Language of document : ECLI:EU:F:2009:74

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tielet Awla)

1 ta’ Lulju 2009

Kawża F-6/07 DEP

Risto Suvikas

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Proċedura – Intaxxar tal-ispejjeż”

Suġġett: Rikors li permezz tiegħu R. Suvikas ippreżenta talba għall-intaxxar tal-ispejjeż relatati mal-Kawża F‑6/07, Suvikas vs Il‑Kunsill (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000).

Deċiżjoni: L-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru mir-rikorrent fil-Kawża F‑6/07, Suvikas vs Il-Kunsill, ġie stabbilit għal EUR 11 640.

Sommarju

1.      Proċedura – Spejjeż – Intaxxar – Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni – Portata tax-xogħol ta’ konsulent

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 91(b); Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 122)

2.      Proċedura – Spejjeż – Intaxxar – Spejjeż li jistgħu jinġabru – Spejjeż tal‑uffiċċju u tat-telekomunikazzjoni

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 91(b); Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 122)

1.      Fir-rigward tal-evalwazzjoni, bil-għan li jiġi vvalutat l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru, tal-portata tax-xogħol ta’ konsulent ta’ parti marbuta mal‑proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-qorti Komunitarja għandha tikkunsidra t-total tas-sigħat ta’ xogħol li jistgħu jirriżultaw oġġettivament indispensabbli għall-finijiet ta’ din il-proċedura. Filwaqt li l‑konċiżjoni tan-noti tista’ tkun kemm riflessjoni tal-kwalitajiet ta’ sinteżi tal‑awtur tagħhom, li jiffranka l-ħin tax-xogħol tal-qorti u tal-parti avversarja, kif ukoll sinjal ta’ xogħol imħaffef, it-tul tan-noti, bħala prinċipju, ma jistax jiġi interpretat bħala li l-kawża neċessarjament oġġettivament teħtieġ kwantità kbira ta’ xogħol.

(ara l-punti 24 u 26)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 30 ta’ Ottubru 1998, Kaysersberg vs Il‑Kummissjoni, T‑290/94 DEP, Ġabra p. II‑4105, punt 20; 20 ta’ Novembru 2002, Spruyt vs Il‑Kummissjoni, T‑171/00 DEP, ĠabraSP p. I‑A‑225 u II‑1127, punt 29

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 16 ta’ Mejju 2007, Chatziioannidou vs Il‑Kummissjoni, F‑100/05 DEP, ĠabraSP p. I-A-1-0000 u II-A-1-0000, punt 24

2.      Fin-nuqqas tal-użu ta’ sistema informatika adegwata, huwa prattikament impossibbli għal uffiċċju ta’ avukati li jiġġustifika s-sehem tal-ispejjeż tal-uffiċċju u tat-telekomunikazzjoni għal kull kawża fl-ispejjeż differenti tal-operat tal‑uffiċċju. Konsegwentement, meta l-ispejjeż varji tal-operat attribwibbli għal kawża partikolari jistgħu jitqiesu li ma humiex inklużi fl-onorarju, jista’ jkun raġonevoli, fid-dawl tal-valutazzjoni tal-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru, li jiġu stabbiliti bħala somma fissa.

(ara l-punt 38)