Language of document : ECLI:EU:T:2023:515

Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Jannar 2024 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Belġju

(Kawża C-68/24)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: E. Schmidt u F. van Schaik, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju tal-Belġju

Talbiet

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li r-Renju tal-Belġju, billi ma adottax id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE 1 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2019/1158”), jew, fi kwalunkwe każ, billi ma kkomunikax dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 20(1) ta’ din id-direttiva;

tikkundanna lir-Renju tal-Belġju jħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa li tikkorrispondi għall-ogħla wieħed mill-ammonti li ġejjin:

ammont ta’ EUR 3 360 għal kull jum immultiplikat bin-numru ta’ ġranet, li matulhom il-ksur ikun ippersista bejn il-jum wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni stabbilit fid-Direttiva 2019/1024 u l-jum li fih in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jintemm jew, jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma jkunx intemm, il-jum meta tingħata s-sentenza f’din il-kawża, skont l-Artikolu 260(3) TFUE; jew

somma f’daqqa għal ammont ta’ EUR 2 352 000;

tikkonstata li r-Renju tal-Belġju huwa kkundannat iħallas lill-Kummissjoni, fil-każ fejn in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu stabbilit fl-ewwel inċiż jippersisti sal-jum meta tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża, pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 15 120 għal kull jum ta’ dewmien, mid-data minn meta tingħata din is-sentenza sal-jum meta r-Renju tal-Belġju jkun issodisfa kompletament l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 2019/1158;

tikkundanna lir-Renju tal-Belġju għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

It-terminu mogħti għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1158 fid-dritt nazzjonali skada fit-2 ta’ Awwissu 2022.

Id-Direttiva 2019/1158 għandha bħala għan li ssaħħaħ il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni u li tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi billi tiżgura rekwiżiti minimi li jikkonċernaw il-leave tal-paternità, il-leave parentali u l-leave ta’ persuni li jindukraw kif ukoll arranġamenti tax-xogħol flessibbli għall-ħaddiema li jkunu ġenituri jew persuni li jindukraw. Konformement mal-Artikolu 20(1) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri kienu obbligati jimplimentaw id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom mal-imsemmija direttiva mhux iktar tard mit-2 ta’ Awwissu 2022 u li jinformaw immedjatament dwar dan lill-Kummissjoni.

Ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi msemmija iktar ’il fuq. Fil-21 ta’ Settembru 2022, il-Kummissjoni għalhekk indirizzatlu intimazzjoni. Minn reazzjonijiet għal din l-intimazzjoni deher li r-Renju tal-Belġju kien għad kellu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu kompletament mad-Direttiva 2019/1158. Peress li, wara ċertu żmien, il-miżuri neċessarji ma kinux għadhom ittieħdu jew, fi kwalunkwe każ, billi ma kinitx ġiet informata bit-traspożizzjoni kompleta ta’ din id-direttiva, il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lir-Renju tal-Belġju fid-19 ta’ April 2023. Dan tal-aħħar irrikonoxxa, permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Ġunju 2023 bħala tweġiba għal din l-opinjoni motivata, li huwa ma kienx ittraspona kompletament id-Direttiva 2019/1158 fit-terminu stabbilit u kkomunika lill-Kummissjoni espożizzjoni dwar il-miżuri li kien għad kellhom jiġu adottati sabiex jikkonforma ruħu magħha kompletament.

Il-Kummissjoni ssostni li r-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2019/1158, li jadotta, mhux iktar tard mit-2 ta’ Awwissu 2022, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ din id-direttiva u li jinforma immedjatament dwar dan lill-Kummissjoni. Il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE huma għalhekk issodisfatti.

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lir-Renju tal-Belġju għall-ħlas ta’ somma f’daqqa u għal pagamenti ta’ penalità abbażi tal-Artikolu 260(3) TFUE, li hija kkalkolat l-ammont tagħhom abbażi tal-komunikazzjoni dwar is-sanzjonijiet finanzjarji fi proċeduri ta’ ksur 1 .

____________

1     ĠU 2019, L 188, p. 79.

1     ĠU 2023, C 2, p. 1.