Language of document : ECLI:EU:T:2010:511

Kawżi T-494/08 sa T-500/08 u T-509/08

Ryanair Ltd

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001— Dokumenti relatati ma’ proċeduri ta’ verifika tal-għajnuna mill-Istat — Rifjuti impliċiti ta’ aċċess — Rifjuti espliċiti ta’ aċċess — Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-iskop ta’ spezzjonijiet, investigazzjoni u verifiki — Obbligu li jsir eżami konkret u individwali”

Sommarju tas-sentenza

1.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Terminu stabbilit sabiex tingħata risposta għal talba għal aċċess — Estensjoni — Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 8)

2.      Rikors għal annullament — Interess ġuridiku — Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tal-Kummissjoni li tirrigwarda talba għal aċċess għal dokumenti — Deċiżjoni rtirata minħabba l-adozzjoni ta’ deċiżjoni espliċita sussegwenti mill-Kummissjoni — Rikorrent li ppreżenta, sussidjarjament, rikors kontra din id-deċiżjoni tal-aħħar — Tmiem tal-interess ġuridiku

(Artikolu 230 KE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001)

3.      Atti tal-istituzzjonijiet — Preżunzjoni ta’ validità — Att ineżistenti — Kunċett

4.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-iskop ta’ spezzjonijiet, investigazzjoni u verifiki — Portata

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2))

5.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni — Motiv ibbażat fuq l-ineżattezza tal-motivazzjoni — Distinzjoni

(Artikolu 253 KE)

1.      It-terminu previst mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, huwa ta’ natura imperattiva u ma jistax jiġi estiż ħlief fiċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament, inkella dan l-artikolu jiġi mċaħħad mill-effettività tiegħu, peress li ma jibqax possibbli għall-applikant li jkun jaf b’mod eżatt mil-liema data jkun jista’ jippreżenta r-rikors jew l-ilment previsti fl-Artikolu 8(3) tal-imsemmi regolament.

(ara l-punt 39)

2.      Rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn ir-rikorrent ikollu interess li l-att ikkontestat jiġi annullat. Dan l-interess ġuridiku għandu, fid-dawl tal-għan tar-rikors, jeżisti fil-fażi tal-preżentata tiegħu, għaliex inkella r-rikors ikun inammissibbli. Barra minn hekk, l-interess ġuridiku għandu jibqa’ eżistenti sad-deċiżjoni ġudizzjarja finali, għaliex inkella ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, sa fejn l-għoti ta’ deċiżjoni jippresupponi li r-rikors jista’, permezz tal-eżitu tiegħu, jikseb vantaġġ lir-rikorrent. Jekk l-interess ġuridiku tar-rikorrent jintemm matul il-proċedura, deċiżjoni fuq il-mertu mill-Qorti Ġenerali ma tista’ tkun ta’ ebda benefiċċju għalih.

Fir-rigward ta’ talba għal annullment ta’ deċiżjonijiet impliċiti ta’ ċaħda fil-kuntest tal-proċedura ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Kummissjoni, irregolata mir-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, liema deċiżjonijiet ikunu fil-fatt ġew irtirati mill-Kummissjoni bl-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet espliċiti ta’ ċaħda sussegwenti, tali rikors huwa inammissibbli sa fejn ir-rikorrent ma għandux interess ġuridiku kontra l-imsemmija deċiżjonijiet impliċiti, minħabba l-adozzjoni, qabel il-preżentata tal-imsemmi rikors, tad-deċiżjonijiet espliċiti, li r-rikorrent jitlob l-annullament tagħhom sussidjarjament. Fil-fatt, annullament eventwali minħabba difett proċedurali ta’ tali deċiżjonijiet impliċiti jista’ jagħti lok biss għal deċiżjonijiet ġodda, essenzjalment identiċi għad-deċiżjonijiet espliċiti. Barra minn hekk, l-eżami tar-rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet impliċiti ma jistax jiġi ġġustifikat la mill-għan li jiġi evitat li tirripproduċi ruħha l-illegalità allegata u lanqas permezz tal-għan li jiġu ffaċilitati eventwali rikorsi għad-danni, peress li dawn l-għanijiet jistgħu jintlaħqu permezz tal-eżami tar-rikors kontra d-deċiżjonijiet espliċiti.

(ara l-punti 41-48)

3.      Il-kwalifika ta’ att ineżistenti għandha tiġi rriżervata għal dawk l-atti li jkunu vvizzjati minn difetti partikolarment serji u manifesti. Is-serjetà tal-konsegwenzi marbuta mal-konstatazzjoni tal-ineżistenza ta’ att tal-istituzzjonijiet timplika li, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, konstatazzjoni bħal din għandha ssir biss f’każijiet estremi.

(ara l-punt 49)

4.      Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li l-persuni interessati minbarra l-Istat Membru kkonċernat fil-proċeduri ta’ verifika tal-għajnuna mill-Istat ma għandhomx id-dritt li jikkonsultaw id-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni, u, għalhekk, għandha tiġi rikonoxxuta l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali li l-iżvelar tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv iwassal, fil-prinċipju, għal ħsara lill-protezzjoni tal-iskop tal-investigazzjonijiet.

B’hekk, il-Kummissjoni tista’, skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti kollha li jirrigwardaw il-proċedura ta’ verifika ta’ għajnuna mill-Istat, u dan mingħajr ma twettaq eżami konkret u individwali ta’ dawn id-dokumenti minn qabel.

Din il-preżunzjoni ġenerali ma teskludix id-dritt ta’ dawn il-persuni interessati li juru li dokument speċifiku li l-iżvelar tiegħu huwa mitlub ma huwiex kopert minn din il-preżunzjoni jew li jeżisti interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument imsemmi skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

(ara l-punti 70-72)

5.      Il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni attriċi tal-att, b’mod li l-persuna interessata tkun tista’ tagħraf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u tiddefendi d-drittijiet tagħha u b’mod li l-qorti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Madankollu, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti. Fil-fatt, il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax dawn ir-rekwiżiti għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat.

Barra minn hekk, il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi motiv ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, distint, bħala tali, mill-motiv ibbażat fuq l-ineżattezza tar-raġunijiet tad-deċiżjoni, li l-istħarriġ tiegħu jaqa’ taħt l-eżami tal-mertu ta’ din id-deċiżjoni.

(ara l-punti 96, 97)