Language of document : ECLI:EU:T:2024:125

Kawża T364/20

IrRenju tadDanimarka

vs

Kummissjoni Ewropea

 Sentenza talQorti Ġenerali (IlĦames Awla Estiża) tat28 ta’ Frar 2024

“Għajnuna mill-Istat – Finanzjament pubbliku tal-konnessjoni fissa bil-ferrovija u bit-triq fl-Istrett ta’ Fehmarn – Għajnuna mogħtija mid-Danimarka lil Femern – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Rikors għal annullament – Natura separabbli – Ammissibbiltà – Kunċett ta’ ‘impriża’ – Kunċett ta’ ‘attività ekonomika’ – Attivitajiet ta’ kostruzzjoni u tal-operat ta’ konnessjoni fissa bil-ferrovija u bit-triq – Effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni tal-kompetizzjoni”

1.      Rikors għal annullament – Suġġett – Annullament parzjali – Kundizzjoni – Natura separabbli tad-dispożizzjonijiet ikkontestati – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikklassifika miżura ta’ għajnuna mill-Istat u tiddikjara din l-miżura bħala kompatibbli mas-suq intern – Natura separabbli tal-klassifikazzjoni tal-miżura bħala għajnuna mill-Istat

(Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punti 34 sa 37)

2.      Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Destinatarji – Impriżi – Kunċett – Eżerċizzju ta’ attività ekonomika – Kunċett – Attivitajiet marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika – Esklużjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Attivitajiet marbuta mal-funzjonijiet essenzjali tal-Istat minħabba n-natura tagħhom, l-għan tagħhom u r-regoli applikabbli – Tqassim tal-oneru tal-prova

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 50 sa 57, 95 sa 103)

3.      Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Destinatarji – Impriżi – Kunċett – Eżerċizzju ta’ attività ekonomika – Kunċett – Kostruzzjoni u operat ta’ konnessjoni fissa bil-ferrovija u bit-triq minn impriża pubblika – Assenza ta’ eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika – Inklużjoni – Impriża pubblika mqiegħda taħt il-kontroll strett tal-awtoritajiet pubbliċi u suġġetta għall-osservanza ta’ ċerti obbligi tad-dritt pubbliku – Kostruzzjoni u operat tal-konnessjoni fissa li għandhom bħala għan li jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ ftehim internazzjonali – Assenza ta’ liberalizzazzjoni ta’ settur ta’ attività kkonċernata – Ċirkustanzi li ma jippermettux li jiġi konkluż li l-impriża pubblika eżerċitat prerogattivi ta’ awtorità pubblika

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 75 sa 86)

4.      Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Destinatarji – Impriżi – Kunċett – Eżerċizzju ta’ attività ekonomika – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Entità li toffri oġġetti jew servizzi f’suq f’kompetizzjoni ma’ operaturi li għandhom skop ta’ lukru – Servizzi pprovduti bi ħlas

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 126 sa 139, 145 sa 153)

5.      Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Destinatarji – Impriżi – Kunċett – Eżerċizzju ta’ attività ekonomika – Assenża ta’ għan ta’ massimizzazzjoni tal-profitti u obbligu ta’ investiment mill-ġdid tal-profitti – Attività li taqa’ taħt l-awtoritajiet kompetenti – Assenza ta’ effett

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 154 sa 160)

6.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat – Deċiżjoni li tikkonstata n-natura inseparabbli tal-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat ta’ infrastruttura ta’ trasport – Motivazzjoni suffiċjenti

(Artikolu 107(1) u 296 TFUE)

(ara l-punti 169 sa 174)

7.      Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Destinatarji – Impriżi – Kunċett – Eżerċizzju ta’ attività ekonomika – Kunċett – Kostruzzjoni ta’ konnessjoni fissa bil-ferrovija u bit-triq minn impriża pubblika – Kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa indissoċjabbilment marbuta mal-operat ekonomiku tagħha mill-impriża pubblika f’suq miftuħ għall-kompetizzjoni – Inklużjoni – Assenza ta’ operat ekonomiku mill-impriża pubblika waqt il-fażi ta’ kostruzzjoni – Impriża pubblika li tibbenefika minn drittijiet esklużivi ta’ kostruzzjoni u ta’ operat tal-konnessjoni fissa – Assenza ta’ effett

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 185 sa 202)

8.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Għajnuna li tista’ taffettwa l-imsemmi kummerċ u twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni – Kunċett – Finanzjament mogħti lil impriża pubblika għall-kostruzzjoni u għall-operat ta’ konnessjoni fissa bil-ferrovija u bit-triq bejn id-Danimarka u l-Ġermanja – Inklużjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 213 sa 221)

Sunt

Il-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors għal annullament parzjali ppreżentat mir-Renju tad-Danimarka kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal‑20 ta’ Marzu 2020 (1) li permezz tagħha din tal-aħħar ikkonstatat li l-miżuri ta’ appoġġ mogħtija mid-Danimarka lill-impriża pubblika Femern A/S għall-ippjanar, għall-kostruzzjoni u għall-operat ta’ konnessjoni fissa bil-ferrovija u bit-triq tal-Istrett ta’ Fehmarn bejn id-Danimarka u l-Ġermanja jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali tagħmel preċiżazzjonijiet dwar il-kunċett ta’ “attività ta’ natura ekonomika” suġġetta għad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

Fl-2008, id-Danimarka u l-Ġermanja ffirmaw trattat dwar proġett ta’ konnessjoni fissa tal-Istrett ta’ Fehmarn li jikkonsisti, minn naħa, f’mina ferrovjarja u tat-triq taħt il-Baħar Baltiku bejn id-Danimarka u l-Ġermanja (iktar ’il quddiem il-“konnessjoni fissa”) u, min-naħa l-oħra, f’konnessjonijiet bit-triq u dawk ferrovjarji lejn il-partijiet interni tat-territorju Daniż.

L-impriża pubblika Daniża Femern hija responsabbli għall-finanzjament, għall-kostruzzjoni u għall-operat tal-konnessjoni fissa. Peress li bbenefikat minn injezzjonijiet ta’ kapital, minn self iggarantit mill-Istat kif ukoll minn self mogħti mid-Danimarka, Femern ser tirċievi t-tariffi tal-utenti mit-tqegħid fis-servizz tal-konnessjoni fissa sabiex tirrimborsa d-dejn tagħha.

Fi tmiem l-2014, l-awtoritajiet Daniżi nnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-mudell ta’ finanzjament tal-proġett ta’ konnessjoni fissa tal-Istrett ta’ Fehmarn. Mingħajr ma fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-miżuri nnotifikati (2).

Permezz tas-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2018 (3), dik id-deċiżjoni ġiet parzjalment annullata mill-Qorti Ġenerali. Fir-rigward tal-finanzjamenti pubbliċi mogħtija lil Femern, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet naqset milli twettaq l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 108(3) TFUE li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali minħabba l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

Wara li fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali wara dawn is-sentenzi, il-Kummissjoni qieset, permezz tad-deċiżjoni tagħha tal‑20 ta’ Marzu 2020, li l-miżuri li jikkonsistu f’injezzjonijiet ta’ kapital u f’kombinazzjoni ta’ self mill-Istat u garanziji mill-Istat mogħtija lil Femern għall-ippjanar, għall-kostruzzjoni u għall-operat tal-konnessjoni fissa kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE (4).

Id-Danimarka adixxiet lill-Qorti Ġenerali b’rikors għal annullament ta’ din id-deċiżjoni sa fejn din tikklassifika l-finanzjamenti pubbliċi mogħtija lil Femern bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-argument tad-Danimarka li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta ssuġġettat l-attivitajiet ta’ Femern għar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni meta l-attivitajiet tagħha kienu marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

Skont il-ġurisprudenza, l-attivitajiet li jaqgħu taħt l-awtorità pubblika jew li huma marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika ma humiex ta’ natura ekonomika li tiġġustifika l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti mit-Trattat FUE.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tibda billi tikkonstata li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li entità teżerċita prerogattivi ta’ awtorità pubblika meta l-attività tagħha tkun marbuta mal-funzjonijiet essenzjali tal-Istat min-natura tagħha, l-għan tagħha u r-regoli li għalihom hija suġġetta.

Dan premess, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Daniżi matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma kinitx tikkostitwixxi elementi li, meħuda waħedhom jew flimkien, setgħu jwasslu għall-konstatazzjoni li l-kostruzzjoni u l-operat tal-konnessjoni fissa minn Femern kienu marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

B’mod iktar partikolari, il-fatt li Femern titqiegħed taħt il-kontroll strett tal-awtoritajiet pubbliċi u hija suġġetta għall-osservanza ta’ ċerti obbligi tad-dritt pubbliku applikabbli għall-amministrazzjonijiet pubbliċi ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-attivitajiet tagħha huma marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika. Barra minn hekk, għalkemm l-attivitajiet ta’ Femern għandhom l-għan li jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ ftehim internazzjonali, xorta jibqa’ l-fatt li t-Trattat dwar l-Istrett ta’ Fehmarn ma jinkludi ebda dispożizzjoni li tippermetti li jiġi kkonstatat li, bħala tali, l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat tal-konnessjoni fissa huma marbuta mal-eżerċizzju ta’ tali prerogattivi. Ulterjorment, l-assenza ta’ liberalizzazzjoni ta’ settur ta’ attività ma tikkostitwixxix indizju li jippermetti li jiġi konkluż li, bħala prinċipju, attività hija marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma eżaminatx b’mod iddettaljat jekk il-funzjonijiet iddelegati lil Femern bħala awtorità tat-toroq u amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja kif ukoll fir-rigward tat-tħejjija tal-pjanijiet ta’ sigurtà tal-konnessjoni fissa humiex marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika, peress li d-Danimarka ma kinitx invokat espliċitament dan l-argument matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali tiċħad id-diversi lmenti bbażati fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-operat tal-konnessjoni fissa jikkostitwixxi attività ekonomika suġġetta għad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

Skont ġurisprudenza stabbilita, tikkostitwixxi impriża, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, kull entità li teżerċita attività ekonomika u tikkostitwixxi attività ekonomika kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ oġġetti jew servizzi f’suq partikolari. Sabiex jiġi ddeterminat jekk entità twettaqx attività ekonomika, il-Kummissjoni għandha għalhekk, tistabbilixxi li l-entità toffri oġġetti jew servizzi f’suq f’kompetizzjoni ma’ operaturi bi skop ta’ lukru.

Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali tiċħad, qabelxejn, il-kritika fformulata mid-Danimarka kontra l-konstatazzjoni li saret fid-deċiżjoni kkontestata li s-servizzi li ser jiġu offruti minn Femern wara t-tqegħid fis-servizz tal-konnessjoni fissa ser ikunu f’kompetizzjoni diretta ma’ dawk offruti mill-operatur privat ta’ laneċ li diġà jopera, bi skop ta’ lukru, fl-Istrett ta’ Fehmarn. Fil-fatt, anki jekk Femern u dan l-operatur ta’ laneċ privati joffru servizzi li l-karatteristiċi tagħhom huma differenti f’ċerti aspetti, huma joperaw fl-istess suq, jiġifieri dak tas-servizzi ta’ trasport għall-qsim tal-Istrett ta’ Fehmarn, li fuqu l-konsumaturi jkollhom l-għażla bejn is-servizzi offruti mill-operatur tal-laneċ u dawk offruti minn Femern fil-kuntest tal-operat tal-konnessjoni fissa. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet identifikat ukoll suq ta’ servizzi ta’ trasport fuq konnessjonijiet oħra li jikkostitwixxu alternattiva għall-qsim tal-Istrett ta’ Fehmarn.

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li n-natura bi ħlas tal-użu tal-konnessjoni fissa tikkostitwixxi element rilevanti sabiex l-operat ta’ din il-konnessjoni jiġi kklassifikat bħala attività ekonomika. Fil-fatt, meta Stat Membru jiddeċiedi, bħal f’dan il-każ, li jissuġġetta l-aċċess għal infrastruttura għall-ħlas ta’ tariffa sabiex jiġi ġġenerat dħul assenjat b’mod partikolari għar-rimbors tad-dejn inkors sabiex jiffinanzja l-ippjanar u l-kostruzzjoni ta’ din l-infrastruttura, hemm lok li jitqies li din hija s-suġġett ta’ operat ekonomiku.

Fl-aħħar, il-Qorti Ġenerali tikkonferma l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-attività ta’ kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa hija ta’ natura ekonomika peress li hija marbuta b’mod inseparabbli mal-operat ekonomiku ta’ din l-infrastruttura.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-operat kummerċjali u l-kostruzzjoni ta’ infrastrutturi tat-trasport bl-għan ta’ tali użu kummerċjali jistgħu jikkostitwixxu attivitajiet ekonomiċi. F’dan il-kuntest, ġie deċiż (5) b’mod partikolari li l-Kummissjoni setgħet b’mod validu tikkonkludi li l-attività ta’ operat ta’ ajruport kummerċjali u l-attività ta’ kostruzzjoni ta’ mitjar ġdid ta’ dan l-ajruport kienet inseparabbli peress li t-taxxi tal-ajruport kienu jikkostitwixxu s-sors prinċipali ta’ dħul għall-finanzjament ta’ dan il-mitjar il-ġdid u li l-operat ta’ dan il-mitjar kien jipparteċipa fl-attività ekonomika tal-ajruport Issa, il-prinċipji stabbiliti f’dawn is-sentenzi ma jistgħux ikunu limitati biss għall-ipoteżi tal-estensjoni ta’ infrastruttura tat-trasport diġà eżistenti li kienet is-suġġett ta’ operat ekonomiku, iżda jistgħu jikkonċernaw ukoll il-kostruzzjoni ta’ infrastruttura ġdida intiża li tkun is-suġġett ta’ operat ekonomiku futur, bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ.

Fir-rigward tal-argument tad-Danimarka li, essenzjalment, Femern ma hija preżenti fl-ebda suq matul il-fażi ta’ kostruzzjoni, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li d-dħul mill-operat tal-konnessjoni fissa ser jintuża b’mod partikolari minn Femern sabiex tirrimborsa s-self meħud għall-ippjanar u l-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa. Issa, jekk l-attività ta’ kostruzzjoni kienet ikkunsidrata bħala separabbli mill-operat u, għaldaqstant, mhux ekonomika, il-finanzjamenti preferenzjali miksuba għall-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat. Minn dan isegwi li, fl-istadju tal-operat tal-konnessjoni fissa, Femern tibbenefika mill-possibbiltà li topera infrastruttura ssussidjata, u dan jagħtiha vantaġġ ekonomiku li ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-effett utli tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jipprekludi wkoll li l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operat tal-konnessjoni fissa jiġu sseparati għar-raġuni li d-dħul fis-servizz ta’ din il-konnessjoni jseħħ biss meta titlesta l-kostruzzjoni tagħha.

Barra minn hekk, il-fatt li l-liġi Daniża tattribwixxi esklużivament lil Femern il-kostruzzjoni u l-operat tal-konnessjoni fissa lanqas ma jipprekludi li dawn l-attivitajiet ikunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala attivitajiet ekonomiċi, peress li l-operat tal-konnessjoni fissa ser jikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi ta’ trasport f’suq liberalizzat u miftuħ għall-kompetizzjoni. Fil-fatt, fil-każ kuntrarju, ikun biżżejjed li Stat Membru jagħti drittijiet esklużivi lil entità msejħa sabiex toffri servizzi f’suq liberalizzat sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors għal annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata.


1      Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 1683 final, tal‑20 ta’ Marzu 2020, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.39078 – 2019/C (ex 2014/N) li implimentat id-Danimarka għal Femern A/S (ĠU 2020, L 339, p. 1).


2      Deċiżjoni C(2015) 5023 final, dwar l‑Għajnuna mill-Istat SA.39078 (2014/N) (Id-Danimarka), dwar il-finanzjament tal-proġett ta’ konnessjoni fissa fl-Istrett ta’ Fehmarn (ĠU 2015, C 325, p. 5).


3      Sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Scandlines Danmark u Scandlines Deutschland vs Il‑Kummissjoni (T‑630/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:942) u tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Stena Line Scandinavia vs Il‑Kummissjoni (T‑631/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:944).


4      Skont din id-dispożizzjoni, l-għajnuna maħsuba sabiex tippromwovi t-twettiq ta’ proġett importanti ta’ interess Ewropew komuni tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern.


5      Sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig-Halle vs Il‑Kummissjoni (C‑288/11 P, EU:C:2012:821), u tal‑24 ta’ Marzu 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il‑Kummissjoni (T‑443/08 u T‑455/08, EU:T:2011:117).