, li, għal raġunijiet ta’ urġenza, ta’ żmien limitat, ta’ kompetenzi professjonali, ta’ użu ta’ strumenti speċjalizzati jew ta’ raġunijiet oħra simili, ma jistgħux jitwettqu mill-persunal tagħhom stess.
L-impjieg ta’ ħaddiema hija prattika żleali jekk il-ħaddiema temporanji impjegati mill-impriżi li jirrikorru għal ħaddiema esterni jwettqu matul perijodu twil ix-xogħol normali tal-impriża, flimkien mal-ħaddiema permanenti tagħha, u jitqiegħdu taħt l-istess direzzjoni.
[…]”
10. Il-ftehim kollettiv tat-tankers taż-żejt u tal-prodotti taż-żejt (iktar ’il quddiem il-“ftehim settorjali”) jinkludi dispożizzjoni simili fil-klawżola 29(1) tiegħu.
III – Il-kawża prinċipali
11. Auto- ja Kuljetusalan Työntekijäliitto AKT ry (iktar ’il quddiem “AKT”) huwa s-sindakat li jirrappreżenta b’mod partikolari lill-impjegati tas-settur tat-tankers taż-żejt u tal-prodotti taż-żejt.
12. Shell Aviation Finland Oy (iktar ’il quddiem “Shell”) tikkonsenja l-karburant fi 18-il ajruport differenti fil-Finlandja. Hija membru tal-assoċjazzjoni tal-persuni li jimpjegaw tas-settur tal-karburanti, Öljytuote ry (iktyar ’il quddiem “Öljytuote”).
13. AKT ressaq talba quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex Öljytuote u Shell jiġu kkundannati jħallsu s-sanzjoni finanzjarja prevista fl-Artikolu 7 tal-Liġi 36/1946 dwar il-ftehim kollettivi [työoehtosopimuslaki (36/1946)], minħabba ksur tal-klawżola 29(1) tal-ftehim settorjali. Fir-rikors tiegħu, AKT jargumenta li Shell użat b’mod regolari sa mis-sena 2008 persunal temporanju, bi frekwenza kunsiderevoli, sabiex twettaq funzjonijiet identiċi għal dawk imwettqa mill-ħaddiema tagħha stess. Dan l-użu ta’ ħaddiema temporanji jikkostitwixxi prattika żleali fis-sens tad-dispożizzjoni tal-ftehim ikkontestat.
14. Il-konvenuti rrispondew li l-użu ta’ ħaddiema temporanji huwa ġġustifikat minn raġunijiet leġittimi, peress li dan huwa essenzjalment intiż sabiex jiżgura s-sostituzzjoni ta’ ħaddiema matul il-perijodi ta’ leave annwali u ta’ leave tal-mard. Barra minn hekk, huma jsostnu li l-klawżola 29(1) tal-ftehim settorjali tinkludi restrizzjoni li ma tistax tkun iġġustifikata għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104. Fil-fehma tagħhom, il-qorti nazzjonali għandha tevita l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim li huma kuntrarji għad-Direttiva 2008/104.
15. Il-qorti tar-rinviju tindika li, għalkemm il-portata tal-obbligu impost fuq l-Istati Membri fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/104 jqajjem dubji, din id-dispożizzjoni tista’ tkun interpretata li timponi fuq l-imsemmija Stati Membri obbligu li jiżguraw li l-ordinament ġuridiku tagħhom ma jinkludix restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet mhux iġġustifikati fil-qasam tax-xogħol temporanju. Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, il-klawżola 29(1) tal-ftehim settorjali ssegwi approċċ differenti minn dak previst mid-Direttiva 2008/104 peress li huwa jipprojbixxi l-użu ta’ ħaddiema temporanji, ħlief f’ċerti każijiet speċifiċi, bl-iskop li jipproteġu l-ħaddiema permanenti tal-impriżi.
16. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konsegwenzi li hija għandha tasal għalihom mill-eventwali inkompatibbiltà ta’ dispożizzjoni nazzjonali mad-Direttiva 2008/104 f’kawża bħal dik prinċipali, li tirrigwarda tilwima bejn individwi.
IV – Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
17. Huwa f’dan il-kuntest li Työtuomioistuin iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“(1) L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva [2008/104] għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq l-awtoritajiet nazzjonali, inklużi l-qrati, obbligu kontinwu li jiżguraw, permezz tal-miżuri għad-dispożizzjoni tagħhom, li ma jeżistux dispożizzjonijiet legali jew klawżoli ta’ ftehim kollettivi nazzjonali li jiksru r-regoli ffissati mi[ll-imsemmija] Direttiva, jew, jekk jeżistu, li dawn ma jiġux applikati?
(2) L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva [2008/104] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li skont din l-impjieg ta’ ħaddiema provviżorji huwa awtorizzat biss f’ċerti każijiet preċiżi bħall-assorbiment ta’ żieda fix-xogħol jew xogħlijiet li impriża ma tkunx tista’ teżegwixxi permezz tal-impjegati tagħha stess? Huwa possibbli li jiġi kklassifikat bħala użu illegali tax-xogħol provviżorju r-reklutaġġ matul perijodu twil ta’ ħaddiema provviżorji għall-attivitajiet ordinarji tal-impriża, flimkien mal-impjegati tagħha stess?
(3) Jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali hija ddikjarata li tmur kontra d-Direttiva, liema huma l-miżuri li qorti għandha sabiex twettaq l-għanijiet tad-Direttiva, meta tkun inkwistjoni klawżola kollettiva li tapplika fir-relazzjonijiet bejn partijiet privati?”
18. Id-deċiżjoni tar-rinviju, datata l-4 ta’ Ottubru 2013, waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Ottubru 2013. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-AKT, Öljytuote u Shell, mill-Gvern Finlandiż, Ġermaniż, Ungeriż, Pollakk, Svediż u Norveġiż kif ukoll mill-Kummissjoni.
19. Dawn il-partijiet u persuni kkonċernati, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Finlandiż, Ungeriż u Pollakk, ipparteċipaw ukoll fis-seduta li nżammet fid-9 ta’ Settembru 2014.
V – Analiżi
20. Id-domandi mressqa mill-qorti tar-rinviju jmissu tliet kwistjonijiet marbuta mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104:
– l-ewwel nett, il-portata tal-obbligi li l-imsemmija dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri;
– it-tieni nett, il-possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni, fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni, tar-restrizzjonijiet għall-użu ta’ xogħol temporanju previsti mill-ftehim settorjali, u
– it-tielet nett, il-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjoni tad-direttiva kkonċernata tistax tkun invokata f’kawża bejn individwi.
21. Jiena ser neżaminahom fl-istess ordni.
A – Fuq il-portata tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 (l-ewwel domanda)
1. Osservazzjonijiet preliminari
22. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 jimponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprekludu l-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet li jirrigwardaw l-użu ta’ ħaddiema temporanji meta dawn ma jistgħux ikunu ġġustifikati għal raġunijiet ta’ interess ġenerali.
23. Il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-persuni kkonċernati ma jaqblux dwar l-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni.
24. Uħud mill-partijiet jikkunsidraw li d-dispożizzjoni kkonċernata tobbliga lill-Istati Membri jeliminaw ir-restrizzjonijiet ta’ użu ta’ xogħol temporanju li ma jistax ikun iġġustifikat (4).
25. Mill-banda l-oħra, partijiet oħra (5) jsostnu li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 ma jipprovdi ebda obbligu materjali, iżda għandu jinqara flimkien mal-paragrafu 2 tiegħu. Dan tal-aħħar jipprovdi l-obbligu li l-Istati Membri jagħmlu reviżjoni tar-restrizzjonijiet applikabbli għax-xogħol temporanju, qabel it-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/104, sabiex jivverifikaw jekk humiex iġġustifikati għar-“raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1”. Il-portata tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu hija limitata għalhekk sabiex tiddefinixxi l-għan tal-imsemmija reviżjoni. L-imsemmi paragrafu 1 ma jimponix b’mod partikolari lill-Istati Membri obbligu ta’ riżultat intiż sabiex jiżgura li r-restrizzjonijiet eżistenti fil-leġiżlazzjonijiet tagħhom ikunu effettivament iġġustifikati għal raġunijiet ta’ interess ġenerali.
2. L-interpretazzjoni litterali u teleoloġika
26. Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104, il-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet li jirrigwardaw l-użu ta’ ħaddiema temporanji “għandhom ikunu ġġustifikati biss għal raġunijiet ta’ interess ġenerali”, segwit imbagħad b’lista indikattiva ta’ dawn ir-raġunijiet.
27. Nosserva li l-imsemmija termini jaqblu mal-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni kkonċernata li r-restrizzjonijiet li ma humiex iġġustifikati għal raġunijiet ta’ interess ġenerali, li tagħhom ingħatat lista indikattiva (6), huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, għalkemm id-dispożizzjoni inkwistjoni ma semmiet bl-ebda mod il-kompatibbiltà tar-restrizzjonijiet mad-dritt tal-Unjoni, il-frażi li huma “għandhom ikunu ġġustifikati biss” għal raġunijiet ta’ interess ġenerali kienet titlef is-sens tagħha.
28. Dawn it-termini jesprimu b’mod ċar regola materjali li tirrigwarda l-projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet mhux iġġustifikati. Għall-kuntrarju ta’ dak sostnut minn diversi partijiet (7), jidhirli li huwa diffiċli li jiġi ddikjarat li din tirrigwarda dispożizzjoni purament proċedurali, simili għal dawk kontenuti fil-paragrafi segwenti tal-istess Artikolu 4.
29. Din l-interpretazzjoni jidhirli li hija kkorroborata mill-kunsiderazzjonijiet teleoloġiċi li jiffurmaw il-bażi tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni.
30. Ħadd mill-partijiet ma jikkontesta li d-Direttiva 2008/104 tipprevedi, minn naħa, il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema temporanji u, min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet applikabbli għall-użu tax-xogħol temporanju.
31. Dan l-għan doppju – li huwa rifless fit-titolu tad-Direttiva 2008/104 stess (8) – huwa riprodott fl-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, li jirreferi, minn naħa, għal bżonn li tkun żgurata l-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji u t-titjib tal-kwalità tax-xogħol temporanju, b’mod partikolari billi tkun żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fir-rigward tal-ħaddiema temporanji u, min-naħa l-oħra, il-bżonn li jiġi stabbilit qafas xieraq għax-xogħol temporanju sabiex jikkontribwixxi b’mod effettiv għall-ħolqien tal-impjiegi u għall-iżvilupp ta’ forom flessibbli ta’ xogħol (9).
32. Iż-żewġ partijiet ta’ dan l-għan huma kumplementari, b’tali mod li ma jidhirx li huwa koerenti li jiġu sseparati. Iż-żieda fil-livell ta’ protezzjoni tal-ħaddiema temporanji tista’, fil-fatt, tikkontesta l-bżonn ta’ ċerti projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet eżistenti, li twassal għal iktar possibbiltajiet lejn din il-forma ta’ xogħol (10).
33. Sa ċertu punt, dan jirrigwarda aspett komuni tat-tliet atti tal-Unjoni Ewropea dwar ix-xogħol atipiku, fir-rigward tar-relazzjonijiet ta’ xogħol part-time jew temporanju (11). L-azzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam għandha bħala għan globali l-iżvilupp ta’ forom flessibbli ta’ xogħol, sabiex jintlaħaq grad ġdid ta’ armonizzazzjoni tad-dritt soċjali (12). Il-mudell leġiżlattiv li jifforma l-bażi ta’ din l-azzjoni, ibbażat fuq it-tfittxija ta’ ekwilibriju bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà fis-suq tax-xogħol, ġie msejjaħ “flessigurtà” (13).
34. L-użu ta’ forom flessibbli ta’ xogħol, skont dan il-mudell, jippermetti it-tisħiħ tal-kapaċità ta’ adattament tas-suq tax-xogħol, il-ħolqien ta’ iktar impjiegi kif ukoll it-titjib tal-aċċess ta’ ċerti gruppi prekarji, bħal ħaddiema żgħażagħ, għax-xogħol għal żmien indeterminat. Għal uħud dan it-tip ta’ impjieg jista’ jservi bħala trampolin – “stepping stone” – fis-suq tax-xogħol (14).
35. L-għan doppju tagħha jinsab fl-istruttura tad-Direttiva 2008/104 li, apparti d-dispożizzjonijiet introduttivi tagħha (kamp ta’ applikazzjoni, għan, definizzjonijiet) u finali, hija ffukata fuq żewġ elementi: jiġifieri l-Kapitolu II tagħha ddedikat kollu għall-kundizzjonijiet ta’ xogħol ta’ ħaddiema temporanji, u l-Artikolu 4 tagħha, inkluż fil-Kapitolu I tagħha, li jipprovdi r-restrizzjonijiet tal-użu tax-xogħol temporanju.
36. Jiena ma narax kif l-imsemmi Artikolu 4 jista’ jikkontribwixxi għall-għanijiet tad-Direttiva 2008/104 jekk huwa jipprovdi biss sempliċi obbligu tal-Istati Membri li jidentifikaw l-ostakoli għax-xogħol temporanju, mingħajr ma jistipula l-ebda konsegwenza vinkolanti.
37. Fl-opinjoni tiegħi, moqri fid-dawl tal-għan tiegħu, l-imsemmi Artikolu 4 għandu jkun interpretat li jipprovdi mhux biss obbligi proċedurali (paragrafi 2 sa 5), iżda wkoll regola materjali (paragrafu 1). Din ir-regola materjali tipprojbixxi ż-żamma ta’ restrizzjonijiet tal-użu ta’ xogħol temporanju meta dawn ma humiex iġġustifikati, b’mod partikolari fid-dawl tal-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet mimini tax-xogħol (15).
38. Il-paragrafi 2 sa 5 tal-Artikolu 4 jipprovdu mekkaniżmu proċedurali intiż sabiex jassisti l-implementazzjoni ta’ din il-projbizzjoni, permezz ta’ reviżjoni tar-restrizzjonijiet eżistenti fil-livell nazzjonali, filwaqt li jikkumplementa l-mezzi ta’ implementazzjoni normali tad-dritt tal-Unjoni. Jekk il-paragrafu 1 tal-istess artikolu ma jinkludix il-projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet mhux iġġustifikati, dan il-mekkaniżmu proċedurali ma jkollux skop.
39. Ma jidhirlix li huwa raġonevoli li jkun mistenni li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried biss jipprovdi li l-Istati Membri jagħmlu inventarju mhux vinkolanti tar-restrizzjonijiet, purament informattiv u mingħajr ebda konsegwenza. Il-Kummissjoni għandha d-dritt li tiġbor tali informazzjoni fil-kuntest tal-missjoni ġenerali li hija għandha skont it-Trattati li tiżgura l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.
40. Id-dottrina hija kważi unanima fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 bħala li timponi lill-Istati Membri l-obbligu li jneħħu r-restrizzjonijiet mhux iġġustifikati fir-rigward tal-użu ta’ ħaddiema temporanji (16). Uħud mill-awturi jindikaw li l-imsemmija dispożizzjoni hija manifestament intiża sabiex issib ekwilibriju ġust bejn il-libertajiet tas-suq intern u d-dritt soċjali, u li hija ma jkollha ebda effett utli jekk tkun interpretata bħala sempliċi rakkomandazzjoni (17).
41. L-istess raġunament jidher li ispira d-dikjarazzjoni komuni tal-imsieħba soċjali fil-livell Ewropew fis-settur tax-xogħol temporanju, imxandra ftit qabel l-adozzjoni formali tad-Direttiva 2008/104. Din id-dikjarazzjoni, minn naħa, tirrikonoxxi l-bżonn ta’ ċerti restrizzjonijiet tal-użu tax-xogħol temporanju sabiex jiġi evitat l-abbuż, filwaqt li tindika, min-naħa l-oħra, li r-restrizzjonijiet mhux iġġustifikati għandhom ikunu eliminati (18).
3. Ix-xogħol preparatorju
42. Ix-xogħol preparatorju donnu jimmilita wkoll favur interpretazzjoni li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 jkollu natura vinkolanti.
43. Uħud mill-partijiet isostnu l-kuntrarju (19), billi jargumentaw li l-proposta tad-Direttiva ppreżentata mill-Kummissjoni lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tinkludi, fl-Artikolu 4(2) tagħha, dispożizzjoni espliċita li tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jirrevedu r-restrizzjonijiet tal-użu tax-xogħol temporanju sabiex jivverfikaw jekk humiex iġġustifikati u “[f]’każ negattiv, [huma] ineħħuhom” (20). Peress li din l-aħħar frażi kienet irtirata waqt id-dibattiti tal-Kunsill (21), dan jimplika, skont l-imsemmija partijiet, li l-Kunsill ma riedx jipprojbixxi r-restrizzjonijiet mhux iġġustifikati.
44. Jidhirli li dan ir-raġunament qed isegwi direzzjoni ħażina.
45. Qabelxejn, l-emenda magħmula mill-Kunsill matul il-proċess leġiżlattiv tirrigwarda l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2008/104, dwar il-proċedura ta’ reviżjoni. Min-naħa l-oħra, il-paragrafu 1 tiegħu, applikabbli f’dan il-każ, ġie riprodott kif kien fil-Pożizzjoni Komuni meħuda mill-Kunsill.
46. Barra minn hekk, il-lista ta’ raġunijiet ta’ interess ġenerali li tinsab fl-imsemmi paragrafu 1 kienet suġġetta għal dibattitu wiesa’ matul il-proċess leġiżlattiv (22). Għaliex l-istituzzjonijiet taw daqstant importanza lil din id-dispożizzjoni li kieku ma kellhiex natura vinkolanti?
47. F’dan ir-rigward, ir-raġunijiet tal-irtirar tal-parti kkonċernata mill-paragrafu 2 tal-imsemmi Artikolu 4, li kienet tipprovdi li l-Istati Membri għandhom “ineħħu” ir-restrizzjonijiet, ma jistgħux ikunu stabbiliti b’ċertezza. Madankollu l-iktar spjegazzjoni aċċettabbli donnha hija li l-Kunsill irtira din il-parti għaliex il-projbizzjoni tar-restrizzjonijiet mhux iġġustifikati diġà tinsab fil-paragrafu 1, li baqa’ ma nbidilx.
48. Fil-fatt, fl-espożizzjoni tal-motivi tal-Pożizzjoni Komuni, il-Kunsill jindika li “essenzjalment huwa rriproduċa l-ispirtu tal-emenda 34 tal-Parlament” (23) [traduzzjoni mhux uffiċjali], iżda “ma sabx li huwa neċessarju li tinżamm il-parti dwar il-projbizzjoni tar-restrizzjonijiet u projbizzjonijiet mhux iġġustifikati” (24) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-komunikazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni lill-Parlament, il-Kummissjoni indikat li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2008/104 jsegwi l-emenda 34 tal-Parlament, “ħlief fejn ma għadhiex tirreferi għall-Istati Membri bħala suġġetti għal obbligu biex iwaqqfu kull restrizzjoni […], billi l-Kunsill ma qiesx li kien meħtieġ li jirrepeti l-effett tal-projbizzjoni fl-Artikolu 4(1) jew ma qiesx li hu xieraq li jiġi stipulat ir-riżultat finali tal-eżerċizzju ta’ reviżjoni ” (25). Il-Pożizzjoni Komuni kienet għalhekk approvata mill-Parlament abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet (26).
49. Għalhekk l-oriġini tal-adozzjoni tad-Direttiva 2008/104 huwa insostenn tal-interpretezzjoni li l-Artikolu 4(1) jipprojbixxi ż-żamma ta’ restrizzjonijiet tal-użu tax-xogħol temporanju li ma humiex iġġustifikati minn raġunijiet ta’ interess ġenerali.
4. Il-bażi legali
50. Fl-aħħar nett, il-Gvern Ġermaniż qajjem dubju dwar il-kwistjoni jekk il-bażi legali tad-Direttiva 2008/104 tawtorizzax l-inklużjoni ta’ dispożizzjoni materjali intiża sabiex jitneħħew ir-restrizzjonijiet li jirrigwardaw l-użu tax-xogħol temporanju.
51. Jiena nosserva li l-bażi legali ta’ att hija rilevanti għall-interpretazzjoni tiegħu peress li tista’ tagħti ċertu dawl fuq l-għanijiet li jridu jintlaħqu mil-leġiżlatur. Barra minn hekk għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi eskluża, minn fost l-interpretazzjonijiet differenti possibbli, dik li tista’ twassal għall-invalidità tal-att.
52. Id-Direttiva 2008/104 hija bbażata fuq l-Artikolu 137(1) u (2) KE l-antik, li kien jagħti lill-istituzzjonijiet il-kompetenza li “jadottaw, permezz ta’ direttivi, rekwiżiti minimi applikabbli progressivament”, b’mod partikolari, għal dak li jirrigwarda “il-kundizzjonijiet tax-xogħol”.
53. Uħud mill-partijiet (27) isostnu li din il-bażi legali teskludi l-possibbiltà li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 jkun interpretat bħala li jipprojbixxi r-restrizzjonijiet mhux iġġustifikati tal-użu tax-xogħol temporanju. Fil-fehma tagħhom, tali projbizzjoni ma taqax fil-“kundizzjonijiet tax-xogħol” u, barra minn hekk, ma tikkostitwixxix “preskrizzjoni minima” fis-sens tal-Artikolu 137 KE l-antik.
54. Jiena miniex konvint mil-loġika ta’ dan l-argument.
55. Jidhirli li huwa stabbilit li d-Direttiva 2008/104 trid tilħaq għan doppju u li tirrigwarda mhux biss il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema temporanji, iżda wkoll ir-restrizzjonijiet magħmula lill-użu ta’ dan it-tip ta’ xogħol. Jekk le, l-Artikolu 4 ta’ din, tkun xi tkun l-interpretazzjoni tiegħu, ma jagħmilx sens.
56. F’dan ir-rigward, skont l-argument tal-partijiet iċċitat iktar ’il fuq, l-Artikolu 137 KE l-antik ma jipprekludix li d-Direttiva 2008/104 tmiss ir-restrizzjonijiet li jirrigwardaw l-użu tax-xogħol temporanju. Dawn il-partijiet isostnu madankollu li din il-bażi legali tippermetti biss li jiġi impost lill-Istati Membri obbligu “limitat” ħafna jew “sempliċement proċedurali” fir-rigward ta’ tali restrizzjonijiet.
57. F’dan ir-rigward infakkar li l-għażla tal-bażi legali tal-att għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi, u b’mod partikolari fuq l-għan u l-kontenut tal-att (28). Issa, jiena ma nara ebda element oġġettiv li jiġġustifika li ssir distinzjoni, fil-kuntest tat-Trattat KE l-antik, bejn id-dispożizzjonijiet materjali u d-dispożizzjonijiet proċedurali fir-rigward tal-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet tal-użu ta’ ċertu tip ta’ xogħol.
58. Jekk wieħed jikkunsidra li l-bażi legali magħżula mid-Direttiva 2008/104 ma tippermettix l-inklużjoni tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-użu tax-xogħol temporanju, dan l-approċċ iwassal għall-invalidità tal-Artikolu 4 tagħha, irrispettivament mill-fatt dwar jekk jipprovdix obbligi proċedurali jew obbligi materjali għall-Istati Membri.
59. Għalhekk, l-argument li l-Artikolu 137 KE l-antik jippermetti biss l-inklużjoni ta’ ċerti obbligi proċedurali ma huwiex konvinċenti.
60. Għalhekk sussegwentement għandu jkun mistoqsi jekk l-interpretazzjoni li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/104 jinkludi l-projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet mhux iġġustifikati tal-użu tax-xogħol temporanju tikkontestax il-validità tiegħu.
61. Infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, jekk l-eżami ta’ att tal-Unjoni juri li dan isegwi għan doppju jew li għandu komponent doppju u jekk wieħed minnhom jiġi identifikat bħala l-iskop prinċipali jew predominanti, filwaqt li l-ieħor huwa sempliċement inċidentali, l-att għandu jkun ibbażat fuq bażi legali wieħed, jiġifieri dak meħtieġ mill-iskop jew komponenti prinċipali jew predominanti.
62. Huwa biss b’mod eċċezzjonali li, jekk jiġi pprovat li l-att għandu iktar minn għan wieħed fl-istess ħin, li huma marbuta b’mod li ma jistgħux jinħallu minn xulxin, mingħajr ma wieħed ikun sekondarju u indirett meta pparagunat mal-ieħor, tali att jista’ jkun ibbażat fuq id-diversi bażijiet legali korrispondenti (29).
63. Il-komponent prinċipali tad-Direttiva 2008/104 huwa kkostitwit mid-dispożizzjonijiet tiegħu fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, bl-Artikolu 4 tiegħu jokkupa b’mod ċar pożizzjoni inċidentali. Din ir-relazzjoni tirriżulta, minn naħa, mill-istruttura tad-Direttiva 2008/104 (kapitolu sħiħ huwa ddedikat għall-kundizzjonijiet tax-xogħol) u, min-naħa l-oħra, mir-raġunament segwit fl-adozzjoni tagħha: li huwa biss ladarba titwettaq l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol li ċerta liberalizzazzjoni tax-xogħol temporanju tista’ tkun iġġustifikata.
64. Il-fatt li d-Direttiva 2008/104 tintrabat mad-dispożizzjonijiet soċjali tat-Trattat ma jipprekludihiex milli tilħaq għan inċidentali sabiex jiġu eliminati ċerti restrizzjonijiet tax-xogħol temporanju.
65. Pereżempju, nosserva li d-Direttiva 97/81 li tirrigwarda x-xogħol part-time, li kienet adottata abbażi tad-dispożizzjonijiet soċjali tat-Trattat, trid tilħaq ukoll għan doppju li jikkonsisti, minn naħa, fil-promozzjoni tax-xogħol part-time u, min-naħa l-oħra, fl-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni bejn il-ħaddiema part-time u l-ħaddiema full-time. Barra minn hekk, din id-direttiva tinkludi dispożizzjonijiet intiżi għall-eliminazzjoni ta’ ostakoli tax-xogħol parzjali (30).
66. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jiena naħseb li d-Direttiva 2008/104 kienet adottata b’mod konkret abbażi tal-Artikolu 137 KE l-antik, mingħajr ma tagħmel riferiment għall-Artikoli 47(2) KE u 55 KE l-antiki li jirrigwardaw is-servizzi, minkejja l-fatt li hija tinkludi, fl-Artikolu 4 tagħha, ċerti dispożizzjonijiet applikabbli għar-restrizzjonijiet tal-provvista ta’ servizzi fil-qasam tax-xogħol temporanju.
5. Il-kompatibbiltà mal-Artikolu 28 tal-Karta
67. Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, billi jinvoka l-prinċipju ta’ awtonomija tal-imsieħba soċjali, jikkontesta wkoll il-fatt li l-projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet mhux iġġustifikati fir-rigward tal-użu tax-xogħol temporanju tista’ tkun applikata wkoll għall-klawżoli ta’ ftehim kollettiv. Fil-fehma tiegħu, tali klawżoli jibbenefikaw minn immunità li tirriżulta mid-dritt fundamentali tan-negozjar kollettiv stabbilit mill-Artikolu 28 tal-Karta.
68. Infakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 45 TFUE, l-Artikolu 49 TFUE u l-Artikolu 56 TFUE ma jirregolawx biss l-azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi, imma japplikaw ukoll għal regoli ta’ natura oħra intiżi sabiex jirregolaw, b’mod kollettiv, ix-xogħol bil-paga, ix-xogħol indipendenti u l-provvista ta’ servizzi. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat diversi drabi li l-ftehim kollettiv ma huwiex eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-libertajiet stabbiliti mit-Trattat (31). Għalhekk, sa fejn ftehim kollettiv jinkludu dispożizzjoni li tillimita l-użu tal-ħaddiema temporanji, hija taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE.
69. Għalkemm l-awtonomija tal-imsieħba soċjali hija rrikonoxxuta b’mod sħiħ mid-dritt tal-Unjoni, id-dritt tagħhom li jinnegozjaw u jikkonkludu ftehim kollettivi għandu jiġi eżerċitat fl-osservanza tad-dritt, li jinkludi d-dritt tal-Unjoni (32).
70. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-imsieħba soċjali għandhom jaġixxu fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt derivat tal-Unjoni li jikkonkretizza l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol. Il-fatt li d-dritt sekondarju tal-Unjoni jipprekludi dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv ma jippreġudikax id-dritt li jiġu nnegozjati u konklużi ftehim kollettivi rrikonoxxuti fl-Artikolu 28 tal-Karta (33). Jekk dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, il-qorti għandha tirrifjuta li tapplikaha (34).
71. Fl-opinjoni tiegħi, dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw bl-istess saħħa għall-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104, peress li jirrigwarda regola imperattiva li timplementa libertà stabbilita mit-Trattat u li ma huwiex akkumpanjat minn deroga favur ftehim kollettivi (35).
72. Dan l-approċċ jaqbel mal-fatt li d-dispożizzjonijiet tad-direttivi tal-Unjoni fil-qasam tad-dritt tax-xogħol jistgħu jiġu implementati mhux biss permezz ta’ leġiżlazzjoni, iżda wkoll permezz ta’ ftehim kollettivi ta’ applikazzjoni ġenerali. B’hekk, skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2008/104 l-Istati Membri għandhom mhux biss jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw mal-imsemmija direttiva, iżda wkoll jiżguraw li l-imsieħba soċjali jintroduċu d-dispożizzjonijiet meħtieġa permezz ta’ ftehim.
73. F’dan ir-rigward, jiena ma nara ebda raġuni valida sabiex jiġi sostnut li l-ftehim kollettivi għandhom ikunu privileġġjati meta mqabbla mal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri u jevitaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.
74. Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jimplikawx li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tipprevali fuq d-dritt ta’ negozjar kollettiv. Il-fatt li jiġu pprovduti, permezz ta’ dispożizzjonijiet imperattivi, ċerti limiti fuq il-kontenut tal-ftehim kollettivi, ma jipprekludix l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt fundamentali.
75. Id-dritt ta’ negozjar kollettiv stabbilit fl-Artikolu 28 tal-Karta ma jipprekludix għalhekk l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 li r-restrizzjonijiet magħmula permezz ta’ ftehim kollettivi għall-użu tax-xogħol temporanju għandhom ikunu ġġustifikati minn raġunijiet ta’ interess ġenerali, u fin-nuqqas ikunu ddikjarati inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.
6. Ir-rwol tal-qrati nazzjonali
76. Nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għal interpretazzjoni teleoloġika iktar ġenerali.
77. L-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huwa bbażat fuq il-prinċipju sistematiku li jirrikonoxxi l-irwol essenzjali tal-qrati nazzjonali fl-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu.
78. Fis-sistema stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, il-funzjonijiet attribwiti, lill-qrati nazzjonali u lill-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament, huma essenzjali fid-dawl tan-natura tal-istess dritt tal-Unjoni. Dispożizzjoni li tipprekludi lill-qrati tal-Istati Membri mill-kompetenzi tagħhom fir-rigward tal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li tipprekludi lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-kompetenza tagħha li tirrispondi għal domandi preliminari li minnhom hija adita, tiżnatura l-kompetenzi li t-Trattati fdaw lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri, li huwa essenzjali għall-preservazzjoni tan-natura tad-dritt tal-Unjoni stess (36).
79. L-interpretazzjoni li ċerti Stati Membri jiddefendu f’din il-kawża, li l-Istati Membri għandhom jirrevedu r-restrizzjonijiet tal-użu tax-xogħol temporanju mingħajr obbligi fir-rigward tar-riżultat ta’ dan l-eżami, jidhirli li hija inkompatibbli ma’ dan il-prinċipju.
80. Skont din l-interpretazzjoni, l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri biss, li magħhom jiżdiedu eventwalment l-imsieħba soċjali, huma responsabbli mill-identifikar tar-restrizzjonijiet tal-użu tax-xogħol temporanju u mit-twettiq tal-proċess li għandu loġikament iwassal għat-tibdil jew il-projbizzjoni ta’ dawk li ma humiex iġġustifikati.
81. Il-Gvern Ġermaniż, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, jagħmel riferiment f’dan ir-rigward għal “administrative Überprüfung” (reviżjoni amministrattiva), filwaqt li jammetti li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/104 inkwistjoni jista’, skont is-sens u l-iskop tiegħu, jinkludi obbligu mhux miktub tal-projbizzjoni jew adattament tar-restrizzjonijiet li ma jistgħux ikunu ġġustifikati.
82. Waqt is-seduta (37), il-Kummissjoni argumentat li l-interpretazzjoni li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/104 jipprovdi biss obbligi proċedurali ma tneħħilux l-effett utli. Skont il-Kummissjoni, kull darba li hija ssir taf bl-eżistenza ta’ restrizzjoni, hija tista’ tiftaħ djalogu mal-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat sabiex issib l-aħjar mezz sabiex iġġib id-dispożizzjoni f’konformità mal-imsemmija direttiva. Hija tista’ wkoll tibda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.
83. Bl-istess mod, ċerti awturi jikkritikaw l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva billi jargumentaw li huwa riskjuż li l-qrati jingħataw il-funzjoni li jevalwaw il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjonijiet u l-proporzjonalità tagħhom. Fil-fehma tagħhom, jekk l-applikazzjoni ta’ raġunijiet ta’ interess ġenerali u tal-kriterju ta’ proporzjonalità titħalla f’idejn il-qrati, isir riskjuż u imprevedibbli ħafna, daqs “ramel li jiċċaqlaq” (38).
84. Fl-opinjoni tiegħi, huwa kuntrarju għal bażi tas-sistema tad-dritt tal-Unjoni li l-korpi amministrattivi jingħataw il-kompetenza esklużiva sabiex jivverifikaw il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ma’ direttiva tal-Unjoni filwaqt li din il-kompetenza tittieħed mingħand il-qrati nazzjonali.
85. Nosserva li dan l-approċċ mhux biss jeskludi lill-qrati nazzjonali mill-proċess ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/104, iżda jikkontesta wkoll il-kompetenza tagħhom sabiex jeżaminaw ir-restrizzjonijiet applikabbli għax-xogħol temporanju mill-angolu tal-Artikolu 56 TFUE
86. Tali approċċ jidhirli li huwa inkompatibbli mal-għan tas-sistema tad-dritt tal-Unjoni, peress li dan ineħħi lill-qrati tal-Istati Membri l-funzjoni prinċipali li ngħatat lilhom fir-rigward tal-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.
7. Il-konklużjoni intermedjarja
87. Skont il-premessa 22 tad-Direttiva 2008/104, din għandha tapplika bl-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, b’mod partikolari dawk applikabbli għas-servizzi. Għandha għalhekk tiġi kkunsidrata r-rabta eżistenti bejn l-Artikolu 56 TFUE u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104.
88. Nosserva li r-ratio legis tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 ma jikkorrispondix ma’ dak tal-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu 4(1), huwa intiż sabiex ineħħi l-ostakoli mhux iġġustifikati għax-xogħol temporanju bl-iskop li jippromwovi din il-forma flessibbli ta’ xogħol, u għalhekk jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ impjiegi u l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol.
89. Madankollu, peress li x-xogħol temporanju jimplika l-eżistenza ta’ intermedjarji (l-impriżi ta’ xogħol temporanju), kull restrizzjoni ta’ din il-forma ta’ xogħol tikkostitwixxi wkoll restrizzjoni għas-servizzi pprovduti minn dawn l-impriżi. Il-liberalizzazzjoni ta’ din il-forma ta’ xogħol timplika għalhekk il-liberalizzazzjoni tas-servizzi tax-xogħol temporanju, għaliex dawn jirrigwardaw żewġ naħat tal-istess munita.
90. Għalhekk, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104, għalkemm jipprevedi r-restrizzjonijiet dwar l-“użu ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija” u jirrigwarda għalhekk l-ewwel nett is-sitwazzjoni ta’ dawn tal-aħħar (39), japplika wkoll, b’estensjoni, għar-restrizzjonijiet li jirrigwardaw is-servizzi tal-aġenziji temporanji.
91. Nosserva li l-projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi minn impriżi ta’ xogħol temporanju diġà tirriżulta mill-Artikolu 56 TFUE (40). Fejn ir-restrizzjonijiet li jirrigwardaw il-ħaddiema temporanji jostakolaw ukoll is-servizzi mogħtija mill-impriżi tax-xogħol temporanju, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 jikkonkretizza l-projbizzjoni li tirriżulta fl-Artikolu 56 TFUE.
92. F’dan ir-rigward, l-imsemmi Artikolu 4(1) jippreċiża r-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li huma partikolarment xierqa sabiex jiġġustifikaw tali restrizzjonijiet. Barra minn hekk, huwa jestendi l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għal sitwazzjonijiet interni, peress li issa huwa qasam armonizzat tad-dritt tal-Unjoni u li l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/104 ma timplikax tfittxija ta’ element transkonfinali.
93. Bħala konklużjoni, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun fis-sens li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 jipprojbixxi ż-żamma jew l-introduzzjoni ta’ projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet li jirrigwardaw l-użu ta’ ħaddiema temporanji li ma humiex iġġustifikati minn raġunijiet ta’ interess ġenerali li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji, ir-rekwiżiti ta’ saħħa u ta’ sigurtà fuq il-post tax-xogħol jew il-ħtieġa li jkun żgurat li s-suq tax-xogħol jaħdem tajjeb u jiġu pprevenuti l-abbużi.
8. Dwar il-konsegwenzi ta’ interpretazzjoni differenti
94. F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li ma ssegwix il-proposta tiegħi u tinterpreta l-imsemmi Artikolu 4(1) bħala invalidu jew nieqes minn kull valur normattiv, jiena nikkunsidra li jkun utli li l-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar espliċitament fis-sentenza tagħha li l-Artikolu 56 TFUE jibqa’ applikabbli b’mod sħiħ għar-restrizzjonijiet bħal dawk previsti f’dan il-każ.
95. Din il-preċiżjoni jidhirli li hija partikolarment importanti, peress li wħud mill-partijiet donnhom isostnu li r-restrizzjonijiet inkwistjoni ma humiex suġġetti għall-istħarriġ tal-qrati nazzjonali la skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/104 (sa fejn dan l-imsemmi artikolu jistabbilixxi biss obbligi proċedurali) u lanqas mill-angolu tal-Artikolu 56 TFUE (fir-rigward ta’ qasam armonizzat) (41).
96. Id-dritt sekondarju ma jistax jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertajiet fundamentali. F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li d-Direttiva 2008/104 ma tipprojbixxix iż-żamma ta’ restrizzjonijiet tax-xogħol temporanju, xorta għandha tkun il-qorti nazzjonali li tivverifika jekk dawn ir-restrizzjonijiet jistgħux ikunu ġġustifikati b’applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE.
97. F’dan ir-rigward nosserva li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tista’ manifestament tipproduċi effetti transkonfinali rilevanti skont l-Artikolu 56 TFUE, u tibqa’ għalhekk potenzjalment applikabbli fil-kawża prinċipali (42).
B – Fuq il-ġustifikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 (it-tieni domanda)
1. Osservazzjonijiet preliminari
98. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk dispożizzjoni bħal dik prevista fil-klawżola 29(1) tal-ftehim settorjali tikkostitwixxix restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 u, jekk ikun il-każ, tistax tkun iġġustifikata.
99. Infakkar li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 jipprovdi li r-restrizzjonijiet jistgħu jkunu ġġustifikati biss minn raġunijiet ta’ interess ġenerali li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji, ir-rekwiżiti ta’ saħħa u ta’ sigurtà fuq il-post tax-xogħol jew il-ħtieġa li jkun żgurat li s-suq tax-xogħol jaħdem tajjeb u jiġu pprevenuti l-abbużi.
100. Kif jirriżulta mill-użu tal-kelma “b’mod partikolari”, din ma hijiex lista eżawrjenti. Fil-fatt, mit-termini tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq jirriżulta li din tiftaħ il-possibbiltà, diġà mogħtija fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-libertajiet stabbiliti mit-Trattat, li jiġu ġġustifikati għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali r-restrizzjonijiet applikabbli indistintament għal fornituri nazzjonali u għal dawk ta’ Stati Membri oħra.
101. F’dan ir-rigward, infakkar li l-Artikolu 56 TFUE jeħtieġ mhux biss l-eliminazzjoni ta’ kull diskriminazzjoni kontra l-fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor ibbażata fuq iċ-ċittadinanza tiegħu, imma anki t-tneħħija ta’ kwalunkwe restrizzjoni, anki jekk din tapplika b’mod indistint għall-fornituri nazzjonali u dawk ta’ Stati Membri oħra, meta hija ta’ natura li tipprojbixxi, tfixkel jew tagħmel anqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn dan jipprovdi servizzi simili b’mod legali (43).
102. Tali restrizzjoni li tapplika irrispettivament tista’ madankollu tkun iġġustifikata jekk tissodisfa raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, sa fejn dan l-interess ma huwiex protett mir-regoli li l-fornitur ikun suġġett għalihom fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit, u sa fejn din tkun xierqa sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan mixtieq u sa fejn din ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (44).
103. Dawn il-kunsiderazzjonijiet, li fil-prinċipju japplikaw f’qasam li ma kienx suġġett għal armonizzazzjoni fuq livell tal-Unjoni, huma wkoll rilevanti f’dan il-każ, peress li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 jikkonkretizza l-Artikolu 56 TFUE fil-qasam tax-xogħol temporanju.
104. F’dan ir-rigward nosserva li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 jinkludi r-restrizzjonijiet applikabbli għas-servizzi tal-impriżi tax-xogħol temporanju, sa fejn dawn ir-restrizzjonijiet jillimitaw l-użu ta’ ħaddiema temporanji. L-Artikolu 56 TFUE jibqa’ għalhekk applikabbli għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jaffettwaw is-servizzi tal-impriżi ta’ xogħol temporanju, barra dawk li jirrigwardaw “l-użu ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija” (45).
105. L-applikazzjoni koerenti tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati teħtieġ li r-rekwiżiti fid-dawl ta’ ġustifikazzjoni tar-restrizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 jkunu identiċi għal dawk li japplikaw għall-Artikolu 56 TFUE. Din il-kunsiderazzjoni hija kkorroborata bir-rabta stretta bejn dawn id-dispożizzjonijiet, kif ukoll mill-premessa 22 tad-Direttiva 2008/104 li tfakkar in-neċessità li d-dispożizzjonijiet tagħha jiġu applikata f’konformità tad-dritt primarju fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
2. Fuq l-għan tar-restrizzjonijiet
106. Fir-rigward tal-klawżola li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali, nosserva li hija tikkonsisti f’żewġ dispożizzjonijiet distinti:
– l-ewwel waħda, li tiddeskrivi n-natura tal-funzjonijiet li jistgħu jingħataw lill-ħaddiema temporanji, tipprevedi biss funzjonijiet li huma “limitati ratione temporis jew min-natura tagħhom” u li, “għal raġunijiet ta’ urġenza, ta’ żmien limitat, ta’ kompetenzi professjonali, ta’ użu ta’ strumenti speċjalizzati jew raġunijiet oħra simili”, ma jistgħux jitwettqu mill-persunal tal-impriża kkonċernata stess u
– it-tieni waħda, intiża sabiex tillimita t-tul tal-impjieg tal-ħaddiem temporanju f’impriża partikolari, tikkwalifika bħala “prattika żleali” is-sitwazzjonijiet li fihom il-ħaddiema temporanji “iwettqu matul perijodu twil ix-xogħol normali tal-impriża, flimkien mal-ħaddiema permanenti tagħha, u jitqiegħdu taħt l-istess direzzjoni”.
107. Il-qari flimkien ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jillimita għalhekk il-possibbiltà li jissejħu ħaddiema temporanji skont, minn naħa, in-natura tal-funzjonijiet imwettqa u, min-naħa l-oħra, tat-tul tagħhom. L-imsemmija dispożizzjonijiet jirrestrinġu wkoll l-użu ta’ din il-forma ta’ xogħol u għandhom ukoll effett restrittiv fuq is-servizzi tal-impriżi ta’ xogħol temporanju, b’tali mod li jikkostitwixxu indubjament restrizzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104.
3. Fuq il-ġustifikazzjoni għal raġunijiet ta’ interess ġenerali
108. Il-parti l-kbira tal-partijiet fil-proċedura, bl-eċċezzjoni tal-konvenuta fil-kawża prinċipali, isostnu li r-restrizzjonijiet inkwistjoni huma ġġustifikati minn raġuni ta’ interess ġenerali fir-rigward tal-bżonn li jkun żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq tax-xogħol u l-prevenzjoni tal-abbużi.
109. Kif jispjega l-Gvern Finlandiż, fil-fatt dan huwa każ fejn il-projbizzjoni li funzjoni li taqa’ fir-relazzjonijiet ta’ xogħol stabbli ma tkunx, mingħajr raġuni ġusta, fdata lill-ħaddiema temporanji u, għalhekk, li jkun żgurat li l-użu tax-xogħol temporanju ma jirriżultax fit-telf ta’ postijiet tax-xogħol fl-impriża utenti.
110. F’dan ir-rigward, nosserva li mill-kunsiderazzjonijiet li fuqhom hija bbażata l-adozzjoni tad-Direttiva 2008/104 jirriżulta li x-xogħol temporanju ma huwiex ikkunsidrat bħala sostitut għal forom stabbli ta’ xogħol.
111. Minn naħa, l-azzjoni leġiżlattivi tal-Unjoni fil-qasam tad-dritt tax-xogħol hija bbażata fuq il-premessa fundamentali li l-kuntratti għal żmien indefinit jikkostitwixxu forma ġenerali ta’ relazzjoni ta’ xogħol (46). Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/104, b’mod partikolari l-Artikolu 6 tagħha dwar l-aċċess tal-ħaddiema temporanji għall-impjieg fl-impriża utenti, juru huma wkoll, li l-impjieg dirett jikkostitwixxi relazzjoni ta’ xogħol privileġġjata meta mqabbla mal-impjieg temporanju.
112. Min-naħa l-oħra, mid-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/104 jirriżulta li x-xogħol temporanju jimplika relazzjonijiet miżmuma “temporanjament” (47). Jista’ jiġi dedott li din il-forma ta’ xogħol ma hijiex adattata għaċ-ċirkustanzi kollha, b’mod partikolari meta l-bżonn ta’ ħaddiema huwa permanenti.
113. Madankollu, id-Direttiva 2008/104 ma tiddefinixxix ix-xogħol temporanju u lanqas ma kienet intiża sabiex telenka l-każijiet li jistgħu jiġġustifikaw l-użu ta’ din il-forma ta’ xogħol. Il-premessa 12 tagħha tfakkar mill-banda l-oħra li hija għandha tirrispetta d-diversità tas-swieq tax-xogħol.
114. Ladarba l-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li ma jillimitax is-sitwazzjonijiet li jiġġustifikaw l-użu tax-xogħol temporanju, l-Istati Membri żammew marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattiv f’dan ir-rigward.
115. Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ jirriżulta mill-kompetenza tal-Istati Membri sabiex jagħmlu għażliet politiċi li jaffettwaw l-iżvilupp tas-suq tax-xogħol u li konsegwentement jilleġiżlaw, bl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni. Hija kkonfermata wkoll mill-eżistenza tal-klawżola ta’ nonregressjoni soċjali li tinsab fl-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2008/104. Fil-fatt, l-Istati Membri għandu jkollhom libertà ta’ azzjoni sinjifikattiva sabiex jiżguraw li l-projbizzjoni ta’ ċerti restrizzjonijiet ma twassalx għal tnaqqis fil-livell ġenerali tal-protezzjoni tal-ħaddiema fil-qasam ikkonċernat.
116. Fl-opinjoni tiegħi, Stat Membru jista’, mingħajr ma jeċċedi l-limiti ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni, jipprovdi li l-użu tax-xogħol temporanju huwa awtorizzat f’ċirkustanzi konformi man-natura temporanja ta’ din il-forma ta’ xogħol, peress li hu mifhum li din tal-aħħar ma għandhiex tkun għad-detriment tal-impjieg dirett.
117. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-klawżola 29(1) tal-ftehim settorjali msemmija fil-kawża prinċipali hijiex iġġustifikata skont din l-aħħar kunsiderazzjoni.
118. Madankollu, nixtieq nosserva li l-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni donnha tindika li dak huwa l-każ.
119. Minn naħa, fir-rigward tan-natura tax-xogħol temporanju deskritt fil-punti 111 u 112 iktar ’il fuq, jidhirli li huwa ġġustifikat li l-użu ta’ din il-forma ta’ xogħol tkun ristretta, kif tipprovdi l-klawżola 29(1) tal-ftehim settorjali, għall-“assorbiment ta’ żieda fix-xogħol jew ta’ xogħlijiet oħra, limitati ratione temporis jew fin-natura tagħhom, li, għal raġunijiet ta’ urġenza, ta’ żmien limitat, ta’ kompetenzi professjonali, ta’ użu ta’ strumenti speċjalizzati jew ta’ raġunijiet oħra simili, [l-impriżi utenti] ma jistgħux iwettquhom mill-persunal tagħhom stess”.
120. Min-naħa l-oħra, sa fejn id-dispożizzjoni kkontestata tipprojbixxi l-assenjazzjoni ta’ ħaddiema temporanji flimkien mal-impjegati proprja tal-impriża għal “perijodu twil”, hija tilħaq, fl-opinjoni tiegħi, għan leġittimu intiż sabiex jillimita l-abbużi fir-rigward tal-użu ta’ din il-forma ta’ xogħol. Fil-fatt skont l-orjentazzjonijiet wara l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-użu tax-xogħol temporanju ma għandux jintervjeni għad-detriment tal-impjieg dirett, iżda, għal kuntrarju, għandu jwassal lejn forom ta’ impjieg iktar assiguranti.
121. Iż-żamma, għal perijodu twil, ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol temporanju, minkejja li dawn għandhom, min-natura tagħhom, jibqgħu temporanji, jista’ jkun indizju ta’ abbuż ta’ din il-forma ta’ xogħol.
122. Nosserva li l-adozzjoni ta’ miżuri intiżi għall-prevenzjoni ta’ abbuż fil-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol temporanju ma jistgħux jiġġustifikaw esklużjoni kważi ġenerali ta’ din il-forma ta’ xogħol, bħal, pereżempju, il-projbizzjoni ta’ xogħol temporanju f’kull settur ekonomiku jew l-iffissar ta’ kwota għal dan it-tip ta’ kuntratt, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe ġustifikazzjoni oġġettiva oħra. Fil-fatt, miżura intiża għall-prevenzjoni tal-abbuż fl-eżerċizzju ta’ dritt ma tistax tkun l-ekwivalenti tal-innegar tad-dritt inkwistjoni.
123. Dan ma huwiex il-każ f’dan il-każ, peress li r-restrizzjonijiet ikkonċernati huma limitati għad-deskrizzjoni tar-raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw l-użu tal-ħaddiema temporanji, u ma humiex intiżi għall-eliminazzjoni ta’ din il-forma ta’ xogħol.
124. Għalhekk, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik imsemmija fil-kawża prinċipali, li minn naħa, tillimita l-użu ta’ xogħol temporanju għal xogħlijiet li min-natura tagħhom jew mit-tul ta’ żmien tagħhom, jikkorrispondi oġġettivament għal bżonn ta’ ħaddiem temporanji u li, min-naħa l-oħra, tipprojbixxi l-assenjazzjoni ta’ ħaddiema temporanji flimkien mal-impjegati stess tal-impriża għal perijodu twil, jidhirli li hija ġġustifikata minn raġuni ta’ interess ġenerali li tirrigwarda l-ħtieġa li jiġi żgurat funzjonament tajjeb tas-suq tax-xogħol u l-prevenzjoni tal-abbużi.
4. Fuq il-proporzjonalità
125. Fir-rigward tal-proporzjonalità ta’ dawn ir-restrizzjonijiet, jiena nirrileva li l-osservazzjonijiet tal-partijiet jirriżultaw minn diverġenzi kbar bejn l-approċċi tal-Istati Membri fir-rigward ta’ limitazzjonijiet eventwali tax-xogħol temporanju (48).
126. L-intensità varja tal-limitazzjonijiet magħmula għall-użu tax-xogħol temporanju fl-Istati Membri ma tistax madankollu jkollha effett fuq l-evalwazzjoni tal-ħtieġa u tal-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet eżaminati (49).
127. F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina l-proporzjonalità, iżda madankollu nosserva mill-bidu li r-restrizzjonijiet imposti mill-klawżola kkontestata ma jidhrux li jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex ikun żgurat l-iskop li għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni.
128. Minn naħa, l-imsemmija restrizzjonijiet huma marbuta mill-qrib mal-għanijiet leġittimi li għandhom jintlaħqu, peress li huma intiżi biss sabiex jittraduċu f’termini konkreti n-natura temporanja tax-xogħol temporanju, u jevitaw b’hekk li din il-forma ta’ xogħol ma tissostitwixxix l-impjieg dirett. Min-naħa l-oħra, peress li huma jipprevedu b’mod partikolari “xogħlijiet oħra” u “żmien twil”, l-imsemmija restrizzjonijiet jidhru ġenerali biżżejjed sabiex jippermettu t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi individwali tal-impriżi utenti differenti.
5. Il-konklużjoni intermedjarja
129. Sabiex nikkonkludi, nikkunsidra li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, minn naħa, tillimita l-użu tax-xogħol temporanju għal xogħlijiet li huma temporanji u li, għal raġunijiet oġġettivi, ma jistgħux jitwettqu minn ħaddiema impjegati direttament mill-impriża utenti u, min-naħa l-oħra, tipprojbixxi l-assenjazzjoni ta’ ħaddiema temporanji biswit ħaddiema impjegati direttament mill-impriża sabiex iwettqu xogħlijiet identiċi għal dawk imwettqa minn dawn tal-aħħar matul perijodu twil.
C – Fuq l-effett tad-dispożizzjoni interpretata fl-ordinament ġuridiku nazzjonali (it-tielet domanda)
130. Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-irwol mogħti lilha mid-dritt tal-Unjoni, fil-każ li hija tikkonstata li l-klawżola kkontestata hija inkompatibbli mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104.
131. Ma huwiex neċessarju li nirrispondi għal din id-domanda fid-dawl tar-risposta proposta minni għat-tieni domanda. Madankollu, jiena ser neżaminaha fil-qosor.
132. Għandu jitfakkar qabel xejn li l-qrati nazzjonali huma marbuta bl-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi, li jestendi wkoll għad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim kollettivi (50).
133. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt nazzjonali jistax ikun interpretat b’mod konformi mad-Direttiva 2008/104, fejn din id-direttiva u l-ftehim settorjali jidhru li għandhom approċċi kontradittorji dwar ix-xogħol temporanju u peress li d-dritt Finlandiż ma jinkludix dispożizzjonijiet speċifiċi intiżi għat-traspożizzjoni tal-projbizzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104.
134. F’dan ir-rigward, infakkar li l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi ma huwiex limitat għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet interni introdotti fid-dawl tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/104 iżda jeżiġi t-teħid inkunsiderazzjoni tad-dritt nazzjonali fl-intier tiegħu sabiex ikun evalwat sa fejn dan jista’ jiġi applikat b’tali mod li ma jwassalx għal riżultat kuntrarju minn dak intenzjonat mid-direttiva (51).
135. In-nuqqas ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni ma jipprekludix għalhekk lill-qorti nazzjonali milli tivverifika, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu, jekk tistax tasal, permezz ta’ interpretazzjoni, għal soluzzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni.
136. Fil-każ li interpretazzjoni konformi ma tkunx possibbli, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 għandux effett dirett.
137. L-imsemmija dispożizzjoni tidher, fid-dawl tal-kontenut tagħha, kapaċi li jkollha effett dirett. Għandu madankollu jiġi eżaminat jekk il-konvenuta fil-kawża prinċipali tistax tipprevalixxi ruħha minnha kontra sindakat tal-impjegati.
138. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma rrikonoxxitx l-effett dirett orizzontali tad-direttivi tal-Unjoni (52), mill-ġurisprudenza jista’ jiġi dedott li l-libertajiet fundamentali stabbiliti mit-Trattat għandhom effett dirett orizzontali, fis-sens li jistgħu jkunu invokati direttament minn impriża kontra sindakat jew grupp ta’ sindakati (53).
139. Jidhirli li huwa loġiku li l-istess effett jingħata lid-dispożizzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104, li tikkonkretizza l-projbizzjoni tar-restrizzjonijiet tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam partikolari tax-xogħol temporanju.
140. Fil-fatt, qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2008/104, il-miżuri nazzjonali li jillimitaw l-użu ta’ ħaddiema temporanji, u b’hekk jostakolaw ukoll il-libertà li jiġu pprovduti servizzi f’dan il-qasam, kienu potenzjalment jaqgħu taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 56 TFUE. Fl-opinjoni tiegħi, ma jkunx koerenti li tali miżuri jitħallew jevitaw din il-projbizzjoni minħabba l-fatt biss li din tal-aħħar issa tinsab espressa b’mod speċifiku biss fid-Direttiva 2008/104 u li, fil-prinċipju, id-direttivi ma japplikawx direttament għar-relazzjonijiet bejn l-imsieħba soċjali.
141. Nixtieq li nkun preċiż: ma hijiex l-intenzjoni tiegħi li nsaħħaħ id-dibattitu dwar l-effett dirett orizzontali li jista’ jkun eżerċitat minn ċerti prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari meta jkunu konkretizzati mid-direttivi (54).
142. Is-sitwazzjoni f’dan il-każ hija, fl-opinjoni tiegħi, ħafna inqas kontroversjali, sa fejn l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 ma jaffettwa xejn il-kontenut materjali tal-Artikolu 56 TFUE li, mill-bqija, għandu effett dirett f’ċerti relazzjonijiet orizzontali skont il-ġurisprudenza eżistenti.
143. Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu 4(1) jistabbilixxi biss projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet mhux iġġustifikati tax-xogħol temporanju f’att tad-dritt sekondarju li jipproċedi b’armonizzazzjoni ta’ dan il-qasam (filwaqt li qabel tali restrizzjonijiet kienu jaqgħu taħt l-Artikolu 56 TFUE), kif ukoll jispeċifika r-raġunijiet ta’ interess ġenerali li jiġġustifikaw l-imsemmija restrizzjonijiet.
144. Barra minn hekk, l-armonizzazzjoni magħmula f’dan il-qasam tfisser li ma għadux neċessarju li jkun hemm element transkonfinali li, mill-banda l-oħra jkun mitlub sabiex jiġu applikati d-dispożizzjonijiet dwar il-libertajiet fundamentali. Fil-fatt huwa stabbilit li d-Direttiva 2008/104 tapplika għas-sitwazzjonijiet interni.
145. Madankollu nosserva li l-applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE għal kwistjoni bħal din li hija adita biha l-qorti tar-rinviju, għalkemm timplika persuni mill-istess Stat Membru, ma hijiex eskluża, anki bl-esklużjoni tad-Direttiva 2008/104.
146. Fil-fatt, il-klawżola kkontestata tista’ manifestament ikollha effetti transkonfinali rilevanti għall-finijiet tal-Artikolu 56 TFUE, b’mod partikolari peress li hija tista’ tostakola l-aċċess ta’ Shell għal servizzi pprovduti minn impriżi ta’ xogħol temporanju stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra (55). F’tali sitwazzjoni, jidhirli inutli li ssir tfittxija għal element transkonfinali, purament każwali, pereżempju skont jekk matul il-perijodu rilevanti, Shell użatx aġenzija temporanja li tinsab barra mill-Finlandja, jew anki jekk wieħed mill-ħaddiema temporanji li jaħdmu għal Shell matul dan il-perijodu kienx ġej minn Stat Membru ieħor.
147. Għalhekk, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tasal biex tikkunsidra t-tielet domanda, jiena nipproponi li r-risposta għandha tkun fis-sens li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 jista’ jkun invokat minn impriża kontra sindakat.
VI – Konklużjoni
148. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari tat-Työtuomioistuin bil-mod kif ġej:
(1) L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008, dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija, għandu jkun interpretat fis-sens li jipprojbixxi ż-żamma jew l-introduzzjoni ta’ projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet li jirrigwardaw l-użu tal-ħaddiema temporanji, li ma humiex iġġustifikati minn raġunijiet ta’ interess ġenerali li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji, ir-rekwiżiti ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol jew il-ħtieġa li jkun żgurat li s-suq tax-xogħol jaħdem tajjeb u jiġu pprevenuti l-abbużi.
(2) L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/104 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, minn naħa, tillimita l-użu tax-xogħol temporanju għal xogħlijiet li huma temporanji u li, għal raġunijiet oġġettivi, ma jistgħux jitwettqu mill-ħaddiema impjegati direttament mill-impriża utenti u, min-naħa l-oħra, tipprojbixxi l-assenjazzjoni ta’ ħaddiema temporanji biswit ħaddiema impjegati direttament mill-impriża sabiex iwettqu xogħlijiet identiċi għal dawk imwettqa minn dawn tal-aħħar matul perijodu twil.