Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fil‑25 ta’ Jannar 2024 (1)
Kawża C‑27/23 [Hocinx] (i)
FV
vs
Caisse pour l’avenir des enfants
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Lussemburgu))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 45 TFUE – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 1(i) – Moviment liberu tal-persuni – Ugwaljanza fit-trattament – Vantaġġi soċjali – Regolament (UE) Nru 492/2011 – Artikolu 7(2) – Allowance tal-familja – Direttiva 2004/38/KE – Punt 2 tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ “membri tal-familja” – Esklużjoni tal-wild li jkun suġġett għal deċiżjoni ġudizzjarja ta’ tqegħid – Differenza fit-trattament bejn il-wild li jkun is-suġġett ta’ tali deċiżjoni fit-territorju tal-Istat Membru ta’ residenza u l-wild mhux residenti – Assenza ta’ ġustifikazzjoni”
I. Introduzzjoni
1. Stat Membru jista’ jeskludi ħaddiem transkonfinali mill-benefiċċju ta’ allowance tal-familja marbuta mal-eżerċizzju tal-attività tiegħu bħala persuna impjegata f’dan l-Istat Membru fir-rigward tal-wild mingħajr rabta ta’ filjazzjoni li jkun tqiegħed fid-dar tiegħu permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja u li tiegħu għandu l-kustodja, filwaqt li l-ulied li jkunu s-suġġett ta’ tqegħid fil-kura ġudizzjarju fl-imsemmi Stat Membru għandhom id-dritt li jirċievu din l-allowance mħallsa lill-persuna fiżika jew ġuridika fdata bil-kustodja tagħhom?
2. Din hija, essenzjalment, id-domanda magħmula mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Lussemburgu) fil-kuntest ta’ tilwima bejn FV, ħaddiem fruntalier li jirrisjedi fil-Belġju, u l-Caisse pour l’avenir des enfants (il-Fond għall-Futur tal-Ulied, il-Lussemburgu, iktar ’il quddiem iċ-“CAE”) fir-rigward tar-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jagħti allowance tal-familja lil wild imqiegħed permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja fid-dar ta’ FV, li ma għandux rabta ta’ filjazzjoni ma’ dan tal-aħħar.
3. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tinterpreta mill-ġdid l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 (2), moqrija flimkien mal-Artikolu 67 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (3) u l-Artikolu 60 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 (4), u hija mitluba tiddetermina jekk teżistix diskriminazzjoni indiretta, ipprojbita mill-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema.
4. Din il-kawża hija estensjoni tal-kawża li tat lok għas-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem fruntalier) (5), li kienet tirrigwarda l-istess allowance tal-familja taċ-CAE, u toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni li tippreċiża sa fejn is-soluzzjoni mogħtija f’dik is-sentenza hija trasponibbli għal dan il-każ, billi tikkunsidra, b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk, għall-finijiet tal-għoti ta’ din l-allowance tal-familja, il-kunċett ta’ “membru tal-familja” għandux jinkludi wkoll wild imqiegħed fid-dar ta’ ħaddiem fruntalier.
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
1. Ir‑Regolament Nru 492/2011
5. L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011 jipprevedi:
“1. Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.
2. Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħall-ħaddiema nazzjonali.
[...]”
2. Ir‑Regolament Nru 883/2004
6. Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 883/2004:
“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:
[...]
i) ‘membru tal-familja’ tfisser:
1) i) kwalunkwe persuna definita jew rikonoxxuta bħala membru tal-familja jew indikata bħala membru tad-dar mil-leġislazzjoni li taħtha jingħataw il-benefiċċji;
ii) fir-rigward ta’ benefiċċji mogħtija in natura skond it-Titolu III, Kapitolu 1 dwar benefiċċji marbuta mal-mard, benefiċċji ta’ maternità u benefiċċji ekwivalenti ta’ paternità, kwalunkwe persuna definita jew rikonoxxuta bħala membru tal-familji jew indikata bħala membru tad-dar mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn din il-persuna għandha r-residenza tagħha;
2) Jekk il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru li hija applikabbli taħt is-subparagrafu 1 ma tagħmilx distinzjoni bejn membri tal-familji u persuni oħra li tapplika għalihom, ir-raġel jew il-mara, l-ulied minorenni, u l-ulied li għandhom l-età tagħhom iżda għadhom jiddependu fuq il-ġenituri għandhom jitqiesu bħala membri tal-familja;
3) Jekk, taħt il-leġislazzjoni applikabbli taħt is-subparagrafi 1 u 2, persuna titqies bħala membru tal-familja jew membru tad-dar biss jekk hija tgħix fl-istess dar mal-persuna assigurata jew mal-persuna pensjonanta, din il-kondizzjoni għandha titqies bħallikieku sodisfatta jekk il-persuna konċernata tiddependi primarjament fuq il-persuna assigurata jew fuq il-persuna pensjonanta;
[...]”
7. L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Trattament ugwali”, jistabbilixxi:
“Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom igawdu l-istess benefiċċji u għandhom ikunu suġġetti għall-istess obbligi taħt il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru daqs li kieku kienu ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.”
8. Skont l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004:
“Persuna għandha tkun intitolata għal benefiċċji marbutin mal-familja skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, inklużi l-membri tal-familja tagħha li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor, bħallikieku dawn kellhom ir-residenza tagħhom fl-Istat Membru kompetenti. Madanakollu, pensjonant għandu jkun intitolat għal benefiċċji marbutin mal-familja skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti għall-pensjoni tiegħu.”
3. Ir‑Regolament Nru 987/2009
9. L-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 987/2009, intitolat “Proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikoli 67 u 68 tar-Regolament bażiku” jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“L-applikazzjoni għall-benefiċċji marbutin mal-familja għandha tiġi indirizzata lill-istituzzjoni kompetenti. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 67 u 68 tar-Regolament bażiku, għandha titqies is-sitwazzjoni tal-familja kollha jekk il-persuni kollha involuti kienu suġġetti għal-leġislazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat u residenti hemmhekk, b’mod partikolari rigward id-dritt ta’ persuna li jintalbu benefiċċji bħal dawn. Fejn persuna hi intitolata li titlob il-benefiċċji ma teżerċitax id-dritt tagħha, applikazzjoni għall-benefiċċji marbutin mal-familja ppreżentata mill-ġenitur l-ieħor, persuna ttrattata bħala ġenitur, jew persuna jew istituzzjoni li tkun qed taġixxi bħala t-tutur tat-tifel/tifla jew tat-tfal għandha titqies mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu hi applikabbli.”
4. Id‑Direttiva 2004/38/KE
10. Skont il-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38/KE (6):
“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:
[...]
2) ‘membru tal-familja’ tfisser:
[...]
ċ) id-dixxendenti diretti li għandhom inqas minn 21 sena jew li huma dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b);
d) il-qraba diretti dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b)”.
5. Id‑Direttiva 2014/54/UE
11. L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/54/UE (7) jipprevedi:
“Din id-Direttiva tistabbilixxi dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-applikazzjoni u l-infurzar uniformi fil-prattika tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 45 tat-TFUE u l-Artikoli 1 sa 10 tar-Regolament [Nru 492/2011]. Din id-Direttiva tapplika għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jeżerċitaw dawk id-drittijiet u għall-membri tal-familja tagħhom [...]”
12. Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva:
1. Din id-Direttiva tapplika għas-suġġetti li ġejjin, kif imsemmija fl-Artikoli 1 sa 10 tar-Regolament [Nru 492/2011], fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema:
[...]
c) l-aċċess għall-vantaġġi soċjali u fiskali;
[...]
2. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva huwa identiku għal dak tar-Regolament [Nru 492/2011].”
B. Id‑dritt Lussemburgiż
13. Id-dispożizzjonijiet rilevanti huma l-Artikoli 269 u 270 tal-code de la sécurité sociale (il-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali) (8).
14. L-Artikolu 269 tal-Kodiċi intitolat “Kundizzjonijiet għall-għoti”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Allowance għall-futur tal-ulied, iktar ’il quddiem ‘allowance tal-familja’ hija stabbilita.
Jagħti dritt għall-allowance tal-familja:
a) kull wild, li jirrisjedi fil-fatt u b’mod kontinwu fil-Lussemburgu u li għandu d-domiċilju legali tiegħu hemmhekk;
b) il-membri tal-familja tagħhom kif iddefiniti fl-Artikolu 270 ta’ kull persuna suġġetta għal-leġiżlazzjoni Lussemburgiża u li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolamenti Ewropej jew ta’ strument ieħor bilaterali jew multilaterali konkluż mil-Lussemburgu fil-qasam tas-sigurtà soċjali u li jipprovdi għall-ħlas ta’ allowances tal-familja skont il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż tal-impjieg. Il-membri tal-familja għandhom jirrisjedu f’pajjiż kopert mir-regolamenti jew mill-istrumenti inkwistjoni.”
15. L-Artikolu 270 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:
“Għall-applikazzjoni tal-punt (b) tal-Artikolu 269(1), jitqiesu bħala membri tal-familja ta’ persuna u jagħtu dritt għall-allowance tal-familja, l-ulied imwielda fiż-żwieġ, l-ulied imwielda barra ż-żwieġ u l-ulied adottivi ta’ din il-persuna.”
16. L-Artikolu 273(4) tal-istess kodiċi jippreċiża, għal dak li jirrigwarda ulied residenti:
“Fil-każ ta’ tqegħid ta’ wild b’deċiżjoni ġudizzjarja, l-allowance tal-familja titħallas lill-persuna fiżika jew ġuridika fdata bil-kustodja tal-wild u li magħha l-wild għandu d-domiċilju legali u r-residenza effettiva u kontinwa tiegħu.”
III. Il‑fatti tal‑kawża prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
17. FV, li jaħdem fil-Lussemburgu u jirrisjedi fil-Belġju, jibbenefika mill-istatus ta’ ħaddiem fruntalier u jiddependi b’hekk mill-iskema Lussemburgiża għall-allowances tal-familja. Sa mis‑26 ta’ Diċembru 2005, il-wild FW tqiegħed fid-dar ta’ FV permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja Belġjana. FV kien ilu diversi snin jibbenefika minn allowances tal-familja Lussemburgiżi fir-rigward tal-wild FW, minħabba l-kwalità tiegħu ta’ ħaddiem fruntalier.
18. Sa mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi tat‑23 ta’ Lulju 2016 li emendat il-Kodiċi, FV ma baqax jirċievi l-allowances tal-familja fir-rigward tal-wild imqiegħed fid-dar tiegħu. Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Frar 2017, il-bord tat-tmexxija taċ-CAE neħħa lil FV, b’effett retroattiv għall‑1 ta’ Awwissu 2016, il-benefiċċju tal-allowances tal-familja miġbura fir-rigward tal-wild FW għar-raġuni li dan il-wild, peress li ma kellux rabta ta’ filjazzjoni ma’ FV, ma kellux il-kwalità ta’ “membru tal-familja”, fis-sens tal-Artikolu 270 ta’ dan il-kodiċi.
19. Fis‑27 ta’ Jannar 2022, il-conseil supérieur de la sécurité sociale (il-Kunsill Superjuri tas-Sigurtà Soċjali, il-Lussemburgu) ikkonferma, permezz ta’ bidla, id-deċiżjoni taċ-CAE tas‑7 ta’ Frar 2017. FV appella fil-kassazzjoni quddiem il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni).
20. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-qorti tar-rinviju, b’deċiżjoni tad‑19 ta’ Jannar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Jannar 2023, iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament iggarantit mill-Artikolu 45 TFUE u mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament [Nru 492/2011], kif ukoll mill-Artikolu 67 tar-Regolament [Nru 883/2004] u mill-Artikolu 60 tar-Regolament [Nru 987/2009] jipprekludi dispożizzjonijiet ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħhom il-ħaddiema fruntalieri ma jkunux jistgħu jirċievu allowance tal-familja, marbuta mal-eżerċizzju, minn dawn tal-aħħar, ta’ attività bħala persuni impjegati f’dan l-Istat Membru, fir-rigward tat-tfal li jitqiegħdu magħhom permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, anki jekk it-tfal kollha li jkunu ġew suġġetti għal deċiżjoni ġudizzjarja ta’ tqegħid u li jirrisjedu fl-imsemmi Stat Membru għandhom id-dritt li jirċievu din l-allowance li tingħata lill-persuna fiżika jew ġuridika li tkun fdata bil-kustodja tal-minuri u li magħha l-minuri jkollu d-domiċilju legali u r-residenza effettiva u kontinwa tiegħu? Ir-risposta għal din id-domanda tista’ tkun affettwata mill-fatt li l-ħaddiem fruntalier imantni lil dan il-minuri?”
21. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn FV, miċ-CAE kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma żżommx seduta għas-sottomissjonijiet orali f’din il-kawża.
IV. Analiżi ġuridika
22. Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, moqrija flimkien mal-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004 u l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 987/2009, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħha l-ħaddiema transkonfinali ma jistgħux jirċievu allowance tal-familja marbuta mal-eżerċizzju, minnhom, ta’ attività bħala persuni impjegati f’dan l-Istat Membru fir-rigward tal-ulied li jkunu tqiegħdu magħhom u li tagħhom għandhom il-kustodja, filwaqt li l-ulied li jkunu suġġetti għal tqegħid fil-kura ġudizzjarju fl-imsemmi Stat Membru għandhom id-dritt jirċievu din l-allowance mħallsa lill-persuna fiżika jew ġuridika fdata bil-kustodja tal-wild, u jekk il-fatt li l-ħaddiem fruntalier imantni lill-wild għandux effett fuq ir-risposta għal din id-domanda.
23. Għal dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, infakkar li, b’deċiżjoni tas‑7 ta’ Frar 2017, iċ-CAE, billi bbaża ruħu fuq l-Artikoli 269 u 270 tal-Kodiċi, iddikjara li FV ma kienx għadu jibbenefika, b’effett retorattiv għall‑1 ta’ Awwissu 2016, mill-allowance tal-familja fir-rigward tal-wild FW, għar-raġuni li dan il-wild ma kellu ebda rabta familjari miegħu, u konsegwentement, ma setax jiġi kkunsidrat bħala membru tal-familja tiegħu b’applikazzjoni tal-Artikolu 270 ta’ dan il-kodiċi (9). Fil-fatt, kif tindika l-qorti tar-rinviju, is-sitwazzjoni ta’ wild mqiegħed f’kura permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja fid-dar ta’ ħaddiem transkonfinali ma hijiex prevista mill-imsemmi kodiċi u għalhekk ma tagħtix dritt għal dan il-benefiċċju tal-familja (10).
24. Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, il-qorti tar-rinviju tispjega li wild resident għandu, fil-każijiet kollha, dritt dirett għall-ħlas ta’ benefiċċji tal-familja (11). Mill-banda l-oħra, fir-rigward tal-wild mhux residenti, tali dritt huwa previst biss bħala dritt derivat għall-“membri tal-familja” tal-ħaddiem transkonfinali, li ma jinkludux l-ulied imqiegħda permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja fid-dar ta’ tali ħaddiem (12). Għalhekk din il-qorti, billi tirreferi b’mod partikolari għas-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants, trid tkun taf jekk din id-differenza fit-trattament hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, minn din is-sentenza jirriżulta li, il-kliem “wild ta’ ħaddiem transkonfinali” li jista’ jibbenefika indirettament minn vantaġġi soċjali, għandhom jinkludu wkoll wild li għandu rabta familjari mal-konjuġi jew is-sieħeb jew is-sieħba rreġistrata tal-ħaddiem ikkonċernat.
25. FV u l-Kummissjoni jikkunsidraw li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità. Mill-banda l-oħra, iċ-CAE jargumenta li, f’dan il-każ, il-wild FW ma għandu ebda rabta familjari mal-ħaddiem transkonfinali jew mal-konjuġi tiegħu. Għalhekk, huwa jsostni li FV ma jistax jinvoka l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament la direttament u personalment, u lanqas fir-rigward tal-membri tal-familja tiegħu.
26. Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, fl-ewwel lok, ser neżamina fil-qosor l-applikabbiltà tar-Regolamenti Nri 883/2004 u 492/2011 għal fatti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali (Taqsima A); fit-tieni lok, ser nesponi l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema, billi nirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants (Taqsima B); fit-tielet lok, ser nindirizza l-kunċett ta’ “membru tal-familja” għall-finijiet tal-għoti tal-allowance tal-familja (Taqsima C); fir-raba’ lok, ser nikkunsidra, fid-dawl tal-ġurisprudenza, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE, moqri flimkien, b’mod partikolari, mar-Regolamenti Nri 883/2004 u 492/2011, sabiex niddetermina jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix diskriminazzjoni indiretta fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, billi neżamina, b’mod partikolari, l-argumenti mressqa miċ-CAE (Taqsima D), u fl-aħħar nett, fil-ħames u fl-aħħar lok, ser nippreċiża x’inhu l-effett tal-fatt li l-ħaddiem fruntalier imantni l-wild fuq ir-risposta proposta (Taqsima E).
A. Fuq l‑applikabbiltà tar‑Regolamenti Nri 883/2004 u 492/2011 għal fatti bħal dawk inkwistjoni fil‑kawża prinċipali
27. Fid-dawl tal-ġurisprudenza abbondanti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali u l-vantaġġi soċjali li minnhom il-ħaddiema migranti u transkonfinali jistgħu jibbenefikaw fir-rigward ta’ uliedhom (13) u b’mod partikolari, tal-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants, dwar l-applikabbiltà tar-Regolamenti Nri 883/2004 u 492/2011 għal allowance tal-familja bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ser nindirizza din il-kwistjoni fil-qosor (14).
28. Qabelxejn, nirrileva, li ħaddiem bħal FV, li filwaqt li jaħdem fil-Lussemburgu u għalhekk, huwa suġġett għal-leġiżlazzjoni Lussemburgiża fil-qasam tas-sigurta soċjali, jirrisjedi fil-Belġju (15), jaqa’, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 883/2004, fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ dan ir-regolament (16).
29. Imbagħad, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 883/2004, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants, li allowance tal-familja, bħal dik prevista fl-Artikolu 269(1)(a) tal-Kodiċi, tikkostitwixxi benefiċċju ta’ sigurtà soċjali li jaqa’ taħt il-benefiċċji tal-familja, fis-sens tal-Artikolu 1(z) ta’ dan ir-regolament (17). Minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li tali allowance tal-familja titħallas fir-rigward tal-ulied kollha residenti fil-Lussemburgu kif ukoll fir-rigward tal-ulied kollha ta’ ħaddiema mhux residenti li għandhom rabta ta’ filjazzjoni ma’ dawn tal-aħħar. Konsegwentement, dan il-benefiċċju jingħata mingħajr ebda evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni ddefinita legalment (18). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li jidher li l-imsemmi benefiċċju jirrappreżenta kontribuzzjoni pubblika għall-baġit tal-familja intiża sabiex tnaqqas l-ispejjeż li jirriżultaw mill-manteniment tal-ulied (19).
30. Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 492/2011 (20), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret diversi drabi li mill-għan tal-ugwaljanza fit-trattament imfittex mill-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li l-kunċett ta’ “vantaġġ soċjali”, estiż mill-imsemmija dispożizzjoni għall-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra, jinkludi l-vantaġġi kollha li, marbuta jew le ma’ kuntratt ta’ impjieg, huma ġeneralment irrikonoxxuti lill-ħaddiema nazzjonali, prinċipalment minħabba l-kwalità oġġettiva tagħhom ta’ ħaddiema jew minħabba s-sempliċi fatt tar-residenza tagħhom fit-territorju nazzjonali, u li l-estensjoni tagħhom għall-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra tidher għalhekk xierqa sabiex tiffaċilita l-mobbiltà tagħhom fi ħdan l-Unjoni, u għalhekk, l-integrazzjoni tagħhom fl-Istat Membru ospitanti (21).
31. Huwa fid-dawl ta’ dan il-kunċett li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li allowance tal-familja marbuta mal-eżerċizzju ta’ attività bħala persuna impjegata minn ħaddiem fruntalier, bħal fil-każ ta’ FV, tikkostitwixxi vantaġġ soċjali fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 (22).
32. Għalhekk, ma hemm l-ebda dubju li allowance tal-familja bħal dik prevista fl-Artikolu 269(1)(a) tal-Kodiċi taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni bħala allowance tal-familja, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(j) tar-Regolament Nru 883/2004, u bħala vantaġġ socjali, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 (23).
B. Il‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
1. Ħarsa ġenerali fil‑qosor tal‑ġurisprudenza dwar il‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit‑trattament fil‑kuntest tal‑moviment liberu tal‑ħaddiema
33. Kif nafu, l-Artikolu 45 TFUE jiżgura l-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni. Din il-libertà tikkostitwixxi waħda mill-pedamenti tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprevedi li l-moviment liberu tal-ħaddiema jimplika l-abolizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri, għal dak li jirrigwarda l-impjieg, ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol.
34. Huwa fis-sentenza Kempf (24) li sar riferiment għall-ewwel darba mill-Qorti tal-Ġustizzja l-prinċipju li d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-moviment liberu tal-ħaddiema għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ (25). Tali interpretazzjoni wiesgħa hija meħtieġa peress li l-kunċett ta’ “ħaddiem” – kif ukoll dak ta’ “attività bħala persuna impjegata” – jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ waħda mil-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat (26).
35. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 huwa, skont ġurisprudenza stabbilita, l-espressjoni partikolari, fil-qasam speċifiku tal-għoti ta’ vantaġġi soċjali, tar-regola ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilita fl-Artikolu 45(2) TFUE u għandu jiġi interpretat bl-istess mod bħal din it-tieni dispożizzjoni (27). B’hekk, il-ħaddiema li diġà daħlu fis-suq tax-xogħol, kif inhu l-każ ta’ FV, jistgħu jippretendu, abbażi ta’ din l-ewwel dispożizzjoni, l-istess vantaġġi soċjali bħall-ħaddiema nazzjonali (28). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset diversi drabi li din id-dispożizzjoni tibbenefika mingħajr distinzjoni kemm lill-ħaddiema migranti kif ukoll lill-ħaddiema fruntalieri (29).
36. Barra minn hekk, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 45(2) TFUE u fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjonijiet diretti, ibbażati fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll il-forom kollha indiretti ta’ diskriminazzjoni li, bl-applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu fil-fatt għall-istess riżultat (30).
37. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants, li tinsab fil-qalba tal-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju, li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi dispożizzjonijiet ta’ Stat Membru li abbażi tagħhom il-ħaddiema fruntalieri jistgħu jirċievu allowance tal-familja marbuta mal-eżerċizzju, minnhom, ta’ attività bħala persuna impjegata f’dan l-Istat Membru fir-rigward tal-ulied tagħhom stess biss, bl-esklużjoni ta’ dawk tal-konjuġi tagħhom li magħhom ma għandhomx rabta ta’ filjazzjoni, iżda li huma jmantnu, filwaqt li l-ulied kollha residenti f’dan l-Istat Membru għandhom id-dritt li jirċievu din l-allowance (31).
38. Kif indikajt fl-introduzzjoni tiegħi, tqum il-kwistjoni dwar jekk tali risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja hijiex trasponibbli għas-sitwazzjoni ta’ FV fil-kawża prinċipali, jiġifieri dik ta’ wild li tqiegħed fid-dar ta’ ħaddiem transkonfinali permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja. Għalhekk, għandi neżamina jekk, fir-rigward tal-prinċipji fundamentali stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u mfakkra iktar kmieni, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tistax toħloq differenza fit-trattament fil-konfront tal-ħaddiema fruntalieri li tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità.
39. Għalhekk, fid-dawl tad-differenzi bejn is-sitwazzjoni ġuridika ta’ wild imqiegħed f’kura ġudizzjarjament u dik ta’ wild li għandu rabta ta’ filjazzjoni, inkluż adottiv, ma’ wieħed jew mat-tnejn mill-ġenituri li jgħix magħhom, tqum mistoqsija preliminari: dik dwar jekk il-kunċett ta’ “membru ta’ familja” għandux, għall-finijiet tal-għoti tal-allowance tal-familja inkwistjoni, jinkludi wkoll wild imqiegħed fid-dar tal-ħaddiem fruntalier.
40. Jiena konvint, għar-raġunijiet li ser nesponi iktar ’il quddiem, li din il-mistoqsija għandha tingħata tweġiba affermattiva.
2. Is‑sentenza Caisse pour l’avenir des enfants: il‑kunċett ta’ “membru tal‑familja” fis‑sens tal‑punt 2 tal‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2004/38
41. Il-kwistjoni dwar jekk il-kunċett ta’ “membru tal-familja” għandux, għall-finijiet tal-għoti tal-allowance tal-familja, jinkludi wkoll wild imqiegħed fid-dar tal-ħaddiem fruntalier hija importanti sa fejn, fis-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq il-kunċett ta’ “membru tal-familja”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (32).
42. Fil-kawża li tat lok għas-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants, għall-kuntrarju ta’ din il-kawża (33), il-qorti tar-rinviju riedet tkun taf, permezz tat-tieni domanda tagħha, jekk id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “membru tal-familja” previst fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38 kinitx applikabbli għall-allowance tal-familja prevista fl-Artikolu 269(1)(a) tal-Kodiċi, u fil-każ ta’ risposta affermattiva, permezz tat-tielet domanda, jekk l-esklużjoni tal-wild tal-konjuġi mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “membru tal-familja” tal-Artikolu 270 tal-Kodiċi kinitx tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta.
43. Sabiex tirrispondi għal dawn iż-żewġ domandi, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq il-punti 40 u 64 tas-sentenza Depesme et, billi fakkret, minn naħa, li l-membri tal-familja ta’ ħaddiem migrant huma benefiċjarji indiretti tal-ugwaljanza fit-trattament mogħtija lil dan il-ħaddiem mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, u min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu interpretati fis-sens li wild ta’ ħaddiem fruntalier, li jista’ jibbenefika indirettament mill-vantaġġi soċjali msemmija f’din l-aħħar dispożizzjoni, ma huwiex biss il-wild li għandu rabta ta’ filjazzjoni ma’ dan il-ħaddiem iżda wkoll il-wild tal-konjuġi jew tas-sieħeb jew tas-sieħba rreġistrata tal-imsemmi ħaddiem, meta dan tal-aħħar jipprovdi għall-manteniment ta’ dan il-wild (34). Għalhekk, hija ddeċidiet li l-kunċett ta’ “membru tal-familja” tal-ħaddiem fruntalier li jista’ jibbenefika indirettament mill-ugwaljanza fit-trattament, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, jikkorrispondi għal dak ta’ “membru tal-familja”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, li jinkludi b’mod partikolari l-konjuġi jew is-sieħeb jew is-sieħba li magħha ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun daħal f’unjoni rreġistrata (35).
44. Jiena naqbel ma’ din il-konklużjoni. Infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, minn naħa, l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (36) u l-fatt li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 irriproduċa biss, mingħajr emendi, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, u min-naħa l-oħra, il-premessa 1, l-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2014/54. Dawn l-aħħar dispożizzjonijiet jikkorroboraw ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jirriproduċi fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38 il-kunċett ta’ “membri tal-familja” kif kien iddefinit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-Regolament Nru 1612/68, imħassar u ssostitwit mir-Regolament Nru 492/2011 (37).
45. Ċertament, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha f’dik is-sentenza fuq il-kunċett ta’ “membru tal-familja”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, jista’ jagħti x’jifhem li dan il-fatt jipprekludi li jiġi kkunsidrat li l-kunċett ta’ “membru tal-familja” jista’, għall-finijiet tal-għoti ta’ allowance tal-familja fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema, jinkludi b’mod partikolari wild imqiegħed f’kura permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja fid-dar ta’ ħaddiem fruntalier.
46. Madankollu, jiena konvint li dan ma huwiex il-każ, u dan għar-raġunijiet li ser nesponi iktar ’il quddiem.
C. Fuq il‑kunċett ta’ “membru tal‑familja” fil‑kuntest speċifiku tal‑ugwaljanza fit‑trattament tal‑ħaddiema transkonfinali
47. Fl-ewwel lok, kif diġà rrilevajt (38), għall-kuntrarju ta’ dak li kien il-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants, il-qorti tar-rinviju ma tistaqsix lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, skont il-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 270 tal-Kodiċi għandux jiġi estiż għall-ulied imqiegħda permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja. Din il-qorti tistaqsi biss jekk, għal dak li jirrigwarda d-dritt għall-allowances tal-familja inkwistjoni, id-differenza fit-trattament bejn il-wild mhux residenti mqiegħed permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja fid-dar ta’ ħaddiem transkonfinali u l-wild imqiegħed f’kura ġudizzjarjament residenti hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.
48. Għalhekk, il-problema legali fil-qalba tal-kawża prinċipali ma hijiex il-possibbiltà li ulied imqiegħda f’kura permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jitqiesu bħala “membri tal-familja” fl-ordinament ġuridiku tal-Istati Membri, iżda d-dritt għall-moviment liberu u l-ugwaljanza fit-trattament ta’ ħaddiem transkonfinali. Issa, minkejja li l-persuni li għandhom dritt għall-benefiċċji tal-familja huma ddeterminati mid-dritt nazzjonali (39), xorta jibqa’ l-fatt li, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ id-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema (40).
49. F’dan il-kuntest, sabiex jiġu ddeterminati l-“membri tal-familja” ta’ ħaddiem, għandu jitfakkar, kif diġà argumentajt (41), li l-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni huwa bbażat fuq ċertu numru ta’ prinċipji, b’mod partikolari dak tal-ugwaljanza fit-trattament. L-implimentazzjoni ta’ dan il-prinċipju fil-qasam tas-sigurtà soċjali hija, barra minn hekk, żgurata minn leġiżlazzjoni tal-Unjoni li hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-prinċipju tal-uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli f’dan il-qasam (42). B’hekk, sabiex tiġi żgurata bl-aħjar mod possibbli l-ugwaljanza fit-trattament tal-persuni kollha impjegati fit-territorju ta’ Stat Membru, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 8 (43) tiegħu, il-persuna li teżerċita b’mod partikolari attività bħala persuna impjegata fi Stat Membru hija suġġetta, bħala regola ġenerali, għal-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru u għandha, skont dan l-artikolu, tibbenefika mill-istess benefiċċji bħaċ-ċittadini tal-istess Stat. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li l-ħaddiema jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-politiki soċjali tal-Istat Membru ospitanti bil-kontribuzzjonijiet fiskali u soċjali li huma jħallsu f’dak l-Istat, bis-saħħa tal-attività bħala persuna impjegata li jeżerċitaw hemmhekk. Għalhekk, huma għandhom jibbenefikaw minnha taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-ħaddiema nazzjonali (44).
50. Bl-istess mod, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 jipprevedi li l-ħaddiem ta’ Stat Membru ieħor jibbenefika mill-istess vantaġġi soċjali bħall-ħaddiema nazzjonali. Kif diġà fakkart, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jikkonkretizzaw, fl-oqsma rispettivi tagħhom, il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament previst fl-Artikolu 45(2) TFUE li jipproteġi lill-ħaddiema kkonċernati minn kull diskriminazzjoni, kemm diretta jew indiretta, ibbażata fuq in-nazzjonalità li tirriżulta minn leġiżlazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri, u għandhom jiġu interpretati bl-istess mod bħal din l-aħħar dispożizzjoni (45).
51. Fit-tieni lok, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju li d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-moviment liberu tal-ħaddiema, li jikkostitwixxi wieħed mill-pedamenti tal-Unjoni, għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ (46). Fl-opinjoni tiegħi, dan ifisser li fil-kuntest tal-ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema, il-kunċett ta’ “membru tal-familja” għandu jinftiehem b’mod wiesa’, b’tali mod li jkopri wkoll, jekk ikun il-każ, persuni oħra minbarra dawk elenkati fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, b’mod partikolari wild imqiegħed b’mod permanenti taħt tutela legali permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, meta dawn ikunu f’sitwazzjoni komparabbli ma’ wild previst minn din id-dispożizzjoni (47).
52. F’dan ir-rigward, infakkar li l-premessa 31 tad-Direttiva 2004/38 tistabbilixxi li hija tirrispetta d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u tosserva l-prinċipji li huma rrikonoxxuti, b’mod partikolari, mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).
53. Il-prinċipju tas-supremazija tal-aħjar interess tal-wild, irrikonoxxut fl-Artikolu 24(2) tal-Karta, huwa wieħed mill-prinċipji essenzjali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (48). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat dan il-prinċipju bħala l-lenti li minnha għandhom jinqraw id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (49). Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-interess tal-ulied li jkomplu bil-ħajja tal-familja tagħhom, protett mill-Artikolu 7 tal-Karta (50), li jikkorrispondi għall-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali (51). Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li l-eżistenza ta’ ħajja tal-familja de facto bejn ġenituri ospitanti u wild imqiegħed fid-dar tagħhom għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ elementi, bħall-ħin imqatta’ flimkien, il-kwalità tar-relazzjonijiet kif ukoll ir-rwol assunt mill-adult lejn il-wild (52).
54. F’dan il-każ, l-elementi li ġejjin jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja. L-ewwel nett, il-wild FW tqiegħed permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja ta’ Stat Membru, jiġifieri l-Belġju, fid-dar ta’ FV u tal-konjuġi tiegħu u l-koppja għandhom żewġt itfal bijoloġiċi komuni; it-tieni nett, dan it-tqegħid ġudizzjarju għandu natura permanenti, peress li l-wild FW ilu jgħix fid-dar ta’ FV sa mill‑2005, jiġifieri sa mit-tfulija bikrija ħafna tiegħu (53); it-tielet nett, FV għandu d-dritt ta’ kustodja tal-wild FW u jmantih direttament, u fl-aħħar nett, ir-raba’ nett, il-wild FW għandu d-domiċilju legali u r-residenza effettiva u kontinwa tiegħu ma’ FV.
55. Dawn l-elementi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti sabiex jiġi ddeterminat, wara eżami tas-sitwazzjoni familjari effettiva tal-ħaddiem ikkonċernat, jekk il-wild imqiegħed fid-dar ta’ ħaddiem transkonfinali huwiex, effettivament, “membru tal-familja” ta’ dan il-ħaddiem għall-finijiet tal-għoti ta’ allowances tal-familja.
56. Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, infakkar li mill-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament Nru 2019/111 (54) jirriżulta li t-tqegħid ta’ wild ma’ familja permezz ta’ fostering jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u mill-Artikolu 30(1) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li d-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru għandhom jiġu rrikonoxxuti fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-bżonn ta’ ebda proċedura speċjali. Għalhekk, f’dan il-każ, l-awtoritajiet kompetenti Lussemburgiżi għandhom jirrikonoxxu deċiżjoni ġudizzjarja ta’ tqegħid għall-finijiet tal-għoti tal-allowance tal-familja inkwistjoni.
57. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, inqis li wild imqiegħed permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja fid-dar ta’ ħaddiem fruntalier għandu, għall-finijiet tal-għoti tal-allowance tal-familja, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “membru tal-familja”, peress li dan il-kunċett ikopri wkoll persuni oħra minbarra dawk elenkati fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38.
58. Għad irid jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tal-prinċipji fundamentali stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li fakkart (55), il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tistax toħloq differenza fit-trattament fil-konfront ta’ ħaddiema fruntalieri li tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità.
D. Il‑leġiżlazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta fis‑sens tal-Artikolu 45 TFUE u tal‑Artikolu 7(2) tar‑Regolament Nru 492/2011?
1. Fuq id‑differenza fit‑trattament ibbażata fuq ir‑residenza
59. Iċ-CAE jargumenta, billi jibbaża ruħu fuq il-punt 51 tas-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants, li sa fejn wild imqiegħed permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja fid-dar ta’ ħaddiem transkonfinali ma għandux rabta ta’ filjazzjoni ma’ dan il-ħaddiem jew mal-konjuġi tiegħu, l-imsemmi ħaddiem ma jistax jinvoka l-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament għal dan il-wild. Għalhekk, iċ-CAE jsostni li għandha ssir distinzjoni bejn din il-kawża u dik li tat lok għal dik is-sentenza.
60. Jiena ma naqbilx ma’ din il-pożizzjoni. Minkejja li ż-żewġ kawżi jistgħu jkunu, sa ċertu punt, distinti, madankollu jiena tal-opinjoni li din id-distinzjoni ma tirrigwardax il-komparabbiltà tas-sitwazzjoni tal-ulied ikkonċernati fir-rigward tal-għoti tal-allowance tal-familja inkwistjoni.
61. Qabelxejn, huwa minnu li s-sitwazzjoni tal-ulied li jkunu s-suġġett ta’ tqegħid ġudizzjarju fid-dar ta’ ħaddiem transkonfinali hija distinta legalment minn dik ta’ ulied li għandhom rabta ta’ filjazzjoni, inkluż adottivi, ma’ wieħed jew maż-żewġ ġenituri li magħhom jgħixu. Madankollu, skont il-ġurisprudenza, hemm diskriminazzjoni meta regoli differenti jiġu applikati għal sitwazzjonijiet komparabbli jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu suġġetti għall-istess regola (56). Skont ġurisprudenza stabbilita, il-komparabbiltà oġġettiva taż-żewġ gruppi għandha tiġi eżaminata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (57). Kif diġà rrilevajt, l-allowance tal-familja inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi vantaġġ soċjali li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 (58), li jipprojbixxi l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni indiretta.
62. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, distinzjoni bbażata fuq ir-residenza, li tista’ tippreġudika iktar lil ċittadini ta’ Stati Membri oħra sa fejn il-persuni mhux residenti huma ħafna drabi persuni li ma humiex ċittadini, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta abbażi tan-nazzjonalità li hija ammissibbli biss bil-kundizzjoni li din tkun oġġettivament iġġustifikata (59).
63. Fir-rigward ta’ din il-kawża, infakkar li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont l-Artikolu 269(1)(a) tal-Kodiċi, l-ulied kollha li jirrisjedu effettivament u b’mod kontinwu fil-Lussemburgu u li għandhom hemmhekk id-domiċilju legali tagħhom jagħtu dritt għall-allowance tal-familja. Fil-kuntest ta’ din il-kategorija ta’ ulied residenti, l-Artikolu 273(4) ta’ dan il-kodiċi jipprovdi li fil-każ ta’ tqegħid permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, din l-allowance titħallas lill-persuna fiżika jew ġuridika fdata bil-kustodja tal-wild u li magħha dan il-wild għandu d-domiċilju legali u r-residenza effettiva u kontinwa tiegħu. Mill-banda l-oħra, wild imqiegħed permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja ma’ ħaddiem fruntalier, u għalhekk, mhux residenti, li għandu l-kustodja tiegħu ma jagħtix dritt għall-imsemmija allowance. Fil-fatt, skont l-Artikolu 269(1)(b) u l-Artikolu 270 tal-Kodiċi, jagħtu dritt għall-allowance tal-familja lil ħaddiem fruntalier biss l-ulied imwielda fiż-żwieġ, l-ulied imwielda barra miż-żwieġ u l-ulied adottivi ta’ din il-persuna.
64. Mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta li l-ulied kollha residenti fil-Lussemburgu jistgħu jippretendu l-allowance tal-familja kkonċernata, li jimplika li l-ulied kollha li jagħmlu parti mid-dar tal-familja ta’ ħaddiem residenti fil-Lussemburgu jistgħu jippretendu din l-allowance, inkluż l-ulied imqiegħda fid-dar ta’ dan il-ħaddiem permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja. Mill-banda l-oħra, il-ħaddiema mhux residenti ma jistgħux jippretenduha fir-rigward tal-ulied imqiegħda fid-dar tagħhom permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li magħhom ma għandhomx rabta ta’ filjazzjoni.
65. Għalhekk, nikkunsidra li din il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi żewġ sistemi differenti għal dak li jirrigwarda d-dritt għall-allowance tal-familja skont il-wild jirrisjedux jew le fil-Lussemburgu, u tistabbilixxi għalhekk differenza fit-trattament ibbażata fuq kriterju ta’ residenza, u għalhekk, ipprojbita mill-Artikolu 45(2) TFUE u mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011. Tali distinzjoni bbażata fuq ir-residenza fir-rigward tal-għoti ta’ vantaġġ soċjali tista’, fl-opinjoni tiegħi, tippreġudika iktar lil ħaddiema transkonfinali, u għalhekk, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità li hija ammissibbli biss bil-kundizzjoni li din tkun oġġettivament iġġustifikata (60).
66. Sabiex nagħlaq, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-fatt li d-dritt għal allowance tal-familja bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jingħata direttament mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali lill-ulied residenti fil-Lussemburgu, inkluż lill-ulied imqiegħda f’kura ġudizzjarjament, filwaqt li, fir-rigward ta’ ħaddiema mhux residenti, dan id-dritt jingħata lill-ħaddiem fruntalier, għall-membri tal-familja tiegħu kif iddefiniti minn din il-leġiżlazzjoni, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-benefiċċji tal-familja ma jistgħux, minħabba n-natura tagħhom stess, jitqiesu li huma dovuti lil individwu indipendentement mis-sitwazzjoni tal-familja tiegħu (61).
2. Fuq il‑ġustifikazzjoni tad‑diskriminazzjoni indiretta fil‑konfront ta’ ħaddiema transkonfinali
67. Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex tiġi ġġustifikata, diskriminazzjoni indiretta għandha tkun tali li tiggarantixxi t-twettiq ta’ għan leġittimu u ma tistax tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan (62).
68. Issa, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ma tikkonstata ebda ġustifikazzjoni, u bla ħsara għall-verifiki li hija għandha twettaq, jiena ma nara ebda għan leġittimu li jippermetti l-ġustifikazzjoni ta’ diskriminazzjoni bejn il-wild imqiegħed f’kura ġudizzjarjament fit-territorju Lussemburgiż u l-wild imqiegħed permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja fid-dar ta’ ħaddiem transkonfinali.
69. Għalhekk, jiena nqis li l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, moqrija flimkien mal-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004 u mal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 987/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħha l-ħaddiema transkonfinali ma jistgħux jirċievu allowance tal-familja marbuta mal-eżerċizzju, minnhom, ta’ attività bħala persuni impjegati f’dak l-Istat Membru fir-rigward tal-ulied li jkunu tqiegħdu magħhom f’kura u li tagħhom għandhom il-kustodja, filwaqt li l-ulied li jkunu s-suġġett ta’ tqegħid f’kura ġudizzjarju fl-imsemmi Stat Membru għandhom id-dritt jirċievu din l-allowance mħallsa lill-persuna fiżika jew ġuridika fdata bil-kustodja tal-wild.
E. Fuq l‑effett fuq ir‑risposta proposta tal‑fatt li l‑ħaddiem fruntalier imantni lill‑wild
70. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf ukoll jekk il-fatt li l-ħaddiem fruntalier imantni lill-wild għandux effett fuq ir-risposta għad-domanda preliminari.
71. Irrid nirrileva li mill-punt 50 tas-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants jirriżulta li, għal dak li jirrigwarda r-rekwiżit li l-ħaddiem fruntalier imantni lill-wild, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li dan ir-rekwiżit għandu jirriżulta wkoll minn sitwazzjoni ta’ fatt, li hija l-amministrazzjoni u, jekk ikun il-każ, il-qrati nazzjonali li għandhom jevalwaw, fuq il-bażi tal-provi prodotti mill-persuna kkonċernata, mingħajr il-ħtieġa li dawn jiddeterminaw ir-raġunijiet għal din il-kontribuzzjoni jew li jikkwantifikaw l-ammont eżatt tagħha.
72. F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa rilevanti li jiġi ppreċiżat li, kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, din il-kundizzjoni għandha tiġi applikata fir-rigward tal-għoti ta’ allowance tal-familja lil ħaddiem mhux residenti biss jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi tali kundizzjoni għall-għoti ta’ din l-allowance lil persuna residenti li hija fdata bil-kustodja tal-wild imqiegħed fid-dar tagħha u li magħha dan il-wild għandu d-domiċilju legali u r-residenza effettiva u kontinwa tiegħu. Konklużjoni differenti tmur kontra l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-ħaddiema mhux residenti u l-ħaddiema residenti. F’din il-linja ta’ ideat, jiena tal-opinjoni li kwalunkwe rekwiżit fir-rigward tal-għoti ta’ allowance tal-familja li dan il-ħaddiem fruntalier għandu jipprovdi totalment għall-bżonnijiet tal-wild imqiegħed f’kura huwa ammissibbli biss jekk dan ir-rekwiżit japplika għall-persuna residenti fdata bil-kustodja tal-wild imqiegħed f’kura, peress li l-obbligu tal-manteniment jew l-eventwali parteċipazzjoni fil-manteniment tal-wild mill-ġenituri bijoloġiċi, jekk ikunu magħrufa, ma jwassalx effettivament għan-nuqqas ta’ parteċipazzjoni fil-manteniment mill-ħaddiem transkonfinali li miegħu tqiegħed f’kura il-wild. Fi kwalunkwe każ, il-parteċipazzjoni fil-manteniment ta’ dan il-wild mill-ġenituri bijoloġiċi tista’ tkun limitata ħafna jew ineżistenti, minħabba s-sitwazzjoni ħafna drabi prekarja tagħhom (63).
V. Konklużjoni
73. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Cour de cassation du Grand-Duché de Luxembourg (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Lussemburgu):
L-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 67 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali u mal-Artikolu 60 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali,
għandhom jiġu interpretati fis-sens li
jipprekludu l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħha l-ħaddiema transkonfinali ma jistgħux jirċievu allowance tal-familja marbuta mal-eżerċizzju, minnhom, ta’ attività bħala persuni impjegati f’dak l-Istat Membru fir-rigward tal-ulied li jkunu tqiegħdu magħhom u li tagħhom għandhom il-kustodja, filwaqt li l-ulied li jkunu s-suġġett ta’ tqegħid f’kura ġudizzjarjament fl-imsemmi Stat Membru għandhom id-dritt jirċievu din l-allowance mħallsa lill-persuna fiżika jew ġuridika fdata bil-kustodja tal-wild. L-applikazzjoni ta’ kundizzjoni fir-rigward tal-għoti ta’ allowance tal-familja lil ħaddiem mhux residenti li tipprovdi li dan il-ħaddiem għandu jmantni lill-wild għandha tapplika biss jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi tali kundizzjoni għall-għoti ta’ din l-allowance lil persuna residenti fdata bil-kustodja tal-wild imqiegħed fid-dar tagħha u li magħha dan il-wild għandu d-domiċilju legali u r-residenza effettiva u kontinwa tiegħu.