Language of document : ECLI:EU:T:2021:195

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

14 ta’ April 2021 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Suq Svediż tat-trasport bl-ajru – Għajnuna mogħtija mill-Isvezja favur kumpannija tal-ajru fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19 – Garanzija – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Impenji li jikkundizzjonaw il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern – Għajnuna intiża li tirrimedja għad-danni kkawżati minn avveniment straordinarju – Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Ugwaljanza fit-trattament – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑379/20,

Ryanair DAC, stabbilita fi Swords (l-Irlanda), irrappreżentata minn E. Vahida, F.-C. Laprévote, S. Rating, I.-G. Metaxas-Maranghidis u V. Blanc, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Tomat, D. Zukowska, L. Flynn u S. Noë, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn E. de Moustier u P. Dodeller, bħala aġenti,

minn

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn C. Meyer-Seitz, A. Runeskjöld, M. Salborn Hodgson, H. Shev, H. Eklinder, R. Shahsavan Eriksson, O. Simonsson u J. Lundberg, bħala aġenti,

u minn

SAS AB, stabbilita fi Stokkolma (l-Isvezja), irrappreżentata minn F. Sjövall, avukat,


intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 2784 final tal‑24 ta’ April 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.57061 (2020/N) – L-Isvezja – Kumpens għad-danni kkawżati lil SAS mill-pandemija tal-COVID‑19,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża),

komposta minn M. van der Woude, President, A. Kornezov, E. Buttigieg, K. Kowalik-Bańczyk (Relatriċi) u G. Hesse, Imħallfin,

Reġistratur: E. Artemiou, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas‑27 ta’ Novembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil‑11 ta’ April 2020, il-Kummissjoni Ewropea adottat id-Deċiżjoni C(2020) 2366 final dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56812 (2020/N) – L-Isvezja – COVID‑19: skema ta’ garanziji għal self lill-kumpanniji tal-ajru, li permezz tagħha hija qieset li miżura ta’ għajnuna fil-forma ta’ skema ta’ garanziji għal self lil ċerti kumpanniji tal-ajru (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ għajnuna Svediża”), ikkomunikata mir-Renju tal-Isvezja fit‑3 ta’ April 2020 konformement mal-Artikolu 108(3) TFUE, minn naħa, kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u, min-naħa l-oħra, kienet kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Din l-iskema hija intiża li tipprovdi lill-kumpanniji tal-ajru, li huma importanti biex tiġi żgurata l-konnettività tal-Isvezja u li l-awtoritajiet Svediżi ħarġulhom liċenzja operattiva, likwidità biżżejjed, permezz ta’ garanzija pubblika, sabiex iżommu l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom matul u wara l-pandemija tal-COVID‑19.

2        Fil‑21 ta’ April 2020, ir-Renju tal-Isvezja kkomunika lill-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 108(3) TFUE, miżura ta’ għajnuna (iktar ’il quddiem il-“miżura inkwistjoni”) fil-forma ta’ garanzija fuq kreditu kontinwu ta’ ammont massimu ta’ 1.5 biljun krona Svediża (SEK) lil SAS AB, minħabba li din tal-aħħar affaċċjat diffikultajiet biex tikseb self minn istituzzjonijiet tal-kreditu fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna Svediża. Din il-miżura hija intiża sabiex tikkumpensa parzjalment lil SAS għad-dannu li jirriżulta mill-kanċellazzjoni jew mill-iskedar mill-ġdid tat-titjiriet tagħha wara l-istabbiliment ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19.

3        Fl‑24 ta’ April 2020, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2020) 2784 final, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.57061 (2020/N) – L-Isvezja – Kumpens għad-danni kkawżati lil SAS mill-pandemija tal-COVID‑19 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li permezz tagħha hija qieset li l-miżura inkwistjoni, minn naħa, kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u, min-naħa l-oħra, kienet kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

4        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Ġunju 2020, ir-rikorrenti, Ryanair DAC, ippreżentat dan ir-rikors.

5        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti talbet li dan ir-rikors jiġi deċiż bi proċedura mħaffa, konformement mal-Artikoli 151 u 152 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Lulju 2020, il-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla) laqgħet it-talba għal proċedura mħaffa.

6        Fuq proposta tal-Għaxar Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

7        Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Lulju 2020.

8        Bl-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura, fit‑13 ta’ Awwissu 2020, ir-rikorrenti ressqet talba motivata għal seduta għas-sottomissjonijiet orali.

9        Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fl‑4, fis‑7 u fil‑21 ta’ Settembru 2020, SAS, ir-Renju tal-Isvezja u r-Repubblika Franċiża talbu li jintervjenu f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fid‑9, fil‑15 u fit‑30 ta’ Settembru 2020, ir-rikorrenti talbet, konformement mal-Artikolu 144(7) tar-Regoli tal-Proċedura, li ċerta data, li tinsab fir-rikors u fil-verżjoni mqassra tiegħu, ma tiġix ikkomunikata lil SAS, lir-Renju tal-Isvezja u lir-Repubblika Franċiża.

10      Permezz ta’ digrieti tas‑7 ta’ Ottubru 2020, il-President tal-Għaxar Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali aċċetta l-intervent tar-Repubblika Franċiża, tar-Renju tal-Isvezja u ta’ SAS u llimita provviżorjament il-komunikazzjoni tar-rikors u tal-verżjoni mqassra tiegħu għall-verżjonijiet mhux kunfidenzjali prodotti mir-rikorrenti, fl-istennija tal-eventwali osservazzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar fuq it-talba għal trattament kunfidenzjali.

11      Permezz ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura nnotifikati fis‑7 ta’ Ottubru 2020, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Isvezja u SAS ġew awtorizzati, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 154(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jippreżentaw nota ta’ intervent.

12      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

13      Il-Kummissjoni u SAS jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

14      Ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Isvezja jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

 Fid-dritt

15      Għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni Ewropea għandha d-dritt tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax li rikors jiġi miċħud fil-mertu, mingħajr ma tiddeċiedi minn qabel dwar l-ammissibbiltà tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2002, Il‑Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punti 51 u 52, u tal‑14 ta’ Settembru 2016, Trajektna luka Split vs Il‑Kummissjoni, T‑57/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:470, punt 84). Għaldaqstant, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kunsiderazzjonijiet li wasslu għall-proċedura mħaffa u tal-importanza li tingħata tweġiba rapida fil-mertu kemm għar-rikorrenti kif ukoll għall-Kummissjoni u r-Renju tal-Isvezja, għandha tiġi eżaminata qabel kollox il-fondatezza tar-rikors, mingħajr ma tingħata deċiżjoni minn qabel dwar l-ammissibbiltà tiegħu.

16      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem ħames motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur, min-naħa tal-Kummissjoni, tar-rekwiżit li jgħid li l-għajnuna mogħtija skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE ma hijiex intiża li tirrimedja għad-danni mġarrba minn vittma waħda, it-tieni, fuq l-allegazzjoni li l-miżura inkwistjoni ma hijiex ibbażata fuq l-Artikolu 107(2)(b) TFUE u fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kkunsidrat, b’mod żbaljat, li l-miżura inkwistjoni kienet proporzjonata fir-rigward tad-danni kkawżati lil SAS mill-pandemija tal-COVID‑19, it-tielet, fuq ksur, min-naħa tal-Kummissjoni, ta’ diversi dispożizzjonijiet relatati mal-liberalizzazzjoni tat-trasport bl-ajru fl-Unjoni, ir-raba’, fuq ksur, min-naħa tal-Kummissjoni, tad-drittijiet proċedurali tagħha billi rrifjutat li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali minkejja diffikultajiet serji u, l-ħames, fuq ksur, min-naħa tal-Kummissjoni, tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur, min-naħa tal-Kummissjoni, tar-rekwiżit li abbażi tiegħu l-għajnuna mogħtija skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE ma hijiex intiża li tirrimedja għad-danni mġarrba minn vittma waħda

17      Ir-rikorrenti ssostni li l-avvenimenti straordinarji fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE jaffettwaw, bħala prinċipju, reġjuni jew setturi sħaħ, jew saħansitra ekonomija sħiħa. B’hekk, din id-dispożizzjoni hija intiża li tirrimedja għad-danni mġarrba mill-vittmi kollha ta’ dawn l-avvenimenti, u mhux xi wħud minnhom biss.

18      Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Isvezja u SAS jikkontestaw l-argument tar-rikorrenti.

19      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, hija kompatibbli mas-suq intern kull għajnuna mogħtija sabiex tirrimedja għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali jew avvenimenti oħra straordinarji.

20      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, adottata fid-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-pandemija tal-COVID‑19 kellha titqies bħala “avveniment straordinarju” fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-pandemija tal-COVID‑19 wasslet għall-interruzzjoni tal-parti l-kbira tat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-għeluq tal-fruntieri ta’ diversi Stati Membri tal-Unjoni u tar-rakkomandazzjoni tal-awtoritajiet Svediżi li jiġi evitat ċaqliq mhux essenzjali.

21      Minn dan isegwi li r-rikorrenti tirrileva, ġustament, li SAS ma hijiex l-unika impriża, lanqas l-unika kumpannija tal-ajru, li ġiet affettwata mill-avveniment straordinarju inkwistjoni.

22      Madankollu, kif sostniet, ġustament, il-Kummissjoni fir-risposta tagħha, ma jeżisti l-ebda obbligu, għall-Istati Membri, li jagħtu għajnuna intiża li tirrimedja għad-danni kkawżati minn avveniment straordinarju fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

23      B’mod partikolari, minn naħa, għalkemm l-Artikolu 108(3) TFUE jobbliga lill-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-proġetti tagħhom fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat qabel ma jimplimentawhom, dan ma jobbligahomx, għall-kuntrarju, jagħtu għajnuna (digriet tat‑30 ta’ Mejju 2018, Yanchev, C‑481/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:352, punt 22).

24      Min-naħa l-oħra, għajnuna tista’ tkun intiża li tirrimedja għad-danni kkawżati minn avveniment straordinarju, konformement mal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, indipendentement mill-fatt li din ma tirrimedjax dawn id-danni kollha.

25      Konsegwentement, la mill-Artikolu 108(3) TFUE u lanqas mill-Artikolu 107(2)(b) TFUE ma jirriżulta li l-Istati Membri huma obbligati jirrimedjaw id-danni kollha kkawżati minn avveniment straordinarju b’tali mod li lanqas ma jistgħu jiġu obbligati jagħtu għajnuna lill-vittmi kollha ta’ dawn id-danni.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma għandhiex raġun issostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi għas-sempliċi fatt li l-miżura inkwistjoni ma kinux jibbenefikaw minnha l-vittmi kollha tad-danni kkawżati mill-pandemija tal-COVID‑19.

27      Għalhekk, l-ewwel motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-miżura inkwistjoni ma hijiex ibbażata fuq l-Artikolu 107(2)(b) TFUE u fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kkunsidrat, b’mod żbaljat, li l-miżura inkwistjoni kienet proporzjonata fir-rigward tad-danni kkawżati lil SAS mill-pandemija tal-COVID19

28      It-tieni motiv tar-rikorrenti, essenzjalment, jinqasam f’żewġ partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq l-allegazzjoni li l-miżura inkwistjoni ma hijiex ibbażata fuq l-Artikolu 107(2)(b) TFUE u, it-tieni waħda, fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kkunsidrat, b’mod żbaljat, li l-miżura inkwistjoni kienet proporzjonata fir-rigward tad-danni kkawżati mill-pandemija tal-COVID‑19.

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq l-allegazzjoni li l-miżura inkwistjoni ma hijiex ibbażata fuq l-Artikolu 107(2)(b) TFUE

29      Ir-rikorrenti tirrileva li l-iskema ta’ għajnuna Svediża tipprevedi, bħall-miżura inkwistjoni, garanzija bankarja lil SAS li ma tistax teċċedi SEK 1.5 biljun u ssostni li din il-miżura hija sussidjarja fir-rigward tal-imsemmija skema. Issa, peress li din għandha l-għan li tirrimedja disturb serju tal-ekonomija fis-sens tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, l-imsemmija miżura ma għandhiex l-għan li tirrimedja għad-danni kkawżati minn avveniment straordinarju fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

30      Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Isvezja u SAS jikkontestaw l-argument tar-rikorrenti.

31      F’dan ir-rigward, fid-Deċiżjoni C(2020) 2366 final tal‑11 ta’ April 2020, li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna Svediża bħala kompatibbli mas-suq intern, ibbażata fuq l-Artikolu 107(3)(b) TFUE u msemmija fil-punt 1 iċċitat iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ppreċiżat li, minn SEK 5 biljun li jistgħu jkunu s-suġġett tal-garanzija pubblika, 1.5 biljun biss tista’ tibbenefika minnhom SAS. Dan l-ammont jikkorrispondi, kif tirrileva, ġustament, ir-rikorrenti, għal dak tal-miżura inkwistjoni.

32      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li r-Renju tal-Isvezja kien jipprevedi li jagħti għajnuna individwali lill-kumpanniji tal-ajru li jkunu eliġibbli għall-iskema ta’ għajnuna Svediża, sa fejn, bit-teħid inkunsiderazzjoni tat-tnaqqis fid-domanda, dawn tal-aħħar ma jkunux f’sitwazzjoni finanzjarja favorevoli biżżejjed sabiex jinnegozjaw self mill-istituzzjonijiet tal-kreditu kkonċernati. Il-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi waħda minn dawn l-għajnuna individwali. Il-Kummissjoni ppreċiżat li SAS ma tistax tibbenefika fl-istess ħin mill-imsemmija skema u mill-imsemmija miżura. Din tal-aħħar kienet ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

33      Għalhekk mid-deċiżjoni kkontestata u minn dik imsemmija fil-punt 31 iktar ’il fuq jirriżulta li, kif issostni, ġustament, ir-rikorrenti, il-miżura inkwistjoni għandha natura sussidjarja fir-rigward tal-iskema ta’ għajnuna Svediża, għalkemm din il-miżura u din l-iskema ma humiex ibbażati fuq l-istess dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107 TFUE.

34      Madankollu, skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE, tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq intern għajnuna intiża li tirrimedja disturb serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru. Issa, it-Trattat FUE ma jipprekludix applikazzjoni simultanja tal-Artikolu 107(2)(b) u tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, sakemm il-kundizzjonijiet ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ikunu ssodisfatti. Għalhekk, l-istess jgħodd, b’mod partikolari, meta l-fatti u ċ-ċirkustanzi li jwasslu għal disturb serju tal-ekonomija jirriżultaw minn avveniment straordinarju.

35      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma tistax titqies bħala li wettqet żball ta’ liġi għas-sempliċi fatt li l-iskema ta’ għajnuna Svediża u l-miżura inkwistjoni ġew iddikjarati bħala kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi, rispettivament, tal-Artikolu 107(3)(b) u tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tiġi miċħuda l-ewwel parti tat-tieni motiv tar-rikorrenti.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kkunsidrat, b’mod żbaljat, li l-miżura inkwistjoni kienet proporzjonata fir-rigward tad-danni kkawżati mill-pandemija tal-COVID19

37      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 107(2)(b) TFUE sa fejn hija awtorizzat kumpens żejjed possibbli tad-dannu mġarrab minn SAS.

38      Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Isvezja u SAS jikkontestaw l-argument tar-rikorrenti.

39      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, peress li din hija deroga mill-prinċipju ġenerali ta’ inkompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq intern, kif stabbilit fl-Artikolu 107(1) TFUE, l-Artikolu 107(2)(b) TFUE għandu jiġi interpretat b’mod strett. Għaldaqstant, jistgħu jiġu kkumpensati biss, skont din id-dispożizzjoni, l-iżvantaġġi ekonomiċi kkawżati direttament minn diżastri naturali jew minn avvenimenti oħra straordinarji (sentenza tat‑23 ta’ Frar 2006, Atzeni et, C‑346/03 u C‑529/03, EU:C:2006:130, punt 79).

40      Minn dan isegwi li l-għajnuna li tista’ tkun ikbar mit-telf sostnut mill-benefiċjarji tagħha ma taqax taħt l-Artikolu 107(2)(b) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2004, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑73/03, mhux ippubblikata, EU:C:2004:711, punti 40 u 41).

41      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżura inkwistjoni kienet intiża li tikkumpensa parzjalment lil SAS għad-dannu li jirriżulta mill-kanċellazzjoni jew mill-iskedar mill-ġdid tat-titjiriet tagħha wara l-istabbiliment ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19. Għalkemm hija indikat li l-portata tad-dannu mġarrab minn SAS kien għadu mhux magħruf matul l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, hija madankollu ppreċiżat li dan kien it-“telf ta’ valur miżjud”, li jikkonsisti fid-differenza bejn id-dħul tal-perijodu minn Marzu 2019 sa Frar 2020 u dak tal-perijodu minn Marzu 2020 sa Frar 2021, li minnha tnaqqsu, minn naħa, l-ispejjeż varjabbli evitati, li ġew ikkalkolati fuq il-bażi tal-ispejjeż imġarrba bejn Marzu 2019 u Frar 2020, u, min-naħa l-oħra, il-marġni benefiċjarju relatat mat-telf mid-dħul. L-ammont tad-dannu ġie stmat provviżorjament billi ttieħed inkunsiderazzjoni tnaqqis fit-traffiku tal-ajru ta’ bejn 50 u 60 % għall-perijodu minn Marzu 2020 sa Frar 2021 meta mqabbel mal-perijodu minn Marzu 2019 sa Frar 2020 u kien jikkorrispondi għal ammont ta’ bejn SEK 5 u 15‑il biljun.

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kkunsidrat li, anki fl-ipoteżi fejn l-ammont tal-għajnuna li tirriżulta mill-miżura inkwistjoni jikkorrispondi għall-ammont garantit, jiġifieri SEK 1.5 biljun, dan l-ammont jibqa’ inqas mid-dannu mġarrab minn SAS. F’dan ir-rigward, hija ppreċiżat li l-istess kien japplika kieku dan l-ammont kellu jingħadd ma’ dak ta’ għajnuna, essenzjalment, identika għall-miżura inkwistjoni, li kienet ingħatat qabel lil SAS mir-Renju tad-Danimarka, b’tali mod li l-ammont totali ta’ għajnuna mogħtija lil SAS kien jilħaq SEK 3 biljun. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppreċiżat li r-Renju tal-Isvezja kien impenja ruħu li jwettaq evalwazzjoni ex post tad-dannu effettivament imġarrab minn SAS sa mhux iktar tard mit‑30 ta’ Ġunju 2021 u li jitlob ir-rimbors tal-għajnuna mogħtija sa fejn din teċċedi l-imsemmi dannu, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-għajnuna kollha li tista’ tingħata SAS minħabba l-pandemija tal-COVID‑19, inkluż minn awtoritajiet barranin.

43      Fl-ewwel lok, l-ewwel, ir-rikorrenti ssostni li l-metodu ta’ kalkolu intiż għall-evalwazzjoni tad-dannu mġarrab minn SAS, ippreżentat fid-deċiżjoni kkontestata, ma huwiex preċiż biżżejjed u ma jippermettix evalwazzjoni korretta tad-dannu mġarrab minn din l-impriża. Hija tikkritika b’mod iktar partikolari lill-Kummissjoni talli ma spjegatx ir-raġunijiet tal-għażla tal-perijodu ta’ referenza (Marzu 2019 sa Frar 2020), talli ma identifikatx l-ispejjeż li għandhom jitqiesu bħala varjabbli jew fissi u talli ma indikatx kif seta’ jiġi ggarantit li t-telf mid-dħul kien marbut direttament mal-pandemija tal-COVID‑19 u mhux ma’ deċiżjonijiet ta’ SAS li tnaqqas it-traffiku abbażi ta’ raġunijiet finanzjarji oħra. Hija ssostni li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi kif ukoll żball ta’ evalwazzjoni.

44      It-tieni, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni danni mġarrba mill-kumpanniji l-oħra tal-ajru fl-Isvezja.

45      Fir-rigward, l-ewwel, tal-evalwazzjoni tad-dannu mġarrab minn SAS, mill-punt 41 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni identifikat, fid-deċiżjoni kkontestata, l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi kkwantifikat id-dannu, jiġifieri t-telf mid-dħul, l-ispejjeż varjabbli evitati u l-aġġustament tal-marġni benifiċjarju, kif ukoll il-perijodu li matulu dan id-dannu seta’ jimmaterjalizza ruħu. Barra minn hekk, hija ppreċiżat li t-telf mid-dħul kellu jiġi ddeterminat bit-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul kollu ta’ SAS, u mhux biss dak idderivat mit-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, u ppreżentat lista mhux eżawrjenti tal-ispejjeż imġarrba minn SAS. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-paragrafi 35 sa 38 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni nnotat l-impenn tal-awtoritajiet Svediżi, minn naħa, li jikkwantifikaw ex post b’mod iddettaljat u konkret id-dannu mġarrab minn SAS u l-ammont tal-għajnuna li finalment kellha tibbenefika minnha u, min-naħa l-oħra, tiżgura li SAS tirrimborsa kumpens żejjed possibbli tal-imsemmi dannu.

46      Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni kkaratterizzati mill-avveniment straordinarju, fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, li tikkostitwixxi l-pandemija tal-COVID‑19, in-natura evoluttiva tiegħu u n-natura neċessarjament prospettiva tal-kwantifikazzjoni tad-dannu kkawżat u tal-ammont tal-għajnuna finalment mogħtija, il-Kummissjoni ppreżentat b’dettalji suffiċjenti, fid-deċiżjoni kkontestata, metodu ta’ kalkolu intiż għall-evalwazzjoni tad-dannu mġarrab minn SAS.

47      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tipproduċi l-ebda element ta’ natura li jistabbilixxi li l-metodu ta’ kalkolu, kif iddefinit fid-deċiżjoni kkontestata, jippermetti l-ħlas ta’ għajnuna mill-Istat ikbar mid-dannu realment imġarrab minn SAS. F’dan ir-rigward, il-fatt, invokat mir-rikorrenti, li l-Kummissjoni, fid-dokument intitolat “Għajnuna biex tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali (l-Artikolu 107(2)(b) tat-TFUE) Lista ta’ kontroll għall-Istati Membri”, tistieden lill-Istati Membri jipprovdu “programm dettaljat li jistabbilixxi metodu għall-kalkolu tal-ħsara” fl-ipoteżi fejn tali metodu jkun jeżisti diġà fid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, ma huwiex ta’ natura li jistabbilixxi li l-metodu ta’ kalkolu ddefinit fid-deċiżjoni kkontestata ma huwiex preċiż biżżejjed għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

48      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tipproduċi l-ebda element li jista’ jistabbilixxi li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-aħħar tnax‑il xahar qabel l-implimentazzjoni tar-restrizzjonijiet li jirriżultaw mill-pandemija tal-COVID‑19 għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-dannu mġarrab minn SAS seta’ jwassal lill-Kummissjoni biex tissopravaluta dan id-dannu. Iktar minn hekk, għalkemm ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma identifikatx b’mod preċiż l-ispejjeż fissi u varjabbli fid-deċiżjoni kkontestata, u għalkemm huwa veru li dawn l-ispejjeż jikkostitwixxu data importanti għall-finijiet tal-kalkolu tad-dannu mġarrab minn SAS, kif iddefinit fid-deċiżjoni kkontestata, hija ma tispjegax kif din l-impreċiżjoni tista’ twassal għall-ħlas ta’ għajnuna ikbar mid-dannu effettivament imġarrab minn SAS.

49      Finalment, għalkemm hemm lok li jiġi nnotat li l-metodu ddefinit mill-Kummissjoni ma jippermettix li jiġi evitat kompletament li l-evalwazzjoni tal-imsemmi dannu tinkludi wkoll il-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet meħuda minn SAS mingħajr rabta diretta mal-pandemija tal-COVID‑19, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tipproduċi l-ebda element li jista’ jistabbilixxi li, fl-assenza ta’ din il-pandemija, id-dħul ta’ SAS kien probabbilment jitnaqqas matul il-perijodu minn Marzu 2020 sa Frar 2021 meta mqabbel mal-perijodu minn Marzu 2019 sa Frar 2020.

50      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-elementi preċedenti, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi u lanqas żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tad-dannu mġarrab minn SAS.

51      It-tieni, fir-rigward tad-dannu mġarrab mill-kumpanniji l-oħra tal-ajru fl-Isvezja, ir-rikorrenti ssostni, billi tibbaża l-argument tagħha żviluppat fil-kuntest tal-ewwel motiv, li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-vittmi kollha tal-avveniment straordinarju inkwistjoni intiż fl-Artikolu 107(2)(b) TFUE. Madankollu, hemm lok li jitfakkar li, kif issemma fil-punt 25 iktar ’il fuq, l-Istati Membri ma humiex obbligati jagħtu għajnuna lill-vittmi kollha ta’ danni kkawżati minn tali avveniment straordinarju. Konsegwentement, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, l-għoti ta’ għajnuna li tibbenefika minnha SAS biss, ma kienx jiddependi mill-wiri, mill-Kummissjoni, li d-dannu kkawżat minn dan l-avveniment kien jaffettwa biss lil din l-impriża.

52      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li ma huwiex possibbli li l-Kummissjoni tistħarreġ il-proporzjonalità tal-miżura inkwistjoni qabel ix-xahar ta’ Marzu 2021. Hija ssostni li SAS tibbenefika mill-għajnuna kollha kważi immedjatament wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata filwaqt li d-dannu mġarrab minn SAS jimmaterjalizza ruħu biss b’mod progressiv sax-xahar ta’ Marzu 2021 u li l-ammont ta’ dan id-dannu jibqa’ ipotetiku, bit-teħid inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tal-assenza ta’ metodu biex jiġi kkalkolat.

53      F’dan ir-rigward, l-ewwel, għandu jiġi rrilevat li l-miżura inkwistjoni hija garanzija għal kreditu kontinwu. Minn dan isegwi li l-ammont massimu tal-għajnuna, jiġifieri l-ammont garantit ta’ SEK 1.5 biljun, ser jitħallas biss fl-ipoteżi fejn SAS ma tkunx kapaċi tirrimborsa l-ammonti kollha li jkunu ġew mislufa lilha. Issa, ir-rikorrenti ma tipproduċi l-ebda element ta’ natura li jistabbilixxi li, meta d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata, il-Kummissjoni kellha tkun taf li SAS kienet ser issib ruħha neċessarjament f’tali inkapaċità.

54      Minn dan isegwi li, kif jirriżulta inċidentalment mill-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli [107] u [108 TFUE] għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (ĠU 2008, C 155, p. 10), l-ammont ta’ għajnuna lil SAS kien jikkorrispondi, fir-realtà, għad-differenza fir-rata mogħtija lil din tal-aħħar bil-miżura inkwistjoni, jew fl-assenza tagħha, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

55      Il-Kummissjoni evalwat ir-rata massima ta’ interessi, fl-assenza tal-miżura inkwistjoni, għal 10.26 %, mingħajr ma din ġiet ikkontestata mir-rikorrenti. Konsegwentement, l-ammont tal-għajnuna mħallsa lil SAS ma jistax jeċċedi SEK 153.9 miljun fl-ewwel sena, li minnhom, barra minn hekk, għandhom jitnaqqsu l-prezz ta’ din il-miżura ffatturata lil SAS, li jitla’, skont id-deċiżjoni kkontestata, għal mill-inqas SEK 15‑il miljun fis-sena, kif ukoll ir-rata ta’ interessi nnegozjata minn SAS, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-adozzjoni tal-imsemmija miżura.

56      Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma għandhiex raġun issostni li SAS tista’ tirċievi l-għajnuna kollha sa mill-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

57      It-tieni, il-Kummissjoni kkunsidrat, fi kwalunkwe każ, li d-dannu mġarrab minn SAS, evalwat għal mill-inqas SEK 5 biljun, ikun ikbar mill-ammont garantit mill-miżura inkwistjoni, jiġifieri SEK 1.5 biljun. Issa, għalkemm l-evalwazzjoni tad-dannu tiddependi mit-tbassir relatat mat-tnaqqis fit-traffiku tal-ajru, ir-rikorrenti ma tipproduċi l-ebda element ta’ natura li jqajjem dubju dwar din l-evalwazzjoni. B’mod iktar partikolari, hija ma tikkontestax l-ipoteżi, adottata mill-Kummissjoni, ta’ tnaqqis fit-traffiku tal-ajru ta’ bejn 50 u 60 % għall-perijodu minn Marzu 2020 sa Frar 2021 meta mqabbel mal-perijodu minn Marzu 2019 sa Frar 2020. Hija lanqas ma tikkontesta l-fatt li d-dannu mġarrab minn SAS minħabba l-pandemija tal-COVID‑19 jitla’ għal mill-inqas SEK 5 biljun.

58      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma għandhiex raġun tikkontesta l-proporzjonalità tal-miżura inkwistjoni.

59      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-għajnuna mogħtija mir-Renju tan-Norveġja u mir-Renju tad-Danimarka, u lanqas dik li tista’ tingħata qabel ix-xahar ta’ Marzu 2021.

60      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, minn naħa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li d-dannu mġarrab minn SAS, evalwat għal mill-inqas SEK 5 biljun, huwa ikbar mill-ammonti garantiti akkumulati li jirriżultaw mill-miżura inkwistjoni u mill-miżura adottata preċedentement mir-Renju tad-Danimarka lil SAS, jiġifieri SEK 3 biljun. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni rreferiet b’mod espliċitu għall-għajnuna kollha li tista’ tingħata lil SAS minħabba d-danni kkawżati mill-pandemija tal-COVID‑19 qabel l-ewwel trimestru tal‑2021. Għalhekk, ir-Renju tal-Isvezja impenja ruħu li jitlob ir-rimbors tal-għajnuna li tirriżulta mill-miżura inkwistjoni, sa fejn din, akkumulata ma’ oħrajn, inkluża dik mogħtija minn awtoritajiet barranin, tkun teċċedi d-dannu effettivament imġarrab minn SAS.

61      Konsegwentement, ir-rikorrenti ma għandhiex raġun issostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-għajnuna mogħtija mir-Renju tan-Norveġja u mir-Renju tad-Danimarka, u lanqas dik li tista’ tingħata qabel ix-xahar ta’ Marzu 2021.

62      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-vantaġġ kompetittiv li jirriżulta min-natura diskriminatorja tal-miżura inkwistjoni.

63      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern, il-vantaġġ mogħti minn din l-għajnuna lill-benefiċjarju tagħha ma jinkludix l-eventwali benefiċċju ekonomiku li twettaq minnha mill-operat ta’ dan il-vantaġġ. Tali benefiċċju jista’ ma jkunx identiku għall-vantaġġ li jikkostitwixxi l-imsemmija għajnuna, jew saħansitra jirriżulta ineżistenti, mingħajr ma dan il-fatt jista’ jiġġustifika evalwazzjoni differenti tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Aer Lingus u Ryanair Designated Activity, C‑164/15 P u C‑165/15 P, EU:C:2016:990, punt 92).

64      Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, ġustament, ħadet inkunsiderazzjoni l-vantaġġ mogħti lil SAS, kif dan jirriżulta mill-miżura inkwistjoni, kif joħroġ mill-punti 52 sa 58 iktar ’il fuq. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma ddeterminatx l-eżistenza ta’ eventwali benefiċċju ekonomiku li jirriżulta minn dan il-vantaġġ.

65      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma għandhiex raġun tikkritika lill-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni vantaġġ kompetittiv possibbli li jirriżulta min-natura diskriminatorja li hija tallega.

66      Konsegwentement, għandha tiġi miċħuda t-tieni parti tat-tieni motiv tar-rikorrenti u, konsegwentement, l-imsemmi motiv kollu kemm hu.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur, min-naħa tal-Kummissjoni, ta’ diversi dispożizzjonijiet relatati mal-liberalizzazzjoni tat-trasport bl-ajru fl-Unjoni

67      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment, minħabba li l-miżura inkwistjoni toffri kundizzjonijiet iktar favorevoli rriżervati għall-impriżi stabbiliti fl-Isvezja.

68      Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Isvezja u SAS jikkontestaw l-argument tar-rikorrenti.

69      Għandu jitfakkar li għajnuna mill-Istat li tikser dispożizzjonijiet jew prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, C‑594/18 P, EU:C:2020:742, punt 44; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, EU:C:2008:224, punti 50 u 51).

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

70      Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet simili ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali sakemm trattament bħal dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal‑15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, EU:C:2008:224, punt 66; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos, C‑677/16, EU:C:2018:393, punt 49).

71      L-elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti u għaldaqstant in-natura komparabbli tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jiġu stabbiliti u evalwati fid-dawl tal-għan u tal-iskop tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li jifforma parti minnu l-att inkwistjoni (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 26).

72      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 1984, Denkavit Nederland, 15/83, EU:C:1984:183, punt 25), premess li, meta jkun hemm għażla bejn numru ta’ miżuri xierqa, għandha tiġi applikata dik li hija l-inqas oneruża, u li l-inkonvenjenti kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (sentenza tat‑30 ta’ April 2019, L‑Italja vs Il‑Kunsill (Kwota ta’ qabdiet ta’ pixxispad tal-Mediterran), C‑611/17, EU:C:2019:332, punt 55).

73      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tawtorizza trattament diskriminatorju li ma huwiex neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tal-miżura inkwistjoni, jiġifieri li jiġu rrimedjati d-danni kkawżati mill-pandemija tal-COVID‑19. Hija tikkunsidra li l-għan li jinżammu l-konnettività tal-Isvezja kif ukoll il-konnettività intra‑Skandinava msemmija wkoll f’din id-deċiżjoni jikser l-Artikolu 107(2)(b) TFUE. Barra minn hekk, dan l-għan u dak li tinżamm l-istruttura tas-suq jeżiġu li jittieħdu inkunsiderazzjoni kumpanniji oħra tal-ajru sa fejn SAS tirrappreżenta inqas minn nofs it-traffiku tal-ajru kollu tal-passiġġieri intern u internazzjonali tal-Isvezja. Ir-rikorrenti tippreċiża, barra minn hekk, li l-iskema ta’ għajnuna Svediża tiggarantixxi l-konnettività tal-Isvezja u li l-miżura inkwistjoni toħloq diskriminazzjoni favur SAS meta mqabbla ma’ kumpanniji oħra tal-ajru li jistgħu jibbenefikaw mill-imsemmija skema. Finalment, l-għan li tinżamm il-konnettività intra‑Skandinava jikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità.

74      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-miżura inkwistjoni ma għandhiex l-għan, minbarra dak li tikkumpensa parzjalment lil SAS tad-dannu li jirriżulta mill-pandemija tal-COVID‑19, li żżomm il-konnettività tal-Isvezja, l-“aċċessibbiltà intra‑Skandinava” jew l-ekonomija Svediża.

75      Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-paragrafu 26 tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, dan il-paragrafu jinsab fil-punt intitolat “Benefiċjarju”, li sempliċement jiddeskrivi l-benefiċjarju tal-miżura inkwistjoni, jiġifieri SAS. Min-naħa l-oħra, mill-punt intitolat “Għan tal-miżura” ta’ din id-deċiżjoni, u b’mod iktar partikolari mill-paragrafu 9 tagħha, jirriżulta li l-miżura hija intiża biss sabiex tikkumpensa parzjalment lil SAS għad-dannu li jirriżulta mill-kanċellazzjoni jew mill-iskedar mill-ġdid tat-titjiriet tagħha wara l-istabbiliment ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19.

76      Minn dan isegwi li r-rikorrenti lanqas ma għandha raġun issostni li l-miżura inkwistjoni għandha l-għan li żżomm l-istruttura tas-suq. F’dan ir-rigward, ċertament għandu jiġi rrilevat li, fl-ewwel paġna tad-dokument intitolat “Ħarsa ġenerali tar-regoli relatati mal-għajnuna mill-Istat u mal-obbligi ta’ servizz pubbliku applikabbli għas-settur tat-trasport bl-ajru matul l-imxija tal-COVID‑19”, il-Kummissjoni tispjega li, “[f]l-interess tal-ekonomija u tal-konsumaturi tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom ifasslu l-miżuri tagħhom fuq bażi nondiskriminatorja u b’mod li jżomm l-istrutturi tas-suq ta’ qabel il-kriżi u jwitti t-triq għal rkupru ekonomiku rapidu” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, għalkemm, mill-perspettiva tal-kompetizzjoni, jista’ jkun preferibbli li tingħata għajnuna lill-atturi ekonomiċi kollha sabiex jiġi evitat tnaqqis fin-numru tagħhom, hemm lok li jitfakkar, kif ġie rrilevat fil-punt 25 iktar ’il fuq, li l-Istati Membri ma humiex obbligati jirrimedjaw id-danni kollha kkawżati minn avveniment straordinarju indikat mill-Artikolu 107(2)(b) TFUE u, konsegwentement, li jagħtu għajnuna lill-vittmi kollha ta’ dawn id-danni.

77      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li għajnuna individwali, bħal dik inkwistjoni, tibbenefika minnha, mid-definizzjoni tagħha, impriża waħda biss, bl-esklużjoni tal-impriżi l-oħra kollha, inklużi dawk li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna. B’hekk, min-natura tagħha, tali għajnuna individwali tistabbilixxi differenza fit-trattament, saħansitra diskriminazzjoni, li madankollu hija inerenti għan-natura individwali tal-imsemmija miżura. Issa, il-fatt li jiġi sostnut, kif tagħmel ir-rikorrenti, li l-għajnuna individwali inkwistjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, essenzjalment, iqajjem dubju b’mod sistematiku dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ kull għajnuna individwali minħabba s-sempliċi fatt tan-natura intrinsikament esklużiva u b’hekk diskriminatorja tagħha, filwaqt li d-dritt tal-Unjoni jippermetti lill-Istati Membri jagħtu għajnuna individwali, sakemm jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 107 TFUE.

78      F’dan ir-rigward, inċidentalment fil-punt 25 iktar ’il fuq ġie rrilevat li, fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, l-Istati Membri ma humiex obbligati jirrimedjaw id-danni kollha kkawżati minn avveniment straordinarju u, konsegwentement, jagħtu għajnuna lill-vittmi kollha ta’ dawn id-danni.

79      Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 71 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ssostni, ġustament, li l-kumpanniji kollha tal-ajru li joperaw fl-Isvezja ġew affettwati mir-restrizzjonijiet relatati mal-pandemija tal-COVID‑19 u li dawn, konsegwentement, kollha ġarrbu, bħal SAS, dannu li jirriżulta mill-kanċellazzjoni jew mill-iskedar mill-ġdid tat-titjiriet tagħhom wara l-istabbiliment ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19.

80      Madankollu, kieku kellu jitqies, kif issostni r-rikorrenti, li d-differenza fit-trattament stabbilita mill-miżura inkwistjoni, sa fejn din tibbenefika minnha biss SAS, tista’ tiġi assimilata ma’ diskriminazzjoni, għandu jiġi vverifikat jekk din hijiex iġġustifikata minn għan leġittimu u jekk hijiex neċessarja, xierqa u proporzjonata sabiex dan jintlaħaq (ara l-punti 70 u 72 iktar ’il fuq). Bl-istess mod, sa fejn ir-rikorrenti tirreferi għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, għandu jiġi enfasizzat li, skont din id-dispożizzjoni, kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati “u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm” hija pprojbita. Għaldaqstant, huwa importanti li jiġi vverifikat jekk din id-differenza fit-trattament hijiex permessa fir-rigward tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, li jikkostitwixxi l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata. Dan l-eżami jimplika, minn naħa, li l-għan tal-miżura inkwistjoni jissodisfa r-rekwiżiti previsti minn din l-aħħar dispożizzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-modalitajiet tal-għoti tal-miżura inkwistjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, il-fatt li din tibbenefika minnha biss SAS, ikunu ta’ natura li jippermettu li jintlaħaq dan l-għan u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq.

81      Fir-rigward tal-għan tal-miżura inkwistjoni, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li l-kumpens għal dannu li jirriżulta mill-kanċellazzjoni jew mill-iskedar mill-ġdid tat-titjiriet ta’ kumpannija tal-ajru wara l-istabbiliment ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19 jippermetti li jirrimedja għad-danni kkawżati minn din il-pandemija. Kif ġie rrilevat fil-punt 20 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti lanqas ma tikkontesta l-fatt li l-pandemija tal-COVID‑19 tikkostitwixxi avveniment straordinarju fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

82      Fir-rigward tal-modalitajiet tal-għoti tal-miżura inkwistjoni, il-Kummissjoni tirrileva, fid-deċiżjoni kkontestata, li SAS, li l-operazzjonijiet tagħha kienu kkonċentrati fid-Danimarka, fl-Isvezja u fin-Norveġja, kienet tirrappreżenta 67 % tat-traffiku tal-ajru intra‑Skandinavu u kważi nofs it-traffiku intern fl-Isvezja (49.2 %). Issa, ir-rikorrenti tirrikonoxxi hija stess li “[l]-parti mis-suq tikkostitwixxi indikatur aċċettabbli tad-danni mġarrba mill-kumpanniji tal-ajru”.

83      Madankollu, ir-rikorrenti ssostni li tali ċirkustanza ma tippermettix li tiġi ġġustifikata d-differenza fit-trattament li tirriżulta mill-miżura inkwistjoni. Fil-fatt, hija tikkunsidra li din id-differenza fit-trattament ma hijiex proporzjonata sa fejn din il-miżura tagħti lil SAS l-għajnuna kollha intiża li tirrimedja għad-dannu kkawżat mill-pandemija tal-COVID‑19 filwaqt li SAS iġġarrab biss 35 % ta’ dan id-dannu.

84      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li SAS, minħabba li l-partijiet tagħha mis-suq huma ikbar, ġiet affettwata iktar mir-restrizzjonijiet relatati mal-pandemija tal-COVID‑19 mill-kumpanniji l-oħra tal-ajru preżenti fl-Isvezja. Inċidentalment dan huwa kkonfermat mid-data li tinsab fl-Anness A.3.2 tar-rikors, li minnha jirriżulta li SAS kellha l-ikbar parti mis-suq fl-Isvezja, sa 35 % u li din il-parti mis-suq kienet ogħla b’mod sinjifikattiv minn dawk tal-eqreb kompetitur tagħha u tar-rikorrenti, li kellhom biss parti mis-suq, rispettivament, ta’ 19 % u ta’ 5 %.

85      Barra minn hekk mid-data msemmija fil-punt 82 iktar ’il fuq jirriżulta b’mod partikolari li SAS hija, b’mod proporzjonali, affettwata b’mod iktar sinjifikattiv minn dawn ir-restrizzjonijiet milli hija r-rikorrenti, li kienet twettaq biss, kif jirriżulta mill-Anness A.3.2 tar-rikors, parti minima mill-attività tagħha lejn l-Isvezja u minn dan l-Istat, b’differenza minn SAS, li għaliha din il-parti kienet ferm ikbar.

86      Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-differenza fit-trattament favur SAS hija xierqa sabiex jiġu rrimedjati d-danni li jirriżultaw minn dawn ir-restrizzjonijiet u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan, konformement mal-motivi diġà rrilevati fil-punti 52 sa 61 iktar ’il fuq.

87      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistabbilixxix li, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-ammont żgħir tal-miżura inkwistjoni, imfakkar fil-punt 55 iktar ’il fuq, fid-dawl tal-evalwazzjoni tad-dannu mġarrab minn SAS, imfakkar fil-punt 41 iktar ’il fuq, it-tqassim tal-imsemmi ammont bejn il-kumpanniji kollha tal-ajru preżenti fl-Isvezja ma kienx iċaħħad l-imsemmija miżura minn effett utli.

88      Finalment, għalkemm mid-deċiżjoni kkontestata effettivament jirriżulta li l-miżura inkwistjoni ngħatat lil SAS b’mod partikolari minħabba li din tal-aħħar kienet eliġibbli wkoll għall-iskema ta’ għajnuna Svediża u, konsegwentement, li hija kienet detentur ta’ liċenzja maħruġa mir-Renju tal-Isvezja, għandu jiġi rrilevat li l-għan ta’ din il-miżura huwa biss li tirrimedja għad-dannu mġarrab minn SAS, u mhux mill-kumpanniji kollha tal-ajru eliġibbli għall-imsemmija skema. Peress li SAS kienet affettwata iktar mir-restrizzjonijiet relatati mal-pandemija tal-COVID‑19 mill-kumpanniji kollha preżenti fl-Isvezja, inklużi dawk li huma detenturi ta’ liċenzja maħruġa minn Stat Membru ieħor li ma huwiex l-Isvezja, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-kriterji ta’ eliġibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna Svediża ma jistgħux iqajmu dubju dwar il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

89      Minn dan isegwi li kien iġġustifikat li l-benefiċċju tal-miżura inkwistjoni jingħata biss lil SAS u li l-miżura inkwistjoni ma tiksirx il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

 Fuq il-ksur tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi

90      Għandu jitfakkar li, minn naħa, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment huma intiżi sabiex jiżguraw il-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Finanzamt Linz, C‑66/14, EU:C:2015:661, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      Min-naħa l-oħra, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tipprekludi l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha l-effett li trendi l-provvista ta’ servizzi bejn l-Istati Membri iktar diffiċli mill-provvista ta’ servizzi purament interna għal Stat Membru, indipendentement mill-eżistenza ta’ diskriminazzjoni skont in-nazzjonalità jew ir-residenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2003, Stylianakis, C‑92/01, EU:C:2003:72, punt 25). Madankollu, hemm lok li jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 58(1) TFUE, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fil-qasam tat-trasport, hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tat-titolu dwar it-trasport, jiġifieri t-Titolu VI tat-Trattat FUE. Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tat-trasport hija għaldaqstant suġġetta, fi ħdan id-dritt primarju, għal sistema ġuridika speċifika (sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2014, International Jet Management, C‑628/11, EU:C:2014:171, punt 36). Konsegwentement, l-Artikolu 56 TFUE, li jistabbilixxi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ma japplikax bħala tali għall-qasam tat-traffiku bl-ajru (sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2011, Neukirchinger, C‑382/08, EU:C:2011:27, punt 22).

92      Għaldaqstant huwa biss abbażi tal-Artikolu 100(2) TFUE li miżuri ta’ liberalizzazzjoni tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru jistgħu jiġu adottati (sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2014, International Jet Management, C‑628/11, EU:C:2014:171, punt 38). Issa, kif irrilevat, ġustament, ir-rikorrenti, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità (ĠU 2008, L 293, p. 3), fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, li għandha preċiżament l-għan li tiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni, fis-settur tat-trasport bl-ajru, tal-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2003, Stylianakis, C‑92/01, EU:C:2003:72, punti 23 u 24).

93      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi minħabba n-natura diskriminatorja tagħha.

94      Issa, għalkemm huwa veru li l-miżura inkwistjoni tirrigwarda għajnuna individwali li tibbenefika minnha biss SAS, ir-rikorrenti ma tistabbilixxix kif din in-natura esklużiva hija ta’ natura li tiskoraġġixxiha milli tistabbilixxi ruħha fl-Isvezja jew milli tipprovdi servizzi minn u lejn dan il-pajjiż. Ir-rikorrenti b’mod partikolari baqgħet ma identifikatx il-punti ta’ fatt jew ta’ liġi li jwasslu biex din il-miżura tipproduċi effetti restrittivi li jmorru lil hinn minn dawk li jagħtu lok għall-projbizzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, iżda li, kif ġie deċiż fil-punti 70 sa 89 iktar ’il fuq, huma madankollu neċessarji u proporzjonati sabiex jirrimedjaw id-danni kkawżati lil SAS mill-avveniment straordinarju li hija l-pandemija tal-COVID‑19, konformement mar-rekwiżiti previsti mill-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

95      Konsegwentement, il-miżura inkwistjoni ma tistax tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment jew għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma għandhiex raġun tikkritika lill-Kummissjoni li ma eżaminatx il-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mal-libertà ta’ stabbiliment u mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

96      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi miċħud it-tielet motiv tar-rikorrenti.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur, min-naħa tal-Kummissjoni, tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti billi rrifjutat li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali minkejja diffikultajiet serji

97      Ir-rikorrenti ssostni li l-eżami mwettaq mill-Kummissjoni ma kienx suffiċjenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-proporzjonalità tal-miżura inkwistjoni kif ukoll tal-kompatibbiltà ta’ din tal-aħħar mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u dawk relatati mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u mal-libertà ta’ stabbiliment. Issa, in-natura insuffiċjenti ta’ dan l-eżami tixhed l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li kellhom iwasslu lill-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u tippermetti lir-rikorrenti tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha u, għalhekk, tinfluwenza l-imsemmija investigazzjoni.

98      Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Isvezja u SAS jikkontestaw l-argument tar-rikorrenti.

99      Għandu jiġi rrilevat, kif issostni, essenzjalment, il-Kummissjoni, li r-raba’ motiv tar-rikorrenti huwa, fir-realtà, ta’ natura sussidjarja, fil-każ li l-Qorti Ġenerali ma tkunx eżaminat il-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-għajnuna bħala tali. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li tali motiv huwa intiż li jippermetti li parti kkonċernata tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli, f’din il-kwalità, li tippreżenta rikors skont l-Artikolu 263 TFUE, li inkella kien ikun irrifjutat lilha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 48, u tas‑27 ta’ Ottubru 2011, L‑Awstrija vs Scheucher‑Fleisch et, C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punt 44). Issa, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ewwel tliet motivi tar-rikors, relatati mal-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-għajnuna bħala tali, b’tali mod li tali motiv huwa mċaħħad mill-għan indikat tiegħu.

100    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li dan il-motiv huwa nieqes minn kontenut awtonomu. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ tali motiv, ir-rikorrenti tista’ tinvoka biss, għall-finijiet taż-żamma tad-drittijiet proċedurali li hija tibbenefika minnhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, motivi ta’ natura li juru li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha jew seta’ jkollha, matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari tal-miżura kkomunikata, kellha tqajjem dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ din tal-aħħar mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 81; tad‑9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il‑Kummissjoni, C‑319/07 P, EU:C:2009:435, punt 35, u tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 59), bħan-natura insuffiċjenti jew inkompleta tal-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali jew l-eżistenza ta’ lmenti minn partijiet terzi. Issa, għandu jiġi rrilevat li r-raba’ motiv jirriproduċi b’mod konċiż l-argumenti mressqa fil-kuntest tal-ewwel sat-tielet motiv mingħajr ma jenfasizza elementi speċifiċi dwar diffikultajiet serji eventwali.

101    Għal dawn il-motivi, għandu jiġi kkonstatat li, peress li l-Qorti Ġenerali eżaminat il-mertu tal-imsemmija motivi, ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur, min-naħa tal-Kummissjoni, tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE

102    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE sa fejn hija ma evalwatx il-vantaġġ kompetittiv mogħti lil SAS, ma spjegatx il-mod kif hija kienet iddeterminat l-ammont tal-miżura inkwistjoni, ma evalwatx id-danni kkawżati mill-pandemija tal-COVID‑19, ma vverifikatx li din il-miżura kienet konformi mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll ma’ dawk relatati mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u mal-libertà ta’ stabbiliment u ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li din il-miżura kienet sussidjarja fir-rigward tal-iskema ta’ għajnuna Svediża u ma vverifikatx jekk l-imsemmija miżura kinitx kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Ir-raġunament tal-Kummissjoni huwa ineżistenti, tawtoloġiku, jew kontradittorju.

103    Matul is-seduta, ir-rikorrenti żiedet, essenzjalment, li l-avveniment straordinarju, fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, inkwistjoni f’dan il-każ, ma kienx identifikat b’mod ċar fid-deċiżjoni kkontestata. Hija sostniet li l-paragrafu 9 tad-deċiżjoni kkontestata kien jirreferi għar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, li kienu tneħħew f’nofs ix-xahar ta’ Ġunju 2020, filwaqt li l-paragrafu 29 ta’ din id-deċiżjoni kien jirreferi għall-pandemija tal-COVID‑19, kollha kemm hi, u kien jipprevedi dannu li jimmaterjalizza ruħu sax-xahar ta’ Marzu 2021. Finalment, hija tippreċiża li l-Kummissjoni, minbarra li kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, kisret formalità essenzjali.

104    Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Isvezja u SAS jikkontestaw l-argument tar-rikorrenti.

105    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE tikkostitwixxi formalità essenzjali (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2015 Ipatau vs Il‑Kunsill, C‑535/14 P, EU:C:2015:407, punt 37) u għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni li , tkun adottat dan l-att b’mod illi jippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li jippermetti lill-qorti li jkollha ġurisdizzjoni tagħmel l-istħarriġ tagħha. B’hekk, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tar-raġunijiet invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment minn dan l-att jista’ jkollhom fil-kisba ta’ spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti previsti mill-Artikolu 296 TFUE ma għandhiex tiġi evalwata biss fid-dawl tal-formulazzjoni tal-att, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 63; tat‑22 ta’ Ġunju 2004, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑42/01, EU:C:2004:379, punt 66, u tal‑15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, EU:C:2008:224, punt 79).

106    F’dan il-każ, fir-rigward tan-natura tal-att inkwistjoni, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fi tmiem il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni tal-għajnuna stabbilita permezz tal-Artikolu 108(3) TFUE, li għandu biss l-għan li jippermetti lill-Kummissjoni tifforma opinjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna kkonċernata, mingħajr ma tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, li hija intiża sabiex tippermetti lill-Kummissjoni jkollha għarfien komplet dwar l-informazzjoni kollha marbuta ma’ din l-għajnuna.

107    Issa, tali deċiżjoni, li tittieħed fi żmien qasir, għandha tinkludi biss ir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni tikkunsidra li ma jeżistux diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna kkonċernata mas-suq intern (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 65).

108    F’dan ir-rigward, l-ewwel, fir-rigward tal-valur tal-vantaġġ kompetittiv u tal-ammont tal-għajnuna, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni spjegat, fid-deċiżjoni kkontestata, li r-Renju tal-Isvezja ma setax jiddetermina l-ammont tal-miżura inkwistjoni sa fejn SAS kienet għadha ma nnegozjatx il-kreditu kontinwu waqt li kienet qiegħda tibbenefika minn din il-miżura fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Hija madankollu stmat ir-rata li kellha tiġi imposta fuqha fl-assenza tal-imsemmija miżura, kif issemma fil-punt 55 iktar ’il fuq. Barra minn hekk hija evalwat il-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern billi ħadet inkunsiderazzjoni l-valur nominali tagħha.

109    Iktar minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti tirreferi għall-vantaġġ kompetittiv li jirriżulta min-natura diskriminatorja tal-miżura inkwistjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif jirriżulta mill-punt 64 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni ma kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni tali vantaġġ sabiex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern, b’tali mod li hija lanqas ma kellha ssemmih fid-deċiżjoni kkontestata.

110    Finalment, il-Kummissjoni, minn naħa, evalwat id-dannu mġarrab minn SAS għal bejn SEK 5 u 15‑il biljun u, min-naħa l-oħra, indikat l-elementi, imfakkra fil-punt 45 iktar ’il fuq, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu, mir-Renju tal-Isvezja, ta’ dan id-dannu.

111    It-tieni, fir-rigward tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ dawk relatati mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u mal-libertà ta’ stabbiliment, ċertament għandu jitfakkar li, meta l-benefiċjarji tal-att, minn naħa, u operaturi oħra esklużi, min-naħa l-oħra, ikunu f’sitwazzjoni komparabbli, l-istituzzjoni tal-Unjoni li tkun adottat l-att, għandha tispjega, fil-kuntest ta’ motivazzjoni speċifika, kif id-differenza fit-trattament hekk stabbilita hija oġġettivament iġġustifikata (sentenza tal‑15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, EU:C:2008:224, punt 82). Madankollu, f’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata fiha l-elementi, imfakkra fil-punt 82 iktar ’il fuq, li jippermettu li tinftiehem ir-raġuni għalfejn il-Kummissjoni qieset li kien iġġustifikat li SAS tkun l-unika waħda li tkun tista’ tibbenefika mill-miżura inkwistjoni.

112    It-tielet, fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din il-miżura kienet ġiet iddikjarata bħala kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE. Issa, id-deċiżjoni kkontestata kienet tkun motivata b’mod insuffiċjenti biss li kieku l-Kummissjoni kienet obbligata tapplika l-Artikolu 107(3)(b) TFUE (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2017, Viasat Broadcasting UK vs Il‑Kummissjoni, C‑660/15 P, EU:C:2017:178, punt 45), u dan, kif ġie rrilevat fil-punt 34 iktar ’il fuq, ma kienx il-każ fil-każ ineżami.

113    Ir-raba’, fir-rigward tal-avveniment straordinarju inkwistjoni f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, kif issemma fil-punt 20 iktar ’il fuq u kif jirriżulta mill-paragrafi 53 sa 58 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-pandemija tal-COVID‑19 kienet tikkostitwixxi tali avveniment.

114    Barra minn hekk, għalkemm il-paragrafu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jindika, ċertament, li r-rakkomandazzjoni tal-awtoritajiet Svediżi biex jiġi evitat ċ-ċaqliq mhux essenzjali tapplika “mill-inqas sal‑15 ta’ Ġunju 2020”, hemm lok li jiġi rrilevat li l-għan tal-miżura inkwistjoni, imsemmi fil-paragrafu 9 ta’ din id-deċiżjoni, huwa li tikkumpensa parzjalment lil SAS għad-dannu li jirriżulta mill-kanċellazzjoni jew mill-iskedar mill-ġdid tat-titjiriet tagħha wara l-istabbiliment ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19, mingħajr ma dawn ir-restrizzjonijiet ġew identifikati b’mod preċiż. Konsegwentement, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li d-dannu mġarrab minn SAS ma jkunx jista’ jirriżulta wkoll minn restrizzjonijiet li jibqgħu japplikaw, jew li jiġu adottati, wara t-tneħħija tar-rakkomandazzjoni tal-awtoritajiet Svediżi, li, inċidentalment, kif jirriżulta mill-kliem espliċitu tal-paragrafu 3 ta’ din id-deċiżjoni, din setgħet tkompli tapplika wara l‑15 ta’ Ġunju 2020. Konsegwentement, għandu jiġi rrilevat li ma kienx hemm kontradizzjonijiet meta ġie kkunsidrat li d-dannu mġarrab minn SAS kien jirriżulta minn restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19 u li dan id-dannu seta’ jimmaterjalizza ruħu wara l‑15 ta’ Ġunju 2020 u sal‑2021.

115    Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata hija motivata biżżejjed u li, konsegwentement, il-ħames motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

116    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu, mingħajr il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

117    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni, konformement mat-talbiet ta’ din tal-aħħar, inklużi l-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tat-talba għal trattament kunfidenzjali.

118    Ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

119    SAS għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ryanair DAC hija kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, inklużi l-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tat-talba għal trattament kunfidenzjali.

3)      Ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Isvezja u SAS AB għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Van der Woude

Kornezov

Buttigieg

Kowalik-Bańczyk

 

      Hesse

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑14 ta’ April 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.