Language of document : ECLI:EU:C:2011:649

Kawża C-439/09

Pierre Fabre Dermo-Cosmétique SAS

vs

Président de l’Autorité de la concurrence

u

Ministre de l’Économie, de l’Industrie et de l’Emploi

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d’appel de Paris)

“Artikolu 101(1) u (3) TFUE — Regolament (KE) Nru 2790/1999 — Artikoli 2 sa 4 — Kompetizzjoni — Prattika restrittiva — Netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva — Kożmetiċi u prodotti għall-iġjene personali — Projbizzjoni ġenerali u assoluta ta’ bejgħ permezz tal-internet — Projbizzjoni imposta mill-fornituri fuq id-distributuri awtorizzati”

Sommarju tas-sentenza

1.        Kompetizzjoni — Akkordji — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Sistema ta’ distribuzzjoni selettiva — Obbligu, skont klawżola kuntrattwali, li l-bejgħ ta’ ċerti kożmetiċi u prodotti għall-iġjene personali jsir f’żona fiżika fil-preżenza ta’ spiżjar kwalifikat — Inammissibbiltà fl-assenza ta’ ġustifikazzjoni minħabba karatteristiċi tal-prodotti kkummerċjalizzati

(Artikolu 101(1) TFUE)

2.        Kompetizzjoni — Akkordji — Projbizzjoni — Eżenzjoni skont il-kategorija — Ftehim vertikali — Regolament Nru 2790/1999 — Kuntratt ta’ distribuzzjoni selettiva — Klawżola li tipprojbixxi de facto l-internet bħala metodu ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kuntrattwali — Esklużjoni

(Artikolu 101(3) TFUE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2790/1999, Artikoli 2 u 4(ċ))

1.        L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola kuntrattwali, fil-kuntest ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, li teżiġi li l-bejgħ tal-kożmetiċi u prodotti għall-iġjene personali jsir f’żona fiżika bil-preżenza obbligatorja ta’ spiżjar kwalifikat, għandha bħala konsegwenza l-projbizzjoni tal-użu tal-internet għall-bejgħ tagħha, u b’hekk tammonta għal restrizzjoni minħabba l-għan fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jekk, wara eżami individwali u konkret tal-kontenut u tal-għan ta’ din il-klawżola kuntrattwali u tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku li fih taqa’, jidher li, fir-rigward tal-karatteristiċi tal-prodotti inkwistjoni, din il-klawżola ma hijiex oġġettivament ġustifikata.

Fil-fatt, tali klawżola kuntrattwali, billi teskludi de facto metodu ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti li ma jeħtieġx iċ-ċaqliq fiżiku tal-klijent, tnaqqas kunsiderevolment il-possibbiltà li distributur awtorizzat ibigħ il-prodotti li huma s-suġġett tal-kuntratt lil klijenti li jinsabu barra mit-territorju tiegħu jew taż-żona ta’ attività tiegħu. Hija b’hekk tista’ tillimita l-kompetizzjoni f’dan is-settur.

Madankollu, jeżistu rekwiżiti leġittimi, bħal li jkun hemm kummerċ speċjalizzat li jkun kapaċi li jforni servizzi speċifiċi għall-prodotti ta’ kwalità u teknika għolja, li jiġġustifikaw tnaqqis tal-kompetizzjoni fil-prezzijiet għall-vantaġġ tal-kompetizzjoni li tirrigwarda elementi oħra minbarra l-prezzijiet. Is-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva b’hekk jikkonsistu, peress li huma għandhom bħala għan li jilħqu riżultat leġittimu, li huwa ta’ natura li tittejjeb il-kompetizzjoni, meta din ma hijiex biss ibbażata fuq il-prezzijiet, f’element ta’ kompetizzjoni b’mod konformi mal-Artikolu 101(1) TFUE. F’dan ir-rigward, l-organizzazzjoni ta’ netwerk bħal dan ma jaqax taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, sakemm l-għażla tal-bejjiegħa sseħħ abbażi tal-kriterji oġġettivi tal-karattru kwalitattiv, stabbilit b’mod uniformi fir-rigward tal-bejjiegħa kollha potenzjali u applikata b’mod mhux diskriminatorju, li l-karatteristiċi tal-prodott inkwistjoni jeħtieġu, sabiex tiġi ppreżervata l-kwalità u jiġi żgurat l-użu tajjeb, netwerk bħal din ta’ distribuzzjoni u, fl-aħħar nett, li l-kriterji definiti ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju.

Fir-rigward b’mod partikolari, tal-bejgħ ta’ kożmetiċi u prodotti għall-iġjene personali, l-għan li tiġi ppreżervata l-immaġini ta’ prestiġju ma jammontax għal għan leġittimu sabiex tiġi limitata l-kompetizzjoni u b’hekk ma jistax jiġġustifika li klawżola kuntrattwali li għandha għan bħal dan ma taqax taħt l-Artikolu 101(1) TFUE.

(ara l-punti 38, 40, 41, 46, 47 u d-dispożittiv)

2.        L-Artikolu 4(ċ) tar-Regolament Nru 2790/1999, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) TFUE għal kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni permezz tal-kategorija prevista fl-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament ma tapplikax għal kuntratt ta’ distribuzzjoni selettiva li tinkludi klawżola li tipprojbixxi de facto l-internet bħala metodu ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kuntrattwali. Min-naħa l-oħra, kuntratt bħal dan jista’ jibbenefika, b’mod individwali, mill-applikabbiltà tal-eċċezzjoni legali tal-Artikolu 101(3) TFUE jekk il-kundizzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni jkunu sodisfatti.

Fil-fatt, mill-Artikolu 4(ċ) tar-Regolament Nru 2790/1999 jirriżulta li l-eżenjoni ma tapplikax għall-ftehim vertikali, direttament jew indirettament, b’mod iżolat jew flimkien ma’ fatturi oħra, taħt il-kontroll tal-partijiet, li għandhom bħala għan ir-restrizzjoni tal-bejgħ attivi jew ta’ bejgħ passivi lill-utenti finali mill-membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva li topera bħala bejjiegħa bl-imnut fis-suq, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li tipprojbixxi lil membru tas-sistema li topera minn post ta’ stabbiliment li ma huwiex awtorizzat. Issa, il-klawżola kuntrattwali fil-kawża għandha, għall-inqas bħala għan li tillimita l-bejgħ passiv lil utenti finali li jixtiequ jixtru permezz tal-internet u li jinsabu barra miż-żona ta’ referenza fiżika tal-membru kkonċernat tas-sistema tad-distribuzzjoni selettiva. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(ċ) tal-imsemmi regolament, billi jsemmi “post ta’ stabbiliment”, jirreferi biss għall-punti ta’ bejgħ fejn iseħħu bejgħ diretti. B’hekk, klawżola, li tipprojbixxi de facto l-internet bħala mudell ta’ kummerċjalizzazzjoni ma tkunx ikkunsidrata bħala klawżola li tipprojbixxi lill-membri tas-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva li tirrigwarda li topera minn post ta’ stabbiliment li ma huwiex awtorizzat fis-sens tal-imsemmi Artikolu 4(ċ).

(ara l-punti 53, 54, 56, 58, 59 u d-dispożittiv)