Language of document : ECLI:EU:T:2015:372

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

10 ta’ Ġunju 2015 (*)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali AGRI.CAPITAL — Trade marks Komunitarji verbali preċedenti AgriCapital u AGRICAPITAL — Raġuni relattiva għal rifjut — Assenza ta’ xebh tas-servizzi — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑514/13,

AgriCapital Corp., stabbilita fi New York (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn P. Meyer u M. Gramsch, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn P. Geroulakos, bħala aġent,

konvenuta,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

agri.capital GmbH, stabbilita f’Münster (il-Ġermanja), irrappreżentata minn A. Nordemann-Schiffel, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tal-10 ta’ Lulju 2013 (Każ R 2236/2012‑2), dwar proċedimenti ta’oppożizzjoni bejn AgriCapital Corp. u agri.capital GmbH,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, M. Kancheva (Relatur) u C. Wetter, Imħallfin,

Reġistratur: J. Weychert, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Settembru 2013,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Diċembru 2013,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Jannar 2014,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ April 2014,

wara s-seduta tal-10 ta’ Diċembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-4 ta’ Ġunju 2009, l-intervenjenti, agri.capital GmbH, ippreżentat talba għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali AGRI.CAPITAL.

3        Is-servizzi li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu, wara l-limitazzjoni li saret matul il-proċedimenti quddiem l-UASI, taħt il-klassi 36 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja:

“Servizzi ta’ kuntratturi, jiġifieri speċjalment marbuta ma’ impjanti għall-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ enerġija elettrika u termika minn sorsi ta’ enerġija li tiġġedded; żvilupp ta’ kunċetti dwar l-użu (għoti ta’ kuntratti għall-ġestjoni ta’ faċilitajiet); ġestjoni ta’ bini; ġestjoni ta’ art; ġestjoni ta’ proprjetà immobbli kif ukoll medjazzjoni, kiri u kiri fit-tul ta’ proprjetà immobbli (ġestjoni ta’ faċilitajiet); affarijiet relatati mal-proprjetà immobbli; servizzi tal-kiri ta’ artijiet agrikoli; is-servizzi kollha msemmija mhux relatati ma’ servizzi tal-pubblikazzjoni u/jew prodotti ppubblikati.”

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata f’Il-Bulettin tat-Trade marks Komunitarji Nru 59/2009, tal-14 ta’ Diċembru 2009.

5        Fit-12 ta’ Marzu 2010, ir-rikorrenti, AgriCapital Corp., ippreżentat oppożizzjoni, skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009, kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għas-servizzi kollha li jaqgħu fil-klassi 36.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade marks Komunitarji preċedenti li ġejjin:

–        It-trade mark Komunitarja verbali AgriCapital, irreġistrata fl-24 ta’ Awwissu 2007, bin-Numru 6192322 ;

–        it-trade mark Komunitarja verbali AGRICAPITAL, irreġistrata fis-7 ta’ Lulju 2006, bin-Numru 4589339.

7        Is-servizzi li għalihom it-trade mark Komunitarja verbali preċedenti AgriCapital kienet irreġistrata jaqgħu fil-klassi 36 u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Servizzi ta’ finanzjament; pariri fil-qasam ta’ finazjament”.

8        Is-servizzi li għalihom it-trade mark Komunitarja verbali preċedenti AgriCapital kienet irreġistrata jaqgħu wkoll fil-klassi 36 u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Servizzi ta’ pariri u ta’ investimenti fil-qasam bankarju ddesatinati għall-impriżi tas-settur agrikolu”.

9        Il-motivi invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 Ottubru 2012, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI ċaħdet l-oppożizzjoni għar-raġuni li s-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u dawk koperti mit-trade marks preċedenti li jaqgħu fil-klassi 36 kienu differenti, hekk li waħda mill-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, jiġifieri l-identiċità jew ix-xebh tas-servizzi ma kinitx issodisfatta.

11      Fis-3 ta’ Diċembru 2012, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

12      Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Lulju 2013 (iktar ʼil quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell u kkundanna lir-rikorrenti tħallas EUR 850 għall-ispejjeż sostnuti mill-konvenuta quddiem l-UASI matul l-oppożizzjoni u l-appell. B’mod partikolari, huwa kkunsidra li l-pubbliku rilevanti kien il-konsumatur medju fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, huwa qies li dan il-pubbliku seta’ juru livell għoli ta’ attenzjoni fid-dawl tal-flus kbar li huma involuti fit-tranżazzjonijiet finanzjarji jew ta’ proprjetà immobbli. Huwa sussegwentement qabbel is-servizzi koperti mit-trade mark, inklużi fil-klassi 36, ma’ dawk li għalihom it-trade marks preċedenti kienu ġew irreġistrati. Fi tmiem dan it-tqabbil, huwa wasal għall-konklużjoni li s-servizzi li jaqgħu fil-klassi 36 koperti mit-trade mark mitluba u dawk koperti mit-trade marks preċedenti kienu differenti. Għaldaqstant, huwa qies li, wieħed mill-kriterji għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 ma huwiex issodisfatt, peress li ma jistax ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade marks preċedenti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 It-talbiet tal-partijiet

13      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

14      L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tad-dokumenti prodotti mir-rikorrenti fis-seduta

15      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti Ġenerali l-awtorizzazzjoni li tipproduċi posta elettronika datata 21 ta’ Ottubru 2014 li kienet intbagħtet minn organizzatur tal-konferenzi, sabiex turi li, fit-trade mark li għaliha sarat l-applikazzjoni, il-punt tal-waqfa li jinsab bejn il-kliem “agri” u “kapital” ma kienx biżżejjed sabiex jevita l-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn din tal-aħħar u t-trade mark preċedenti tar-rikorrenti AgriCapital.

16      L-UASI sostna l-inammissibbiltà ta’ dan id-dokument, billi argumenta li kien ġie ppreżentat tardivament u li, konsegwentement, la l-UASI u lanqas il-Qorti Ġenerali ma setgħu jieħdu konjizzjoni tiegħu.

17      Il-Qorti Ġenerali ħadet konjizzjoni tad-dokument waqt is-seduta, filwaqt li rriżervat id-deċiżjoni tiegħu dwar l-ammissibbiltà tiegħu.

18      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li dan id-dokument, li ġie prodott għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, ma jistax jiġi kkunsidrat. Fil-fatt, ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż sabiex tiġi eżaminata l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI skont l-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/94, b’tali mod li l-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Għaldaqstant, id-dokument hawn fuq imsemmi għandu jiġi skartat mingħajr il-ħtieġa li jiġi eżaminat il-valur probatorju tiegħu [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑24 ta’ Novembru 2005, Sadas vs UASI – LTJ Diffusion (ARTHUR ET FELICIE), T‑346/04, Ġabra EU:T:2005:420, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata].

 Fuq il-mertu

19      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

20      Ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord tal-Appell tal-UASI, essenzjalment, ikkunsidra li s-servizzi li jaqgħu fil-klassi 36 koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma humiex simili għas-servizzi koperti mit-trade marks preċedenti. B’mod partikolari, hija ssostni li, skont il-ġurisprudenza, sabiex jiġu evalwati s-servizzi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-karattru kompetittiv jew komplementari tagħhom, kif ukoll il-kanali ta’ distribuzzjoni tagħhom. Issa, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell, min-naħa waħda, ittraskura l-komplementarjetà bejn is-“servizzi ta’ kuntratturi”, “[ta’] ġestjoni u ta’ medjazzjoni tal-proprjetà immobbli” kif ukoll ta’ “żvilupp tal-kunċett ta’ użu”, koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, u s-“servizzi finanzjarji”, kif ukoll is-“servizzi bankarji ta’ pariri u ta’ investiment għall-impriżi tas-settur agrikolu” koperti mit-trade marks preċedenti u, min-naħa l-oħra, b’mod żbaljat eskluda li dawn is-servizzi jistgħu jiġu offruti permezz tal-istess kanali ta’ distribuzzjoni. Ir-rikorrenti ssostni li, konsegwentement, fid-dawl tal-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti, kif ukoll tax-xebh viżwali u tal-identiċità fonetika tat-trade marks konfliġġenti, il-Bord tal-Appell tal-UASI kiser l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, meta kkonkluda fl-assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn l-imsemmija trade marks, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

21      Qabel kollox, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, fuq oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għadha tiġi rrifjuta li tiġi rreġistrata meta, għal raġuni tal-identiċità jew tax-xebh tagħha ma’ trade mark preċedenti u għal raġuni tal-identiċità jew tax-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

22      Skont ġurisprudenza stabbilita, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni jirriżultaw mill-istess impriża jew minn impriżi marbuta ekonomikament. Skont din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas‑sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, u fid-dawl tal‑fatturi kollha rilevanti tal-każ, b’mod partikolari tal-interdipendenza bejn ix-xebh bejn is-sinjali u dak tal-prodotti jew tas-servizzi deskritti [ara s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, Ġabra, EU:T:2003:199, punti 30 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

23      Din l-evalwazzjoni globali timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni u, b’mod partikolari, bejn ix-xebh tat-trade marks u dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti. Għalhekk, grad żgħir ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti jista’ jiġi kkumpensat minn grad għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u bil-kontra (sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Il Ponte Finanziaria vs UASI, C‑234/06 P, Ġabra, EU:C:2007:514, punt 48, u GIORGIO BEVERLY HILLS, punt 22 iktar ʼil fuq, EU:T:2003:199, punt 32).

24      Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, probabbiltà ta’ konfużjoni tippresupponi jew identiċità jew xebh tat-trade marks kunfliġġenti kif ukoll identiċità jew xebh tal-prodotti jew tas-servizzi li jkopru. Dan jirrigwarda kundizzjonijiet kumulattivi [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Jannar 2009, Commercy vs UASI – easyGroup IP Licensing (easyHotel), T‑316/07, Ġabra, EU:T:2009:14, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata].

25      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġu eżaminat jekk il-Bord tal-Appell tal-UASI ġustament ikkunsidrax li ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti.

 Fuq il-pubbliku rilevanti

26      Skont il-ġurisprudenza, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-konsumatur medju tal-kategorija ta’ prodotti kkonċernati, ġeneralment informat u raġonevolment attent u avżat. Hemm ukoll lok sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija ta’ prodotti jew servizzi kkonċernati [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Frar 2007 Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR), T‑256/04, Ġabra, EU:T:2007:46, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata].

27      Il-Bord tal-Appell UASI kkunsidra fil-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata li s-servizzi koperti mit-trade marks kunfliġġenti kienu ġew diretti lejn il-konsumatur medju fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni, iżda li dan il-konsumatur kien seta’ juri livell għoli ta’ attenzjoni fid-dawl tal-flus kbar li huma involuti fit-tranżazzjonijiet finanzjarji jew ta’ proprjetà immobbli.

28      Il-partijiet ma jikkontestawx id-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti mogħtija mill-Bord tal-Appell tal-UASI fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet spjegati fiha, ma hemmx lok li din id-definizzjoni tiġi kkontestata f’dan il-każ. B’mod partikolari, fir-rigward ta’ servizzi bankarji u finanzjarji, kif ukoll servizzi dwar proprjetà immobbli li b’mod ġenerali jinvolvu flus kbar, għandu jiġi kkonstatat li l-pubbliku rilevanti jkollu grad għoli ta’ attenzjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, BVR vs UASI – Austria Leasing (Austria Leasing Gesellschaft m.b.H. Mitglied der Raiffeisen-Bankengruppe Österreich), T‑197/10, EU:T:2011:455, punt 20].

 Fuq il-paragun tas-servizzi inkwistjoni

29      Għandu jitfakkar li, għall-evalwazzjoni tax-xebh tas-servizzi, għandhom jiġu kkunsidrati l-fatturi kollha rilevanti li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejn dawn is-servizzi kkonċernati u, dawn il-fatturi jinkludu, b’mod partikolari, in-natura tagħhom, id-destinazzjoni tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll il-karattru tagħhom ta’ prodotti li jikkompetu jew li jikkomplementaw lil xulxin (sentenza tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, Ġabra, EU:C:1998:442, punt 23). Fatturi oħra jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħal, pereżempju, il-kanali ta’ distribuzzjoni tas-servizzi kkonċernati [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ April 2005, Ampafrance vs UASI – Johnson & Johnson (monBeBé), T‑164/03, Ġabra, EU:T:2005:140, punt 53].

30      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li, għall-finijiet tal-paragun tas-servizzi koperti mit-trade marks preċedenti mas-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-Bord tal-Appell tal-UASI qasam dawn tal-aħħar fi tliet gruppi, jiġifieri, l-ewwel nett, is-“servizzi ta’ kuntratturi, jiġifieri speċjalment marbuta ma’ impjanti għall-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ enerġija elettrika u termika minn sorsi ta’ enerġija li tiġġedded; is-servizzi kollha msemmija mhux relatati ma’ servizzi tal-pubblikazzjoni u/jew prodotti ppubblikat”, it-tieni nett, is-servizzi ta’ “ġestjoni ta’ proprjetà immobbli kif ukoll medjazzjoni, kiri u kiri fit-tul ta’ proprjetà immobbli (ġestjoni ta’ faċilitajiet); affarijiet relatati mal-proprjetà immobbli; servizzi tal-kiri ta’ artijiet agrikoli; is-servizzi kollha msemmija mhux relatati ma’ servizzi tal-pubblikazzjoni u/jew prodotti ppubblikat”; it-tielet nett is-servizzi ta’ “żvilupp ta’ kunċetti dwar l-użu (għoti ta’ kuntratti għall-ġestjoni ta’ faċilitajiet); ġestjoni ta’ bini; ġestjoni ta’ art; is-servizzi kollha msemmija mhux relatati ma’ servizzi tal-pubblikazzjoni u/jew prodotti ppubblikati.”

31      Issa, għandu jiġi kkonstatat li din id-diviżjoni tirrifletti differenza fin-natura, fid-destinazzjoni u fl-użu bejn is-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u li ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat biss jekk il-Bord tal-Appell ikkonkludiex ġustament li hemm l-assenza ta’ xebh bejn is-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, kif hija qasmithom, u s-servizzi koperti mit-trade marks preċedenti.

–       Fuq l-assenza ta’ xebh bejn is-“servizzu ta’ ġestjoni u ta medjazzjoni ta’ proprjetà immobbli” u s-“servizzi finazjarji”

32      Fil-punti 23 sa 28 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell tal-UASI qabel kollox iddefinixxa l-“affarijiet relatati mal-proprjetà immobbli” bħala li jinkludu l-ġestjoni ta’ proprjetajiet immobbli, l-aġenzija ta’ proprjetajiet immobbli u l-evalwazzjoni ta’ proprjetajiet immobbli, kif ukoll il-pariri u l-informazzjoni relatata. Dawn is-servizzi jikkonsistu, prinċipalment, skont il-Bord tal-Appell tal-UASI, f’li tinstab proprjetà immobbli, li tiġi ppreżentata lil xerrejja potenzjali u li sservi bħala sensal, pereżemju, billi tingħata assistenza mhux biss waqt ix-xiri, il-bejgħ jew il-kiri ta’ proprjetà, iżda wkoll meta jiġu nnegozjati kuntratti, bejn xerrej u bejjiegħ ta’ immobbli jew ta’ art. Dan jinkludi wkoll, skont il-Bord tal-Appell tal-UASI, il-kiri ta’ artijiet agrikoli, sa fejn dan jaqa’ f’kategorija usa’, peress li kirja hija kuntratt li permezz tiegħu proprjetà hija ttrasferita lil persuna għal perijodu speċifiku, b’mod ġenerali fil-forma ta’ kuntratt ta’ kirja. Huwa barra minn hekk ippreċiża li l-“affarijiet relatati mal-proprjetà immobbli” jistgħu wkoll jiġu estiżi għax-xiri ta’ proprjetà immobbli u l-bejgħ mill-ġdid tagħha bi qligħ.

33      Il-Bord tal-Appell tal-UASI sussegwentement irrileva li s-“servizzi finanzjarji”, iddefiniti preċedentement, kienu pprovduti minn banek u istituzzjonijiet ta’ kreditu, filwaqt li l-affarijiet relatati mal-proprjetà immobbli kienu negozji b’mod ġenerali mwettqa minn aġenti tal-proprjetà immobbli jew żviluppaturi tal-proprjetà immobbli. Huwa rrileva wkoll li dawn is-servizzi kienu rregolati ħafna u, f’ħafna każijiet, kienu jsiru minn entitajiet separati. Huwa kkonkluda li l-konsumaturi jipperċepixxu lill-aġenti tal-proprjetà bħala distinti b’mod ċar mill-banek, mill-istituzzjonijiet finanzjarji u mill-kumpanniji ta’ assigurazzjoni, li joffru prodotti u servizzi differenti li ma humiex sostitwibbli.

34      Il-Bord tal-Appell tal-UASI kkunsidra fl-aħħar nett li għalkemm l-“affarijiet relatati mal-proprjetà immmobbli” jeħtieġu finanzjament, dan ma kienx biżżejjed sabiex juri l-eżistenza ta’ rabta mill-qrib bejniethom u s-“servizzi finanzjarji” u li kellhom, finalment, relazzjonijiet ta’ natura mbiegħda u indiretta. F’dan ir-rigward, huwa ppreċiża li “għalkemm huwa minnu li l-pariri finanzjarji jistgħu jkunu meħtieġa għal ħafna tipi ta’ xiri (pereżempju, ix-xiri ta’ proprjetà jew il-ħolqien ta’ impriża) u li x-xerrejja prudenti jistgħu jfittxu għall-informazzjoni sabiex jiżguraw ix-xiri jew il-ħolqien tal-impriża, dan ma jfissirx li wieħed huwa indispensabbli għall-ieħor jew li l-konsumaturi jaħsbu li r-responsabbiltà tas-servizzi rispettivi taqa’ fuq l-istess fornitur”.

35      Huwa kkonkluda minn dan li s-servizzi ta’ “ġestjoni ta’ proprjetà immobbli kif ukoll medjazzjoni, kiri u kiri fit-tul ta’ proprjetà immobbli (ġestjoni ta’ faċilitajiet); Affarijiet relatati mal-proprjetà immobbli; Servizzi tal-kiri ta’ artijiet agrikoli; Is-servizzi kollha msemmija mhux relatati ma’ servizzi tal-pubblikazzjoni u/jew prodotti ppubblikat” koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienu differenti mis-“servizzi finanzjarji” koperti mit-trade marks preċedenti tar-rikorrenti.

36      Ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord tal-Appell iffoka fuq l-assenza ta’ sostitwibbiltà bejn is-servizzi ta’ ġestjoni u ta’ senserija tal-proprjetà immobbli u s-servizzi finanzjarji, mingħajr ma eżamina l-komplementarjetà tagħhom. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-Bord tal-Appell tal-UASI adotta definizzjoni stretta wisq ta’ servizzi finanzjarji. Hija ssostni, b’mod partikolari, li huwa komuni għall-banek u għall-istituzzjonijiet finanzjarji li joffru proprjetajiet immobbli għall-bejgħ, jew huma stess, jew permezz ta’ sussidjarja. Dan huwa muri mir-reklamar komuni li jsir għal dawn iż-żewġ tipi ta’ servizzi. Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li qies il-Bord tal-Appell UASI, is-“servizzi ta’ ġestjoni tal-proprjetà immobbli u ta’ medjazzjoni” huma relatati mill-qrib mas-“servizzi finanzjarji” u, għaldaqstant, komplimentari.

37      L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

38      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, diġà ġie deċiż, fir-rigward tan-natura, tad-destinazzjoni jew tal-użu tas-servizzi inkwistjoni, li s-servizzi finanzjarji ma għandhomx l-istess natura, l-istess destinazzjoni jew istess użu bħas-servizzi tal-proprjetà immobbli. Fil-fatt, filwaqt li s-servizzi finanzjarji huma pprovduti minn istituzzjonijiet finanzjarji għall-finijiet tal-ġestjoni tar-riżorsi finanzjarji tal-klijenti tagħhom u jikkonsistu, b’mod partikolari, fil-konservazzjoni tal-fondi ddepożitati, f’li jintbagħtu flus, fl-għoti ta’ self jew fi tranżazzjonijiet ta’ natura finanzjarja varji, is-servizzi ta’ proprjetà immobbli jikkonsistu f’servizzi relatati ma’ proprjetà immobbli, jiġifieri, b’mod partikolari, il-kiri, ix-xiri, il-bejgħ jew il-ġestjoni ta’ proprjetà [sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Metropolis Inmobiliarias y Restauraciones vs UASI – MIP Metro (METRO), T‑197/12, EU:T:2013:375, punt 42].

39      Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell tal-UASI ma definixxiex is-“servizzi finanzjarji” koperti mit-trade marks preċedenti b’mod strett wisq.

40      It-tieni nett, għandu jiġi osservat li, kif ġie rrilevat fil-punt 34 iktar ʼil fuq, il-Bord tal-Appell tal-UASI ma kienx limitat għall-eżami tas-sostitwibbiltà tal-“affarijiet relatati mal-proprjetà immobbli” mas-“servizzi finanzjarji”, iżda effettivament wettaq eżami tal-komplementarjetà tagħhom.

41      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, insostenn tal-argumenti dwar il-komplementarjetà tas-servizzi inkwistjoni, ir-rikorrenti sempliċement tallega li l-bejgħ tal-proprjetajiet immobbli huwa servizz li huwa spiss offrut mill-istituzzjonijiet finanzjarji.

42      Issa, kif ġie wkoll deċiż diġà, fir-rigward tal-fatt li s-servizzi inkwistjoni jistgħu jinsabu fl-istess kanali ta’ distribuzzjoni, għandu jiġi kkonstatat li s-servizzi tal-proprjetà immobbli ma humiex, fil-prinċipju, ipprovduti fl-istess postijiet bħas-servizzi finanzjarji (sentenza METRO, punt 38 iktar ʼil fuq, EU:T:2013:375, punt 43).

43      Id-dokumenti prodotti mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva (Anness A5 tar-rikors) ma jikkontradixxux din il-konstatazzjoni sa fejn is-servizzi dwar proprjetà immobbli mwettqa minn istituzzjonijiet finanzjarji huma pprovduti minn fergħat distinti, b’tali mod li l-attivitajiet finanzjarji huma distinti minn attivitajiet eventwali ta’ proprjetà immobbli (sentenza METRO, punt 38 iktar ʼil fuq, EU:T:2013:375, punt 45).

44      Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell tal-UASI ma wettaqx żball meta kkunsidra li s-servizzi ta’ “ġestjoni ta’ proprjetà immobbli kif ukoll medjazzjoni, kiri u kiri fit-tul ta’ proprjetà immobbli (ġestjoni ta’ faċilitajiet); Affarijiet relatati mal-proprjetà immobbli; Servizzi tal-kiri ta’ artijiet agrikoli; Is-servizzi kollha msemmija mhux relatati ma’ servizzi tal-pubblikazzjoni u/jew prodotti ppubblikat” koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienu differenti mis-“servizzi finanzjarji” koperti bit-trade marks preċedenti tar-rikorrenti.

–       Fuq l-assenza ta’ xebh tas-“servizzi ta’ kuntrattur tal-proprjetà immobbli” mas-“servizzi finanzjarji”

45      Fil-punti 19 sa 21 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell tal-UASI qies li s-servizzi ta’ kuntrattur tal-proprjetà immobbli kienu negozji multidimensjonali li jinkludu attivitajiet li jvarjaw mir-rinnovazzjoni tal-proprjetajiet immobbli eżistenti sax-xiri ta’ artijiet vojta u l-bejgħ ta’ artijiet jew qatgħat ta’ art żviluppati minn terzi. Huwa qies ukoll li mill-formulazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja jirriżulta ċar li dawk is-servizzi jikkonċernaw speċifikament impjanti ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni tal-enerġija elettrika u termika li jużaw sorsi ta’ enerġija li tiġġedded.

46      Madankollu, il-Bord tal-Appell tal-UASI kkunsidra li s-servizzi finanzjarji koperti mit-trade marks preċedenti jikkonsisti fil-provvista tas-servizzi kollha għal skopijiet ta’ tfaddil jew għal skopijiet kummerċjali dwar il-wasla, is-self, il-kambju, l-investiment u l-protezzjoni tal-flus, il-ħruġ ta’ karti tal-flus t-twettiq ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji oħra. Il-Bord tal-Appell tal-UASI ppreċiża wkoll li, filwaqt li l-fornituri tas-servizzi koperti mit-trade marks preċedenti setgħu jipprovdu servizzi dwar il-finanzjament u l-proġetti ta’ kostruzzjoni u li ħafna proġetti fis-settur agro-industrijali jiddependu fuq investiment jew assistenza finanzjarja, kien improbabbli ħafna li dawn il-fornituri jipprovdu s-servizzi speċifiċi ta’ imprenditur sa fejn dawn is-servizzi jirrikjedu ħiliet tekniċi speċifiċi jew għarfien speċjalizzat speċjali. Huwa kkonkluda minn dan li s-servizzi inkwistjoni kienu differenti fin-natura tagħhom u fid-destinazzjoni tagħhom.

47      Il-Bord tal-Appell tal-UASI kkunsidra barra minn hekk li s-servizzi inkwistjoni kienu jaqgħu f’żewġ setturi differenti: jiġifieri s-settur tal-proprjetà immobbli, minn naħa waħda, u s-settur finanzjarju, min-naħa l-oħra, u li għaldaqstant ma jistgħux ikunu pprovduti mill-istess impriża jew minn impriżi relatati u huma ma jaqsmux l-istess kanali ta’ distribuzzjoni.

48      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li hemm xebh bejn is-servizzi ta’ kuntrattur ta’ proprjetà immobbli koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u s-servizzi finanzjarji koperti mit-trade marks preċedenti tar-rikorrenti.

49      Fil-fatt, skontha, is-servizzi ta’ kuntrattur ta’ proprjetà immobbli koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jinkludu attività ta’ marketing li hija sovraposta mas-servizzi finanzjarji, bħal dawk koperti mit-trade marks preċedenti tar-rikorrent. Dan jirriżulta mill-prattika ta’ kuntratturi ta’ proprjetà immobbli, li n-negozju tagħhom jinvolvi t-tiftix ta’ finanzjament u li spiss ikun jipprovdu lill-klijenti tagħhom pariri dwar il-finanzjament ta’ proġetti ta’ proprjetà immobbli.

50      Fi kwalunkwe każ, is-servizzi koperti mit-trade marks kunfliġġenti għandhom għall-inqas rabta mill-qrib ta’ komplementarjetà, kif muri mill-fatt li l-impriżi ta’ servizzi finanzjarji jwettqu, huma stess jew permezz ta’ sussidjarji, negozju ta’ medjazzjoni ta’ proprjetà immobbli, bħall-formulazzjoni stess tan-nota ta’ spjegazzjoni dwar il-klassi 36.

51      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-UASI, is-servizzi ta’ kuntrattur ta’ proprjetà immobbli bħal dawk koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma humiex limitati għall-qasam biss ta’ “impjanti għall-produzzjoni u d- distribuzzjoni ta’ enerġija elettrika u termika minn sorsi ta’ enerġija li tiġġedded”. Ir-rikorrenti żżid li, fi kwalunkwe każ, tali restrizzjoni ma jkollha ebda effett fuq l-eżistenza ta’ xebh bejn is-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u dawk koperti mit-trade mark preċedenti AGRICAPITAL sa fejn dawn l-imsemmija servizzi jippermettu, bl-istess mod, li jipprovdu proprjetajiet immobbli li fuqhom impjanti ta’ produzzjoni tal-enerġija minn sorsi li jiġġeddu jistgħu jinbnew u joperaw.

52      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

53      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, kif il-Bord tal-Appell tal-UASI indika korrettement, is-servizzi ta’ kuntrattur ta’ proprjetà immobbli jinkludu diversi attivitajiet li jvarjaw mir-rinnovazzjoni tal-bini eżistenti għax-xiri ta’ artijiet vojta u l-bejgħ ta’ artijiet jew qatgħat ta’ art żviluppati minn terzi.

54      Din l-attività timplika, kif issostni r-rikorrenti, it-tfittxija ta’ finanzjament mill-kuntrattur ta’ proprjetà immobbli għall-akkwist ta’ bini jew ta’ artijiet. Madankollu, it-tfittxija ta’ dan il-finanzjament ma jistax jiġi kkunsidrat bħala servizz finanzjarju pprovdut direttament mill-kuntrattur ta’ proprjetà immobbli lill-klijenti tiegħu, ekwivalenti għal negozju ta’ senserija. Fil-fatt, it-tfittxija ta’ finanzjament mill-kuntrattur ta’ proprjetà immobbli tippermetti biss lil dan tal-aħħar li jbati, inizjalment, l-ispiża tax-xiri tal-binjiet li għandhom jiġu rrinovati jew tal-artijiet li għandhom jiġi żviluppati, qabel ma jista’, sussegwentement, jgħaddi din l-ispiża lill-klijenti tiegħu li lihom ser ibiegħ il-proprjetà immobbli li nbena fil-kuntest ta’ programm ta’ kostruzzjoni jew ta’ rinovazzjoni.

55      Għalkemm, kif allegat mir-rikorrenti, huwa komuni li l-kuntratturi ta’ proprjetà immobbli joffru lill-klijenti tagħhom pariri dwar il-finanzjament tax-xiri tagħhom fil-kuntest tal-marketing ta’ programmi ta’ proprjetà immobbli, tali pariri ma jistgħux iktar jiġu analizzati bħala pariri finanzjarji, bħal dawk koperti mit-trade marks preċedenti tar-rikorrenti. Tali pariri fil-fatt jistgħu fil-fatt jiġu mqabbla ma’ dawk ta’ kull bejjiegħ ta’ proprjetà ta’ ċerta valur, bħal, pereżempju, dgħajsa, avvjament, jew opra tal-arti, jista’ jagħti lill-klijenti tiegħu fir-rigward tal-interess finanzjarju li huma jistgħu jakkwistaw sabiex jakkwistaw din il-proprjetà inkwistjoni. Il-bejjiegħ li jagħti tali pariri għaldaqstant ma joffrix servizz finanzjarju.

56      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-provi prodotti mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva insostenn tal-affermazzjoni jikkonsistu f’kopji ta’ paġni mill-internet ta’ kumpannija ta’ investiment li tispeċjalizza fil-proprjetà immobbli, ta’ sensar fi kreditu ta’ proprjetà immobbli u ta’ kumpannija ta’ kreditu ta’ proprjetà immobbli, mingħajr ebda rabta mas-servizzi ta’ kuntrattur ta’ proprjetà immobbli (Anness A4 tar-rikors).

57      Għandha wkoll tiġi miċħuda t-teżi tar-rikorrenti relatata mal-eżistenza ta’ rabta’ ta’ komplimentarjetà stretta bejn is-servizzi koperti mit-trade marks kunfliġġenti.

58      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, il-prodotti jew is-servizzi komplementari huma dawk li bejniethom teżisti rabta mill-qrib, fis-sens li wieħed ikun indispensabbli jew importanti għall-użu tal-ieħor, b’tali mod li l-konsumaturi jistgħu jaħsbu li l-istess impriża hija responsabbli għall-manifattura ta’ dawn il-prodotti jew għall-provvista ta’ dawn is-servizzi [ara s-sentenza tad-9 ta’ April 2014, Comsa vs UASI – COMSA (COMSA), T‑144/12, EU:T:2014:197, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata].

59      Dan jimplika li s-servizzi komplementari jistgħu jintużaw flimkien, li jippreżupponi li huma indirizzati lill-istess pubbliku [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, Hand Held Products vs UASI – Orange Brand Services (DOLPHIN), T‑361/11, EU:T:2012:377, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata].

60      F’dan il-każ, is-servizzi ta’ kuntrattur ta’ proprjetà immobbli, koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, u s-servizzi finanzjarji, koperti mit-trade marks preċedenti tar-rikorrenti, huma indirizzati għall-konsumatur medju fit-territorju tal-Unjoni u jistgħu jintużaw flimkien minn dan il-konsumatur.

61      Barra minn hekk, ma hemm l-ebda dubju li, fid-dawl tal-ammont kbir ta’ flus li b’mod ġenerali involuti fit-tranżazzjonijiet ta’ proprjetà immobbli, is-servizzi finanzjarji huma importanti għall-konsumatur medju mill-perspettiva tal-użu ta’ servizzi ta’ kuntrattur ta’ proprjetà immobbli. Madankollu, għandu jiġi osservat li, f’ekonomija tas-suq, ħafna negozji għandhom ħtieġa ta’ finanzjament jew ta’ investiment, hekk li s-servizzi finanzjarji jistgħu, minnhom infushom, jiġu assoċjati mal-maġġoranza ta’ dawn l-attivitajiet u mhux biss mal-attivitajiet ta’ kuntrattur ta’ proprjetà immobbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza METRO, punt 38 iktar ʼil fuq, EU:T:2013:375, punti 47 sa 49).

62      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-rabta bejn is-servizzi ta’ kuntrattur ta’ proprjetà immobbli u s-servizzi finanzjarji ma hijiex, fiha nnifisha, qrib biżżejjed sabiex twassal lill-pubbliku rilevanti, jiġifieri, f’dan il-każ, konsumatur medju, li jista’ juri livell partikolarment għoli ta’ attenzjoni, meta jitqies li l-provvista ta’ dawn is-servizzi hija tal-istess impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza METRO, punt 38 iktar ʼil fuq, EU:T:2013:375, punt 50).

63      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi ddubitata mill-argument tar-rikorrenti li s-servizzi ta’ kuntrattur ta’ proprjetà immobbli ser ikunu pprovduti permezz tal-istess kanali ta’ distribuzzjoni bħas-servizzi finanzjarji koperti mit-trade marks preċedenti. Għandu jiġi kkonstatat li s-servizzi pprovduti minn żviluppatur tal-proprjetà immobbli ma humiex, fil-prinċipju, ipprovduti fl-istess postijiet bħas-servizzi finanzjarji. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li d-dokumenti prodotti mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi insostenn ta’ din it-teżi ma jirrigwardawx in-negozju ta’ kuntrattur ta’ proprjetà immobbli (Anness A5 ta-rikors).

64      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tar-rikorrenti li r-rabta mill-qrib ta’ komplementarjetà bejn is-servizzi ta’ imprenditur fis-settur tal-proprjetà immobbli u s-servizzi finanzjarji jirriżultaw min-nota ta’ spjegazzjoni marbuta mal-klassi 36. Fil-fatt, is-sempliċi qari tan-nota ta’ spjega marbuta mal-klassi 36 jippermetti li tikkonstata li għalkemm is-servizzi ta’ “kiri bi kreditu ta’ proprjetà immobbli” u s-“servizzi ta’ amministraturi ta’ propjetà immobbli, jiġifieri s-servizzi ta’ kiri, ta’ evalwazzjoni ta’ proprjetà immobbli jew ta’ min jagħti flus” huma effettivament parti mill-klassi 36, dawn huma sub-kategoriji separati minn dawk ta’ “servizzi relatati mal-affarijiet finanzjarji jew monetarji” li jinkludi, b’mod partikolari, is-“servizzi tal-istituzjonijiet kollha abbilimenti bankarji, jew istituzzjonijiet konnessi magħhom”, is-“servizzi ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu minbarra l-banek” u s-“servizzi ta’ sensar fi flus u fi proprjetajiet”, hekk li n-nota ta’ spjega marbuta mal-klassi 36 ma hijiex tali li tista’ tistabbilixxi rabta mill-qrib bejn is-servizzi finanzjarji koperti mit-trade marks preċedenti u s-servizzi ta’ kuntrattur ta’ proprjetà immobbli koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

65      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont il-paragrafu 4 tar-Regola 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), “[i]l-klassifika ta’ prodotti u servizzi għandha sservi esklussivament għal għanijiet amministrattivi” u li għalhekk “prodotti u servizzi ma jistgħux jiġu meqjusa li huma simili għal xulxin minħabba li jidhru fl-istess klassi taħt il-Klassifikazzjoni NICE, u prodotti u servizzi ma jistgħux jiġu meqjusa li ma għandhomx x’jaqsmu ma’ xulxin minħabba li jidhru fi klassijiet differenti taħt il-Klassifikazzjoni NICE”.

66      Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell ma wettaq ebda żball meta kkunsidra li s-servizzi ta’ kuntrattur ta’ proprjetà immobbli koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienu, min-natura tagħhom, differenti mis-servizzi finanzjarji koperti mit-trade marks preċedenti tar-rikorrenti.

67      Fir-rigward ta’ din il-konstatazzjoni, ma hemmx lok li jiġi eżaminat l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq limitazzjoni żbaljata tad-destinazzjoni tas-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

–       Fuq l-assenza ta’ xebh tas-“servizzi ta’ kuntrattur tal-proprjetà immobbli” mas-“servizzi finanzjarji”

68      Ir-rikorrenti ssostni li l-kunċetti ta’ “żvilupp ta’ kunċetti ta’ użu” huma tant qrib “servizzi finanzjarji” daqs “servizzi ta’ kuntratturi tal-proprjetà immobbli” sa fejn, skontha, l-iżvilupp u l-ġestjoni tal-proprjetajiet immobbli huma ż-żewġt uċuh tal-istess attività, li jeħtieġu, wieħed bħall-ieħor, pariri finanzjarji u soluzzjonijiet ta’ finanzjament. Għaldaqstant hija sempliċement tirreferi għall-argumenti li għamlet fuq il-xebh bejn is-servizzi ta’ kuntrattur tal-proprjetà immobbli u s-“servizzi finanzjarji”.

69      Issa, peress li dawn l-aħħar argumenti diġà ġew miċħuda fil-punti 38 sa 43 iktar ʼil fuq, il-Qorti Ġenerali tista’ biss tikkonstata, fl-assenza ta’ argumenti speċifiċi dwar is-servizzi ta’ “żvilupp ta’ kunċetti ta’ użu” li r-rikorrenti naqset milli turi li l-Bord tal-Appell tal-UASI żbalja meta kkonkluda li hemm l-assenza ta’ xebh bejn dawn is-servizzi u s-“servizzi finanzjarji” koperti mit-trade marks preċedenti tar-rikorrenti.

70      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell tal-UASI ma wettaqx żball meta kkunsidra li s-servizzi koperti mit-trade marks preċedenti tar-rikorrenti ma kinux simili għas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark AGRI.CAPITAL.

 Fuq in-natura distintiva ta’ trade marks preċedenti tar-rikorrenti u tax-xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti

71      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell tal-UASI ikkonkluda li wieħed mill-kriterji għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, jiġifieri x-xebh bejn is-servizzi kien nieqes u li, konsegwentement, ma setax ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni, u dan, mingħajr ma tiġi eżaminata n-natura distintiva tat-trade marks preċedenti jew ix-xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti.

72      Ir-rikorrenti ssostni li kwalunkwe differenza bejn is-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade marks preċedenti tista’ tiġi kkumpensata, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni ġenerali, bil-grad għoli ħafna ta’ xebh viżiv u l-identiċità fonetika bejn dawn it-trade marks, b’tali mod li, kuntrarjament għal dak li l-Bord tal-Appell tal-UASI kkunsidra, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

73      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

74      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, kif tfakkar fil-punt 24 iktar ʼil fuq, skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fil-moħħ tal-pubbliku fit-territorju li fuqu t-trade mark preċedenti hija protetta għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi kumulattivi, jiġifieri x-xebh jew l-identiċità tal-marki fuq naħa waħda, u x-xebh jew l-identiċità tal-prodotti jew tas-servizzi koperti rispettivament mill-imsemmija trade marks, min-naħa l-oħra.

75      Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak sostnut mir-rikorrenti, l-assenza ta’ xebh bejn is-servizzi koperti mit-trade marks preċedenti tagħha u dawk li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark AGRI.CAPITAL, ikkonstatata fil-punt 70 iktar ʼil fuq, ma tistax tkun ikkumpensata, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, bix-xebh, għalkemm ta’ livell għoli, bejn it-trade marks kunfliġġenti (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad-9 ta’ Marzu 2007, Alecansan vs UASI, C‑196/06 P, EU:C:2007:159, punti 24 sa 26).

76      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Bord tal-Appelltal-UASI ma wettaqx żball meta ikkonkluda li, fid-dawl tal-assenza ta’ xebh bejn is-servizzi koperti mit-trade marks kunfliġġenti, wieħed mill-kriterji għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 kien nieqes u li, konsegwentement, ma setax ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn l-imsemmija trade marks.

77      Minn dan isegwi li l-motiv uniku tar-rikorrenti huwa infondat u li, għaldaqstant, ir-rikors għandu jkun miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

78      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r‑rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi ordnata tbati, minbarra l‑ispejjeż rispettivi tagħha, l‑ispejjeż tal‑UASI u tal-intervenjenti, kif mitlub minn dawn il-partijiet.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      AgriCapital Corp. hija kkundannata għall-ispejjeż.

Gratsias

Kancheva

Wetter

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ Ġunju 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.