Language of document :

Appell ippreżentat fl-20 ta’ Settembru 2013 minn AN mis-sentenza mogħtija fil-11 ta’ Lulju 2013 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-111/10, AN vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-512/13 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: AN (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: É. Boigelot u R. Murru, avukati)

Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tal-11 ta’ Lulju 2013, AN vs Il-Kummissjoni Ewropea (F-111/10);

tirrinvija l-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż kollha tal-ewwel istanza u tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka żewġ aggravji.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni meta t-TSP eżamina l-motiv imqajjem fl-ewwel istanza dwar l-irregolarità tal-investigazzjoni diretta kontra l-appellanti, peress li l-motivazzjoni mogħtija mit-TSP fil-punti 95 u 96 tas-sentenza appellata kienet żbaljata jew tal-inqas insuffiċjenti u lakunari .

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żnaturament mit-TSP tal-fatti u tal-provi kemm meta t-TSP kkonkluda li l-appellanti kienet ibbenefikat mill-protezzjoni prevista fl-Artikolu 22a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea kif ukoll meta t-TSP kkonkluda li l-appellanti ma pprovdietx l-iċken indizju li l-investigazzjoni amministrattiva diretta kontriha kienet infetħet bħala ritaljazzjoni (dwar il-punti 87, 88 u 94 tas-sentenza appellata).