Language of document : ECLI:EU:C:2020:56

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

30 ta’ Jannar 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 82/891/KEE – Artikoli 12 u 19 – Diviżjonijiet ta’ kumpanniji privati b’responsabbiltà limitata – Protezzjoni tal-interessi tal-kredituri tal-kumpannija diviża – Annullament tad-diviżjoni – Actio Pauliana”

Fil-Kawża C‑394/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte d’appello di Napoli (il-Qorti tal-Appell ta’ Napoli, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Frar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Ġunju 2018, fil-proċedura

I.G.I. Srl

vs

Maria Grazia Cicenia,

Mario Di Pierro,

Salvatore de Vito,

Antonio Raffaele,

fil-preżenza ta’:

Costruzioni Ing. G. Iandolo Srl,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, P. G. Xuereb (Relatur), T. von Danwitz, C. Vajda u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Ġunju 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal I.G.I. Srl, minn S. Ietti, avvocatessa,

–        għal Costruzioni Ing. G. Iandolo Srl, minn S. Pierro u S. Ietti, avvocatesse,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Malferrari, W. Mölls u H. Støvlbæk, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Settembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 12 u 19 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE tas-17 ta’ Diċembru 1982 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(ġ) tat-Trattat dwar id-diviżjoni ta’ kumpanniji b’responsabbilta pubblika limitata (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 50), kif emendata bid-Direttiva 2007/63/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007 (ĠU 2007, L 300, p. 47) (iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn I.G.I. Srl u Maria Grazia Cicenia u Mario Di Pierro, Salvatore de Vito kif ukoll Antonio Raffaele dwar il-possibbiltà ta’ dawn tal-aħħar, bħala kredituri ta’ kumpannija diviża li parti mill-patrimonju tagħha ġie ttrasferit lil I.G.I., li jeżerċitaw actio pauliana sabiex l-att ta’ diviżjoni jiġi ddikjarat mingħajr effett fil-konfront tagħhom u li jippreżentaw azzjonijiet eżekutorji jew kawtelatorji fuq il-beni ttrasferiti lil I.G.I.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 It-Tielet Direttiva 78/855/KEE

3        L-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 1978 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(ġ) tat-Trattat dwar l-għaqda ta’ kumpanniji b’responsabbiltà pubblika limitata (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 42), kif emendata bid-Direttiva 2007/63 (iktar ’il quddiem it-“Tielet Direttiva”), intitolata “Għan”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-miżuri ta’ kordinazzjoni preskritti f’din id-Direttiva m’għandhomx japplikaw għall-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li jirrigwardaw it-tipi ta’ kumpanniji li ġejjin:

[…]

–        l-Italja

la società per azioni,

[…]”

4        L-Artikolu 13(3) tat-Tielet Direttiva jipprovdi:

“Din il-protezzjoni tista’ tkun differenti għall-kredituri tal-kumpannija li qed takkwista u għal dawk tal-kumpannija li qed tiġi akkwistata.”

 Is-Sitt Direttiva:

5        Skont it-tmien premessa tas-Sitt Direttiva:

“[…] kredituri, flimkien ma’ detenturi ta’ obbligazzjonijiet, u persuni li għandom pretensjonijiet oħra fuq il-kumpanniji involuti f’diviżjoni, għandhom jkunu protetti sabiex id-diviżjoni ma’ tolqotx l-interessi tagħhom b’mod negattiv”.

6        Il-ħdax-il premessa ta’ din id-direttiva tipprovdi:

“[…] biex tkun żgurata ċertezza fil-liġi fejn għandhom x’jaqsmu r-relazzjonijiet bejn il-kumpanniji involuti fid-diviżjoni, bejniethom u terzi, u bejn il-membri, il-każijiet fejn jista’ jirriżulta annullament għandhom ikunu limitati billi ssir disposizzjoni li tgħid li difetti jkunu rimedjati b’kull meta possibbli u billi jkun ristrett il-perjodu li fih il-proċeduri ta’ annullament jistgħu ikunu mibdija”.

7        L-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      Meta l-Istati Membri jippermettu lill-kumpanniji msemmijin f’Artikolu 1(1) tad-Direttiva 78/855/KEE li jaqgħu taħt il-liġijiet tagħhom li jwettqu operazzjonijiet ta’ diviżjoni permezz ta’ akkwist kif imfisser f’Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva, għandhom jissuġġettaw dawk l-operazzjonijiet għad-disposizzjonijiet tal-Kapitolu I ta’ din id-Direttiva.

2.      Meta l-Istati Membri jippermettu lill-kumpanniji msemmijin f’paragrafu 1 li jwettqu operazzjonijiet ta’ diviżjoni permezz tal-formazzjoni ta’ kumpanniji ġodda kif imfisser f’Artikolu 21, għandhom jissuġġettaw dawk l-operazzjonijiet għad-disposizzjonijiet tal-Kapitolu II ta’ din id-Direttiva.

[…]”

8        L-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva jipprovdi:

“1.      Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, ‘diviżjoni permezz ta’ xiri’ għandha tfisser l-operazzjoni li biha, wara li tkun xolta mingħajr ma’ tkun likwidata, kumpannija tittrasferixxi lill-aktar minn kumpannija waħda l-attiv u l-passiv kollu tagħha bi bdil ma’ l-allokazzjoni lill-azzjonisti tal-kumpannija li qed tiġi diviża ta’ ishma fil-kumpanniji li qed jirċievu kontribuzzjonijiet b’riżultat tad-diviżjoni (minn hawn ’il quddiem imsemmijin bħala ‘kumpanniji reċipjenti’) u possibilment pagament fi flus li ma jeċċedix l-10 % tal-valur nominali ta’ l-ishma allokati jew, meta m’għandhomx valur nominali, tal-valur ekwivalenti tal-parità kontabbli tagħhom.

[…]

3.      Safejn din id-Direttiva tirreferi għad-Direttiva 78/855/KEE, l-espressjoni ‘kumpanniji li qed jiġu inkorporati’ għandha tfisser ‘il-kumpanniji involuti f’diviżjoni’, l-espressjoni ‘kumpannija li qed tiġi akkwistata’ għandha tfisser il-‘kumpannija li qed tiġi diviża’, l-espressjoni ‘kumpannija li qed takkwista’ għandha tfisser ‘kull waħda mill-kumpanniji reċipjenti’ u l-espressjojni ‘abbozz ta’ kundizzjonijiet ta’ inkorporazzjonji’ għandha tfisser ‘abbozz ta’ kundizzjonijiet ta’ diviżjoni’.”

9        L-Artikolu 12 tas-Sitt Direttiva huwa redatt kif ġej:

“1.      Il-liġijiet ta’ l-Istati Membri għandhom jiddisponu għal sistema adegwata ta’ protezzjoni ta’ l-interessi tal-kredituri tal-kumpanniji involuti f’diviżjoni li l-pretensjonijiet tagħhom kienu saru qabel il-pubblikazzjoni ta’ l-abbozz tal-kundizzjonijiet tad-diviżjoni u li kienu għadhom ma għalqux fil-ħin ta’ din il-pubblikazzjoni.

2.      Għal dak il-għan, il-liġijiet ta’ l-Istati Membri għandhom ta’ l-anqas jiddisponu li dawn il-kredituri jkollhom il-jedd li jiksbu protezzjoni adegwata meta l-qagħda finanzjarja tal-kumpannija li qed tiġi diviża u dik tal-kumpannija li lilha ser ikun ittrasferit l-obbligazzjoni skond l-abbozz tal-kundizzjonijiet tad-diviżjoni jagħmlu din il-protezzjoni neċessarja u meta dawk il-kredituri ma għandhomx diġà din il-protezzjoni.

3.      Sa fejn kreditur tal-kumpannija li lilha ġiet trasferita l-obligazzjoni skond l-abbozz tal-kundizzjonijiet tad-diviżjoni ma jkunx ħa sodisfazzjon, il-kumpanniji reċipjenti għandhom ikunu responsabbli flimkien u separatament għal dik l-obbligazzjoni. L-Istati Membri jistgħu jillimitaw dak il-passiv għall-assi netti allokati lil kull waħda minn dawk il-kumpanniji barra dik li lilha l-obbligazzjoni ġiet trasferita. Madankollu, m’għandhomx għalfejn japplikaw dan il-paragrafu meta l-operazzjoni tad-diviżjoni hi suġġetta għas-sorveljanza ta’ awtorità ġudizzjarja skond l-Artikolu 23 u maġġoranza numerika li tirrappreżenta tlett kwarti fil-valur tal-kreditutri jew kull klassi ta’ kredituri tal-kumpannija li qed tiġi diviża ikunu qablu li ma japplikawx it-tali passiv flimkien jew separatament f’laqgħa miżmuma skond l-Artikolu 23(1)(ċ).

4.      L-Artikolu 13(3) ta[t-Tielet Direttiva] għandu japplika.

5.      Bla ħsara għar-regoli dwar l-eżerċizzju kollettiv tad-drittijiet tagħhom, il-paragrafi 1 sa 4 għandhom japplikaw għad-detenturi ta’ l-obbligazzjonijiet tal-kumpanniji involuti fid-diviżjoni, ħlief meta d-diviżjoni ġiet approvata f’laqgħa tad-detenturi ta’ l-obbligazzjonijiet, jekk laqgħa bħal din ikun hemm disposizzjoni għaliha fil-liġijiet nazzjonali, jew mid-detenturi ta’ l-obbligazzjonijiet individwalment.

6.      L-Istati Membri jistgħu jiddisponu li l-kumpanniji reċipjenti huma flimkien jew separatament responsabbli għall-obbligazzjonijiet tal-kumpannija li qed tiġi diviża. F’dan il-każ m’għandhomx għalfejn japplikaw il-paragrafi ta’ hawn qabel.

7.      Meta Stat Membru jgħaqqad is-sistema ta’ protezzjoni ta’ kredituri preskritta f’paragrafi 1 sa 5 mar-responnsabbiltà flimkien u separatament tal-kumpanniji reċipjenti kif imsemmi f’paragrafu 6, jista’ tillimita dik ir-responsabbiltà flimkien u separatament għall-assi netti allokati lil kull waħda minn dawk il-kumpanniji.”

10      L-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva jistabbilixxi:

“Il-liġijiet ta’ l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw id-data li fiha diviżjoni tibda sseħħ.”

11      L-Artikolu 17(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Diviżjoni għandu jkollha l-konsegwenzi li ġejjin ipso jure u simultanjament:

(a)      it-trasferiment, kemm dak ta’ bejn il-kumpannija li qed tiġi diviża u l-kumpanniji reċipjenti u kemm dak li jirrigwarda terzi, lil kull waħda mill-kumpanniji reċipjenti ta’ l-attiv u l-passiv kollu tal-kumpannija li qed tiġi diviża; dan it-trasferiment għandu jseħħ billi l-attiv u l-passiv jiġu diviżi skond l-allokazzjoni preskritta fl-abbozz tal-kundizzjonijiet ta’ diviżjoni jew fl-Artikolu 3(3);

(b)      l-azzjonisti tal-kumpannija li qed tiġi diviża isiru azzjonisti ta’ waħda jew aktar mill-kumpanniji reċipjenti skond l-allokazzjoni preskritta fl-abbozz tal-kundizzjonijiet ta’ diviżjoni;

(ċ)      il-kumpannija li qed tiġi diviża ma tibqax teżisti.”

12      L-Artikolu 19 tal-imsemmija direttiva huwa redatt kif ġej:

“1.      Il-liġijiet ta’ l-Istati Membri jistgħu jippreskrivu regoli dwar annullament għal diviżjonijiet skond il-kondizzjonijiet li ġejjin biss:

(a)      annullament għandu ikun ordnat b’deċiżjoni ta’ qorti.;

(b)      diviżjonijiet li seħħew skond l-Artikolu 15 jistgħu jiġu dikjarati nulli biss jekk ma kienx hemm sorveljanza preventiva ġudizzjarja jew amministrattiva tal-legalità tagħhom, jew jekk ma ġewx imfassla u ċertifikati fil-forma legali kif suppost, jew jekk jidher li d-deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali hi nulla jew tista’ tiġi annullata taħt liġi nazzjonali;

(ċ)      proċeduri ta’ annullament ma jistgħux jiġu mibdija aktar minn sitt xhur wara d-data li fiha d-diviżjoni ssir effettiva kontra l-persuna li qed tallega annullament jew jekk is-sitwazzjoni ġiet irrangata;

(d)      meta hu possibbli li jissewwa difett li jista’ jirrendi diviżjoni nulla, l-qorti kompetenti għandha tagħti lill-kumpanniji involuti perjodu ta’ żmien li fih tista’ tirranġa s-sitwazzjoni;

(e)      sentenza li tiddikjara diviżjoni nulla għandha tiġi pubblikata kif preskritt mil-liġijiet ta’ kull Stat Membru skond l-Artikolu 3 ta[l-ewwel Direttiva tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu ta’ l-1968 dwar il-kordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni ta’ l-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 58 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti f’kull parti tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 3);

(f)      meta l-liġijiet ta’ Stat Membru jippermettu li terza persuna tisfida din is-sentenza, din tista’ tagħmel dan biss fi żmien sitt xhur mill-pubblikazzjoni tas-sentenza kif preskritt [fl-Ewwel Direttiva];

(ġ)      sentenza li tiddikjara diviżjoni nulla m’għandhiex fiha nnifisha taffettwa l-validità ta’ obbligazzjonijiet dovuti minn jew relatati mal-kumpanniji reċipjenti li seħħew qabel ma ġiet pubblikat s-sentenza u wara d-data msemmija f’Artikolu 15;

(h)      kull waħda mill-kumpanniji reċipjenti għandha tkun responsabbli għall-obbligazzjonijiet tagħha li oriġinaw wara d-data ta’ meta seħħet id-diviżjoni u qabel id-data li fiha s-sentenza li dikjarat l-annullament tad-diviżjoni kienet ippubblikata. Il-kumpannija li qed tiġi diviża għandha wkoll tkun responsabbli għal dawn l-obligazzjonijiet; Stati Membri jistgħu jiddisponu li din ir-responsabbiltà tkun limitata għas-sehem ta’ l-assi netti trasferiti lill-kumpannija reċipjenti li dawn l-obbligazzjonijiet kienu oriġinaw akkont tagħha.

2.      B’deroga mill-paragrafu 1(a), il-liġijiet ta’ Stat Membru jistgħu ukoll jiddisponu għall-annullament ta’ diviżjoni li tkun ordnata minn awtorità amministrattiva jekk appell kontra dik is-sentenza ikun preżentat f’qorti. Is-subparagrafi (b), (d), (e), (f), (g), u (h) għandhom jgħoddu b’analoġija għall-awtorità amministrattiva. Dawn il-proċeduri ta’ annullament ma’ jistgħux jinbdew aktar min sitt xhur wara d-data msemmija fl-Artikolu 15.

3.      Dan ta’ qabel ma għandux jaffettwa l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar l-annullament ta’ diviżjoni dikjarat wara xi sorveljanza ta’ legalità.”

13      L-Artikoli 2 sa 19 tas-Sitt Direttiva jinsabu taħt il-Kapitolu I ta’ din tal-aħħar, intitolat “Diviżjoni permezz ta’ akkwist”.

14      Taħt il-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, intitolat “Divizjoni permezz tal-formazzjoni ta’ kumpanniji ġodda”, l-Artikolu 21(1) jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, “diviżjoni permezz tal-formazzjoni ta’ kumpanniji ġodda” tfisser l-operazzjoni li biha, wara li tkun xolta mingħajr ma tkun likwidata, kumpannija tittrasferixxi lill-aktar minn kumpannija waħda li tkun għada kemm ġiet iffurmata l-attiv u l-passiv kollu tagħha bħala bdil ma’ l-allokazzjoni lill-azzjonisti tal-kumpannija li qed tiġi diviża ta’ ishma fil-kumpanniji reċipjenti, u possibilment pagament fi flus li ma jeċċedix l-10 % tal-valur nominali ta’ l-ishma allokati jew, meta dan m’għandhomx valur nominali, tal-valur tal-parità kontabbli tagħhom.”

15      Skont l-Artikolu 22(1) tal-imsemmija direttiva, li jinsab ukoll taħt il-Kapitolu II ta’ din tal-aħħar:

“L-Artikoli 3, 4, 5 u 7, 8 (1) u (2) u 9 sa 19 ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw, bla ħsara għall-Artikoli 11 u 12 tad-Direttiva 68/151/KEE, għal diviżjoni permezz tal-formazzjoni ta’ kumpanniji ġodda. Għal dan l-iskop, l-espressjoni ‘kumpanniji involuti f’diviżjoni’ għandha tirreferixxi għall-kumpannija li qed tiġi diviża u l-espressjoni ‘kumpanniji reċipjenti’ għandha tirreferixxi għal kull waħda minn dawn il-kumpanniji ġodda.”

16      L-Artikolu 25 tas-Sitt Direttiva, li jinsab taħt il-Kapitolu IV ta’ din tal-aħħar, intitolat “Operazzjonijiet oħra meqjusa bħala diviżjonijiet”, jipprovdi:

“Meta l-liġijiet ta’ Stat Membru jippermettu waħda mill-operazzjonijiet speċifikati f’Artikolu 1 bla ma l-kumpannija li qed tiġi diviża tieqaf milli teżisti, il-Kapitoli I, II u III għandhom japplikaw, ħlief l-Artikolu 17(1)(ċ)”

 Id-dritt Taljan

17      L-Artikolu 2503 tal-codice civile (il-Kodiċi Ċivili), intitolat “Oppożizzjoni tal-kredituri”, jipprovdi:

“L-għaqda ma tistax titwettaq ħlief sittin jum wara l-aħħar reġistrazzjonijiet previsti fl-Artikolu 2502 bis, ħlief fil-każ ta’ ftehim tal-kredituri tal-kumpanniji li qegħdin jipparteċipaw fl-għaqda, li d-dejn tagħhom jippreċedi r-reġistrazzjoni jew il-pubblikazzjoni prevista fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 2501 ter, jew fil-każ ta’ ħlas tal-kredituri li ma tawx il-kunsens tagħhom, jew inkella meta s-somom inkwistjoni jkunu ddepożitati f’bank, dment li ma tkunx ġiet stabbilita r-relazzjoni msemmija fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 2501 sexies għall-kumpanniji kollha li jipparteċipaw fl-għaqda minn kumpannija waħda ta’ awdituri li tiċċertifika, taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 2501 sexies li, wara li kkunsidrat is-sitwazzjoni patrimonjali u finanzjarja tal-kumpanniji involuti fl-għaqda, ma huwiex neċessarju li jinħolqu garanziji biex jiġu protetti l-imsemmija kredituri.

Meta ma tapplika l-ebda waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet, il-kredituri msemmija fil-paragrafu preċedenti jistgħu joġġezzjonaw f’dan it-terminu ta’ sittin jum. F’dan il-każ, japplika l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 2445.”

18      L-Artikolu 2504 quater ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Invalidità tal-għaqda”, jipprovdi:

“Meta jkun is-suġġett ta’ reġistrazzjonijiet previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2504, l-att ta’ għaqda ma jistax iktar jiġi ddikjarat invalidu.

Id-dritt għal riżarċiment tad-danni possibbilment subiti mill-azzjonisti jew minn terzi milquta mill-għaqda jibqa’ jeżisti.”

19      L-aħħar paragrafu tal-Artikolu 2506 tal-Kodiċi Ċivili, intitolat “Forom ta’ diviżjoni” jipprevedi:

“Fil-kuntest ta’ diviżjoni, kumpannija talloka l-patrimonju kollu tagħha lil diversi kumpanniji preeżistenti jew iffurmati ġodda, jew parti mill-patrimonju tagħha, f’dan il-każ anki lil kumpannija waħda, u l-azzjonijiet jew kwoti korrispondenti lill-azzjonisti tagħha.

Il-ħlas ta’ bilanċ fi flus huwa awtorizzat, sakemm ma jaqbiżx l-għaxar fil-mija tal-valur nominali tal-azzjonijiet jew il-kwoti allokati. Huwa wkoll permess li, b’kunsens unanimu, ċerti azzjonisti ma jirċevux azzjonijiet jew kwoti ta’ xi waħda mill-kumpanniji benefiċjarji tad-diviżjoni, imma azzjonijiet jew kwoti tal-kumpannija diviża.

Il-kumpannija diviża tista’, fil-kuntest tad-diviżjoni, jew tgħaddi għax-xoljiment tagħha mingħajr likwidazzjoni, jew inkella tkompli bl-attività tagħha.

Il-parteċipazzjoni fid-diviżjoni ma hijiex permessa għal kumpanniji f’likwidazzjoni li jkunu bdew it-tqassim tal-attiv.”

20      L-Artikolu 2506 quater tal-Kodiċi Ċivili, intitolat “Dispożizzjonijiet applikabbli” jipprevedi:

“L-Artikoli 2501 septies, 2502, 2502 bis, 2503, 2503 bis, 2504, 2504 ter, 2504 quater, 2505, l-ewwel u t-tieni paragrafu, 2505 bis u 2505 ter japplikaw ukoll għad-diviżjonijiet. Ir-riferimenti kollha għall-għaqda li jinsabu f’dawn l-artikoli japplikaw ukoll għad-diviżjoni.”

21      L-Artikolu 2506 quater ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Effetti tad-Diviżjoni”, jiipprovdi, fl-aħħar paragrafu tiegħu:

“Fil-limiti tal-assi netti allokati lilha jew li hija żżomm, kull kumpannija hija responsabbli in solidum għad-djun tal-kumpannija diviża mhux issodisfatti mill-kumpannija li lilha jkunu ġew ittrasferiti.”

22      Skont l-Artikolu 2901 tal-imsemmi kodiċi, li jidher fit-taqsima intitolata “Fuq l-azzjoni revokatorja”:

“Anki meta jkollu dejn kundizzjonali jew b’terminu, il-kreditur jista’ jitlob li l-atti ta’ dispożizzjoni tal-patrimonju li bihom id-debitur jagħmillu ħsara jiġu ddikjarati mingħajr effetti fir-rigward tiegħu meta jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

1)      id-debitur kien konxju mill-ħsara kkawżata lill-kreditur jew, fil-każ ta’ att qabel il-ħolqien tad-dejn, huwa rrealizza dan bl-intenzjoni li jimpedixxi d-dejn milli jkun issodisfatt;

2)      barra minn hekk, fil-każ ta’ att b’titolu oneruż, il-parti terza kienet taf bil-ħsara u, fil-każ ta’ att qabel il-ħolqien tad-dejn, huwa kompliċi fl-att magħmul bl-intenzjoni li jagħmel ħsara lill-kreditur.

[…]”

23      Jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2902 tal-Kodiċi Ċivili li kreditur li jkun kiseb dikjarazzjoni li l-att ta’ dispożizzjoni tad-debitur li ppreġudika l-garanzija fuq il-patrimonju tad-debitur ikun mingħajr effett jista’ jagħmel kontra xerrej terz l-azzjonijiet eżekuttivi jew kawtelatorji fuq il-beni li huma s-suġġett tal-att ikkontestat.

24      Fl-aħħar nett, mill-Artikolu 2903 ta’ dan il-kodiċi jidher ċar li l-azzjoni revokatorja hija suġġetta għal perijodu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin li jibda għaddej mit-twettiq tal-att.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

25      B’att notarili tas-16 ta’ Settembru 2009, Costruzioni Ing. Iandolo Srl ittrasferixxiet, fil-kuntest ta’ diviżjoni, parti mill-patrimonju tagħha lil I.G.I. Srl, stabbilita għal dan il-għan permezz tal-istess att notarili.

26      Billi kkunsidraw li din id-diviżjoni kienet ikkawżat lil Costruzioni Ing. Iandolo telf tal-parti l-kbira mill-patrimonju tagħha u li issa hija kienet biss proprjetarja ta’ biċċiet żgħar ta’ art ta’ valur żgħir, Cicenia u Di Pierro, de Vito u Raffaele appellaw quddiem it-Tribunale di Avellino (il-Qorti ta’ Avellino, l-Italja), fejn iddikjaraw li kienu kredituri ta’ din tal-aħħar. Prinċipalment, ir-rikorrenti ppreżentaw azzjoni revokatorja, imsejħa “actio pauliana”, skont l-Artikolu 2901 tal-Kodiċi Ċivili, fejn talbu li l-att ta’ diviżjoni jiġi ddikjarat mingħajr effett fil-konfront tagħhom. Sussidjarjament, ir-rikorrenti talbu li Costruzioni IngG. Iandolo u I.G.I. jiġu ddikjarati responsabbli in solidum għad-djun ta’ Costruzioni Ing. G. Iandolo, skont l-Artikolu 2506 quater tal-Kodiċi Ċivili.

27      Permezz ta’ sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2015, it-Tribunale di Avellino (il-Qorti ta’ Avellino) laqgħet it-talba prinċipali tar-rikorrenti u ddikjarat l-att ta’ trasferiment ta’ beni skont l-att ta’ diviżjoni mingħajr effett fil-konfront tagħhom “fir-rigward tal-beni koperti mill-att irrevokat li għadhom miżmumin mill-kumpannija I.G.I.”.

28      I.G.I. u Costruzioni Ing. Iandolo appellaw minn din is-sentenza fil-Corte d’Appello di Napoli (il-Qorti tal-Appell ta’ Napoli, l-Italja), billi sostnew li l-actio pauliana ppreżentata mill-kredituri kienet inammissibbli għar-raġuni li l-oppożizzjoni msemmija fl-Artikolu 2503 tal-Kodiċi Ċivili kienet l-uniku rimedju disponibbli għall-kredituri tal-kumpanniji li jipparteċipaw fid-diviżjoni u, peress li ma ġiet ippreżentata l-ebda oppożizzjoni, l-effetti tad-diviżjoni saru finali fir-rigward tal-kredituri. Dawn il-kumpanniji jsostnu, barra minn hekk, li l-Artikolu 2504 quater tal-Kodiċi Ċivili jipprekludi li diviżjoni tkun iddikjarata invalida wara r-reġistrazzjoni ta’ diviżjoni fir-reġistru tal-impriżi.

29      Il-qorti tar-rinviju tindika li l-Artikoli 2503, 2504 quater, 2506 ter u l-Artikolu 2506 quater, l-aħħar paragrafu, tal-Kodiċi Ċivili jittrasponu, fid-dritt nazzjonali, l-Artikoli 12 u 19 tas-Sitt Direttiva.

30      B’mod iktar preċiż, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, bil-ħsieb li jimplimenta l-Artikolu 12 tas-Sitt Direttiva, li jirrigwarda l-protezzjoni tal-interessi tal-kredituri tal-kumpanniji li jipparteċipaw fid-diviżjoni għal djun li oriġinaw qabel il-pubblikazzjoni tal-abbozz tad-diviżjoni, il-leġiżlatur Taljan ipprovda li l-kredituri, li d-drittijiet tagħhom jippreċedu d-diviżjoni, jistgħu joġġezzjonaw għad-diviżjoni f’terminu qasir. Ipprovda wkoll li kull kumpannija hija responsabbli in solidum, fil-limiti tal-attiv nett attribwit lilha jew miżmum minnha, għad-djun tal-kumpannija diviża li l-kumpannija li lilha ġie ttrasferit l-obbligu ma ssodisfatx. Fl-aħħar, huwa pprovda, f’każ li l-att ta’ diviżjoni ma jistax iktar jiġi ddikjarat invalidu, dritt għal riżarċiment tad-danni possibbilment subiti mill-azzjonisti jew minn terzi milquta mid-diviżjoni.

31      Il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li, bil-ħsieb li jimplimenta l-Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva, li jipprovdi għas-sistema ta’ annullamenti ta’ diviżjoni, il-leġiżlatur Taljan ipprovda li l-att ta’ diviżjoni ma jistax iktar jiġi invalidat meta jkun ġie rreġistrat fir-reġistru tal-impriżi.

32      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza wkoll li, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-actio pauliana ppreżentata mill-kredituri ta’ kumpannija diviża hijiex ammissibbli, jeżistu żewġ kurrenti ta’ ġurisprudenza opposti li ġew żviluppati mill-qrati tal-mertu.

33      Skont l-ewwel kurrent ta’ ġurisprudenza, tali azzjoni hija ammissibbli peress li, minkejja li kemm l-oppożizzjoni prevista fl-Artikolu 2503 tal-Kodiċi Ċivili, kif ukoll l-azzjoni revokatorja prevista fl-Artikolu 2901 ta’ dan il-kodiċi għandhom bħala l-għan tagħhom il-preservazzjoni tal-garanzija tal-kredituri fuq il-patrimonju tad-debitur, dawn l-azzjonijiet ma humiex paragunabbli. B’hekk, dawn huma differenti minn xulxin kemm min-naħa tal-persuni li jistgħu jipprevalixxu ruħhom minnhom, kemm mill-mument li fih dawn jistgħu jiġu invokati, kemm mit-termini li fihom għandhom jiġu eżerċitati, kemm mill-fatt li l-azzjoni revokatorja hija intiża li tissanzjona aġir frawdolenti, kif ukoll, finalment, mill-effetti tagħhom.

34      Skont it-tieni kurrent ta’ ġurisprudenza, azzjoni revokatorja tal-kredituri tal-kumpannija diviża għanda tkun eskluża fid-dawl tal-għan tas-Sitt Direttiva intiż li jiżgura li l-effetti tad-diviżjoni jsiru definittivi u irrevokabbli fil-konfront tal-kredituri, f’terminu qasir, bil-ħsieb li jiġu protetti l-interessi ta’ diversi partijiet interessati, ikkonċernati mid-diviżjoni, minbarra l-kredituri tal-kumpannija diviża.

35      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-preżervazzjoni taċ-ċertezza legali tal-effetti tad-diviżjoni u tal-interessi tal-partijiet interessati fid-diviżjoni, li hija waħda mill-għanijiet tas-Sitt Direttiva, tista’ tiġi żgurata biss jekk l-assenza ta’ eżerċizzju tal-azzjonijiet previsti fl-Artikolu 12 tas-Sitt Direttiva jkollha l-effett li teskludi l-possibbiltà għall-kredituri li jeżerċitaw ulterjorment azzjonijiet oħra sabiex jipproteġu l-garanzija tagħhom fuq il-patrimonju tad-debitur. B’hekk, il-kunċett ta’ “annullament” previst fl-Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva għandu jiġbor fih l-azzjonijiet kollha li jwasslu għall-ineffikaċja tad-diviżjoni, kemm assoluta kif ukoll relattiva, u, fl-aħħar imsemmi każ, indipendentement mill-validità tad-diviżjoni.

36      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-Artikolu 12 tas-Sitt Direttiva ma jeskludix l-eżerċizzju ta’ kull azzjoni ulterjuri intiża sabiex tipproteġi l-garanzija tal-kredituri fuq il-patrimonju tad-debitur u li jeżisti ċertu numru ta’ differenzi, fid-dritt nazzjonali, bejn l-azzjoni għal annullament u l-actio pauliana.

37      Huwa F’dawn iċ-ċirkustanzi il-Corte d’Appello di Napoli (il-Qorti tal-Appell ta’ Napoli) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-kredituri tal-kumpannija diviża, li l-interessi ta’ kreditu taghhom huma preċedenti d-diviżjoni, li ma użawx ir-rimedju li jressqu oppożizzjoni skont l-Artikolu 2503 tal-codice civile (il-Kodiċi Ċivili) (u għaldaqstant l-istrument ta’ protezzjoni introdott għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 12 [tas-Sitt Direttiva], jistgħu jużaw l-azzjoni revokatorja [jew pauliana] skont l-Artikolu 2901 tal-codice civile wara li tkun ġiet implimentata d-diviżjoni, sabiex din tal-aħħar tiġi ddikjarata ineffettiva fil-konfront tagħhom, u, għaldaqstant, li jkollhom preċedenza fl-azzjoni ta’ eżekuzzjoni fuq il-kredituri tal-kumpanniji benefiċjarji kif ukoll li jkollhom pożizzjoni ta’ preċedenza fuq l-azzjonisti ta’ dawn tal-aħħar?

2)      Il-kunċett ta’ ‘annullament’, li huwa previst fl-Artikolu 19 tad-direttiva, jirreferi biss għall-azzjonijiet li jaffettwaw il-validità tal-att ta’ diviżjoni jew anki dawk li, għalkemm ma jaffettwawx il-validità tiegħu, jiddeterminaw il-fatt li jkun ‘ineffikaċi’ b’mod relattiv jew li ma jkunx infurzabbli?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq id-direttivi applikabbli

38      Fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment kemm għas-Sitt Direttiva kif ukoll għad-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU 2017, L 169, p. 46), li ħassret is-Sitt Direttiva sa mid-dħul fis-seħħ tagħha fl-20 ta’ Lulju 2017. Peress li l-fatti fil-kawża prinċipali kollha jippreċedu d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2017/1132, is-Sitt Direttiva tapplika għalihom.

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

39      Il-Kummissjoni tesprimi dubji fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba għal deċiżjoni preliminari odjerna, peress li l-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tas-Sitt Direttiva, billi parti biss mill-patrimonju ta’ Costruzioni Ing. G. Iandolo ġiet ittrasferita lil I.G.I.

40      Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, mill-Artikolu 21(1) tas-Sitt Direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, jirriżulta li din tal-aħħar tapplika għad-diviżjonijiet permezz tal-formazzjoni ta’ kumpanniji ġodda biss fil-każ ta’ trasferiment tal-patrimonju kollu kemm attiv kif ukoll passiv tal-kumpannija diviża.

41      Minn naħa, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta mit-titolu stess tas-Sitt Direttiva, li din tikkonċerna diviżjonijiet ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata. Mill-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 1(1) tat-Tielet Direttiva, jirriżulta wkoll li s-Sitt Direttiva tapplika, fir-rigward tar-Repubblika Taljana, għal “società per azioni” (kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata).

42      Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 21 tas-Sitt Direttiva, għandha titqies bħala diviżjoni permezz tal-formazzjoni ta’ kumpanniji ġodda, l-operazzjoni li biha, wara x-xoljiment mingħajr likwidazzjoni, kumpannija tittrasferixxi lil diversi kumpanniji kkostitwiti ġodda l-partimonju kollu tagħha. Madankollu, Costruzioni Ing. G. Iandolo ma ttrasferixxietx il-patrimonju kollu tagħha lil diversi kumpanniji, iżda biss parti mill-patrimonju tagħha lil kumpannija, I.G.I.

43      Konsegwentement, l-operazzjoni ta’ diviżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax direttament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tas-Sitt Direttiva.

44      Skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi, b’mod preliminari, dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati kif ukoll tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita permezz ta’ dan l-artikolu, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ kull kawża, tevalwa kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha u kemm ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jkunu jikkonċernaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun, bħala prinċipju, meħtieġa tagħti deċiżjoni (sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young, C‑633/16, EU:C:2018:371, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45      B’applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba ddikkjarat li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar talbiet għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet fejn il-fatti fil-kawża prinċipali jkunu jinsabu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda fejn l-imsemmija dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt kienu saru applikabbli permezz tad-dritt nazzjonali minħabba riferiment minn dan tal-aħħar għall-kontenut tagħhom. F’dawn il-każijiet, anki jekk il-fatti fil-kawża prinċipali ma jaqgħux direttament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet kienu saru applikabbli permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li kienet tikkonforma ruħha, għas-soluzzjonijiet għal sitwazzjonijiet purament interni, ma’ dawk adottati mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi, C-297/88 u C-197/89, EU:C:1990:360, punt 37, tas-17 ta’ Lulju 1997, Leur-Bloem, C-28/95, EU:C:1997:369, punti 27 u 32, u tal-15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C-268/15, EU:C:2016:874, punt 53).

46      Fil-fatt meta leġiżlazzjoni nazzjonali tikkonforma ruħha, għas-soluzzjonijiet li toffri għal sitwazzjonijiet purament interni, mas-soluzzjonijiet adottati fid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, sabiex jiġi evitat li jkun hemm diskriminazzjonijiet kontra residenti nazzjonali jew eventwali distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, jeżisti interess ċert tal-Unjoni Ewropea li, sabiex jiġu evitati diverġenzi fl-interpretazzjonijiet futuri, id-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti meħuda mid-dritt tal-Unjoni jingħataw interpretazzjoni uniformi, indipendentement miċ-ċirkustanzi li fihom huma għandhom japplikaw. B’hekk, interpretazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet purament interni hija ġġustifikata fuq il-bażi li dawn saru applikabbli mid-dritt nazzjonali b’mod dirett u mingħajr kundizzjonijiet, sabiex jiżguraw trattament identiku għas-sitwazzjonijiet domestiċi u għas-sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, Cicala, C-482/10, EU:C:2011:868, punti 18 u 19, u tal-21 ta’ Novembru 2019, Deutsche Post et, C-203/18 u C‑374/18, EU:C:2019:999, punt 37).

47      Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tkun adita b’kawża minn qorti nazzjonali fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li ma taqax direttament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hija ma tistax, mingħajr indikazzjoni tal-qorti tar-rinviju minbarra l-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hija applikabbli bla distinzjoni għal sitwazzjonijiet irregolati mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni u għal sitwazzjonijiet purament interni, tqis li t-talba għal interpretazzjoni preliminari li tirrigwarda d-dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt hija neċessarja għaliha għas-soluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C-268/15, EU:C:2016:874, punt 54).

48      L-elementi konkreti li jippermettu li jiġi stabbilit li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni saru applikabbli permezz tad-dritt nazzjonali b’mod dirett u mhux ikkundizzjonat, bil-ħsieb li jiġi żgurat trattament identiku għas-sitwazzjonijiet interni u għas-sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni, għandhom jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, Fremoluc, C-343/17, EU:C:2018:754, punt 21).

49      Għal dan l-għan, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tindika, skont l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif, minkejja n-natura purament interna tagħha, il-kawża pendenti quddiemha għandha mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni element ta’ rabta li jirrendi l-interpretazzjoni preliminari mitluba neċessarja għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża. Barra minn hekk, dawn ir-rekwiżiti huma riflessi fir-Rakkomandazzjonijiet lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2019, C 380, p. 1).

50      Fil-kawża odjerna, il-qorti tar-rinviju, li hija l-unika qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali fil-kuntest tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE, speċifikat li l-Artikoli 2503, 2504 quater, 2506 ter, u l-Artikolu 2506 quater, l-aħħar paragrafu, tal-Kodiċi Ċivili, li l-applikazzjoni tagħhom hija mitluba għall-kawża odjerna mill-partijiet fil-kawża prinċipali, jittrasponu, fid-dritt nazzjonali, l-Artikoli 12 u 19 tas-Sitt Direttiva. Fil-fatt, dan jirriżulta, kif tirrileva l-Kummissjoni, mid-decreto legislativo n. 22 – Attuazione delle direttive n. 78/855/CEE e n. 82/891/CEE in materia di fusioni e scissioni societarie, ai sensi dell’art. 2, comma 1, della legge 26 marzo 1990, n. 69 (digriet leġiżlattiv Nru 22, li jimplimenta d-Direttivi 78/855/KEE u 82/891/KE dwar l-għaqdiet u d-diviżjonijiet, b’mod konformi mal-Artikolu 2(1) tal-liġi Nru°69, tas-26 ta’ Marzu 1990), tas-16 ta’ Jannar 1991 (GURI n°19, tat-23 ta’ Jannar 1991).

51      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dawn l-artikoli tal-Kodiċi Ċivili, li jittrasponu, fid-dritt nazzjonali, l-Artikoli 12 u 19 tas-Sitt Direttiva, japplikaw, skont l-Artikolu 2506 tal-Kodiċi Ċivili, kemm għal operazzjonijiet ta’ diviżjoni li bihom kumpannija tattribwixxi parti waħda mill-patrimonju tagħha lil kumpanniji waħda jew iktar, kif ukoll għal operazzjonijiet ta’ diviżjoni li bihom kumpannija tattribwixxi il-patrimonju kollu tagħha lil diversi kumpanniji, u dan kemm għal kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata kif ukoll għal kumpanniji privati b’responsabbiltà limitata.

52      Għaldaqstant, billi ttraspona s-Sitt Direttiva b’dan il-mod, il-leġiżlatur ddeċieda li japplika l-Artikoli 12 u 19 tas-Sitt Direttiva b’mod dirett u mhux ikkundizzjonat ukoll għall-operazzjonijiet ta’ diviżjoni ta’ kumpanniji privati b’responsabbiltà limitata li bihom kumpannija tattribwixxi parti waħda biss mill-patrimonju tagħha lil kumpannija oħra.

53      Barra minn hekk, jeħtieġ jiġi rrilevat li l-Artikolu 25 tas-Sitt Direttiva, invokat mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ma jipprojbixxix lil-leġiżlatur nazzjonali milli japplika s-sistema ta’ diviżjonijiet prevista mis-Sitt Direttiva għal operazzjonijiet ta’ diviżjoni ta’ kumpanniji privati b’responsabbiltà limitata li bihom kumpannija tattribwixxi parti waħda biss mill-patrimonju tagħha lil kumpannija oħra, u dan ġie rrikonoxxut mill-Kummissjoni waqt is-seduta.

54      F’dawn iċ-ċirkustanzi hemm lok li jitqies li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għad-domandi mwassla mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

55      I.G.I. ssostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli peress li ma tinkludix id-deskrizzjoni tal-kuntest fattwali u regolatorju tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, għall-kuntrarju tar-rekwiżit tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, I.G.I. u Costruzioni Ing. G. Iandolo jsostnu li d-domandi magħmula huma irrilevanti peress li d-djun, li l-konvenuti fil-kawża prinċipali pprovaw jipproteġu bil-preżentata ta’ actio pauliana, kienu kollha ġew innewtralizzati. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni rrilevat ukoll li ġaladarba dawn id-djun ġew effettivament innewtralizzati, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija mingħajr skop u għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

56      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi relatati mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li l-eżattezza tiegħu ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tal-liġi tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2019, Federal Express Corporation Deutsche Niederlassung, C-26/18, EU:C:2019:579, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li dik il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, minn tal-inqas, tispjega s-sitwazzjonijiet fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi. Id-deċiżjoni tar-rinviju għandha barra minn hekk tindika r-raġunijiet preċiżi li wasslu lill-qorti nazzjonali sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tqis neċessarju li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, Stanley International Betting u Stanleybet Malta, C‑375/17, EU:C:2018:1026, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

58      Fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tiddeskrivi b’mod suffiċjenti il-kuntest legali u fattwali tal-kawża prinċipali u tispjega b’mod ċar li d-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja huma neċessarji sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar il-kompatibbiltà tal-actio pauliana, ippreżentata quddiemha, mad-dritt tal-Unjoni.

59      Barra minn hekk, fid-dawl tal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, li hija l-unika qorti li għandha ġurisdizzjoni tinterpreta d-dritt nazzjonali fil-kuntest tas-sistema ta’ koperazzjoni ġudizzjarja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, ma jistax jitqies li d-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhom l-ebda konnessjoni mar-realtà jew mal-għan tal-kawża prinċipali jew li jirrigwardaw biss problema ta’ natura ipotetika.

60      Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq l-ewwel domanda

61      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 12 tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, wara li tkun saret diviżjoni, il-kredituri tal-kumpannija diviża, li d-drittijiet tagħhom jippreċedu lil din id-diviżjoni u li ma jkunux użaw strumenti ta’ protezzjoni tal-kredituri previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali b’applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, jistgħu jippreżentaw actio pauliana sabiex jiġi ddikjarat li l-imsemmija diviżjoni ma tipproduċix effetti fil-konfront tagħhom u sabiex jippreżentaw azzjonijiet eżekutorji u kawtelatorji fuq il-beni ttrasferiti lill-kumpannija benefiċjarja.

62      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 22(1) tas-Sitt Direttiva, l-Artikoli 12 u 19 ta’ din id-direttiva huma applikabbli għad-diviżjonijiet permezz tal-formazzjoni ta’ kumpanniji ġodda, fis-sens tal-Artikolu 21(1) tas-Sitt Direttiva. Mill-Artikolu 22(1) jirriżulta li, b’din l-applikazzjoni, l-espressjoni “kumpanniji involuti f’diviżjoni” tagħmel riferiment għall-kumpannija diviża u l-espressjoni “kumpanniji reċipjenti” tagħmel riferiment għall-kull waħda mill-kumpanniji ġodda.

63      Sont l-Artikolu 12(1) tas-Sitt Direttiva, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għal sistema xierqa ta’ protezzjoni tal-interessi tal-kredituri tal-kumpanniji diviża, għad-djun li jinħolqu qabel il-pubblikazzjoni tal-abbozz tad-diviżjoni u li għadhom ma skadewx fil-mument ta’ din il-pubblikazzjoni.

64      L-Artikolu 12(2) tas-Sitt Direttiva jipprovdi li, għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, l-Istati Membri għandhom jipprovdu tal-inqas li dawn il-kredituri għandhom id-dritt li jiksbu garanziji adegwati meta s-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpannija diviża kif ukoll dik tal-kumpannija li lilha jiġi ttrasferit l-obbligu skont l-abbozz ta’ diviżjoni jirrendu din il-protezzjoni neċessarja u meta l-imsemmija kredituri ma jkollhomx diġà tali garanziji għad-dispożizzjoni tagħhom.

65      Barra minn hekk, mill-Artikolu 12(3) u (6) tas-Sitt Direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva, jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu responsabbiltà in solidum tal-kumpanniji kkostitwiti ġodda għall-obbligi tal-kumpannija diviża.

66      Ċertament, fost l-istrumenti ta’ protezzjoni tal-kredituri tal-kumpannija diviża, previsti fl-Artikolu 12 tas-Sitt Direttiva, ma hemmx inklużi azzjonijiet pawljani.

67      Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, fil-punti 59 u 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-użu tal-kelma “tal-anqas”, fl-Artikolu 12(2) tas-Sitt Direttiva, jindika li dan l-artikolu jipprovdi għal sistema ta’ protezzjoni tal-interessi tal-kredituri tal-kumpannija diviża, għal djun li nħolqu qabel il-pubblikazzjoni tal-abbozz ta’ diviżjoni u li jkunu għadhom ma skadewx fid-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Għaldaqstant, l-imsemmi paragrafu ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jipprovdu għal strumenti ta’ protezzjoni tal-interessi ta’ dawn il-kredituri addizzjonali, inkonnessjoni ma’ dawn id-djun.

68      Barra minn hekk, ma jirriżultax mill-Artikolu 12 tas-Sitt Direttiva li l-assenza ta’ użu minn wieħed mill-istrument ta’ protezzjoni tal-kredituri tal-kumpannija diviża, previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali b’applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, tipprekludi lil dawn tal-aħħar milli jużaw strumenti oħra ta’ protezzjoni minbarra dawk elenkati fl-imsemmi artikolu.

69      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li jitqies, fid-dawl tal-għan stabbilit fit-tmien premessa ta’ din id-direttiva li jiġu protetti l-kredituri, dawk li huma detenturi ta’ obbligazzjonijiet u dawk li ma humiex, u l-persuni li għandom pretensjonijiet oħra fuq il-kumpanniji involuti f’diviżjoni mill-preġudizzju li jista’ jirriżulta mit-twettiq tad-diviżjoni, li l-Artikolu 12 tas-Sitt Direttiva ma jeskludix il-possibbiltà, tal-kredituri ta’ kumpannija diviża, milli jintroduċu actio pauliana, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta s-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpannija diviża kif ukoll dik tal-kumpannija li lilha jiġi ttrasferit l-obbligu skont l-abbozz tad-diviżjoni jirrendu din il-protezzjoni neċessarja. Madankollu, l-effetti ta’ tali azzjoni ma għandhomx ikunu kuntrarji għall-għan ta’ din id-dispożizzjoni.

70      F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi rrilevat li mill-kliem stess tal-ewwel domanda jirriżulta li actio pauliana, bħal dik prevista fl-Artikolu 2901 tal-Kodiċi Ċivili, ippreżentata mill-kredituri tal-kumpannija diviża, tista’ tippermettilhom li jiksbu, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni forzata, pożizzjoni preferenzjali meta mqabbla mal-kredituri tal-kumpannija benefiċjarja jew tal-kumpanniji benefiċjarji u li jirrankaw qabel l-azzjonisti ta’ dawn tal-aħħar. Peress li l-operazzjoni ta’ diviżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija operazzjoni ta’ diviżjoni permezz tal-formazzjoni ta’ kumpannija ġdida, l-espressjoni “il-kumpannija benefiċjarja jew kumpanniji benefiċjarji”, użata mill-qorti tar-rinviju, għandha tinftiehem bħala li tagħmel riferiment għall-kumpannija kkostitwita ġdida jew il-kumpanniji kkostitwiti ġodda.

71      Issa, is-sistema ta’ protezzjoni minima tal-interessi tal-kredituri, prevista fl-Artikolu 12(1) tas-Sitt Direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva, tikkonċerna kredituri tal-kumpannija diviża u mhux dawk tal-kumpanniji kkostitwiti ġodda jew tal-azzjonisti ta’ dawn tal-aħħar, billi dawn il-kumpanniji ma kinux jeżistu qabel id-diviżjoni.

72      Barra minn hekk, mill-Artikolu 12(4) tas-Sitt Direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva u l-Artikolu 13(3) tat-Tielet Direttiva, jirriżulta li l-protezzjoni “tista’ tkun differenti” għall-kredituri tal-kumpanniji kkostitwiti ġodda u għal dawk tal-kumpannija diviża.

73      Għaldaqstant, l-Artikolu 12 tas-Sitt Direttiva ma jirrikjedix li l-protezzjoni tal-kredituri tal-kumpanniji kkostitwiti ġodda prevista mill-Istati Membri għandha tkun ekwivalenti għal dik tal-kredituri tal-kumpannija diviża.

74      Għaldaqstant minn dawn id-dispożizzjonijiet flimkien jista’ jiġi dedott li l-armonizzazzjoni minima, imwettqa mis-Sitt Direttiva, tal-protezzjoni tal-interessi tal-kredituri tal-kumpanniji li jipparteċipaw fid-diviżjoni, ma tipprekludix, fil-kuntest ta’ diviżjoni permezz tal-formazzjoni ta’ kumpannija ġdida kif inhu l-każ fil-kuntest tal-kawża prinċipali, li tingħata prijorità lill-protezzjoni tal-interessi tal-kredituri tal-kumpannija diviża.

75      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 12 tas-Sitt Direttiva, moqri flimkien mal-Artikoli 21 u 22 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, wara li tkun saret diviżjoni, il-kredituri tal-kumpannija diviża, li d-drittijiet tagħhom jippreċedu lil din id-diviżjoni u li ma jkunux użaw strumenti ta’ protezzjoni tal-kredituri previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali b’applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 12, ikunu jistgħu jippreżentaw actio pauliana sabiex jiġi ddikjarat li l-imsemmija diviżjoni ma tipproduċix effetti fil-konfront tagħhom u sabiex jippreżentaw azzjonijiet eżekutorji u kawtelatorji fuq il-beni ttrasferiti lill-kumpannija stabbilita ġdida.

 Fuq it-tieni domanda

76      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva, li jipprovdi għas-sistema ta’ annullamenti tad-diviżjoni, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, wara li tkun saret id-diviżjoni, il-preżentata mill-kredituri tal-kumpannija diviża, ta’ actio pauliana li ma tinċidix fuq il-validità ta’ din id-diviżjoni, iżda tippermetti biss li din ma tibqax invokabbli fil-konfront ta’ dawn il-kredituri.

77      L-Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva jipprovdi għas-sistema tal-annullamenti tad-diviżjoni. B’mod partikolari, dan l-artikolu jillimita l-każijiet ta’ annullament, jistabbilixxi terminu qasir sabiex jintalab l-annullament u jistabbilixxi li, meta jkun possibbli li tiġi rrimedjata l-irregolarità li tista’ twassal għall-annullament tad-diviżjoni, għandu jingħata terminu lill-kumpanniji kkonċernati sabiex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni tagħhom.

78      Il-kunċett ta’ “annullament” ma huwiex iddefiniet mis-Sitt Direttiva.

79      Fl-assenza ta’ definizzjoni ta’ dan il-kunċett, hemm lok, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tiġi ddeterminata t-tifsira u l-portata ta’ dan tal-aħħar b’mod konformi mas-sens abitwali tal-kliem użat, billi jittieħed kont tal-kuntest li fih dan jintuża u tal-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li dan jifforma parti minnha (sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Jafari, C-646/16, EU:C:2017:586, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      Il-kunċett ta’ “annullament”, fis-sens abitwali tiegħu, jagħmel riferiment għal azzjonijiet li jipprevedu l-annullament ta’ att, li jwasslu sabiex dan jisparixxi u jipproduċu effetti fil-konfront ta’ kull persuna.

81      Din it-tifsira tal-kunċett ta’ “annullament” hija kkonfermata mill-kuntest ta’ dan il-kunċett u mill-għanijiet segwiti mis-Sitt Direttiva, kif irrileva dan kollu l-Avukat Ġenerali fil-punti 73 sa 75 tal-konklużjonijiet tiegħu.

82      Fil-fatt, fir-rigward tal-kuntest tal-imsemmi kunċett, jeħtieġ jiġi rrilevat li l-Artikolu 19(1)(b) tas-Sitt Direttiva jipprovdi li l-annullament ta’ diviżjoni li twettqet jista’ jingħata biss fi tliet każijiet, jiġifieri minħabba nuqqas ta’ stħarriġ preventiv ġudizzjarju jew amministrattiv tal-legalità, minħabba difett fl-att pubbliku jew inkella jekk jiġi stabbilit li d-deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali, li approvat l-abbozz tad-diviżjoni, hija nulla jew annullabbli skont id-dritt nazzjonali.

83      Issa, dawn it-tliet każijiet ta’ annullament huma marbuta mal-formazzjoni tad-diviżjoni u jinċidu fuq l-eżistenza nnifisha ta’ din tal-aħħar. Għaldaqstant dawn huma każijiet li jwasslu għal dikjarazzjoni ta’ ineżistenza tad-diviżjoni.

84      Fir-rigward tal-għanijiet segwiti mis-Sitt Direttiva, mill-premessa ħdax tas-Sitt Direttiva jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies li kien hemm lok li jiġu limitati l-każijiet ta’ annullament u li jiġu stabbiliti, minn naħa, il-prinċipju ta’ regolarizzazzjoni kull darba li din tkun possibbli u, min-naħa l-oħra, terminu qasir sabiex jintalab l-annullament sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali fir-relazzjonijiet kemm bejn il-kumpanniji li jipparteċipaw fid-diviżjoni kif ukoll bejn dawn tal-aħħar u t-terzi kif ukoll bejn l-azzjonisti. Dan l-għan tas-Sitt Direttiva, li ġie implimentat mill-Artikolu 19 ta’ din tal-aħħar, jikkonferma li l-annullament ta’ diviżjoni jipproduċi effetti fir-rigward ta’ kull persuna.

85      Issa, kif jinnota l-Avukat Ġenerali fil-punt 79 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk l-azzjoni għal annullament hija intiża tissanzjona l-inosservanza tal-kundizzjonijiet ta’ formazzjoni tal-att ta’ diviżjoni, actio pauliana bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha bħala l-għan tagħha biss il-protezzjoni tal-kredituri li d-diviżjoni ppreġudikat id-drittijiet tagħhom.

86      Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-actio pauliana ppreżentata mill-konvenuti fil-kawża prinċipali, abbażi tal-Artikolu 2901 tal-Kodiċi Ċivili, tippermetti biss li jsiru mhux invokabbli fil-konfront tagħhom, id-diviżjoni kkonċernata u, b’mod partikolari, it-trasferiment ta’ ċerti beni previsti fl-att ta’ diviżjoni. Din l-azzjoni ma taffettwax il-validità ta’ din id-diviżjoni, ma twassalx sabiex din tisparixxi u ma għandhiex effetti fil-konfront ta’ kull persuna.

87      Għaldaqstant, l-imsemmija azzjoni ma taqax taħt il-kunċett ta’ “annullament” previst fl-Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva.

88      Fid-dawl ta’ dawn il-premessi preċedenti kollha, hemm lok li tingħata risposta għat-tieni domanda li l-Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva, moqri flimkien mal-Artikoli 21 u 22 ta’ din id-direttiva, li jipprovdi għas-sistema ta’ annullamenti tad-diviżjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, wara li tkun saret id-diviżjoni, il-preżentata mill-kredituri tal-kumpannija diviża, ta’ actio pauliana li ma tinċidix fuq il-validità ta’ din id-diviżjoni, iżda tippermetti biss li din ma tibqax invokabbli fil-konfront ta’ dawn il-kredituri.

 Fuq l-ispejjeż

89      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 12 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE tas-17 ta’ Diċembru 1982 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(ġ) tat-Trattat dwar id-diviżjoni ta’ kumpanniji b’responsabbilta pubblika limitata, kif emendata bid-Direttiva 2007/63/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007, moqri flimkien mal-Artikoli 21 u 22 tal-imsemmija Direttiva 82/891, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, wara li tkun saret diviżjoni, il-kredituri tal-kumpannija diviża, li d-drittijiet tagħhom jippreċedu lil din id-diviżjoni u li ma jkunux użaw strumenti ta’ protezzjoni tal-kredituri previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali b’applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 12, ikunu jistgħu jippreżentaw actio pauliana sabiex jiġi ddikjarat li l-imsemmija diviżjoni ma tipproduċix effetti fil-konfront tagħhom u sabiex jippreżentaw azzjonijiet eżekutorji u kawtelatorji fuq il-beni ttrasferiti lill-kumpannija stabbilita ġdida.

2)      L-Artikolu 19 tad-Direttiva 82/891, kif emendata bid-Direttiva 2007/63, moqri flimkien mal-Artikoli 21 u 22 tal-imsemmija Direttiva 82/891, li jipprovdi għas-sistema ta’ annullamenti tad-diviżjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, wara li tkun saret id-diviżjoni, il-preżentata mill-kredituri tal-kumpannija diviża, ta’ actio pauliana li ma tinċidix fuq il-validità ta’ din id-diviżjoni, iżda tippermetti biss li din ma tibqax invokabbli fil-konfront ta’ dawn il-kredituri.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.