KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
TANCHEV
ippreżentati fit‑12 ta’ April 2018 (1)
Kawżi magħquda C‑195/17, C‑197/17 sa C‑203/17, C‑226/17, C‑228/17, C‑254/17, C‑274/17, C‑275/17, C‑278/17 sa C‑286/17 u C‑290/17 sa C‑292/17
Helga Krüsemann
Gabriele Heidenreich
Doris Manneck
Rita Juretschke (C‑195/17)
Thomas Neufeldt
Julia u Gabriel Neufeldt, it-tnejn irrappreżentati legalment mill-ġenituri tagħhom Sandra u Thomas Neufeldt (C‑197/17)
Ivan Wallmann (C‑198/17)
Rita Hoffmeyer
Rudolf Meyer (C‑199/17)
Susanne de Winder (C‑200/17)
Holger u Nicole Schlosser (C‑201/17)
Peter Rebbe
Hans-Peter Rebbe
Harmine Rebbe (C‑202/17)
Eberhard Schmeer (C‑203/17)
Brigitte Wittmann (C‑226/17)
Reinhard Wittmann (C‑228/17)
Regina Lorenz
Prisca Sprecher (C‑254/17)
Margarethe Yüce
Ali Yüce
Emin Yüce
Emre Yüce (C‑274/17)
Friedemann Schoen
Brigitta Schoen (C‑275/17)
Susanne Meyer
Sophie Meyer
Jan Meyer (C‑278/17)
Thomas Kiehl (C‑279/17)
Ralph Eßer (C‑280/17)
Thomas Schmidt (C‑281/17)
Werner Ansorge (C‑282/17)
Herbert Blesgen (C‑283/17)
Simone Künnecke
Thomas Küther
Antonia Künnecke
Moritz Künnecke (C‑284/17)
Marta Gentile
Marcel Gentile (C‑285/17)
Gabriele Ossenbeck (C‑286/17)
Angelina Fell
Florian Fell
Vincent Fell (C‑290/17)
Helga Jordan-Grompe
Sven Grompe
Yves-Felix Grompe
Justin Joel Grompe (C‑291/17)
vs
TUIfly GmbH
(24 talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover, il-Ġermanja))
u
EUflight.de GmbH (C‑292/17)
vs
TUIfly GmbH
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Trasport bl-ajru — Regolament (KE) Nru 261/2004 — Artikolu 5(3) — Kumpens għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet —Kunċett ta’ ‘ċirkostanzi straordinarji’ — Assenza massiva ta’ persunal tat-titjira minħabba l-hekk imsejjaħ ’strajk selvaġġ‘ bl-iskuża ta’ leave tal-mard — Kawżalità — Natura evitabbli”
I. Introduzzjoni
1. L-imsejjaħ “strajk selvaġġ” (2) bl-iskuża ta’ leave tal-mard iwassal għal “ċirkostanzi straordinarji” skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 (3), sabiex trasportatur bl-ajru ma jkunx obbligat iħallas kumpens lill-passiġġieri li jsofru dewmien u kanċellazzjonijiet ta’ titjira b’konsegwenza ta’ dan?
2. Essenzjalment din hija d-domanda ewlenija magħmula għall-kunsiderazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ dawn ir-rinviji magħquda għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover, il-Ġermanja) u l-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) fejn diversi passiġġieri ressqu kawża quddiemhom biex jiksbu kumpens skont ir-Regolament Nru 261/2004 wara li t-titjiriet tagħhom ġew ikkanċellati jew imdewma b’mod kunsiderevoli minħabba li perċentwali għoli iktar mis-soltu ta’ persunal tat-titjira tat-trasportatur bl-ajru ma ħadimx għax kien bil-leave tal-mard.
3. Għalhekk dan il-każ jipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004 li, għandu jitfakkar, għandu impatt effettiv fuq il-ħajja taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u l-persuni kollha li jivvjaġġaw fi ħdan il-fruntieri tagħha.
II. Il-kuntest ġuridiku
4. Il-premessi 1, 2, 14 u 15 tar-Regolament Nru 261/2004 jistabbilixxu:
“(1) Azzjoni mil-Komunitá fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ’Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.
(2) Il-fatt li ma jitħallewx jitilgħu u l-kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet jistgħu jikkawżaw problemi serji u inkonvenjenza għall-passiġġieri.
[…]
(14) Bħal taħt il-Konvenzjoni ta’ Montreal, obbligazzjonijiet dwar trasportaturi ta’ l-ajru li jaħdmu għandhom ikunu limitati jew esklużi fejn xi ħaġa ġiet ikkawżata minn ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri kollha raġonevoli kienu ttieħdu. Ċirkostanzi bħal dawn jistgħu, partikolarment, iseħħu f’każijiet ta’ nuqqas ta’ stabbilitá politika, kondizzjonijiet meteoroloġiċi li ma jaqblux ma’ l-operazzjoni tat-titjira in kwistjoni, riskji tas-sigurtá, nuqqasijiet mhux mistennijin fir-rigward tas-sigurtá tat-titjira u strajkijiet li jaffettaw l-operazzjoni ta’ trasportatur ta’ l-ajru li jopera.
(15) Ċirkostanzi straordinarji għandhom jiġu meqjusin li jeżistu fejn l-impatt ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku ta’ l-ajru fir-rigward ta’ inġenju ta’ l-ajru partikolari fuq ġurnata partikolari tikkawża dewmien twil, dewmien ta’ matul il-lejl, jew il-kanċellazzjoni ta’ titjira waħda jew aktar titjiriet ta’ dak l-inġenju ta’ l-ajru, anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ttieħdu mil-trasportatur ta’ l-ajru in kwistjoni biex jiġu evitati id-dewmien jew kanċellazzjonijiet.”
5. L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 jistabbilixxi:
“Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.”
III. Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
A. Rinviju mill-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover)
6. Ir-rikorrenti fl‑24 kawża pendenti quddiem l-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover, il-Ġermanja) ipprenotaw titjiriet ma’ TUIfly GmbH (“TUIfly”) li hija trasportatur bl-ajru bbażat f’Hannover, il-Ġermanja. Ir-rikorrenti qegħdin ifittxu li jiksbu kumpens mingħand TUIfly skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 (4) minħabba li t-titjiriet tagħhom ġew ikkanċellati jew imdewma b’mod kunsiderevoli bejn it-3 ta’ Ottubru 2016 u t-8 ta’ Ottubru 2016.
7. Il-kanċellazzjonijiet jew id-dewmien tat-titjira inkwistjoni ġejjin minn ġrajja li seħħet fil-bidu ta’ Ottubru 2016 meta numru kbir ta’ persunal tat-titjira ta’ TUIfly irrapporta għall-għarrieda li ma jiflaħx, b’konsegwenza li iktar minn 100 titjira kellhom jiġu kkanċellati u ħafna oħrajn ġew imdewma b’mod kunsiderevoli.
8. Din il-mewġa ta’ leave tal-mard seħħet wara li l-ġestituri ta’ TUIfly innotifikaw lill-ħaddiema tagħhom fit‑30 ta’ Settembru 2016 dwar pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni prospettivi li kienu ġew opponuti b’saħħa.
9. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, ir-rata tal-mard tal-persunal ta’ TUIfly ġeneralment tammonta għal madwar 10 % tal-ħaddiema tiegħu, li jinkludu l-persunal tal-cockpit u tal-kabina. Madankollu, wara l-avviż dwar il-miżuri ta’ ristrutturazzjoni mill-ġestituri ta’ TUIfly fit‑30 ta’ Settembru 2016, ir-rata tal-mard tal-persunal ta’ TUIfly splodiet, speċjalment fil-perijodu ta’ bejn it-3 ta’ Ottubru 2016 u d-9 ta’ Ottubru 2016, fejn l-ogħla rata ntlaħqet fis‑7 ta’ Ottubru 2016 b’89 % tal-persunal tal-cockpit u 62 % tal-persunal tal-kabina assenti minħabba mard.
10. Konsegwentament, fit‑3 ta’ Ottubru 2016, TUIfly abbandunat kompletament il-pjan oriġinali tat-titjiriet tagħha u ħolqot wieħed ġdid. TUIfly kriet linji oħra tal-ajru u sejħet lura lil membri tal-persunal li kienu fuq btala.
11. Fit‑3 ta’ Ottubru 2016, minħabba nuqqas ta’ persunal, 24 titjira ġew imdewma b’mod kunsiderevoli. Fl‑4 ta’ Ottubru 2016, 7 titjiriet ġew ikkanċellati u 29 titjira ġew imdewma b’mod kunsiderevoli. Mill‑5 ta’ Ottubru 2016 ’il quddiem numru kbir ta’ titjiriet ġew ikkanċellati. Fis‑7 u fit‑8 ta’ Ottubru 2016, TUIfly ikkanċellat it-titjiriet kollha mill-Ġermanja lejn id-destinazzjonijiet rispettivi tagħhom abbażi tal-preżunzjoni li t-trasport ta’ ritorn tal-passiġġieri fl-aħħar tal-vjaġġ tagħhom ma setax jiġi ggarantit.
12. Fis‑7 ta’ Ottubru 2016, il-ġestituri ta’ TUIfly informaw lill-ħaddiema tagħhom li ntlaħaq ftehim mar-rappreżentanti tal-persunal rigward il-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni. Sussegwentement, ir-rata tal-mard tal-persunal tat-titjira tagħha reġa’ lura għal-livell normali.
13. Fil-kawża prinċipali, TUIfly tikkontesta li ma hijiex obbligata tħallas kumpens lir-rikorrenti peress li l-kanċellazzjonijiet u d-dewmien tat-titjiriet inkwistjoni ġew ikkawżati minn “ċirkostanzi straordinarji” skont it-tifsira tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004. Ir-rikorrenti argumentaw li TUIfly ma hijiex meħlusa milli tħallashom kumpens peress li l-avvenimenti inkwistjoni ma jikkostitwixxux ċirkustanzi straordinarji u setgħu jiġu evitati li kieku ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha.
14. Huwa minħabba dawn iċ-ċirkustanzi li l-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-24 proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
“1. L-assenza minħabba mard ta’ parti sostanzjali mill-persunal meħtieġ għat-twettiq tat-titjiriet tat-trasportatur bl-ajru tikkostitwixxi ċirkustanza straordinarja fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004? Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: kemm għandha tkun ir-rata ta’ assenza sabiex tali ċirkustanza tiġi ammessa?
2. Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv: l-assenza spontanja ta’ parti sostanzjali mill-persunal meħtieġ għat-twettiq tat-titjiriet tat-trasportatur bl-ajru, minħabba waqfien fix-xogħol mhux awtorizzat skont il-leġiżlazzjoni tax-xogħol jew skont ftehim kollettiv (‘strajk selvaġġ’), tikkostitwixxi ċirkustanza straordinarja fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004? Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda: kemm għandha tkun ir-rata ta’ assenza sabiex tali ċirkustanza tiġi ammessa?
3. Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel jew għat-tieni domanda: iċ-ċirkustanza straordinarja fiha nnifisha kellha tkun preżenti meta ġiet ikkanċellata t-titjira jew it-trasportatur bl-ajru jista’ jistabbilixxi skeda ġdida ta’ titjiriet għal raġunijiet ekonomiċi?
4. Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel jew għat-tieni domanda: il-kunċett ta’ natura evitabbli huwa marbut maċ-ċirkustanza straordinarja jew pjuttost mal-konsegwenzi tal-okkorrenza tal-imsemmija ċirkustanza?”
B. Rinviju mill-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf)
15. Fil-kawża prinċipali pendenti quddiem l-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf), rikorrent wieħed fetaħ kawża kontra TUIfly biex jikseb kumpens skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004. Id-deċiżjoni tar-rinviju tindika li r-rikorrenti EUflight.de qiegħda tfittex li tikseb dan il-kumpens f’isem il-passiġġier li assenjalha d-dritt tiegħu għal kumpens skont l-istess regolament abbażi ta’ titjira kkanċellata fis‑7 ta’ Ottubru 2016.
16. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, l-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf) tassumi li l-okkorrenza għall-għarrieda ta’ numru kbir ta’ membri tal-persunal li ħareġ bil-leave tal-mard, kemm forsi minħabba mewġa ta’ mard reali jew forsi minħabba l-hekk imsejjaħ “strajk selvaġġ”, tikkwalifika bħala “ċirkostanzi straordinarji” skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004. Iżda, il-qorti tar-rinviju tiddubita jekk hemmx rabta kawżali suffiċjenti bejn dawn iċ-ċirkustanzi straordinarji u l-kanċellazzjoni tat-titjira inkwistjoni peress li saret fil-kuntest tar-riorganizzazzjoni ġenerali tal-pjan tat-titjiriet ta’ TUIfly mit‑2 ta’ Ottubru 2016. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tinnota li peress li TUIfly ma tiddikjarax liema ekwipaġġ speċifiku kien ippjanat għat-titjira inkwistjoni, hija ser tkun eżentata milli tħallas kumpens minħabba ċirkustanzi straordinarji biss jekk ir-rabta kawżali bejn dawn iċ-ċirkustanzi u l-kanċellazzjoni tat-titjira tiġi interpretata b’mod wiesa’.
17. Huwa minħabba dawn iċ-ċirkustanzi li l-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:
“Il-kanċellament tat-titijira huwa wkoll dovut għal ċirkustanza eċċezzjonali fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/04, meta ċ-ċirkustanzi (f’dan il-każ, ‘strajk selvaġġ’ jew ‘mewġa ta’ mard’) jaffettwaw biss indirettament lit-titjira inkwistjoni, minħabba li dawn iċ-ċirkustanzi wasslu lit-trasportatur bl-ajru sabiex jorganizza mill-ġdid il-pjanifikazzjoni tat-titjiriet kollha tiegħu u din ir-riorganizzazzjoni tinkludi wkoll il-kanċellazzjoni tat-titjira skedata? Trasportatur bl-ajru jista’ jkun eżentat skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/04, fil-każ li t-titjira inkwistjoni setgħet titwettaq li kieku ma kienx hemm din ir-riorganizzazzjoni, peress li l-ekwipaġġ previst għal din it-titjira skedata kien ikun disponibbli li kieku ma ġiex assenjat għal titjiriet oħra minħabba din ir-riorganizzazzjoni?”
IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
18. Skont l-Artikolu 54 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-24 rinviju għal deċiżjoni preliminari mill-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover, il-Ġermanja) u l-uniku rinviju għal deċiżjoni preliminari mill-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) ġew magħquda għall-finijiet tal-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura u għas-sentenza (5).
19. Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mir-rappreżentanti tar-rikorrenti f’disgħa mill-kawżi magħquda (6), TUIfly, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni Ewropea.
20. Ir-rappreżentanti tar-rikorrenti fi 11 mill-kawżi magħquda (7), TUIfly, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta li nżammet fil‑25 ta’ Jannar 2018.
V. Analiżi
21. L-analiżi tiegħi hija maqsuma fi tliet partijiet prinċipali. L-ewwel nett, ser nipprovdi rimarka preliminari li tikkonċerna l-kunsiderazzjoni tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja. It-tieni nett, ser nindirizza ċerti kwistjonijiet preliminari dwar l-ammissibbiltà li ġew imqajmin minn TUIfly. It-tielet nett, ser nipproċedi għall-qofol tal-erba’ domandi preliminari, ippreċeduti minn ħarsa ġenerali tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2014 li fuqha tibbaża l-evalwazzjoni li ssegwi.
A. Rimarka preliminari
22. Bis-saħħa tal-erba’ domandi preliminari tagħha, l-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover) essenzjalment tistaqsi jekk “strajk selvaġġ” bl-iskuża ta’ leave tal-mard li direttament jew indirettament ikkawża kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjira jikkostitwixxix “ċirkostanzi straordinarji” skont it-tifsira tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, biex b’hekk it-trasportatur bl-ajru jiġi eżentat mill-obbligu tiegħu li jikkumpensa lill-passiġġieri fir-rikors prinċipali.
23. L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdi li trasportatur bl-ajru ma huwiex obbligat li jħallas kumpens skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament “jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.”
24. Konsegwentament, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 jindika li trid tingħata prova mit-trasportatur bl-ajru ta’ tliet elementi prinċipali sabiex jibbenefika mill-eżenzjoni stabbilita fih: (1) trid tintwera l-eżistenza ta’ “ċirkostanzi straordinarji”; (2) il-kanċellazzjoni jew id-dewmien twil tat-titjira jridu jiġu “kkawżat[i]” minn ċirkustanzi straordinarji; u (3) iċ-ċirkustanzi straordinarji “ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin” (8).
25. L-erba’ domandi magħmula mill-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover) jirrelataw ma’ dawn it-tliet kundizzjonijiet. L-ewwel u t-tieni domandi jikkonċernaw l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, jiġifieri jekk mewġa ta’ leave tal-mard jew l-hekk imsejjaħ “strajk selvaġġ” jikkwalifikawx bħala “ċirkostanzi straordinarji”. It-tielet domanda tikkonċerna t-tieni kundizzjoni fir-rigward tal-kawżalità, dwar jekk huwiex suffiċjenti li ċirkustanzi straordinarji jikkostitwixxu biss kawża indiretta tal-kanċellazzjoni jew tad-dewmien twil tat-titjira minħabba r-riorganizzazzjoni tal-pjan tat-titjiriet ta’ TUIfly. Ir-raba’ domanda tikkonċerna t-tielet kundizzjoni fir-rigward ta’ jekk iċ-ċirkustanzi straordinarji nnifishom jew il-konsegwenzi tagħhom kellhomx jiġu “evitati”.
26. L-unika domanda magħmula mill-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf) tikkonċerna jekk, skont il-preżunzjoni li mewġa ta’ mard jew l-hekk imsejjaħ “strajk selvaġġ” jikkwalifikaw bħala “ċirkostanzi straordinarji”, il-kanċellazzjoni tat-titjira hijiex xorta waħda kkawżata minn ċirkustanzi straordinarji meta dawn jaffettwaw biss indirettament it-titjira inkwistjoni, peress li l-ekwipaġġ għal dik it-titjira kien effettivament disponibbli u t-titjira setgħet titwettaq li kieku ma kienx minħabba r-riorganizzazzjoni ġenerali ta’ TUIfly, biex b’hekk l-istess ekwipaġġ ġie assenjat għal titjiriet oħra minħabba dawn iċ-ċirkustanzi straordinarji.
27. Għaldaqstant, id-domanda preliminari tal-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf) hija simili ħafna għat-tielet domanda magħmula mill-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover). Għalhekk fl-analiżi tiegħi hawn taħt ser nittrattahom it-tnejn flimkien.
B. Ammissibbiltà
28. TUIfly issostni li r-rinviju mressaq mill-Amtsgericht Hannover huwa parzjalment inammissibbli. Hija tikkontesta li l-ewwel u t-tieni domandi jmorru lil hinn mis-suġġett tal-kawża prinċipali peress li dawn id-domandi jippreżupponu rata għolja ta’ leave tal-mard tal-persunal kollu tat-trasportatur bl-ajru, waqt li l-kawża prinċipali tikkonċerna rata għolja ta’ leave tal-mard fost il-persunal tat-titjiriet, jiġifieri, il-bdoti, l-air hostesses u l-istewards. Hija targumenta wkoll li l-ewwel u t-tieni domandi, fit-tfittxija għal indikazzjonijiet dwar kemm trid tkun għolja r-rata tal-assenza sabiex tikkostitwixxi ċirkustanza straordinarja, jikkonċernaw rikonoxximent tal-fatti li jaqa’ f’idejn il-qorti nazzjonali, u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, TUIfly tafferma li t-tielet domanda ma għandha l-ebda rabta mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali peress li TUIfly ma stabbilixxietx pjan ġdid ta’ titjiriet “għal raġunijiet ekonomiċi”, u fi kwalunkwe każ, din id-domanda hija wisq astratta.
29. Qiegħed ninnota wkoll li għalkemm il-Gvern Ġermaniż ma qajjem l-ebda oġġezzjoni dwar l-inammissibbiltà fir-rigward tar-rinviju mressaq mill-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover), madankollu huwa jikkunsidra li risposta għall-ewwel domanda magħmula mill-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover) ma hijiex determinattiva biex issolvi t-tilwima fir-rikors prinċipali, peress li ma kienx hemm ammont kbir ta’ mard fost il-persunal tat-titjiriet ta’ TUIfly, iżda pjuttost l-hekk imsejjaħ “strajk selvaġġ”.
30. Fil-fehma tiegħi, id-domandi preliminari magħmula mill-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover) huma ammissibbli.
31. Huwa stabbilit sew skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula minn qorti nazzjonali fil-kuntest fattwali u leġiżlattiv li l-istess qorti għandha r-responsabbiltà li tiddefinixxih, kuntest li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda rabta mal-fatti reali tar-rikors prinċipali jew mal-għan tiegħu, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex quddiemha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (9).
32. Iktar minn hekk, din il-preżunzjoni ta’ rilevanza ma tistax tiġi kkonfutata mis-sempliċi fatt li waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali tikkontesta ċerti fatti li minnhom tiddependi d-delimitazzjoni tas-suġġett tal-imsemmija kawża (10).
33. F’din il-kawża, jidher ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-kuntest tal-ewwel u t-tieni domandi kif ifformulati mill-qorti tar-rinviju li dawn id-domandi jirrigwardaw il-persunal tat-titjira ta’ TUIfly. Ma huwiex ikkontestat li l-partijiet ikkonċernati skont it-tifsira tal-Artikolu 23 tal-Istatut setgħu jiddikjaraw il-fehmiet tagħhom b’mod effettiv dwar dawn id-domandi.
34. Barra minn hekk, ma huwiex manifest li d-domandi magħmula ma għandhomx rabta mal-fatti reali tar-rikors prinċipali jew l-għan tiegħu. Fid-deċiżjoni tar-rinviju ma hemm xejn li jissuġġerixxi li d-domandi jirrelataw ma’ problema li hija purament ipotetika.
35. Għaldaqstant, ma hemmx raġunijiet suffiċjenti biex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ta’ rilevanza li jgawdu minnha d-domandi magħmula mill-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover) għal deċiżjoni preliminari.
C. Fuq il-mertu
1. Ħarsa ġenerali tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004
36. Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li derogi minn dispożizzjonijiet li jagħtu drittijiet lill-passiġġieri tal-ajru għandhom jiġu interpretati b’mod strett (11). Madankollu, il-ġurisprudenza tirrikonoxxi ugwalment li, bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 261/2004, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried ukoll jibbilanċja l-interessi tal-passiġġieri tal-ajru u dawk tat-trasportaturi bl-ajru (12). Minħabba dan, l-eżenzjoni mill-obbligu tat-trasportaturi bl-ajru biex iħallsu kumpens għall-kanċellazzjonijiet u d-dewmien twil f’każ ta’ “ċirkostanzi straordinarji”, terminu li ma huwiex iddefinit fir-Regolament Nru 261/2004, ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja kif ġej.
37. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argumenti fir-rigward li spejjeż finanzjarji eċċessivi fuq trasportaturi bl-ajru għandhom jippredominaw fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, u rrimarkat li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-importanza li jgawdi minnha l-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi, f’dak li jirrigwarda għalhekk il-passiġġieri tal-ajru, jista’ jiġġustifika l-konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi ekonomiċi (13).
38. Il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li l-ammont ta’ kumpens, iffissat għal EUR 250, 400 u 600 skont id-distanza tat-titjiriet ikkonċernati jista’ jitnaqqas bin-nofs, skont l-Artikolu 7(2)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004 meta d-dewmien jibqa’, għal titjira li ma taqax taħt l-Artikolu 7(2)(a) jew (b), taħt l-erba’ sigħat (14), u l-obbligi imposti mir-Regolament Nru 261/2004 huma bla ħsara għall-fatt li t-trasportaturi bl-ajru jitolbu kumpens mingħand kwalunkwe persuna li kkawżat id-dewmien, inklużi terzi, kif stipulat fl-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament. Tali kumpens għaldaqstant għandu mnejn inaqqas, u saħansitra jeskludi, l-ispiża finanzjarja tal-imsemmija trasportaturi bl-ajru bħala riżultat ta’ dawn l-obbligi.
39. Barra minn hekk, ma jidhirx irraġonevoli, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, li dawn l-obbligi jkunu, bla ħsara għad-dritt għal kumpens imsemmi iktar ’il fuq, inizjalment imqiegħda fuq it-trasportaturi bl-ajru li magħhom il-passiġġieri kkonċernati huma marbuta b’kuntratt ta’ trasport li jagħtihom dritt għal titjira li la għandha tiġi kkanċellata u lanqas imdewma (15).
40. Ir-regola stabbilita mit-test tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 ngħatat preċiżjoni ulterjuri permezz tal-interpretazzjoni tagħha mill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li skont il-premessa 14 tar-Regolament Nru 261/2004, ċirkustanzi bħal dawn jistgħu, partikolarment, iseħħu f’każijiet ta’ nuqqas ta’ stabbiltà politika, kundizzjonijiet meteoroloġiċi li ma jaqblux mal-operazzjoni tat-titjira inkwistjoni, riskji tas-sigurtà, nuqqasijiet mhux mistennija fir-rigward tas-sigurtà tat-titjira u strajkijiet li jaffettaw l-operazzjoni ta’ trasportatur bl-ajru (16). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet minn dan li jistgħu jiġu kklassifikati bħala ċirkustanzi straordinarji, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, l-avvenimenti li, min-natura tagħhom jew mill-oriġini tagħhom, ma humiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat u li jaħarbu mill-kontroll effettiv ta’ dan tal-aħħar (17). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kolliżjoni bejn inġenju tal-ajru u għasfur, kif ukoll kwalunkwe ħsara kkawżata minn din il-kolliżjoni, ma humiex marbuta intrinsikament mas-sistema ta’ funzjonament tal-inġenju tal-ajru, ma humiex, min-natura jew mill-oriġini tagħhom, inerenti fl-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat. Dan l-avveniment kien lil hinn mill-kontroll effettiv tat-trasportatur bl-ajru (18). Fil-wasla għal din il-konklużjoni l-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li “t-trasportaturi bl-ajru ma għandhomx jiġu inkoraġġuti joqogħdu lura milli jieħdu l-miżuri meħtieġa minn tali inċident sabiex iwettqu t-titjiriet tagħhom u sabiex ikunu fil-ħin b’detriment għall-għan tas-sigurtà ta’ dawn it-titjiriet” (19).
41. B’dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, matul l-attivitajiet ta’ trasportatur bl-ajru, ħsara kkawżata mill-ħsara prematura ta’ ċerti komponenti ta’ inġenju tal-ajru hija avveniment mhux mistenni, iżda tali ħsara tibqa’ intrinsikament marbuta mas-sistema ta’ funzjomanent kumplessa ħafna tal-inġenju tal-ajru, b’tali mod li dan l-avveniment mhux mistenni huwa inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività ta’ trasportatur bl-ajru, billi t-trasportaturi bl-ajru jaffaċċjaw, regolarment, dan it-tip ta’ problemi tekniċi mhux previsti. Barra minn hekk, il-prevenzjoni ta’ tali ħsara ma tmurx lil hinn mill-kontroll effettiv tat-trasportatur (20).
42. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li “difett moħbi ta’ fabbrikazzjoni li jaffettwa s-sigurtà tat-titjiriet” jista’ jirriżulta minn avvenimenti li ma humiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat u huma lil hinn mill-kontroll effettiv tiegħu (21), u l-istess japplika għal ħsara lill-inġenju tal-ajru kkawżata minn atti ta’ sabotaġġ jew terroriżmu (22). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-għeluq tal-ispazju tal-ajru Ewropew wara l-eruzzjoni ta’ vulkan jammonta għal “ċirkostanzi straordinarji” (23).
43. Iktar minn hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jipprovdi eżenzjoni mill-obbligu li jħallas kumpens lill-passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjiriet mhux fir-rigward taċ-ċirkustanzi straordinarji kollha, iżda biss fir-rigward ta’ dawk iċ-ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin (24).
44. Peress li mhux iċ-ċirkustanzi straordinarji kollha jagħtu lok għal eżenzjoni, l-oneru jaqa’ fuq il-parti li qiegħda tfittex li tistrieħ fuqhom, bħal TUIfly, biex tistabbilixxi, barra minn hekk, li ċ-ċirkustanzi straordinarji, fi kwalunkwe każ, ma setgħux jiġu evitati permezz ta’ miżuri adattati għas-sitwazzjoni, jiġifieri permezz ta’ miżuri li, meta seħħew dawn iċ-ċirkustanzi straordinarji, kienu jissodisfaw, inter alia, il-kundizzjonijiet li huma teknikament u ekonomikament sostenibbli għat-trasportatur bl-ajru kkonċernat.
45. Hija f’idejn din il-parti biex tistabbilixxi li, anki li kieku kellha tuża r-riżorsi kollha tagħha f’termini ta’ persunal jew ta’ apparat u l-mezzi finanzjarji li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, evidentement xorta ma kinitx tkun tista’ mingħajr ma tbati minn sagrifiċċji insopportabbli fid-dawl tal-kapaċitajiet tal-impriża tagħha fiż-żmien rilevanti, tevita li ċ-ċirkustanzi straordinarji li kienet qiegħda taffaċċja jwasslu għall-kanċellazzjoni tat-titjira (25).
46. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet kunċett individwalizzat u flessibbli ta’ “miżuri raġonevoli”, filwaqt li ħalliet f’idejn il-qorti nazzjonali l-kompitu li tevalwa jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża partikolari, it-trasportatur bl-ajru setax jiġi kkunsidrat li ħa l-miżuri adatti għas-sitwazzjoni (26).
47. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li trasportatur bl-ajru għandu raġonevolment, fl-istadju tal-ippjanar tat-titjira, jieħu inkunsiderazzjoni r-riskju ta’ dewmien marbut mal-eventwali fatt li jseħħu ċirkustanzi straordinarji (27). Sabiex jiġi evitat kull dewmien, anki dak insinjifikattiv, li jirriżulta mill-fatt li jseħħu ċirkustanzi straordinarji biex inevitabbilment wasslu għall-kanċellazzjoni ta’ titjira, it-trasportatur bl-ajru raġonevoli għandu jippjana r-riżorsi tiegħu fi żmien xieraq sabiex ikollu ċertu żmien ta’ riżerva, sabiex ikun jista’, jekk possibbli, jopera l-imsemmija titjira ladarba jintemmu ċ-ċirkustanzi straordinarji (28).
48. Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fir-rigward tal-passiġġieri li ma tħallewx jitilgħu abbord inġenju tal-ajru, huwa ċar mill-premessa 15 tar-Regolament Nru 261/2004 li “ċirkostanzi straordinarji” jistgħu jirrelataw biss għal “inġenju ta’ l-ajru partikolari fuq ġurnata partikolari”, b’hekk ma jistgħux japplikaw għal passiġġier li ma tħalliex jitla’ minħabba r-riorganizzazzjoni tat-titjiriet wara li ċirkustanzi straordinarji affettwaw titjira preċedenti. Il-kunċett ta’ “ċirkostanzi straordinarji” huwa intiż sabiex l-obbligi tat-trasportatur bl-ajru jiġu limitati, jekk mhux saħansitra sabiex dan jiġi eżentat minnhom, meta l-ġrajja inkwistjoni ma setgħetx tiġi evitata anki li kieku ttieħdu l-miżuri kollha raġonevoli. Jekk tali trasportatur ikun obbligat li jikkanċella titjira skedata fil-ġurnata ta’ strajk mill-persunal ta’ ajruport u wara jiddeċiedi li jorganizza mill-ġdid it-titjiriet sussegwenti tiegħu, dan it-trasportatur bl-ebda mod ma jista’ jiġi kkunsidrat li kien imġiegħel mill-imsemmi strajk sabiex jirrifjuta l-imbark ta’ passiġġier li ppreżenta ruħu regolarment għall-imbark jumejn wara l-kanċellazzjoni tal-imsemmija titjira (29).
49. Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mitluba tiddetermina jekk l-hekk imsejjaħ “strajk selvaġġ” jikkostitwixxix “ċirkostanzi straordinarji” skont it-tifsira tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, u l-konsegwenzi li jsegwu f’każ li huwa hekk.
2. Ir-risposta ssuġġerita għall-ewwel domanda
50. Jekk titqies weħidha, ir-risposta għall-ewwel domanda tkun waħda mexxejja. Min-naħa l-waħda, abbażi tal-ġurisprudenza miġbura fil-qosor hawn fuq, l-arranġamenti tal-ġestjoni tal-leave tal-mard għal impriża li twettaq negozju f’komunità li tkun normalment b’saħħitha huma fost il-kwistjonijiet li huma inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività ta’ trasportaturi bl-ajru u li huma fi ħdan il-kontroll effettiv tat-trasportatur. Min-naħa l-oħra, assenza massiva minħabba pandemija jew xi emerġenza ta’ saħħa pubblika oħra ma hijiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru u hija lil hinn mill-kontroll effettiv tat-trasportatur. L-ewwel waħda ma tkunx tammonta għal “ċirkostanzi straordinarji” għall-finijiet tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, iżda l-aħħar waħda tkun.
51. Madankollu, jidher ċar miż-żewġ proċessi u l-argumenti mressqa fis-seduta, li dawn ma humiex ċirkustanzi fattwali fil-kawża prinċipali. Li ġara huwa li kien hemm assenza massiva, bl-iskuża ta’ leave tal-mard, biex jitwettaq l-hekk imsejjaħ “strajk selvaġġ”. Għaldaqstant, filwaqt li l-ewwel domanda, meqjusa weħidha, hija fil-prinċipju fl-affermattiv, dan ma huwiex biżżejjed biex tissolva t-tilwima fil-kawża prinċipali, li hija fattwalment ibbażata fuq l-hekk imsejjaħ “strajk selvaġġ” u mhux fuq pandemija jew xi emerġenza ta’ saħħa pubblika oħra. Dan, almenu jifforma l-qofol tal-gwida li qiegħda titlob il-qorti nazzjonali tar-rinviju (30).
52. Għalhekk nipproponi r-risposta li ġejja għall-ewwel domanda:
“L-assenza ġenwina bil-leave tal-mard ta’ parti sostanzjali mill-persunal meħtieġ għat-twettiq tat-titjiriet tat-trasportatur bl-ajru li hija dovuta għal pandemija jew xi emerġenza tas-saħħa pubblika oħra biss tammonta għal ‘ċirkostanza straordinarja’ skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004. Ir-rata preċiża ta’ assenteiżmu, f’tali ċirkustanzi, meħtieġa qabel ma s-sitwazzjoni tkun tista’ tammonta għal ‘ċirkostanzi straordinarji’ għandha tiġi ddeterminata mill-qorti tar-rinviju, b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti kollha.”
3. Ir-risposta ssuġġerita għat-tieni domanda
53. Il-qorti tar-rinviju, bit-tieni domanda tagħha essenzjalment tistaqsi jekk l-hekk imsejjaħ “strajk selvaġġ” jikkostitwixxix “ċirkostanzi straordinarji” għall-finijiet tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004. Jekk ir-risposta għal din id-domanda tkun fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi kemm trid tkun għolja r-rata ta’ assenteiżmu biex tikkostitwixxi ċirkustanzi straordinarji.
54. Kif iċċarat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha, huwa neċessarju li, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jiġu kkunsidrati mhux biss il-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mir-regoli li tagħmel parti minnhom (31). F’dan ir-rigward, id-dispożittiv ta’ att tal-Unjoni ma jistax jiġi sseparat mill-motivazzjoni tiegħu, u, meta jkun neċessarju li jiġi interpretat, għandha tiġi kkunsidrata l-motivazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tiegħu (32).
55. Min-naħa l-waħda, il-premessa 1 tar-Regolament Nru 261/2004 tirreferi għall-bżonn ta’ “livell ogħli ta’ protezzjoni” għall-passiġġieri, waqt li l-premessa 2 ta’ dan ir-regolament tindika li l-fatt li ma jitħallewx jitilgħu u l-kanċellazzjoni ta’ titjira jikkawżaw problemi serji u inkonvenjenza għall-passiġġieri.
56. Min-naħa l-oħra, il-premessa 14 tar-Regolament Nru 261/2004 tistabbilixxi li, skont il-Konvenzjoni ta’ Montreal, obbligazzjonijiet dwar trasportaturi bl-ajru li joperaw għandhom ikunu limitati jew esklużi fejn xi ħaġa ġiet ikkawżata minn ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri kollha raġonevoli kienu ttieħdu. Ċirkustanzi bħal dawn jistgħu, partikolarment, iseħħu f’każijiet ta’ nuqqas ta’ stabbiltà politika, kundizzjonijiet meteoroloġiċi li ma jaqblux mal-operazzjoni tat-titjira inkwistjoni, riskji tas-sigurtà, nuqqasijiet mhux mistennija fir-rigward tas-sigurtà tat-titjira u strajkijiet li jaffettaw l-operazzjoni ta’ trasportatur bl-ajru li jopera.
57. Għalhekk, l-għanijiet tar-Regolament Nru 261/2004 jimmiraw lejn l-inklużjoni ta’ “strajkijiet” fil-kunċett ta’ “ċirkostanzi straordinarji”. Din hija msaħħa mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif spjegata hawn fuq, almenu fil-kuntest ta’ assenzi sostanzjali li jaffettwaw il-kapaċità operattiva, dwar l-interpretazzjoni sa issa ta’ “ċirkostanzi straordinarji”, partikolarment fir-rigward tal-hekk imsejħa “strajkijiet selvaġġi”. Minħabba li strajk selvaġġ iseħħ lil hinn mir-rigorożità tal-liġi, dawn huma lil hinn mill-kontroll effettiv tat-trasportatur bl-ajru (33). Dan huwa appoġġjat ukoll mix-xogħol preparatorju tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004. Matul ix-xogħol preparatorju, it-terminu “force majeure” ġie mibdul għal “ċirkostanzi straordinarji”. Skont id-dikjarazzjoni tal-Kunsill fil-Pożizzjoni Komuni, din il-bidla saret fl-interess taċ-ċarezza legali (34).
58. Barra minn hekk, f’Unjoni rregolata mill-istat tad-dritt, l-hekk imsejħa “strajkijiet selvaġġi” ma humiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat. Dawn ma humiex simili għal xi ħaġa li hija intrinsikament marbuta mas-sistema ta’ funzjonament tal-inġenju tal-ajru, sabiex din tkun inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività ta’ trasportatur bl-ajru. Iktar minn hekk, jien tal-fehma li l-fatt li l-ħaddiema ġew informati dwar ristrutturazzjoni potenzjali, ma poġġiex l-istrajk selvaġġ fi ħdan il-kontroll ta’ TUIfly, peress li strajk selvaġġ ma kienx il-konsegwenza inevitabbli ta’ din l-azzjoni (35).
59. Għalhekk, sabiex tiġi pprovduta risposta utli lill-qorti tar-rinviju li tinkludi l-elementi rilevanti kollha tad-dritt tal-Unjoni, huwa importanti li nerġa’ ntenni (ara l-punti 43 sa 48 ta’ hawn fuq) li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sempliċi eżistenza ta’ “ċirkostanzi straordinarji” ma hijiex biżżejjed biex teżenta lil trasportatur bl-ajru minn kumpens għal kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjira li għall-kuntrarju, skont ir-Regolament Nru 261/2004, ikun meħtieġ li jħallas. L-eżenzjoni li tidher fl-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament tapplika biss fir-rigward ta’ ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin mit-trasportatur bl-ajru kkonċernat. Kif spjegat fil-punti 43 sa 48 ta’ hawn fuq, l-oneru jaqa’ fuq TUIfly biex tagħti prova li ma setgħetx tipprevjeni li ċ-ċirkustanza straordinarja li kienet qiegħda taffaċċja, twassal għall-kanċellazzjoni tat-titjira (36).
60. Hija wkoll f’idejn il-qorti tar-rinviju, abbażi tal-fatti rilevanti kollha, biex tiddetermina kemm trid tkun ir-rata meħtieġa ta’ assenteiżmu taħt l-hekk imsejjaħ “strajk selvaġġ” qabel ma jkun jista’ jammonta għal “ċirkostanzi straordinarji” skont ir-Regolament Nru 261/2004.
61. Għalhekk nipproponi r-risposta li ġejja għat-tieni domanda:
“L-assenza spontanja ta’ parti sostanzjali mill-persunal meħtieġ għat-twettiq tat-titjiriet tat-trasportatur bl-ajru, minħabba waqfien fix-xogħol mhux awtorizzat skont il-leġiżlazzjoni tax-xogħol jew skont ftehim kollettiv (‘strajk selvaġġ’), tikkostitwixxi ‘ċirkostanza straordinarja’ fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004. Madankollu, l-eżenzjoni li tidher fl-Artikolu 5(3) tapplika biss fir-rigward ta’ ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati, anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin mit-trasportatur bl-ajru kkonċernat. Din hija kwistjoni li trid tiddeċiedi l-qorti nazzjonali, bħalma hija l-kwistjoni ta’ kemm trid tkun għolja r-rata tal-assenteiżmu biex isseħħ ċirkustanza straordinarja fil-kuntest ta’ strajk selvaġġ.”
4. Ir-risposta ssuġġerita għat-tielet domanda
62. Bit-tielet domanda magħmula mill-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover) u d-domanda magħmula mill-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf), il-qrati tar-rinviju essenzjalment jistaqsu dwar il-wisa’ tar-rabta kawżali bejn iċ-ċirkustanzi straordinarji u l-kanċellazzjoni ta’ titjira u b’mod partikolari jekk ir-rabta kawżali tinkisirx minħabba d-deċiżjoni ta’ TUIfly biex torganizza mill-ġdid il-pjan kollu tat-titjiriet.
63. Skont il-premessa 15 tar-Regolament Nru 261/2004, ċirkustanzi straordinarji għandhom jitqiesu li jeżistu meta l-impatt ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru fir-rigward ta’ inġenju tal-ajru partikolari fuq ġurnata partikolari jikkawża dewmien twil, dewmien matul il-lejl, jew il-kanċellazzjoni ta’ titjira waħda jew iktar tal-istess inġenju tal-ajru, anki jekk ikunu ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha mit-trasportatur bl-ajru kkonċernat biex jiġu evitati d-dewmien jew il-kanċellazzjonijiet (37).
64. Jien tal-fehma li r-risposta għat-tielet domanda hija rregolata mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Finnair (38) (ara l-punt 48 ta’ hawn fuq) fir-rigward li meta trasportatur ikun obbligat li jikkanċella titjira skedata fil-ġurnata ta’ strajk mill-persunal tal-ajruport u sussegwentement jieħu d-deċiżjoni li jorganizza mill-ġdid it-titjiriet sussegwenti tiegħu, l-istess trasportatur ma jista’ bl-ebda mod jiġi kkunsidrat li huwa mġiegħel minn dak l-istrajk biex jirrifjuta l-imbark ta’ passiġġier li ppreżenta ruħu regolarment għall-imbark jumejn wara l-kanċellazzjoni tat-titjira. Fi kliem ieħor, iċ-ċirkustanzi straordinarji suppost seħħew fiż-żmien li fih it-titjira ġiet ikkanċellata, u ma jestendux għall-pjanijiet il-ġodda tat-titjiriet organizzati fid-dawl taċ-ċirkustanzi straordinarji. Dan huwa f’konformità mal-obbligu fuq it-trasportaturi stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward li t-trasportatur bl-ajru raġonevoli għandu jippjana r-riżorsi tiegħu fi żmien xieraq sabiex ikollu ċertu żmien ta’ riżerva, sabiex ikun jista’, jekk possibbli, jopera l-imsemmija titjira ladarba jintemmu ċ-ċirkustanzi straordinarji (ara l-punt 47 hawn fuq) (39).
65. Għalhekk nipproponi r-risposta li ġejja għat-tielet domanda:
“Iċ-ċirkustanzi straordinarji kellhom ikunu preżenti fiż-żmien li fih it-titjira kienet ikkanċellata jew imdewma, skont kif jagħti l-każ.”
5. Ir-risposta ssuġġerita għar-raba’ domanda
66. Fil-każ li t-tieni jew it-tielet domanda jingħataw risposta fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju bir-raba’ domanda tagħha qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk il-kriterju ta’ natura evitabbli, li jirrelata mal-prova li ċ-ċirkustanzi straordinarji “ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin”, jirrelatax mal-okkorrenza taċ-ċirkustanzi straordinarji jew jekk jikkonċernax ukoll il-konsegwenzi tagħhom.
67. Il-formulazzjoni (40) tas-sottoklawżola “anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin” fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 tista’ tinqara bħala li tirreferi għall-“kanċellazzjoni” u mhux il-ġrajja ta’ “ċirkostanzi straordinarji”, għalkemm il-pronom relattiv “li” jista’ jitqies bħala dak li qiegħed jiġġenera l-ambigwità f’dan ir-rigward. Madankollu, kif indikat mill-frażi fil-korsiv fil-punt 45 ta’ hawn fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-qofol huwa l-prevenzjoni milli ċ-ċirkustanza straordinarja li t-trasportatur bl-ajru kien qiegħed jaffaċċja, “twassal għall-kanċellazzjoni tat-tijira”.
68. Għalhekk, “miżuri raġonevoli” jirrelataw mal-konsegwenzi taċ-ċirkustanzi straordinarji iktar milli l-ġrajja tagħhom. Jista’ ma jkun hemm, pereżempju, l-ebda obbligu fuq trasportatur bl-ajru biex jieħu kwalunkwe pass biex jipprevjeni l-ġrajja ta’ eruzzjoni vulkanika, iżda fl-istess ħin trasportatur bl-ajru huwa obbligat li jieħu l-miżuri raġonevoli biex jipprevjeni l-kanċellazzjoni ta’ titjira ladarba jiġi affaċċjat b’tali ġrajja. Tali miżuri jistgħu jinkludu, pereżempju, it-tfittxija ta’ rotot alternattivi tat-titjiriet affettwati.
69. Inżid ngħid li din l-interpretazzjoni hija f’konformità mal-premessa 15 tar-Regolament Nru 261/2004, li tirreferi għall-“impatt” ta’ ċirkustanzi straordinarji fuq trasportaturi bl-ajru, u r-riferiment għat-teħid tal-“miżuri raġonevoli” sabiex “jiġu evitati id-dewmien jew kanċellazzjonijiet”. Hija wkoll konsistenti mal-iskop elaborat fil-premessa 1 ta’ dan ir-regolament biex jiġi żgurat “livell ogħli ta’ protezzjoni” għall-konsumaturi, u l-kuntest usa’ tar-Regolament Nru 261/2004 (41).
70. Għalhekk nipproponi r-risposta li ġejja għar-raba’ domanda:
“Il-kriterju ta’ natura evitabbli huwa marbut biss mal-konsegwenzi tal-okkorrenza taċ-ċirkustanzi straordinarji.”
VI. Konklużjoni
71. Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb għad-domandi magħmula mill-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover, il-Ġermanja) u l-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) kif ġej:
“(1) L-assenza ġenwina bil-leave tal-mard ta’ parti sostanzjali mill-persunal meħtieġ għat-twettiq tat-titjiriet tat-trasportatur bl-ajru li hija dovuta għal pandemija jew xi emerġenza tas-saħħa pubblika oħra biss tammonta għal “ċirkostanza straordinarja” skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91. Ir-rata preċiża ta’ assenteiżmu, f’tali ċirkustanzi, meħtieġa qabel ma s-sitwazzjoni tkun tista’ tammonta għal “ċirkostanzi straordinarji” għandha tiġi ddeterminata mill-qorti tar-rinviju, b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti kollha.
(2) L-assenza spontanja ta’ parti sostanzjali mill-persunal meħtieġ għat-twettiq tat-titjiriet tat-trasportatur bl-ajru, minħabba waqfien fix-xogħol mhux awtorizzat skont il-leġiżlazzjoni tax-xogħol jew skont ftehim kollettiv (“strajk selvaġġ”), tikkostitwixxi “ċirkostanza straordinarja” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004. Madankollu, l-eżenzjoni li tidher fl-Artikolu 5(3) tapplika biss fir-rigward ta’ ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati, anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin mit-trasportatur bl-ajru kkonċernat. Din hija kwistjoni li trid tiddeċiedi l-qorti nazzjonali, bħalma hija l-kwistjoni ta’ kemm trid tkun għolja r-rata tal-assenteiżmu biex isseħħ ċirkustanza straordinarja fil-kuntest ta’ strajk selvaġġ.
(3) Iċ-ċirkustanzi straordinarji kellhom ikunu preżenti fiż-żmien li fih it-titjira kienet ikkanċellata jew imdewma, skont kif jagħti l-każ.
(4) Il-kriterju ta’ natura evitabbli huwa marbut biss mal-konsegwenzi tal-okkorrenza taċ-ċirkustanzi straordinarji.”