Language of document : ECLI:EU:T:2019:398

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

11 ta’ Ġunju 2019 (*)

“Servizz pubbliku – Ex uffiċjali – Investigazzjoni tal-OLAF – Kawża “Eurostat” – Trażmissjoni ta’ informazzjoni lil awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali dwar fatti li jistgħu jwasslu għal proċeduri kriminali – Nuqqas li l-uffiċjali potenzjalment ikkonċernati jiġu informati minn qabel – Danni allegatament subiti minħabba l-aġir tal-OLAF u tal-Kummissjoni matul il-proċeduri – Danni morali, fiżiċi u materjali – Rabta kawżali”

Fil-Kawża T‑138/18,

Fernando De Esteban Alonso, ex uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, residenti f’Saint-Martin-de-Seignanx (Franza), irrappreżentat minn C. Huglo, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn R. Striani u J. Baquero Cruz, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża għall-kumpens tad-danni morali, fiżiċi u materjali allegatament subiti mir-rikorrent,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, I. Labucka u I. Ulloa Rubio (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), imwaqqaf permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom, tat-28 ta’ April 1999 (ĠU 1999, L 136, p. 20), għandu jkun responsabbli, b’mod partikolari, li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi fi ħdan l-istituzzjonijiet maħsuba sabiex jinvestigaw fatti serji, relatati mal-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali, li jistgħu jikkostitwixxu ksur tal-obbligi tal-uffiċjali u impjegati tal-Komunitajiet li jistgħu jwasslu għal proċeduri dixxiplinari u, jekk ikun il-każ, għal proċeduri kriminali.

2        Ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 91), jirregola l-ispezzjonijiet, kontrolli u miżuri oħra meħuda mill-impjegati tal-OLAF fil-qadi tad-dmirijiet tagħhom. L-investigazzjonijiet imwettqa mill-OLAF jikkonsistu f’investigazzjonijiet “esterni”, jiġifieri barra mill-istituzzjonijiet tal-Komunità, u f’investigazzjonijiet “interni”, jiġifieri fi ħdan dawn l-istituzzjonijiet. Dan ir-regolament tħassar mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Settembru 2013, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF (ĠU 2013, L 248, p. 1).

3        Il-premessa 10 tar-Regolament Nru 1073/1999 kienet tipprovdi:

“Billi dawn l-investigazzjonijiet għandhom jitmexxew skond it-Trattat u partikolarment skond il-Protokoll dwar il-privileġġi u immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, waqt li jirrispettaw ir-Regolamenti tal-Persunal ta’ uffiċjali u l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ impjegati oħra […] u b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ l-imparzjalità, għad-dritt tal-persuni iinvoluti li jesprimu ruħhom dwar il-fatti li jikkonċernawhom u għall-prinċipju li l-konklużjonijiet ta’ investigazzjoni jistgħu jkunu bażati biss fuq elementi li għandhom valur bħala xiehda; Billi għal dak il-għan l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji għandhom jistipulaw it-termini u l-kondizzjonijiet li taħthom isiru dawk l-investigazzjonijiet interni; Billi konsegwentement ir-Regolamenti tal-Persunal għandhom jiġu emendati sabiex jistipulaw id-drittijiet u l-obbligi ta’ uffiċjali u impjegati oħra fir-rigward ta’ investigazzjonijiet interni”.

4        Il-premessa 13 tar-Regolament Nru 1073/1999 kienet tipprovdi:

“Billi huwa f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji, skond il-każ, li jiddeċiedu x’azzjoni għandha tittieħed dwar investigazzjonijiet li jkunu tlestew fuq il-bażi tar-rapport imħejji mill-[OLAF]; Billi madankollu għandu jkun id-dmir tad-Direttur ta’ l-[OLAF] li jibgħat direttament lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru involut l-informazzjoni miġbura mill-[OLAF] waqt l-investigazzjonijiet interni dwar sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal proċeduri kriminali”.

5        Il-premessa 16 tar-Regolament Nru 1073/1999 kienet tipprovdi:

“Billi, biex jiġi żgurat illi s-sejbiet ta’ l-investigazzjonijiet immexxija minn impjegati ta’ l-Uffiċċju jiġu kunsidrati u li tittieħed l-azzjoni sussegwenti meħtieġa, ir-rapporti għandu jkollhom l-istatus ta’ prova ammissibbli fi proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji; billi, għal dak il-għan, għandhom jitfasslu b’mod kompatibbli mar-regoli li jirregolaw ir-rapporti amministrattivi fl-Istati Membri”.

6        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1073/1999 kien imfassal kif ġej:

“Investigazzjonijiet interni

1.      Fl-oqsma li għalihom issir referenza f’Artikolu 1, l-[OLAF] għandu jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi fi ħdan istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji […]

Dawn l-investigazzjonijiet interni għandhom jitwettqu bla ħsara għar-regoli tat-Trattati, partikolarment il-Protokoll dwar privileġġi u immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, u b’attenzjoni xierqa għar-Regolamenti il-Persunaltal-Persunal taħt il-kondizzjonijiet u skond il-proċeduri stabbiliti minn dan ir-Regolament u d-deċiżjonijiet adottati minn kull istituzzjoni, korp, uffiċċju u aġenzija. L-istituzzjonijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin dwar ir-regoli li għandhom jiġu stabbiliti minn dawk id-deċiżjonijiet.

[…]

5.      Meta l-investigazzjonijiet jisvelaw li xi membru, maniġer, uffiċjal jew impjegat ieħor jista’ jkun personalment iinvolut, l-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija ta’ min ikun għandhom jipu infurmati.

F’każijiet li jkunu jeħtieġu segretezza assoluta għall-iskopijiet ta’ l-investigazzjoni jew li jkunu jeħtieġu rikors għal mezzi ta’ investigazzjoni li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ awtorità ġudizzjarja nazzjonali, l-għoti ta’ dik l-informazzjoni jista’ jiġi differit.

[…]”

7        L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1073/1999, intitolat “Ir-rapport ta’ l-investigazzjoni u l-azzjoni meħuda wara l-investigazzjonijiet”, kien jipprovdi:

“1.      Malli titlesta investigazzjoni mwettqa mill-[OLAF], dan ta’ l-aħħar għandu jħejji rapport, taħt l-awtorità tad-Direttur, li jispeċifika l-fatti stabbiliti, it-telf finanzjarju, jekk ikun hemm, u s-sejbiet ta’ l-investigazzjoni, inklużi r-rakkomandazzjonijiet tad-Direttur ta’ l-[OLAF], dwar l-azzjoni li għandha tittieħed.

2.      Meta jiġu mħejjija dawn ir-rapporti, għandhom jiġu meqjusa r-rekwiżiti proċedurali stabbiliti fil-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru iinvolut Ir-rapporti preparati fuq dik il-bażi għandhom jikkostitwixxu prova ammissibbli fi proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru li fih l-użu tagħhom jirriżulta li huwa meħtieġ, bl-istess mod u taħt l-istess kondizzjonijiet bħar-rapporti amministrattivi mħejjija minn spetturi amministrattivi nazzjonali. Għandhom ikunu soġġetti għall-istess regoli ta’ valutazzjoni bħal dawk applikabbli għar-rapporti amministrattivi mħejjija minn spetturi amministrattivi nazzjonali u huma ta’ valur identiku għal dawk ir-rapporti.

3.      Rapporti magħmula wara investigazzjoni esterna u kull dokument relatat li jkun utli għandhom jintbagħtu lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri in kwistjoni skond ir-regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ investigazzjonijiet esterni.

4.      Rapporti mħejjija wara investigazzjoni interna u kull dokument relatat li jkun utli għandhom jintbagħtu lill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija iinvoluta. L-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija għandhom jieħdu dik l-azzjoni, partikolarment dixxiplinarja jew legali, fuq il-bażi ta’ l-investigazzjonijiet interni, skond ir-riżultati ta’ dawk l-investigazzjonijiet, u għandha tirraporta dwarha lid-Direttur ta’ l-[OLAF] fit-terminu ta’ żmien minnu stipulat fis-sejbiet tar-rapport tiegħu.”

8        L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1073/1999, intitolat “Informazzjoni mibgħuta mill-[OLAF]”, kien jipprovdi:

“1.      Mingħajr preġudizzju għal Artikoli 8, 9 u 11 ta’ dan ir-Regolament u għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96, l-[OLAF] jista’ f’kull ħin jibgħat lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri nteressati l-informazzjoni miksuba waqt investigazzjonijiet esterni.

2.      Mingħajr preġudizzju għal Artikoli 8, 9 u 11 ta’ dan ir-Regolament, id-Direttur ta’ l-[OLAF] għandu jibgħat lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru iinvolut l-informazzjoni miksuba mill-[OLAF] waqt investigazzjonijiet interni fi kwistjonijiet li jistgħu jwasslu għal proċeduri kriminali. Bla ħsara għar-rekwiżiti ta’ l-investigazzjoni, huwa għandu fl-istess ħin jinforma lill-Istat Membru involut.

3.      Mingħajr preġudizzju għal Artikoli 8 u 9 ta’ dan ir-Regolament, l-[OLAF] jista’ f’kull ħin jibgħat lill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija iinvoluti l-informazzjoni miksuba waqt l-investigazzjonijiet interni.”

9        Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/396/KE, KEFA, Euratom, tat-2 ta’ Ġunju 1999, dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għall-investigazzjonijiet interni rigward il-prevenzjoni ta’ frodi, korruzzjoni u kull xorta ta’ attività illegali li hija ta’ ħsara lejn l-interess tal-Komunitajiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 118), tipprevedi, fl-Artikolu 4 tagħha, il-modalitajiet ta’ notifika lill-parti interessata fil-kliem li ġej:

“Fejn l-implikazzjonijiet possibbli ta’ Membru, uffiċjal jew impjegat tal-Kummissjoni isiru evidenti, il-parti interressata għandha tkun informata malajr, basta dan ma jkunx ta’ ħsara għall-investigazzjnijiet. Għal kull fini, konklużjonijiet li jirreferu bl-isem dwar xi Membru, uffiċjal jew impjegat tal-Kummissjoni ma jistgħux jiġu magħmula ġaladarba l-investigazzjoni tkun għal kollox lesta mingħajr mal-parti interessata kienet setgħat tagħti l-opinjonijiet tagħha dwarhu.

F’każijiet li jinħtieġu li tinżamm is-segretezza assoluta għal fini ta’ l-investigazzjonijiet u li jkollhom il-ħtieġa ta’ proċeduri invetigativi li jaqgħu fil-jurisdizzjoni ta’ l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali, l-obbligazzjoni li tistieden lill-membru, l-uffiċjal u l-impjegat tal-Kummissjoni biex jagħtu il-fehmiet tagħhom tista titħalla biex dawn jiġu deċiżi flimkien ma’ l-President tal-Kummissjoni jew mas-Segretarju Ġenerali tagħha rispettivament.”

10      L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, dwar id-dritt għal smigħ xieraq, jipprevedi:

“2.      Kull min ikun akkużat b’reat kriminali għandu jiġi meqjus li jkun innoċenti sakemm ma jiġix pruvat ħati skont il-liġi.

3.      Kull min ikun akkużat b’reat kriminali għandu d-drittijiet minimi li ġejjin:

a)      id-dritt li jiġu infurmati minnufih, b’lingwa li jifhmu u fid-dettall, dwar in-natura u r-raġuni tal-akkuża kontra tagħhom;

b)      id-dritt għal biżżejjed żmien u l-faċilitajiet xierqa għat-tħejjija tad-difiża tagħhom;

[…]”

11      Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “il-Karta”) tipprevedi:

“Artikolu 41

Id-dritt għal amministrazzjoni tajba

1.      Kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni.

2.      Dan id-dritt jinkludi:

–        id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament;

–        id-dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl li jikkonċernaha, filwaqt li jiġu rrispettati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u tan-negozju;

–        l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha.

3.      Kull persuna għandha d-dritt li l-Unjoni tagħmel tajjeb għal danni kkaġunati mill-istituzzjonijiet jew l-uffiċjali tagħha fil-qadi ta’ dmirijiethom, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet ta’ l-Istati Membri.

[…]

Artikolu 48

Il-preżunzjoni ta’ l-innoċenza u dritt għad-difiża

1.      Kull imputat għandu jkun preżunt innoċenti sakemm jinstab ħati skond il-liġi.

2.      Għandu jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża ta’ kull imputat.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

12      Ir-rikorrent, Fernando De Esteban Alonso, huwa ex uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea li partikolarment eżerċita l-funzjonijiet tiegħu ta’ Direttur tad-Direttorat “Informatika, pubblikazzjonijiet u relazzjonijiet esterni” mal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem l-“Eurostat”).

13      Sa mill-1996, l-Eurostat jiżgura x-xandir lill-pubbliku tad-data statistika miġbura bl-għajnuna tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, li kien stabbilixxa netwerk ta’ punti ta’ bejgħ (iktar ’il quddiem id-“datashops”). Ir-relazzjonijiet bejn l-Eurostat, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u kull datashop kienu organizzati fuq il-bażi ta’ ftehimiet tripartitiċi. Id-datashops kellhom sistema ta’ fatturazzjoni kumplessa li ppermettiet lill-Eurostat sabiex jiġbor sa 55 % tal-prezz ta’ fatturazzjoni tad-data li tqiegħdet fis-suq.

14      F’Settembru 1999, verifika interna kkonkludiet li kien hemm irregolaritajiet fil-ġestjoni finanzjarja tal-kuntratti tripartitiċi konklużi mal-kumpanniji Eurocost, Eurogramme, Datashop, Planistat u CESD Communautaire, fatt li kien ippermetta li jinħoloq “pakkett finanzjarju” mhux suġġett għar-regoli baġitarji tal-Kummissjoni. Kien wara dan ir-rapport li l-OLAF tqabbad fis-17 ta’ Marzu 2000 mid-Direttorat Ġenerali responsabbli għall-kontroll finanzjarju. L-OLAF beda diversi investigazzjonijiet li kkonċernaw partikolarment il-kuntratti konklużi mill-Eurostat mal-kumpanniji Eurocost, Eurogramme, Datashop, Planistat u CESD Communautaire u s-sussidji mogħtija lilhom. Waqt waħda minn dawn l-investigazzjonijiet, l-OLAF ġabar xi informazzjoni li ttendi li turi li mekkaniżmu finanzjarju implimentat permezz tal-ftehimiet tripartitiċi mad-datashops ta’ Luxembourg (il-Lussemburgu), ta’ Brussell (il-Belġju) u ta’ Madrid (Spanja) ippermettew li jinħarġu mid-“dħul” tal-baġit tal-Unjoni xi somom li leġittimament kellhom jinġabru minnha.

15      Fid-19 ta’ Marzu 2003, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF bagħat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi ittra bis-suġġett “Għoti ta’ informazzjoni relattiva għal fatti li jistgħu jwasslu għal proċeduri kriminali CMS Nru IO/2002/0510 ‐ Eurostat/Datashop/Planistat”, flimkien ma’ nota ta’ żewġ investigaturi tal-OLAF, indirizzata fl-istess ġurnata lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF, bis-suġġett “Denunzja ta’ fatti li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala kriminali CMS Nru IO/2002/0510 ‐ Eurostat/Datashop/Planistat” (iktar ’il quddiem in-“nota tad-19 ta’ Marzu 2003”). Wara din in-notifika, il-Prosekutur tar-Repubblika tat-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Pariġi, Franza) fetaħ, fl-4 ta’ April 2003, fajl ta’ investigazzjoni minħabba pussess ta’ oġġetti misruqa u kompliċità fl-abbuż ta’ fiduċja.

16      Fit-3 ta’ April 2003, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF indirizza nota sommarja lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, fuq l-investigazzjonijiet li kienu għaddejjin dwar l-Eurostat.

17      Fl-10 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni ressqet ilment kontra X quddiem il-Prosekutur tar-Repubblika tat-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Pariġi, Franza). Hija dehret ukoll bħala parti ċivili.

18      Fil-25 ta’ Settembru 2003, l-investigazzjoni interna tal-OLAF, li kkonċernat il-każ “Datashop – Planistat” ingħalqet. Ir-rapport finali tal-investigazzjoni u l-annessi tiegħu ġew ippreżentati lill-awtorità ġudizzjarja Franċiża.

19      Fid-29 ta’ Jannar 2004, bħala risposta għal talba tal-Prosekutur, il-Kummissjoni awtorizzat it-tneħħija tal-immunità tar-rikorrent konformement mal-Artikolu 17(2) tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea. Bħala konsegwenza, il-Kummissjoni fetħet proċedura dixxiplinarja kontra r-rikorrent (Nru 04/001).

20      Fis-7 ta’ Lulju 2008, fuq l-istruzzjoni tal-Prosekutur tar-Repubblika tat-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Pariġi, Franza), ir-rikorrent ġie msejjaħ bħala xhud mill-pulizija ġudizzjarja Franċiża f’seduta dwar il-fatti relatati mal-Kummissjoni fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-ittra rogatorja Nru 2268/03/19.

21      Fid-9 ta’ Settembru 2008, waqt is-seduta, ir-rikorrent tqiegħed taħt detenzjoni u l-għada, fl-10 ta’ Settembru 2008, ġie interrogat fuq abbuż ta’ fiduċja billi, “fil-L[ussemburgu], fil-B[elġju] u fi S[panja], mill-1995 sal-1997, […] kien wettaq miżapproprazzjoni ta’ parti mill-fondi tal-baġit Komunitarju sabiex jikkostitwixxi fond parallel b’rabta mad-[datashops] tal-L[ussemburgu], ta’ B[russell] u ta’ M[adrid], ta l-ordnijiet għall-użu ta’ dawn il-fondi u [kien] kiseb fatturazzjoni ogħla mill-kumpannija [C.] għal xogħlijiet ta’ statistika”.

22      Fil-15 ta’ Settembru 2008, wara l-interrogazzjoni tiegħu, ir-rikorrent ippreżenta, quddiem il-Kummissjoni, l-ewwel talba għal assistenza abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni applikabbli għall-fatti tal-każ (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”). Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Diċembru 2008.

23      Fit-18 ta’ Frar 2009, ir-rikorrent ippreżenta lment abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kontra din iċ-ċaħda tat-talba għal assistenza. L-ilment kontra din iċ-ċaħda ta’ assistenza ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-1 ta’ April 2009.

24      Fil-21 ta’ Jannar 2013, il-Prosekutur Pubbliku Franċiż iddikjara li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni kontra l-persuni interrogati kollha, fosthom ir-rikorrent. Dan ġie segwit minn digriet ta’ nuqqas ta’ lok li tingħata deċiżjoni tal-qorti struttorja fi ħdan it-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Pariġi, Franza) tad-9 ta’ Settembru 2013 (iktar ’il quddiem id-“digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”).

25      Fis-17 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni, bħala parti ċivili, ippreżentat appell kontra d-digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni.

26      Fit-12 ta’ Diċembru 2013, ir-rikorrent ippreżenta t-tieni talba għal assistenza, ibbażata fuq l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. Din it-tieni talba għal assistenza ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2014.

27      Permezz ta’ sentenza tat-23 ta’ Ġunju 2014, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) qieset bħala mhux fondat l-appell tal-Kummissjoni u kkonfermat id-digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, minħabba l-fatt li, essenzjalment “il-fatti ddenunzjati […] [kienu] bbażati fuq nuqqas ta’ għarfien tar-regoli baġitarji Ewropej, li ppersista minħabba negliġenza [fl-]ispezzjonijiet u nuqqas ta’ interess fil-kontroll finanzjarju”, li “il-fatt uniku li ġew injorati d-dispożizzjonijiet tal-kontroll finanzjarju u tar-regoli baġitarji Komunitarji ma [kinux] biżżejjed sabiex tiġi kklassifikata bħala sitwazzjoni [ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi]”, li “ma [kinux] jeżistu akkużi suffiċjenti kontra xi ħadd ta’ natura li jiġu deċiżi xi abbużi ta’ fiduċja [u] li l-fatti inkwistjoni ma [setgħux] iwasslu għal proċeduri kriminali oħra, b’mod partikolari ta’ falsifikazzjoni jew l-użu ta’ dokumenti ffalsifikati, […] minħabba n-nuqqas ta’ element intenzjonali ċar”.

28      Fis-27 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni ppreżentat appell ta’ kassazzjoni kontra s-sentenza li kkonfermat id-digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni (ara l-punt 27 hawn fuq).

29      Fit-28 ta’ Lulju 2014, ir-rikorrent ippreżenta lment kontra t-tieni ċaħda ta’ assistenza, ibbażata fuq l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. Dan l-ilment ġie kkompletat fit-18 ta’ Awwissu 2014. L-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet l-ilment ikkompletat tar-rikorrent permezz tad-deċiżjoni tal-21 ta’ Novembru 2014.

30      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fl-24 ta’ Frar 2015 (Kawża F‑35/15), ir-rikorrent ippreżenta rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-21 ta’ Novembru 2014 li tiċħad l-ilment tiegħu dwar it-talba għal assistenza abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u għall-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallsu s-somma ta’ EUR 17 242.51 b’mod provviżorju.

31      Permezz tad-digriet tal-15 ta’ Lulju 2015, De Esteban Alonso vs Il-Kummissjoni, (F‑35/15, EU:F:2015:87), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad ir-rikors. Fis-16 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrent ippreżenta appell kontra din id-deċiżjoni.

32      B’ittra tal-10 ta’ April 2016, l-Uffiċċju “Investigazzjonijiet u każijiet dixxiplinari” tal-Kummissjoni nnotifika lir-rikorrent bid-deċiżjoni tiegħu li jagħlaq il-fajl li jirrigwardah.

33      Permezz ta’ sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2016, il-Qorti tal-Kassazzjoni Franċiża ċaħdet l-appell tal-Kummissjoni.

34      Permezz tas-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2016, De Esteban Alonso vs Il-Kummissjoni (T‑557/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2016:456), il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-appell li kien ippreżenta r-rikorrent kontra d-Digriet tal-15 ta’ Lulju 2015, De Esteban Alonso vs Il-Kummissjoni (F‑35/15, EU:F:2015:87).

35      Fit-22 ta’ Diċembru 2016, ir-rikorrent ippreżenta talba għall-kumpens ta’ danni subiti minħabba l-aġir tal-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Mejju 2017, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet din it-talba bħala mhux fondata.

36      Fl-1 ta’ Awwissu 2017, ir-rikorrent ressaq ilment kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba tiegħu għall-kumpens ta’ danni subiti minħabba l-aġir tal-Kummissjoni.

37      Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Novembru 2017, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet dan l-ilment bħala mhux fondat.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

38      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Frar 2018, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

39      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89(3)(a) u (d) tar-Regolamenti tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali, fit-18 ta’ Jannar 2019, talbet lill-Kummissjoni sabiex tirrispondi għal xi mistoqsijiet u sabiex tipprovdi xi dokumenti li jirrigwardaw il-kawża. Din tal-aħħar issodisfat din it-talba fis-16 ta’ Frar 2019.

40      Skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura, fl-assenza ta’ talba għall-iffissar ta’ seduta ppreżentata mill-partijiet prinċipali fi żmien tliet ġimgħat min-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tagħżel li tiddeċiedi dwar ir-rikors mingħajr fażi orali tal-proċedura. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali, li qieset li kellha informazzjoni biżżejjed mid-dokumenti tal-proċess, iddeċidiet, fl-assenza ta’ tali talba, li tiddeċiedi l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura.

41      Ir-rikorrent jitlob, essenzjalment, sabiex il-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tordna lill-OLAF sabiex “jipproduċi n-nota tad-19 ta’ Marzu 2003 dwar il-kawża Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T‑48/05, u tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tħallsu s-somma ta’ EUR 1 102 291.68 abbażi tad-danni morali, fiżiċi u materjali subiti minnu”;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tħallas is-somma ta’ EUR 3 000 abbażi ta’ spejjeż irrekuperabbli, kif ukoll għall-ispejjeż.

42      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors mhux fondat u tiċħdu fl-intier tiegħu;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

43      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-OLAF u l-Kummissjoni kisru l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ dmir ta’ premura kif ukoll id-drittijiet tad-difiża, hekk kif stabbiliti mill-Karta u mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1073/1999. Ir-rikorrent jinvoka, essenzjalment, l-eżistenza ta’ żbalji mwettqa mill-OLAF u mill-Kummissjoni minħabba l-fatt, minn naħa, li huwa ma ġiex mismugħ qabel it-trażmissjoni lill-awtoritajiet Franċiżi tal-provi miġbura kontrih u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni kompliet bil-proċeduri kriminali tagħha kontrih b’mod mhux iġġustifikat. Dawn l-iżbalji kkawżaw, skont ir-rikorrent, danni materjali, morali u fiżiċi serji għalih li jippreżentaw rabta kawżali diretta mal-allegati żbalji mwettqa mill-OLAF u mill-Kummissjoni.

44      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

 Osservazzjonijiet preliminari

45      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest ta’ talba għal danni magħmula minn uffiċjal jew membru tal-persunal, ir-responsabbiltà tal-Unjoni tippreżupponi l-issodisfar ta’ serje ta’ kundizzjonijiet li jikkonċernaw l-illegalità tal-kondotta allegata fil-konfront tal-istituzzjonijiet, ir-realtà ta’ ħsara u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu invokat (ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, Il-Kummissjoni vs Petrilli, T‑143/09 P, EU:T:2010:531, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dawn it-tliet kundizzjonijiet huma kumulattivi, li jimplika li meta waħda minhom ma hijiex issodisfatta, ir-responsabbiltà tal-Unjoni ma tistax tiġi pprovata (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2018, UP vs Il-Kummissjoni, T‑706/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:924, punt 72).

46      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-kontenzjuż fil-qasam tas-servizz pubbliku skont l-Artikolu 270 TFUE u l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, inkluż dak intiż għall-kumpens ta’ dannu kkawżat lil uffiċjal jew lil membru tal-persunal, jissodisfa regoli partikolari u speċjali b’kuntrast ma’ dawk li jirriżultaw mill-prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fil-kuntest tal-Artikolu 268 TFUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE. Fil-fatt, mir-Regolamenti tal-Persunal, jirriżulta b’mod partikolari li, b’mod differenti minn kull individwu ieħor, l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal tal-Unjoni huwa marbut mal-istituzzjoni li huwa jiddependi minnha permezz ta’ relazzjoni ġuridika ta’ impjieg li tinvolvi ekwilibriju ta’ drittijiet u ta’ obbligi reċiproċi speċifiċi, li huwa rifless fid-dmir ta’ premura tal-istituzzjoni fir-rigward tal-persuna kkonċernata. Dan l-ekwilibriju huwa intiż essenzjalment sabiex tiġi ppreżervata r-relazzjoni ta’ fiduċja li għandha teżisti bejn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali tagħhom sabiex iċ-ċittadini jiġu ggarantiti t-twettiq sewwa tal-missjonijiet ta’ interess ġenerali assenjati lill-istituzzjonijiet. Minn dan isegwi li, meta taġixxi bħala persuna li timpjega, l-Unjoni hija suġġetta għal responsabbiltà miżjuda, li timmanifesta ruħha permezz tal-obbligu li jiġu kkumpensati d-danni kkawżati lill-persunal tagħha minn kull illegalità mwettqa fil-kapaċità tagħha bħala persuna li timpjega (ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, Il-Kummissjoni vs Petrilli, T‑143/09 P, EU:T:2010:531, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Fil-kawża preżenti, ir-rikorrent isostni li t-tliet kundizzjonijiet għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni meħtieġa mill-ġurisprudenza huma ssodisfatti. Il-Qorti Ġenerali tqis li hemm lok li tiġi eżaminata, qabel kollox, il-kundizzjoni dwar l-illegalità tal-aġir li huma akkużati bih l-OLAF u l-Kummissjoni, u, sussegwentement, dik dwar id-dannu u, fl-aħħar, dik dwar ir-rabta kawżali bejn iż-żewġ elementi preċedenti.

 Fuq l-illegalità tal-aġir tal-OLAF u tal-Kummissjoni

48      Ir-rikorrent isostni li twettqu żbalji kemm mill-OLAF kif ukoll mill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, huwa jsostni li dawn kisru l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, tad-dmir ta’ premura kif ukoll id-drittijiet tad-difiża kif stabbiliti mill-Karta u d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 1999/396.

49      L-ewwel nett, ir-rikorrent isostni li l-OLAF kiser id-drittijiet tad-difiża tiegħu kif ukoll l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396. Qabel kollox, huwa jinnota l-fatt li l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni (T‑48/05, EU:T:2008:257, punt 124), dwar l-istess kawża “Eurostat”, iddikjarat li n-nota tad-19 ta’ Marzu 2003, mibgħuta mill-OLAF lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi, kienet tikkostitwixxi investigazzjoni interna. Dwar dan, ir-rikorrent isostni li, fir-rigward ta’ din in-nota ta’ investigazzjoni interna miftuħa kontrih, huwa kellu jiġi informat u jiġi mismugħ fir-rigward tal-fatti li jikkonċernawh qabel ma din intbagħtet, abbażi tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396, hekk kif kien ġie rrikonoxxut mill-Qorti Ġenerali fil-kawża Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni. Barra minn hekk, huwa jallega li l-OLAF wettaq ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi, abbażi tar-regoli li jirregolaw l-investigazzjonijiet interni tal-OLAF, minħabba l-fatt li ma ssodisfax l-obbligu li jistieden lir-rikorrent sabiex jesprimi ruħu bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, jekk l-amministrazzjoni kkunsidrat li l-investigazzjoni ma setgħetx tiġi kkomunikata lilu.

50      It-tieni nett, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni kisret ir-regoli li jirregolaw il-proċedura dixxiplinarja, stabbilita mir-Regolament Nru 1073/1999, minħabba l-fatt li pparteċipat fi proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali Franċiżi, bħala parti ċivili, qabel ma ngħalqet l-investigazzjoni interna mmexxija mill-OLAF.

51      It-tielet nett, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni kisret id-dritt għal amministrazzjoni tajba u d-dmir ta’ premura billi tawlet il-proċeduri ġudizzjarji kontrih, billi waslet sabiex tersaq quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni, mingħajr ma pproduċiet provi suffiċjenti kontrih.

52      Il-Kummissjoni ssostni li hija ma wettqitx żball ta’ natura li jagħti lok għar-responsabbiltà tagħha, u titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Fuq l-illegalità tal-aġir tal-OLAF

53      Ir-rikorrent isostni li huwa kellu jiġi informat u jiġi mismugħ fir-rigward tal-fatti li jikkonċernawh qabel ma l-OLAF bagħat in-nota tad-19 ta’ Marzu 2003 lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi. Huwa jibbaża l-allegazzjonijiet tiegħu fuq is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni (T‑48/05, EU:T:2008:257), li fiha l-Qorti Ġenerali kienet ikklassifikat l-investigazzjoni mmexxija mill-OLAF bħala investigazzjoni interna u kienet ikkunsidrat li, abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396, billi ma rrispettax l-obbligu ta’ informazzjoni impost fuqu, l-OLAF kien wettaq ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi.

54      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrent ma jinsab fl-ebda waħda miż-żewġ sitwazzjonijiet previsti mill-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396, peress li l-informazzjoni li kien hemm fin-nota tad-19 ta’ Marzu 2003 li l-OLAF kien bagħat lill-awtoritajiet nazzjonali ma kinitx tikkonċernah personalment u lanqas ma kien imsemmi fiha.

55      Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-informazzjoni lill-uffiċjali kkonċernati mill-investigazzjoni hija pprovduta biss fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet interni, skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif stabbilixxiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 124 tas-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni (T‑48/05, EU:T:2008:257), it-trażmissjoni tal-fajl Datashop – Planistat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi fid-19 ta’ Marzu 2003 kien jikkonċerna investigazzjoni interna. Bħala konsegwenza, l-imsemmija dispożizzjoni hija applikabbli wkoll fil-kawża preżenti.

56      Mill-ewwel subparagrafu tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 jirriżulta li l-uffiċjal ikkonċernat għandu jkun informat mill-iktar fis bil-possibbiltà tal-implikazzjoni personali tiegħu, meta ma hemmx riskju li dan jagħmel ħsara lill-investigazzjoni, u li, f’kull każ, ma tista’ tinsilet ebda konklużjoni, fl-aħħar tal-investigazzjoni, li tirrigwarda personalment lil uffiċjal tal-Kummissjoni mingħajr ma l-parti kkonċernata tkun ingħatat il-possibbiltà li tesprimi ruħha dwar il-fatti kollha li jikkonċernawha.

57      Il-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li fihom ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-uffiċjal ikkonċernat jista’ jiġi rrikonċiljat mal-ħtieġa ta’ kunfidenzjalità li tapplika għal kull investigazzjoni ta’ din in-natura, jikkostitwixxi ksur ta’ formalità sostanzjali applikabbli għall-proċedura ta’ investigazzjoni (sentenza tat-8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T‑48/05, EU:T:2008:257, punt 129).

58      Madankollu, l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 ma jikkonċernax espliċitament it-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali u għalhekk ma jipprevedix obbligu ta’ notifika lill-uffiċjal ikkonċernat qabel din it-trażmissjoni. Fil-fatt, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1073/1999, l-OLAF jista’ (investigazzjonijiet esterni) jew għandu (investigazzjonijiet interni) jgħaddi informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali. Din it-trażmissjoni ta’ informazzjoni tista’ għalhekk tippreċedi l-“konklużjonijiet li jirriżultaw in segwitu għall-investigazzjoni”, li huma normalment inklużi fir-rapport ta’ investigazzjoni (sentenza tat-8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T‑48/05, EU:T:2008:257, punt 130).

59      Issa, għandu jitfakkar li, fis-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni (T‑48/05, EU:T:2008:257, punt 132), il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, fil-mument tat-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, ma kien jeżisti ebda rapport fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1073/1999 li kien intbagħat mill-OLAF lill-Kummissjoni u li kien involva personalment lir-rikorrent f’din il-kawża. Madankollu, il-Qorti Ġenerali osservat li n-nota tad-19 ta’ Marzu 2003 mibgħuta lill-awtoritajiet ġudizzjarji kien fiha “konklużjonijiet li jikkonċernaw personalment” lil Yves Franchet u Daniel Byk u li, qabel it-trażmissjoni tal-fajl Datashop – Planistat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi, dawn tal-aħħar kellhom, fil-prinċipju, ikunu informati u jiġu mismugħa fir-rigward tal-fatti li jikkonċernawhom, fuq il-bażi tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 (sentenza tat-8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T‑48/05, EU:T:2008:257, punt 145).

60      Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-kawża Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, li, minkejja l-fatt li l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 jipprovdi eċċezzjoni fir-rigward tal-każijiet li jeħtieġu li tinżamm segretezza assoluta dwarhom għall-finijiet tal-investigazzjoni, li tipprovdi li l-obbligu li jiġi mistieden l-uffiċjal sabiex jesprimi ruħu jista’ jiġi ddifferit bi ftehim mas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni ma ġewx irrispettati u li, bħala konsegwenza, billi ma rrispettax l-obbligu impost fuqu, l-OLAF kien wettaq ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi.

61      Fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni tallega li l-ġurisprudenza ċċitata ma tistax tapplika għar-rikorrent, peress li l-informazzjoni li kien hemm fin-nota tad-19 ta’ Marzu 2003 li l-OLAF kien bagħat lill-awtoritajiet nazzjonali ma kinitx tikkonċernah personalment u lanqas ma kien imsemmi fiha.

62      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ informazzjoni tal-parti kkonċernata fil-kliem li ġej:

“Fejn l-implikazzjonijiet possibbli ta’ Membru, uffiċjal jew impjegat tal-Kummissjoni isiru evidenti, il-parti interressata għandha tkun informata malajr, basta dan ma jkunx ta’ ħsara għall-investigazzjonijiet. Għal kull fini, konkluzjonijiet li jirreferu bl-isem dwar xi Membru, uffiċjal jew impjegat tal-Kummissjoni ma jistgħux jiġu magħmula ġaladarba l-investigazzjoni tkun għal kollox lesta mingħajr mal-parti interessata kienet setgħat tagħti l-opinjonijiet tagħha dwarhu.”

63      Issa, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata konformement mal-Artikolu 41(1)(a) tal-Karta, fis-sens li tistabbilixxi, fl-ewwel lok, obbligu ġenerali ta’ informazzjoni lejn il-parti kkonċernata sa fejn ikun hemm il-possibbiltà ta’ “implikazzjonijiet” dwarha, tul l-investigazzjoni kollha, sakemm din il-komunikazzjoni ma tippreġudikax l-investigazzjoni. Fit-tieni lok, dan l-obbligu ta’ informazzjoni jsir iktar importanti (“[g]ħal kull fini”) meta jirrigwarda “konkluzjonijiet li jirreferu bl-isem […] uffiċjal”. Fil-fatt, f’tali każ, il-persuna inkwistjoni għandha tkun tista’ tesprimi ruħha fuq il-fatti kollha li jikkonċernawha qabel ma l-OLAF jasal għall-konklużjonijiet fuq l-investigazzjoni li jsemmuha.

64      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi eżaminat jekk mill-informazzjoni trażmessa fin-nota tad-19 ta’ Marzu 2003 lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi tirriżultax il-possibbiltà ta’ “implikazzjonijiet” tar-rikorrent jew jekk din l-informazzjoni tistax tiġi kkunsidrata bħala “konkluzjonijiet li jirreferu bl-isem” għar-rikorrent fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396.

65      Għandu jiġi rrilevat qabel kollox li r-rikorrent talab lill-Qorti Ġenerali sabiex tordna lill-OLAF jipproduċi “b’mod komplet” in-nota tad-19 ta’ Marzu 2003 li tqiegħdet fil-fajl fil-kawża Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T‑48/05, EU:T:2008:257. Issa, anki jekk jitqies li, permezz ta’ din it-talba, ir-rikorrent jitlob, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali sabiex tadotta miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fir-rigward tal-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kawża preżenti, in-nota ġiet annessa minn din tal-aħħar mar-risposta tagħha (Anness B.2) u li l-lista ta’ annessi man-nota kif ukoll l-annessi inkwistjoni ġew mitluba mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

66      Qabel kollox, għandu jiġi nnotat li, fl-ittra ta’ motivazzjoni tan-nota tad-19 ta’ Marzu 2003, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF kien indika li, bla ħsara għall-evalwazzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi, “jidher li l-OLAF kien sab aġir frawdolenti, li kkawża preġudizzju lill-baġit Komunitarju u li jista’ jwassal għal proċeduri kriminali”, billi ppreċiża li “[l]-investigazzjoni wriet li dawn il-fatti kienu xogħol il-mexxejja tal-kumpannija Planistat Europe SA li għandha s-sede tagħha f’Pariġi, bil-kompliċità attiva ta’ uffiċjali Ewropej”.

67      Barra minn hekk, fin-nota tad-19 ta’ Marzu 2003, annessa mal-ittra msemmija hawn fuq, kien ġie indikat, fil-kuntest ta’ “[k]ronoloġija tal-fatti suġġett tal-investigazzjoni”, fil-punt 2.3, intitolat “Il-konstatazzjonijiet magħmula matul l-investigazzjoni”, li rapport ta’ verifika interna tal-Eurostat ta’ Settembru 1999 dwar id-Datashops li jinsabu fi Brussell, fil-Lussemburgu u f’Madrid, li abbażi tiegħu l-investigazzjoni tal-OLAF kienet inbdiet, “[kien] wera numru ta’ irregolaritajiet imwettqa fil-kuntest tat-tmexxija ta’ dawn it-tliet Datashops matul is-snin 1996 sal-aħħar tal-1999” u li, “[f’]dan il-każ, parti sinjifikattiva tad-dħul mill-bejgħ “iddikjarat” minn dawn it-tliet Datashops – bejn 50 u 55 % – kien jiffinanzja fond sigriet li l-użu tiegħu kien suġġett għall-awtorizzazzjoni ta’ uffiċjal tal-[Eurostat]”.

68      Ġie indikat ukoll li “l-fond sigriet [kien] ukoll serva sabiex jitħallsu spejjeż ta’ ristoranti, [ta’] lukandi, [ta’] vjaġġi […] ta’ ċerti uffiċjali tal-Eurostat, fosthom D. Byk”.

69      Sussegwentement, fil-kuntest tad-deskrizzjoni tar-reati kriminali, fil-punt 3.1, intitolat “Ksur ta’ fiduċja”, ġie rrilevat dan li ġej:

“Il-ħolqien minn ċerti uffiċjali Komunitarji ta’ netwerk ta’ operaturi ekonomiċi li wieħed mill-għanijiet tiegħu huwa li jaħbi lill-Kummissjoni parti mid-dħul li ġej mill-bejgħ ta’ prodotti jew minn servizzi statistiċi Komunitarji jista’ jikkostitwixxi użu ħażin ta’ fondi, ta’ valuri jew ta’ oġġett kwalunkwe’ kif previsti fl-Artikolu 314‑1 tal-Kodiċi Kriminali [Franċiż] li jiddefinixxi l-ksur ta’ fiduċja. L-elementi kollha li jikkostitwixxu l-ksur twettqu bil-kompliċità tal-uffiċjali Komunitarji, id-diriġenti tal-grupp Planistat u d-diriġenti tad-Datashops ikkonċernati. L-uffiċjali Komunitarji ma setgħux jinjoraw ir-regolament finanzjarju fis-seħħ li kien jobbligahom jindikaw id-dħul kollu.

Barra minn dan, dawn l-istess uffiċjali Komunitarji ddisponew mis-somom inkwistjoni għal finijiet li ma humiex fl-interess Komunitarju inkwantu dawn il-flus manifestament servew sabiex jitħallsu spejjeż mhux previsti fil-kuntratt tal-kumpannija Planistat Europe SA mal-Kummissjoni jew saħansitra spejjeż personali ta’ dawn l-uffiċjali. L-intenzjoni frawdolenti tirriżulta minn dan l-użu għal finijiet oħra għajr Komunitarji.”

70      Fl-aħħar, kien ġie indikat dan li ġej, fil-punt 3.3, intitolat “Il-kompliċità sabiex isir reat”:

“Skont l-Artikolu 450‑1 tal-Kodiċi Kriminali, ‘[j]ikkostitwixxi kompliċità sabiex isir reat kull grupp iffurmat jew ftehim stabbilit bil-għan tal-preparazzjoni, ikkaratterizzata minn fatt materjali wieħed jew iktar, ta’ reat wieħed jew iktar jew ta’ offiża waħda jew iktar punibbli għall-inqas b’ħames snin ħabs […]’

Jibqa’ li jiġi mistoqsi jekk din il-kwalifika tistax ukoll tkun użata fil-kuntest ta’ dan il-fajl peress li sabiex jitwettaq is-sakkeġġ tal-fondi Komunitarji kien hemm il-bżonn tal-assoċjazzjoni bejn l-uffiċjali, id-diriġenti ta’ Planistat u dawk ta’ Datashops li wettqu fatti ta’ ksur ta’ fiduċja.

[…]”

71      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, minbarra l-fatt, diġà kkonstatat mis-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni (T‑48/05, EU:T:2008:257), li n-nota tad-19 ta’ Marzu 2003 fiha xi “konklużjonijiet li jirrigwardaw personalment” lil Y. Franchet u D. Byk, u l-implikazzjoni ta’ xi “uffiċjali Komunitarji” oħra, ir-rikorrent jidher b’mod ċar fl-istess nota, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396. Fil-fatt, għandu jiġi nnotat li, fir-rigward tal-affermazzjonijiet li hemm fin-nota li tikkonċerna l-“uffiċjali Komunitarji”, u inkunsiderazzjoni tal-fatt li r-rikorrent kien id-Direttur tad-Direttorat “Informatika, pubblikazzjonijiet u relazzjonijiet esterni” u s-superjur fil-ġerarkija ta’ D. Byk, persuna msemmija b’isimha fin-nota, l-implikazzjoni personali tar-rikorrent kienet iktar probabbli, minħabba l-fatt li dan tal-aħħar kellu mill-inqas jiġi informat mill-iktar fis mill-OLAF. Din l-affermazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li, wara t-trażmissjoni tan-nota tad-19 ta’ Marzu 2003 mid-Direttur tal-OLAF lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi, il-Prosekutur tar-Repubblika tat-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Pariġi, Franza), fetaħ, fl-4 ta’ April 2003, fajl ta’ investigazzjoni kontra r-rikorrent u uffiċjali oħra minħabba l-pussess ta’ oġġetti misruqa u ta’ kompliċità fl-abbuż ta’ fiduċja u li, sussegwentement għall-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni, ir-rikorrent tqiegħed taħt detenzjoni u ġie interrogat mill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi, mingħajr ma ġie informat jew mismugħ minn qabel.

72      Il-Kummissjoni tallega f’dan ir-rigward li r-rapport tal-OLAF, peress li jsemmi biss lill-“uffiċjali Komunitarji” li jaħdmu mal-Eurostat, baqa’ vag fir-rigward tal-individwi implikati u li ma kienx possibbli li jiġi identifikat personalment l-ebda wieħed mill-uffiċjali. Fl-opinjoni tagħha, l-OLAF ħalla marġni diskrezzjonali wiesa’ lill-qrati Franċiżi dwar kif jipproċedu bl-informazzjoni pprovduta, kemm fir-rigward tas-suġġett u kemm fir-rigward tad-destinatarji tal-investigazzjoni.

73      Għandu jiġi rrilevat li, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, peress li kemm is-suġġett tal-informazzjoni u kemm l-identità tad-destinatarji tal-investigazzjoni kienu ċari ħafna fir-rapport tal-OLAF, dan ma ħalliex marġni ta’ manuvra wiesa’ lill-qrati Franċiżi f’dak li jikkonċerna l-implikazzjoni tar-rikorrent.

74      Fil-fatt, fir-rigward tas-suġġett tal-informazzjoni, din kienet suffiċjentement iddettaljata, hekk kif jirriżulta mit-titolu tar-rapport “[d]enunzja ta’ fatti li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala kriminali” u tal-kontenut tal-punt 2 tar-rapport “[k]ronoloġija tal-fatti suġġett tal-investigazzjoni”.

75      Fir-rigward tal-implikazzjoni tar-rikorrent, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li r-rapport jenfasizza l-implikazzjoni diretta ta’ Y. Franchet, Direttur tal-Eurostat u kap tar-rikorrent, kif ukoll ta’ D. Byk, Kap ta’ Diviżjoni u subordinat tar-rikorrent. B’hekk, peress li r-rikorrent kien ippożizzjonat fil-ġerarkija bejn Y. Franchet u D. Byk, anki jekk ma ssemmiex fir-rapport, l-awtoritajiet ta’ investigazzjoni kriminali Franċiżi twasslu neċessarjament sabiex jissuspettaw li r-rikorrent kien implikat fir-reati deskritti fih. Din l-affermazzjoni hija kkorroborata wkoll mid-digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, sa fejn ir-relazzjoni professjonali tar-rikorrent ma’ D. Byk ġiet enfasizzata. Fil-fatt, id-digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni jafferma li D. Byk “mill-1994, kien jaħdem taħt l-awtorità [tar-rikorrent]” u li r-rikorrent kien is-“superjur fil-ġerarkija ta’ D. Byk” (paġni 12 u 21).

76      It-tieni nett, l-implikazzjoni tar-rikorrent minħabba l-funzjoni tiegħu u r-rwol tiegħu fi ħdan l-Eurostat tirriżulta b’mod ċar mill-fatti illegali ddenunzjati fin-nota tad-19 ta’ Marzu 2003, u ġiet ikkorroborata mid-digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni. Fil-fatt, fil-punt 2.3 tan-nota tad-19 ta’ Marzu 2003, dwar il-“konstatazzjonijiet magħmula matul l-investigazzjoni”, ġie indikat fir-raba’ paragrafu li, “[f’]dan il-każ, parti sinjifikattiva tad-dħul mill-bejgħ ‘iddikjarat’ minn dawn it-tliet Datashops – bejn 50 u 55 % – kien jiffinanzja fond sigriet li l-użu tiegħu kien suġġett għall-awtorizzazzjoni ta’ uffiċjal tal-[Eurostat]”. Issa, hekk kif jirriżulta mill-paġna 9 tad-digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, “id-direttur kummerċjali tal-MESSAGERIES DU LIVRE, talab lill-Eurostat, irrappreżentat mis-Sinjuri […] jew DE ESTEBAN, sabiex jiksbu awtorizzazzjoni għall-ħlas tal-fatturi mibgħuta”. Għandu jiġi nnotat li, hekk kif jirriżulta mill-fajl tal-kawża, kienu biss ħames persuni li setgħu jagħtu din l-awtorizzazzjoni, li wieħed minnhom huwa msemmi b’ismu fin-nota u l-ieħor kien ir-rikorrent. Barra minn hekk, fil-paġna 15 tad-digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, huwa spjegat li “il-movimenti mwettqa fuq ir-riżerva finanzjarja twettqu taħt il-kontroll […] sal-1998, [tar-rikorrent], direttur ta’ D. Byk”. Bħala konsegwenza, ma seta’ jkun hemm l-ebda dubju possibbli fir-rigward tal-identità tal-persuni implikati fil-fatti deskritti fin-nota mibgħuta mill-OLAF. L-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw għall-affermazzjonijiet li jipprovdu li “ċerti uffiċjali Komunitarji implimentaw netwerk ta’ operaturi ekonomiċi li wieħed mill-għanijiet tiegħu kien li jaħbi mill-Kummissjoni parti mid-dħul li ġej mill-bejgħ” u “dawn l-istess uffiċjali Komunitarji ddisponew mis-somom inkwistjoni” (paġna 7 tan-nota tad-19 ta’ Marzu 2013, punt 3.1 Abbuż ta’ fiduċja). Fil-fatt, il-persuni implikati deskritti kellhom rwol, minħabba l-fatt tal-funzjonijiet tagħhom fi ħdan l-Eurostat, ta’ operaturi ekonomiċi li kellhom il-kapaċità, ukoll minħabba l-funzjonijiet tagħhom, li jiddisponu mis-somom inkwistjoni. Bħala konsegwenza, l-implikazzjoni tar-rikorrent, li kien id-Direttur tad-Direttorat “Informatika, pubblikazzjonijiet u relazzjonijiet esterni” tal-Kummissjoni u s-superjur ġerarkiku ta’ D. Byk, tirriżulta faċilment mill-fatti deskritti fin-nota tad-19 ta’ Marzu 2013.

77      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu għaldaqstant jiġi rrilevat li, abbażi tal-informazzjoni mibgħuta mill-OLAF, fin-nota tad-19 ta’ Marzu 2003 lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi, ir-rikorrent kellu jiġi ttrattat, minħabba l-funzjonijiet li kien iwettaq fiż-żmien meta seħħew il-fatti, bħall-persuni msemmija fil-konklużjonijiet tal-OLAF.

78      Barra minn hekk, fir-rigward tal-eċċezzjoni dwar il-bżonn li tinżamm is-segretezza assoluta għall-finijiet tal-investigazzjoni, prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396, ġie kkonstatat fil-punti 148 u 149 tas-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni (T‑48/05, EU:T:2008:257), li, minkejja l-fatt li d-Direttur Ġenerali tal-OLAF kien ikkonstata fin-nota tat-3 ta’ April 2003 li “uffiċjali tal-Eurostat u tal-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej kienu implikati, li din il-parti tal-fajl kienet ġiet mogħtija lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi u li kien ġie miftiehem li tiġi ddifferita n-notifika lill-uffiċjali skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 minħabba l-bżonn li tinżamm segretezza assoluta għall-finijiet tal-investigazzjoni”, il-Kummissjoni kienet ikkonfermat, f’risposta bil-miktub lill-Qorti Ġenerali, li s-Segretarju Ġenerali tagħha ma kellux l-okkażjoni li jagħti l-approvazzjoni tiegħu sabiex jiġi ddifferit l-obbligu li Y. Franchet u D. Byk jiġu mistiedna jesprimu ruħhom.

79      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kkonfermat, wara domanda bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li s-Segretarju Ġenerali tagħha ma kienx ġie adit fir-rigward tar-rikorrent, peress li ma kienx imsemmi fil-konklużjonijiet tal-OLAF u li, bħala konsegwenza, il-każ tiegħu ma waqax taħt l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396. B’hekk, l-OLAF ma kellux l-obbligu li jagħtih il-possibbiltà li jesprimi ruħu, u lanqas, barra minn hekk, il-possibbiltà li jiddiferixxi dan is-smigħ tar-rikorrent. Issa, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-punt 77 hawn fuq, fid-dawl tal-informazzjoni li hemm fin-nota tad-19 ta’ Marzu 2003 u trażmessa mill-OLAF lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi, ir-rikorrent kellu jiġi ttrattat bħall-persuni msemmija fil-konklużjonijiet tal-OLAF, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396.

80      Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li, skont il-ġurisprudenza, l-obbligu li tintalab u tinkiseb l-approvazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni ma huwiex sempliċi formalità li tista’, skont il-każ, tiġi ssodisfatta fi stadju ulterjuri. Fil-fatt, ir-rekwiżit li jinkiseb dan il-kunsens jitlef l-iskop tiegħu, jiġifieri dak li jiggarantixxi li d-drittijiet tad-difiża tal-uffiċjali kkonċernati jiġu rrispettati, kieku l-att li huma jiġu informati jiġi ddifferit biss f’każijiet verament eċċezzjonali u li l-evalwazzjoni ta’ din in-natura eċċezzjonali ma tkunx riżervata biss għall-OLAF iżda teħtieġ ukoll l-evalwazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni (sentenza tat-8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T‑48/05, EU:T:2008:257, punt 151).

81      Bħala konsegwenza, il-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396, li jippermettu li jiġi ddifferit is-smigħ inkwistjoni, ma ġewx issodisfatti kompletament f’dak li jikkonċerna lir-rikorrent, li ġie impliċitament, iżda neċessarjament imsemmi fin-nota tad-19 ta’ Marzu 2013.

82      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-OLAF kiser l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 u d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent waqt it-trażmissjoni tal-fajl Datashop – Planistat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi.

83      F’kull każ, anki kieku jitqies li r-rikorrent ma jistax jiġi ttrattat bħal persuna msemmija fil-konklużjonijiet tal-OLAF, fis-sens tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396, għandu jiġi kkonstatat li, minn dak kollu li ntqal qabel, jirriżulta li r-rikorrent kellu mill-inqas jiġi kkunsidrat bħala persuna implikata personalment fil-fatti fl-oriġini tal-kawża preżenti u, minħabba dan, informat mill-iktar fis, sa fejn ma ġiex stabbilit li kien hemm ir-riskju li jippreġudika l-investigazzjoni, konformement mal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-istess artikolu.

84      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mill-fajl ma tirriżulta l-ebda raġuni li tista’ tiġġustifika n-nuqqas tal-OLAF li jinforma lir-rikorrent. Bil-kontra, skont il-proċess verbal tal-1613‑il laqgħa tal-Kummissjoni miżmuma fil-21 ta’ Mejju 2003, mehmuż mar-risposta, il-Kummissjoni kienet innotat “l-intenzjoni tal-OLAF li jħaffef l-investigazzjonijiet għaddejjin u, b’mod partikolari, li jagħti lill-uffiċjali li jikkunsidra bħala potenzjalment implikati, l-opportunità li jiġu mismugħa”. Minn din l-affermazzjoni jirriżulta li l-ebda raġuni imperattiva li titħares is-segretezza assoluta tal-investigazzjoni inkwistjoni ma kienet ġiet identifikata f’din il-fażi. Barra minn hekk, l-ebda element fil-fajl ma jidher li juri li r-rikorrent seta’, kieku ġie informat bil-possibbiltà tal-implikazzjoni personali tiegħu fil-fatti, jippreġudika l-investigazzjoni.

85      B’hekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-OLAF ma rrispettax l-obbligu tiegħu li jinforma lir-rikorrent, li huwa obbligu impost fuqu abbażi tal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396.

86      Il-kwistjoni sabiex isir magħruf sa fejn l-illegalitajiet ikkonstatati setgħu kienu fl-oriġini tad-dannu invokat mir-rikorrent ser tkun eżaminata fil-punti 122 et seq. iktar ’il quddiem.

 Fuq l-illegalità tal-aġir tal-Kummissjoni

87      Ir-rikorrent jinvoka żewġ ilmenti. Fl-ewwel lok, isostni li l-Kummissjoni, billi dehret bħala parti ċivili quddiem il-qrati Franċiżi qabel ma ngħalqet l-investigazzjoni mwettqa mill-OLAF, kisret ir-regoli li jirregolaw ir-Regolament Nru 1073/1999.

88      Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni kisret id-dritt għal amministrazzjoni tajba u d-dmir ta’ premura fil-konfront tiegħu, billi tawlet il-proċeduri ġudizzjarji repetutament sa fejn anki ressqet quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni, mingħajr ma pproduċiet provi suffiċjenti kontrih.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tar-regoli li jirriżultaw mir-Regolament Nru 1073/1999 minħabba l-fatt li dehret bħala parti ċivili quddiem il-qrati Franċiżi qabel ma ngħalqet l-investigazzjoni mwettqa mill-OLAF

89      Il-Kummissjoni ssostni li l-imsemmi lment għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, peress li tqajjem għall-ewwel darba fir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali mir-rikorrent, peress li effettivament ma kienx issemma qabel fil-fażi prekontenzjuża.

90      Għandu jitfakkar li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, ir-regola ta’ konkordanza bejn l-ilment, fis-sens tal-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, u r-rikors sussegwenti teżiġi, taħt piena ta’ inammissibbiltà, li l-motivi diretti kontra l-att li jikkawża preġudizzju mqajma quddiem il-qorti tal-Unjoni jkunu diġà tressqu fil-kuntest tal-proċedura kontenzjuża, sabiex l-Awtorità tal-Ħatra tkun f’pożizzjoni li ssir taf il-kritika fformulata mill-parti kkonċernata kontra d-deċiżjoni kkontestata. Din ir-regola hija ġġustifikata mill-għan stess tal-proċedura prekontenzjuża, peress li din għandha l-għan li tippermetti soluzzjoni bonarja għat-tilwim li jkun nibet bejn l-uffiċjali u l-amministrazzjoni (ara s-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Gyarmathy vs FRA, F‑97/13, EU:F:2015:7, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      Għalhekk, fir-rikors tal-uffiċjali, it-talbiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Unjoni jista’ jkollhom biss kapijiet ta’ kontestazzjoni li huma bbażati fuq l-istess kawża bħal dik li fuqha jkunu bbażati l-kapijiet ta’ kontestazzjoni invokati fl-ilment, bil-preċiżazzjoni li dawn il-kapijiet ta’ kontestazzjoni jistgħu jiġu żviluppati, quddiem il-Qorti tal-Unjoni, bil-preżentazzjoni ta’ motivi u argumenti li mhux neċessarjament ikunu jidhru fl-ilment, iżda li jkunu relatati mill-qrib miegħu (ara s-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Gyarmathy vs FRA, F‑97/13, EU:F:2015:7, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92      Fl-aħħar, għandu jiġi enfasizzat li, peress li l-proċedura prekontenzjuża għandha natura informali u li b’mod ġenerali l-persuni interessati jaġixxu f’dan l-istadju mingħajr l-użu ta’ avukat, l-amministrazzjoni ma għandhiex tinterpreta l-ilmenti b’mod restrittiv, iżda għandha, kuntrarjament, teżaminahom b’mod wiesa’. Barra minn hekk, l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal ma għandux l-għan li jorbot, b’mod rigoruż u definittiv, il-fażi kontenzjuża eventwali, peress li r-rikors kontenzjuż la jibdel il-kawża u lanqas is-suġġett tal-ilment. Madankollu, jibqa’ l-fatt li, sabiex il-proċedura prekontenzjuża prevista mill-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tkun tista’ tilħaq l-għan tagħha, jeħtieġ li l-Awtorità tal-Ħatra tkun f’pożizzjoni li tkun taf b’mod suffiċjentement preċiż il-kritiki fformulati mill-persuni kkonċernati kontra d-deċiżjoni kkontestata (ara s-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Gyarmathy vs FRA, F‑97/13, EU:F:2015:7, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Fil-kawża preżenti, hemm lok li jiġi kkonstatat li, kemm fit-talba għal kumpens u kemm fl-ilment, ir-rikorrent jallega xi illegalitajiet imwettqa mill-OLAF u mill-Kummissjoni minħabba l-fatt li ma ġiex mismugħ u informat bit-trażmissjoni tal-fajl tal-OLAF lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi u minħabba l-fatt tal-persistenza akkanita tal-Kummissjoni waqt il-proċedimenti quddiem il-qrati Franċiżi, mingħajr provi ġodda wara li kien ġie ddikjarat innoċenti bid-digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni. L-argument ġuridiku tiegħu huwa, għaldaqstant, żviluppat f’zewġ partijiet matul il-proċedura prekontenzjuża, filwaqt li huwa jibbaża ruħu fuq tliet ilmenti fir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali. Madankollu, hemm lok li jiġi nnotat li, fit-talba għal kumpens ippreżentata lill-Awtorità tal-Ħatra, fit-22 ta’ Diċembru 2016, ir-rikorrent jikkontesta l-fatt li “il-Kummissjoni dehret bħala parti ċivili, mingħajr ma kienet obbligata” fil-kuntest ta’ lment dwar l-illegalità mwettqa mill-Kummissjoni minħabba l-fatt li kompliet il-proċeduri kriminali kontrih wara li ġie ddikjarat innoċenti (punt 14, it-tieni paragrafu, paġna 6 tal-Anness A 11 tar-rikors). Barra minn hekk, fl-ilment ippreżentat fl-1 ta’ Awwissu 2017 kontra d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tiċħad it-talba għal kumpens tiegħu, ir-rikorrent ifakkar li “hu fuq il-bażi ta’ din l-investigazzjoni, li ngħalqet fil-25 ta’ Settembru 2003, li l-qorti istruttorja […] innotifikat dan id-digriet lill-persuni investigati” (paġna 5, Anness A 13). Barra minn hekk, ir-rikorrent jallega fl-ilment tiegħu li “il-Kummissjoni Ewropea kienet tassew webbset rasha fil-proċeduri kriminali diretti” kontrih (paġna 6, Anness A 13).

94      Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li, anki jekk l-argumenti tat-tieni lment, li jirrigwardaw il-fatt li l-Kummissjoni kienet dehret bħala parti ċivili quddiem il-qrati Franċiżi preċedentement għall-għeluq tal-investigazzjoni mmexxija mill-OLAF, ma tqajmux bħala lment awtonomu, l-argumenti huma bbażati fuq l-istess kwistjoni tal-kapijiet ta’ kontestazzjoni invokati fl-ilment u ġew ippreżentati matul il-fażi prekontenzjuża kollha. Barra minn hekk, dan l-argument huwa marbut b’mod strett mal-illegalitajiet imwettqa mill-Kummissjoni minħabba l-fatt tal-proċeduri ġudizzjarji tagħha kontra r-rikorrent billi dehret, fl-ewwel lok, bħala parti ċivili u billi ppersistiet, fit-tieni lok, fil-proċeduri kontra r-rikorrent, mingħajr ma kienet qiegħda tiddisponi minn elementi suffiċjenti fil-konfront tiegħu. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli abbażi tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 91 hawn fuq.

95      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni, billi dehret bħala parti ċivili quddiem il-qrati Franċiżi preċedentement għall-għeluq tal-investigazzjoni mmexxija mill-OLAF, kisritx ir-regoli stabbiliti mir-Regolament Nru 1073/1999.

96      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li hija kienet ippreżentat ilment u dehret bħala parti ċivili quddiem il-qrati Franċiżi wara xi informazzjoni li rċeviet mingħand il-Maġistrat tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Pariġi skont liema, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 113‑8 tal-Kodiċi Kriminali Franċiż, il-Kummissjoni kellha tippreżenta lment quddiem il-Prosekutur Pubbliku ta’ Pariġi sabiex l-ilment finanzjarju ma jiġix limitat biss għar-reati ta’ pussess ta’ oġġetti misruqa mwettqa fi Franza u sabiex tkun tista’ titlob il-kumpens għat-totalità tad-danni subiti fil-Lussemburgu u fi Brussell (ara l-Anness B.11).

97      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 1073/1999 jipprevedi, f’dak li jikkonċerna l-investigazzjonijiet interni, dan li ġej:

“Rapporti mħejjija wara investigazzjoni interna u kull dokument relatat li jkun utli għandhom jintbagħtu lill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija iinvoluta. L-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija għandhom jieħdu dik l-azzjoni, partikolarment dixxiplinarja jew legali, fuq il-bażi ta’ l-investigazzjonijiet interni, skond ir-riżultati ta’ dawk l-investigazzjonijiet, u għandha tirraporta dwarha lid-Direttur [tal-OLAF] fit-terminu ta’ żmien minnu stipulat fis-sejbiet tar-rapport tiegħu.”

98      F’dak li jikkonċerna l-proċeduri dixxiplinari, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-kawża Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni (T‑48/05, EU:T:2008:257, punt 351), li l-Kummissjoni kisret ir-regoli li jirregolaw il-proċedura dixxiplinarja minħabba l-fatt li bdiet il-proċedura dixxiplinarja kontra Y. Franchet u D. Byk qabel ma l-investigazzjonijiet tal-OLAF kienu ġew magħluqa. Barra minn hekk, l-għan imfittex minn dawn ir-regoli huwa, b’mod partikolari, li jipproteġu lill-uffiċjal ikkonċernat billi jiggarantixxu li l-Awtorità tal-Ħatra tkun tiddisponi, qabel ma tiftaħ il-proċeduri dixxiplinari, minn elementi preċiżi u rilevanti, b’mod partikolari għall-iskaġunar tiegħu, stabbiliti matul l-investigazzjoni mmexxija mill-OLAF, li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu mezzi ta’ investigazzjoni wiesgħa. Minħabba din ir-raġuni, ir-regoli li jirregolaw il-proċedura dixxiplinarja msemmijin jikkostitwixxu regoli ta’ dritt li jagħtu drittijiet lill-invidwi.

99      Barra minn hekk, ir-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxu, fl-Artikolu 25 tal-Anness IX dwar il-proċeduri dixxiplinari, li, “meta uffiċjal jitħarrek għal dawk l-istess atti, deċiżjoni finali tittieħed biss wara li verdett finali jintlaħaq mill-qorti li qed tisma’ l-kawża”.

100    Issa, fil-kawża preżenti, ir-rikorrent ma jikkontestax il-fatt li proċedura dixxiplinarja nfetħet fil-konfront tiegħu, iżda l-fatt li l-Kummissjoni bdiet xi azzjonijiet ġudizzjarji kontrih qabel ma ngħalqet l-investigazzjoni tal-OLAF. Ċertament, għalkemm huwa minnu li ma teżistix regola espliċita li tipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tidher bħala parti ċivili jew li tipproċedi kriminalment kontra uffiċjal sakemm l-OLAF ikun ippreżenta r-rapport finali tal-investigazzjoni tiegħu, xorta jibqa’ l-fatt li r-raġunament espost hawn fuq fir-rigward tal-proċeduri dixxiplinari jista’ japplika b’analoġija għall-proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali, li jikkonforma mal-ispirtu u mal-ittra tar-Regolament Nru 1073/1999.

101    Fil-fatt, l-Artikolu 9(2) u (4) tar-Regolament Nru 1073/1999 jipprevedi, minn naħa, li “ir-rapporti […]preparati fuq dik il-bażi għandhom jikkostitwixxu prova ammissibbli fi proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru li fih l-użu tagħhom jirriżulta li huwa meħtieġ, bl-istess mod u taħt l-istess kondizzjonijiet bħar-rapporti amministrattivi mħejjija minn spetturi amministrattivi nazzjonali” u, min-naħa l-oħra, li “[l]-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija għandhom jieħdu dik l-azzjoni, partikolarment dixxiplinarja jew legali, fuq il-bażi ta’ l-investigazzjonijiet interni, skond ir-riżultati ta’ dawk l-investigazzjonijiet”.

102    B’hekk, abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, peress li l-OLAF mexxa investigazzjoni fis-sens tar-Regolament Nru 1073/1999, l-istituzzjoni kkonċernata għandha tieħu l-azzjoni legali mitluba fir-rapport tal-investigazzjoni, sa fejn dak ir-rapport jikkostitwixxi element meħtieġ ta’ evidenza fir-rigward ta’ dik il-proċedura.

103    Barra minn hekk, il-Kummissjoni, waqt il-laqgħa tagħha tal-21 ta’ Mejju 2003 (ara l-proċess verbal tal-1613‑il laqgħa tal-Kummissjoni li nżammet fil-21 ta’ Mejju 2003, pp. 16 u 17), billi għamlet referenza għall-kawża “Eurostat” u għall-investigazzjoni tal-OLAF, insistiet “fuq ir-rispett neċessarju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza” u fuq il-fatt li “l-informazzjoni li għandha ma tippermettix f’din il-fażi sabiex tasal għal konklużjoni dwar l-uffiċjali kkonċernati”. Minkejja dan, mill-istess proċess verbal jirriżulta li hija ddeċidiet li “tidher bħala parti ċivili fil-proċedura li nfetħet fi ħdan il-Prosekutur tar-Repubblika tat-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Pariġi, Franza) bħala riżultat tat-talba mressqa mill-OLAF”. Għal dan il-għan, “hija tagħti lid-DG BUDGET ir-responsabbiltà li jeżamina r-riżultat tar-rapporti ta’ verifika stabbiliti mill-Eurostat f’dak li jikkonċerna r-rispett tal-leġiżlazzjoni finanzjarja”. Barra minn hekk, hekk kif ġie indikat fil-punt 84 hawn fuq, hija “tinnota l-intenzjoni tal-OLAF li jħaffef l-investigazzjoni tiegħu u, b’mod partikolari, li jagħti lill-uffiċjali li huwa jikkunsidra bħala potenzjalment implikati l-opportunità li jiġu mismugħa”. Il-Kummissjoni tindika wkoll li d-Direttur Ġenerali tal-OLAF kien qiegħed jistenna r-riżultat ta’ dawn il-ħidmiet fit-tmiem ta’ Ġunju 2003. Fl-aħħar, hija “tagħti r-responsabbiltà lis-Segretarju Ġenerali sabiex jikkoordina l-partijiet differenti tal-fajl kif ukoll sabiex jipproponi l-miżuri u proċeduri interni neċessarji”.

104    Mill-imsemmi proċess verbal jirriżulta li, f’din id-data, jiġifieri fil-21 ta’ Mejju 2003, il-Kummissjoni kienet konxja tal-fatt li kellha tiżgura r-rispett tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza fil-kawża inkwistjoni, peress li l-informazzjoni li kellha ma ppermettietx li tiġi konkluża l-ħtija tal-uffiċjali msemmija u, barra minn hekk, lanqas dik tal-uffiċjali potenzjalment implikati, fosthom ir-rikorrent. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tidher bħala parti ċivili u, għal dan il-għan, hija tat ir-responsabbiltà lid-Direttorat Ġenerali tal-baġit sabiex janalizza r-riżultati tar-rapporti tal-verifika tal-Eurostat u hija tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-OLAF kellu l-intenzjoni li jħaffef l-investigazzjonijiet tiegħu u li jagħti r-riżultati tal-investigazzjonijiet lejn it-tmiem ta’ Ġunju 2003. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni kienet tat ir-responsabbiltà lis-Segretarju Ġenerali sabiex jikkoordina l-imsemmija informazzjoni kif ukoll sabiex jipproponi l-miżuri u l-proċeduri interni neċessarji.

105    Issa, mill-fajl tal-kawża jirriżulta li, fl-10 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni ppreżentat ilment kontra X, u dehret bħala parti ċivili, mingħajr ma l-investigazzjoni tal-OLAF kienet ingħalqet u mingħajr ma kienet tiddisponi minn elementi ta’ prova oħra ħlief dawk ippreżentati mill-OLAF fir-rapport mibgħut fid-19 ta’ Marzu 2003 (ara l-Anness B3, Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tressaq ilment kontra X, punt 14).

106    Fil-fatt, l-investigazzjoni tal-OLAF ingħalqet fil-25 ta’ Settembru 2003, u sussegwentement, ir-rapport finali u l-annessi tiegħu ġew ippreżentati lill-awtorità ġudizzjarja Franċiża (ara l-Anness B4, Rapport Finali tal-OLAF 295/09/2003). Għandu jiġi osservat li, fir-rapport finali tal-investigazzjoni, l-OLAF afferma li, “sussegwentement għat-trażmissjoni mill-OLAF lis-servizz ġuridiku tal-Kummissjoni ta’ rapport iddettaljat tat-22 ta’ April 2003, il-Kummissjoni Ewropea tat permess lis-servizz ġuridiku sabiex iressaq ilment dwar id-dannu subit”. Madankollu, għandu jiġi nnotat li l-imsemmi rapport iddettaljat tat-22 ta’ April 2003 (ara l-Anness B11, Nota għall-attenzjoni tas-servizz ġuridiku tal-Kummissjoni) ma ressaqx informazzjoni, indizji jew provi fuq il-fatti u l-uffiċjali akkużati kriminalment. Din l-ittra tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF kienet limitata sabiex tfakkar li ntbagħtet in-nota tad-19 ta’ Marzu 2003 lill-awtoritajiet Franċiżi u enfasizzat li huwa rċieva xi informazzjoni mingħand il-qrati Franċiżi li abbażi tagħha, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 113‑8 tal-Kodiċi Kriminali Franċiż, huma qiesu bħala neċessarju li l-Kummissjoni tippreżenta lment quddiem il-Prosekutur Pubbliku ta’ Pariġi sabiex b’hekk tkun tista’ titlob il-kumpens għat-totalità tad-dannu subit fil-Lussemburgu u fi Brussell ukoll.

107    Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 87 tal-Kodiċi Kriminali Franċiż jipprevedi, f’dak li jikkonċerna l-parteċipazzjoni bħala parti ċivili fil-każ fejn il-Prosekutur Pubbliku jiftaħ informazzjoni ġudizzjarja, li “il-parteċipazzjoni ta’ parti ċivili tista’ sseħħ fi kwalunkwe mument waqt l-istruzzjoni”. Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet tistenna li tingħalaq l-investigazzjoni tal-OLAF qabel ma tidher bħala parti ċivili u tressaq ilment. Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-proċess verbal tal-21 ta’ Mejju 2003, il-Kummissjoni kienet informata bl-“intenzjoni tal-OLAF li jħaffef l-investigazzjonijiet għaddejjin” u li “id-Direttur Ġenerali tal-OLAF [kien qiegħed] jistenna r-riżultati tal-ħidma tiegħu fi tmiem Ġunju 2003”.

108    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kellhiex tidher bħala parti ċivili u tilmenta quddiem il-qrati nazzjonali Franċiżi qabel ma ngħalqet l-investigazzjoni tal-OLAF, li rrigwardat l-istess fatti, sabiex tipproteġi lill-uffiċjali kkonċernati. Fil-fatt, kien biss billi jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-konklużjonijiet tal-investigazzjoni tal-OLAF li l-Kummissjoni kienet tkun f’pożizzjoni sabiex tieħu deċiżjoni informata, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-provi kollha żvelati mill-OLAF, u potenzjalment tal-provi preċiżi u rilevanti kontra l-uffiċjali kkonċernati.

109    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi nnotat li l-Kummissjoni kisret ir-Regolament Nru 1073/1999 u, b’mod iktar partikolari, l-Artikolu 9(4) tiegħu billi pparteċipat bħala parti ċivili u billi ppreżentat ilmenti quddiem il-qrati Franċiżi qabel ma ħareġ ir-rapport finali tal-OLAF, mingħajr ma kienet tiddisponi minn elementi ta’ prova suffiċjenti u konklużivi kontra l-persuni potenzjalment implikati min-nota tad-19 ta’ Marzu 2003, fosthom ir-rikorrent.

110    Il-kwistjoni sabiex isir magħruf sa fejn din l-illegalità ħolqot dannu għar-rikorrent ser tkun eżaminata fil-punti 122 et seq. iktar ’il quddiem.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura tal-Kummissjoni minħabba l-fatt li tawlet il-proċedimenti ġudizzjarji mingħajr ma pproduċiet elementi ta’ prova suffiċjenti

111    F’dan ir-rigward, il-fatt li individwu jista’ jasserixxi d-drittijiet tiegħu permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja kif ukoll il-kontroll ġudizzjarju li dan jimplika, huwa l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt li jinsab fil-bażi ta’ tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni fl-Istati Membri u li ġie stabbilit ukoll mill-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (sentenzi tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston, 222/84, EU:C:1986:206, punti 17 u 18, u tas-17 ta’ Lulju 1998, ITT Promedia vs Il-Kummissjoni, T‑111/96, EU:T:1998:183, punt 60) u mill-Artikolu 47 tal-Karta. Peress li l-aċċess għall-qorti huwa dritt fundamentali u prinċipju ġenerali li jiggarantixxi r-rispett tal-liġi, huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali ħafna li l-fatt li istituzzjoni tieħu azzjoni legali jista’ jikkostitwixxi nuqqas amministrattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Settembru 1999, Frederiksen vs Il-Parlament, T‑48/97, EU:T:1999:175, punt 97).

112    Fil-kawża preżenti, għandu jiġi kkunsidrat li, irrispettivament mill-kliem tad-digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni u tas-sentenza tal-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, iċ-ċirkustanzi f’dan il-każ ma jidhrux eċċezzjonali sal-punt li jwasslu għall-konklużjoni li l-appell u l-appell fil-kassazzjoni jikkostitwixxu nuqqasijiet amministrattivi tal-Kummissjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija hawn fuq. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent ma ppreżentax provi li jistgħu juru li l-Kummissjoni, minħabba l-aġir tagħha, wettqet tali żball.

113    Minn dan isegwi li r-rikorrent ma huwiex fondat li jitlob il-kumpens ta’ dannu materjali, fiżiku u morali kkawżat minħabba l-fatt li l-Kummissjoni kkontestat id-digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni quddiem il-qrati kriminali Franċiżi bejn l-2013 u l-2016.

114    Fir-rigward tal-ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura tal-Kummissjoni, minħabba l-fatt li tawlet il-proċedimenti ġudizzjarji kontra r-rikorrent, għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza, id-dmir ta’ premura jirrifletti l-bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi reċiproċi bejn l-awtorità pubblika u l-uffiċjali fis-servizz pubbliku. Dan il-bilanċ jimplika, b’mod partikolari, li, meta tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal, l-awtorità għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha li jistgħu jaffettwaw id-deċiżjoni tagħha u, f’tali każ, għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interess tas-servizz iżda wkoll dak tal-uffiċjal ikkonċernat. Dan l-obbligu tal-aħħar huwa impost fuq l-amministrazzjoni wkoll mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2017, Arango Jaramillo et vs BEI, T‑482/16 RENV, EU:T:2017:901, punt 131 (mhux ippubblikat) u l-ġurisprudenza ċċitata).

115    Fil-kawża preżenti, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 112 hawn fuq, il-Kummissjoni ma wettqitx nuqqas amministrattiv billi kkontestat quddiem il-qrati kriminali Franċiżi d-digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni anki fil-kassazzjoni sabiex tiddefendi l-interessi ekonomiċi tal-istituzzjoni. Bl-istess mod, id-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni fir-rigward tar-rikorrent ma jista’ fl-ebda każ jimponi l-obbligu li ma jiġux difiżi l-interessi ekonomiċi tal-istituzzjoni u, bħala konsegwenza, li ma jiġux ikkontestati d-deċiżjonijiet tal-qrati Franċiżi. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-realtà tad-danni allegatament subiti u l-eżistenza ta’ rabta kawżali

116    B’teħid inkunsiderazzjoni tar-rabta partikolarment stretta li teżisti, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, bejn il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrent ġarrabx dannu li jista’ jiġi kkumpensat u dik tar-rabta kawżali bejn l-illegalitajiet ikkonstatati u d-dannu allegat, dawn iż-żewġ domandi għandhom jiġu ttrattati flimkien.

117    Qabel kollox, ir-rikorrent isostni li huwa ssubixxa dannu pekunjarju li jirriżulta mid-dannu kontra r-reputazzjoni u l-unur tiegħu bl-akkużi serji u mhux fondati mressqa kontrih, kif ukoll dannu morali minħabba t-tbatija kkawżata mill-fatt li ġie akkużat bla heda u b’mod imprudenti mill-amministrazzjoni. Dawn id-danni materjali, morali u fiżiċi ġew ikkawżati, fl-opinjoni tiegħu, mill-ksur tar-regoli dwar l-investigazzjonijiet imwettqa mill-OLAF u mill-aġir mhux iġġustifikat u sproporzjonat tal-Kummissjoni fil-konfront tiegħu.

118    B’mod iktar partikolari, ir-rikorrent isostni li, fir-rigward tad-danni morali, l-aġir illegali tal-Kummissjoni kkawżalu spejjeż sinjifikattivi. Huwa jitlob f’dan ir-rigward, minn naħa, is-somma ta’ EUR 39 293.38 abbażi ta’ spejjeż ta’ avukati sostnuti quddiem il-qrati nazzjonali Franċiżi u tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, is-somma ta’ EUR 872.74 li jikkostitwixxu spejjeż tal-ivvjaġġar imġarrba matul il-proċeduri ġudizzjarji.

119    Sussegwentement, ir-rikorrent jallega li l-interrogazzjoni u d-detenzjoni tiegħu waqt proċedimenti kriminali twal ikkawżawlu dannu morali. Huwa jsostni li fatt tal-ftuħ ta’ proċeduri ġudizzjarji kontrih filwaqt li l-investigazzjoni mmexxija mill-OLAF kienet għadha ma ngħalqitx, kif ukoll il-fatt li l-innoċenza tiegħu ġiet ikkontestata sal-fażi tal-kassazzjoni, wara li kienet ġiet iddikjarata mill-qrati Franċiżi, mingħajr ma kien hemm elementi ta’ informazzjoni suffiċjentement preċiżi u rilevanti, ippreġudikaw l-unur u r-reputazzjoni professjonali tiegħu. Skont ir-rikorrent, il-proċedura mibdija kontrih ġiegħlet lill-ex kollegi u lit-tim tiegħu jemmnu li huwa kien involut fi skandlu finanzjarju. Minħabba dan il-fatt, huwa jitlob is-somma ta’ EUR 500 000 abbażi ta’ kumpens għad-dannu morali subit bl-illegalitajiet imwettqa mill-Kummissjoni.

120    Fl-aħħar, ir-rikorrent isostni li l-iżbalji serji akkużata bihom l-amministrazzjoni tal-Unjoni kkawżawlu wkoll dannu marbut mal-istat tas-saħħa tiegħu, peress li, wara t-tensjoni li l-proċedimenti kriminali mressqa kontrih b’mod imprudenti u bla heda kkawżawlu, huwa żviluppa marda serja li hija attestata minn rapport mediku. Għal dan, huwa jitlob is-somom ta’ EUR 500 000 bħala kumpens għad-dannu fiżiku subit minħabba d-degradazzjoni tal-istat ta’ saħħa tiegħu u EUR 2 125.56 bħala kumpens għall-ispejjeż mediċi sostnuti minnu minħabba l-fatt li l-marda żvilippat wara l-aġir sproporzjonat u mhux iġġustifikat tal-Kummissjoni fil-konfront tiegħu.

121    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

122    Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex ikun jista’ jiġu kkumpensat, id-dannu għandu jirriżulta b’mod suffiċjentement dirett mill-aġir ikkritikat (sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 1979, Dumortier et vs Il-Kunsill, 64/76, 113/76, 167/78, 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, EU:C:1979:223, punt 21; tas-27 ta’ Ġunju 2000, Meyer vs Il-Kummissjoni, T‑72/99, EU:T:2000:170, punt 49; u tat-8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T‑48/05, EU:T:2008:257, punt 397). Jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita sew, li hija l-persuna li tkun qiegħda titlob il-kumpens li għandha ġġib il-prova tar-rabta kawżali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Jannar 1992, Finsider et vs Il-Kummissjoni, C‑363/88 u C‑364/88, EU:C:1992:44, punt 25; tat-30 ta’ Settembru 1998, Coldiretti et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑149/96, EU:T:1998:228, punt 101; u tat-8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T‑48/05, EU:T:2008:257, punt 397).

123    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, minn naħa, l-iżbalji tal-OLAF li jistgħu jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni jikkonsistu fit-trażmissjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi tal-informazzjoni mingħajr ma ġie mismugħ ir-rikorrent jew, għall-inqas, mingħajr ma ġie informat (ara l-punti 82 u 85 hawn fuq). Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni wettqet żball li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni billi dehret bħala parti ċivili u billi ressqet ilment kontra r-rikorrent qabel l-għeluq tal-investigazzjoni tal-OLAF (ara l-punt 108 hawn fuq).

124    Ir-rikorrent jinvoka tliet danni distinti f’din il-kawża, jiġifieri, dannu materjali, dannu morali u dannu fiżiku. Hemm lok li jiġi eżaminat suċċessivament kull wieħed minn dan it-tip ta’ danni sabiex jiġi evalwat sa fejn hija stabbilita l-eżistenza tagħhom, minn naħa, u r-rabta kawżali bejnhom u l-aġir akkużati bih l-OLAF u l-Kummissjoni, min-naħa l-oħra.

 Fuq id-dannu morali

125    Ir-rikorrent isostni li l-aġir illegali tal-Kummissjoni kkawżalu spejjeż sinjifikattivi. F’dan ir-rigward huwa jitlob is-somma ta’ EUR 39 293.38 abbażi ta’ spejjeż ta’ avukati sostnuti quddiem il-qrati nazzjonali Franċiżi u tal-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, is-somma ta’ EUR 872.74 li jikkostitwixxu spejjeż tal-ivvjaġġar imġarrba matul il-proċeduri ġudizzjarji.

126    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, kif ġustament tikkonstata l-Kummissjoni, li l-ispejjeż li r-rikorrent sostna għad-difiża tiegħu ma jikkostitwixxux dannu materjali iżda huma spejjeż. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li l-ispejjeż sostnuti mill-partijiet għall-finijiet ta’ proċedura ġudizzjarja ma jistgħux, bħala tali, jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu dannu distint mill-piż tal-ispejjeż fl-istanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 1999, Il-Kummissjoni vs Montorio, C‑334/97, EU:C:1999:290, punt 54).

127    Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna l-ispejjeż eventwali li jikkorrispondu għall-iżvolġiment tal-proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali, għandu jiġi kkunsidrat li ma jistgħux jiġu rrimborsati fil-kawża preżenti, fin-nuqqas ta’ rabta kawżali bejn l-allegat dannu u l-iżbalji mwettqa mill-OLAF u mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2004, François vs Il-Kummissjoni, T‑307/01, EU:T:2004:180, punt 109). F’kull każ, il-kwistjoni tar-rimbors ta’ spejjeż sostnuti fuq livell nazzjonali taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-qorti nazzjonali, peress li din tal-aħħar għandha, fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, tiddeċiedi din il-kwistjoni bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Settembru 1995, Nölle vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑167/94, EU:T:1995:169, punt 37).

128    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat li t-talba tar-rikorrent intiża għall-kumpens tad-dannu morali allegatament subit għandha tiġi miċħuda.

 Fuq id-dannu morali

129    Ir-rikorrent isostni li l-fatt li nfetħet proċedura ġudizzjarja kontrih filwaqt li l-investigazzjoni interna mmexxija mill-OLAF kienet għadha ma ngħalqitx kif ukoll il-fatt li l-innoċenza tiegħu ġiet ikkontestata sal-fażi tal-kassazzjoni, wara li kienet ġiet iddikjarata mill-qrati Franċiżi, mingħajr ma kien hemm elementi ta’ informazzjoni suffiċjentement preċiżi u rilevanti, ippreġudikaw l-unur u r-reputazzjoni professjonali tiegħu. Skont ir-rikorrent, il-proċedura mibdija kontrih ġiegħlet lill-ex kollegi u lit-tim tiegħu li jemmnu li huwa kien involut fi skandlu finanzjarju. Minħabba dan il-fatt, huwa jitlob is-somma ta’ EUR 500 000 abbażi ta’ kumpens għad-dannu morali subit bl-illegalitajiet imwettqa mill-Kummissjoni.

130    Qabel kollox, fil-kawża preżenti għandu jiġi rrilevat li l-fatt li l-Kummissjoni dehret bħala parti ċivili u ressqet ilment quddiem il-qrati Franċiżi qabel ma ngħalqet l-investigazzjoni mmexxija mill-OLAF ikkawża dannu għall-unur u r-reputazzjoni professjonali tiegħu. Fil-fatt, l-aġir tal-Kummissjoni kkawża dannu morali għar-rikorrent minħabba li ħalla li titwemmen il-ħtija tiegħu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu u sabiex il-ħbieb personali u t-tim professjonali tiegħu emmnu li kien involut fil-fatti frawdolenti u fi skandlu finanzjarju. Għaldaqstant, irid jiġi kkonstatat li dan id-dannu jirriżulta direttament mill-aġir tal-Kummissjoni u li teżisti b’hekk rabta kawżali bejn dan l-aġir u l-imsemmi dannu abbażi tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 122 hawn fuq.

131    Barra minn hekk, il-fatt li l-OLAF ittrażmetta n-nota tad-19 ta’ Marzu 2003 lill-awtoritajiet Franċiżi u li timplika lir-rikorrent mingħajr ma dan ġie mismugħ jew, għall-inqas, informat, ikkawżalu dannu morali subit bil-fatt li huwa ma setax jesprimi ruħu u lanqas jiddefendi ruħu kontra l-fatti li mmotivaw il-proċeduri kontrih. Fil-fatt, ir-realtà li ma ġiex mismugħ tipprovoka emozzjoni ta’ inġustizzja, ta’ nuqqas ta’ saħħa u ta’ frustrazzjoni. Għandu jiġi kkonstatat li d-danni jirriżultaw mill-aġir illegali tal-OLAF u li, bħala konsegwenza, teżisti rabta kawżali bejn id-danni allegati u l-illegalità mwettqa.

132    Fl-aħħar, f’dak li jikkonċerna d-dannu morali subit mir-rikorrent marbuta mal-proċedimenti kriminali tal-Kummissjoni sal-kassazzjoni, wara li kien ġie ddikjarat innoċenti fl-ewwel istanza mill-qrati Franċiżi, għalkemm huwa minnu li tali sitwazzjoni ta’ inċertezza setgħet tikkawża lir-rikorrent xi tfixkil fil-ħajja privata tiegħu li jikkostitwixxi b’hekk dannu morali, xorta jibqa’ l-fatt li r-rikorrent ma rnexxilux juri li l-imsemmi aġir kien illegali. Għaldaqstant, peress li waħda mit-tliet kundizzjonijiet li jagħtu lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ma ġietx issodisfatta minn dawn l-allegazzjonijiet, it-talbiet għal kumpens għandhom jiġu miċħuda, abbażi tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 45 hawn fuq, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat jekk iż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra ġewx issodisfatti.

133    Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li r-rikorrent sostna dannu morali li jikkonsisti, minn naħa, f’dannu għall-unur tiegħu kif ukoll għar-reputazzjoni professjonali tiegħu u, min-naħa l-oħra, f’emozzjonijiet ta’ inġustizzja, ta’ nuqqas ta’ saħħa u ta’ frustrazzjoni li seta’ jħoss. Bħala konsegwenza, hemm lok li jiġi deċiż ex æquo et bono li kumpens ta’ EUR 62 000 jikkostitwixxi kumpens adattat għal dan id-dannu.

 Fuq id-dannu fiżiku

134    Ir-rikorrent isostni li l-iżbalji gravi akkużata bihom l-amministrazzjoni tal-Unjoni kkawżawlu dannu marbut mal-istat tas-saħħa tiegħu, peress li, wara t-tensjoni li l-proċedimenti kriminali mressqa kontrih b’mod imprudenti u bla tmiem ikkawżawlu, huwa żviluppa marda serja li hija attestata minn rapport mediku. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa jitlob is-somom ta’ EUR 500 000 bħala kumpens għad-dannu fiżiku subit minħabba d-degradazzjoni tal-istat ta’ saħħa tiegħu u EUR 2 125.56 bħala kumpens għall-ispejjeż mediċi.

135    Fil-kawża preżenti, għandu jiġi rrilevat li d-degradazzjoni tas-saħħa tiegħu kellha sseħħ biss, hekk kif irrikonoxxa huwa stess fil-kitbiet tiegħu, mill-interrogazzjoni tiegħu fl-10 ta’ Settembru 2008, sal-15 ta’ Ġunju 2016, il-ġurnata li fiha ngħatat is-sentenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni. Madankollu, anki jekk jitqies li l-provi li ressaq ir-rikorrent juru li l-istat tas-saħħa tiegħu mar lura bħala konsegwenza tal-proċedimenti kriminali mressqa kontrih, din iċ-ċirkustanza ma tistax iddaħħal inkwistjoni l-fatt li r-rikorrent ma stabbilixxiex suffiċjentement fid-dritt, hekk kif jirriżulta minn din is-sentenza, li l-aġir tal-Kummissjoni, intiż sabiex tikkontesta d-digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fl-appell u, wara, fil-kassazzjoni, kien illegali.

136    Bħala konsegwenza, peress li waħda mit-tliet kundizzjonijiet sabiex ikun hemm lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ma ġietx issodisfatta, dawn il-talbiet għal kumpens għandhom jiġu miċħuda, abbażi tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 45 hawn fuq, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat jekk iż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra ġewx issodisfatti.

 Fuq l-ispejjeż

 Fuq it-talbiet dwar l-“ispejjeż irrekuperabbli”

137    Ir-rikorrent jitlob il-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallas is-somma ta’ EUR 3 000 abbażi ta’ “spejjeż irrekuperabbli”.

138    Il-Kummissjoni ma esprimietx ruħha f’dan ir-rigward.

139    Fil-kawża preżenti, għandu jiġi nnotat li r-rikorrent ma jispeċifikax in-natura tal-ispejjeż irrekuperabbli mitluba. Issa, għalkemm it-talbiet tar-rikorrent jipprevedu l-kumpens ta’ spejjeż indispensabbli sostnuti minnu għall-finijiet tal-proċedura, għandu jitfakkar li, abbażi tal-Artikolu 140 tar-Regoli tal-Proċedura, tali spejjeż huma inklużi fl-ispejjeż (ara, f’dan is-sens, id-Digriet tat-18 ta’ Novembru 2013, Trabelsi vs Il-Kunsill, T‑162/12, mhux ippubblikat, EU:T:2013:619, punti 32 sa 36).

140    Bħala konsegwenza, għandhom jiġu eżaminati flimkien mat-talbiet intiżi għall-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż.

 Fuq l-ispejjeż

141    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher iġġustifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

142    F’din il-kawża, billi r-rikors intlaqa’ parzjalment, tkun saret evalwazzjoni xierqa tal-kwistjoni, fid-dawl tal-kuntest partikolari tal-kawża, jekk jiġi deċiż li l-Kummissjoni għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż kollha tar-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas lil Fernando De Esteban Alonso s-somma ta’ EUR 62 000 bħala kumpens għad-dannu morali subit minnu.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u dawk sostnuti minn F. De Esteban Alonso.

Gratsias

Labucka

Ulloa Rubio

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Ġunju 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.